EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0393

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 443/2009 bl-għan li jiġu ddefiniti l-modalitajiet biex tintlaħaq il-mira għall-2020 li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn karozzi ġodda tal-passiġġieri

/* COM/2012/0393 final - 2012/0190 (COD) */

52012PC0393

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 443/2009 bl-għan li jiġu ddefiniti l-modalitajiet biex tintlaħaq il-mira għall-2020 li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn karozzi ġodda tal-passiġġieri /* COM/2012/0393 final - 2012/0190 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

· Il-kuntest ġenerali

L-UE għandha l-għan iddikjarat li tillimita t-tibdil fil-klima globali għal żieda fit-temperatura ta' 2ºC 'il fuq mil-livelli preindustrijali. Sabiex jinkiseb dan, l-emissjonijiet globali jridu jilħqu l-ogħla limitu sal-2020 u jitnaqqsu b'mill-inqas 50 % globalment sal-2050 meta mqabbel mal-1990. Il-Kunsill Ewropew ikkonferma mill-ġdid il-mira tal-UE ta’ tnaqqis ta' 80-95% sal-2050 meta mqabbel mal-1990 fil-kuntest tat-tnaqqis meħtieġ mill-pajjiżi żviluppati bħala grupp.

Politiki attwali jwasslu biss għal tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra ("GHG") ta' madwar 40 % sal-2050. Il-"Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050"[1] tal-Kummissjoni jistabbilixxi kif tista' tintlaħaq il-mira għall-2050 li jitnaqqsu l-emissjonijiet domestiċi bi 80% bl-aktar mod kosteffikaċi. Il-Pjan Direzzjonali juri li kull settur tal-ekonomija għandu jikkontribwixxi u, skont ix-xenarju, meta mqabbel mal-1990 l-emissjonijiet tat-trasport għandhom ikunu bejn +20 u -9 % sal-2030 u jonqsu b'54 % sa 67 % sal-2050[2].

Filwaqt li emissjonijiet minn setturi oħra qiegħdin ġeneralment jonqsu, it-trasport stradali huwa wieħed mill-ftit setturi fejn l-emissjonijiet żdiedu rapidament. Bejn l-1990 u l-2008 l-emissjonijiet mit-trasport stradali żdiedu b 26 %. Fl-2008 madwar 70 % tal-emissjonijiet ta' CO2 tat-trasport ġie mit-trasport stradali[3]. Bħala riżultat, dan huwa t-tieni l-ikbar sors ta’ emissjonijiet ta' GHG fl-UE, u jikkontribwixxi madwar għoxrin fil-mija tal-emissjonijiet totali ta' CO2 tal-UE.

F'Marzu 2011 il-Kummissjoni adottat "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti". Dan jistabbilixxi strateġija għat-trasport f'qafas li jikseb tnaqqis ta’ 60% tal-emissjonijiet ta' GHG mit-trasport sal-2050.

· Ir-Regolament

Ir-Regolament (UE) Nru 443/2009 jistabbilixxi qafas għat-tnaqqis ta' CO2 mill-flotta ta' karozzi ġodda sal-2020. Ir-Regolament għandu operazzjoni f'żewġ fażijiet. Fl-ewwel perjodu sal-2015 ġew stabbiliti l-modalitajiet tal-konformità mal-miri. Għat-tieni perjodu sal-2020 il-mira ma tistax ssir effettiva mingħajr l-implimentazzjoni tal-modalitajiet meħtieġa, li għandhom jiġu determinati f'analiżi. Din il-mira kienet stabbilita bil-proċess ta’ kodeċiżjoni u mhijiex ikkunsidrata mill-ġdid fl-analiżi.

Jekk ma jiġux determinati jew implimentati l-modalitajiet, dan ikollu effett detrimentali fuq il-manifatturi tal-vetturi u l-fornituri tal-partijiet li jesiġu ċertezza fir-rigward tat-teknoloġija u l-vetturi li jinħtieġu biex tintlaħaq il-mira.

