EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013IP0279
European Parliament recommendation to the Council of 13 June 2013 on the draft EU Guidelines on the Promotion and Protection of Freedom of Religion or Belief (2013/2082(INI))
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-abbozz ta' Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin (2013/2082(INI))
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-abbozz ta' Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin (2013/2082(INI))
OJ C 65, 19.2.2016, p. 174–179
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
19.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 65/174 |
P7_TA(2013)0279
Il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-abbozz ta' Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin (2013/2082(INI))
(2016/C 065/25)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, ta’ Laima Liucija Andrikienė f’isem il-Grupp PPE, dwar l-abbozz ta' Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew Twemmin (B7-0164/2013), |
— |
wara li kkunsidra l-Istqarrija Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar it-Tneħħija ta' Kull Xorta ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni Abbażi ta' Reliġjon jew Twemmin, |
— |
wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Kumment Ġenerali 22 mill-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (1), |
— |
wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-intolleranza, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi ta' reliġjon jew twemmin tal-2009 u l-2011 (2), |
— |
wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, adottati mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2012 (3), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2011: “Id-drittijiet tal-bniedem u demokrazija fil-qalba tal-azzjoni esterna tal-UE –lejn approċċ aktar effettiv” (COM(2011)0886), |
— |
wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem (4) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/440/PESK tal-25 ta' Lulju 2012 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (5), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-rieżami tal-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem (6), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu li jirreferu għar-rapporti annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni (7), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra l-abbozz ta' Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin (“il-Linji Gwida”), |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 121(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0203/2013) |
A. |
billi, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali huma l-prinċipji li jiggwidaw l-azzjonijiet esterni kollha tal-UE; |
B. |
billi d-dritt għal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, inkluż twemmin teistiku, nonteistiku u ateistiku, id-dritt li wieħed ma jemminx u d-dritt li dak li jkun ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, huwa dritt universali tal-bniedem u libertà fundamentali ta’ kull bniedem, interrelatat ma' drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali oħrajn kif inklużi fl-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; |
C. |
billi l-Parlament Ewropew talab ripetutament li jinħoloq sett ambizzjuż ta' strumenti biex id-dritt għal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin jiġi promoss bħala parti mill-politika esterna tal-UE; |
D. |
billi l-Parlament Ewropew laqa' pożittivament, f'dan il-kuntest, l-impenn tal-UE li tiżviluppa linji gwida dwar il-liberta' ta' reliġjon jew ta' twemmin bi qbil mal-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, u saħaq fuq il-ħtieġa li l-Parlament u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu involuti fit-tħejjija ta' dawn il-linji gwida; |
E. |
