EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012XX0511(01)

L-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposti leġiżlattivi dwar Soluzzjoni Alternattiva u Online tat-Tilwim għat-tilwim tal-konsumaturi

OJ C 136, 11.5.2012, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

11.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 136/1


L-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposti leġiżlattivi dwar Soluzzjoni Alternattiva u Online tat-Tilwim għat-tilwim tal-konsumaturi

2012/C 136/01

IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, (1)

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data, u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu, (2)

ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA:

I.   INTRODUZZJONI

I.1.   Konsultazzjoni tal-KEPD u l-għan tal-Opinjoni

1.

Fid-29 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat żewġ proposti leġiżlattivi dwar soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (minn hawn ’il quddiem: “il-proposti”):

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim għal tilwim tal-konsumaturi (minn hawn ’il quddiem: “il-Proposta tal-ADR”) (3);

Proposta għal Regolament dwar Soluzzjoni Online ta’ Tilwim għat-tilwim tal-konsumaturi (minn hawn ’il quddiem: “il-Proposta tal-ODR”) (4).

2.

Fis-6 ta’ Diċembru 2011, il-KEPD irċieva l-Proposta tal-ADR u l-Proposta tal-ODR għal konsultazzjoni. Il-KEPD kien ukoll ikkonsultat informalment qabel l-adozzjoni tal-proposti u ħareġ kummenti informali. Il-KEPD jilqa’ din il-konsultazzjoni bikrija u l-fatt li l-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f’dawn il-kummenti ġew inklużi fil-proposti.

3.

Din l-Opinjoni għandha l-għan li tanalizza l-ipproċessar ta’ dejta personali previst mill-proposti u li tispjega kif dawn jindirizzaw il-kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-dejta. Hija sejra tiffoka fuq il-Proposta tal-ODR, peress li din tinvolvi l-ipproċessar ċentralizzat ta’ dejta personali relatata ma’ tilwim permezz ta' pjattaforma online.

I.2.   L-Għan tal-proposti

4.

Skemi ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim (ADR – Alternative Dispute Resolution) jipprovdu mezzi alternattivi sabiex isolvi tilwim li normalment ikun irħas u aktar veloċi milli kieku jitressaq każ il-qorti. Il-Proposta tal-ADR għandha l-għan li tiżgura li dawn l-entitajiet ikunu fis-seħħ fl-Istati Membri kollha tal-UE sabiex issolvi kwalunkwe tilwim transkonfinali tal-konsumaturi minħabba l-bejgħ ta’ prodotti jew minħabba l-forniment ta’ servizzi fl-UE.

5.

Il-Proposta tal-ODR tibni fuq din id-disponibilità madwar l-UE kollha tal-ADR għat-tilwim tal-konsumaturi. Hija tistabbilixxi pjattaforma online (minn hawn ’il quddiem: il-“pjattaforma tal-ODR”) li l-konsumaturi u l-operaturi tas-suq se jkunu jistgħu jużaw sabiex jittrażmettu lmenti dwar tranżazzjonijiet transkonfinali online lill-entità tal-ADR kompetenti.

II.   OSSERVAZZJONIJIET ĠENERALI

6.

Il-KEPD jappoġġa l-għan tal-proposti u jilqa’ l-fatt li l-prinċipji ta’ protezzjoni tad-dejta ġew ikkunsidrati mill-aktar stadju bikri tal-proċess ta’ abbozzar.

7.

Il-KEPD jilqa’ wkoll ir-referenzi għall-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-dejta fil-Proposta tal-ODR (5) u għall-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttiva 95/46/KE fil-kuntest tal-Proposta ADR (6), u kif ukoll ir-referenzi għall-konsultazzjoni lill-KEPD (7).

III.   OSSERVAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

III.1.   L-irwol tal-kontrolluri: ħtieġa għal allokazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet

8.

Skont il-Proposta tal-ODR, id-dejta se tiġi pproċessata minn tlett tipi ta’ atturi fil-kuntest ta' kull twissija sottomessa permezz tal-pjattaforma tal-ODR:

Entitajiet tal-ADR;

Faċilitaturi tal-ODR, li sejrin jipprovdu appoġġ għas-soluzzjoni tat-tilwim sottomess permezz tal-pjattaforma tal-ODR (8);

il-Kummissjoni.

L-Artikolu 11(4) jistabbilixxi li kull wieħed minn dawn l-atturi għandu jiġi kkunsidrat bħala kontrollur fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali relatata mar-responsabbiltajiet tagħhom.

9.

Madankollu, ħafna minn dawn il-kontrolluri jistgħu jitqiesu responsabbli għall-ipproċessar tal-istess dejta personali (9). Pereżempju, id-dejta relatata ma’ tilwima partikolari mibgħuta permezz tal-pjattaforma tal-ODR tista’ tiġi eżaminata minn bosta faċilitaturi tal-ODR u mill-iskema tal-ADR kompetenti li se tittratta t-tilwima. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tiproċessa din id-dejta personali għat-tħaddim u l-manutenzjoni tal-pjattaforma tal-ODR.

10.

