EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0286

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport tal-Kummissjoni dwar l-analiżi mwettqa skont l-Artikolu 30(9) u l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali li jittratta l-emissjonijiet mit-trobbija intensiva tal-bhejjem u mill-impjanti ta’ kombustjoni

/* COM/2013/0286 final */

52013DC0286

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport tal-Kummissjoni dwar l-analiżi mwettqa skont l-Artikolu 30(9) u l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali li jittratta l-emissjonijiet mit-trobbija intensiva tal-bhejjem u mill-impjanti ta’ kombustjoni /* COM/2013/0286 final */


WERREJ

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport tal-Kummissjoni dwar l-analiżi mwettqa skont l-Artikolu 30(9) u l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali li jittratta l-emissjonijiet mit-trobbija intensiva tal-bhejjem u mill-impjanti ta’ kombustjoni................... 3

1........... Daħla............................................................................................................................. 3

2........... Il-kuntest tal-analiżi — l-analiżi tal-IPPC li saret mill-2005 sal-2007................................ 4

2.1........ It-trobbija intensiva tal-bhejjem....................................................................................... 5

2.2........ L-istallazzjonijiet tal-kombustjoni ta’ inqas minn 50 MW.................................................. 5

2.3........ L-impjanti tal-kombustjoni ta’ 50 MW u aktar................................................................ 6

3........... L-għażliet li tqiesu bħala parti mill-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni................................. 7

3.1........ L-emissjonijiet fl-ambjent li ġejjin mit-trobbija intensiva tal-bhejjem.................................. 7

3.1.1..... It-trobbija intensiva tal-baqar (l-Artikolu 73(2)(b)).......................................................... 7

3.1.2..... Limiti ddivrenzjati ta’ kapaċità għat-trobbija ta’ speċi differenti ta’ tjur, inkluż il-każ speċifiku tas-summien (l-Artikolu 73(3)(a))........................................................................................................... 9

3.1.3..... Limiti ta’ kapaċità għat-trobbija simultanja ta’ tipi differenti ta’ annimali fl-istess installazzjoni (“irziezet imħalltin”) (l-Artikolu 73(3)(b))........................................................................................................... 9

3.2........ L-emissjonijiet fl-arja mill-kombustjoni tal-fjuwils........................................................... 10

3.2.1..... Il-kombustjoni tal-fjuwils fi stallazzjonijiet b’input termali nominali totali ta’ inqas minn 50 MW (l-Artikolu 73(2)(a)).................................................................................................................................... 10

3.2.2..... L-impjanti tal-kombustjoni ta’ 50 MW u aktar (l-Artikolu 30(9))................................... 11

4........... Il-passi li jmiss.............................................................................................................. 12

5........... Konklużjoni.................................................................................................................. 14

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport tal-Kummissjoni dwar l-analiżi mwettqa skont l-Artikolu 30(9) u l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali li jittratta l-emissjonijiet mit-trobbija intensiva tal-bhejjem u mill-impjanti ta’ kombustjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Daħla

Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali[1] (li ħafna draba tissejjaħ l-“IED”) ġiet adottata fl-24 ta’ Novembru 2010 wara tliet snin ta’ negozjati interistituzzjonali dwar il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni[2]. Id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali tfassal mill-ġdid seba’ Direttivi marbutin mal-emissjonijiet industrijali u tiġborhom f’Direttiva komprensiva waħda[3]. Id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ Jannar 2011, u kienet teżiġi li l-Istati Membri jittrasponuha fi żmien sentejn. Hija ser tidħol kompletament fis-seħħ fis-snin li ġejjin, hekk kif il-leġiżlazzjoni eżistenti titneħħa bil-mod il-mod u jiħdulha postha d-dispożizzjonijiet il-ġodda.

Id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali tkopri madwar 50 000 stallazzjoni industrijali madwar l-UE kollha, inklużi l-industriji tal-enerġija, il-produzzjoni u l-ipproċessar tal-metalli, l-industrija tal-minerali, l-industrija tas-sustanzi kimiċi, l-immaniġġjar tal-iskart u ċerti attivitajiet oħrajn bħat-trobbija intensiva tat-tjur u tal-ħnieżer. L-istallazzjonijiet koperti mid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali għandhom jitħaddmu skont permessi li jinkludu kundizzjonijiet ibbażati fuq l-aqwa tekniki disponibbli mfasslin biex jipprevjenu u, fejn dan ma jkunx prattiku, biex inaqqsu b’mod ġenerali l-emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija u l-impatt fuq l-ambjent b’mod ġenerali. Barra minn hekk, hija tinkorpora rekwiżiti minimi settorjali msaħħa għall-UE kollha għal għadd ta’ attivitajiet ewlenin li jniġġsu.

Matul il-proċess leġiżlattiv, ingħata ammont sinifikanti ta’ ħin għall-kunsiderazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, iżda, meta mqabbel mad-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (l-IPPC), fl-aħħar nett il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali relattivament baqa’ ma nbidilx. Madankollu, ġie konkluż li għadd ta’ attivitajiet kienu jeħtieġu iktar skrutinju b’rabta mal-potenzjal tagħhom li jikkawżaw it-tniġġis u mal-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu biex jiġi ttrattat it-tali tniġġis. Dan wassal biex fid-Direttiva ġew inklużi l-klawżoli ta’ analiżi, b’mod partikulari fl-Artikolu 30(9) u fl-Artikolu 73. Dan ir-Rapport jittratta dawk l-analiżi:

(i) it-trobbija intensiva tal-bhejjem — l-attività agrikola fl-UE għandha impatt fuq l-ambjent f’dak li għandu x’jaqsam mal-emissjonijiet fl-art, fl-ilma u fl-arja. B’mod partikulari, l-agrikultura hija reponsabbli għal iktar minn 90 % tal-emissjonijiet kollha tal-ammonja fl-UE, u għadd kbir minn dawn l-emissjonijiet iseħħu minħabba t-tgħammir u t-trobbija tal-bhejjem. L-ammonja tikkontribwixxi:

· għall-formazzjoni ta’ materja partikulata “sekondarja” u, b’hekk għal impatti fuq is-saħħa li jvarjaw minn effetti żgħar fuq is-sistema respiratorja sal-mewt qabel iż-żmien;

· għall-ħsara tal-ekosistemi permezz tal-aċidifikazzjoni kif ukoll tal-ewtrofikazzjoni, ikkawżata mill-fatt li n-nitroġenu żejjed fin-nutrijenti jidħol fl-ilma ħelu u jiddisturba l-komunitajiet tal-pjanti, u b’hekk iwassal għal telf fil-bijodiversità.

