EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0918

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Programm għall-Arja Nadifa għall-Ewropa

/* COM/2013/0918 final */

52013DC0918

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Programm għall-Arja Nadifa għall-Ewropa /* COM/2013/0918 final */


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Programm għall-Arja Nadifa għall-Ewropa

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Introduzzjoni

Il-kwalità tal-arja fl-Ewropa tjiebet b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, iżda t-tniġġis tal-arja għadu l-fattur ambjentali prinċipali marbut mal-mard prevenibbli u mal-imwiet prematuri fl-UE u għad għandu effetti negattivi sinifikanti fuq l-ambjent naturali tal-Ewropa. Skont l-OECD, “It-tniġġis tal-arja urbana aktarx li se jkun il-kawża ambjentali ewlenija tal-imwiet madwar id-dinja sal-2050, qabel l-ilma maħmuġ u n-nuqqas ta’ sanità”.[1]

Filwaqt li l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE għadhom mhumiex fl-istess livell bħal dawk ta' pajjiżi żviluppati oħra, il-konformità ma’ xi wħud minn dawn l-istandards kienet sfida għal għadd ta’ raġunijiet. Din l-Istrateġija ġdida tindirizza r-raġunijiet għan-nuqqas mifrux ta' konformità. L-Istrateġija tipproponi wkoll leġiżlazzjoni għat-tnaqqis, fuq medda twila ta' żmien, tal-emissjonijiet ta' ħsara li jikkontribwixxu għall-kwalità ħażina tal-arja u li huma ta' dannu għall-ambjent naturali. Barra minn hekk, se tippromwovi miżuri li jtaffu wkoll it-tisħin atmosferiku u t-tibdil fil-klima. L-iskedi taż-żmien għat-tnaqqis tal-emissjonijiet huma konsistenti b'mod sħiħ mal-qafas ġdid għall-2030 għall-politika dwar il-klima u l-enerġija li se jippermetti lill-investituri li jimmassimizzaw is-sinerġiji tal-investimenti tagħhom.

Kwalità aħjar tal-arja toffri wkoll opportunitajiet ekonomiċi fosthom għall-oqsma tat-teknoloġija nadifa tal-UE.  Kumpaniji ewlenin tal-inġinerija fl-UE diġà jaqilgħu sa 40 % tad-dħul mill-portafolji ambjentali tagħhom, u dan huwa mistenni li jiżdied.  Jeżistu sinjali ċari li ekonomiji emerġenti qegħdin jiffukaw bis-serjetà fuq it-tniġġis tal-arja u politika Ewropea intelliġenti se tkompli tagħti vantaġġ lill-industrija tagħna f’dawn is-swieq ewlenin li qed jiżviluppaw.

Il-miżuri f'din l-istrateġija l-ġdida jibnu fuq dawk ippreżentati fl-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis tal-Arja tal-2005[2] u se jwasslu għal iktar progress lejn l-għanijiet fuq terminu twil tas-6 u s-7 Programmi ta' Azzjoni Ambjentali[3]. L-istrateġija hija akkumpanjata minn proposta leġiżlattiva għal Direttiva dwar il-Livelli Nazzjonali Massimi tal-Emissjonijiet riveduta[4], u proposta għal Direttiva li, għall-ewwel darba, se tikkontrolla l-emissjonijiet minn Impjanti tal-Kombustjoni ta’ daqs Medju u tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-ksib tat-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet. L-istrateġija tinkludi wkoll miżuri mhux regolatorji ta' appoġġ biex jissaħħu l-kapaċità u l-kooperazzjoni fil-livelli politiċi kollha, b’oqsma prijoritarji li jinkludu t-tniġġis tal-arja urbana, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u d-dimensjoni internazzjonali tal-politika tal-arja.

2.           L-indirizzar tal-kwalità tal-arja ambjentali ħażina fuq medda qasira ta’ żmien

2.1.        Il-kwalità attwali tal-arja

Bħalissa aktar minn terz taż-Żoni ta' Ġestjoni tal-Kwalità tal-Arja jaqbżu l-valuri ta’ limitu għall-materja partikolata (PM10) u kwart jaqbżuhom għad-dijossidu tan-nitroġenu (NO2). 17-il Stat Membru bħalissa huma soġġetti għal proċeduri ta’ ksur għal nuqqas ta’ konformità fir-rigward tal-PM10.

2.2.        Miżuri għat-twassil ta' konformità fir-rigward tal-kwalità tal-arja

Il-ksur sostanzjali li għadu għaddej tal-istandards tal-kwalità tal-arja jista’ jiġi solvut fuq medda ta’ żmien qasira sa medja, permezz tal-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, notevolment dwar l-emissjonijiet minn vetturi ħfief li jaħdmu bid-diżil,[5] u miżuri kumplimentari fil-livell nazzjonali. Teżisti wkoll il-ħtieġa li jkun hemm it-traspożizzjoni tal-Protokoll emendat ta' Gothenburg, li kien hemm qbil dwaru fl-2012, biex b'hekk il-qafas regolatorju tal-UE jiġi allineat mal-impenji internazzjonali tal-UE. L-għan ta’ dawn il-miżuri huwa li tinkiseb konformità sħiħa mal-istandards eżistenti tal-kwalità tal-arja sa mhux aktar tard mill-2020.

2.2.1.     It-tlestija ta' xogħol mhux mitmum: soluzzjoni għall-problema tal-emissjonijiet minn karozzi ħfief li jaħdmu bid-diżil

Ġenerazzjonijiet suċċessivi ta’ standards Euro u standards tal-kwalità tal-karburant ġew miftiehma biex ikun hemm kontroll tal-emissjonijiet mill-vetturi fl-UE. It-tnaqqis meħtieġ ġie milħuq, ħlief għal eċċezzjoni waħda: l-emissjonijiet tal-NOx minn vetturi ħfief b'magni diżil. L-emissjonijiet tal-NOx fid-dinja reali minn karozzi Euro 5 bit-tip approvat mill-2009 'l hawn issa jaqbżu dawk tal-karozzi Euro 1 bit-tip approvat fl-1992, u huma madwar ħames darbiet il-valur ta’ limitu. Dan għandu impatt ewlieni fuq il-konċentrazzjonijiet tad-NO2, l-ożonu u l-partikoli sekondarji madwar l-Ewropa. Dan iwassal għall-ħolqien ta' pubbliċità negattiva u ħsara fir-reputazzjoni tal-manifatturi tal-vetturi.