billi, skont l-istandards tad-dritt internazzjonali, l-istati kollha għandhom id-dmir li jipprovdu protezzjoni effikaċi liċ-ċittadini kollha tagħhom u lil kull persuna oħra fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom; billi l-persekuzzjoni kontra persuni u l-familji tagħhom, kontra komunitajiet, kontra postijiet ta’ qima u istituzzjonijiet, abbażi tal-affiljazzjoni reliġjuża partikolari tagħhom, il-konvinzjoni tagħhom jew kwalunkwe espressjoni pubblika leġittima tar-reliġjon jew it-twemmin tagħhom, huma rappurtati b’mod mifrux f'xi reġjuni tad-dinja; billi d-diskriminazzjoni abbażi ta' reliġjon jew ta' twemmin għadha teżisti fir-reġjuni kollha tad-dinja, fosthom fl-Ewropa u fil-pajjiżi ġirien tagħha, u billi persuni li jappartjenu għal komunitajiet reliġjużi partikolari, inklużi minoranzi reliġjużi, jew persuni li ma jemmnux, għadhom mċaħħda mid-drittijiet tal-bniedem tagħhom f'bosta pajjiżi u regolarment issir diskriminazzjoni kontrihom, jiġu arrestati, misjuba ħatja u f’ħafna pajjiżi xi drabi anke saħansitra jiġu ġġustizzjati minħabba r-reliġjon jew it-twemmin tagħhom; |
1. |
Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill: |
Raġuni għalfejn għandha tittieħed azzjoni
(a) |
Il-promozzjoni tad-dritt għal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin u l-prevenzjoni tal-ksur tiegħu jridu jkunu prijorità fil-politiki esterni tal-UE; |
(b) |
Il-vjolenza, il-persekuzzjoni u d-diskriminazzjoni kontra persuni li jappartjenu għal komunitajiet u minoranzi reliġjużi, jew kontra persuni bi twemmin nonreliġjuż, jippersistu f'bosta nħawi tad-dinja; in-nuqqas ta’ tolleranza reliġjuża u ta’ rieda għal djalogu, flimkien man-nuqqas ta’ koeżistenza ekumenika sikwit iwasslu għal inkwiet politiku, vjolenza u kunflitti armati, li jipperikolaw il-ħajjiet tan-nies u jdgħajfu l-istabilità reġjonali; kundanna ċara u immedjata mill-Unjoni Ewropea ta' kull xorta ta' vjolenza u diskriminazzjoni għandha tkun element bażiku tal-politika tal-UE fil-qasam tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin; għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-qagħda ta' dawk li jibdlu r-reliġjon jew it-twemmin tagħhom, peress li fil-prattika, f’għadd ta’ pajjiżi dawn il-persuni jiġu soġġetti għal pressjoni soċjali, intimidazzjoni jew vjolenza; |
Skop u kamp ta' applikazzjoni
(c) |
L-iskop u l-kamp ta' applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-UE għandhom ikunu l-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin f'pajjiżi terzi, l-integrazzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin f'kull azzjoni esterna u politika tal-UE fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp ta' parametri ta' referenza, ta’ kriterji u ta’ standards ċari, u orjentament prattiku għat-tisħiħ tal-promozzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin fil-ħidma tal-uffiċjali mill-istituzzjoni u l-Istati Membri tal-UE, u b’hekk jingħata kontribut għal aktar koerenza, effikaċja u viżibilità min-naħa tal-UE fir-relazzjonijiet esterni tagħha; |
Definizzjonijiet
(d) |
Peress li l-implimentazzjoni b'suċċess tagħhom se tiddependi fuq dan l-element, il-Linji Gwida għandhom joffru ċarezza fid-definizzjonijiet li jintużaw u l-protezzjoni xierqa u sħiħa tad-dritt għal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, skont id-dritt internazzjonali, fl-espressjonijiet privati u pubbliċi tiegħu, kif ukoll fid-dimensjonijiet individwali, kollettivi u istituzzjonali tiegħu, fosthom id-dritt li temmen jew li ma temminx, id-dritt li persuna tibdel ir-reliġjon jew twemmin, il-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni, kif ukoll id-dritt tal-ġenituri li jedukaw lil uliedhom skont il-konvinzjonijiet morali tagħhom – jiġifieri, reliġjużi jew nonreliġjużi; huma meħtieġa wkoll definizzjonijiet ċara u ħarsien sħiħ rigward ir-rikonoxximent tal-personalità ġuridika ta’ istituzzjonijiet reliġjużi u dawk imsejsa fuq it-twemmin u rispett tal-awtonomija tagħhom, id-dritt għall-oġġezzjoni ta' kuxjenza, id-dritt għall-asil, id-dritt għall-osservanza tal-jiem ta' mistrieħ u għaċ-ċelebrazzjoni ta' vaganzi u ċerimonji bi qbil mal-preċetti tar-reliġjon jew it-twemmin proprji u d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-proprjetà proprja; |
