EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0010

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Evalwazzjoni ex-post tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura għall-2012 (Guimarães u Maribor)

/* COM/2014/010 final */

52014DC0010

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Evalwazzjoni ex-post tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura għall-2012 (Guimarães u Maribor) /* COM/2014/010 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Evalwazzjoni ex-post tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura għall-2012 (Guimarães u Maribor)

1.           Introduzzjoni

Dan ir-rapport huwa ppreżentat skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE[1], li jeħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura kull sena l-evalwazzjoni esterna u indipendenti tar-riżultati tal-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura tas-sena ta’ qabel, u tħejji rapport dwar dik l-evalwazzjoni lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE sa tmiem is-sena ta’ wara.

Dan ir-rapport jippreżenta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-konklużjoniijiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-evalwazzjoni esterna tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura għall-2012[2]. It-test sħiħ tal-evalwazzjoni, li joffri evidenza kwantitattiva u kwalitattiva dwar id-diversi punti ta’ dan ir-rapport, jista’ jinkiseb minn:

http://ec.europa.eu/culture/our-programmes-and-actions/capitals/evaluation-commissioned-by-the-eu_en.htm

L-evalwazzjoni esterna l-ewwel evalwat individwalment iż-żewġ Kapitali Ewropej tal-Kultura għall-2012 (minn hawn ’il quddiem “ECOC”): Guimarães u Maribor. Wara din l-evalwazzjoni individwali, qabblet is-sejbiet u tat konklużjonijiet validi kemm għall-ibliet kif ukoll għall-Azzjoni tal-ECOC.

2.           Sfond għall-azzjoni

2.1.        L-azzjoni tal-UE għall-avveniment tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura

L-iskema inizjali tal-“Belt Ewropea tal-Kultura” tnediet fil-livell intergovernattiv fl-1985[3]. Abbażi ta’ din l-esperjenza, id-Deċiżjoni 1419/1999/KE stabbilixxiet Azzjoni Komunitarja għall-avveniment ECOC għas-snin 2005 sal-2019[4]. L-Istati Membri ġew ikklassifikati f’ordni kronoloġiku għad-dritt li jospitaw l-avveniment kull sena. Il-pajjiżi li ngħataw permess jospitaw l-avveniment għal sena partikolari kienu mistennija jippreżentaw l-ibliet u jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom, inklużi l-programmi kulturali tagħhom għal dik is-sena lil Bord Ewropew tal-Għażla li rrakkomanda l-ħatra tagħhom lill-Kummissjoni. Il-Kunsill tal-Ministri ħatar b’mod formali lill-ECOC.

Fl-1 ta’ Jannar 2007, id-Deċiżjoni 1419/1999/KE ġiet sostitwita bid-Deċiżjoni 1622/2006/KE li rfinat l-objettivi, introduċiet kompetizzjoni nazzjonali bbażata fuq żewġ stadji, u proċess ta’ monitoraġġ għat-titli tal-2013 ’il quddiem. Id-Deċiżjoni l-ġdida introduċiet laqgħat ta’ monitoraġġ wara l-ħatra, li tispiċċa bil-Bord jagħmel rakkomandazzjoni dwar l-għoti ta’ premju f’ġieħ Melina Mercouri lill-Kapitali, sakemm l-ibliet magħżula jkunu ssodisfaw il-kriterji stipulati fid-Deċiżjoni 1622/2006/KE u jkunu implimentaw ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Bordijiet konsultattivi u tal-Għażla u l-Monitoraġġ. L-appoġġ finanzjarju tal-UE jingħata mill-Programm Kulturali tal-UE. Għall-2007-13, iqiegħed għad-dispożizzjoni massimu ta’ EUR 1.5 miljun kull sena għall-ECOC. L-ibliet kollha magħżula sat-titlu tal-2010 ġew sottomessi għall-fażi ta’ monitoraġġ kif iddefinit fid-Deċiżjoni 1622/2006/KE.

2.2.        Bliet Ewropej tal-Kultura għall-2012

Il-Portugall u s-Slovenja ngħataw id-dritt li jospitaw l-ECOC fl-2012 abbażi tad-Deċiżjoni tal-2006, b’dispożizzjonijiet transitorji stabbiliti fl-Artikolu 14 ta’ din id-Deċiżjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-għażla u l-ħatra.

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tal-2006 tiddikjara b’mod speċifiku li għat-titli tal-2010, l-2011 u l-2012, id-Deċiżjoni tal-1999 tapplika biss fir-rigward tal-kriterji relatati mal-programmi kulturali, sakemm l-ibliet ma jagħżlux li jibbażaw il-programmi tagħhom fuq il-kriterji tad-Deċiżjoni tal-2006. Fir-rigward tal-kofinanzjament u l-monitoraġġ, il-proċessi l-ġodda stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-2006 japplikaw mit-titli tal-ECOC tal-2010.