Fil-Komunikazzjoni CARS 2020 tagħha, il-Kummissjoni nnutat in-nuqqas tal-proċeduri attwali u impenjat ruħha li ddaħħal proċedura ġdida ta’ ttestjar fil-qafas tal-approvazzjoni tat-tip biex jiġu vvalutati l-emissjonijiet tal-NOx minn vetturi ħfief f’kundizzjonijiet ta’ sewqan veri.[6] L-emissjonijiet tas-sewqan veri (RDE - real driving emissions) tal-NOx se jiġu rreġistrati u kkomunikati mid-dati obbligatorji tal-Euro 6 (fl-2014) u, mhux aktar tard minn tliet snin wara, se tiġi applikata l-proċedura RDE għall-approvazzjoni tat-tip, flimkien ma’ limiti ta' emissjonijiet b'saħħithom li ma għandhomx jinqabżu (NTE - not-to-exceed). Dan se jiżgura t-tnaqqis sostanzjali tal-emissjonijiet tal-NOx veri meħtieġa għall-ksib tal-limiti ta’ emissjonijiet tal-NOx għall-Euro 6 f’kundizzjonijiet normali tas-sewqan.[7]

Bħalissa mhux meħtieġ li l-istandards tal-UE dwar l-emissjonijiet mill-vetturi jsiru iktar stretti mill-Euro 6 biex jinkisbu l-miri l-ġodda tal-politika dwar l-arja għall-2025 u l-2030. Minflok, miżuri li jappoġġjaw il-mobbiltà urbana sostenibbli se jgħinu biex ikunu mmirati l-problemi lokalizzati tat-trasport (ara t-taqsima 2.2.3).

2.2.2.     It-trawwim tal-kapaċitajiet tekniċi u ta’ ġestjoni msaħħa

Biex ikunu appoġġjati l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri permezz tat-tisħiħ tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ kontroll tat-tniġġis tal-arja u l-miżuri li jinsabu fihom, se jkunu jistgħu jirrikorru għall-finanzjament mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment1 tal-2014-2020 (ESIF - European Structural and Investments Funds) u l-istrument il-ġdid għas-snin 2014-2020, LIFE. Il-proposta tal-Kummissjoni għall-ESIF tinkludi komponent dwar il-kwalità tal-arja, b’mod partikolari għaż-żoni urbani. L-Istati Membri, ir-reġjuni u l-ibliet bi problemi notevoli fil-kwalità tal-arja huma mħeġġa biex, fejn ikun relevanti, jikkunsidraw l-użu ta’ dawn il-fondi biex jimplimentaw azzjonijiet li jnaqqsu t-tniġġis tal-arja, partikolarment permezz tal-promozzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi. LIFE se jappoġġja sforzi addizzjonali temporanji li jistgħu jkunu meħtieġa biex itejbu l-governanza ġenerali tal-kwalità tal-arja u jgħinu biex jinkisbu iktar finanzjament addizzjonali sostanzjali minn sorsi oħra ta' finanzjament. Il-proġetti LIFE se jkunu strutturati b'tali mod li jibnu fuq l-esperjenza pożittiva reċenti tal-proġett pilota konġunt ta' implimentazzjoni dwar l-arja bejn il-Kummissjoni u l-EEA (it-taqsima 3.2.6).

2.2.3.     It-twessigħ tas-sett ta' għodod għall-ġestjoni tal-kwalità tal-arja lokali u reġjonali

Ir-responsabbiltà ewlenija sabiex jiġu riżolti problemi lokalizzati ta’ konformità taqa’ fuq l-Istati Membri, fejn jeżisti ambitu sostanzjali għal aktar azzjoni nazzjonali u lokali. L-għażliet disponibbli attwali ta’ valutazzjoni u ġestjoni se jiġu ssupplimentati bil-miżuri dwar il-mobbiltà sostenibbli fil-Komunikazzjoni "Flimkien lejn il-mobbiltà urbana kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi", b’mod partikolari dawk dwar Pjanijiet għall-Mobbiltà Urbana Sostenibbli u dwar Regolamenti dwar l-Aċċess Urban għall-Vetturi. Se jiġu żviluppati linji gwida għall-programmi ta' retrofit u għall-promozzjoni tal-adozzjoni ta’ għażliet ta' teknoloġija avvanzata. Dawn jibnu fuq il-kunċett ta' "Vettura b'Emmissjonijiet Super Ultra Baxxi" żviluppat fl-Istati Uniti. Dan il-kunċett se jiġi estiż ukoll għal oqsma oħra biex jappoġġja l-Istati Membri bi problemi ta' konformità. Biex jittejjeb it-tagħrif pubbliku dwar il-prestazzjoni tal-prodotti u s-suċċess ta’ azzjoni nazzjonali jew lokali dwar il-kwalità tal-arja, se jiġu żviluppati indikaturi ġodda orjentati lejn il-pubbliku sabiex jiġi traċċat il-progress fit-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja nazzjonalment u lokalment. Biex titħaffef l-għażla tal-konsumatur, iċ-ċittadini se jiġu wkoll mgħarrfa dwar l-emissjonijiet veri tal-vetturi mkejla skont iċ-ċiklu ġdid ta' ttestjar (mid-data ta' skadenza tal-Euro 6 'il quddiem).

2.2.4.     Id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali

Ir-rieżami tal-politika tal-arja indika li mhuwiex xieraq li issa tiġi riveduta d-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali. Il-politika minflok għandha tiffoka aktar fuq il-kisba tal-konformità ma' standards eżistenti tal-kwalità tal-arja sa mhux aktar tard mill-2020, u dwar l-użu tad-Direttiva riveduta dwar in-NEC biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-tniġġis fil-perjodu sal-2030. Tali tnaqqis tal-emissjonijiet, imbagħad, se jnaqqas il-konċentrazzjonijiet tal-isfond madwar l-Ewropa. Dan għandu jwassal għal benefiċċji ewlenin għas-saħħa pubblika u l-ekosistemi.

Id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali tibqa’ politika ewlenija jekk irridu niżguraw konċentrazzjonijiet futuri taħt il-valuri ta' linja gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa kullimkien. Id-Direttiva se tinżamm taħt rieżami, bl-għan li jkun hemm reviżjoni ladarba l-NECD tkun stabbilixxiet il-konċentrazzjonijiet tal-isfond fuq il-mogħdija t-tajba tat-tnaqqis.