Linji Gwida Operattivi
(e) |
Il-Linji Gwida għandhom ikunu bbażati fuq id-dritt internazzjonali u t-trattati rikonoxxuti u ratifikati mill-komunità internazzjonali; |
Proporzjonalità
(f) |
Kif mistqarr fl-abbozz tal-Linji Gwida, bi qbil mal-prinċipji aċċettati mill-komunità internazzjonali, il-libertà li dak li jkun ma jiġix imġiegħel ikollu jew jadotta reliġjon jew twemmin u l-libertà tal-ġenituri u l-kustodji li jiżguraw edukazzjoni reliġjuża u morali ma jistgħux jitrażżnu. Kull manifestazzjoni oħra tad-dritt għal libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin tista' tiġi soġġetta biss 'għat-tali limitazzjonijiet li jkunu stabbiliti mil-liġi u li jkunu meħtieġa għall-protezzjoni tas-sikurezza, l-ordni, is-saħħa jew il-morali pubbliċi, jew id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta' ħaddieħor' (8); fl-istess ħin, il-limitazzjonijiet iridu jiġu intepretati b'mod strett, ikunu direttament relatati u jkunu proporzjonati fir-rigward tad-drittijiet protetti ta' ħaddieħor u jrid jinstab il-bilanċ xieraq; għaldaqstant, il-kriterju ta' proporzjonalità għandu jiġi enfasizzat fil-Linji Gwida; |
Libertà ta' espressjoni
(g) |
Waqt li l-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin u l-libertà ta' espressjoni huma drittijiet li jqawwu lil xulxin b'mod reċiproku, fil-każijiet fejn dawn iż-żewġ drittijiet jiġu invokati fil-konfront ta' xulxin, l-UE għandha tqis ukoll li l-għodda moderni tal-midja jagħtu lok għal aktar interkonnessjoni bejn il-kulturi u r-reliġjonijiet; għaldaqstant hemm bżonn li jittieħdu passi biex tiġi evitata l-vjolenza interkulturali bħala reazzjoni għal atti ta' libertà ta' espressjoni relatati mal-kritika u speċjalment maż-żufjett u t-tmasħir; f'dan il-kuntest, l-UE għandha tgħin biex jitnaqqsu tali tensjonijiet, pereżempju billi tippromwovi l-komprensjoni reċiproka u d-djalogu, u tikkundanna b’mod inekwivoku kwalunkwe att ta' vjolenza b'reazzjoni għal diskors ta' dan it-tip, u għandha topponi b'mod sod kwalunkwe tentattiv li tiġi kkriminalizzata l-libertà tal-kelma fir-rigward ta' kwistjonijiet reliġjużi, bħal liġijiet dwar id-dagħa; |
Dimensjoni kollettiva tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin
(h) |
Fil-Linji Gwida għandu jiġi enfasizzat li parti indispensabbli mil-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin hi d-dritt ta' kull individwa li jimmanifesta l-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin waħdu jew f'komunità ma' ħaddieħor; dan id-dritt jinkludi:
|
(i) |
iqis li s-sekulariżmu, definit bħala s-separazzjoni stretta bejn l-awtoritajiet reliġjużi u politiċi, ifisser ir-rifjut ta' kull interferenza reliġjuża fil-funzjonament tal-gvern u ta' kull interferenza pubblika fl-affarijiet reliġjużi ħlief għall-iskop li jiġu ppreservati r-regoli tas-sikurezza u l-ordni pubbliku (inkluż ir-rispett għal-libertà ta' ħaddieħor), kif ukoll li tiġi ggarantita l-libertà ugwali tal-kuxjenza għal kulħadd, sew jekk fidili, anjostiċi jew atei; |
Rekwiżiti ta' reġistrazzjoni
(j) |
L-UE għandha tieħu azzjoni meta r-rekwiżiti ta' reġistrazzjoni għall-organizzazzjonijiet reliġjużi jew relatati ma' twemmin jillimitaw b'mod mhux dovut il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin. Ir-reġistrazzjoni m'għandhiex tinftiehem bħala prerekwiżit għat-tgawdija tad-dritt tal-bniedem proprju għal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, peress li dak id-dritt ma jistax ikun ikkondizzjonat b’rekwiżiti amministrattivi jew ġuridiċi; l-UE għandha titlob li tkun abolita kwalunkwe leġiżlazzjoni, bħar-reġistrazzjoni mandatorja tar-reliġjon ta' dak li jkun fid-dokumenti ta' status ċivili, jekk din il-leġiżlazzjoni tkun twassal għal diskriminazzjoni kontra min ikollu twemmin mhux reliġjuż jew min ikun biddel ir-reliġjon jew twemmin tiegħu; |
