EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012SC0210

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT DWAR IR-RELAZZJONIJIET KUMMERĊJALI BEJN L-UE U L-ĠAPPUN Li jakkumpanja d-dokument Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati dwar Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun

/* SWD/2012/0210 final */

52012SC0210

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT DWAR IR-RELAZZJONIJIET KUMMERĊJALI BEJN L-UE U L-ĠAPPUN Li jakkumpanja d-dokument Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati dwar Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun /* SWD/2012/0210 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT DWAR IR-RELAZZJONIJIET KUMMERĊJALI BEJN L-UE U L-ĠAPPUN

Li jakkumpanja d-dokument

Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati dwar Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun

Dan id-dokument huwa dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea għall-finijiet tal-informazzjoni. Dan ma jirrappreżentax il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni, u lanqas ma jantiċipa tali pożizzjoni

1. Definizzjoni tal-Problema

X'inhi eżattament il-problema?

Il-kummerċ bejn l-UE u l-Ġappun, l-atturi ekonomiċi globali ewlenin, ilu sejjer lura għal bosta snin. Matul il-perjodu bejn l-2006 u l-2010, l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Ġappun naqsu b'0,6 % kull sena, meta mqabbla maż-żieda ta' 3,8 % fl-esportazzjonijiet globali tal-UE. Matul l-istess perjodu, l-esportazzjonijiet tal-Ġappun lejn l-UE naqsu bi 3,2 % kull sena, filwaqt li l-esportazzjonijiet globali mill-Ġappun żdiedu bi 3,1 %.

Din il-prestazzjoni baxxa fir-relazzjonijiet bilaterali tal-kummerċ u l-investiment bejn dawn iż-żewġ ekonomiji żviluppati kbar, twassal għal telf fil-kompetittività, il-produttività u l-benessri, kemm fuq livell bilaterali kif ukoll fil-kuntest ekonomiku globali; inqas għażla u prezzijiet ogħla għall-konsumaturi; appoġġ fqir għall-impjiegi u pagi baxxi.

L-istudji ekonomiċi u l-konsultazzjoni pubblika jindikaw li r-relazzjoni bilaterali tal-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u l-Ġappun mhijiex qed tissodisfa l-potenzjal tagħha. Ir-raġunijiet ewlenin huma taħlita ta' tariffi u ta' miżuri mhux tariffarji [NTMs], fejn dawn tal-aħħar huma t-tħassib ewlieni għall-esportaturi tal-UE u għall-investituri fil-Ġappun.

Min hu l-aktar milqut?

L-ekonomiji tal-UE u tal-Ġappun huma milquta b'mod negattiv, bħalma huma n-negozju, l-impjegaturi u l-konsumaturi tal-UE u tal-Ġappun, u l-aktar setturi tal-UE milquta ħażin huma dawk li x'aktarx jibbenefikaw mit-tneħħija tal-NTMs: eż. is-settur agroalimentari, awtomobilistiku, farmaċewtiku u tal-apparat mediku.

Għaliex hemm il-ħtieġa tal-intervent pubbliku?

Mingħajr reazzjonijiet negozjati għall-problemi li jnaqqsu l-kummerċ u l-investiment, is-sitwazzjoni x'aktarx li se tmur lura. B'rikonoxximent ta' din is-sitwazzjoni, waqt is-summit tal-UE u l-Ġappun tat-28 ta' Mejju 2011, il-mexxejja tas-summit qablu li jibdew il-proċess għal negozjati paralleli għal:

· Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (FKĦ)/Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (FSE) dettaljat u komprensiv, li jindirizzaw il-kwistjonijiet kollha ta' interess komuni għaż-żewġ naħat, li jinkludu t-tariffi, il-miżuri mhux tariffarji, is-servizzi, l-investiment, id-Drittijiet ta' Proprjetà Intelletwali, il-kompetizzjoni u l-akkwist pubbliku; kif ukoll

· ftehim vinkolanti, li jkopri l-kooperazzjoni politika u globali u kooperazzjoni settorjali oħra b'mod komprensiv, u mirfud mill-impenn komuni tagħhom għall-valuri u l-prinċipji fundamentali."