Il-modalitajiet huma aspetti tal-implimentazzjoni li jħallu impatt fuq kif jinkisbu l-miri tal-emissjonijiet. Il-modalitajiet ewlenin fir-Regolament attwali jinkludu l-kurva tal-valuri ta' limitu li hija ddefinita mill-parametru ta’ utilità u l-funzjoni li tiddeskrivi r-relazzjoni bejn il-parametru ta’ utilità u l-emissjonijiet ta' CO2 (li tissettja l-forma u l-inklinazzjoni). Modalitajiet oħra jinkludu l-iskema tal-primjum għall-eċċess ta’ emissjonijiet, l-ekoinnovazzjonijiet, id-derogi, il-konsorzji, l-introduzzjoni gradwali tal-miri u l-għoti ta' super krediti għal perjodu ta' żmien limitat.

2.           Konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u valutazzjonijiet tal-impatt

Konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati

1. Kompetenza esterna

Studju estern: "Appoġġ għar-reviżjoni tar-Regolament (UE) 443/2009 dwar l-emissjonijiet ta' CO2 mill-karozzi"[4] ipprovda l-analiżi ewlenija li ssejjes din il-proposta. Jinkludi evalwazzjoni tal-modalitajiet differenti u jivvaluta l-ispejjeż tagħhom. Il-mudell PRIMES-TREMOVE ntuża biex jiġu vvalutati l-impatti globali tal-mira għall-2020.

2. Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-partijiet interessati kienu formalment ikkonsultati permezz ta’ kwestjonarju onlajn u permezz ta' laqgħa għall-partijiet interessati. Tqiesu l-kontributi mill-partijiet interessati fil-valutazzjoni tal-opzjonijiet differenti possibbli biex jiġu rregolati l-emissjonijiet ta' CO2 mill-karozzi.

– Konsultazzjoni pubblika

Fil-ħarifa tal-2011 twettqet konsultazzjoni pubblika onlajn. Kumplessivament, it-tweġibiet jagħtu messaġġ ġeneralment ċar li r-regolamentazzjoni tal-emissjonijiet mill-vetturi hija importanti, għandha titwettaq skont miri fit-tul għall-GHG, tkun ibbażata fuq l-emissjonijiet medji ta' vetturi ġodda u tkun newtrali mil-lat tat-teknoloġija. Kien hemm diversi opinjonijiet differenti dwar jekk il-leġiżlazzjoni attwali hijiex qed taħdem sew. Ir-raġuni prinċipali tidher li hi li bosta jaħsbu li l-leġiżlazzjoni attwali mhijiex b'saħħitha biżżejjed. Hemm appoġġ qawwi biex jiġu stabbiliti l-miri għal wara l-2020, irrispettivament minn miżuri oħra li jistgħu jiġu implimentati. Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika nġabru fil-qosor u ġew ippubblikati[5].

– Laqgħa tal-partijiet interessati

Fis-6 ta’ Diċembru 2011 saret laqgħa tal-partijiet interessati. Ġie ppreżentat l-istudju kkompletat u ġew ippubblikati l-preżentazzjonijiet mil-laqgħa flimkien ma' sommarju tad-diskussjoni[6] . Il-parteċipanti ma esprimewx xi nuqqas ta' qbil sostanzjali fir-rigward tal-analiżi ppreżentata; L-NGOs argumentaw li peress li l-ispejjeż huma inqas milli kien maħsub preċedentement, il-miri għandhom ikunu aktar stretti.

Valutazzjoni tal-impatt

Tħejjiet valutazzjoni konġunta tal-impatt li tappoġġa l-proposta attwali u proposta ekwivalenti biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 510/2011. Ittieħed approċċ wiesa’ sabiex jiġu identifikati opzjonijiet ta' politika li jkopru kwistjonijiet li tqajmu fil-leġiżlazzjoni, dawk li jirriżultaw mill-implimentazzjoni u dawk ivvalutati fl-istudji li janalizzaw l-approċċi possibbli sabiex titjieb l-effettività tal-leġiżlazzjoni. Ġew analizzati l-aspetti li ġejjin:

a) L-opzjoni li ma jsir xejn;

b) Modalitajiet biex tintlaħaq il-mira għall-karozzi;

c) Simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piż amministrattiv:

d) Adattament għaċ-ċiklu ġdid ta' testjar

e) Għamla u restrizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni għal wara l-2020.

