EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012SC0370

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT li jakkumpanja d-dokument KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Pjan ta' Azzjoni għat-tnaqqis tal-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar f'irkapti tas-sajd

/* SWD/2012/0370 final */

52012SC0370

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT li jakkumpanja d-dokument KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Pjan ta' Azzjoni għat-tnaqqis tal-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar f'irkapti tas-sajd /* SWD/2012/0370 final */


1.           DEFINIZZJONI TAL-PROBLEMA

L-ICES tistma b'mod konservattiv li l-flotta tas-sajd tal-UE hija responsabbli għall-mewt ta' madwar 200 000 għasfur tal-baħar fis-sena fl-ilmijiet tal-UE u mhux tal-UE[1] iżda tindika li hemm nuqqas ta' dejta preċiża dwar il-livelli ta' qabdiet inċidentali. Dan jippreżenta sfida fil-valutazzjoni tal-impatt tas-sajd fuq l-għasafar tal-baħar u jirrifletti nuqqas ta' monitoraġġ sistematiku u ta' rappurtar dwar il-qabdiet inċidentali. Madanakollu, il-parir tal-ICES u s-sejbiet ta' studju mwettaq mill-MRAG[2] b'appoġġ għal din il-valutazzjoni tal-impatt, jindikaw li l-mortalità tal-għasafar minn qabdiet inċidentali hija sostanzjali f'għadd ta' tipi ta' sajd tal-UE u mhux tal-UE u għal għadd ta' speċijiet, li wħud minnhom huma mhedda jew fil-periklu ta' estinzjoni. Speċifikament:

· Huwa magħruf li mill-inqas 60 minn 346 speċi ta' għasafar tal-baħar jinqabdu inċidentalment f'irkapti tas-sajd f'ilmijiet tal-UE u f’dawk li mhumiex tal-UE. Minn dawn, madwar 49 (25 fl-ilmijiet tal-UE u 24 fl-ilmijiet mhux tal-UE) huma kklassifikati bħala ta' tħassib serju fir-rigward tal-konservazzjoni jew globalment jew fuq livell tal-popolazzjoni lokali.

· Sitt speċijiet maqbuda inċidentalment waqt is-sajd fl-ilmijiet tal-UE u 22 speċi fl-ilmijiet mhux tal-UE huma ta' tħassib serju fir-rigward tal-konservazzjoni u huma elenkati mill-IUCN bħala vulnerabbli jew fil-periklu ta' estinzjoni.

Il-problemi u l-fatturi sottostanti li jwasslu għal qabdiet inċidentali ta' għasafar tal-baħar huma kif ġej:

· L-interazzjonijiet frekwenti bejn is-sajd u l-għasafar tal-baħar huma inevitabbli u jirriżultaw f'qabdiet inċidentali ta' għasafar tal-baħar minħabba li dawn saru dejjem aktar dipendenti fuq is-sajd għas-soppravivenza u għas-suċċess fir-riproduzzjoni tagħhom. Barra minn hekk konzijiet[3] u xbieki statiċi[4] li jammontaw għal proporzjon kbir ta' qabdiet inċidentali ta' għasafar tal-baħar huma l-aktar metodi effiċjenti għall-qbid ta' ċerti speċijiet ta' ħut ta' valur għoli u għalhekk jintużaw ħafna.

· Il-miżuri ta' ġestjoni attwali tal-UE skont il-leġiżlazzjoni ambjentali u tas-sajd tal-UE (PKS) (id-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u d-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima) li huma inklużi f’Konvenzjonijiet u Ftehimiet internazzjonali ġeneralment ma kinux effettivi minħabba li l-miżuri huma mifruxa fuq diversi regolamenti u ftehimiet u minħabba nuqqas ta' koerenza.