Il-mexxejja tas-summit iddeċidew ukoll li jibdew eżerċizzju ta' valutazzjoni kemm jista' jkun malajr biex jiddefinixxu l-kamp ta' applikazzjoni u l-livell ta' ambizzjoni taż-żewġ negozjati.

Il-kaġunijiet ewlenin tal-problema

Hemm għadd ta' fatturi li jnaqqsu jew jillimitaw il-potenzjal ta' kummerċ u investiment bejn l-UE u l-Ġappun, li xi wħud minnhom jistgħu jiġu indirizzati permezz ta' riformi domestiċi jew fil-politika kummerċjali, inklużi negozjati kummerċjali, filwaqt li oħrajn (bħad-distanza ġeografika, il-problemi ta' komunikazzjoni u l-preferenzi tal-konsumatur) għandhom inqas probabbiltà li jittejbu permezz ta' miżuri bħal dawn.

In-negozjati għandhom il-potenzjal li jbiddlu t-tariffi, il-miżuri mhux tariffarji u anki l-fatturi diskriminatorji jew ta' piż tal-ambjent regolatorju, li jaffettwaw il-kummerċ tal-prodotti u s-servizzi, l-investiment u l-akkwist pubbliku.

Kemm l-UE kif ukoll il-Ġappun għandhom tariffi baxxi fuq il-prodotti. Madankollu, it-tariffi tal-Ġappun għadhom għoljin fis-settur agrikolu u f'dak tal-ikel ipproċessat u għax-xorb, u f'dawn is-setturi kollha l-UE hi esportatur globali ewlieni. It-tariffi Ġappuniżi medji applikati għal esportazzjonijiet importanti oħra tal-UE huma ġeneralment baxxi.

It-tariffi tal-UE fuq l-esportaturi Ġappuniżi ewlenin huma ogħla. L-esportazzjonijiet Ġappuniżi lejn l-UE fil-biċċa l-kbira jaqgħu taħt għadd żgħir ta' setturi tal-manifattura, eż. il-vetturi bil-mutur, l-elettronika u l-makkinarju. Għaldaqstant, l-interessi offensivi tal-Ġappun jiffokaw fuq it-tneħħija tat-tariffi, partikolarment minn mindu daħal fis-seħħ il-FKĦ bejn l-UE u l-Korea, minħabba l-kompetizzjoni bejn il-Ġappun u l-Korea f'setturi ta' esportazzjoni simili.

Il-konsultazzjoni pubblika u l-istudji jenfasizzaw li l-miżuri mhux tariffarji huma l-ostakli ewlenin għall-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Ġappun. Partijiet mis-suq Ġappuniż, eż. xi prodotti agrikoli u xi tagħmir tat-trasport u prodotti ajrunawtiċi, huma magħluqa kważi għal kollox għall-esportazzjonijiet tal-UE. Seba' setturi tan-negozju li jkopru l-biċċa l-kbira tal-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Ġappun huma dawk l-aktar milquta mill-NTMs eżistenti: is-sustanzi kimiċi (inklużi l-farmaċewtiċi), is-settur awtomobilistiku, l-apparat mediku, l-ikel ipproċessat, it-tagħmir tat-trasport, it-telekomunikazzjoni u s-servizzi finanzjarji. In-nuqqas ta' trasparenza fl-akkwist pubbliku, u l-problemi marbuta mal-IPR, ġew ukoll identifikati bħala ostakli mhux tariffarji importanti li jagħmlu s-suq Ġappuniż effettivament inaċċessibbli għall-kumpaniji tal-UE.