Abbażi tal-analiżi tal-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tagħhom, il-valutazzjoni tal-impatt waslet għall-konklużjonijiet li ġejjin:

· Il-parametru ta' utilità għandu jkompli jkun il-massa fil-każ tal-karozzi; il-kurva tal-valuri ta' limitu għandha tkompli tkun lineari.

· L-evidenza tindika li l-inklinazzjoni tal-kurva għandha tkun issettjata fuq livell relattivament baxx sabiex jitnaqqsu d-distorsjonijiet fis-suq.

· Il-Primjum għall-Eċċess ta' Emissjonijiet għandu jinżamm għal EUR 95 għal kull g/km għal kull vettura.

· Ir-Regolament għandu jiġi aġġornat biex jiġi konformi mat-Trattat ta’ Lisbona.

· Il-proċedura ta' deroga għandha tiġi ssimplifikata bl-introduzzjoni ta' esklużjoni "de-minimis" għall-iżgħar manifatturi mill-obbligu li jkollhom il-mira għas-CO2. Minbarra dan, għandha tiġi permessa aktar flessibbiltà fir-rigward tad-data tal-għoti tad-derogi għal volumi żgħar.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

L-UE diġà aġixxiet f’dan il-qasam meta adottat ir-Regolament (UE) 443/2009 ibbażat fuq il-kapitolu dwar l-ambjent tat-Trattat. Is-suq uniku wkoll jipprovdi ġustifikazzjonijiet biex issir azzjoni fil-livell tal-UE minflok fil-livell tal-Istati Membri sabiex jiġu żgurati rekwiżiti komuni madwar l-UE u b'hekk jiġu minimizzati l-ispejjeż tal-manifatturi.

L-adozzjoni tal-proposta mhix se twassal għar-revoka ta' leġiżlazzjoni eżistenti.

Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-proposta temenda r-Regolament biex jimplimenta l-modalitajiet għall-ilħuq tal-mira ta' 95 gCO2/km għal karozzi ġodda tal-passiġġieri li għandha tintlaħaq fl-2020. Il-modalitajiet ewlenin implimentati huma kif ġej:

– Il-parametru ta' utilità jkompli jkun il-massa tal-vettura fi stat ta' tħaddim.

– Il-kurva tal-valuri ta' limitu tibqa' lineari b’inklinazzjoni ta’ 60 % meta mqabbla mal-flotta ta' referenza li tinżamm bħala l-flotta tal-2006 skont il-kurva tal-valuri ta' limitu tal-2015.

– Bejn l-2020 u l-2023 jiġu introdotti super krediti għal karozzi li jemettu inqas minn 35 gCO2/km b'multiplikatur ta' 1.3 u limitati għal ċifra kumulattiva ta' 20 000 vettura għal kull manifattur matul il-perjodu tal-iskema.

– Il-mira tad-deroga għal manifatturi speċjalizzati hija aġġornata għall-2020.

– Il-manifatturi responsabbli għal inqas minn 500 reġistrazzjoni ta’ vetturi kummerċjali ġodda fis-sena huma esklużi mill-obbligu li jkollhom il-mira għas-CO2.

– Aktar flessibbiltà hija permessa fl-għażla taż-żmien tad-deċiżjonijiet għall-għoti ta' derogi għal volumi żgħar.

– Jinżammu l-ekoinnovazzjonijiet meta tiġi implimentata proċedura riveduta ta' testjar.

– Il-Primjum għall-Eċċess ta' Emissjonijiet jinżamm għal EUR 95 għal kull g/km għal kull vettura.