3.           It-tnaqqis tal-impatti tat-tniġġis tal-arja fuq medda twila ta’ żmien

Rieżami fil-fond tal-politika tal-UE dwar l-arja sal-lum wera li l-kombinazzjoni ta’ miri u leġiżlazzjoni wasslet għal benefiċċji veri għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. L-impatti fuq is-saħħa minn materja partikolata — il-kawża ewlenija ta' mwiet mit-tniġġis tal-arja — naqsu b’madwar 20 % bejn is-snin 2000 u 2010. Il-problema tax-xita aċiduża (“l-aċidifikazzjoni”) issolviet b’mod ġenerali fl-UE, bis-saħħa tat-tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu ewlenin involuti.[8] Il-politika tal-UE dwar l-arja ħeġġet l-innovazzjoni fit-trażżin tat-tniġġis u tejbet radikalment il-prestazzjoni ambjentali ta’ setturi ekonomiċi ewlenin. Dan ħares it-tkabbir u l-impjiegi u fetaħ opportunitajiet ta’ teknoloġija ekoloġika fl-UE u lil hinn minnha.

Minkejja dawn is-suċċessi, għad baqa' xi impatti sostanzjali (it-Tabella 1), u dawn huma sors kontinwu ta’ tħassib sinifikanti  għal proporzjon kbir taċ-ċittadini tal-UE.[9] It-tniġġis tal-arja huwa l-kawża ewlenija ta’ mwiet qabel il-waqt fl-UE, għaxar darbiet aktar mill-imwiet kawża ta' inċidenti stradali. Fl-2010 it-tniġġis ikkawża aktar minn 400 000 mewta prematura kif ukoll mard u tbatija evitabbli sostanzjali inklużi kundizzjonijiet respiratorji (bħall-ażma) u problemi kardjovaskulari aggravati. L-ispejjeż esterni ġenerali ta’ dawn l-impatti jvarjaw bejn €330-940 biljun, inkluż it-telf fil-produttività tax-xogħol u ħsarat ekonomiċi diretti oħra bil-valur ta’ €23 biljun fis-sena fl-2010. L-ekosistemi qegħdin ibatu wkoll, bil-proliferazzjoni tal-algi , il-mewt ta' mases ta' ħut u tfixkil iħeor tal-ekosistema kkawżat minn tniġġis bin-nitroġenu li jintuża bħala nutrijent ("ewtrofikazzjoni"). Din il-problema hija partikolarment akuta fl-iktar żoni naturali għonja u diversi tal-Ewropa,[10] li aktar minn tliet kwarti minnhom huma mhedda.

Tabella 1: L-impatti prinċipali fuq is-saħħa u l-ekosistemi tat-tniġġis tal-arja fl-2010

Impatti || Impatti fuq is-saħħa[11] (imwiet prematuri minħabba l-materja partikolata u l-ożonu) || L-erja tal-ekosistemi li qed tisboq il-limiti tal-ewtrofikazzjoni[12]

2010 || 406,000 || 62%

Anki jekk il-leġiżlazzjoni eżistenti tiġi implimentata b’mod sħiħ, l-UE se ssofri impatti sinifikanti negattivi ħafna fuq is-saħħa pubblika u l-ambjent (it-Tabella 2). L-impatti fuq is-saħħa tal-bniedem (f’termini ta’ mwiet prematuri b'rabta mat-tniġġis) se jonqsu biss bi ftit aktar minn terz sal-2025, bil-biċċa l-kbira tat-tnaqqis qabel l-2020. Huwa mistenni titjib minuri biss għall-ewtrofikazzjoni, b’aktar minn nofs iż-żona ta' ekosistemi tal-UE xorta mistennija li taqbeż il-limitu limitu ta’ ħsara fl-ekosistema. L-ispejjeż esterni tas-saħħa u l-ambjent[13] assoċjati mat-tniġġis tal-arja se jibqgħu mdaqqsa, u se jonqsu b’madwar 30 % fl-2025, u 35 % fl-2030 għal firxa stmata ta’ €212-740bn.

Tabella 2 L-evoluzzjoni mistennija tal-impatti ewlenin tat-tniġġis tal-arja sal-2030 jekk ikun hemm l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni attwali (tnaqqis fl-impatti meta mqabbel mal-2005)

Impatti || Impatti fuq is-saħħa (imwiet prematuri minħabba l-materja partikolata u l-ożonu) || L-erja tal-ekosistemi li qed tisboq il-limiti tal-ewtrofikazzjoni

2025 || -37 % || -21 %

2030 || -40 % || -22 %

3.1.        L-għanijiet tal-politika ġdida strateġika dwar l-arja sal-2030

L-għan tal-UE fuq terminu twil għat-tniġġis tal-arja ma jimplika l-ebda qbiż tal-livelli ta' linja gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għas-saħħa tal-bniedem[14] (li jistgħu wkoll jiżviluppaw tul iż-żmien) u l-ebda qbiż tat-tagħbijiet u l-livelli kritiċi li jimmarkaw il-limiti ta’ tolleranza tal-ekosistema.[15] L-istrateġija l-ġdida trid tilħaq żewġ prijoritajiet fl-istess waqt: il-ksib ta' konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni eżistenti sa mhux iktar tard mill-2020, u li twitti t-triq għall-UE biex din tilħaq l-għanijiet fuq terminu twil.

L-għanijiet tal-politika tal-ajru l-ġdida għall-2030 huma stabbiliti fit-Tabella 3 ta' hawn taħt f’konformità ma’ dawk l-għanijiet. Dawn se jwasslu għal terz addizzjonali tat-titjib fis-saħħa u nofs addizzjonali tat-tnaqqis tal-ewtrofikazzjoni meta mqabbel mal-leġiżlazzjoni eżistenti.