2. Analiżi tas-sussidjarjetà

Il-politika kummerċjali u l-innegozjar tal-ftehimiet kummerċjali internazzjonali huma oqsma ta' kompetenza esklużiva tal-UE: L-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax f'dan il-każ. Il-proposta tissodisfa wkoll it-test tal-proporzjonalità: anki l-alternattivi li jħarsu l-aktar 'il bogħod ma jmorrux lil hinn mill-ilħiq tal-miri tal-politika msemmija.

3. Il-Miri

Il-mira globali tal-politika tal-UE fir-rigward tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali hija li:

· issaħħaħ u tiżviluppa aktar il-kummerċ bilaterali,

· tabolixxi r-restrizzjonijiet eżistenti fuq il-kummerċ u l-investiment barrani, kif ukoll

· tbaxxi t-tariffi doganali u ostakli oħra. .

Għaldaqstant, il-miri ġenerali tal-politika kummerċjali Ewropea jinkludu:

· tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv permezz tal-espansjoni tal-kummerċ;

· il-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg u xogħol u benefiċċji soċjali;

· prezzijiet aktar baxxi għall-konsumatur u benefiċċji oħra għall-konsumatur;

· kompetittività mtejba fis-swieq globali.

Fir-rigward tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali futuri bejn l-UE u l-Ġappun, il-miri tal-politika speċifiċi tal-UE huma:

· iż-żieda fil-volum ta' kummerċ bilaterali tal-prodotti u s-servizzi billi jitnaqqsu l-ostakli;

· iż-żieda fil-flussi ta' investiment bejn l-UE u l-Ġappun billi jitnaqqsu l-ostakli;

· il-kisba ta' aċċess bilanċjat għas-swieq tal-akkwist pubbliku taż-żewġ partijiet.

Il-miri speċifiċi taħt kull wieħed minn dawn l-erba' suġġetti jwasslu ulterjorment għal aktar miri operattivi dettaljati fir-rapport ewlieni.

4. L-Alternattivi ta’ Politika

Bl-għan li jinkisbu dawn il-miri, ġew eżaminati diversi xenarji ta' politika differenti. Dawn jinkludu

(a) l-issoktar tal-qafas attwali fil-Pjan ta' Azzjoni tal-2001, bi djalogi ekonomiċi bilaterali u programmi ta' kooperazzjoni tan-negozji, bħad-Djalogu dwar ir-Riforma Regolatorja, u d-Djalogu ta' Livell Għoli dwar il-Kummerċ u djalogi bilaterali settorjali oħra (eż.: id-Djalogu dwar il-Politika Industrijali, id-Djalogu dwar is-Servizzi Finanzjarji, id-Djalogu Bilaterali tal-IP), bil-possibbiltà ta' titjib fil-funzjonament u fl-effettività tagħhom.

(b) ftehim ta' kummerċ ħieles (FKĦ) komprensiv bjen l-UE u l-Ġappun bit-tneħħija tat-tariffi, bil-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fis-servizzi, u bil-liberalizzazzjoni u l-iffaċilitar tal-flussi tal-investiment fiż-żewġ servizzi u fis-setturi mhux tas-servizzi, flimkien mat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-NTMs. Skont din l-alternattiva, l-analiżi tħares lejn l-erba' xenarji differenti possibbli li jipproponu gradi differenti tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ: żewġ xenarji konservattivi u tnejn ambizzjużi, b'xenarju simmetriku u wieħed asimmetriku f'kull każ.

Ix-xenarji konservattivi u ambizzjużi dwar it-tnaqqis fl-ispejjeż marbuta mal-NTMs huma maħsuba biex jipprovdu firxa ta' riżultati possibbli. It-tnaqqis ta' 20 % jipprovdi minimu sostanzjalment aktar baxx mir-riżultati fil-fatt miksuba fin-negozjar tal-FKĦ bejn l-UE u l-Korea, filwaqt li t-tnaqqis fl-ispejjeż ta' 50 % jeżamina l-potenzjal ta' eżitu ambizzjuż ferm rigward l-NTMs[1]. Ir-riżultati f'din il-firxa huma konsistentement pożittivi, u jvarjaw biss fil-grad ta' progress ġenerali.