– Id-dispożizzjonijiet tal-proċedura tal-Kumitat huma aġġornati sabiex ikunu kompatibbli mat-Trattat ta’ Lisbona.

Hekk kif l-industrija tibbenefika minn indikazzjonijiet tas-sistema regolatorja li tkun tapplika wara l-2020, il-proposta tinkludi analiżi ulterjuri li għanda sseħħ sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2014.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma tesiġix riżorsi finanzjarji addizzjonali.

5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

3. Analiżi/reviżjoni/klawżola sunset

Il-proposta tinkludi klawżola ta' analiżi.

4. Iż-Żona Ekonomika Ewropea

L-att propost jikkonċerna kwistjoni taż-ŻEE u għalhekk għandu jkun estiż għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

2012/0190 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 443/2009 bl-għan li jiġu ddefiniti l-modalitajiet biex tintlaħaq il-mira għall-2020 li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn karozzi ġodda tal-passiġġieri

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [7]

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[8],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       L-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 minn vetturi ħfief[9] titlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-modalitajiet biex tintlaħaq il-mira ta' 95g CO2/km sal-2020 b’mod kosteffikaċi, partikolarment il-formola fl-Anness I u d-derogi fl-Artikolu 11. Qed jintalab li l-proposta li temenda r-Regolament tkun kemm jista' jkun newtrali mil-lat tal-kompetizzjoni, soċjalment ġusta u sostenibbli.

(2)       Huwa xieraq li jiġi ċċarat li għall-fini tal-verifika tal-konformità mal-mira ta' 95gCO2/km, l-emissjonijiet ta' CO2 għandhom ikomplu jitkejlu skont ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi[10] u l-miżuri implimentattivi tiegħu u t-teknoloġiji innovattivi.

(3)       B’rikonoxximent tal-ispejjeż għoljin tar-riċerka u l-iżvilupp u tal-produzzjoni ta' unitajiet tal-ewwel ġenerazzjonijiet ta' vetturi b'livell baxx ħafna ta' emissjonijiet tal-karbonju huwa xieraq li jitħaffef u jiġi ffaċilitat, fuq bażi interim u f'livell limitat, il-proċess ta' introduzzjoni tagħhom fis-suq tal-Unjoni fl-istadji inizjali tagħhom ta' kummerċjalizzazzjoni.

(4)       B'rikonoxximent tal-impatti sproporzjonati fuq l-iżgħar manifatturi li jirriżultaw minn konformità ma' miri speċifiċi għall-emissjonijiet ddefiniti abbażi tal-utilità tal-vettura, mill-piż amministrattiv kbir tal-proċedura tad-deroga u vantaġġ li huwa biss marġinali f’termini ta’ tnaqqis ta' CO2 mill-vetturi li jinbiegħu minn dawn il-manifatturi, il-produtturi responsabbli annwalment għal inqas minn 500 karozza ġdida tal-passiġġieri huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-mira speċifika għall-emissjonijiet u l-primjum għal eċċess ta' emissjonijiet

(5)       Il-proċedura biex tingħata deroga għall-manifatturi ta’ volumi żgħar għandha tkun issimplifikata biex titħalla aktar flessibbiltà f'termini tal-għażla ta' żmien tal-applikazzjoni għal deroga mill-manifatturi u d-deċiżjoni biex din tingħata mill-Kummissjoni.

(6)       Il-proċedura biex jingħataw derogi lil manifatturi speċjalizzati għandha titkompla għall-2020. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-isforz ta' tnaqqis meħtieġ minn manifatturi speċjalizzati hija konsistenti ma’ dik ta’ manifatturi ta’ volum kbir, mira ta' 45 % anqas mill-emissjonijiet medji speċifiċi ta’ manifatturi speċjalizzati fl-2007 għandha għalhekk tapplika mill-2020.

