EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0865

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni ta’ Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Ażerbajġan, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ażerbajġan dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Ażerbajġan fil-programmi tal-Unjoni

/* COM/2013/0865 final - 2013/0420 (NLE) */

52013PC0865

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni ta’ Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Ażerbajġan, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ażerbajġan dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Ażerbajġan fil-programmi tal-Unjoni /* COM/2013/0865 final - 2013/0420 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Bħala parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), il-ftuħ gradwali ta’ xi programmi u aġenziji tal-Unjoni għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi sħab tal-PEV jirrappreżenta waħda minn bosta miżuri maħluqa biex jippromwovu r-riforma, il-modernizzazzjoni u t-tranżizzjoni fil-viċinat tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ssottolineat dan l-aspett ta’ politika b’mod aktar estensiv fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Diċembru 2006 “dwar l-orjentament ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi msieħba fil-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-aġenziji l-programmi Komunitarji”[1].

Il-Kunsill approva dan l-approċċ fil-konklużjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Marzu 2007[2].

Abbażi din il-Komunikazzjoni u dawk il-konklużjonijiet, il-Kunsill, fit-18 ta’ Ġunju 2007, ħareġ direttivi lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehimiet ta’ Qafas mal-Alġerija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, l-Eġittu, il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Moldovja, il-Marokk, l-Awtorità tal-Palestina, it-Tuneżija u l-Ukraina, dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi Komunitarji[3].

Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2007[4] afferma mill-ġdid l-importanza suprema tal-PEV u approva Rapport tal-Presidenza dwar il-Progress[5] li kien ippreżentat fil-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni (KAĠRE) fit-18 u fid-19 ta’ Ġunju 2007 kif ukoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill relatati[6]. Dan ir-rapport fakkar id-direttivi tal-Kunsill biex jiġu nnegozjati protokolli addizzjonali relevanti.

Il-Komunikazzoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà "Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni"[7], approvata mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill fl-20 ta' Ġunju 2011, enfasizzat aktar l-intenzjoni tal-UE li tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi sħab fil-programmi tal-UE.

F’Settembru 2011, il-parteċipanti tas-Summit ta’ Varsavja tas-Sħubija tal-Lvant qablu li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi sħab fi programmi u aġenziji tal-UE.

Sa issa, ġew iffirmati Protokolli mal-Armenja[8], mal-Israel[9], mal-Ġordan[10], mal-Moldova[11], mal-Marokk[12] u mal-Ukrajna[13].

F’Ottubru 2012, l-Ażerbajġan esprima l-interess tiegħu biex jipparteċipa fil-firxa wiesgħa ta’ programmi miftuħa għall-pajjiżi msieħba tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. It-test tal-Protokoll innegozjat mal-Ażerbajġan jinsab mehmuż.

Hawnhekk, il-Kummissjoni qed tippreżenta proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll. Dan il-Protokoll fih Ftehim ta’ Qafas dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Ażerbajġan fil-programmi tal-Unjoni. Fih stipulazzjonijiet standard li huma maħsuba li jiġu applikati għall-pajjiżi sħab kollha tal-Politika Ewropea tal-Viċinat li magħhom għandhom jiġu konklużi dawn il-protokolli.

Skont l-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew jintalab jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni ta' dan il-Protokoll.

B’mod parallel, il-Kummissjoni tippreżenta proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll imsemmi.

Il-Kunsill huwa mistieden jadotta d-Deċiżjoni proposta li ġejja.

2013/0420 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta’ Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Ażerbajġan, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ażerbajġan dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Ażerbajġan fil-programmi tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)       Il-Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Ażerbajġan, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ażerbajġan dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Ażerbajġan fil-programmi tal-Unjoni (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni nhar il- …

(2)       Il-Protokoll għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Ażerbajġan, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ażerbajġan dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Ażerbajġan fil-programmi tal-Unjoni (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) ġie b’dan approvat f’isem l-Unjoni[14].

It-test tal-Protokoll jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 10 tal-Protokoll[15].

