EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0124

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għas-suq intern tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi

/* COM/2012/0124 final - 2012/0060 (COD) */

52012PC0124

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għas-suq intern tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi /* COM/2012/0124 final - 2012/0060 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Din hija proposta ġdida fil-qasam tal-politika internazzjonali tal-akkwist tal-Unjoni Ewropea. L-għan ewlieni ta' din l-inizjattiva huwa li jitjiebu l-kundizzjonijiet li taħthom in-negozji tal-UE jistgħu jikkompetu għal kuntratti pubbliċi fil-pajjiżi terzi. Bħalissa, il-fornituri tal-UE qed jaffrontaw diversi prattiki restrittivi tal-akkwist f'bosta pajjiżi li huma s-sħab kummerċjali prinċipali tal-UE. Barra minn dan, l-inizjattiva tikkonferma l-istatus legali tal-offerenti, il-prodotti u s-servizzi minn pajjiżi li għandhom ftehim internazzjonali mal-UE fil-qasam tal-akkwist pubbliku u tikkjarifika r-regoli applikabbli għall-offerenti, il-prodotti u s-servizzi li mhumiex koperti minn dawn il-ftehim.

Kuntest ġenerali

Fin-negozjati dwar Ftehim rivedut dwar l-Akkwist Pubbliku (GPA), fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u f’negozjati bilaterali ma’ pajjiżi terzi, l-UE appoġġjat ftuħ ambizzjuż tas-swieq tal-akkwist pubbliku fil-livell internazzjonali. Madwar EUR 352 biljun ta' akkwist pubbliku tal-UE huma miftuħa għall-offerenti minn pajjiżi membri tal-ftehim tal-WTO dwar l-akkwist pubbliku.

Madankollu, bosta pajjiżi terzi qed isibuha bi tqila sabiex jiftħu s-swieq tal-akkwist tagħhom għall-kompetizzjoni internazzjonali jew sabiex jiftħu dawk is-swieq aktar milli diġà għamlu. Il-valur tal-akkwist tal-Istati Uniti li qed jiġi offrut lill-offerenti barranin bħalissa huwa dak ta' EUR 178 biljun u EUR 27 biljun għall-Ġappun, filwaqt li hija biss frazzjoni mis-suq tal-akkwist pubbliku Ċiniż li hija miftuħa għan-negozji barranin. Bosta pajjiżi adottaw ukoll miżuri protezzjonisti, speċjalment fid-dawl tal-kriżi ekonomika. Kollox ma' kollox, aktar min-nofs is-suq dinji tal-akkwist bħalissa huwa magħluq minħabba l-miżuri protezzjonisti, u dan is-sehem qiegħed dejjem jikber. Bħala riżultat ta' dan, EUR 10 biljun biss mill-esportazzjonijiet tal-UE (0.08 % tal-PDG tal-UE) bħalissa qed isibu triqithom fis-swieq globali tal-akkwist, filwaqt li EUR 12 biljun stmati ta' esportazzjonijiet oħra tal-UE jibqgħu ma jitwettqux minħabba ċerti restrizzjonijiet.

Bil-kontra ta' dan, l-UE żammet is-suq tal-akkwist pubbliku tagħha miftuħ ħafna għall-kompetizzjoni internazzjonali, u dan minkejja l-pressjoni dejjem tiżdied fuq is-suq domestiku tagħha, b'mod partikolari minn ekonomiji emerġenti fir-rigward ta' ċerti oqsma ewlenin (ferroviji, kostruzzjoni, servizzi tal-IT). Bl-eċċezzjoni ta' xi dispożizzjonijiet li huma limitati fil-kamp ta' applikazzjoni tagħhom għas-swieq tal-fornimenti u tas-servizzi fis-settur tal-utilitajiet (settur tas-servizzi)[1], l-UE ma eżerċitatx is-setgħat tagħha sabiex tirregola l-aċċess għal prodotti, servizzi u kumpaniji barranin għas-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE.

Minħabba l-importanza dejjem tikber ta' ekonomiji emerġenti, in-nuqqas ta' kundizzjonijiet ekwi qed joħloq diversi problemi. Il-problema prinċipali tal-UE hija nuqqas ta' saħħa fin-negozjati internazzjonali tagħha mas-sħab kummerċjali sabiex tirrimedja għall-iżbilanċ u sabiex tikseb impenji sostanzjali għall-aċċess għas-suq għall-benefiċċju tan-negozju tal-UE. Ukoll, l-awtoritajiet kontraenti għandhom nuqqas ta' qafas ċar li permezz tiegħu jkunu jistgħu japplikaw l-impenji internazzjonali tal-UE.

Din l-inizjattiva għandha l-għan li ssolvi dawn il-problemi billi l-ewwel nett issaħħaħ il-qagħda tal-Unjoni Ewropea meta tkun din qed tinnegozja l-aċċess tal-kumpaniji tal-UE għas-swieq tal-akkwist tal-pajjiżi terzi, sabiex tiftaħ is-swieq tas-sħab kummerċjali tagħna. It-tieni nett, għal dan il-għan tfittex li tikkjarifika r-regoli li jirregolaw l-aċċess tal-kumpaniji, il-prodotti u s-servizzi tal-pajjiż terz għas-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE. Fl-aħħar nett, l-għan huwa dak li, f'konformità mal-istrateġija tal-UE għall-2020, jitjiebu l-opportunitajiet ta' negozju għall-kumpaniji tal-UE fuq skala globali u b'hekk jinħolqu impjiegi ġodda u ssir promozzjoni tal-innovazzjoni.

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Iż-żewġ direttivi bażiċi dwar l-akkwist pubbliku tal-Unjoni Ewropea[2] ma jipprovdux qafas ġenerali għal trattament tal-offerti li jinkludu prodotti u servizzi barranin fis-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE. L-uniċi regoli speċifiċi huma stabbiliti fl-Artikoli 58 u 59 tad-Direttiva 2004/17/KE. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet huma limitati għal akkwist mill-utilitajiet u l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom huwa żgħir wisq sabiex jagħmel impatt sostanzjali fuq in-negozjati fir-rigward tal-aċċess għas-suq. Tabilħaqq, l-akkwist pubbliku tal-UE għall-Utilitajiet jikkostitwixxi biss madwar 20 % tas-suq totali tal-akkwist pubbliku tal-UE.

Fil-proposta tal-Kummissjoni dwar l-immodernizzar tar-regoli tal-UE fir-rigward tal-akkwist pubbliku, il-Kummissjoni ddeċidiet li twarrab l-Artikoli 58 u 59 tad-Direttiva dwar l-Utilitajiet, minħabba din l-inizjattiva[3].

Konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħrajn tal-Unjoni

Din l-inizjattiva timplimenta l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv [COM(2010) 2020] u l-Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 dwar il-Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni [COM(2010) 614]. Timplimenta wkoll l-Att dwar is-Suq Uniku [COM(2011) 206] u l-Komunikazzjoni dwar il-Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija [COM(2010) 612]. Hija inizjattiva strateġika tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2011 (COM(2010) 623 finali).