Tabella 3: L-għanijiet tal-politika tal-ajru ġdida għall-2030 mqabbla mal-2005

Impatti || Impatti fuq is-saħħa (imwiet prematuri minħabba l-materja partikolata u l-ożonu) || L-erja tal-ekosistemi li qed tisboq il-limiti tal-ewtrofikazzjoni

|| ||

2030 || -52 % || -35 %

Il-benefiċċji assoċjati mat-tnaqqis tal-2030 jaqbżu bil-kbir l-ispejjeż tal-konformità. L-ewwel nett, il-miżuri proposti se jsarfu f’ħajja itwal u aktar b’saħħitha għall-persuni fl-UE  b'riżultat tat-tnaqqis tal-imwiet minn mard ikkawżat mit-tniġġis tal-arja.[16] It-tieni nett, meta jiġu riflessi l-impatti mnaqqsa ta’ mard, il-benefiċċji netti tal-politika huma madwar €40 biljun fis-sena, skont l-aktar stima konservattiva. Dan mingħajr ma jitqiesu l-benefiċċji ambjentali sostanzjali ħafna ta' ħsara mnaqqsa lill-ekosistema, li huma diffiċli li jingħataw valur fi flus. Ladarba jitqiesu l-kisbiet tal-produttività mill-implimentazzjoni,[17] l-impatt nett tal-politika fuq il-PDG jittaffa kompletament, u benefiċċji diretti oħra jirriżultaw minn spejjeż tal-kura tas-saħħa mnaqqsa marbutin mat-tnaqqis f'mard b'rabta mat-tniġġis,[18] u minn telf fl-għelejjel u ħsara infrastrutturali. Il-Valutazzjoni tal-Impatt qieset l-impatti ddifferenzjati madwar l-Istati Membri, u kkonkludiet li dawn huma proporzjonati fil-politika proposta.

3.2.        Il-kisba tal-miri

Il-kisba tal-miri msemmija hawn fuq se titlob taħlita ta’ miżuri regolatorji u mhux regolatorji. L-UE u l-Istati Membri jeħtieġ li jaħdmu flimkien, u l-Istati Membri għandhom jaħdmu mar-reġjuni u l-ibliet tagħhom. Hija possibbli li tintlaħaq konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni eżistenti sal-2020 permezz ta’ kombinament ta' sforzi nazzjonali u tal-UE, b’dawk tal-aħħar iffukati fuq it-twassil sħiħ ta’ kontrolli eżistenti tas-sors. Il-miri għall-2030 se jirrikjedu azzjoni addizzjonali mill-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fis-sors. It-tnaqqis li jirriżulta fil-konċentrazzjonijiet tal-isfond maż-żmien se jippermettielna li nirrevedu l-istandards tal-konċentrazzjonijiet ambjentali lejn il-linji gwida tal-WHO.[19] Il-miżuri mniżżla hawn taħt se jiffukaw ukoll fuq it-twassil ta' benefiċċji għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima billi jiġu mmirati dawk is-sustanzi li jniġġsu li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-impatti klimatiċi kif ukoll għat-tniġġis tal-arja (bħall-komponent ta' "karbonju iswed" tal-materja partikolata) jew il-promozzjoni ta’ miżuri li jindirizzaw sustanzi li jniġġsu l-arja u gassijiet tal-klima fl-istess waqt (bħall-ammonja u l-ossidu nitruż).

3.2.1.     Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Livelli Nazzjonali Massimi tal-Emissjonijiet

Biex jintlaħqu l-miri tal-politika tal-ajru ġdida għall-2030, l-emissjonijiet ta’ tniġġis minn kull Stat Membru jeħtieġ li jkunu sostanzjalment imnaqqsa. L-istrument prinċipali għat-twassil ta’ tnaqqis kosteffettiv huwa d-Direttiva dwar il-Livelli Nazzjonali Massimi tal-Emissjonijiet (NEC - National Emission Ceilings).

Il-proposta ta' akkumpanjament għal Direttiva dwar l-NEC riveduta testendi l-orizzont tal-politika sal-2030, b'żewġ tragwardi interim importanti: għall-2020, it-traspożizzjoni tal-obbligi internazzjonali ġodda maqbula bħala parti mill-Protokoll emendat ta' Gothenburg; u għall-2025, l-obbigi tat-tnaqqis intermedji biex tinżamm it-trajjettorja lejn l-2030. Il-proposta ssaħħaħ ukoll il-koerenza mal-valutazzjoni u l-ġestjoni tal-istandards tal-kwalità tal-arja misjuba fid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja u mal-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima, u se tikkontribwixxi biex tillimita l-bidla fil-klima.[20] Fiha wkoll dispożizzjonijiet imtejba dwar inventarji, projezzjonijiet u monitoraġġ tal-ekosistema, biex tkejjel l-implimentazzjoni b’mod aktar effettiv. L-iskeda ta’ rappurtar ġiet allinjata ma’ dik għall-gassijiet b’effett ta’ serra. Aktar opportunitajiet għal sinerġiji bejn il-flussi tad-dejta se jiġu eżaminati fl-evalwazzjoni li jmiss tar-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Sustanzi Niġġiesa.

Għall-2030 il-proposta tinkludi[21] obbligi nazzjonali kosteffettivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-erba' sustanzi oriġinali li jniġġsu l-arja (SO2, NOx, VOCs li mhumiex metan, u NH3) u għal tnejn ġodda: PM2.5 primarju (materja partikolata fina, li għandha impatt maġġuri fuq is-saħħa) u CH4 (metan, sustanza ewlenija li tniġġes il-klima li għandha ħajja qasira). Fl-implimentazzjoni tat-tnaqqis PM2.5, se jkun hemm enfasi partikolari fuq it-tnaqqis tal-karbonju iswed (KI), is-sustanza l-oħra li tniġġes il-klima u li għandha ħajja qasira. Il-miżuri tas-CH4 u l-KI se jipprovdu kobenefiċċji klimatiċi diretti filwaqt li jwittu t-triq għal azzjoni internazzjonali. Huma proposti arranġamenti ta’ flessibbiltà, biex jitħalla spazju għall-inċertezzi rigward metodi tal-inventarju tal-emissjonjiet u t-taħlita tal-enerġiji tal-ġejjieni mingħajr ma titqiegħed f'periklu l-integrità tal-istrument.

3.2.2.     Nisfruttaw il-potenzjal kollu tal-kontrolli eżistenti fis-sors: L-emissjonijiet industrijali, l-Ekodisinn, u Makkinarju Mobbli Mhux tat-Triq

Filwaqt li d-Direttiva dwar n-NEC tagħti lill-Istati Membri l-akbar flessibilità possibbli biex jidentifikaw il-miżuri adatti, bosta partijiet interessati talbu għall-appoġġ permezz ta’ kontrolli mmirati tas-sors tal-UE. Il-kontribuzzjonijiet settorjali possibbli huma preżentati fid-dettall fil-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja din il-Komunikazzjoni. Il-miżuri eżistenti u ppjanati tas-sors tal-UE se jkomplu jagħtu kontribuzzjoni sostanzjali biex jinkiseb it-tnaqqis meħtieġ, li jvarja minn 57 % tar-riduzzjoni rikjesta għall-VOCs għal 72 % għall-NOx. L-istrumenti ewlenin involuti huma:

· Id-Direttiva dwar l-Ekodisinn, li tindirizza l-emissjonijiet minn sorsi domestiċi tal-kombustjoni;

· Id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED - Industrial Emissions Directive) u l-programm li għaddej tagħha għall-iżvilupp tal-konklużjonijiet tal-BAT, li jkopri s-sorsi industrijali ewlenin, inkluż b’mod partikolari l-impjanti tal-kombustjoni ta’ aktar minn 50 MW;[22]

· Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Makkinarju Mobbli Mhux tat-Triq, li se tiġġenera benefiċċji sostanzjali billi testendi l-firxa tal-kapaċità u t-tipi ta' makkinarju koperti, u billi tallinja l-kontrolli mal-limiti heavy-duty tal-Euro VI.