F'dan ir-rigward, il-KEPD jilqa’ l-fatt li l-Premessa 20 tal-Proposta tal-ODR tistabbillixxi li l-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-dejta tapplika għal dawn l-atturi kollha. Madankollu, il-parti leġiżlattiva tal-proposta tal-ODR tal-inqas għandha tispeċifika lil liema kontrolluri s-suġġetti tad-dejta għandhom jindirizzaw it-talbiet tagħhom għal aċċess, rettifika, imblukkar u tħassir; u liema kontrollur ikun responsabbli fil-każ ta’ ksur speċifiku tal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data (pereżempju, għal ksur tas-sigurtà). Is-suġġetti tad-dejta għandhom jiġu informati wkoll kif xieraq.

III.2.   Limitazzjoni ta’ aċċess u l-perjodu ta’ żamma

11.

Skont l-Artikolu 11 tal-Proposta tal-ODR, aċċess għal dejta personali pproċessata permezz tal-pjattaforma tal-ODR hija limitata għal:

l-entità tal-ADR kompetenti sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwima;

il-faċilitaturi tal-ODR sabiex jappoġġjaw is-soluzzjoni tat-tilwima (eż. sabiex jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bejn il-partijiet u l-entità tal-ADR rilevanti jew sabiex jinfurmaw lill-konsumaturi dwar mezzi ta’ rimedju oħrajn minbarra l-pjattaforma tal-ODR);

il-Kummissjoni, jekk dan ikun meħtieġ għat-tħaddim u l-manutenzjoni tal-pjattaforma tal-ODR, inkluża s-sorveljanza tal-użu tal-pjattaforma minn entitajiet tal-ADR u l-faċilitaturi tal-ODR (10).

12.

Il-KEPD jilqa’ dawn il-limitazzjonijiet tal-iskop u d-drittijiet ta’ aċċess. Madankollu, mhuwiex ċar jekk il-faċilitaturi kollha tal-ODR (mill-inqas 54) huwiex se jkollhom aċċess għad-dejta personali relatata mat-tilwim kollu. Il-KEPD jirrakkomanda li jiġi ċċarat li kull faċilitatur tal-ODR se jkollu aċċess biss għad-dejta meħtieġa sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu jew tagħha skont l-Artikolu 6(2).

13.

Rigward il-perijodu ta’ żamma, il-KEPD jilqa’ l-Artikolu 11 (3), li jippermetti ż-żamma ta’ dejta personali biss għaż-żmien meħtieġ għas-soluzzjoni tat-tilwima u għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għas-suġġetti tad-dejta. Huwa jilqa’ wkoll l-obbligu li d-dejta titħassar b’mod awtomatiku 6 xhur wara l-konklużjoni tat-tilwima.

III.3.   L-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ dejta: ħtieġa possibbli għal verifika minn qabel

14.

Billi jittieħed f’kunsiderazzjoni l-għan tal-proposti, huwa possibbli li tiġi pproċessata d-dejta personali relatata ma’ ksur suspettat. Anki d-dejta dwar is-saħħa tista’ tiġi pproċessata fil-kuntest ta’ tilwim li jirriżulta mill-bejgħ ta’ prodotti jew mill-forniment ta’ servizzi relatati mas-saħħa.

15.

Għalhekk, l-ipproċessar ta’ dejta personali fil-qafas tal-pjattaforma tal-ODR jista’ jkun soġġett għal verifika minn qabel mill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta u mill-KEPD, kif meħtieġ mill-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 u l-Artikolu 20 tad-Direttiva 95/46/KE (11). Il-KEPD jifhem li l-Kummissjoni hija konxja mill-fatt li, qabel ma tibda titħaddem il-pjattaforma tal-ODR, hemm il-ħtieġa li jiġi valutat jekk l-ipproċessar għandux ikun soġġett għal verifika minn qabel.

III.4.   Il-KEPD għandu jiġi kkonsultat dwar l-atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni relatati mal-formola għat-tilwim

16.

L-informazzjoni li għandha tingħata fil-formola elettronika tat-tilwim (minn hawn ’il quddiem: “il-formola”) hija dettaljata fl-Anness tal-Proposta tal-ODR. Din tinkludi dejta personali tal-partijiet (l-isem, l-indirizz u, jekk applikabbli, l-indirizz tal-posta elettronika u tal-websajt) u dejta li għandha l-għan li tiddetermina liema entità tal-ADR hija kompetenti sabiex tittratta t-tilwima rilevanti (il-post ta’ residenza tal-konsumatur fiż-żmien meta ġew ordnati l-prodotti jew is-servizzi, it-tip ta’ prodotti jew servizzi involuti, eċċ).

17.

Il-KEPD jilqa’ l-Artikolu 7(6) li jfakkar li dejta preċiża, rilevanti u mhux eċċessiva biss tista’ tiġi pproċessata permezz tal-formola u l-annessi tagħha. Il-lista tad-dejta li tinsab fl-Anness tirrispetta anki l-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop.

18.

Madankollu, din il-lista tista’ tiġi modifikata permezz ta’ atti ddelegati u l-modalitajiet tal-formola sejrin jiġu rregolati permezz tal-atti ta’ implimentazzjoni (12). Il-KEPD jirrakkomanda li tiġi inkluża referenza għall-ħtieġa li jiġi kkonsultat il-KEPD sakemm dawn l-atti jkunu jikkonċernaw l-ipproċessar ta’ dejta personali.