Il-limiti massimi li jeżistu fil-qafas tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jaqbdu madwar 20 % tal-għadd totali ta’ ħnieżer u 60 % tal-għadd totali ta’ tjur fl-UE. L-azjendi agrikoli għat-trobbija tal-bhejjem tal-ifrat mhumiex suġġetti għad-Direttiva;

(ii) l-attivitajiet tal-kombustjoni — il-kombustjoni tal-fjuwils fl-istallazzjonijiet stazzjonarji tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-emissjonijiet ta’ għadd ta’ sustanzi li jniġġsu, fosthom id-diossidu tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu u l-materja partikulata. Filwaqt li d-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali tkopri għadd ta’ impjanti kbar tal-kombustjoni, għad hemm nuqqasijiet fil-kopertura tagħha u, barra minn hekk, il-kombustjoni tal-fjuwil fi stallazzjonijiet b’input termali nominali ta’ inqas minn 50 MW mhijiex koperta mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE.

2.           Il-kuntest tal-analiżi — l-analiżi tal-IPPC li saret mill-2005 sal-2007

Bħala parti mill-analiżi tal-leġiżlazzjoni dwar l-emissjonijiet industrijali li saret mill-2005 sal-2007 u li wasslet għall-proposta tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, il-Kummissjoni identifikat il-fatt li l-emissjonijiet minn ċerti attivitajiet kienu qed jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-tniġġis ambjentali u ma kinux ikkontrollati b’mod xieraq mil-liġi tal-UE. B’mod partikulari, ċerti tipi ta’ trobbija intensiva tal-bhejjem u l-kombustjoni tal-fjuwils fi stallazzjonijiet ta’ inqas minn 50 MW ġew eżaminati fid-dettall sabiex jitqies jekk it-tali attivitajiet għandhomx jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jew le.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni evalwat mill-ġdid il-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet validi għall-UE kollha stabbiliti fid-Direttiva dwar l-impjanti l-kbar tal-kombustjoni (l-IKK) u sabet li ħafna minn dawn il-valuri ta’ limitu ma kinux biżżejjed biex jiżguraw l-użu tal-aqwa tekniki disponibbli. Għalhekk, fil-proposta tagħha tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, il-Kummissjoni inkludiet valuri riveduti ta’ limitu sabiex dawn jiġu allinjati mal-livelli tal-emissjonijiet assoċjati mal-aqwa tekniki disponibbli kif iddefiniti fid-dokument ta’ referenza dwar l-aqwa tekniki disponibbli għall-impjanti l-kbar ta’ kombustjoni, adottat fl-2006[4]. Madankollu, allinjament bħal dan ma kienx possibbli għal ċerti tipi ta’ impjanti tal-kombustjoni speċifiċi li ma kinux koperti minn dak id-dokument ta’ referenza dwar l-aqwa tekniki disponibbli jew minn dokumenti ta’ referenza dwar l-aqwa tekniki disponibbli oħrajn, jew li ma kinux koperti biżżejjed minnhom. It-taqsimiet 2.1 sa 2.3 jipprovdu aktar dettalji dwar dawn l-eżamijiet speċifiċi li saru fil-kuntest tal-proposta oriġinali tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali mressqa mill-Kummissjoni.

2.1.        It-trobbija intensiva tal-bhejjem

Id-Direttiva dwar l-IPPC tkopri t-tipi ta’ trobbija tal-bhejjem li ġejjin:

· it-trobbija intensiva tat-tjur b’aktar minn 40 000 post għat-tjur;

· it-trobbija intensiva tal-ħnieżer b’aktar minn 2 000 post għall-ħnieżer ta’ produzzjoni (ta’ aktar minn 30 kg);

· it-trobbija intensiva tal-ħnieżer b’aktar minn 750 post għall-ħnieżer nisa.

Il-Kummissjoni wettqet żewġ studji speċifiċi[5][6] biex tistabbilixxi l-aktar miżuri kosteffettivi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonja mis-settur agrikolu. Dawn l-istudji identifikaw għażliet biex jiġi ċċarat u jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-IPPC li wasslu biex, fil-proposta tagħha tal-2007 għal tfassil mill-ġdid tad-Direttiva dwar l-IPPC, il-Kummissjoni pproponiet dan li ġej:

i) bidliet fil-limiti massimi għall-irziezet tat-tjur sabiex jitqiesu t-tipi differenti ta’ għasafar u d-differenzi fl-impatti ambjentali tagħhom; u

ii) l-inklużjoni ta’ regola bbażata fuq fatturi ekwivalenti ta’ eskrezzjoni tan-nitroġenu sabiex jiġi stabbilit jekk l-irziezet li jkollhom speċijiet ta’ tjur differenti jew l-irziezet li fihom jitrabbew kemm il-majjali u kemm it-tjur ikunux suġġetti għad-Direttiva dwar l-IPPC jew le.

Il-koleġiżlaturi qiesu li r-reviżjonijiet proposti mill-Kummissjoni ma kellhomx jiġu inkorporati fit-test leġiżlattiv aħħari dak iż-żmien iżda li kellhom isiru eżamijiet oħrajn sabiex tiġi stabbilita l-azzjoni li għandha tittieħed, jekk għandha tittieħed it-tali azzjoni. Dawn l-eżamijiet kellhom jinkludu kollox, jiġifieri kellhom iqisu l-impatti ambjentali kollha tat-tali attivitajiet agrikoli.

2.2.        L-istallazzjonijiet tal-kombustjoni ta’ inqas minn 50 MW

L-Anness I tad-Direttiva dwar l-IPPC ikopri l-istallazzjonijiet tal-kombustjoni b’input termali nominali li jaqbeż il-50 MW. Madankollu, il-kontribut tal-istallazzjonijiet tal-kombustjoni li huma iżgħar għall-emissjonijiet kollha tal-UE tas-sustanzi ewlenin li jniġġsu l-arja (id-diossidu tal-kubrit (SO2), l-ossidi tan-nitroġenu (NOx) u l-materja partikulata) ġie vvalutat bħala parti mill-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis tal-Arja tal-2005[7] u tqies li huwa pjuttost sinifikanti.

Għalhekk, l-analiżi tad-Direttiva dwar l-IPPC li saret fl-2005 sal-2007 qieset diversi għażliet sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-istallazzjonijiet tal-kombustjoni ta’ bejn l-20 u l-50 MW. Ġie konkluż li, għal għadd ta’ xenarji li fihom ġew applikati limitazzjonijiet differenti fuq l-emissjonijiet li kienu validi għall-UE kollha, l-istima tal-benefiċċji għas-saħħa li jkun hemm meta jiġu rregolati l-emissjonijiet minn dan il-grupp ta’ impjanti kienet tissupera l-ispejjeż ekonomiċi tal-konformità[8].

Għaldaqstant, fil-proposta tagħha għad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, il-Kummissjoni pproponiet li tnaqqas il-limitu tal-kapaċità mogħti fid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali sabiex jiġu koperti l-istallazzjonijiet tal-kombustjoni kollha b’input termali nominali ta’ 20 MW jew aktar. Madankollu, il-koleġiżlaturi ma qablux ma’ dan u reġgħu marru lura għal-limitu ta’ 50 MW mogħti fid-Direttiva dwar l-IPPC.