Edukazzjoni
(k) |
Kif inhu rikonoxxut minn standards aċċettati f'livell internazzjonali, il-ġenituri jew il-kustodji legali tat-tfal għandhom il-libertà li jiżguraw li wliedhom jirċievu edukazzjoni reliġjuża u morali b'mod konformi mal-konvinzjonijiet tagħhom, u t-tifel/tifla m'għandux jiġi mġiegħel jirċievi tagħlim dwar reliġjon jew twemmin kontra x-xewqat tal-ġenituri jew il-kustodji legali tiegħu, peress li l-prinċipju ta' gwida għandu jkun l-aħjar interessi tat-tifel/tifla; id-dritt tal-ġenituri li jedukaw lil uliedhom skont il-konvinzjonijiet reliġjużi jew mhux reliġjużi tagħhom jinkludi d-dritt tagħhom li jirrifjutaw kwalunkwe ndħil mhux dovut minn atturi statali jew nonstatali fl-edukazzjoni tagħhom kontra l-konvinzjonijiet reliġjużi jew nonreliġjużi tagħhom; il-Linji Gwida għandhom jisħqu fuq dawn l-aspetti tad-dritt tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, u għandhom ukoll jiggarantixxu s-sekularizzazzjoni fl-edukazzjoni pubblika. Id-delegazzjonijiet tal-UE għandhom jieħdu l-azzjoni xierqa jekk dan il-prinċipju jinkiser; |
Liġijiet familjari u soċjali
(l) |
L-UE għandha tagħti attenzjoni partikolari għad-diskriminazzjoni abbażi ta' reliġjon jew ta' twemmin fil-liġijiet tal-familja u soċjali ta' pajjiżi terzi, b'mod speċjali imma mhux esklużivament fil-kuntest tad-dritt għaż-żwieġ u d-dritt għal kustodja tat-tfal. |
Dritt għall-oġġezzjoni ta' kuxjenza
(m) |
Il-Linji Gwida għandhom jinkludu d-dritt għall-oġġezzjoni ta' kuxjenza għas-servizz militari bħala eżerċizzju leġittimu tal-libertà ta' ħsieb, kuxjenza u reliġjon; L-UE għandha tappella lil dawk l-istati b'sistema ta' servizz militari obbligatorju biex jippermettu servizz alternattiv li n-natura tiegħu tkun waħda ċivili u mhux kumbattanti, li jkun fl-interess pubbliku u mhux ta' tip punittiv, u joqogħdu lura milli jikkastigaw, inkluż permezz ta' kundanni l-ħabs, lill-objetturi ta' kuxjenza talli jonqsu milli jwettqu servizz militari; |
Asil
(n) |
L-UE għandha tħeġġeġ lill-pajjiżi terzi jaċċettaw lir-rifuġjuti ppersegwitati abbażi tar-reliġjon jew tat-twemmin tagħhom, u jipprovdulhom protezzjoni ta' asil, speċjalment fil-każijiet fejn ir-rifuġjati jkunu mhedda b'mewt jew vjolenza. L-Istati Membri tal-UE għandhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jaċċettaw lir-rifuġjati ppersegwitati abbażi tar-reliġjon jew twemmin tagħhom; |
Appoġġ għas-soċjetà ċivili u involviment magħha
(o) |
L-appoġġ u l-involviment ma' firxa wiesgħa ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-gruppi reliġjużi u dawk ibbażati fuq twemmin, waqt it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida, se jkunu importanti ħafna għall-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, u għalhekk, il-punti fokali għad-drittijiet tal-bniedem fid-delegazzjonijiet tal-UE għandhom iżommu kuntatti regolari ma' dawn l-organizzazzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw, kemm jista' jkun malajr, il-problemi li jinqalgħu fil-qasam tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin fil-pajjiżi rispettivi tagħhom; |
Monitoraġġ u evalwazzjoni
(p) |
Monitoraġġ u valutazzjoni xierqa u kontinwi tas-sitwazzjoni fil-qasam tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin fid-dinja jridu jiġu żgurati mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, taħt ir-responsabilità tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u, fir-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja, għandu jkompli jkun hemm taqsima ddedikata għal din il-kwistjoni, inklużi rakkomandazzjonijiet għal titjib; il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni fil-qasam tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin għandu jkun waħda mill-kwistjonijiet fundamentali fost id-drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali oħra fir-relazzjonijiet tal-UE ma' pajjiżi