B'kuntrast, għall-ammonja, il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sors se twassal biss madwar 25 % tat-tnaqqis meħtieġ. B'hekk, il-każ għal miżuri tas-sors għall-agrikoltura huwa urġenti, u l-kwistjoni hija inkluża fit-taqsima 3.2.4 ta' hawn taħt.

3.2.3.     Proposta għal Direttiva dwar Impjanti Medji tal-Kombustjoni[23]

Id-distakk ewlieni fil-leġiżlazzjoni tas-sors tal-UE (minbarra l-agrikoltura) jikkonċerna l-emissjonijiet minn installazzjonijiet tal-kombustjoni b’kapaċità termali ta’ bejn il-1 u l-50 MW, li huma importanti wkoll biex jiġu evitati l-kompromessi bejn il-politika tal-kwalità tal-arja u dik tal-enerġija rinnovabbli (notevolment b'rabta mal-użu miżjud tal-bijomassa). Id-Direttiva proposta dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja minn impjanti medji tal-kombustjoni (MCP - medium combustion plants) se tipprovdi strument effettiv biex ikompli jitnaqqas it-tniġġis ta’ NOx, SO2 u PM permezz ta’ valuri ta’ limitu xierqa għall-installazzjonijiet ġodda u dawk eżistenti, flimkien ma’ skema ta’ reġistrazzjoni sempliċi. Dan iwassal l-akbar proporzjon bejn il-benefiċċji u l-ispejjeż bi ftit spejjeż amministrattivi. Id-Direttiva se tgħin biex titwassal parti sinifikanti tal-obbligi tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-Istati Membri.

3.2.4.     Miżuri biex irażżnu l-emissjonijiet tal-ammonja mill-agrikoltura

Biex jintlaħqu l-miri tal-politika tal-ajru l-ġdida għall-2030, id-Direttiva proposta dwar l-NEC teħtieġ tnaqqis tal-ammonja ta’ 27 %. Id-Direttiva tistipula sett ta’ miżuri tas-sors li għandhom jitqiesu mill-Istati Membri meta jkunu qed jiżviluppaw il-programmi nazzjonali. Bosta minn dawn huma kosteffettivi anki f'irziezet pjuttost żgħar. L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu appoġġ billi jallokaw riżorsi xierqa li jagħmlu parti mill-Fondi għall-Iżvilupp Rurali. Se jiġu eżaminati għażliet għal aktar kontrolli tas-sors fil-livell tal-UE, inkluż rekwiżit ġenerali għal bilanċ tan-nutrijenti fl-applikazzjoni tal-fertilizzant, kontrolli speċifiċi dwar il-ġestjoni tad-demel, u l-ittikkettjar u dispożizzjonijiet oħra għall-fertilizzanti inorganiċi (fil-kuntest tar-rieżami li għaddej bħalissa tar-Regolament dwar il-Fertilizzanti). Bosta minn dawn il-miżuri se jgħinu wkoll biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-ossidu nitruż, gass serra b'saħħtu rregolat mill-Protokoll ta’ Kjoto.[24]

3.2.5.     Il-kontroll tal-emissjonijiet mit-trasport marittimu

Ir-reviżjoni tal-2012 tad-Direttiva dwar il-Kontenut ta' Kubrit tal-Karburanti Likwidi[25] tiżgura li l-aktar miżuri kosteffettivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-kubrit mit-trasport marittimu fl-UE diġà qegħdin jitħejjew, bl-istandard SECA ta' kontenut tal-kubrit ta’ 0.1 % fil-Baltiku u fil-Baħar tat-Tramuntana mill-2015, u l-istandard globali ta’ massimu ta’ 0.5 % kubrit fl-ilmijiet kollha tal-UE mis-sena 2020.

Madanakollu, analiżi preċedenti turi li l-emissjonijiet mit-trasport marittimu se jibqgħu jimpattaw il-kwalità tal-arja fuq l-art,[26] u li t-tnaqqis mill-qasam jista' jkun kosteffettiv. Jekk wieħed iqis il-karattru internazzjonali tat-trasport marittimu u d-dipendenza tal-Ewropa fuqu, għandha dejjem tingħata preferenza lill-iżvilupp politiku fil-livell internazzjonali (IMO), bħad-deżinjazzjoni taż-Żoni ta' Kontroll tal-Emissjonijiet tal-NOx u l-infurzar tal-istandards tal-emissjonijiet tal-NOx li diġà nqabblu mill-IMO. Il-proposta għal Direttiva riveduta dwar in-NEC għandha l-għan li tinċentiva tali tnaqqis mit-trasport marittimu billi tippermetti li dawn jagħmlu tajjeb għalihom l-obbligi tat-tnaqqis għal sorsi bbażati fuq l-art għall-2025 u l-2030.[27]

3.2.6.     Miżuri mhux regolatorji

Bħala parti mir-reviżjoni, il-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent mexxew flimkien proġett pilota ta' implimentazzjoni dwar l-arja[28] biex jevalwa l-esperjenza prattika ta’ tnax-il belt Ewropea fi ħdan il-qafas attwali ta' politika. L-adegwatezza globali tal-politika ġiet ikkonfermata, iżda ġew identifikati għadd ta’ oqsma fejn jista' jsir titjib, inkluża l-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar u l-bini tal-kapaċità għall-valutazzjoni u l-ġestjoni. Firxa ta’ miżuri mhux regolatorji huma ppreżentati bħala appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika, b’mira partikolari lejn id-dimensjonijiet urbani, agrikoli u internazzjonali filwaqt li jiġu promossi rabtiet eqreb bejn dawk li jfasslu l-politika u l-komunità tar-riċerka u l-innovazzjoni. Id-dimensjoni urbana kienet ikkunsidrata fit-taqsima 2.2.3 ta' hawn fuq; l-oħrajn huma indirizzati hawn taħt.