Fl-Artikolu 73(2)(a) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali ddaħħal rekwiżit li l-Kummissjoni teżamina l-ħtieġa li jiġu stabbiliti l-aktar kontrolli adattati għall-emissjonijiet mill-istallazzjonijiet tal-kombustjoni ta’ inqas minn 50 MW, b’rikonoxximent tal-importanza tal-emissjonijiet minn dawn l-istallazzjonijiet. Dawn l-eżamijiet kellhom jiffukaw l-iktar fuq l-emissjonijiet fl-arja minħabba l-impatti fuq il-kwalità tal-arja identifikati minn attivitajiet bħal dawn.

2.3.        L-impjanti tal-kombustjoni ta’ 50 MW u aktar

Il-limiti tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidi tan-nitroġenu u tat-trab mill-impjanti tal-kombustjoni b’input termali nominali ta’ 50 MW jew aktar stabbiliti fid-Direttiva dwar l-impjanti l-kbar tal-kombustjoni (l-IKK) huma “standards minimi” u huma mingħajr ħsara għar-rekwiżiti mogħtija fid-Direttiva dwar l-IPPC. B’mod partikulari, l-applikazzjoni tal-aqwa tekniki disponibbli tista’ twassal biex fil-permessi jiġu inklużi valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet aktar stretti. Madankollu, waqt l-analiżi tad-Direttiva dwar l-IPPC li saret fl-2005 sal-2007 instab li dawk il-limiti ta’ spiss kienu qed jiġu applikati bħala l-livelli “awtomatiċi” biex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet tal-permessi, għalkemm f’ħafna każijiet kienu ogħla b’mod sinifikanti mil-livelli tal-emissjonijiet assoċjati mal-aqwa tekniki disponibbli. Għalhekk, wieħed ma setax jiddependi fuq il-valuri ta’ limitu mogħtija fid-Direttiva dwar l-IKK biex jiżgura li qed jiġu applikati l-aqwa tekniki disponibbli u din il-prattika ħolqot defiċit fl-użu tal-aqwa tekniki disponibbli f’dan is-settur. Meta wieħed iqis l-ammont sinifikanti ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit (SO2), tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx) u ta’ trab mill-impjanti l-kbar tal-kombustjoni, dan kellu konsegwenzi serji f’termini tal-impatti fuq l-ambjent u fuq is-saħħa – konsegwenzi li jistgħu jitnaqqsu ferm li kieku l-aqwa tekniki disponibbli jiġu implimentati għal kollox[9].

Fid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, il-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet validi għall-UE kollha ġew allinjati mal-livelli tal-aqwa tekniki disponibbli mogħtija fid-dokument ta’ referenza dwar l-aqwa tekniki disponibbli għall-impjanti l-kbar ta’ kombustjoni, filwaqt li ġie ċċarat ir-rwol ta’ dawn il-valuri ta’ limitu bħala rekwiżiti “minimi”. Madankollu, għal xi tipi ta’ impjanti kbar tal-kombustjoni, fid-dokumenti ta’ referenza dwar l-aqwa tekniki disponibbli ma ġie ddefinit l-ebda livell ta’ emissjonijiet marbut mal-aqwa tekniki disponibbli. Minħabba f’hekk, għall-kategoriji rilevanti (li huma mniżżlin hawn taħt u fl-Artikolu 30(8) u (9) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali), jew m’hemm l-ebda valur minimu ta’ limitu tal-emissjonijiet validu għall-UE kollha ddefinit fl-Anness V tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, jew inżammu l-limiti stabbiliti fid-Direttiva dwar l-IKK:

(a) il-magni li jaħdmu bid-diżil;

(b) il-bojlers tal-irkupru fl-istallazzjonijiet għall-produzzjoni tal-polpa mill-injam jew minn materjal fibruż ieħor;

(c) l-impjanti tal-kombustjoni fir-raffineriji li jaħdmu billi jużaw ir-residwi tad-distillazzjoni u tal-konverżjoni mir-raffinar taż-żejt mhux raffinat għall-konsum tagħhom stess, waħidhom jew flimkien ma’ fjuwils oħrajn;

(d) l-impjanti tal-kombustjoni li jaħdmu bil-gass, iżda mhux bil-gass naturali;

(e) l-impjanti tal-kombustjoni fl-istallazzjonijiet kimiċi li jużaw ir-residwi likwidi tal-produzzjoni bħala fjuwil mhux kummerċjali għall-konsum tagħhom stess.

(f) Għal dawn it-tipi ta’ impjanti, l-Artikolu 30(9) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jeżiġi li l-Kummissjoni teżamina l-ħtieġa li jiġu stabbiliti valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet validi għall-UE kollha jew li jiġu emendati l-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness V, abbażi tal-aqwa tekniki disponibbli.

3.           L-għażliet li tqiesu bħala parti mill-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni

Minn meta ġiet adottata d-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali ’l hawn, il-Kummissjoni lestiet l-analiżi meħtieġa billi użat tagħrif miġbur dan l-aħħar, kif ukoll dejta miġbura bħala parti mill-analiżi oriġinali tad-Direttiva dwar l-IPPC. Barra minn hekk, il-Kummissjoni eżaminat il-qagħda marbuta mal-impjanti l-kbar tal-kombustjoni msemmija fl-Artikolu 30(9). Ir-riżultati ta’ dan ix-xogħol huma mogħtija fil-qosor hawn taħt.

3.1.        L-emissjonijiet fl-ambjent li ġejjin mit-trobbija intensiva tal-bhejjem

3.1.1.     It-trobbija intensiva tal-baqar (l-Artikolu 73(2)(b))

Il-Kummissjoni sabet li dal-ħin fl-UE qed jitrabbew madwar 90 miljun baqra. Dan l-ammont ikopri l-baqar tal-ħalib (27 %), l-erieħ (7 %) u baqar jew bhejjem tal-ifrat oħrajn (66 %). Il-bhejjem tal-ifrat jinsabu f’għadd kbir ta’ negozji, eżattament f’madwar 3.5 miljun azjenda agrikola, li jvarjaw fid-daqs minn azjendi agrikoli ċċentralizzati kbar għal impriżi żgħar li għandhom baqra waħda biss. It-trobbija tal-bhejjem tal-ifrat, li tkopri l-aspetti kollha tat-trobbija tal-baqar, fosthom l-għalf u l-ġestjoni tad-demel, dal-ħin twassal għal emissjonijiet fl-arja ta’ madwar 1 500 kilotunnellati ta’ ammonja fis-sena (41 % tal-emissjonijiet totali tal-UE) u 7 000 kilotunnellati ta’ metan fis-sena (2 % tal-emissjonijiet totali tal-UE). It-trobbija tal-bhejjem tal-ifrat hija fattur importanti wkoll b’rabta mat-tniġġis tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art min-nitrati, u l-UE ħadet azzjoni biex issolvi t-tali tniġġis permezz tad-Direttiva dwar in-Nitrati[10].

Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni qieset kemm il-miżuri ta’ kontroll li jistgħu jittieħdu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet bl-aktar mod kosteffiċjenti u kemm l-għażliet regolatorji jew leġiżlattivi għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri. Għall-miżuri ta’ kontroll, il-Kummissjoni investigat it-tipi ta’ tekniki li jeżistu fl-UE dal-ħin, u waslet għal konklużjonijiet abbażi tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Istati Membri li ddefinixxiet l-aqwa tekniki disponibbli fil-livell nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ammonja. Dan jinkludi miżuri marbutin mal-iżgurar tal-użu ta’ prattiki agrikoli tajbin fil-ġestjoni ġenerali tal-azjendi agrikoli, l-applikazzjoni ta’ strateġiji għall-għalf, id-disinn tal-istalel tal-baqar, il-ħżin u t-trattament tad-demel u tad-demel likwidu, u t-tifrix fir-raba’ tad-demel u tad-demel likwidu.

Għall-implimentazzjoni tal-politika, il-Kummissjoni analizzat għadd ta’ għażliet li jistgħu jiġu applikati sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-arja mill-baqar madwar l-UE, fosthom:

· il-ħidma mal-Istati Membri u mal-industrija tal-biedja sabiex jiġu żviluppati skemi volontarji biex jinkuraġġixxu l-użu ta’ miżuri mfasslin biex jiġu llimitati l-emissjonijiet jew sabiex ikomplu jiġu żviluppati skemi volontarji eżistenti bħal dawn;

· l-inklużjoni tal-azjendi agrikoli għat-trobbija tal-bhejjem tal-ifrat fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali;

· l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni speċifika li jkollha fil-mira b’mod speċifiku l-emissjonijiet mit-trobbija intensiva tal-baqar;

· miżuri ta’ kundizzjonalità fil-kuntest tal-politika agrikola komuni tal-UE; u

· emendi għal liġijiet oħrajn, bħad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli.

Kun af li l-aqwa tekniki disponibbli fil-kuntest tal-miżuri ta’ kontroll m’għandhomx x’jaqsmu biss mal-għażla tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, iżda jqisu wkoll kif l-aqwa tekniki disponibbli jistgħu jiġu applikati fil-kuntest tal-għażliet kollha eżaminati.

Ġew żviluppati tliet xenarji differenti msejsin fuq l-applikazzjoni ta’ livelli baxxi, moderati u għoljin ta’ ambizzjoni għall-applikazzjoni tal-aqwa tekniki disponibbli biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonja. Abbażi ta’ dan, l-emissjonijiet tal-ammonja jistgħu jitnaqqsu b’109 sa 188 kilotunnellati fis-sena meta mqabbel max-xenarju ta’ referenza f’azjendi agrikoli għat-trobbija tal-baqar tal-ħalib li jkollhom iktar minn 50 baqra. Għal tipi oħrajn ta’ azjendi agrikoli għat-trobbija tal-bhejjem tal-ifrat li jkollhom iktar minn 50 baqra, it-tnaqqis potenzjali fl-emissjonijiet ivarja minn 59 għal 108 kilotunnellati fis-sena. Eżami tal-ispejjeż amministrattivi u ta’ konformità turi li, għall-azjendi agrikoli kollha, ikun xi jkun id-daqs tagħhom, il-benefiċċji li jkollhom il-bdiewa meta japplikaw l-aqwa tekniki disponibbli huma ferm ikbar mill-ispejjeż. Madankollu, ta’ min jinnota li l-benefiċċji jiżdiedu b’rata ogħla mill-ispejjeż hekk kif jiżdied id-daqs tal-azjenda agrikola u li l-proporzjon tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji huwa ikbar fis-settur tal-ħalib meta mqabbel ma’ tipi ta’ azjendi agrikoli għat-trobbija tal-bhejjem tal-ifrat oħrajn. Barra minn hekk, li kieku kellha tiġi applikata skema sħiħa ta’ ħruġ tal-permessi skont id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali għal kull azjenda agrikola ta’ dan it-tip, madwar 12 % tal-azjendi agrikoli kollha għat-trobbija tal-baqar tal-ħalib u 23 % tal-azjendi agrikoli għat-trobbija tal-bhejjem tal-ifrat l-oħrajn ikunu jeħtieġu permess. Dan iwassal biex iktar minn 400 000 azjenda agrikola jiġu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali għall-ewwel darba. Dan xorta waħda jħalli barra għadd kbir ta’ azjendi agrikoli għat-trobbija tal-bhejjem tal-ifrat minn skema ta’ ħruġ tal-permessi skont id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali u għalhekk jonqos milli jindirizza l-emissjonijiet mill-biċċa l-kbira tal-baqar li jitrabbew fl-UE.

3.1.2.     Limiti ddivrenzjati ta’ kapaċità għat-trobbija ta’ speċi differenti ta’ tjur, inkluż il-każ speċifiku tas-summien (l-Artikolu 73(3)(a))

Il-Kummissjoni eżaminat tliet approċċi possibbli għad-divrenzjar tal-limiti ta’ kapaċità għat-trobbija ta’ speċi differenti tat-tjur:

(1) l-unitajiet ta’ bhejjem — unità ta’ bhejjem tintuża biex jitqabbel jew jiġi aggregat l-għadd ta’ annimali ta’ speċi differenti jew ta’ kategoriji differenti skont ir-rekwiziti tal-għalf tal-annimali, u unità ta’ bhejjem waħda hija ekwivalenti għal baqra li tiżen 600 kilogramm u li tipproduċi 3 000 litru ta’ ħalib fis-sena;

(2) il-fatturi ekwivalenti ta’ eskrezzjoni tan-nitroġenu — tqabbil abbażi tal-eskrezzjoni medja tan-nitroġenu għal kull annimal fis-sena; u

(3) l-ekwivalenza tal-annimali — approċċ ippeżat ibbażat fuq fatturi ta’ eskrezzjoni tan-nitroġenu u tal-fosfru, kif ukoll fuq fatturi varjabbli oħrajn li bħalissa qed jintuża fi Stat Membru wieħed.