Din il-proposta hija wkoll konsistenti mal-politiki u għanijiet ta' żvilupp tal-Unjoni, b'mod partikolari, billi tipproteġi, b'mod ġenerali, il-prodotti u s-servizzi mill-pajjiżi l-anqas żviluppati minn azzjoni taħt dan l-istrument.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Biex tiġbor l-fehmiet tal-partijiet interessati, minbarra laqgħat individwali, il-Kummissjoni organizzat serje ta' konsultazzjonijiet u attivitajiet immirati biex jilħqu n-nies.

Saret konsultazzjoni miftuħa fuq l-Internet bejn is-7 ta’ Ġunju u t-2 ta’ Awwissu 2011. Din kienet tikkonsisti fi tliet kwestjonarji ddettaljati mmirati lejn (i) awtoritajiet kontraenti u l-Istati Membri (SM), (ii) negozji u/jew ir-rappreżentanti tagħhom, u (iii) partijiet interessati potenzjali oħrajn (ċittadini, NGOs, trade unions). Il-Kummissjoni rċeviet total ta' 215 kontribuzzjoni[4]. L-Anness I għar-rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt jinkludi rapport fil-qosor. Bħala parti minn dan il-proċess, il-Kummissjoni organizzat seduta pubblika fit-8 ta' Lulju 2011 fi Brussell. Is-sħab soċjali kellhom ukoll l-opportunità jesprimu l-fehmiet tagħhom fil-Forum ta' Kooperazzjoni organizzat mid-DĠ Impjiegi fis-7 ta' Frar 2011. Saru wkoll konsultazzjonijiet speċifiċi mad-Delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi terzi u l-Istati Membri fil-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi. Fil-konsultazzjoni dwar l-Immodernizzar tal-Politika tal-Akkwist Pubbliku, ġew ukoll indirizzati temi speċifiċi (jiġifieri Artikolu 58 tad-Direttiva dwar l-Utilitajiet u t-trattatament ta' offerti anormalment baxxi). L-istandards minimi tal-Kummissjoni għall-konsultazzjonijiet kienu kompletament issodisfati.

Sommarju tat-tweġibiet u ta’ kif tqiesu

B'mod ġenerali, l-inizjattiva tal-Kummissjoni ntlaqgħet tajjeb. Maġġoranza kbira ta' dawk li wieġbu qablu mad-deskrizzjoni tal-Kummissjoni tal-livell attwali tal-aċċess għas-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE tal-prodotti, is-servizzi u l-kumpaniji minn barra l-UE u appoġġjaw ukoll l-għanijiet identifikati tal-inizjattiva.

Fir-rigward tal-alternattivi ta' politika spjegati, huwa importanti li wieħed jinnota li l-fehmiet espressi kienu diverġenti: b'mod ġenerali, jidher li maġġoranza sinifikanti ta' partijiet interessati tappoġġja inizjattiva leġiżlattiva (madwar 65 %), filwaqt li minorità mdaqqsa ta' madwar 35 % tippreferi l-alternattiva 'ma jsir xejn'. Madankollu, ċertu fehmiet fil-gruppi differenti ta' partijiet interessati huma wkoll diverġenti mill-alternattiva ppreferuta. Fost l-entitajiet kontraenti u l-awtoritajiet tal-gvern (inkluż dawk minn pajjiżi terzi), pereżempju, żewġ terzi huma favur l-alternattiva 'ma jsir xejn' jew l-alternattiva mhux leġiżlattiva, filwaqt li fir-rigward tan-negozji u l-partijiet interessati oħrajn, madwar 75 % huma favur inizjattiva leġiżlattiva. Hemm ukoll opinjonijiet diverġenti dwar x'għandha tkun l-alternattiva leġiżlattiva. Għalkemm madwar nofs dawk li wieġbu jappoġġjaw l-alternattiva leġiżlattiva 'Approċċ A'[5], għadd sinifikanti minn fost dawk li wieġbu jiffavorixxu wkoll approċċi alternattivi. Ta' min wieħed jinnota li minkejja li l-fatt li 'Approċċ B'[6] huwa l-anqas alternattiva leġiżlattiva ppreferuta, għandu wkoll l-appoġġ ta' għadd konsiderevoli ta' dawk li wieġbu.

Ir-raġunijiet prinċipali li l-partijiet interessati ppreżentaw favur jew kontra alternattiva politika waħda jew oħra kienu jinkludu l-importanza tal-aqwa valur għall-flus, il-kompetittività u l-produttività li jistgħu jiddgħajfu minn uħud mill-alternattivi politiki, ir-riskju ta' ritaljazzjoni mis-sħab kummerċjali tagħna, il-piż amministrattiv li jista' jkun marbut ma' inizjattiva bħal din u l-fatt li l-inizjattiva tipperikola l-istatus tal-UE bħala avukat tas-swieq miftuħa. It-trade unions u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) kienu pjuttost newtrali fir-rigward tal-għażla tal-alternattivi u kellhom it-tendenza li jiffukaw il-kontribuzzjonijiet tagħhom fuq il-ħtieġa li pajjiżi terzi jirrispettaw il-Konvenzjonjiet ILO meta jkunu qed jagħmlu offerti fl-UE jew il-ħtieġa li l-UE tiftaħ il-fruntieri tagħha sabiex tħares kummerċ ġust fir-rigward ta' dawk il-pajjiżi l-anqas żviluppati.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Minbarra l-konsultazzjonijiet imsemmija aktar 'il fuq, ma kienx meqjus meħtieġ li jintuża għarfien espert estern. Fil-qasam tal-akkwist pubbliku, il-Kummissjoni tradizzjonalment għandha għarfien sinifikanti.

Valutazzjoni tal-Impatt

Il-Kummissjoni kkunsidrat diversi alternattivi sabiex tidentifika l-aktar waħda xierqa fosthom.

L-ewwel alternattiva hija li ma tittieħed l-ebda azzjoni addizzjonali f'dan il-qasam, u kollox jibqa' kif inhu fir-rigward tan-negozjati internazzjonali għall-aċċess għas-suq (possibbilment b'mod imsaħħaħ) mas-sħab kummerċjali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, skont esperjenza preċedenti, mhuwiex probabbli li alternattiva tali twassal għal titjib sostanzjali fl-intitolar ta' prodotti, servizzi u fornituri tal-UE sabiex jipparteċipaw fil-proċessi tal-akkwist fil-pajjiżi terzi. Ir-riżultat inevitabbli jkun dak ta' telf kontinwu ta' opportunitajiet ta' offerti fuq skala sinifikanti.

It-tieni tip ta' alternattiva jkun jikkonsisti fl-aġġornament tal-implimentazzjoni ta' għodda eżistenti skont id-Direttiva 2004/17/KE (Artikoli 58 u 59), ibbażata fuq gwida aħjar jew estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn l-għodod sabiex ikopru l-kamp ta' applikazzjoni sħiħ tad-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE. Ibbażat biss fuq użu fakultattiv minn awtoritajiet/entitajiet kontraenti individwali, jidher ċar li dan ix-xenarju ma jtejjibx b'mod sinifikanti s-saħħa tal-UE fin-negozjati internazzjonali.