3.2.6.1.  Impenn attiv mas-settur tal-biedja

Il-kontribut li tista' tagħti l-agrikoltura għal kwalità tal-arja mtejba huwa ċar, u għadd ta' fergħat ta' attività qegħdin jingħaqdu: il-livelli massimi riveduti dwar l-ammonja bħala parti mill-NECD, id-Dokument ta' Gwida dwar l-Ammonja tal-UNECE,[29] il-fokus li qiegħed jiżdied fil-Politika Agrikola Komuni dwar il-ħarsien ambjentali, u l-kobenefiċċji tal-kontroll tat-tniġġis tal-arja għall-klima, l-ilma u l-ħamrija. Biex tgħaqqad dawn il-fergħat f'massa kritika u tippromwovi l-impenn attiv mal-komunità tal-biedja, is-servizzi dwar l-ambjent u l-agrikoltura tal-Kummissjoni se jistabbilixxu flimkien pjattaforma tal-agrikoltura bħala parti mill-Forum Ewropew dwar l-Arja Nadifa (ara t-taqsima 5.1 ta' hawn taħt).

3.2.6.2.  Il-mobilizzazzjoni ta' azzjoni internazzjonali

Ir-ratifika mill-UE tal-emenda tal-2012 tal-Protokoll ta’ Gothenburg hija importanti biex tistimula r-ratifikazzjoni usa’ minn partijiet li mhumiex fl-UE, sabiex tippromwovi l-ekonomija ekoloġika f’pajjiżi terzi u, fl-aħħar mill-aħħar, biex tnaqqas l-impatt tagħhom fuq il-kwalità tal-arja tal-UE. Għaldaqstant, proposta għal ratifika takkumpanja din l-Istrateġija. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll l-impenn tagħha mal-Istati tal-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkażu u l-Ażja Ċentrali (EECCA) biex jimplimentaw il-Protokoll ta’ Gothenburg, fost l-oħrajn billi tipprovdi assistenza finanzjarja fejn xieraq permezz ta’ assistenza tal-UE għall-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp. Il-miri l-ġodda għall-2030 se jistabbilixxu wkoll l-aġenda għal reviżjoni fil-ġejjieni tal-Protokoll ta’ Gothenburg, li għandha timmira lejn approċċi koerenti ta’ politika li jkomplu jnaqqsu t-tniġġis tal-arja fir-reġjun UNECE, iżda wkoll lejn impenn ma’ partijiet kbar minn barra li jniġġsu, partikolarment fl-Ażja.

3.2.6.3.  Il-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni

Ir-reviżjoni wasslet ukoll aġenda ċara għar-riċerka nazzjonali u tal-UE li tappoġġa l-ġestjoni aħjar tal-kwalità tal-arja fl-UE. Il-programm tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-2014 sal-2020, Orizzont 2020, għandu l-għan li jħaffef it-trasformazzjoni tas-soċjetà lejn ekonomija ekoloġika, u b’hekk inaqqas l-effetti negattivi fuq is-saħħa u l-ambjent minħabba t-tniġġis tal-arja fl-Ewropa. Dan se jrawwem approċċi integrati biex jindirizzaw it-tniġġis tal-arja u t-tibdil fil-klima sabiex isibu soluzzjonijiet sostenibbli u fuq terminu twil fl-UE. Se jiġu żviluppati għodod u strateġiji avvanzati u innovattivi biex itejbu l-kwalità tal-arja, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi lokali. L-iżviluppi teknoloġiċi fil-qasam tat-trasport se jinkludu magni ġodda b'emissjonijiet baxxi waqt is-sewqan veru, u t-tnaqqis ta’ emissjonijiet mhux mid-duħħan. Barra minn hekk hemm ħtieġa kontinwa li tittejjeb l-integrazzjoni tal-għarfien għall-applikazzjoni tal-politika fuq livelli varji ta’ politika. Ir-riċerka FP7 attwalment tappoġġja l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar l-arja f’oqsma bħalma huma għodod ta’ valutazzjoni integrata, forzi klimatiċi b'ħajja qasira, l-aspetti soċjoekonomiċi u l-effetti fuq l-ekosistemi. Minbarra li tfittex dawn il-miżuri, il-Kummissjoni se tippubblika u taġġorna ta' spiss il-prijoritajiet għar-R&I għat-titjib tal-kwalità tal-arja.

4.           Tkabbir u Kompetittività

Il-politika tal-ajru l-ġdida se tagħti stimulu lill-ekonomija permezz ta’ titjib fil-produttività tax-xogħol u s-swieq tat-teknoloġija u s-servizzi ambjentali li huwa daqs l-ispejjeż tal-kontroll tat-tniġġis.  Kumpaniji żgħar kif ukoll kbar tal-inġinerija li jagħmlu suċċess fil-qasam tat-teknoloġija nadifa huma fost il-kumpaniji l-iktar avvanzati u innovattivi tal-Ewropa.  L-istimolu addizzjonali flimkien mal-enfasi msaħħa ta' Orizzont 2020 se jiżguraw li l-mixja lejn l-innovazzjoni tibqa' għaddeja.  Il-politika se żżid il-produttività b'madwar 100 000 ekwivalent ta' impjiegi full time, li minnhom madwar 40 000 se jkunu impjiegi ġodda maħluqa.

Is-suq għal din it-teknoloġija kull ma jmur qed isir aktar internazzjonali.  L-imsieħba kummerċjali ewlenin tagħna fl-ekonomiji avvanzati tad-dinja diġà għandhom standards iktar stretti mill-UE.  Biex inbiegħu f’dawk is-swieq għandna bżonn mexxejja domestiċi fit-teknoloġija.  Ir-rapport tal-OECD 'Environment Outlook 2050' juri wkoll fokus miżjud fuq it-tniġġis tal-arja fl-ekonomiji emerġenti. Dan se jiġġenera iktar domanda għal soluzzjonijiet tal-arja nadifa globalment b'opportunitajiet miżjuda fis-suq għall-kumpaniji Ewropej. Iċ-Ċina dan l-aħħar ħabbret investiment ta’ 0,4 % tal-PGD fis-sena tul il-ħames snin li ġejjin fil-kontroll tat-tniġġis tal-arja f’Bejġing biss[30] — dan huwa ikbar mill-ispejjeż ta' implimentazzjoni ta' dan il-pakkett għall-UE kollha. In-negozji Ewropej se jkunu f’pożizzjoni tajba biex jibbenefikaw minn dan l-investiment.