· Nuqqas ta' urġenza kemm fil-livell tal-UE u internazzjonalment sabiex jiġi indirizzat il-qbid inċidentali tal-għasafar tal-baħar, implimentazzjoni inkonsistenti u nuqqas ta' inċentiv għas-sajjieda biex jikkonformaw mal-miżuri fis-seħħ jew biex jadottaw il-miżuri tagħhom stess volontarjament.

· Nuqqas ta' għarfien dwar id-daqs tal-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar u ta' dejta dwar il-popolazzjonijiet minħabba n-natura sporadika tal-monitoraġġ u minħabba ebda obbligu formali biex il-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar fl-ilmijiet tal-UE jiġu mmonitorjati. F'ilmijiet esterni l-monitoraġġ huwa inkonsistenti fil-biċċa l-kbira tal-attivitajiet tas-sajd billi huwa fuq bażi volontarja aktar milli obbligatorja.

· Ġew żviluppati miżuri ta' mitigazzjoni għas-sajd bil-konzijiet iżda fin-nuqqas ta' adozzjoni ta' regolamenti, dawn ftit li xejn jintużaw fl-ilmijiet tal-UE u jintużaw b'mod sporadiku biss fis-sajd estern. Kien hemm inqas enfasi fuq qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar minn irkapti oħra tas-sajd (prinċipalment bi xbieki statiċi) u għalhekk il-miżuri ta' mitigazzjoni aċċettabbli għal dawn l-irkapti jibqgħu limitati.

· Il-fehim u l-aċċettazzjoni dgħajfin mis-sajjieda li teżisti problema ta' qabdiet inċidentali ta' għasafar tal-baħar jew dwar il-benefiċċji li jadottaw miżuri ta' mitigazzjoni sabiex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali. Fil-livell ta' bastiment individwali, azzjonijiet irrakkomandati għall-mitigazzjoni tal-qabdiet inċidentali jitqiesu sproporzjonati meta mqabbla mal-kobor tal-impatt fuq il-popolazzjonijiet tal-għasafar tal-baħar.

· Ir-riċerka kkonċentrat fuq is-sajd bil-konzijiet għaliex dawn kienu ġew identifikati bħala l-akbar sors ta' qabdiet inċidentali. Sar ftit xogħol biex jiġu żviluppati miżuri għal tipi oħra ta' rkapti tas-sajd (eż. xbieki statiċi, xbieki tat-tkarkir u purse seines) u s-soluzzjonijiet jidhru aktar esiġenti teknikament biex jiġu żviluppati.

L-aktar affettwati huma s-settur tal-qbid tal-ħut, l-industriji anċillari, l-amministrazzjonijiet nazzjonali u tal-UE, l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) (fl-ilmijiet esterni), is-settur tar-riċerka, l-NGOs u l-pubbliku inġenerali. Minn dawn, l-implimentazzjoni ta' kull miżura se jkollha impatt primarjament fuq madwar 54 000 bastiment bil-konzijiet u bi xbieki statiċi fl-UE.

2.           ĦTIEĠA U SUSSIDJARJETÀ

Din il-proposta tikkonċerna kamp ta' kompetenza esklussiva tal-Unjoni u għalhekk is-sussidjarjetà ma tapplikax. Skont it-Trattat, l-UE għandha kompetenza esklussiva biex timmaniġġja l-attivitajiet tas-sajd għal skopijiet ta' konservazzjoni, li jinkludu t-tnaqqis ta' qabdiet inċidentali ta' speċijiet bijoloġikament sensittivi bħall-għasafar tal-baħar u ċ-ċetaċji.

3.           GĦANIJIET

L-għan ta' din l-inizjattiva huwa li jnaqqas u fejn huwa possibbli jelimina l-qabdiet inċidentali ta' minn tal-inqas 49 popolazzjoni ta' għasfur tal-baħar li huma mhedda minn bastimenti tal-UE li joperaw fl-ilmijiet tal-UE u mhux tal-UE u li jnaqqas l-qabdiet inċidentali għal speċijiet oħra ta' għasafar tal-baħar li għandhom il-popolazzjoni stabbli, iżda li l-livell ta' qabdiet inċidentali tagħhom huwa tali li qed jikkawża tħassib serju.