Id-Deċiżjoni tal-2006 introduċiet b’mod partikolari mekkaniżmu ta’ finanzjament tal-UE ġdid għall-ECOC li jieħu l-forma tal-“Premju Melina Mercouri”, li għandu jingħata lill-ibliet magħżula qabel il-bidu tas-sena, abbażi tar-rapporti pprovduti mill-Bord konsulattiv u tal-Monitoraġġ, li r-rwol tiegħu huwa li jipprovdi lill-ibliet bl-appoġġ u l-gwida mill-jum tal-ħatra tagħhom sakemm tasal is-sena tat-titlu, sabiex jingħata kas ta u jiġu vvalutati l-preparazzjonijiet tagħhom u biex jiġi vverifikat li l-impenji tagħhom huma sodisfatti. Dan il-Premju ngħata għall-ewwel darba għat-titli tal-2010 u reġa’ ngħata għat-titli tal-2011 u tal-2012.

F’konformità mad-dispożizzjonijiet transitorji tad-Deċiżjoni 1622/2006/KE, il-Gvern tal-Portugall fl-2007 iddeċieda li jirrakkomanda lil Guimarães biex tospita t-titlu tal-ECOC fl-2012 mingħajr ma jorganizza kompetizzjoni nazzjonali. Il-Gvern tas-Slovenja ddeċieda li jorganizza kompetizzjoni nazzjonali biex jagħżel il-belt ospitanti abbażi ta’ sejħa miftuħa għall-applikazzjonijiet li saret fl-2006 fejn ħadu sehem 4 ibliet u abbażi ta’ dan irrakkomanda l-belt ta’ Maribor flimkien ma’ ħamest ibliet imsieħba oħra. Madankollu, skont l-evalwazzjoni esterna, hemm nuqqas ta’ qbil fost il-partijiet interessati kkonsultati dwar jekk il-proċess ta’ għażla twettaqx bl-aktar mod xieraq jew trasparenti.

Fir-rapport tiegħu ta’ Novembru 2008, il-Bord tal-Għażla rrakkomanda li dawn iż-żewġt ibliet jospitaw l-ECOC fl-2012 filwaqt li jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu biex jgħin lill-ibliet jilħqu l-objettivi tagħhom. F’Mejju 2009, il-Kunsill tal-UE formalment ta titlu tal-ECOC tal-2012 lil Guimarães u Maribor. Fir-rapport tiegħu ta’ Mejju 2011, il-Bord konsulattiv u tal-Monitoraġġ irrakkomanda li l-Premju Melina Mercouri jingħata lil Guimarães u Maribor[5].

3.           L-evalwazzjoni esterna

3.1.        It-termini tal-evalwazzjoni

L-evalwazzjoni kellha l-għan li tivvaluta r-rilevanza, l-effiċjenza, l-effikaċja u s-sostenibbiltà probabbli u l-patrimonju ta’ dawn l-ECOC meta mqabbla mal-objettivi tal-Azzjoni u meta mqabbla ma’ dawk l-objettivi stabbiliti mill-ECOC stess fl-applikazzjonijiet tagħhom u matul il-fażi ta’ implimentazzjoni. L-evalwazzjoni tikkunsidra wkoll ir-rilevanza, l-effiċjenza, l-effikaċja u s-sostenibbiltà tal-azzjoni tal-ECOC kollha kemm hi.

3.2.        Metodoloġija

L-evalwazzjoni kienet titlob li jintuża l-istess mudell bħal fl-evalwazzjonijiet tal-2007-11 biex matul iż-żmien tiġi pprovduta dejta komparabbli. Għadd ta’ kriterji u indikaturi ewlenin, marbuta mal-ġerarkija ta’ objettivi globali ta’ livell għoli tal-azzjoni u l-objettivi speċifiċi u operattivi tagħha, kienu osservati u mkejla kull meta kien possibbli.

Iż-żewġt ibliet l-ewwel ġew evalwati individwalment, abbażi tad-dejta primarja miġbura matul il-fieldwork jew ipprovduta minn kull ECOC, kif ukoll l-analiżi ta’ firxa ta’ sorsi ta’ dejta sekondarji. Is-sorsi ta’ dejta primarja jinkludu intervisti kwalitattivi mwettqa matul iż-żewġ żjarat f’kull belt kif ukoll bit-telefown. Dawn l-intervisti fittxew li jiksbu varjetà ta’ perspettivi dwar kull ECOC, inkluż dawk dwar it-timijiet ta’ ġestjoni, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell lokali u livell nazzjonali, flimkien ma’ operaturi kulturali ewlenin u firxa ta’ msieħba involuti fit-twassil tal-ECOC. Barra minn hekk, dawk responsabbli għall-proġetti tal-ECOC kienu mistiedna jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni permezz ta’ stħarriġ online. Is-sorsi ta’ dejta sekondarji jinkludu informazzjoni fl-applikazzjonijiet oriġinali tal-ECOC; studji u rapporti kkummissjonati mill-ECOC; programmi ta’ avvenimenti, materjali promozzjonali u websajts; dejta statistika dwar il-kultura u t-turiżmu; u dejta kwantitattiva fornuta mill-ECOC dwar il-finanzjament, l-attivitajiet, l-eżiti u r-riżultati.

Sussegwentement reviżjoni komparattiva kkunsidrat il-konkużjonijiet li ħarġu minn Guimarães u Maribor, fejn tqabblu l-approċċi kontrastanti, kif ukoll ġew identifikati t-temi u s-sejbiet ewlenin għall-azzjoni tal-ECOC kollha kemm hi.