Dawn l-approċċi tqiesu biex jinbidlu l-limiti għall-irziezet tat-tjur li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali. Minħabba li hemm ekwivalenza ambjentali wiesgħa bejn l-irziezet tal-ħnieżer li għandhom post għal 2 000 ħanżir u l-irziezet għat-trobbija tal-flieles tat-tismin (il-brojlers) li għandhom post għal 40 000 fellus tat-tismin, il-limiti għal tjur ta’ tipi oħrajn ġew ikkalkulati abbażi tal-limitu tal-irziezet għat-trobbija tal-flieles tat-tismin li għandhom post għal 40 000 fellus tat-tismin. L-applikazzjoni tat-tliet approċċi turi varjazzjonijiet konsiderevoli fil-limiti li jistgħu jiġu stabbiliti għal speċijiet ta’ tjur differenti skont id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali. Għall-għasafar li tipikament ikunu iżgħar mill-flieles tat-tismin, il-limiti jistgħu jogħlew b’mod sinifikanti u jistgħu jkunu minn 85 000 sa 320 000 post għas-summien. Għall-għasafar li tipikament ikunu ikbar mill-flieles tat-tismin, il-limiti jkunu inqas. Pereżempju, għall-irziezet għat-trobbija tad-dundjani, il-limiti jkunu jvarjaw minn 9 200 post sa 21 000 post skont l-approċċ użat.

Minħabba n-natura tal-irziezet tat-tjur differenti fl-UE kollha, jidher li, meta jintużaw it-tliet metodi ta’ kalkolu, il-limiti mmodifikati dejjem se jwasslu għal żieda netta fl-għadd ta’ rziezet tat-tjur li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali. Il-kalkoli tal-ispejjeż u tal-benefiċċji li jkun hemm jekk wieħed jagħmel it-tali tibdil jindikaw li se jiġu inklużi bejn 900 u 3 200 stallazzjoni. Filwaqt li, fil-każijiet kollha, il-benefiċċji ambjentali ta’ ammont imnaqqas tal-ammonja se jkunu ferm ikbar mill-ispejjeż tal-konformità, dan se jwassal għal tnaqqis limitat ta’ bejn 4 u 35 kilotunnellata fis-sena fl-emissjonijiet tal-ammonja. Huwa stmat li l-benefiċċji annwali netti se jkunu ta’ bejn EUR 30 miljun u EUR 1 biljun kull sena. Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-aqwa tekniki disponibbli se twassal għal benefiċċji addizzjonali minħabba li jonqsu l-ammont ta’ trab u l-irwejjaħ.

3.1.3.     Limiti ta’ kapaċità għat-trobbija simultanja ta’ tipi differenti ta’ annimali fl-istess installazzjoni (“irziezet imħalltin”) (l-Artikolu 73(3)(b))

L-analiżi li saret skont l-Artikolu 73(3)(b) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali marbuta mal-irziezet imħalltin tixbah lill-analiżi li saret skont l-Artikolu 73(3)(a) dwar limiti ddivrenzjati ta’ kapaċità għat-trobbija ta’ speċi differenti ta’ tjur, minħabba li t-tliet approċċi ewlenin identifikati għall-ponderazzjoni tal-emissjonijiet biex jiġu dderivati l-limiti huma l-unitajiet tal-bhejjem, il-fatturi ekwivalenti ta’ eskrezzjoni tan-nitroġenu u l-ekwivalenza tal-annimali. L-analiżi tal-Kummissjoni uriet li għadd ta’ Stati Membri diġà jirregolaw l-irziezet imħalltin billi japplikaw wieħed minn dawn it-tliet approċċi. Il-Kummissjoni ħadmet it-tnaqqis indikattiv li jkun hemm fl-emissjonijiet mill-irżiezet jekk jiġu applikati l-aqwa tekniki disponibbli, għamlet valutazzjoni tal-ispejjeż u tal-benefiċċji li jkun hemm jekk tiġi applikata regola għall-irziezet imħalltin skont l-Anness I tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali u ħadmet l-istima tal-għadd totali ta’ rziezet li jistgħu jiġu affettwati fl-UE kollha. Ir-riżultati jindikaw li l-inklużjoni tal-irziezet imħalltin fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali twassal għal tnaqqis ta’ madwar 1 sa 20 kilotunnellata ta’ emissjonijiet tal-ammonja fis-sena. Barra minn hekk, il-benefiċċji tat-tnaqqis tal-ammonja, flimkien ma’ benefiċċji ambjentali oħrajn li se jinkisbu bħat-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-metan u t-tnaqqis fl-ammont ta’ trab u fl-irwejjaħ, se jkunu ferm ikbar mill-ispejjeż tal-konformità. Huwa stmat li l-benefiċċji annwali netti se jkunu ta’ bejn EUR 5 miljun u EUR 540 miljun kull sena. X’aktarx li jkun hemm madwar 600 sa 1 800 razzett li jiġu affettwati minn tibdil bħal dan.

Ġie ezaminat ukoll il-mod eżatt ta’ kif jiġu kkalkulati l-limiti għall-irziezet imħalltin. Huwa ċar li, sabiex approċċ bħal dan jaħdem, il-mod eżatt kif għandha ssir il-ponderazzjoni tal-impatti ambjentali mill-ħnieżer u mit-tjur se jkollu jiġi spjegat jew saħansitra inkluż fil-leġiżlazzjoni nnifisha, sabiex ikun hemm il-konsistenza fil-kalkoli li jsiru fil-livell tal-Istati Membri.

3.2.        L-emissjonijiet fl-arja mill-kombustjoni tal-fjuwils

3.2.1.     Il-kombustjoni tal-fjuwils fi stallazzjonijiet b’input termali nominali totali ta’ inqas minn 50 MW (l-Artikolu 73(2)(a))

Filwaqt li kompliet testendi x-xogħol li sar bħala parti mill-analiżi tal-IPPC, il-Kummissjoni ġabret tagħrif addizzjonali dwar l-għadd ta’ impjanti tal-kombustjoni ta’ bejn il-1 u l-50 MW, dwar il-kapaċità u l-konsum tal-fjuwil tagħhom u dwar l-emissjonijiet minnhom. Billi mliet in-nuqqasijiet fid-dejta li kien għad fadal permezz tal-estrapolazzjoni, hija setgħet tikkumpila sett tad-dejta li kien komplut biżżejjed biex jiġu vvalutati l-għażliet possibbli ta’ kontroll, minkejja l-fatt li ġew irrikonoxxuti ċerti limitazzjonijiet fid-dejta.

Is-sett tad-dejta juri li l-istallazzjonijiet tal-kombustjoni ta’ bejn il-1 u l-50 MW jitħaddmu f’diversi setturi u jintużaw, fost l-oħrajn, għat-tisħin, għall-ġenerazzjoni tal-elettriku u għall-ġenerazzjoni tal-enerġija f’firxa wiesgħa ta’ attivitajiet industrijali.

Ġie kkonfermat li bosta Stati Membri diġà jirregolaw dawn l-impjanti sa ċertu punt, u kunsiderazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fl-Istati Membri għenet biex ġew identifikati l-punti fejn jista’ jkun hemm l-ikbar benefiċċji ambjentali meta wieħed jimplimenta limiti minimi tal-emissjonijiet validi għall-UE kollha.