L-għanijiet operazzjonali speċifiċi biex jappoġġaw dan l-għan ġenerali huma li:

(1) Jidentifikaw u jirrettifikaw id-dgħjufijiet u l-inkoerenzi fil-miżuri attwali ta' ġestjoni kemm fl-ilmijiet tal-UE kif ukoll f'dawk li mhumiex tal-UE.

(2) Jikkonsolidaw u jiġbru dejta fundamentali biex jistabbilixxu l-grad u t-theddida maħluqa bil-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar b'mod partikolari fir-rigward tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet identifikati li huma ta' tħassib serju għall-konservazzjoni.

(3) Jimminimizzaw il-qabdiet inċidentali tal-ispeċijiet ta' għasafar tal-baħar li huma ta' tħassib serju għall-konservazzjoni għal livelli li jeliminaw it-theddida għall-popolazzjonijiet ta' dawn l-ispeċijiet permezz tal-implimentazzjoni ta' miżuri xierqa ta' mitigazzjoni.

Qed jiġu previsti żewġ għanijiet ta' appoġġ li huma kruċjali għall-fehim aħjar tal-problema u għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet prattiċi:

(4) Jiġi indirizzat kemm in-nuqqas ta' aċċettazzjoni mis-sajjieda li l-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar huma problema kif ukoll in-nuqqas ta' inċentiv għas-sajjieda biex jadottaw miżuri ta' mitigazzjoni.

(5) Jiġu solvuti diffikultajiet pendenti permezz ta' mitigazzjoni eżistenti użata għas-sajd bil-konzijiet u jiġi indirizzat in-nuqqas ta' miżuri effettivi ta' mitigazzjoni għal irkapti tas-sajd oħra, b'mod partikolari għas-sajd bi xbieki statiċi.

Ir-riforma tal-PKS, li attwalment qiegħdha tiġi nnegozjata, hija kruċjali biex jinkisbu l-għanijiet ta' din l-inizjattiva bħala parti minn approċċ li huwa bbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd. Irrispettivament mill-azzjonijiet meħuda, biex dan jinkiseb ikun meħtieġ titjib fil-koerenza bejn l-istrumenti regolatorji u approċċ aktar olistiku għall-ġestjoni tas-sajd li jqis l-ispeċifiċitajiet reġjonali tas-sajd. Għall-kwistjonijiet tal-qabdiet inċidentali li jinkludu l-għasafar tal-baħar, dan se jinvolvi diversi elementi importanti:

· Approċċ ġdid reġjonali għall-miżuri tekniċi li jippermetti li l-miżuri ta' mitigazzjoni adattati għas-sajd speċifiku jkunu fis-seħħ sal-2016.

· Programm Pluriennali ġdid tal-UE għall-Ġbir tad-Dejta (DCMAP) ippjanat li jiġi introdott fl-2014 li fih jista' jiġi inkluż il-monitoraġġ tal-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar.

· Appoġġ finanzjarju għal miżuri ġodda skont il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) attwali u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS) il-ġdid li għandhom ikunu introdotti fl-2014.

· Il-Kummissjoni se jkollha rwol aktar proattiv fl-RFMOs biex tirrimedja s-sitwazzjoni attwali ta' konformità fqira mal-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-RFMOs.

4.           ALTERNATTIVI TA' POLITIKA

Qed jiġu meqjusa tliet alternattivi prinċipali biex jindirizzaw dawn l-għanijiet:

Alternattiva 1: Status quo: Kontinwazzjoni tal-istatus quo attwali mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri li tmur lil hinn minn dak li diġà jeżisti fil-politiki tas-sajd u ambjentali attwali tal-UE.