4.           Is-sejbiet tal-evalwatur

4.1.        Ir-rilevanza tal-azzjoni tal-ECOC

L-evalwazzjoni tikkunsidra li l-azzjoni tal-ECOC tibqa’ ta’ importanza kbira u ta’ rilevanza sinifikanti għat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 167, billi tikkontribwixxi għall-affjorixxament tal-kulturi tal-Istati Membri, tenfasizza l-wirt kulturali komuni kif ukoll id-diversità kulturali u żżid il-kooperazzjoni kulturali bejn l-Istati Membri u fil-livell internazzjonali.

L-azzjoni tal-ECOC tibqa’ kumplimentari għall-inizjattivi kulturali l-oħrajn tal-UE, speċjalment il-Programm Kulturali għall-2007-2013 u l-Programm MEDIA (u s-suċċessur tagħhom taħt il-Programm propost Ewropa Kreattiva). Fuq kollox, tikkontribwixxi wkoll għall-ilħuq tal-objettivi stabbiliti fl-Aġenda Ewropea għall-Kultura permezz tal-promozzjoni tad-diversità kulturali, l-iżvilupp ta’ rabtiet kulturali internazzjonali u li jingħata aktar importanza lir-rwol tal-kultura fl-iżvilupp għal żmien twil tal-ibliet Ewropej. Barra minn hekk, l-azzjoni tal-ECOC tikkumplimenta programmi Ewropej oħrajn speċjalment f’oqsma bħaż-żgħażagħ, iċ-ċittadinanza, l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-iżvilupp reġjonali.

4.2.        Ir-rilevanza tal-ECOC tal-2012

L-evalwazzjoni tikkunsidra l-motivazzjoni tal-ibliet meta jipproponu li jsiru ECOC u r-rilevanza tal-objettivi tagħhom fir-rigward tal-objettivi tal-azzjoni u tal-Artikolu 167. Studjat ukoll il-proċess li permezz tiegħu, il-motivazzjoni tal-ECOC tal-2012 ġiet ikkonvertita f’sett ta’ objettivi u l-bidliet f’dawk l-objettivi matul il-fażi ta’ żvilupp.

L-evalwazzjoni tqis li ż-żewġ ECOC tal-2012 iħaddnu l-objettivi tal-azzjoni u adattawhom skont il-kuntesti u l-prijoritajiet partikolari tagħhom stess. L-objettivi u l-attivitajiet implimentati miż-żewġ ECOC kienu rilevanti għall-objettivi ewlenin fil-livell tal-UE. Iż-żewġ ECOC ippjanaw programmi kulturali u attivitajiet assoċjati differenti (eż. komunikazzjoni, volontarjat, eċċ) rilevanti għall-objettivi fil-livell tal-UE bħat-trawwim tal-kooperazzjoni bejn l-operaturi kulturali, il-promozzjoni tad-diversità tal-kulturi Ewropej u l-enfasizzar tal-karatteristiċi komuni li jikkondividu, it-trawwim tal-kontribuzzjoni tal-kultura għall-iżvilupp għal żmien twil tal-ibliet, l-appoġġ tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-ibliet, it-trawwim tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, it-tisħiħ tal-firxa, id-diversità u d-dimensjoni Ewropea tal-offerta kulturali fl-ibliet, it-twessigħ tal-aċċess għall-kultura u l-parteċipazzjoni fiha, it-tisħiħ tal-kapaċità tas-settur kulturali u t-titjib tal-profil internazzjonali tal-ibliet.

4.3.        Effiċjenza tal-governanza u l-ġestjoni tal-kapaċità ta’ twassil

L-evalwazzjoni kkunsidrat il-kapaċità ta’ twassil u l-effiċjenza tal-governanza u l-ġestjoni tal-ECOC, inkluż il-mudelli organizzattivi tagħhom, il-proċessi għall-għażla u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet u l-avvenimenti kulturali, il-komunikazzjoni u l-promozzjonijiet, u l-proċessi biex jinkiseb finanzjament.

B’mod simili għall-evalwazzjoni tal-ECOC tal-2007 sal-2011, l-evalwazzjoni tal-ECOC tal-2012 tenfasizza li huwa essenzjali iżda li jista’ jkun ta’ sfida li tiġi stabbilita struttura organizzattiva xierqa u jinbena tim bil-ħiliet xierqa biex jiġi implimentat il-programm kulturali. Din teħtieġ sett usa’ ta’ ħiliet u b’hekk struttura differenti mit-tim li jkun ipprepara l-applikazzjoni oriġinali. Hemm ukoll ħtieġa li jiġu bbilanċjati l-interessi artistiċi u politiċi u li jiġi żgurat li kwalunkwe mekkaniżmu ta’ twassil jiġi milqugħ mill-partijiet interessati eżistenti bħala msieħeb kooperattiv. Ġeneralment hija rrakkomandata struttura ġdida u indipendenti, waħda li hija adattata għall-kuntest politiku u kulturali tal-belt.