Ix-xenarji simmetriċi u asimmetriċi jipprovdu stampa aktar sħiħa tal-ambizzjonijiet u l-miri taż-żewġ partijiet. Ix-xenarji simmetriċi jipprovdu stampa ta' parità totali. Ix-xenarji asimmetriċi jirrikonoxxu li filwaqt li t-tnaqqis tal-piż ikkawżat mill-NTMs huwa wieħed mill-prijoritajiet ewlenin tal-UE, il-prijorità ewlenija tal-Ġappun hija t-tariffi tal-UE f'setturi ewlenin għall-Ġappun. Jista' jkun meħtieġ grad ta' asimmetrija biex jinkiseb bilanċ aċċettabbli tal-eżitu nnegozjat eventwalment. Fix-xenarji asimmetriċi eżaminati, terz tal-ammont tat-tnaqqis fl-ispiża tal-NTMs fuq il-prodotti li jseħħ min-naħa tal-Ġappun hu preżunt li jseħħ min-naħa tal-UE.

Ix-xenarji ambizzjużi jipprevedu ftehim konformi mal-ġenerazzjoni ġdida ta' ftehimiet kummerċjali li l-UE qiegħda tinnegozja bħalissa mal-imsieħba kummerċjali bħall-Kanada. Il-ftehimiet kummerċjali riċenti tal-UE għandhom tendenza jmorru lill hinn mill-FKĦ Ġappuniżi kemm fil-kamp ta' applikazzjoni kif ukoll fil-livell tal-ambizzjoni. FKĦ komprensiv bejn l-UE u l-Ġappun ikun jeħtieġ ikopri għadd kbir ta' kwistjonijiet ta' aċċess għas-suq li huma ta' interess għaż-żewġ partijiet, inklużi t-tariffi, il-miżuri mhux tariffarji li jaffettwaw il-kummerċ tal-prodotti (inklużi l-aspetti tat-TBT u tal-SPS) u l-kummerċ tas-servizzi, aktar aċċess għas-suq għas-servizzi, l-investiment u l-akkwist pubbliku u jkopru l-ħarsien tal-investiment, il-kompetizzjoni u d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali.

FKĦ komprensiv bejn l-UE u l-Ġappun ġie indikat bħala l-alternattiva tal-għażla tal-UE u tal-Ġappun permezz tad-deċiżjoni tagħhom fis-summit tat-28 ta' Mejju 2011 biex jibda l-proċess lejn il-negozjati ta' FKĦ, sakemm jistgħu jinħolqu l-kundizzjonijiet għal dan.

Kemm l-UE kif ukoll il-Ġappun x'aktarx jikkonkludu għadd ta' FKĦ ma' pajjiżi terzi fis-snin li ġejjin. Il-ftehimiet li l-UE qed tinnegozja bħalissa mal-imsieħba kummerċjali l-oħra (il-Kanada, l-Indja, il-pajjiżi tal-Mercosur u tal-ASEAN) jew li ffinalizzat riċentement (eż. il-FKĦ bejn l-UE u l-Korea) ġew ikkunsidrati.

Ix-xenarji differenti huma analizzati billi wieħed jassumi li l-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ se tkun konkluża b'suċċess. Madankollu, għal finijiet ta' tqabbil, ġiet ukoll inkluża u kkunsidrata d-dejta disponibbli dwar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bilaterali mingħajr l-impatt ta' ftehim dwar id-DDA fil-ġejjieni.

5. Valutazzjoni tal-Impatti

L-Alternattiva (a), l-issoktar ta' arranġamenti simili għal dawk li huma fis-seħħ bħalissa, meta jitqiesu r-riżultati estremament limitati miksuba sal-lum matul bosta snin, x'aktarx li ma tipproduċi l-ebda tkabbir sostanzjali tal-kummerċ bilaterali u l-volumi ta' investiment. Għaldaqstant, mhi mistennija l-ebda żieda fil-PDG la fl-UE u lanqas fil-Ġappun.