It-tielet alternattiva tista' tkun dik li jingħalaq, b'mod ġenerali jew skont il-qasam, is-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE għall-prodotti, servizzi u fornituri minn pajjiżi terzi, soġġett għall-obbligi internazzjonali tal-UE f'dan il-qasam. Madankollu, alternattiva tali twassal għal tħassib serju fir-rigward tal-impatti tagħha f'termini ta' ritaljazzjoni u spejjeż involuti għal awtoritajiet/entitajiet kontraenti individwali u l-kompetittività tal-UE.

Għalhekk, il-Kummissjoni hija favur ir-raba' alternattiva, jiġifieri dik li permezz tagħha jinħoloq strument awtonomu li jikseb il-bilanċ xieraq bejn, min-naħa l-waħda, il-ħtieġa li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Unjoni fin-negozjati dwar l-aċċess għas-suq, u, min-naħa l-oħra, il-ħarsien tas-sistema kompetittiva tal-akkwist fl-Unjoni Ewropea.

Għal dan il-għan, il-proposta tistabbilixxi mekkaniżmu doppju. Awtoritajiet/entitajiet kontraenti individwali jkunu intitolati jeskludu offerti li aktar minn 50 % tal-valur tagħhom ikun magħmul minn prodotti u/jew servizzi li ma jibbenefikawx minn impenji għall-aċċess għas-suq fil-livell internazzjonali, taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni. Minbarra dan, il-Kummissjoni tkun tista' twieġeb billi temporanjament tillimita l-aċċess għas-suq għal dawk il-pajjiż li eventedement jeskludu jew jiddiskriminaw kontra l-fornituri, il-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni fil-prattiki nazzjonali tagħhom tal-akkwist, u li fin-negozjati jirrifjutaw li jipprovdu aċċess aħjar għas-suq. Kwalunkwe restrizzjoni fir-rigward tal-aċċess għas-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE, li l-Kummissjoni tista' xi darba tadotta fil-kuntest tar-Regolament, għandha tkun tal-qies u mmirata bir-reqqa.

Il-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni (Impact Assessment Board - IAB) ħareġ żewġ opinjonijiet dwar ir-rapport ta' valutazzjoni tal-impatt. Fid-dawl tal-ewwel opinjoni, ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt kien rivedut kif ġej: id-definizzjoni tal-problema nbidlet b'mod li tiffoka fuq il-kwistjoni ċentrali identifikata fil-valutazzjoni tal-impatt, il-ħtieġa għal aktar ftuħ tas-swieq tal-akkwist tal-pajjiżi terzi u l-problemi ta' konformità mal-impenji internazzjonali tal-UE. Is-skala ta' alternattivi li se jitqiesu saret akbar. Minbarra politika ta' negozjar aktar attiva, il-valutazzjoni tal-impatt tqis l-estensjoni tas-sistema attwali tal-Artikoli 58 u 59 tad-Direttiva 2004/17/KE għall-akkwisti kollha koperti mid-direttivi tal-UE u l-possibbiltà ta' approvazzjoni selettiva ta' akkwist li mhuwiex kopert. Fl-aħħar nett, l-analiżi tal-impatt ġiet mirquma b'mod li taġġorna l-kejl tar-ritaljazzjoni u ċ-ċifri tal-impjiegi. Anness 10 għar-rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt jipprovdi analiżi aktar iddettaljata dwar kif l-ewwel opinjoni tal-IAB iddaħħlet fir-rapport rivedut, ippreżentat mill-ġdid fit-8 ta' Frar 2012.

Fl-opinjoni tiegħu dwar ir-rapport ippreżentat mill-ġdid, l-IAB jirrikonoxxi t-titjib li sar fir-rapport u l-inklużjoni tar-rakkomandazzjonijiet li għamel fl-ewwel opinjoni tiegħu, iżda ddikkjara li ma jistax jagħti opinjoni pożittiva. L-IAB jemmen li għad hemm għadd ta' oqsma fejn il-valutazzjoni tista' tissaħħaħ u jidentifika għadd ta' azzjonijiet sabiex jitjieb aktar ir-rapport (jiġifieri, irqim tal-preżentazzjoni tal-alternattivi, it-titjib fil-preżentazzjoni tal-mudell użat għall-valutazzjoni tal-impatti, ġustifikazzjoni aħjar tal-proporzjonalità tal-alternattiva ppreferuta, eċċ). Ir-rapport finali tal-valutazzjoni tal-impatt integra kemm seta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

L-għanijiet prinċipali ta' din il-proposta huma li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea meta jkunu qed jiġu nnegozjati t-termini ta' aċċess tal-prodotti, is-servizzi u l-fornituri tal-UE għas-swieq tal-akkwist pubbliku tal-pajjiżi terzi u li tkun ikkjarifikata s-sitwazzjoni legali għall-offerenti, il-prodotti u s-servizzi barranin li jkunu qed jipparteċipaw fis-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE. Għalhekk, din il-proposta tistabbilixxi politika esterna komprensiva dwar l-akkwist pubbliku tal-UE li tirregola l-aċċess għal prodotti u servizzi barranin għas-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE u tinkludi mekkaniżmi li jħeġġu lis-sħab kummerċjali tal-UE jibdew diskussjonijiet dwar l-aċċess għas-suq.

L-ewwel nett, fil-liġi tal-UE il-proposta tirrifletti l-prinċipju li, fis-suq intern tal-UE tal-akkwist, il-prodotti u s-servizzi li jibbenefikaw minn impenji għall-aċċess għas-suq huma trattati bl-istess mod bħall-prodotti u s-servizzi tal-UE u testendi dan it-trattament għal prodotti u servizzi li joriġinaw mill-pajjiżi l-anqas żviluppati.

Fir-rigward tat-trattament ta' prodotti u servizzi li ma jibbenefikawx minn impenji għall-aċċess għas-suq, huwa previst approċċ fi tliet stadji.

Il-Kummissjoni tista' tapprova l-esklużjoni, min-naħa tal-awtoritajiet/entitajiet kontraenti ta' offerti li fihom il-valur ta' prodotti u servizzi mhux koperti jaqbeż il-50 % tal-valur totali ta' prodotti u servizzi inklużi fl-offerta. Wara li fl-avviż tal-kuntratt, l-awtorità/entità kontraenti tkun infurmat lill-offerenti potenzjali bl-intenzjoni tagħha li teskludi offerenti tali, din trid tinnotifika lill-Kummissjoni meta tirċievi offerti li jaqgħu taħt din il-kategorija. Il-Kummissjoni tagħti l-approvazzjoni tagħha għall-esklużjoni jekk ikun hemm nuqqas ta' reċiproċità sostanzjali fil-ftuħ tas-suq bejn l-UE u l-pajjiż li minnu jkunu oriġinaw il-prodotti u/jew is-servizzi. Il-Kummissjoni tapprova din l-esklużjoni meta l-prodotti u s-servizzi kkonċernati jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' riżervazzjoni tas-suq mill-UE fi ftehim internazzjonali

Minbarra dan, din il-proposta tistabbilixxi mekkaniżmu tal-UE sabiex tiżdied aktar is-saħħa tal-UE fin-negozjati internazzjonali fir-rigward tal-aċċess għas-suq, ibbażat fuq l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-konsultazzjoni ma' pajjiżi terzi u, fejn xieraq, l-impożizzjoni ta' miżuri temporanji restrittivi mill-Kummissjoni.