Il-Fondazzjoni Guimarães City kienet stabbilita minn organizzazzjoni ġdida mill-Ministru tal-Kultura u l-Kunsill Muniċipali ta’ Guimarães fl-2009. Il-governanza u l-ġestjoni tal-ECOC kienet ikkondiviża; il-Fondazzjoni kienet responsabbli għall-iżvilupp tal-viżjoni, il-komunikazzjoni u l-ġestjoni ġenerali, filwaqt li organizzazzjoni diġà eżistenti, A Oficina kienet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm kulturali nnifsu. Barra minn hekk, parti minnhom mill-programm, Intersecting Times, kienet ġestita u prodotta b’mod indipendenti minn konsorzju ta’ assoċjazzjonijiet lokali. L-evalwaturi jinnotaw li minkejja li kien hemm xi diffikultajiet matul il-fażi ta’ żvilupp, l-istrutturi ta’ ġestjoni u governanza ħadmu relatattivament tajjeb matul is-sena tat-titlu. Jidher li l-viżjoni ġenerali, l-objettivi u l-prinċipji ta’ programmazzjoni għal Guimarães 2012 ma nbidlux b’mod sinifikanti bejn il-fażi ta’ applikazzjoni u l-implimentazzjoni tas-sena tat-titlu. L-appoġġ politiku b’saħħtu li rċeviet Guimarães 2012 mill-amministrazzjoni tal-belt ikkontribwixxa wkoll b’mod sinifikanti għas-suċċess tagħha. Dan kien rifless fl-impenn għall-proġetti tal-infrastruttura kulturali, l-appoġġ u l-kooperazzjoni mill-qrib għat-tim ta’ ġestjoni u l-appoġġ sinifikanti għat-twassil tal-proġetti kulturali. L-ECOC kien ikkunsidrat bħala proġett strateġiku mill-amministrazzjoni tal-belt u sar sforz sinifikanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tiegħu.

F’Maribor, in-nuqqas ta’ sħubija formali jew governanza lokali b’saħħitha (fil-kuntest ta’ diversi bidliet fil-Gvern) ħoloq sitwazzjoni problematika matul il-fażijiet kollha ta’ żvilupp u implimentazzjoni. Il-fażi ta’ żvilupp kienet ġestita minn segretarjat provviżorju mwaqqaf mill-muniċipalità. Ladarba l-infrastruttura tat-twassil finali kienet fis-seħħ, fi żmien pjuttost qasir ġie rreklutat tim li, skont l-evalwaturi, kellu jaħdem mill-bidu nett. L-evalwazzjoni tenfasizza għadd ta’ fatturi ta’ suċċess fl-approċċ tal-aġenzija tat-twassil għall-implimentazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta’ kunċett ġdid u koerenti għall-programm, il-konsultazzjoni estensiva mal-imsieħba, l-operaturi u l-artisti, iżda anki l-mod li bih il-Bord u l-maniġment ġenerali appoġġjaw il-persunal u setgħu jipproteġu l-awtonomija tagħhom mill-interferenza esterna. L-ECOC jibnu gradwalment l-appoġġ miċ-ċittadini, l-imsieħba fil-midja u partijiet oħra interessati. Madankollu, ħafna mit-titjib ippjanat fl-infrastruttura ma seħħx, u dan illimita b’mod qawwi l-firxa ta’ postijiet u xi drabi kien ifisser li l-attivitajiet ippjanati ma setgħux jiġu implimentanti. F’ċerti punti kien hemm periklu reali li l-proġett sħiħ ikun mhedded mill-kunflitti fuq l-istrutturi istituzzjonali, l-impenji ta’ finanzjament u l-problemi fl-infrastruttura.

L-esperjenza tal-2012, bħall-evalwazzjonijiet preċedenti, tenfasizza l-isfidi sinifikanti li jinħolqu mill-governanza u l-ġestjoni tal-ECOC u r-rwol tal-influwenzi politiċi, l-inċertezza organizzata u l-fatturat tal-persunal. Dan probabbilment huwa inevitabbli minħabba n-natura u l-iskeda ta’ żmien tal-ECOC, iżda l-2012 enfasizzat ukoll l-importanza tal-belt u awtoritajiet oħra li jipprovdu appoġġ konsistenti u li juru sostenn u impenn b’saħħtu biex b’hekk kwalunkwe diffikultà tkun tista’ tiġi identifikata malajr u indirizzata.

Fil-livell Ewropew, l-azzjoni tal-ECOC baqgħet kosteffiċjenti ħafna meta mqabbla ma’ strumenti u mekkaniżmi politiċi oħra tal-UE, fid-dawl tal-finanzjament baxx ħafna tal-UE li huwa disponibbli mill-Premju Melina Mercouri. Minkejja li l-Premju jirrappreżenta proporzjon relattivament baxx mill-baġits globali tal-ECOC għaż-żewġt ibliet, l-isfidi finanzjarji li jiltaqgħu magħhom kull waħda minnhom kien ifisser li kien apprezzat ħafna f’kull każ. Barra minn hekk, il-Premju għandu valur simboliku b’saħħtu u jirrikonoxxi l-progress li sar mill-ibliet matul il-fażi ta’ żvilupp.