Twettqet valutazzjoni preliminari tal-għażliet ta’ kontroll li ġejjin għall-istallazzjonijiet tal-kombustjoni ta’ bejn il-1 u l-50 MW:

1. l-għażla li dawn l-impjanti jiġu rregolati daqslikieku kienu attività ġdida fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali u jiġu suġġetti għal limiti tal-emissjonijiet validi għall-UE kollha għall-emissjonijiet fl-arja minnhom (ġew ivvalutati żewġ livelli differenti ta’ ambizzjoni);

2. l-għażla li dawn l-impjanti jiġu rregolati mingħajr ma jkun hemm skema sħiħa ta’ ħruġ tal-permessi, iżda billi jkunu suġġetti għal limiti tal-emissjonijiet validi għall-UE kollha għall-emissjonijiet fl-arja minnhom.

Saret distinzjoni bejn tliet kategoriji ta’ impjanti, skont l-input termali nominali tagħhom: impjanti ta’ bejn il-1 u l-5 MW, ta’ bejn il-5 u l-20 MW u ta’ bejn l-20 u l-50 MW.

Barra minn hekk, ġiet mistħarrġa għażla bbażata fuq l-użu ta’ standards tal-prodotti għal impjanti disponibbli ġodda li jkunu jinsabu fil-grupp bl-iżgħar kapaċità, iżda l-impatti ta’ din l-għażla ma setgħux jiġu vvalutati bis-sħiħ.

Il-valutazzjoni preliminari qieset il-benefiċċji ambjentali u għas-saħħa mogħtija f’valur monetarju, kif ukoll l-impatti ekonomiċi f’termini tal-ispejjeż tal-konformità u tal-ispejjeż amministrattivi. Din il-valutazzjoni uriet li, kważi fix-xenarji kollha, il-benefiċċji huma ferm akbar mill-ispejjeż, u uriet il-qligħ potenzjali tar-regolazzjoni ta’ dawn l-impjanti tal-kombustjoni fil-livell tal-UE. L-ispejjeż amministrattivi, għalkemm ġeneralment ikunu ħafna inqas mill-ispejjeż reali tal-konformità, jistgħu jiġu ristretti billi tingħażel skema li ma jkunx fiha rekwiżiti sħaħ għall-ħruġ tal-permessi, b’mod partikulari għall-kategorija ta’ impjanti b’kapaċità iżgħar, bħalma hemm diġà għal ċerti stallazzjonijiet li huma iżgħar fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali.

3.2.2.     L-impjanti tal-kombustjoni ta’ 50 MW u aktar (l-Artikolu 30(9))

Bħalissa qed issir ir-reviżjoni ta’ diversi dokumenti ta’ referenza dwar l-aqwa tekniki disponibbli permezz tal-iskambju tat-tagħrif skont l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali. Dan il-proċess se jwassal għal konklużjonijiet dwar l-aqwa tekniki disponibbli[11] li jiddefinixxu l-aqwa tekniki disponibbli u l-livelli tal-emissjonijiet assoċjati magħhom. It-tipi ta’ impjanti tal-kombustjoni mniżżlin fl-Artikolu 30(9) kollha se jkunu koperti minn waħda minn dawn il-konklużjonijiet dwar l-aqwa tekniki disponibbli: dawk li jinsabu fl-istallazzjonijiet għall-produzzjoni tal-polpa u tal-karti, dawk li jinsabu fir-raffineriji taż-żejt u tal-gass minerali, dawk li jinsabu fl-istallazzjonijiet għall-manifattura tas-sustanzi kimiċi organiċi f’volumi kbar u l-impjanti l-kbar tal-kombustjoni (l-IKK).

Id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali saħħet sew ir-rwol tal-konklużjonijiet dwar l-aqwa tekniki disponibbli fl-istabbiliment tal-kundizzjonijiet tal-permessi u, b’mod partikulari, tal-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet. L-Artikolu 15(3) jeżiġi li, bħala regola, għandhom jintużaw il-livelli tal-aqwa tekniki disponibbli biex jiġu stabbiliti l-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet, filwaqt li l-Artikolu 15(4) jipprevedi l-possibbiltà li jkun hemm deroga minn din ir-regola, għalkemm din il-possibbiltà hija biss għal każijiet speċifiċi fejn dan ikun iġġustifikat abbażi ta’ valutazzjoni tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji. Għall-impjanti tal-kombustjoni li jingħataw it-tali derogi, il-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet imniżżlin fil-permess, madankollu, m’għandhomx jaqbżu l-valuri ta’ limitu stipulati fl-Anness V tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali.

Id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali ċċarat ukoll ir-rwol tal-valuri ta’ limitu validi għall-UE kollha bħala rekwiżiti “minimi”. Kif previst fl-Artikolu 73, l-istabbiliment ta’ valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet validi għall-UE kollha għal kategoriji partikulari ta’ stallazzjonijiet jipprovdi “xibka tas-sigurtà” sabiex ikun żgurat li ma tingħata l-ebda deroga eċċessiva mil-livelli tal-aqwa tekniki disponibbli. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li huwa importanti li l-Istati Membri jingħataw l-opportunità jimplimentaw bis-sħiħ il-konklużjonijiet li jmiss dwar l-aqwa tekniki disponibbli permezz ta’ aġġornament tal-permessi qabel ma tasal għall-konklużjoni tagħha dwar il-ħtieġa għal xibka tas-sigurtà bħal din għal ċerti kategoriji ta’ stallazzjonijiet. Għat-tipi ta’ impjanti partikulari tal-kombustjoni msemmija fl-Artikolu 30(9), minħabba li la hemm konklużjonijiet dwar l-aqwa tekniki disponibbli, u wisq anqas tagħrif dwar l-implimentazzjoni eventwali tagħhom, f’dan l-istadju mhuwiex possibbli li jiġu vvalutati l-benefiċċji addizzjonali li valuri ġodda ta’ limitu tal-emissjonijiet validi għall-UE kollha jew valuri emendati tagħhom iġibu magħhom.

Ladarba l-konklużjonijiet dwar l-aqwa tekniki disponibbli għal dawn l-impjanti jkunu ġew adottati, ir-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tagħhom mill-Istati Membri skont l-Artikolu 72 se jippermetti lill-Kummissjoni tidentifika l-ħtieġa għal dispożizzjonijiet minimi addizzjonali dwar “xibka tas-sigurtà”. Il-Kummissjoni se tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan skont l-Artikolu 73(1).