Alternattiva 2: Żvilupp ta' Pjan ta' Azzjoni tal-UE (EU-PoA): Permezz ta' miżuri volontarji appoġġati minn strumenti regolatorji fi ħdan il-PKS riformata, leġiżlazzjoni ambjentali (id-Direttiva dwar l-Għasafar u l-Ħabitats), leġiżlazzjoni internazzjonali tas-sajd u wkoll Konvenzjonijiet u Ftehimiet. Il-PoA għandu jipprovdi qafas prinċipali li jiġbor fih miżuri ta' monitoraġġ u ta' mitigazzjoni fis-sajd, b'miżuri ta' akkumpanjament li jipprovdu appoġġ finanzjarju (skont il-FES u l-FEMS). Matul iż-żmien l-intenzjoni se tkun li l-miżuri ta' mitigazzjoni jiġu inkorporati skont il-qafas ġdid ta' miżuri tekniċi b'miżuri speċifiċi li jiġu żviluppati reġjonalment. Il-monitoraġġ tal-qabdiet inċidentali għandu jiġi inkorporat skont id-DCF (Qafas għall-Ġbir tad-Dejta) il-ġdid. Il-PoA għandu jirrakkomanda wkoll l-implimentazzjoni ta' programmi edukattivi u ta' taħriġ għas-sajjieda biex iqajmu kuxjenza dwar il-problema u biex juru l-benefiċċji li jirriżultaw meta jintużaw il-miżuri ta' mitigazzjoni. Barra minn hekk, il-PoA jinkoraġġixxi r-riċerka biex jiġu żviluppati u ttestjati miżuri prattiki ta' mitigazzjoni b'mod partikolari għas-sajd bix-xbieki statiċi.

Alternattiva 3: Regolament awtonomu: Din l-alternattiva tieħu approċċ aktar strett u prekawzjonarju minn dak tal-alternattiva 2. L-alternattiva tfittex l-adozzjoni ta' miżuri preskrittivi skont proċedura leġiżlattiva ordinarja. Din tkun tapplika prinċipalment fl-ilmijiet tal-UE u d-dispożizzjonijiet għall-bastimenti tal-UE li joperaw f'ilmijiet esterni jkomplu jiġu koperti skont l-oqfsa leġiżlattivi li huma diġà adottati mill-RFMOs. Din tassumi li r-reġjonalizzazzjoni tal-miżuri tekniċi mhux se tidħol fis-seħħ qabel l-2016 u li d-DCF il-ġdid mhux se jibda qabel l-2014, għalhekk skont l-istatus ta' konservazzjoni attwali ta' mill-inqas 25 speċi ta' għasfur tal-baħar fl-ilmijiet tal-UE, il-miżuri regolatorji li jħarsu dawn l-ispeċijiet jeħtieġ li jiġu stabbiliti mill-aktar fis possibbli.

Skont din l-alternattiva qed jiġu previsti żewġ subalternattivi:

· Subalternattiva 3a: tinkludi kemm il-monitoraġġ kif ukoll il-miżuri ta' mitigazzjoni;

· Subalternattiva 3b: tinkludi biss il-miżuri ta' mitigazzjoni u l-monitoraġġ isir skont l-alternattiva 2.

B'din l-alternattiva ma jkunx hemm il-ħtieġa impliċita għal aktar riċerka, taħriġ jew għal miżuri ta' sensibilizzazzjoni. Il-possibilità ta' għajnuna finanzjarja għal dawn il-miżuri tibqa' xorta waħda skont il-FES/FEMS.

5.           Sommarju tal-impatti

L-impatti ta' kull alternattiva ta' politika ġew ivvalutati sal-anqas dettall possibbli. Madanakollu, minħabba n-nuqqas ta' dejta rilevanti, b'mod partikolari d-dejta ekonomika, ma kienx possibbli li wħud minn dawn l-impatti jiġu kkwantifikati bi preċiżjoni.