4.4.        L-effikaċja fl-iżvilupp tal-attivitajiet kulturali u l-kontenut kulturali u artistiku

L-evalwazzjoni tikkunsidra li l-ECOC tal-2012 kienu ta’ suċċess kemm fl-implimentazzjoni tal-programmi kulturali li kienu aktar estensivi, innovattivi u internazzjonali (eż. f’termini ta’ temi, artisti u udjenzi) milli l-offerta kulturali tas-soltu f’kull belt. Esploraw temi ġodda, enfasizzaw r-rikkezza u d-diversità ta’ kull offerta kulturali li għamlu, postijiet ġodda jew mhux tas-soltu użati u laħqu ċ-ċittadini.

Maribor 2012 implimentat programm kulturali estensiv u innovattiv, inkluż attivitajiet kompletament ġodda b’enfażi b’saħħitha fuq il-forom ta’ espressjoni kreattiva u ħidma interdixxplinarja kif ukoll approċċ kollaborattiv, parteċipatorju ħafna li jlaqqa’ flimkien l-operaturi internazzjonali mal-organizzazzjonijiet, l-artisti u ċ-ċittadini lokali.

Ħafna mill-attivitajiet inbnew madwar koproduzzjonijiet u kollaborazzjonijiet. L-użu b’suċċess ta’ Maribor 2012 tal-koproduzzjonijiet kien inparti konsegwenza tan-nuqqas ta’ riżorsi u ħin disponibbli biex jiġi żviluppat programm kulturali komprensiv internament. Madankollu, irnexxielhom jiżnu r-riżorsi u l-għarfien espert tal-imsieħba esterni (pereżempju l-Ambaxxati Kulturali li jinvolvu 80 organizzazzjoni minn 31 pajjiż), filwaqt li jiżguraw li l-attivitajiet implimentanti kienu konsisteni mal-objettivi tagħhom u tal-livell tal-UE għall-ECOC.

Il-programm finali kienet riorganizzazzjoni aktar koerenti u strutturata tal-kunċett oriġinali. Jinkludi, fil-qosor, mijiet ta’ proġetti u udjenza totali stmata ta’ 3.1 miljun fl-2012 (u 4.5 miljun b’mod globali). Dan jirrappreżenta żieda sinifikanti kemm fl-iskala u t-tip ta’ attivitajiet li huma ġeneralment disponibbli għaċ-ċittadini ta’ Maribor. Skont l-evalwazzjoni, ħafna mill-partijiet interessati kkummentaw li l-programm jinkludi bilanċ sodisfaċenti bejn il-kultura ta’ livell għoli u dik popolari, inkluż numru suffiċjenti ta’ avvenimenti “prestiġġjużi”, iżda anki fokus b’saħħtu fuq approċċi parteċipatorji u kontenut innovattiv, inkluż attivitajiet li kienu jikkombinaw dixxiplini artistiċi u approċċi sperimintali, inkluż l-użu ta’ midja ġdida.

Guimarães offriet programm kulturali li jinkorpora diversi attivitajiet kulturali ġodda jew innovattivi. L-evalwazzjoni tikkunsidra li kienet ta’ suċċess fl-involviment tar-residenti tal-ibliet, hekk kif ġibdet viżitaturi nazzjonali u internazzjonali kif ukoll żiedet l-offerta ta esperjenzi kulturali fil-belt. Il-fokus tal-programm kulturali kien fuq il-kreattività artistika f’Guimarães. Sa mill-bidu nett, il-partijiet ewlenin interessati involuti ma ridux sempliċement joħolqu programm ta’ festivals fejn jistiednu l-aqwa proġetti maħluqa x’imkien ieħor, iżda ddeċidew li jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-kreattività artistika f’Guimarães innifsu u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kapaċità u l-potenzjal artistiku u kreattiv fil-belt.

Il-programm ta’ Guimarães kien jinkludi fil-qosor, mijiet ta’ avvenimenti li jinvolvu 25 000 artista u professjonista. 15 000 ċittadin u 300 organizzazzjoni kkontribwixxew għall-avvenimenti kulturali. Il-programm kien jgħodd 1 000 kreazzjoni ġdida u kien jinkludi 700 residenza ta’ artisti. Ġew prodotti 40 film u kien hemm 60 pubblikazzjoni ġdida u 100 wirja għall-ewwel darba.

Il-programm kellu l-għan li jesplora l-belt permezz tal-interpretazzjonijiet artistiċi tal-aspetti differenti tal-passat u l-present tagħha. Pereżempju, il-programm ċinematiku kien iddisinjat biex jerġa’ jiskopri l-wirt awdjoviżiv tal-belt u l-programm tal-Arti u l-Arkitettura indirizza l-identità u l-istorja lokali, speċjalment b’rabta mal-wirt industrijali b’dimensjonijiet soċjali, ekonomiċi u kulturali.