5.           Il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-reviżjoni

5.1.        Il-Forum Ewropew dwar l-Arja Nadifa

Il-Kummissjoni se twaqqaf Forum dwar l-Arja Nadifa biex tħaffef l-implimentazzjoni kkoordinata ta’ din l-Istrateġija u tlaqqa’ flimkien il-partijiet interessati rilevanti kollha kull sentejn. Il-Kumitat Regolatorju dwar il-kwalità tal-arja u l-gruppi ta’ esperti assoċjati se jibqgħu jintużaw għal titjib tekniku fid-Direttivi, u biex iqarrbu lejn xulxin lill-komunitajiet tal-kwalità tal-arja u tal-emissjonijiet.

5.2.        L-għażla taż-żmien u l-proċess

Il-progress fil-kisba tal-għanijiet u l-implimentazzjoni tal-istrumenti se jiġi rivedut kull ħames snin, bl-ewwel reviżjoni sal-2020. Il-progress lejn il-miri l-ġodda tal-politika tal-ajru għall-2030 se jiġi evalwat billi jintużaw l-indikaturi li huma espressi fihom. It-tnaqqis fl-emissjonijiet veri minn vetturi ħfief tad-diżil u l-progress fil-konformità mal-Istandards tal-Kwalità tal-Arja Ambjentali se jiġu segwiti mill-qrib permezz tal-mekkaniżmi eżistenti tar-rappurtar. L-analiżi li tirfed il-valutazzjoni tal-impatt se tkun aġġornata kull sentejn, u r-reviżjonijiet tal-progress se jiġu mressqa lill-Forum dwar l-Arja Nadifa.

L-ewwel reviżjoni se tivvaluta jekk hemmx lok għal aktar azzjoni dwar l-istandards tal-kwalità tal-arja ambjentali, meta wieħed iqis ukoll il-bilanċ xieraq bejn il-valuri ta’ limitu tal-kwalità tal-arja li japplikaw kullimkien, u l-kunċetti alternattivi li jiffukaw fuq żoni b'esponiment partikolarment għoli tal-popolazzjoni.

6.           Konklużjoni

Il-mira ambizzjuża tal-Ewropa fuq terminu twil għall-kwalità tal-arja tista' tinkiseb biss fi stadji. It-tnaqqis tal-Istrateġija preċedenti (2005) se jiġi implimentat b'mod wiesgħa sal-2020, permezz ta’ kombinament ta’ azzjonijiet tal-Istati Membri u tal-UE. Dawn se jwasslu għal tnaqqis kbir fl-impatti negattivi tat-tniġġis fuq is-saħħa tal-bnedmin u fuq l-ambjent, iżda se jibqa' xi problemi sostanzjali. L-istrateġija l-ġdida turi li passi oħra lejn l-għan fuq terminu twil tal-UE huma possibbli, bit-twassil ta’ benefiċċji għas-saħħa ta’ €45 biljun u benefiċċji ambjentali kbar. Dan se jwitti t-triq biex l-istandards ta’ kwalità tal-arja ambjentali tal-UE jagħmlu progress lejn il-konċentrazzjonijiet tal-linji gwida tad-WHO.

Politika tal-arja b'saħħitha se twieġeb għall-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini għal saħħithom u għall-benesseri tagħhom, iżda għandha wkoll benefiċċji ekonomiċi diretti. It-titjib fil-produttività u l-ispejjeż imnaqqsa għall-kura tas-saħħa jikkumpensaw bis-sħiħ l-ispejjeż tal-konformità, u l-politika hija mistennija li twassal għal żieda netta fl-impjiegi. Se jinfetħu opportunitajiet fis-swieq globali li qed jespandu b'mod mgħaġġel għal servizzi u teknoloġiji għat-trażżin. L-UE tista’ tikseb vantaġġ kompetittiv u tisfrutta l-opportunijiet billi tiffoka r-riċerka u l-iżvilupp fuq teknoloġiji effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u li jniġġsu anqas u li pajjiżi oħra fl-aħħar mill-aħħar se jkollhom jadottaw.

[1]               L-OECD Environment Outlook 2050 disponibbli fuq

http://www.oecd.org/document/11/0,3746,en_2649_37465_49036555_1_1_1_37465,00.html. Dan il-prospett jistma li l-għadd ta’ mwiet prematuri minn esponiment għal sustanzi partikolati li jniġġsu l-arja li jwasslu għal insuffiċjenza respiratorja jista’ jirdoppja mil-livelli attwali għal 3.6 miljun fis-sena globalment, bil-biċċa l-kbira minnhom fiċ-Ċina u fl-Indja. Minħabba l-popolazzjonijiet urbanizzati u li qegħdin jixjieħu tagħhom, il-pajjiżi tal-OECD x’aktarx li jkollhom waħda mill-ogħla rati ta’ mwiet prematuri mill-ożonu troposferiku fl-2050, u l-Indja biss ikollha rata ogħla.

[2]               COM(2005)446 finali.

[3]               Id-Deċiżjoni 1600/2002/KE, " li jintlaħqu livelli ta’ kwalità li ma jħallux impatti negattivi sinifikanti fuq u riskji għas-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent".

[4]               Id-Direttiva 2001/81/KE

[5]               Jiġifieri, l-implimentazzjoni tal-verifiki tal-vetturi Euro 6 skont ir-Regolament (KE) 715/2007 sabiex ikun żgurat li l-emissjonijiet fid-dinja reali tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx) minn vetturi ħfief li jaħdmu bid-diżil huma qrib il-valuri ta' limitu fil-leġiżlazzjoni.

[6]               COM(2012) 636 finali, Brussell, 8.11.2012

[7]               Għandhom jiġu infurzati wkoll l-investigazzjoni u t-trażżin ta’ xi wħud mill-kawżi possibbli ta’ dawn id-devjazzjonijiet (manutenzjoni ħażina, il-prattika tul il-proċess ta' ċertifikazzjoni li biha tittejjeb il-prestazzjoni fir-rigward tal-emissjonijiet waqt iċ-ċiklu ta' ttestjar, apparat ta' wara l-bejgħ li jnaqqas l-effettività tas-sistemi ta' kontroll tal-emissjonijiet li jelimina jew jinjora t-tagħmir li jnaqqas it-tniġġis), peress li b'hekk ikunu jistgħu jitnaqqsu l-emissjonijiet minn vetturi b'rata għolja ta' emissjonijiet mingħajr ma jkun hemm bżonn ta' stennija għal ġenerazzjoni ġdida ta' vetturi.