L-Alternattiva (b), FKĦ komprensiv, turi żidiet sostanzjali fil-PDG għall-UE sal-2020: 0,75 % fil-każ tax-xenarju konservattiv u simmetriku, jew 0,34 % għax-xenarju konservattiv u asimmetriku; u 1,9 % fix-xenarju ambizzjuż u simmetriku, jew 0,8 % għax-xenarju ambizzjuż u asimmetriku[2]. Għall-Ġappun iż-żieda fil-PDG hi stmata għal 0,27 % għaż-żewġ xenarji konservattivi u għal 0,7 % għaż-żewġ xenarji ambizzjużi.

Fiż-żewġ xenarji konservattivi u ambizzjużi, l-esportazzjonijiet globali tal-UE huma previsti li jiżdiedu fl-istess setturi b'żidiet kbar fis-setturi tal-ikel ipproċessat, tal-makkinarju tal-elettriku u tas-servizzi tan-negozju. Fix-xenarji ambizzjużi, l-importazzjonijiet globali tal-UE jiżdiedu b'mod sostanzjali fis-setturi tal-ikel ipproċessat, tat-trasport bl-ajru u tas-servizzi tal-finanzi u tan-negozju u jaqgħu taħt is-settur tal-makkinarju tal-elettriku. L-industrija tal-vetturi bil-mutur tara żieda kemm fl-esportazzjonijiet [6,73 %/asimmetriku] kif ukoll fl-importazzjonijiet [2,6 %/asimmetriku] globali tal-UE.

Għall-Ġappun, l-esportazzjonijiet globali jiżdiedu notevolment għas-setturi tal-makkinarju tal-elettriku, tal-vetturi bil-mutur kif ukoll ta' makkinarju ieħor, ta' tagħmir tat-trasport ieħor u ta' manifatturi oħra. Il-Ġappun jesperjenza żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet globali fis-setturi tal-ikel ipproċessat, tas-sustanzi kimiċi, tat-tagħmir tat-trasport, tal-vetturi bil-mutur, u tas-servizzi tan-negozju.

Fl-UE l-SMEs jistgħu jkunu mistennija jibbenefikaw minn FKĦ bejn l-UE u l-Ġappun, billi l-ispejjeż regolatorji ta' konformità huma ta' piż akbar għalihom u għaliex l-SMEs huma prominenti fis-setturi li x'aktarx se jibbenefikaw, bħas-settur tal-ikel ipproċessat.

Għall-ambjent, l-impatti negattivi fuq l-iskart, il-bijodiversità u r-riżorsi naturali, x'aktarx li jittaffew sa ċertu punt permezz taż-żieda fil-kummerċ ta' prodotti u servizzi sostenibbli mil-lat ambjentali. Fir-rigward tal-emissjonijiet globali, kull żieda wara FKĦ hi mistennija li tkun qrib iż-żero [1,5 miljun tunnellata ta' CO2].

Iż-żieda fil-kummerċ bejn l-UE u l-Ġappun twassal għal żieda fid-domanda għax-xogħol, u żżid il-benessri taż-żewġ partijiet: aktar ma tkun kbira l-liberalizzazzjoni, aktar ikunu kbar il-benefiċċji soċjali. L-impjiegi fl-UE huma previsti li jiżdiedu konsiderevolment eż. fis-settur tal-makkinarju tal-elettriku, b'telf limitat fis-settur tal-vetturi bil-mutur [bejn -0,40 % għal FKĦ konservattiv u asimmetriku u -0,10 % għal FKĦ ambizzjuż u asimmetriku]

Bħala żewġ demokraziji żviluppati ħafna, il-FKĦ bejn l-UE u l-Ġappun mhuwiex mistenni li jkollu impatt dirett fuq id-drittijiet tal-bniedem.