Impatti Ekonomiċi:

Skont l-alternattiva 1 fis-sajd bil-konzijiet se jibqa' jkun hemm impatti negattivi fil-forma ta' spejjeż diretti mġarrba minn telf tal-lixka u permezz ta' ħsara fil-qabdiet tal-ħut u fl-irkaptu kkawżata mill-għasafar tal-baħar. Se jkun hemm ukoll spejjeż indiretti minn qabdiet mitlufa mill-għasafar tal-baħar meta dawn jinqabdu fis-snanar illixkati li setgħu rriżultaw fi qbid. Abbażi tal-esperjenzi globali, dawn l-ispejjeż jistgħu jkunu sinifikanti. L-impatti huma ħafna inqas għas-sajd bix-xbieki statiċi u għal sajd ieħor (xbieki tat-tkarkir u purse seines) peress li l-ispejjeż diretti u indiretti jkunu inqas.

Skont l-alternattiva 2 u s-subalternattivi 3a u3b, se jkun hemm spejjeż diretti għal perjodu qasir ta' żmien għall-adozzjoni tal-miżuri ta' mitigazzjoni, għalkemm dawn jistgħu jiġu kkumpensati fis-sajd bil-konzijiet permezz ta' tnaqqis li x'aktarx ikun hemm fit-telf tal-lixka, fl-irkaptu u ħsara fil-qabdiet u fil-qbid mitluf b'riżultat tal-użu tal-miżuri ta' mitigazzjoni. Skont iż-żewġ alternattivi, l-impatti fuq is-sajd bix-xbieki statiċi se jkunu aktar diffiċli biex jiġu mbassra peress li l-miżuri ta' mitigazzjoni disponibbli huma limitati għal żoni magħluqa jew ristretti. Dan l-għeluq jista' jirriżulta f'telf ta' qligħ skont fejn ikunu jinsabu, l-estent u l-potenzjal ta' opportunitajiet alternattivi ta' sajd. Dan jidher aktar biċ-ċar fis-subalternattivi 3a u 3b fejn il-miżuri jkunu obbligatorji.

Fl-ilmijiet mhux tal-UE, bl-alternattiva 2 jiġu antiċipati biss l-impatti marġinali peress li l-punt fokali jkun il-konsolidazzjoni u l-implimentazzjoni mtejba tal-miżuri eżistenti aktar milli l-introduzzjoni ta' miżuri ġodda. Bis-subalternattivi 3a u3b, mhu se jkun hemm l-ebda impatt addizzjonali fuq l-ilmijiet esterni peress li dan is-sajd se jibqa' jkun kopert bl-oqfsa leġiżlattivi adottati diġà mill-RFMOs u mhux minn kwalunkwe regolament ġdid. Iż-żewġ alternattivi 2 u 3 jkollhom benefiċċji potenzjalment pożittivi jekk jgħinu lis-sajjieda biex jilħqu l-prerekwiżiti ta' konservazzjoni bħala parti mill-iskemi ta' ċertifikazzjoni. Skont dawn l-alternattivi hemm ukoll benenefiċċji potenzjalment pożittivi għall-operaturi tal-ekoturiżmu, minn opportunitajiet ġodda għall-osservazzjoni tat-tjur li jirriżultaw minn popolazzjonijiet akbar ta' għasafar tal-baħar.

Impatti Ambjentali:

Skont l-atlernattiva 1, il-qabdiet inċidentali ta' għasafar tal-baħar x'aktarx se jibqgħu fil-livelli attwali mhux sostenibbli, bil-potenzjal li jinfluwenzaw l-istatus tal-popolazzjoni ta' mill-inqas 49 speċi ta' għasfur tal-baħar.