4.5.        Effikaċja fil-promozzjoni tad-dimensjoni Ewropea

Skont l-evalwazzjoni, id-dimensjoni Ewropea tal-programm kulturali fiż-żewġ ECOC tal-2012 kienet l-aktar relatata mal-isforzi biex tiġi appoġġjata l-kooperazzjoni kulturali transnazzjonali u biex jiġi appoġġjat xi parti mill-internazzjonaliżmu tas-setturi kulturali tal-ibliet. Filwaqt li t-temi Ewropej kienu preżenti fiż-żewġt ibliet, dawn kellhom it-tendenza li jkunu relatati mal-linji speċifiċi jew proġetti individwali aktar milli jagħmlu parti mill-programm kulturali kollu. Filwaqt li kien ikun evidentement mhux realistiku li wieħed jistenna li t-titlu tal-ECOC jindika Guimarães u Maribor bħala destinazzjonijiet kulturali Ewropej ewlenin (tal-anqas mhux wara s-sena tat-titlu), in-nuqqas ta’ promozzjoni internazzjonali intensiva tirrappreżenta opportunità mhux sfruttata fiż-żewġt ibliet jekk is-sena ECOC kellha impatt pożittiv fuq il-perċezzjoni wiesa’ taż-żewġt ibliet u l-promozzjoni tat-turiżmu. Jidher li 39 % taż-żjarat lejn Maribor u l-ibliet imsieħba fl-2012 kienu unikament dovuti għall-ECOC. Kien hemm żieda ta’ 120 % fil-viżitaturi lejn l-uffiċċji ta’ informazzjoni għat-turisti u aktar minn 25 % tal-viżitaturi allegatament indikaw li l-ECOC kienet waħda mir-raġunijiet għaliex żaru l-belt.

Finalment, kien hemm kooperazzjoni anqas estensiva bejn iż-żewġ ECOC milli wieħed kien jittama, minkejja li hemm potenzjal limitat biex jiġu estiżi r-rabtiet f’każijiet bħal dan fejn id-distanzi huma kbar jew ma hemm l-ebda rabta storika jew kulturali.

4.6.        Effikaċja fl-involviment taċ-ċittadini u fil-komunikazzjoni

L-evalwazzjoni tinnota li wieħed mill-fatturi ta’ suċċess ewlenin għaż-żewġt ibliet kien l-involviment taċ-ċittadini. Guimarães 2012 irċieva appoġġ, enerġija u involviment attiv sinifikanti mir-residenti tal-belt, li raw is-sena tat-titlu bħala waħda mill-miri ewlenin biex jagħtu ħajja ġdida lill-belt tagħhom, isaħħu r-rwol tagħhom fuq il-livell nazzjonali kif ukoll iżidu l-viżibbiltà internazzjonali tagħhom. F’dan il-każ, l-istil ta’ komunikazzjoni u l-logo kienu fatturi ta suċċess ewlenin. Anki Maribor eventwalment laħqet livelli għoljin ta’ għarfien, parteċipazzjoni u involviment u gradwalment bniet l-appoġġ miċ-ċittadini, l-imsieħba fil-midja u partijiet interessati oħrajn, biex tegħleb il-pubbliċità negattiva bikrija u x-xettiċiżmu mifrux. Barra minn hekk, il-programm tagħha inkluda firxa ta’ attivitajiet li jesploraw ir-rabtiet bejn il-kultura, il-kreattività u oqsma oħra, pereżempju fil-ħidma tal-Università ta’ Maribor li rabtet ir-riċerka f’fakultajiet differenti tal-universitajiet mal-arti u l-kultura.

4.7.        L-effikaċja fil-kisba ta’ impatti relatati mal-għanijiet ekonomiċi, turistiċi u ta’ żvilupp urban

Kien ta’ importanza kbira għal Guimarães li tinvesti fil-kapaċità tal-belt biex tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali. L-ewwel nett, l-investiment fl-infrastruttura kellu l-għan li jżid il-kapaċità tal-belt. It-tieni nett, il-programm iffoka iż-żieda tal-kapaċità tas-settur kulturali lokali. It-tielet nett, parti sinifikanti mill-programm kulturali kien iddedikat għall-iżvilupp tal-udjenza, l-involviment tal-komunità, u t-twassil ta' esperjenzi kulturali differenti għaċ-ċittadini. L-evidenza mill-evalwazzjoni tindika li l-ECOC kellha effett fuq l-iżvilupp tan-negozju fil-belt, speċjalment b’rabta mas-settur tas-servizzi fiċ-ċentru tal-belt. L-appoġġ politiku b’saħħtu li rċeviet Guimarães 2012 mill-amministrazzjoni tal-belt, li ra l-ECOC bħala proġett strateġiku, kien evidentement riżorsa f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, l-esperjenza ta’ Guimarães fl-2012 turi l-potenzjal li l-ECOC jissaħħaħ permezz tal-investimenti li jsiru mill-FEŻR, u li jżid il-valuri ta' dawn l-istess investimenti. Diversi ECOC preċedenti użaw il-finanzjament tal-FEŻR għall-iżviluppi fl-infrastruttura, iżda fil-każ ta’ Guimarães 2012 madwar 70% mill-finanzjament totali ġie mill-FEŻR.