L-UE u l-Ġappun u l-pajjiżi terzi se jibbenefikaw mill-effetti ta' semplifikazzjoni li jirriżultaw mit-tnaqqis tal-NTMs fiż-żewġ pajjiżi, filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi meta jsir kummerċ mal-UE jew mal-Ġappun.

6. Tqabbil tal-Alternattivi

L-Alternattiva (a), li tissokta bl-istatus quo, ma tiksibx il-miri operattivi stabbiliti hawn fuq. L-issoktar tal-programmi ta' kooperazzjoni ekonomika bilaterali bħad-Djalogu dwar ir-Riforma Regolatorja, b'kooperazzjoni ulterjuri f'oqsma fejn diġà ġew iffirmati l-ftehimiet, mhux mistenni jipproduċi wisq f'termini ta' riżultati. L-effettività tagħha fil-kisba tal-miri operattivi tista' titqies bħala ineżistenti jew saħansitra potenzjalment negattiva.

L-Alternattiva (b), bix-xenarji varji tagħha, titlob għal negozjati tal-FKĦ fuq skala sħiħa, bi gradi differenti ta' liberalizzazzjoni tal-kummerċ, u tnaqqis fl-ispejjeż tal-kummerċ, li kollha jirriżultaw f'benefiċċji konsiderevoli kemm fl-UE kif ukoll fil-Ġappun. Il-benefiċċji jinkludu żidiet fil-PDG, żidiet fl-esportazzjonijiet, żidiet ġenerali fl-impjiegi, żidiet fil-pagi għall-impjegati tas-sengħa u dawk b'ħiliet limitati, flimkien ma' żidiet fil-kompetittività u titjib fil-pożizzjoni kemm tal-UE kif ukoll tal-Ġappun meta mqabbla ma' kompetituri globali oħra.

It-tqabbil tar-riżultati ewlenin għall-alternattivi varji ta' FKĦ hu stabbilit fil-forma ta' tabella fl-Anness 1.

7. Monitoraġġ u Valutazzjoni

Fl-Anness 2 hemm stabbilita tabella li tiġbor fil-qosor l-indikaturi ewlenin proposti għall-monitoraġġ tal-progress lejn il-kisba tal-miri ġenerali, speċifiċi u operattivi ddikjarati.

ANNESS 1

Kriterju || L-Alternattivi ta’ Politika

A || B1 || B2 || B3 || B4

Tkabbir ekonomiku aktar sostenibbli u aktar mgħaġġel || 0 || + || + || + || +

Jitjiebu l-opportunitajiet ta' xogħol u l-benefiċċji soċjali u tal-konsumatur || 0 || + || + || ++ || ++

Titjieb il-kompetittività tal-Ewropa fis-swieq globali || 0 || + || + || ++ || +++

Jiżdied il-volum ta' kummerċ bilaterali tal-prodotti billi jitnaqqsu l-ostakli || 0 || + || + || ++ || +++

Jiżdied il-volum ta' kummerċ bilaterali tas-servizzi billi jitnaqqsu l-ostakli || 0 || + || + || ++ || +++

Jiżdiedu l-flussi ta' investiment bejn l-UE u l-Ġappun billi jitnaqqsu l-ostakli || 0 || + || + || ++ || ++

Jinkiseb aċċess għas-suq tal-akkwisti tal-gvern Ġappuniż li jista' jitqabbel ma' dak offrut mill-UE || 0 || + || + || ++ || ++

Effettività (Ġenerali) || 0/- || + || + || ++ || +++

Effiċjenza (Ħin u riżorsi użati b'rabta mal-effettività stmata) || 0/- || + || + || ++ || ++

Koerenza mal-miri ta' politika ġenerali tal-UE (pereżempju, kif deskritt fl-istrateġija tal-UE 2020) || 0 || + || + || ++ || ++

L-abbiltà li jinkiseb vantaġġ mill-effetti ta' sinerġija (pereżempju, l-iskambju tal-ispeċjalizzazzjoni) || 0 || + || + || ++ || ++