Fuq talba ta' partijiet interessati jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista' twettaq investigazzjonijiet sabiex tivverifika l-eżistenza ta' prattiki restrittivi tal-akkwist. Fejn l-eżistenza ta' tali prattiki hija kkonfermata, il-Kummissjoni tistieden lill-pajjiż ikkonċernat jidħol f'konsultazzjoni sabiex jindirizza dawn il-prattiki restrittivi u għalhekk joħloq sitwazzjoni aħjar ta' aċċess għas-suq għall-kumpaniji tal-UE.

Jekk il-pajjiż ikkonċernat mhuwiex lest li jimpenja ruħu fil-konsultazzjonijiet jew jipprovdi soluzzjonijiet sodisfaċenti għall-miżuri restrittivi tal-akkwist, l-Unjoni Ewropea tista' tiddeċiedi li temporanjament tillimita l-aċċess għall-prodotti u/jew is-servizzi minn dak il-pajjiż għas-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE.

Fl-aħħar nett, biex jikkumplimentaw id-dispożizzjonijiet dwar offerti anormalment baxxi fil-proposta tar-riforma tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti se jkunu meħtieġa jinfurmaw lill-offerenti l-oħrajn meta jkun beħsiebhom jaċċettaw offerti anormalment baxxi fejn il-valur ta' prodotti u servizzi mhux koperti jaqbeż il-50 % tal-valur totali ta' prodotti u servizzi inklużi fl-offerta. Peress li l-ħtieġa li pajjiżi terzi jirrispettaw standards bażiċi tax-xogħol tal-ILO hija indirizzata fir-riforma proposta tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku, mhuwiex meħtieġ li tiġi trattata f'dan it-test.

Għandu jkun enfasizzat li s-saħħa ta' din l-inizjattiva, imfassla bħala għodda tal-politika sabiex tħeġġeġ in-negozjati, mhijiex diretta lejn l-għeluq tas-suq tal-akkwisti fl-Unjoni Ewropea, iżda lejn kisba aħjar tal-aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku tas-sħab kummerċjali tal-Unjoni Ewropea. Huwa ferm importanti li jkunu mħarsa l-kundizzjonijiet ta' sejħiet għal offerti kompetittivi fis-suq intern għaliex dawn jagħtu benefiċċji tanġibbli lill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti u lis-soċjetà b'mod ġenerali.

Bażi legali

Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta taqa' taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Prinċipju ta' proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta' proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin.

Din il-proposta tikseb bilanċ tajjeb bejn l-interessi tal-partijiet interessati rilevanti kollha u l-forma u s-sustanza tal-azzjoni tal-UE ma taqbiżx dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tat-Trattat.

L-ewwel nett, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jkollhom id-dritt, li jeskludu l-offerti li aktar minn 50 % tagħhom ikun jikkonsisti fi prodotti u servizzi mhux koperti, taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni. Dan jiżgura li għall-awtoritajiet/entitajiet kontraenti tibqa' l-għażla li dawn jaċċettaw il-prodotti u s-servizzi, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, jew li jillimitaw l-aċċess tal-prodotti u s-servizzi li mhumiex koperti mill-ftehim internazzjonali tal-UE, sakemm restrizzjonijiet tali jkunu konsistenti mal-politika kummerċjali komuni tal-UE, li hija esklussivament qasam ta' kompetenza tal-UE. Is-superviżjoni tal-Kummissjoni hija mfassla b'reqqa sabiex ikunu żgurati l-uniformità u l-proporzjonalità. It-tieni nett, l-għodda tal-Kummissjoni stabbilita permezz ta' dan ir-Regolament se tiżgura li l-UE jkollha disponibbli mekkaniżmu li permezz tiegħu tinvestiga l-prattiki restrittivi tal-akkwist u tikkonsulta mal-pajjiż terz ikkonċernat dwar dawn. Huwa biss meta ma tkun tista' tinstab l-ebda soluzzjoni oħra li l-Kummissjoni tadotta miżuri temporanji restrittivi.

L-ispejjeż amministrattivi jinżammu baxxi kemm jista' jkun, iżda jridu jittieħdu miżuri sabiex tkun imħarsa l-konsistenza tal-politika kummerċjali komuni. It-twaqqif ta' mekkaniżmi ta' superviżjoni u investigazzjoni għandu jitwettaq mis-servizzi tal-Kummissjoni li bħalissa qed jaħdmu fuq il-politika esterna tal-akkwist pubbliku u fuq il-monitoraġġ tal-aċċess għas-suq, biex b'hekk jillimitaw l-impatt fuq ir-riżorsi umani fil-Kummissjoni. Il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet/entitajiet kontraenti se jitnaqqas għas-sitwazzjonijiet fejn il-miżuri restrittivi jittieħdu mill-Kummissjoni jew meta l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jagħżlu li jużaw il-mekkaniżmu u jkun ibbażat fuq forom standard jew awtodikjarazzjonijiet, li jillimitaw l-investigazzjonijiet li entitajiet individwali jwettqu sabiex jivverifikaw l-oriġini tal-prodotti jew is-servizzi.

Għażla ta' strumenti

L-istrument propost huwa Regolament.

Mezzi oħra ma jkunux xierqa, hekk kif huwa biss Regolament li jista' jiżgura biżżejjed azzjoni uniformi mill-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni. Barra dan, dan l-istrument jagħti setgħat lill-Kummissjoni Ewropea, li jfisser illi t-traspożizzjoni ma tkunx meħtieġa.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta minnha nnifisha ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja. Il-kompiti addizzjonali għall-Kummissjoni jistgħu jitwettqu bir-riżorsi eżistenti.

5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

Klawżola ta' analiżi/reviżjoni/estinzjoni

Il-proposta tinkludi klawżola ta' analiżi.

Żona Ekonomika Ewropea

L-att propost jikkonċerna kwistjoni taż-ŻEE u għalhekk għandu jkun estiż għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

Spjegazzjoni ddettaljata tal-proposta

Artikolu 1 jiddefinixxi s-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, ibbażat fuq id-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE dwar l-akkwist pubbliku tal-UE u d-Direttiva dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni, hekk kif propost mill-Kummissjoni[7].