(7)       Sabiex l-industrija tal-karozzi tkun tista' twettaq investimenti u innovazzjoni fit-tul ikun tajjeb li jiġu pprovduti indikazzjonijiet ta' kif dan ir-Regolament għandu jiġi emendat għall-perjodu ta' wara l-2020. Dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni tar-rata meħtieġa ta’ tnaqqis skont il-miri tal-Unjoni fit-tul għall-klima u l-implikazzjonijiet għall-iżvilupp ta' teknoloġija kosteffikaċi li tnaqqas is-CO2 għall-karozzi. Għalhekk ikun tajjeb li jiġu riveduti dawn l-aspetti, li l-Kummissjoni tagħmel rapport u, jekk xieraq, li jsiru proposti għall-miri ta' wara l-2020.

(8)       Ir-Regolament jesiġi li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt sabiex tirrevedi l-proċeduri ta' ttestjar biex tirrefletti b’mod adegwat ir-rendiment reali tal-emissjonijiet ta' CO2 tal-karozzi. Din il-ħidma qed tipproċedi permezz tal-iżvilupp ta’ proċedura ta' test dinji għall-vetturi ħfief (World Light Duty Test) fil-qafas tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti iżda din għadha mhijiex kompluta. Fid-dawl ta' dan, l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 jistabbilixxi limiti tal-emissjonijiet għall-2020 kif imkejla skont ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 u l-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 692/2008. Meta jiġu emendati l-proċeduri ta' testjar, il-limiti stabbiliti fl-Anness I għandhom jiġu aġġustati biex jiżguraw restrizzjonijiet komparabbli għall-manifatturi u l-klassijiet tal-vetturi.

(9)       Huwa xieraq li jinbidel it-test tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 443/2009 sabiex jiġi żgurat li l-kunċett ta' impriżi konnessi hija f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet[11] bejn l-impriżi kif ukoll mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 510/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2011 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda bħala parti mill-approċċ integrat tal-Unjoni biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ħfief[12].

(10)     Ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 jagħti s-setgħat lill-Kummissjoni li timplimenta wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu skont il-proċeduri stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999[13]. Bħala konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, dawk is-setgħat għandhom jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(11)     Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 443/2009, għandhom ikunu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[14].

(12)     Is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni sabiex tissupplimenta r-regoli dwar derogi minn miri speċifiċi għall-emissjonijiet, biex temenda r-rekwiżiti tad-dejta għall-fini ta' monitoraġġ tal-emissjonijiet ta' CO2 u biex taġġusta l-formoli għall-kalkolu tal-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 fl-Anness I għal bidliet fil-valur tal-massa tal-vettura u fil-proċedura regolatorja ta' testjar għall-kejl tal-emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 msemmija fir-Regolament (KE) Nru 715/2007. Huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni tagħmel il-konsultazzjonijiet xierqa waqt il-fażi tal-ħidma ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti. Meta tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(13)     Huwa xieraq li jinżamm l-approċċ fir-rigward tal-issettjar tal-mira bbażata fuq relazzjoni lineari bejn l-utilità tal-karozza u l-mira tagħha għall-emissjonijiet ta' CO2 kif espress permezz tal-formoli fl-Anness I, billi dan jippermetti li tinżamm id-diversità tas-suq tal-karozzi u l-abbiltà tal-produtturi li jindirizzaw il-ħtiġijiet differenti tal-konsumaturi, u b’hekk tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni mhux ġustifikata fis-suq.

(14)     Il-Kummissjoni vvalutat id-disponibbiltà ta' dejta dwar l-impronta u l-użu tagħha bħala parametru ta’ utilità fil-formoli fl-Anness I. Din id-dejta hija disponibbli u l-użu potenzjali tagħha ġie vvalutat fil-valutazzjoni tal-impatt, abbażi ta' dik il-valutazzjoni ġie konkluż li l-parametru ta' utilità użat fil-formola għall-2020 għandu jkun il-massa. Madankollu, l-ispiża aktar baxxa u l-merti ta' bidla lejn impronta bħala parametru ta' utilità għandhom jitqiesu f'analiżi futura.