4.           Il-passi li jmiss

Hija u tqis l-azzjonijiet possibbli li għandhom jittieħdu abbażi tar-riżultati tal-analiżi, il-Kummissjoni qieset bix-xieraq l-ispejjeż u l-benefiċċji li jista’ jkun hemm minħabba dawn l-azzjonijiet. Għandhom jiġu rrikonoxxuti wkoll ir-rabtiet ma’ inizjattivi oħrajn, u b’mod partikulari:

i) il-proposta tal-Kummissjoni għar-riforma tal-politika agrikola komuni[12] li tippermetti appoġġ għall-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni sabiex jiġu llimitati l-emissjonijiet fl-arja fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija li jkunu ġejjin minn attivitajiet ewlenin bħat-trobbija tal-bhejjem u l-użu tal-ferilizzanti;

ii) ir-reviżjoni li saret dan l-aħħar tal-Protokoll ta’ Gotenburg, skont il-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti, dwar it-Tniġġis Transkonfinali tal-Arja Fuq Distanza Twila sabiex jitnaqqsu l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ożonu troposferiku, li tinkludi limiti rriveduti għall-emissjonijiet annwali tal-ammonja għall-2020, kif ukoll klawżola ta’ analiżi għal azzjoni fil-ġejjieni biex jitrażżnu l-emissjonijiet tal-ammonja mis-settur agrikolu; u

iii) l-analiżi tal-Kummissjoni tal-politika tal-UE dwar il-kwalità tal-arja, skedata għall-2013, li se tħares lejn il-kosteffettività ta’ għadd ta’ għażliet ta’ kontroll oħrajn biex jitnaqqsu l-impatti ambjentali u fuq is-saħħa tat-tniġġis tal-arja, inkluż dak li ġej mill-agrikoltura u mill-kombustjoni.

B’hekk, il-Kummissjoni se tieħu l-azzjonijiet li ġejjin b’rabta mar-riżultati tal-analiżi koperti minn dan ir-rapport.

L-azzjoni nru 1 – l-emissjonijiet mill-bhejjem tal-ifrat u l-limiti ta’ kapaċità għat-trobbija intensiva tal-bhejjem skont id-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali

Ir-riżultati miġburin mill-analiżi dwar il-kontroll tal-emissjonijiet mit-trobbija intensiva tal-bhejjem tal-ifrat juru biċ-ċar il-benefiċċji li se jkun hemm jekk tittieħed azzjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonja minn dan is-settur. Madankollu, huwa ċar li l-emissjonijiet mis-settur tat-trobbija tal-bhejjem tal-ifrat m’għandhomx jitqiesu b’mod iżolat migħajr ma jitqiesu tipi ta’ rziezet tal-annimali oħrajn. Għalhekk, filwaqt li tirrikonoxxi l-fatt li l-akbar tnaqqis fl-emissjonijiet għandu x’jaqsam mal-ġestjoni tad-demel, il-Kummissjoni tqis li eżami iktar fil-fond tal-possibbiltajiet għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-tifrix tad-demel għal kull tip ta’ razzett għandu jidentifika dawk l-aspetti li joffru l-ogħla proporzjon ta’ benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż fit-trattament tal-emissjonijiet, filwaqt li tingħata attenzjoni partikulari lill-ispejjeż potenzjali tal-konformità u tal-piż amministrattiv għas-settur tal-biedja u lill-ħtieġa li dawn l-ispejjeż ikunu proporzjonati mal-benefiċċji potenzjali. Studju bħal dan se jitwettaq fl-2013 u, minbarra li jqis l-azzjonijiet fil-livell tal-UE, se jeżamina wkoll kif l-Istati Membri individwali jistgħu jippruvaw jittrattaw l-emissjonijiet fil-livell nazzjonali sabiex jikkonformaw ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-UE bħad-Direttiva dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet[13]. Bħala parti minn dan ix-xogħol, se jitqies it-tagħrif dwar it-tekniki tat-tifrix tad-demel u tad-demel likwidu fir-raba’ mogħti fid-dokument ta’ referenza dwar l-aqwa tekniki disponibbli għat-trobbija intensiva tat-tjur u tal-ħnieżer, u l-kobenefiċċji marbutin mat-tnaqqis ta’ emissjonijiet oħrajn minbarra dawk tal-ammonja se jiġu inklużi fih ukoll.

Barra minn hekk, ir-riżultati tal-analiżi tal-Kummissjoni juru li, filwaqt li jista’ jkun utli f’termini tar-riżultati ambjentali li wieħed ivarja l-limiti tal-kapaċità bejn irziezet għat-trobbija ta’ speċi differenti ta’ tjur u dawk għat-trobbija ta’ speċi mħallta ta’ annimali abbażi tal-impatt ambjentali tagħhom, it-tnaqqis potenzjali fl-emissjonijiet huwa limitat ħafna. Din il-konklużjoni tappoġġa l-analiżi oriġinali tal-Kummissjoni mwettqa fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-IPPC. Madankollu, minħabba l-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali li kien hemm dan l-aħħar, bidla oħra fid-deskrizzjonijiet rilevanti tal-attivitajiet mogħtija fl-Anness I twassal għal perjodu ta’ inċertezza għall-bdiewa waqt li l-eżitu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja jkun qed jiġi nnegozjat. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-limiti eżistenti għall-irziezet tat-tjur li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali m’għandhomx jinbidlu.

L-azzjoni nru 2 – il-kombustjoni tal-fjuwils fi stallazzjonijiet b’input termali nominali totali ta’ inqas minn 50 MW

L-analiżi tal-Kummissjoni kkonfermat li l-emissjonijiet tas-sustanzi ewlenin li jniġġsu l-atmosfera mill-istallazzjonijiet tal-kombustjoni ta’ inqas minn 50 MW jistgħu jiġu kkontrollati u jitnaqqsu b’mod sostanzjali fil-livell tal-UE b’tali mod li l-benefiċċji ambjentali u tas-saħħa jkunu ferm iktar mill-ispejjeż ta’ konformità għall-operaturi. Waqt il-valutazzjoni tal-għażliet potenzjali għal approċċ regolatorju trid tingħata attenzjoni sabiex jiġu evitati spejjeż amministrattivi eċċessivi, li jista’ jkun ir-riżultat ta’ skema estensiva ta’ ħruġ tal-permessi għall-istallazzjonijiet li huma iżgħar, filwaqt li jiġi żgurat li jitqiesu l-kobenefiċċji potenzjali. Minħabba l-inċertezzi sinifikanti identifikati, iridu jiġu elaborati u mqabblin iktar l-impatti ta’ serje ta’ għażliet qabel ma jkunu jistgħu jinsiltu konklużjonijiet sodi dwar il-merti tagħhom.

Għalhekk, se titwettaq valutazzjoni iktar fil-fond tal-għażliet l-iktar promettenti għall-kontroll tal-emissjonijiet mill-istallazzjonijiet tal-kombustjoni ta’ bejn il-1 u l-50 MW fil-kuntest ta’ analiżi tal-politika dwar it-tniġġis tal-arja.