Jinkiseb vantaġġ mill-effetti ta' semplifikazzjoni (pereżempju permezz ta' tnaqqis tal-NTMs) || 0 || + || + || ++ || ++

ANNESS 2

Miri ġenerali || Indikaturi

Tkabbir ekonomiku || - perċentwali ta' bidla fil-PDG - perċentwali ta' bidla fil-PDG

Il-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg u benefiċċji soċjali || - perċentwali ta' bidla f'aktar u f'inqas impjiegi speċjalizzati - perċentwali ta' bidla f'aktar u f'inqas pagi speċjalizzati

Titjieb il-kompetittività relattiva tal-UE || il-lokalizzazzjoni tal-Istati Membri tal-UE fil-klassifikazzjonijiet li jkejlu l-kompetittività globali, bħar-"Rapport dwar il-Kompetittività Globali" tal-Forum Ekonomiku Dinji

Miri speċifiċi ||

Żieda fil-kummerċ bilaterali tal-prodotti || - perċentwali ta' bidla relattiva u assoluta fil-valur tal-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet bilaterali tal-prodotti skont is-settur

Żieda fil-kummerċ bilaterali tas-servizzi || - perċentwali ta' bidla relattiva u assoluta fil-valur tal-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet bilaterali tas-servizzi skont is-settur

Żieda fl-investiment bilaterali || - perċentwali ta' bidla relattiva u assoluta tal-flussi ta' investiment bilaterali

Żieda fl-aċċess għas-suq, speċjalment għall-UE, fis-settur tal-akkwisti tal-gvern || Żieda fl-għadd ta' offerti assigurati mill-kumpaniji tal-UE

Miri operattivi ||

Tneħħija tat-tariffi fuq il-prodotti industrijali u l-prodotti agrikoli || Skedi tat-tariffi Ġappuniżi

Jitnaqqsu l-NTMs rigward il-kummerċ tal-prodotti || - konverġenza tar-regolamenti standard/tekniċi - annessi speċifiċi - bidla fir-regolamenti/fil-liġijiet - żieda fit-trasparenza/fid-disponibbiltà tal-informazzjoni - stħarriġ tan-negozji

Jitnaqqsu l-NTMs u jiżdied l-aċċess għas-suq fil-kummerċ tas-servizzi || - konverġenza tar-regolamenti standard/tekniċi - bidla fir-regolamenti/fil-liġijiet - lista tal-impenji u annessi speċifiċi - żieda fit-trasparenza/fid-disponibbiltà tal-informazzjoni - stħarriġ tan-negozji

Jitnaqqsu l-NTMs rigward l-investiment dirett barrani || - konverġenza tar-regolamenti standard/tekniċi - lista tal-impenji u annessi speċifiċi - bidla fir-regolamenti/fil-liġijiet - żieda fit-trasparenza/fid-disponibbiltà tal-informazzjoni - stħarriġ tan-negozji

Jitnaqqsu l-NTMs u jiżdied l-aċċess għas-suq tal-akkwisti tal-gvern Ġappuniż || - konverġenza tar-regolamenti standard/tekniċi - bidla fir-regolamenti/fil-liġijiet - żieda fit-trasparenza/fid-disponibbiltà tal-informazzjoni - lista tal-impenji u anness speċifiku stħarriġ tan-negozji

[1]               Billi hemm għadd ta' raġunijiet leġittimi għar-regolamenti nazzjonali, mhuwiex realistiku li wieħed jassumi li l-NTMs kollha jistgħu jitneħħew, jew anki li kwalunkwe diverġenza regolatorja tista' tiġi allinjata. Għaldaqstant, tnaqqis fl-ispejjeż ta' 50 % jista' jitqies bħala ambizzjuż.

[2]               NB. Fix-xenarju asimmetriku, l-ammont tat-tnaqqis fl-ispiża tal-NTMs fuq il-prodotti min-naħa tal-UE hu previst bħala terz tat-tnaqqis min-naħa tal-Ġappun.

Top