Skont l-EU-PoA, f'perjodu qasir ta' żmien, huwa possibbli li jinkiseb tnaqqis gradwali ta' 20-30 % fil-qabdiet inċidentali tas-sajd bil-konzijiet abbażi tal-esperjenzi globali. Fuq perjodu itwal ta' żmien, huwa possibbli li l-qabdiet inċidentali jiġu eliminati. It-tnaqqis fil-qabdiet inċidentali fis-sajd tax-xbieki statiċi huwa aktar diffiċli li jiġi mbassar minħabba li l-miżuri ta' mitigazzjoni huma limitati għal żoni magħluqa jew ristretti. Hemm xi eżempji ta' għeluq staġjonali fis-sajd bix-xbieki statiċi li jnaqqas b'mod sostanzjali l-qabdiet inċidentali.

L-integrazzjoni tal-monitoraġġ tal-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar fil-Qafas għall-Ġbir tad-Dejta (DCF) il-ġdid se tipprovdi kopertura aktar komprensiva tas-sajd rilevanti u tinkludi wkoll is-sajd bix-xbieki tat-tkarkir u bil-purse seines fejn qed jiġi suspettat li jsiru qabdiet inċidentali.

F'ilmijiet esterni, il-PoA għandu jipprovdi mekkaniżmu biex itejjeb il-konformità mal-miżuri eżistenti. Is-sensibilizzazzjoni, it-taħriġ u r-riċerka previsti f'din l-alternattiva jipprovdu lis-settur tal-qbid b'fehim aħjar tal-problema u s-soluzzjonijiet potenzjali disponibbli.

L-impatti għas-subalternattivi 3a u b huma simili għal dawk deskritti fl-alternattiva 2, għalkemm peress li l-miżuri se jkunu obbligatorji, il-veloċità tat-tnaqqis fil-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar tista' tkun potenzjalment aktar mgħaġġla fis-sajd fejn il-miżuri jiġu introdotti. Il-monitoraġġ skont is-subalternattiva 3a għandu jtejjeb l-għarfien tal-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar iżda f'dak is-sajd biss fejn ikunu meħtieġ il-monitoraġġ. Il-monitoraġġ skont is-subalternattiva 3b jkun identiku għall-alternattiva 2.

Peress li skont din l-alternattiva ma hija prevista l-ebda miżura speċifika fl-ilmijiet esterni, l-impatti ambjentali f'dan is-sajd x'aktarx se jkunu simili għal dawk tal-alternattiva 1.

Impatti Soċjali:

L-alternattiva 1 se tintlaqa' b'mod negattiv mill-NGOs u mill-pubbliku inġenerali u se titqies bħala nuqqas mill-Kummissjoni li jintlaħqu l-obbligi skont il-ftehimiet internazzjonali u l-Konvenzjonijiet. L-alternattivi 2 u 3 jintlaqgħu b'mod pożittiv mill-NGOs u mill-pubbliku inġenerali. L-alternattiva 2 se tkun iffavorita wkoll mis-settur tal-qbid u mill-amministrazzjoni nazzjonali peress li hija approċċ minn isfel għal fuq u l-miżuri huma ffukati reġjonalment. L-alternattivi 3a u3b se jkunu milqugħa b'mod negattiv mis-settur tal-qbid u mill-amministrazzjonijiet peress li huma sproporzjonati għad-daqs tal-problema. L-impożizzjoni ta' żoni magħluqa jew ristretti f'dawn is-subalternattivi għandha l-kapaċità li tħalli impatt fuq l-impjiegi jekk tkun ristretta wisq.