Artikolu 2 jinkludi definizzjonijiet rilevanti, li l-maġġoranza tagħhom huma meħuda mid-Direttiva dwar l-akkwist pubbliku tal-UE. It-test jiddefinixxi wkoll "il-prodotti u s-servizzi koperti" u l-prodotti u s-servizzi mhux koperti li huma ferm importanti għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3 jistabbilixxi, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, ir-regoli applikabbli ta' oriġini, għall-prodotti u s-servizzi pprovduti mill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti. F'konformità mal-impenji internazzjonali tal-UE, ir-regoli ta' oriġini għall-prodotti huma konformi mar-regoli ta' oriġini mhux preferenzjali hekk kif definiti fil-Kodiċi Doganali tal-UE (ir-Regolament 2913/92). L-oriġini ta' servizz huwa definit abbażi tar-regoli relevanti skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt ta' stabbiliment u d-definizzjonijiet li jipprovdi l-GATS (l-Artikolu XXVIII).

Artikolu 4 jispjega b'mod ċar ir-regoli dwar l-aċċess għas-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE applikabbli għal prodotti u servizzi barranin li jibbenifikaw mill-impenji għall-aċċess għas-suq tal-UE (imsemmija 'prodotti u servizzi koperti') u għal prodotti u servizzi li joriġinaw mill-pajjiżi l-anqas żviluppati. Iż-żewġ kategoriji jridu jiġu trattati l-istess bħall-prodotti u s-servizzi tal-UE.

Artikolu 5 jiddeskrivi r-regoli ta' aċċess għall-prodotti u s-servizzi li joriġinaw minn pajjiżi terzi li ma jibbenefikawx minn impenji għall-aċċess għas-suq tal-UE (imsemmija 'prodotti u servizzi li mhumiex koperti'). L-aċċess ta' dawn il-prodotti u s-servizzi jista' jkun suġġett għal miżuri restrittivi li jittieħdu minn awtoritajiet/entitajiet kontraenti jew mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-mekkaniżmi stabbiliti minn dan ir-Regolament.

Artikolu 6 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tista' tapprova l-esklużjoni, min-naħa ta' awtoritajiet/entitajiet kontraenti individwali, tal-offerti minn proċeduri ta' offerti, fejn il-valur ta' prodotti u servizzi mhux koperti jaqbeż il-50 % tal-valur totali ta' prodotti jew servizzi inklużi f'din l-offerta b'valur stmat ta' EUR 5,000,000 jew aktar.

Meta awtorità/entità kontraenti tkun indikat fl-avviż tal-kuntratt l-intenzjoni tagħha li teskludi l-prodotti u s-servizzi mhux koperti u tirċievi offerti li jaqgħu taħt din il-kategorija, din għandha tinnotifika lill-Kummissjoni u tindika l-karatteristiċi tal-offerti kkonċernati. Skont il-pubblikazzjoni tan-notifiki fil-Ġurnal Uffiċjali (TED, Tenders European Daily), 7 % biss tal-kuntratti kollha ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali għandhom valur ta' aktar minn EUR 5 miljun. Madankollu, dawk il-kuntratti jirrappreżentaw 61 % tas-suq kollu tal-akkwist pubbliku tal-UE. Il-Kummissjoni tistima li kull sena se tirċievi massimu ta' 35-45 notifika.

Għall-kuntratti b'valur stmat ta' EUR 5.000.000 jew aktar, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar l-esklużjoni. Il-Kummissjoni għandha, għall-kuntratti kollha, tapprova l-esklużjoni maħsuba meta l-prodotti u s-servizzi kkonċernati jkunu soġġetti għal riżervazzjoni ta' aċċess għas-suq skont il-ftehim internazzjonali tal-UE dwar l-akkwist pubbliku. Meta ftehim tali ma jkunx jeżisti, il-Kummissjoni għandha tapprova l-esklużjoni fejn pajjiż terz iżomm il-miżuri restrittivi tal-akkwist li jwasslu għal nuqqas ta' reċiproċità sostanzjali fil-ftuħ tas-suq bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat. Meta tkun qed tivvaluta jekk jeżistix nuqqas ta' reċiproċità sostanzjali, il-Kummissjoni għandha teżamina, sa liema livell il-liġijiet dwar l-akkwist pubbliku tal-pajjiż ikkonċernat jiżguraw trasparenza, f'konformità mal-istandards internazzjonali fil-qasam tal-akkwist pubbliku u jipprekludu kwalunkwe diskriminazzjoni kontra prodotti, servizzi u operaturi ekonomiċi tal-Unjoni. Barra minn dan, għandha teżamina sa liema livell l-awtoritajiet pubbliċi u/jew entitajiet tal-akkwist individwali jżommu jew jadottaw prattiki diskriminatorji fir-rigward ta' prodotti, servizzi u operaturi ekonomiċi tal-Unjoni.

Artikolu 7 jimponi fuq l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti l-obbligu speċifiku li jinfurmaw lill-offerenti l-oħrajn permezz ta' proċedura ta' offerti bid-deċiżjoni tagħhom li jaċċettaw offerta anormalment baxxa fejn il-valur ta' prodotti u servizzi mhux koperti jaqbeż il-50 % tal-valur totali ta' prodotti jew servizzi inklużi fl-offerta.

Artikolu 8 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-Istati Membri jew ta' partijiet interessati, tista' tniedi investigazzjoni esterna dwar l-akkwist fir-rigward ta' miżuri restrittivi tal-akkwist minn pajjiżi terzi u kif twettaq investigazzjoni tali.

Artikolu 9 jistabbilixxi mekkaniżmu għall-konsultazzjoni ma' pajjiżi terzi f'każijiet fejn il-Kummissjoni tikkonkludi, wara li tkun wettqet investigazzjoni esterna dwar l-akkwist, li l-pajjiż ikkonċernat ikun adotta jew żamm prattika restrittiva fir-rigward tal-akkwist. Fil-kuntest ta' dan il-mekkaniżmu, il-Kummissjoni se tistieden lill-pajjiż ikkonċernat jidħol f'diskussjonijiet bil-għan li jneħħi l-prattika restrittiva dwar l-akkwist u jiżgura trasparenza u trattament ugwali għall-fornituri, il-prodotti u s-servizzi tal-UE. L-iskema ta' konsultazzjoni tqis is-sitwazzjonijiet differenti li għandhom jiġu kkunsidrati, bħall-eżistenza ta' mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar prattiki restrittivi tal-akkwist li jħallu effett fuq l-akkwist kopert, il-miżuri ta' rimedju unilaterali jew il-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali li jipprovdi għal trattament ugwali għall-fornituri, il-prodotti u s-servizzi tal-UE li qabel kienu jkunu affettwati minn prattiki restrittivi tal-akkwist. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta att ta' implimentazzjoni li jipprojbixxi l-esklużjoni tal-offerti li jinkludu prodotti u servizzi mhux koperti li joriġinaw minn pajjiżi li magħhom isiru negozjati sostantivi dwar l-aċċess għas-suq u hemm prospett raġonevoli li jitneħħew il-prattiki restrittivi tal-akkwist fil-futur qarib.