terzi, speċjalment fil-kuntest tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; dan għandu jkun rifless fil-ftehimiet kollha u fid-dokumenti ta' rieżami u ta' rapportar; ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jagħti attenzjoni partikolari għall-kwistjonijiet relatati mal-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin matul kull attività tiegħu u għandu jkollu rwol viżibbli fil-promozzjoni ta’ din il-libertà permezz tar-relazzjonijiet esterni tal-UE; hu (jew hi) għandu wkoll iżomm kuntatt kontinwu mal-Parlament Ewropew u l-kumitati relevanti tiegħu dwar l-oqsma ta' tħassib u l-progress miksub u jinvolvi ruħu mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi rilevanti; |
(q) |
Għandu jiġi adottat sett ta’ strumenti għall-monitoraġġ, il-valutazzjoni u l-appoġġ għall-Linji Gwida tal-UE, b’fokus fuq għodod operattivi biex jirriflettu aħjar l-oqsma ta’ azzjoni ta’ prijorità deskritti fil-Linji Gwida u għandu, fost affarijiet oħra:
|
Dan is-sett ta’ strumenti (circulaire) għandu jitħejja b’konsultazzjoni mal-partijiet konċernati, qabel tmiem l-2013;
Użu ta' strumenti finanzjarji esterni
(r) |
L-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE għandhom jintużaw kemm bħala inċentivi kif ukoll bħala deterrenti (pereżempju, l-iffriżar ta' fondi) fir-rigward tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin f'pajjiż partikolari, peress li din tifforma parti integrali mill-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; fil-każ ta' deterjorament serju tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, anke fir-rigward tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin, l-UE għandha tapplika l-klawżoli eżistenti relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet esterni tal-UE mal-pajjiż ikkonċernat; l-użu ta' klawżoli relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet esterni tal-UE għandu jkun vinkolanti u integrat sistematikament fil-ftehimiet kollha tal-UE ma’ pajjiżi terzi; |
Azzjoni tal-UE fil-forums multilaterali
(s) |
L-UE għandha tkompli bl-inizjattivi tagħha fid-diversi forums multilaterali sabiex tippromwovi u tipproteġi l-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin; meta jkun xieraq, u fuq talba, l-UE għandha tassisti lill-pajjiżi terzi fit-tfassil ta' leġiżlazzjoni għall-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta’ reliġjon jew ta’ twemmin; |
Valutazzjoni
(t) |
Bi qbil mal-Artikolu 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew għandu jkun involut fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida li għandha titwettaq sa mhux aktar tard minn tliet snin minn meta jkunu daħlu fis-seħħ; il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq analiżi tar-rispons tal-UE għal sitwazzjonijiet konkreti relatati mal-ksur tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin f'pajjiżi terzi; il-Parlament Ewropew għandu jiġi regolarment informat dwar oqsma ta’ jew żviluppi ta' tħassib, kif jiġu rrapportati mid-delegazzjonijiet tal-UE; il-kumitati rilevanti tiegħu għandhom jirċievu informazzjoni dettaljata.<BR>o<BR>o o |
2. |
Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, u għal finijiet ta’ informazzjoni, lill-Kummissjoni. |
(1) Kumment Ġenerali adottat mill-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem skont l-Artikolu 40, paragrafu 4 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi CCPR/C/21/Rev.1/Add.4, 27 ta' Settembru 1993
(2) Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 24.11.2009, 21.02.2011
(3) Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 11855/12
(4) Testi adottati, P7_TA(2012)0250.
(5) ĠU L 200, 27.7.2012, p. 21.
(6) Testi adottati, P7_TA(2012)0504.
(7) Testi adottati, P7_TA(2010)0489, P7_TA(2012)0126, P7_TA(2012)0503.
Dikjarazzjoni tan-NU dwar it-Tneħħija ta' Kull Xorta ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni Abbażi ta' Reliġjon jew Twemmin, Art. 1, par. 3, A/RES/36/55