Impatti fuq l-SMEs:

Skont l-alternattiva 1 mhu se jkun hemm l-ebda impatt fuq l-SMEs. Skont l-alternattivi 2 u 3 se jkun hemm impatti iżda fil-każ tal-alternattiva 2, peress li l-miżuri se jkunu primarjament volontarji, imfassla għal sajd speċifiku, integrati f'regolamenti oħra u b'benefiċċji li jikkumpensaw l-ispejjeż assoċjati, kwalunkwe impatt jista' jkun imminimizzat. Fir-rigward tas-subalternattivi 3a u 3b, l-impatti se jkunu simili għall-alternattiva 2 ħlief għall-fatt li l-miżuri se jkunu obbligatorji u għalhekk se jkun hemm anqas opportunità biex il-miżuri jkunu mfassla għall-ispeċifiċitajiet tas-sajd differenti. Skont iż-żewġ alternattivi 2 u 3, l-eżenzjoni tal-mikro SMEs minn kwalunkwe azzjoni meħuda tista' ddgħajjef l-għanijiet ta' konservazzjoni ta' din l-inizjattiva peress li 90 % tal-bastimenti ż-żgħar jkunu esklużi b'mod effettiv, għalhekk, abbażi tal-proporzjonalità din mhijiex alternattiva.

Simplifikazzjoni u piż amministrattiv:

Għall-alternattiva 1 l-ispejjeż amministrattivi qed jitqiesu newtrali. Għall-alternattiva 2 l-ispejjeż amministrattivi u ta' monitoraġġ huma stmati għal madwar EUR 5.2 miljun fis-sena. Wara l-2014, bl-integrazzjoni tal-monitoraġġ tal-qabdiet inċidentali skont id-DCF, dawn l-ispejjeż se jitnaqqsu. Għas-subalternattiva 3a, l-ispejjeż amministrattivi ġew stmati għal madwar EUR 14.4 miljun fis-sena. Iż-żieda fl-ispejjeż hija riżultat ta' monitoraġġ u kontroll addizzjonali. Għas-subalternattiva 3b, l-ispejjeż se jkunu simili għal dawk tal-alternattiva 2 jiġifieri madwar EUR 5.2 miljun fis-sena. Fil-każijiet kollha, aktar minn 90 % tal-ispejjeż imġarrba huma relatati mal-monitoraġġ u l-ispezzjoni. L-amministrazzjonijiet nazzjonali huma affettwati l-aktar.

6.           TQABBIL TAL-ALTERNATTIVI

Abbażi tal-analiżi li twettqet, l-alternattiva 2 (EU-PoA) hija ppreferuta peress li għandha twassal għal tnaqqis fil-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar fost bosta tipi ta' sajd u għandha tikseb dan it-tnaqqis bi spiża inqas għall-industrija tas-sajd u għall-amministrazzjonijiet nazzjonali mill-alternattivi l-oħra.

It-tieni alternattiva ppreferuta hija s-subalternattiva 3b (miżuri ta' mitigazzjoni obbligatorji) li għandha l-vantaġġ li tindirizza l-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar għall-ispeċijiet li huma fir-riskju aktar malajr mill-alternattiva 2, minħabba ż-żmien previst għall-introduzzjoni tal-qafas ġdid ta' miżuri tekniċi. Madanakollu, din l-alternattiva toħloq ir-riskju li tintroduċi miżuri ta' mitigazzjoni mhux xierqa jew li xejn ma jkunu ttestjati u għandha wkoll nuqqas ta' flessibbiltà biex tadatta dawn il-miżuri għaż-żoni jew għas-sajd fi żmien adegwat meta jkun hemm aktar informazzjoni disponibbli.

It-tielet alternattiva ppreferuta hija s-subalternattiva 3a (monitoraġġ u miżuri ta' mitigazzjoni obbligatorji) li toħloq ukoll ir-riskju li jkollha l-istess dgħjufijiet fir-rigward tal-obbligu li jintużaw miżuri ta' mitigazzjoni f'sajd speċifiku. L-inklużjoni ta' rekwiżiti speċifiċi ta' monitoraġġ tkabbar dawn il-problemi u hemm il-periklu li l-monitoraġġ isir f'żoni ħżiena jew fuq tipi ħżiena ta' rkaptu.

La s-subalternattiva 3a u lanqas it-3 b ma għandhom xi dispożizzjoni għas-sensibilizzazzjoni jew għar-riċerka.