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni se tidhol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               COM(2006) 724 finali tal-4 ta’ Diċembru 2006;

[2]               Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni (KAĠRE) tal-5 ta’ Marzu 2007;

[3]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (ristretta) li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja l-Protokolli […], Dok 10412/07.

[4]               Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza – Brussell, il-21 u t-22 ta’ Ġunju 2007, Dok 11177/07.

[5]               Ir-Rapport ta' Progress mill-Presidenza dwar it-“Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat”, Dok 10874/07.

[6]               Il-Konklużjonijiet dwar it-Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, adottati mill-Kunsill (Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni) fit-18 ta’ Ġunju 2007, Dok 11016/07.

[7]               COM (2011) 303 final, tal-25 ta’ Mejju 2011.

[8]               [għad trid tiġi kkompletata bir-referenza tal-ĠU wara l-pubblikazzjoni]

[9]               ĠUUE L129/39 tas-17.5.2008;

[10]             [għad trid tiġi kkompletata bir-referenza tal-ĠU wara l-pubblikazzjoni]

[11]             ĠUUE L 14/5 tad-19.01.2011, ĠUUE L 131/1 tat-18.05.2011, dħul fis-seħħ fl-01.05.2011;

[12]             ĠUUE L273/1 tad-19.10.2010, ĠUUE L90/1 tat-28.03.2012, dħul fis-seħħ fl-01.10.2012;

[13]             ĠUUE L18/1-5 tal-21.01.2011, ĠUUE L133/1 tal-20.05.2011, dħul fis-seħħ fl-01.11.2011

[14]             Il-Protokoll ġie ppubblikat fi […] flimkien mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar.

[15]             Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll se tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

ANNESS

PROTOKOLL

għall-

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni ta’ Protokoll għall-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Ażerbajġan, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ażerbajġan dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Ażerbajġan fil-programmi tal-Unjoni

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

min-naħa l-waħda,

u

IR-REPUBBLIKA TAL-AŻERBAJĠAN, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Ażerbajġan”

min-naħa l-oħra,

minn hawn 'il quddiem imsejħa konġuntament “il-Partijiet”

Billi:

(1)          L-Ażerbajġan ikkonkluda Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ażerbajġan, min-naħa l-oħra, (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1999.

(2)          Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tas-17 u t-18 ta’ Ġunju 2004 laqa’ b'mod favorevoli l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għal Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u approva l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal- 14 ta’ Ġunju 2004.

(3)          F’ħafna okkażjonijiet oħrajn, il-Kunsill laħaq konklużjonijiet li jiffavorixxu din il-politika.

(4)          Fil-5 ta’ Marzu 2007, il-Kunsill esprima appoġġ għall-approċċ ġenerali u globali deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-4 ta’ Diċembru 2006 sabiex is-sħab tal-PEV jingħataw il-possibbiltà li jipparteċipaw fl-aġenziji Komunitarji u fil-programmi Komunitarji skont il-merti tagħhom u meta l-bażijiet ġuridiċi jippermettu li jsir dan.

(5)          L-Ażerbajġan esprima x-xewqa li jipparteċipa f’għadd ta’ programmi tal-Unjoni.

(6)          It-termini u l-kondizzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari l-kontribuzzjoni finanzjarja u l-proċeduri ta’ rapportar u ta’ evalwazzjoni, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Ażerbajġan f’kull programm partikolari, għandhom jiġu ddeterminati fi ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet kompetenti tal-Ażerbajġan,

FTEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Ażerbajġan għandu jitħalla jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni attwali u futuri kollha miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Ażerbajġan skont id-dispożizzjonijiet li jadottaw dawn il-programmi.

Artikolu 2

L-Ażerbajġan għandu jikkontribwixxi finanzjarjament għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea li jikkorrispondi għall-programmi speċifiċi li fihom jipparteċipa l-Ażerbajġan.

Artikolu 3

Ir-rappreżentanti tal-Ażerbajġan għandhom jitħallew jieħdu sehem, bħala osservaturi u għall-punti li jikkonċernaw lill-Ażerbajġan, fil-kumitati tal-ġestjoni responsabbli li jimmonitorjaw il-programmi li l-Ażerbajġan jikkontribwixxi finanzjarjament għalihom.