Artikolu 10 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta Att ta' Implimentazzjoni dwar 'miżuri restrittivi', sakemm l-investigazzjoni tagħha tkun ikkonfermat l-eżistenza ta' miżuri restrittivi tal-akkwist f'pajjiż terz, u l-Kummissjoni tkun ippruvat twettaq diskussjonijiet dwar l-aċċess għas-suq fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta' konsultazzjoni. Miżuri tali jistgħu, fil-prinċipju, jikkonsistu (i) fi skwalifika ta' ċertu offerti li jikkostitwixxu aktar minn 50 % ta' prodotti jew servizzi li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat; u/jew (ii) penali obbligatorja fuq il-prezz fuq dawk il-prodotti jew servizzi offerti li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat.

Artikolu 11 jipprovdi regoli għall-irtirar jew sospensjoni ta' miżuri restrittivi adottati, kif ukoll Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprojbixxi l-użu tal-Artikolu 6 mill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti.

Artikolu 12 jistabbilixxi r-regoli li skonthom l-offerenti għandhom ikunu infurmati dwar l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi adottati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' proċeduri individwali tal-akkwist pubbliku.

Artikolu 13 jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi meta l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jkunu awtorizzati jwarrbu l-miżuri adottati skont dan ir-Regolament. L-għan ta' din id-dispożizzjoni hija li l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jingħataw livell meħtieġ ta' flessibbiltà b'mod li jkunu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-akkwist tagħhom, u, fl-istess ħin, li jkun żgurat monitoraġġ xieraq mill-Kummissjoni permezz ta' obbligu ta' notifika.

Artikoli 14 u 15 jistabbilixxu d-delega ta' setgħat mogħtija lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-atti delegati skont l-Artikolu 14 li jikkonċerna l-emendi għall-Anness biex tiġi riflessa l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali ġodda mill-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku.

Artikolu 16 jipprovdi rimedji legali fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 17 ifassal il-proċedura rilevanti tal-kumitat għall-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni. Barra dan, jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta miżuri ta' implimentazzjoni għall-adozzjoni ta' formoli standard.

Artikolu 18 jinkludi regoli dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tkun waslet skont dan ir-Regolament

Artikolu 19 jeżiġi lill-Kummissjoni tirraporta dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament mill-inqas kull tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 20 jipprovdi għal revoka tal-Artikoli 58 u 59 tad-Direttiva 2004/17/KE.

Artikolu 21 jiddetermina d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

2012/0060 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għas-suq intern tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni u l-proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati marbuta mal-aċċess tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[8],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[9],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprovdi li l-Unjoni għandha tiddefinixxi u teżerċita politiki u azzjonijiet komuni, u taħdem biex tikseb livell għoli ta' kooperazzjoni fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali sabiex, inter alia, tħeġġeġ l-integrazzjoni tal-pajjiżi kollha fl-ekonomija dinjija, inkluż permezz tal-abolizzjoni progressiva tar-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali.

(2)       Skont l-Artikolu 206 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) l-Unjoni, permezz tal-istabbiliment tal-unjoni doganali, għandha tikkontribwixxi, fl-interess komuni, għall-iżvilupp armonjuż tal-kummerċ dinji, għall-abolizzjoni progressiva ta' restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali u fuq l-investiment barrani dirett, kif ukoll għat-tnaqqis tal-ostakoli doganali u ta' xort'oħra.

(3)       Skont l-Artikolu 26 tat-TFUE, l-Unjoni għandha tadotta miżuri bil-ħsieb li tistabbilixxi jew li tiżgura l-funzjonament tas-suq intern, inkluż żona bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

(4)       Artikolu III:8 tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 u l-Artikolu XII tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi jeskludu l-akkwist pubbliku mid-dixxiplini prinċipali multilaterali tal-WTO.

(5)       Fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u permezz tar-relazzjonijiet bilaterali tagħha, l-Unjoni saħqet fuq ftuħ ambizzjuż tas-swieq internazzjonali tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni u s-sħab kummerċjali tagħha, fi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju reċiproku

(6)       Bosta pajjiżi terzi jsibuha bi tqila sabiex jiftħu s-swieq tal-akkwist pubbliku tagħhom għall-kompetizzjoni internazzjonali jew li jiftħu dawk is-swieq aktar milli diġà għamlu. Bħala riżultat ta' dan, l-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni jaffrontaw prattiki restrittivi tal-akkwist mingħand bosta sħab kummerċjali tal-Unjoni. Dawk il-prattiki restrittivi tal-akkwist iwasslu għal telf f'opportunitajiet importanti ta' kummerċ.

(7)       Id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali[10] u d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 fuq koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi[11] jinkludu biss ftit dispożizzjonijiet dwar id-dimensjoni esterna tal-politika tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni, b'mod partikolari Artikoli 58 u 59 tad-Direttiva 2004/17/KE. Madankollu dawn id-dispożizzjonijiet għandhom biss kamp ta' applikazzjoni limitat u minħabba nuqqas ta' gwida mhumiex applikati ħafna minn entitajiet kontraenti.

(8)       Skont l-Artikolu 207 tat-TFUE il-politika kummerċjali komuni fil-qasam tal-akkwist pubbliku għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi.

(9)       Fl-interess taċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti tal-Unjoni u pajjiżi terzi, l-impenji għall-aċċess għas-suq internazzjonali li ttieħdu mill-Unjoni fir-rigward ta' pajjiżi terzi fil-qasam tal-akkwist pubbliku għandhom ikunu riflessi fl-ordni legali tal-UE, u b'hekk jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tippubblika gwida dwar l-applikazzjoni tal-impenji internazzjonali eżistenti tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-aċċess għas-suq internazzjonali. Din il-gwida għandha tkun aġġornata regolarment u tipprovdi tagħrif li jkun faċli biex tużah.

(10)     L-għanijiet ta' titjib fl-aċċess tal-operaturi ekonomiċi tal-UE għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' ċertu pajjiżi terzi mħarsa minn miżuri restrittivi tal-akkwist u li jinżammu kundizzjonijiet ekwi għall-kompetizzjoni fis-Suq Uniku Ewropew jeħtieġu li t-trattament ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi li mhumiex koperti mill-impenji internazzjoni tal-Unjoni jkunu armonizzati fl-Unjoni Ewropea kollha.