(15)     Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 443/2009 għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 443/2009 huwa emendat kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 1, it-tieni paragrafu jinbidel b’dan li ġej:

"Mill-2020 'il quddiem, dan ir-Regolament jistabbilixxi mira ta' 95 g CO2/km bħala emissjonijiet medji għall-flotta tal-karozzi ġodda kif imkejla skont ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 u l-Anness XII tar-Regolament (KE) Nru 692/2008 u l-miżuri implimentattivi tiegħu, u t-teknoloġiji innovattivi."

(2) Fl-Artikolu 2, għandu jiżdied il-paragrafu 4 li ġej:

‘4.      L-Artikolu 4, l-Artikolu 8(4)(b) u (c), l-Artikolu 9 u l-Artikolu 10(1)(a) u (c) ma għandhomx japplikaw għal manifattur li jkun responsabbli, flimkien mal-impriżi konnessi kollha tiegħu, għal inqas minn 500 karozza ġdida tal-passiġġieri rreġistrati fl-UE fis-sena kalendarja preċedenti.”

(3) L-ewwel inċiż fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2) għandu jinbidel b'dan li ġej:

"- is-setgħa li jeżerċita aktar minn nofs id-drittijiet tal-vot; jew"

(4) Jiddaħħal l-artikolu li ġej wara l-Artikolu 5:

"Artikolu 5a

Super krediti għall-mira ta' 95 g CO2/km

1.       Fil-kalkolu tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta' CO2, kull karozza ġdida tal-passiġġieri b'emissjonijiet speċifiċi ta' CO2 ta' inqas minn 35 g CO2/km għandha tiġi magħduda bħala 1.3 karozzi tal-passiġġieri fil-perjodu bejn l-2020 u l-2023 u bħala karozza waħda tal-passiġġieri mill-2024 'il quddiem.

2.       L-għadd massimu ta' karozzi ġodda tal-passiġġieri li għandu jitqies fl-applikazzjoni tal-multiplikaturi stabbiliti fil-paragrafu 1 għall-perjodu bejn l-2020 u l-2023 ma għandux jaqbeż l-20 000 reġistrazzjoni ġdida tal-karozzi tal-passiġġieri għal kull manifattur."

(5) Fl-Artikolu 8, il-paragrafu 9 jinbidel b’dan li ġej:

"9.      Il-Kummissjoni għandha tadotta regoli dettaljati dwar il-proċeduri għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ dejta taħt dan l-Artikolu u dwar l-applikazzjoni tal-Anness II permezz ta' atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2).

Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14a biex temenda l-Anness II fir-rigward tar-rekwiżiti tad-dejta u l-parametri tad-dejta."

(6) Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:

"3.      Il-Kummissjoni għandha tadotta arranġamenti dettaljati għall-ġbir tal-primjums għall-eċċess ta' emissjonijiet taħt il-paragrafu 1 permezz tal-atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2)."

(7) L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)      Fil-paragrafu 3, titħassar l-aħħar sentenza.

(b)     Fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:

"(b)    jekk l-applikazzjoni hija fir-rigward tal-punt (a) u (b) tal-Anness I, il-punt 1, mira li hija tnaqqis ta' 25 % fl-emissjonijiet speċifiċi medji ta' CO2 fl-2007 jew, fejn issir applikazzjoni unika fir-rigward ta' għadd ta’ impriżi konnessi, tnaqqis ta’ 25 % fuq il-medja tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 ta' dawk l-impriżi fl-2007."

(c)     Fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, jiżdied il-punt (c) li ġej:

"(c)    jekk l-applikazzjoni hija fir-rigward tal-punt (c) tal-Anness I, il-punt 1, mira li hija tnaqqis ta' 45 % fl-emissjonijiet speċifiċi medji ta' CO2 fl-2007 jew, fejn issir applikazzjoni unika fir-rigward ta' għadd ta’ impriżi konnessi, tnaqqis ta’ 45 % fuq il-medja tal-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 ta' dawk l-impriżi fl-2007."