L-alternattiva 1 (status quo) hija l-inqas waħda mixtieqa. F'perjodu qasir ta' żmien, ikun hemm vantaġġi ekonomiċi iżda mhux se jinkisbu l-għanijiet speċifiċi stabbiliti. Il-livelli attwali tal-qabdiet inċidentali tal-għasafar tal-baħar se jibqgħu għoljin b'mod mhux aċċettabbli u l-livell ta' għarfien dwar l-għadd ta' qabdiet inċidentali meta mqabbel mal-popolazzjonijiet u mat-theddida għall-konservazzjoni li ġejja mis-sajd tal-għasafar tal-baħar, se jibqa' baxx.

7.           MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI

Skont l-alternattiva ppreferuta li tinvolvi l-adozzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni, kull sentejn l-Istati Membri jridu jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar il-livell ta' qabdiet inċidentali ta' għasafar tal-baħar osservat għal kull tip ta' sajd u rkaptu, dwar l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe miżura ta' mitigazzjoni u l-effettività ta' dawn l-istess miżuri. Il-Kummissjoni, flimkien mal-ICES u mal-STECF, għandha tiżviluppa format standard ta' rappurtar għall-Istati Membri biex jippreżentaw l-informazzjoni lill-Kummissjoni u li jista' jintuża wkoll biex jiffaċilita l-aċċess għad-dejta għall-pubbliku inġenerali.

Abbażi ta' dawn ir-rapporti, wara t-tieni rapport il-Kummissjoni twettaq valutazzjoni interim tal-PoA, u mbagħad skont din l-informazzjoni, tħejji Komunikazzjoni lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-PoA.

Skont kif ikun xieraq, l-ICES, l-STECF u korpi esperti oħra għandhom jintalbu jagħtu l-kontribut tagħhom f'din l-analiżi. B'mod partikolari, l-ICES għandu jintalab li jipprovdi stimi dwar il-popolazzjoni u l-qabdiet inċidentali għall-ispeċijiet ta' tħassib biex ikun hemm punt ta' riferiment dwar id-daqs tal-problema.

Il-Kummissjoni għandha twettaq reviżjoni u evalwazzjoni kompleta tal-PoA wara r-raba' rapport (wara tmien snin) dwar l-implimentazzjoni u għandha taġġornah skont dan. Din ir-reviżjoni għandha ssir fl-istess żmien biex tikkoinċidi mal-obbligu skont id-Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima (MSFD) biex sal-2020 jinkiseb Status Ambjentali Tajjeb għall-ekosistemi tal-baħar.

B'mod parallel, skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar l-Għasafar, l-Istati Membri jridu jirrappurtaw kull tliet snin dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali meħuda skont id-Direttiva li jistgħu jipprovdu informazzjoni addizzjonali.

[1]               Parir tal-ICES 2008, Ktieb 1, 1.5.1.3 "Interactions between fisheries and seabirds in EU waters"

[2]               MRAG. 2011. Contribution to the preparation of a Plan of Action for Seabirds http://ec.europa.eu/fisheries/documentation/studies/index_en.htm

[3]               Il-konzijiet ifissru għadd ta' lenez marbuta flimkien, imqiegħda fil-qiegħ jew jimxu mal-kurrent li jkollhom għadd kbir ta' snanar bil-lixka.

[4]               Xbieki statiċi jfissru xbieki li l-operazzjoni tal-qbid għalihom ma tirrekjedix il-moviment attiv tax-xbieki. Dawn ix-xbieki jistgħu jikkonsistu minn xibka separata waħda jew aktar li jkunu attrezzati bi ħbula tal-pruwa, ħbula taċ-ċomb u ħbula tal-assemblaġġ, u jistgħu jiġu armati b'tagħmir għall-ankraġġ, li jżomm fil-wiċċ u tan-navigazzjoni.

Top