Artikolu 4

Proġetti u inizjattivi mressqa minn parteċipanti mill-Ażerbajġan għandhom, kemm jista’ jkun, ikunu suġġetti għall-istess kondizzjonijiet, regoli u proċeduri li għandhom x’jaqsmu mal-programmi kkonċernati kif huma applikati lill-Istati Membri.

Artikolu 5

It-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi rigward il-parteċipazzjoni tal-Ażerbajġan f’kull programm partikolari, speċjalment il-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli u l-proċeduri tar-rapportar u tal-evalwazzjoni, jiġu determinati fi ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet kompetenti tal-Ażerbajġan, abbażi tal-kriterji stabbiliti mill-programmi kkonċernati.

Jekk l-Ażerbajġan japplika biex jipparteċipa fi programm partikolari għall-assistenza esterna tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta’ Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija jew skont kwalunkwe Regolament simili li jipprovdi għall-assistenza esterna tal-Unjoni lill-Ażerbajġan li għandha tiġi adottata fil-ġejjieni, il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu tal-assistenza esterna tal-Unjoni mill-Ażerbajġan għandhom jiġu ddeterminati fi ftehim dwar l-iffinanzjar, billi jirrispettaw b’mod partikolari l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006.

Artikolu 6

Kull ftehim konkluż skont l-Artikolu 5 jistipula, f'konformità mar-Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, li l-kontrolli jew l-awditi finanzjarji jew verifiki oħra, inklużi l-investigazzjonijiet amministrattivi se jitwettqu mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi u mill-Qorti tal-Awdituri, jew taħt l-awtorità tagħhom.

Għandhom isiru dispożizzjonijiet dettaljati dwar kontroll u verifika finanzjarja, miżuri amministrattivi, penali u rkupru li jippermettu lill-Kummissjoni Ewropea, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u l-Qorti tal-Awdituri li jiġu mogħtija setgħat li jkunu ekwivalenti għas-setgħat tagħhom rigward il-benefiċjarji jew il-kuntratturi stabbiliti fl-Unjoni.

Artikolu 7

Dan il-Protokoll japplika għall-perjodu li matulu jkun fis-seħħ il-Ftehim.

Dan il-Protokoll jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri rispettivi tagħhom.

Kull Parti tista’ tiddenunzja dan il-Protokoll permezz ta’ notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra.

Dan il-Protokoll jintemm sitt xhur wara d-data li fiha ssir din in-notifika.

It-terminazzjoni tal-Protokoll li tiġi wara d-denunzja minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet ma tinfluwenza bl-ebda mod l-ispezzjonijiet u l-kontrolli li għandhom jitwettqu f'konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6 fejn xieraq.

Artikolu 8

Mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, u wara kull tliet snin sussegwenti, iż-żewġ Partijiet jistgħu jirrevedu l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll abbażi tal-parteċipazzjoni effettiva tal-Ażerbajġan fi programmi tal-Unjoni.

Artikolu 9

Dan il-Protokoll japplika, min-naħa l-waħda, għat-territorji li fihom japplika t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak it-Trattat, u min-naħa l-oħra, għat-territorju tal-Ażerbajġan.

Artikolu 10

Dan il-Protokoll jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin permezz ta’ mezzi diplomatiċi dwar it-tlestija tal-proċeduri tagħhom meħtieġa biex dan jidħol fis-seħħ.

Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Partijiet jaqblu li japplikaw il-Protokoll proviżorjament mid-data tal-firma tiegħu, sakemm jiġi konkluż iktar tard.

Artikolu 11

Dan il-Protokoll ikun parti integrali mill-Ftehim.

Artikolu 12

Dan il-Ftehim jitfassal f'żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bil-Kroat, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Isvediż u bl-Ażerbajġani, u kull wieħed minn dawn it-testi huwa ugwalment awtentiku.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Unjoni Ewropea:          Għar-Repubblika tal-Ażerbajġan

Top