(8) (b)     Il-paragrafu 8 jinbidel b’dan li ġej:

"8.      Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14a li jistabbilixxu regoli li jissupplimentaw il-paragrafi 1 sa 7 ta' dan l-Artikolu, fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għal derogi, tal-kontenut tal-applikazzjonijiet, u tal-kontenut u l-valutazzjoni tal-programmi għat-tnaqqis ta' emissjonijiet speċifiċi ta' CO2."

(9) Fl-Artikolu 12(2), l-ewwel sentenza tinbidel b'dan li ġej:

"Il-Kummissjoni għandha tadotta dispożizzjonijiet dettaljati għal proċedura biex jiġu approvati t-teknoloġiji innovattivi msemmija fil-paragrafu 1 permezz tal-atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-Regolament."

(10) L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)     Fil-paragrafu 2, it-tielet subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

"Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati permezz ta' atti ddelegati skont l-Artikolu 14a."

(b)     Jitħassar it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3

(c)     Il-paragrafu 5 jinbidel b’dan li ġej:

"5. “Sal-31 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-miri speċifiċi għall-emissjonijiet, il-modalitajiet u aspetti oħra ta' dan ir-Regolament sabiex tistabbilixxi l-miri għall-emissjonijiet ta' CO2 għal karozzi ġodda tal-passiġġieri għall-perjodu ta' wara l-2020.”

(d)     Il-paragrafu 7 jinbidel b’dan li ġej:

"7.      Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14a biex tadatta l-formoli fl-Anness I sabiex tkun riflessa kwalunkwe bidla fil-proċedura tat-test regolatorju għall-kejl tal-emissjonijiet speċifiċi tas-CO2 imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 715/2007 u r-Regolament (KE) Nru 692/2008 filwaqt li jiġi żgurat li r-rekwiżiti għat-tnaqqis ta’ restrizzjoni komparabbli għall-manifatturi u vetturi ta' utilità differenti jkunu meħtieġa taħt il-proċeduri ta' testjar il-qodma u l-ġodda. "

(11) L-Artikolu 14 jinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 14 Proċedura tal-Kumitat

1.       Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima stabbilit bl-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.       Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”

(12) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 14a li ġej:

"Artikolu 14a Eżerċitar tad-delega

1.       Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.       Is-setgħa li jiġu adattati atti delegati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(9), l-Artikolu 11(8), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 13(7), għandhom jiġu kkonferiti fuq il-Kummissjoni għal perjodu indeterminat minn [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

3.       Id-delega tas-setgħa msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(9), fl-Artikolu 11(8), fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(2) u fl-Artikolu 13(7) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.       Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.       Att delegat adottat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(9), l-Artikolu 11(8), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 13(7) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkunx hemm oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f'perjodu ta’ xahrejn ta’ notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

(13) Fil-punt 1 tal-Anness I, jiżdied il-punt (c) li ġej:

"(c)       Mill-2020:

Emissjonijiet speċifiċi ta’ CO2 = 95 + a × (M – M0)

Fejn:

M = il-massa tal-vettura f’kilogrammi (kg)

M0 = il-valur adottat skont l-Artikolu 13(2)

a = 0,0333."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament ghandu jidhol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tieghu f'Il-Gurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament ghandu jorbot fl-intier tieghu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               COM/2011/0112 finali

[2]               Esklużi l-emissjonijiet marittimi internazzjonali

[3]               It-trasport tal-UE f'ċifri 2011, il-Kummissjoni Ewropea

[4]               http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/vehicles/cars/docs/study_car_2011_en.pdf

[5]               http://ec.europa.eu/clima/consultations/0012/index_en.htm

[6]               http://ec.europa.eu/clima/events/0048/index_en.htm

[7]               ĠU C , , p. .

[8]               ĠU C , , p. .

[9]               ĠU L 140, 5.6.2009, p. 1.

[10]             ĠU L 171, 29.6.2007, p.1.

[11]             ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

[12]             ĠU L 145, 31.5.2011, p. 1

[13]             ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

[14]             ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

Top