F’Maribor, l-applikazzjoni oriġinali tat enfażi kbira lill-użu tal-ECOC biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp urban, soċjali u ekonomiku u biex tintuża l-kultura biex tingħata spinta ġdida lill-belt, tinbena fiduċja ġdida fost ir-residenti u jinħolqu kundizzjonijiet ġodda biex jiġi xprunat żvilupp soċjali u ekonomiku usa’. Minkejja li l-biċċa l-kbira tal-proġetti tal-infrastruttura ma tkomplewx, il-belt żammet l-aspirazzjoni li s-sena tal-ECOC tintuża bħala mezz biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp urban u reġjonali. Dan irriżulta fl-iżvilupp ta’ firxa ta’ attivitajiet differenti li għandhom l-għan li jagħtu ħajja ġdida liċ-ċentri permezz tal-kultura. Bosta mill-ibliet imsieħba kienu tassew pożittivi fl-involviment tagħhom fis-sena tal-ECOC. Huwa evidenti li din ħalliet impatt pożittiv ewlieni għall-ibliet ż-żgħar, li xi wħud minnhom ġibdu numru kbir ta’ viżitaturi u żviluppaw fiduċja fl-assi kulturali tagħhom u ideat għal tipi ġodda ta’ żvilupp kulturali u turistiku.

L-evalwazzjoni tinnota li ż-żewġt ibliet setgħu jinnotaw żidiet fin-numru ta’ viżitaturi, u dan ikkontribwixxa b’mod sinifikanti għall-attività ekonomika lokali.

4.8.        Is-sostenibbiltà

L-ECOC hija f’konformità mad-Deċiżjoni tal-2006 maħsuba li tkun “sostenibbli u ... parti integrali mill-iżvilupp kulturali u soċjali tal-belt fuq medda twila ta’ żmien”. L-evalwazzjoni tikkunsidra li fiż-żewġ ECOC tal-2012, hemm evidenza ta’ attivitajiet kulturali ġodda li ser ikomplu lil hinn mis-sena tat-titlu u faċilitajiet kulturali ġodda mġedda. F’termini ta’ kapaċità sostnuta għall-kultura, hemm esperjenza u għarfien espert kbir bħala riżultat tal-ECOC, kif ukoll netwerking u kooperazzjoni aħjar fi ħdan is-setturi kulturali.

Fiż-żewġt ibliet, l-operaturi kulturali kisbu ħiliet u esperjenza siewja u x’aktarx li jkun hemm effetti moderati f’termini ta’ tisħiħ tal-offerta kulturali tal-ibliet. Madankollu mhuwiex probabbli li jkun hemm impatti kontinwi fuq il-governanza kulturali, u dan isaħħaħ il-ħtieġa għal strateġija għal żmien twil li għandha tiġi inkorporata fil-proċessi ta’ għażla u monitoraġġ.

Fiż-żewġ każijiet is-sostenibbiltà ma tantx tidher li ser tkun assigurata, speċjalment fid-dawl tal-inċertezza tas-sitwazzjoni ekonomika. F’Maribor, is-sitwazzjoni politika tibqa’ waħda instabbli, il-perspettiva ekonomika ser tibqa’ negattiva, u n-nuqqas ta’ ppjanar fit-tul jew in-nuqqas ta’ korp patrimonjali (wara Ġunju 2013), flimkien ma’ baġits kulturali mnaqqsa, ifissru li ser ikun diffiċli li tinżamm iż-żieda reċenti fl-attivitajiet kulturali jew fil-livelli miżjuda ta’ involviment tal-pubbliku fil-kultura. Guimarães ma għandha fis-seħħ l-ebda strateġija għall-kultura fit-tul, u l-Fondazzjoni tal-Belt li mmaniġġjat l-ECOC ser titneħħa fi tmiem l-2013. Madankollu, qegħdin isiru negozjati bejn l-awtorità lokali, il-Gvern nazzjonali u l-università dwar it-twaqqif ta’ qafas kooperattiv biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-istrutturi ta’ governanza. Huwa probabbli wkoll li l-awtorità lokali ser tkun tista’ tiżgura l-kontinwazzjoni ta’ ċerti attivitajiet ewlenin.

5.           Rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-evalwazzjoni esterna u konklużjonijiet mill-Kummissjoni

Ir-rakkomandazzjonijiet huma bbażati fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-evalwaturi tal-ECOC tal-2012 iżda għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni tal-azzjoni tal-ECOC kollha kemm hi. L-evalwaturi jinnotaw ukoll li numru ta’ rakkomandazzjonijiet mill-evalwazzjonijiet ta’ ECOC preċedenti għadhom validi u rilevanti.

Ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu l-kontinwazzjoni tal-azzjoni tal-ECOC bħala inizjattiva simbolika u ta’ profil għoli tal-UE, il-ħtieġa ta’ proċeduri ta’ għażla trasparenti fil-livelli nazzjonali, it-tisħiħ tal-miżuri ta’ monitoraġġ li għandhom l-għan li jipprovdu appoġġ u gwida għall-ibliet minn stadju bikri bħala mod biex jiġi żgurat aħjar il-progress regolari fil-fażi ta’ żvilupp, rekwiżit imsaħħaħ għal kull ECOC biex jiżdiedu r-rabtiet mal-ECOC l-oħrajn tal-istess sena, l-enfażi miżjuda dwar il-ħtieġa għall-ECOC li jistabbilixxi l-arranġamenti istituzzjonali fi żmien xieraq u li jiżviluppa strutturi patrimonjali aktar konkreti u l-introduzzjoni ta’ proċeduri ta’ evalwazzjoni aktar konsistenti mill-ibliet stess. Il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni jikkonfermaw li t-titlu tal-ECOC jibqa’ wieħed b’valur għoli, jiġġenera programmi kulturali estensivi u impatti sinifikanti. It-titlu tal-UE u l-kontribut finanzjarju għandhom effett ta’ ingranaġġ sinifikanti, u b’hekk jagħmluh inizjattiva kosteffikaċi u effiċjenti.