L-azzjoni nru 3 — l-impjanti tal-kombustjoni ta’ 50 MW u aktar

Il-Kummissjoni tqis li għadu kmieni wisq biex tistabbilixxi jew temenda l-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet validi għall-UE kollha mogħtija fid-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali għall-impjanti l-kbar ta’ kombustjoni msemmija fl-Artikolu 30(9). L-ewwel nett, huwa previst li, sa tmiem l-2014, il-Kummissjoni tadotta l-konklużjonijiet dwar l-aqwa tekniki disponibbli li jkopru dawn l-impjanti. Wara dan, l-Istati Membri se jkollhom erba’ snin biex jerġgħu jeżaminaw u, fejn ikun meħtieġ, jaġġornaw il-permessi biex jiżguraw li l-aqwa tekniki disponibbli jkunu implimentati sewwa.

F’każ li r-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali jwasslu għall-identifikazzjoni ta’ defiċit fl-użu tal-aqwa tekniki disponibbli għall-istallazzjonijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni se tirraporta dwar dan fir-rapporti tagħha li tibgħat tliet darbiet fis-sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill kif previst fl-Artikolu 73(1), u tista’ tibda tistabbilixxi jew taġġorna r-rekwiżiti minimi validi għall-UE kollha.

5.           Konklużjoni

L-analiżi mwettqin mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 73(2)(a) u (b) u l-Artikolu 73(3) identifikaw il-benefiċċji ambjentali potenzjali li jistgħu jinkisbu jew jekk jiġu emendati l-liġijiet eżistenti tal-UE jew jekk jiġu żviluppati strumenti ġodda biex jiġu ttrattati l-emissjonijiet mill-attivitajiet agrikoli u mill-attivitajiet tal-kombustjoni.

Fil-każ tat-trobbija intensiva tal-bhejjem, il-Kummissjoni dal-ħin mhix beħsiebha tipproponi tibdil tal-Anness I tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali għall-attivitajiet imniżżlin fil-punt 6.6 (it-trobbija intensiva tat-tjur u/jew tal-ħnieżer) jew tinkludi l-irziezet għat-trobbija tal-bhejjem tal-ifrat fiha, minħabba li tibdil bħal dan se jwassal għal xi benefiċċji ambjentali limitati iżda jista’ jimponi spejjeż sinifikanti amministrattivi u ta’ konformità fuq għadd kbir ta’ rziezet. Madankollu, huwa ċar li l-emissjonijiet mit-tifrix tad-demel huma sinifikanti u li għandhom isiru iktar studji sabiex jiġi deċiż jekk l-emissjonijiet tal-ammonja għandhomx jiġu kkontrollati fil-livell tal-UE jew le, u kif dan għandu jsir, b’mod partikulari permezz ta’ reviżjonijiet tad-Direttiva dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet, li l-analiżi tagħha mistennija titlesta fl-2013 bħala parti minn analiżi usa’ tal-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis tal-Arja u tal-leġiżlazzjoni marbuta magħha.

Għall-kombustjoni tal-fjuwils f’impjanti b’input termali nominali ta’ inqas minn 50 MW, intwera li hemm potenzjal ċar għal tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet fl-arja u, fil-pass li jmiss, se jkomplu jiġu vvalutati l-għażliet għal azzjoni regolatorja potenzjali f’valutazzjoni tal-impatt li se tappoġġa l-analiżi tal-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis tal-Arja li qed issir bħalissa.

Għall-impjanti l-kbar tal-kombustjoni mniżżlin fl-Artikolu 30(9) tad-Direttiva dwar l-emissjonijiet industrijali, il-Kummissjoni tqis li m’hemmx bżonn temenda l-valuri eżistenti ta’ limitu tal-emissjonijiet validi għall-UE kollha jew tistabbilixxi valuri ġodda bħal dawn f’dan l-istadju, minħabba li l-konklużjonijiet rilevanti dwar l-aqwa tekniki disponibbli se jkomplu jiġu ppubblikati u inkorporati fil-permessi tal-operat tal-istallazzjonijiet hekk kif dawn jiġu aġġornat bil-mod il-mod.

[1]               ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.

[2]               COM(2007) 844 finali.

[3]               Id-Direttiva 2008/1/KE dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (l-IPPC), id-Direttiva tal-Kunsill 1999/13/KE dwar l-emissjonijiet tas-solventi, id-Direttiva 2000/76/KE dwar l-inċinerazzjoni ta’ skart, id-Direttiva 2001/80/KE dwar l-impjanti l-kbar tal-kombustjoni (l-IKK) u d-Direttivi 78/176/KEE, 82/883/KEE u 92/112/KEE dwar l-industrija tad-diossidu tat-titanju.

[4]               ĠU C 253, 19.10.2006, p. 5.

[5]               Rapport finali tal-IIASA (l-Istitut internazzjonali għall-analiżi tas-sistemi applikati) lill-Kummissjoni msejjaħ “Miżuri fl-agrikultura biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonja”, maħruġ f’Ġunju tal-2007.

[6]               Valutazzjoni tal-impatt ta’ emenda potenzjali tad-Direttiva dwar l-IPPC fir-rigward tat-trobbija intensiva tal-bhejjem (imwettqa bħala parti minn proġett dwar miżuri integrati fl-agrikultura biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonja mwettaq mill-Konsorzju Alterra, Wageningen UR, EuroCare, l-Università ta’ Bonn u A&F), maħruġa f’Ġunju tal-2007.

[7]               COM(2005) 446 finali.

[8]               Rapport maħruġ mill-kumpanija “AEA Technology” għall-Kummissjoni Ewropea f’Ottubru tal-2007, imsejjaħ “Valutazzjoni tal-benefiċċji u tal-ispejjeż tal-applikazzjoni potenzjali tad-Direttiva dwar l-IPPC (96/61/KE) għall-istallazzjonijiet industrijali tal-kombustjoni b’input termali nominali ta’ bejn 20 u 50 MW”.

[9]               Evalwazzjoni tal-ispejjeż u tal-benefiċċji tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-IPPC għall-impjanti l-kbar tal-kombustjoni, maħruġa mill-kumpanija “AEA Technology” f’Lulju tal-2007.

[10]             Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli.

[11]             “Il-konklużjonijiet dwar l-aqwa tekniki disponibbli” jirreferu għal dokument li jinkludi l-partijiet ta’ dokument ta’ referenza dwar l-aqwa tekniki disponibbli li jistabbilixxu l-konklużjonijiet dwar l-aqwa tekniki disponibbli, id-deskrizzjoni tagħhom, it-tagħrif biex tiġi vvalutata l-applikabbiltà tagħhom, il-livelli tal-emissjonijiet assoċjati mal-aqwa tekniki disponibbli, il-monitoraġġ assoċjat magħhom, il-livelli tal-konsum assoċjati magħhom u, fejn ikun xieraq, il-miżuri rilevanti ta’ rimedju għas-sit.

[12]             COM(2011) 627 finali/2.

[13]             Id-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi (ĠU L 309, 27.11.2001, p. 22).

Top