III.5.   Miżuri ta’ sigurtà: ħtieġa ta' valutazzjoni tal-impatt fuq il-privatezza

19.

Il-KEPD jilqa’ d-dispożizzjonijiet iddedikati għall-kunfidenzjalità u s-sigurtà. Il-miżuri ta’ sigurtà dettaljati fl-Artikolu 12 tal-Proposta tal-ODR jinkludu kontrolli ta’ aċċess, pjan ta’ sigurtà u ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà.

20.

Il-KEPD jirrakkomanda li tiddaħħal ukoll referenza għall-ħtieġa li titwettaq valutazzjoni tal-impatt ta’ privatezza (inkluża valutazzjoni tar-riskju) u għall-fatt li l-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-dejta u s-sigurtà tad-dejta għandha tkun verifikata u rrapportata perjodikament.

21.

Barra minn hekk, il-KEPD jixtieq ifakkar li l-iżvilupp tal-għodod tal-IT għat-twaqqif tal-pjattaforma tal-ODR għandu jintegra l-protezzjoni tal-privatezza u tad-dejta mill-fażi ferm bikrija tal-proċess ta’ disinjar (Privacy by Design), inkluża l-implimentazzjoni ta’ għodod li jippermettu lill-utenti sabiex jipproteġu aħjar id-dejta personali (bħall-awtentikazzjoni u l-kodifikazzjoni).

III.6.   Informazzjoni għas-suġġetti tad-dejta

22.

Il-KEPD jilqa’ l-Premessa 21 tal-Proposta tal-ODR, li tiddikjara li s-suġġetti tad-dejta għandhom jiġu mgħarrfa dwar l-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom u d-drittijiet tagħhom permezz ta’ avviż dwar il-privatezza disponibbli pubblikament. Madankollu, l-obbligu li s-suġġetti tad-dejta jiġu mgħarrfa għandu jiġi inkluż ukoll fil-parti leġiżlattiva tal-Proposta tal-ODR.

23.

Barra minn hekk, is-suġġetti tad-dejta għandhom ukoll jiġu mgħarrfa dwar liema kontrollur huwa responsabbli għall-konformità mad-drittijiet tagħhom. L-avviż dwar il-privatezza għandu jkun viżibbli b’mod ċar għal kull min jimla l-formola.

IV.   KONKLUŻJONI

24.

Il-KEPD jilqa’ l-fatt li l-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta ġew integrati fit-test, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-iskop u l-limitazzjoni ta’ aċċess, il-limitazzjoni tal-perjodu ta’ żamma u l-miżuri tas-sigurtà. Madankollu, huwa jirrakkomanda:

li jigu ċċarati r-responsabbiltajiet tal-kontrolluri u li s-suġġetti tad-dejta jiġu mgħarrfa kif xieraq;

li tigi ċċarata l-limitazzjoni tad-drittijiet ta’ aċċess;

li jiġu kkumplimentati d-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà;

li jissemma’ l-bżonn li l-KEPD jiġi kkonsultat dwar atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni relatati mal-ipproċessar ta’ dejta personali.

25.

Il-KEPD jixtieq ifakkar ukoll li l-ipproċessar ta’ dejta personali fil-qafas tal-pjattaforma tal-ODR jista’ jkun soġġett għal verifika minn qabel mill-KEPD u mill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Jannar 2012.

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta


(1)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(3)  COM(2011) 793 finali.

(4)  COM(2011) 794 finali.

(5)  Premessa 20 u 21 u l-Artikolu 11(4) tal-Proposta tal-ODR.

(6)  Premessa 16 tal-Proposta tal-ADR.

(7)  Preamboli u Memoranda ta’ Spjegazzjoni tal-proposti.

(8)  Kull Stat Membru se jkollu jagħżel punt ta' kuntatt għall-ODR li se jospita mill-inqas żewġ faċilitaturi tal-ODR. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi netwerk ta' punti ta' kuntatt tal-ODR.

(9)  Ara wkoll L-Opinjoni 1/2010 tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-kunċetti ta’ “kontrollur” u “proċessur”, adottata fis-16 Frar 2010 (WP 169), p.17-24, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/docs/wpdocs/2010/wp169_mt.pdf

(10)  Ara l-Artikolu 11(2) tal-Proposta tal-ODR.

(11)  L-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 jeħtieġ li l-ipproċessar tad-“data li tirrelata mas-saħħa u ma’ reati suspettati, reati, kundanni kriminali jew miżuri ta' sigurtà” jkun soġġett għal verifika minn qabel mill-KEPD. Skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 95/46/KE, l-operazzjonijiet ta’ pproċessar li aktarx li jippreżentaw riskji speċifiċi għall-protezzjoni tad-dejta, kif determinat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta, huma soġġetti għal verifika minn qabel mill-awtorità nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta.

(12)  Premessi 23-24 u l-Artikolu 7(4-5) tal-Proposta tal-ODR.


Top