(11)     Għal dan il-għan għandhom jiġu stabbiliti regoli tal-oriġini sabiex l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jkunu jafu jekk prodotti u servizzi jkunux koperti mill-impenji internazzjonali tal-Unjoni Ewropea. L-oriġini ta' prodott għandha tkun iddeterminata skont l-Artikolu 22 sa 26 tar-Regolament (KE) Nru 2913/1992 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità[12]. Skont dan ir-Regolament, prodotti għandhom ikunu kkunsidrati bħala prodotti tal-Unjoni meta jkunu miksuba jew prodotti b'mod sħiħ fl-Unjoni. Il-prodotti li l-produzzjoni tagħhom tkun involviet pajjiż terz wieħed jew aktar għandhom jitqiesu bħala li joriġinaw mill-pajjiż li fih ikun sar l-aħħar proċessar jew ħidma sostanzjali, ekonomikament iġġustifikati li jkunu twettqu f'impriża mgħammra għal dak il-għan u li wassal għall-manifattura ta' prodott ġdid jew jirrappreżenta stadju importanti tal-manifattura. L-oriġini ta' servizz għandha tkun determinata skont l-oriġini tal-persuna fiżika jew ġuridika li tkun qed tipprovdieh. Il-gwida msemmija fil-premessa 9 għandha tkopri l-applikazzjoni fil-prattika tar-regoli tal-oriġini.

(12)     Il-Kummissjoni għandha tqis jekk tapprovax li l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti skont it-tifsira tad-Direttivi [2004/17/KE, 2004/18/KE u d-Direttiva [….] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' [….]…. dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni[13] jeskludu, għall-kuntratti b'valur stmat ta' EUR 5,000,000 jew aktar, mill-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti, prodotti u servizzi li mhumiex koperti mill-impenji internazzjonali li tkun ħadet l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

(13)     Għall-finijiet tat-trasparenza, dawk l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti bl-intenzjoni li jużaw b'mod sħiħ is-setgħa tagħhom skont dan ir-Regolament sabiex jeskludu offerti li jkunu jinkludu prodotti u/jew servizzi li joriġinaw minn barra l-Unjoni Ewropea, li fihom il-valur tal-prodotti jew servizzi mhux koperti jaqbeż il-50 % tal-valur totali ta' dawn il-prodotti jew is-servizzi mill-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għandhom jinfurmaw l-operaturi ekonomiċi b'dan fl-avviż tal-kuntratt ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(14)     Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi dwar kwalunkwe esklużjoni ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi li mhumiex koperti mill-impenji internazzjonali tal-Unjoni, awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li jeskludu dawn il-prodotti u s-servizzi, filwaqt li jużaw formola standard li tinkludi biżżejjed tagħrif sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tieħu deċiżjoni.

(15)     Għall-kuntratti b'valur stmat ta' EUR 5.000.000 jew aktar, il-Kummissjoni għandha tapprova l-esklużjoni maħsuba jekk il-ftehim internazzjonali dwar l-aċċess għas-suq fil-qasam tal-akkwist pubbliku bejn l-Unjoni u l-pajjiż minn fejn joriġinaw il-prodotti u/jew is-servizzi, jinkludi, għall-prodotti u/jew is-servizzi li tagħhom tkun qed tiġi proposta l-esklużjoni, riżervazzjonijiet espliċiti ta' aċċess għas-suq min-naħa tal-Unjoni. Meta ftehim tali ma jkunx jeżisti, il-Kummissjoni għandha tapprova l-esklużjoni fejn pajjiż terz iżomm miżuri restrittivi tal-akkwist li jwasslu għal nuqqas ta' reċiproċità sostanzjali fil-ftuħ tas-suq bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat. Għandu jkun preżunt nuqqas ta' reċiproċità sostanzjali meta miżuri restrittivi tal-akkwist jirriżultaw f'diskriminazzjonijiet serji u ripetittivi tal-operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi tal-UE.

(16)     Meta tkun qed tivvaluta jekk jeżistix nuqqas ta' reċiproċità sostanzjali, il-Kummissjoni għandha teżamina, sa liema livell il-liġijiet dwar l-akkwist pubbliku tal-pajjiż ikkonċernat jiżguraw trasparenza f'konformità mal-istandards internazzjonali fil-qasam tal-akkwist pubbliku u jipprekludu kwalunkwe diskriminazzjoni kontra prodotti, servizzi u operaturi ekonomiċi tal-Unjoni. Minbarra dan, għandha teżamina sa liema livell l-awtoritajiet pubbliċi u/jew entitajiet tal-akkwist individwali jżommu jew jadottaw prattiki diskriminatorji fir-rigward ta' prodotti, servizzi u operaturi ekonomiċi tal-Unjoni.

(17)     Il-Kummissjoni għandha tkun tista' tipprevjeni l-impatt negattiv li tista' tħalli esklużjoni maħsuba fuq negozjati kummerċjali li jkunu għadhom għaddejjin mal-pajjiż ikkonċernat. Għalhekk, meta pajjiż ikun qed iwettaq negozjati importanti mal-Unjoni rigward l-aċċess għas-suq fil-qasam tal-akkwist pubbliku u l-Kummissjoni tqis li jkun hemm prospett raġonevoli għat-tneħħija ta' prattiki restrittivi tal-akkwist fil-futur qrib, il-Kummissjoni għandha tkun tista' tadotta att ta' implimentazzjoni li jipprovdi li l-prodotti u s-servizzi minn dak il-pajjiż ma jkunux esklużi mill-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għall-perjodu ta' sena.

(18)     Fid-dawl tal-fatt li l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għas-suq tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-politika kummerċjali, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti tagħhom ma għandhomx ikunu jistgħu jillimitaw l-aċċess ta' prodotti jew servizzi ta' pajjiżi terzi għall-proċeduri ta' offerti tagħhom bi kwalunkwe miżura oħra li ma tkunx prevista minn dan ir-Regolament.

(19)     Fid-dawl ta' diffikultà akbar għall-awtoritajiet/entitajiet kontraenti sabiex dawn jivvalutaw, fil-kuntest ta' offerti li jinkludu prodotti u/jew servizzi li joriġinaw minn barra l-Unjoni Ewropea, u li fihom il-valur tal-prodotti jew servizzi li mhumiex koperti jaqbeż il-50 % tal-valur totali ta' dawn il-prodotti jew servizzi, huwa xieraq li tkun prevista trasparenza akbar fit-trattament ta' offerti anormalment baxxi. Minbarra r-regoli previsti mill-Artikolu 69 tad-Direttiva dwar l-akkwist pubbliku u Artikolu 79 tad-Direttiva dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti li għandhom l-intenzjoni li jaċċettaw offerta anormalment baxxa bħal din, għandhom jinfurmaw b'dan lill-offerenti l-oħra bil-miktub u jinkludu r-raġunijiet għan-natura anormalment baxxa tal-prezz jew tal-ispejjeż imposti. Dan jippermetti li dawn l-offerenti jikkontribwixxu għal valutazzjoni aktar preċiża fir-rigward ta' jekk l-offerent rebbieħ jkunx jista' jwettaq kompletament il-kuntratt taħt il-kundizzjonijiet spjegati fid-dokumentazzjoni tal-offerti. Għalhekk, din l-informazzjoni addizzjonali tippermetti livell aktar ekwu fis-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE.