[8]               It-tnaqqis tal-emissjonijiet huwa dovut għal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-emissjonijiet tal-kubrit minn impjanti tal-kombustjoni kbar (LCPs - large combustion plants), u għar-rekwiżiti ta' karburant baxx fil-kubrit għat-trasport bit-triq li ppermettew ukoll l-użu ta' apparat imtejjeb ta' posttrattament mill-Euro 4 'il quddiem.

[9]               Ara r-rapport tal-Ewrobarometru 'Attitudes of Europeans to air Quality', http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_360_en.pdf, ibbażat fuq intervisti ma' 'l fuq minn 25 000 ċittadin tal-UE.

[10]             Notevolment fin-netwerk ta' siti protetti "Natura 2000".

[11]             Ara r-rapport TSAP Baseline: Health and Environmental Impacts http://ec.europa.eu/environment/air/pdf/tsap_impacts.pdf għal metodoloġija tal-kalkolu.

[12]             Perċentwal taż-żona ta' ekosistemi fl-UE li jaqbeż it-tagħbijiet kritiċi ta' ewtrofikazzjoni.

[13]             Din hija stima tal-ispejjeż kollha minħabba t-tniġġis tal-arja, jiġifieri mhux biss l-ispejjeż diretti għall-ekonomija (ta’ telf fil-produttività, il-kura tas-saħħa, ħsad iżgħar, eċċ) iżda wkoll valwazzjoni fi flus ta’ nuqqas ta’ saħħa fuq l-individwu. L-istima hija prinċipalment ibbażata fuq is-saħħa minħabba li hemm nuqqasijiet metodoloġiċi biex ikun hemm valwazzjoni ta’ impatti ekosistemiċi f’termini monetarji.

[14]             Strettament, ma hemm l-ebda livell sikur magħruf għall-esponiment għal ċerti sustanzi li jniġġsu bħall-materja partikolata, iżda l-linji gwida tal-WHO huma stabbiliti f’livelli ta’ riskju baxx u jiġu riveduti ta' spiss.

[15]             It-tagħbijiet u l-livelli kritiċi, jiġifieri l-livelli massimi li l-ekosistema tista' tittollera mingħajr ma tiddegrada.

[16]             Il-miżuri proposti huma stmati li jwasslu għal żieda ta’ 500,000 sena ta’ ħajja miksuba kull sena.

[17]             Żieda addizzjonali ta’ 15-il miljun ġurnata tax-xogħol kull sena permezz tat-tnaqqis fil-mard minħabba t-tniġġis tal-arja.

[18]             Il-miżuri proposti huma stmati li jwasslu għal EUR 650m fi spejjeż tal-kura tas-saħħa mnaqqsa fis-sena.

[19]             Id-Direttivi dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali kienu l-fokus leġiżlattiv tat-TSAP tal-2005, imma l-prijorità għalihom issa hija l-kisba tal-konformità sħiħa mill-aktar fis possibbli.

[20]             Il-proposta żżomm ir-rekwiżit għal programmi ta’ kontroll tat-tniġġis nazzjonali iżda adattathom biex jiġu massimizzati s-sinerġiji mad-Direttivi dwar il-kwalità tal-arja ambjentali u l-politiki dwar il-klima.

[21]             Ġiet speċifikament eżaminata azzjoni dwar Sustanzi li Jniġġsu l-Klima li għandhom Ħajja Qasira (SLCPs - short lived climate pollutants). Filwaqt li bħalissa mhux xieraq li jkun hemm livell massimu separat għall-karbonju iswed (KI), l-UE u l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lil miżuri b'impatt fuq KI meta jiġu biex jilħqu l-obbligi PM2.5 ta’ tnaqqis tagħhom. Il-livell massimu l-ġdid għall-metan se jisfrutta l-potenzjal sostanzjali ta’ tnaqqis mingħajr kost jew b'kost baxx, u b’hekk jikkumplimenta t-tnaqqis tal-VOC u tal-NOx meħtieġ biex jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet tal-ożonu kemm fl-UE kif ukoll internazzjonalment. Dawn l-azzjonijiet huma mmirati wkoll lejn il-promozzjoni ta’ azzjoni internazzjonali dwar s-SLCF biex jitnaqqas it-tniġġis emisferiku tal-arja.

[22]             Teżisti skeda fis-seħħ biex jiġu adottati l-konklużjonijiet kollha tal-BAT sal-2020, iżda l-Istati Membri se jkollhom rwol ewlieni fid-determinazzjoni tal-livell tal-BAT, u għaldaqstant it-tnaqqis imwassal mill-IED.

[23]             Il-benefiċċji tal-kwalità tal-arja tad-Direttiva dwar is-Sorsi Rinnovabbli u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika huma integrati fil-linja ta’ bażi.

[24]             L-UNEP stmat li, sal-2020, globalment, jistgħu jiġu evitati kull sena emissjonijiet tal-N2O ekwivalenti għal 0.8 gigatunnellati ta’ CO2. Dan ikun jammonta għal 8 % tad-“distakk tal-emissjonijiet” bejn l-impenji ta’ tnaqqis magħmula mill-pajjiżi u l-azzjoni meħtieġa biex iż-żieda fit-temperatura globali tinżamm taħt iż-2 °C.

[25]             Direttiva 2012/33/UE

[26]             Fl-UE, fl-2005 l-emissjonijiet tal-NOx u l-SO2 mit-trasport marittimu internazzjonali kienu ekwivalenti għal madwar 25 % u 21 % tal-emissjonijiet fuq l-art. Filwaqt li l-emissjonijiet ta’ NOx minn sorsi fuq l-art huma mistennija li sal-2030 ikunu 65 % inqas, fit-trasport marittumu tas-soltu l-emissjonijiet mit-trasport marittimu jonqsu b'2 % biss.

[27]             Din il-Komunikazzjoni u l-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanjaha jissodisfaw, fis-sustanza, it-talba tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 1999/32/KE.

[28]             http://www.eea.europa.eu/publications/air-implementation-pilot-2013

[29]             Id-Deċiżjoni 2012/11, ECE/EB/AIR/113/Add. 1, adottata mill-Partijiet għall-Konvenzjoni tal-LRTAP fil-31 sessjoni tal-Korp Eżekuttiv tal-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja fuq Distanza Twila (11-13 ta’ Diċembru 2012).

[30]             http://news.xinhuanet.com/english/china/2013-09/24/c_132746706.htm.

Top