Il-Kummissjoni tikkondividi l-valutazzjonijiet u l-konklużjonijiet globali tal-evalwazzjoni u taċċetta r-rakkomandazzjonijiet tagħha.

Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ din l-evalwazzjoni fil-biċċa l-kbira tagħhom huma f’konformità mal-Proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033[6].

Filwaqt li tibni fuq il-punti pożittivi tal-iskema attwali li b’mod globali qiegħda taħdem tajjeb, il-proposta żżomm il-karatteristiċi ewlenin u l-istruttura ġenerali. Minkejja dan, huwa propost titjib sostanzjali filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet mill-evalwazzjonijiet esterni tal-2012 u l-ECOC preċedenti, u kunsiderazzjonijiet oħra:

– It-tisħiħ tal-kundizzjonalità għall-pagament tal-Premju Melina Mercouri, irrakkomandat ukoll fl-evalwazzjoni tal-ECOC tal-2011, li għandu x’jaqsam mal-Premju għall-progress tal-ibliet fit-twettiq tal-impenji li saru fil-fażi ta’ applikazzjoni - bi kriterji aktar ċari u aktar b’saħħithom li jiffurmaw ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta l-pagament - u tipposponi l-pagament sas-sena tat-titlu biex b’hekk il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu d-deċiżjoni tagħha fuq bażi aktar solida u infurmata;

– L-introduzzjoni ta’ sett ta’ kriterji ta’ għażla aktar espliċiti u komprensivi bil-għan li tiżdied it-trasparenza u l-ġustizzja tal-proċedura, inkluż b’rabta mal-kontribuzzjoni tal-ECOC għall-istrateġija għal żmien twil tal-belt, il-ħtieġa ta’ appoġġ politiku wiesa’, il-governanza jew il-fattibbiltà tal-istrateġija ta’ finanzjament;

– L-inkoraġġiment għaż-żewġ ECOC tal-istess sena biex ifittxu li jiżviluppaw rabtiet u proġetti komuni bħala parti mill-programmi kulturali tagħhom peress li ż-żieda ta’ relazzjonijiet ta’ ħidma ġodda ma’ dawk diġà eżistenti tista’ tkun ta’ benefiċċju għalihom ukoll - kif intqal b’mod tajjeb fir-rapport - dan xi drabi jista’ jkun ta’ sfida meta ż-żewġt ibliet ikunu ġeografikament imbiegħda jew ikollhom biss ftit rabtiet kulturali u storiċi;

– L-inkoraġġiment għall-ECOC biex jagħmlu riċerka u studji dwar ir-riżultati u l-impatti tas-sena tat-titlu, li jfisser li l-ibliet huma obbligati jwettqu evalwazzjoni biex ikejlu aħjar l-ilħuq tal-objettivi tagħhom.

Barra minn hekk, il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li ttejjeb l-iskema billi tintroduċi objettiv ġenerali relatat mal-kontribuzzjoni tal-kultura għall-iżvilupp għal żmien twil tal-ibliet, billi żżid it-tielet laqgħa ta’ monitoraġġ formali qabel is-sena tat-titlu u tenfasizza l-ħtieġa għall-ibliet kandidati li jkollhom strateġija kulturali fis-seħħ meta ssir l-applikazzjoni.

[1]               ĠU L 304, 3.11. 2006.

[2]               Evalwazzjoni ex-post tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura għall-2012, ir-Rapport Finali għall-Kummissjoni Ewropea, fdat fl-2012 mill-Kummissjoni lil ECORYS UK Ltd taħt il-kuntratt qafas ta’ servizzi Nru EAC/50/2009 dwar l-evalwazzjoni, is-servizzi relatati mal-evalwazzjoni u l-appoġġ għall-valutazzjoni tal-impatt.

[3]               Ir-Riżoluzzjoni tal-Ministri responsabbli għall-Affarijiet Kulturali dwar l-organizzazzjoni annwali tal-”Belt Ewropea tal-Kultura” tat-13.6.1985;

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:1985:153:0002:0003:EN:PDF

[4]               ĠU L 166, 1.7.1999. Deċiżjoni emendata bid-Deċiżjoni 649/2005/KE (ĠU L 117, 4.5.2005).

[5]               Ara r-rapporti tal-Bordijiet konsultattivi u tal-Għażla u l-Monitoraġġ minn http://ec.europa.eu/culture/our-programmes-and-actions/capitals/past-capitals_en.htm

[6]               COM(2012) 407 finali.

Top