(20)     Il-Kummissjoni għandha tkun tista', fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' partijiet interessati jew ta' Stat Membru, li, fi kwalunkwe mument, tibda investigazzjoni esterna fir-rigward ta' prattiki restrittivi tal-akkwist li allegatament ikunu għadhom fis-seħħ f'pajjiż terz. Għandha tqis b'mod partikolari l-fatt li l-Kummissjoni approvat għadd ta' esklużjonijiet maħsuba li jikkonċernaw pajjiż terz skont l-Artikolu 6(2) ta' dan ir-Regolament. Proċeduri investigattivi tali għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 tat-22 ta' Diċembru 1994 li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam ta' politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skont ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ[14].

(21)     Fejn il-Kummissjoni, abbażi ta' informazzjoni disponibbli għaliha, ikollha raġuni sabiex temmen li l-pajjiż terz ikun adotta jew żamm prattiki restrittivi tal-akkwist, għandha tkun tista' tibda investigazzjoni. Jekk l-eżistenza ta' prattika restrittiva ta' akkwist f'pajjiż terz tkun ikkonfermata, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-pajjiż ikkonċernat jidħol f'konsultazzjonijiet bil-għan li jtejjeb l-opportunitajiet għal offerti ta' operaturi, prodotti u servizzi ekonomiċi fis-suq tal-akkwist f'dak il-pajjiż.

(22)     Jekk il-konsultazzjonijiet mal-pajjiż ikkonċernat ma jwasslux għal titjib suffiċjenti fl-opportunitajiet għal offerti ta' operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi tal-UE, il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri restrittivi xierqa.

(23)     Miżuri tali jistgħu jġibu magħhom l-esklużjoni obbligatorja ta' ċertu prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi mill-proċeduri tal-akkwist pubbliku fl-Unjoni Ewropea jew jimponu fuq l-offerti, li jikkonsistu fi prodotti jew servizzi li joriġinaw minn dak il-pajjiż, penali obbligatorja fuq il-prezz. Sabiex tiġi evitata ċ-ċirkomvenzjoni ta' dawn il-miżuri, jista' wkoll ikun meħtieġ li jkunu esklużi ċertu persuni ġuridiċi kkontrollati minn barranin jew bi sjieda barranija stabbiliti fl-Unjoni Ewropea u li mhumiex impenjati f'operazzjonijiet importanti ta' negozju b'mod illi jkollhom rabta diretta u effettiva mal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat. Miżuri xierqa ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbel mal-prattiki restrittivi tal-akkwist li ġew adottati b'reazzjoni għalihom.

(24)     Huwa ta' importanza vitali li l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jkollhom aċċess għal varjetà ta' prodotti ta' kwalità għolja li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom ta' akkwist bi prezz kompetittiv. Għalhekk l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom ikunu jistgħu jwarrbu l-miżuri li jillimitaw l-aċċess għal prodotti u servizzi li mhumiex koperti f'każ li ma jkunx hemm prodotti jew servizzi tal-Unjoni u/jew prodotti u servizzi koperti disponibbli li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-awtorità/entità kontraenti sabiex jitħarsu ħtiġijiet pubbliċi essenzjali, pereżempju s-saħħa u s-sigurtà pubblika, jew l-applikazzjoni tal-miżura, jew f'każ li l-applikazzjoni tal-miżuri twassal għal żieda sproporzjonata fil-prezz jew fl-ispejjeż tal-kuntratt.

(25)     F'każ ta' applikazzjoni ħażina mill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti tal-eċċezzjonijiet għall-miżuri li jillimtaw l-aċċess ta' prodotti u servizzi mhux koperti, il-Kummissjoni għandha tkun tista' tapplika l-mekkaniżmu korrettiv tal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni għall-għoti ta' kuntratti ta' provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi[15] jew l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/13/KEE li tikkoordina l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għall-applikazzjoni tar-regoli Komunitarji dwar il-proċeduri ta’ akkwist ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni[16]. Għall-istess għan, il-kuntratti konklużi ma' operatur ekonomiku bi ksur tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar esklużjonijiet maħsuba, innotifikati minn awtoritajiet/entitajiet kontraenti jew bi ksur ta' miżuri li jillimitaw l-aċċess għal prodotti u servizzi mhux koperti għandhom ikunu ddikkjarati ineffettivi skont it-tifsira tad-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[17].

(26)     Fid-dawl tal-politika ġenerali tal-Unjoni fir-rigward tal-pajjiżi l-anqas żviluppati hekk kif prevista, inter alia, fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 tat-22 ta' Lulju 2008 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009, huwa xieraq li l-prodotti u s-servizzi minn dawn il-pajjiżi jiġu assimilati għal prodotti u servizzi tal-Unjoni.

(27)     Sabiex fl-ordni ġuridiku tal-Unjoni Ewropea jiġu riflessi l-impenji internazzjonali fir-rigward tal-aċċess għas-suq u li ttieħdu fil-qasam tal-akkwist pubbliku wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bil-għan li tkun emendata l-lista ta' ftehimiet internazzjonali annessi għal dan ir-Regolament. Huwa ferm importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell espert. Meta tkun qed tħejji u telabora l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

(28)     Sabiex tiżgura kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni.

(29)     Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta' atti ta' implimentazzjoni għall-elaborar ta' formoli standard għall-pubblikazzjoni ta' notifiki, għas-sottomissjoni ta' notifiki lill-Kummissjoni u l-oriġini ta' prodotti jew servizzi. Dawn id-deċiżjonijiet ma għandhom impatt la fuq il-livell finanzjarju u lanqas fuq in-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi li joħorġu minn dan ir-Regolament. Bil-kontra ta' dan, dawn l-atti huma kkaratterizzati minn għan purament amministrattiv u jservu sabiex tkun iffaċilitata l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti minn dan ir-Regolament.

(30)     Il-Kummissjoni għandha tippreżenta, mill-inqas kull tliet snin, rapporti dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(31)     Skont il-prinċipju ta' proporzjonalità, huwa meħtieġ u xieraq, sabiex jitwettaq l-għan fundamentali ta' stabbiliment ta' politika esterna komuni fir-rigward ta' swieq pubbliċi, li jkunu stabbiliti regoli marbuta mat-trattament ta' prodotti u servizzi li mhumiex koperti mill-impenji internazzjonali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament dwar l-aċċess għall-operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi tal-pajjiżi terzi ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu l-għanijiet fil-mira, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I Dispożizzjonijiet ġenerali Artikolu 1 Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.           Dan ir-Regolament jistipula regoli dwar l-aċċess ta' prodotti u servizzi ta' pajjiżi terzi għall-għoti ta' kuntratti bil-għan li jitwettqu x-xogħlijiet jew biċċa xogħol, il-provvista ta' prodotti u l-forniment ta' servizzi mill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti tal-Unjoni, u jistabbilixxi proċeduri li jappoġġjaw in-negozjati fir-rigward tal-aċċess tal-prodotti u s-servizzi tal-Unjoni għas-swieq tal-akkwist pubbliku tal-pajjiżi terzi.

2.           Dan ir-Regolament għandu japplika għall-kuntratti koperti mill-atti li ġejjin:

(a) Id-Direttiva [2004/17/KE];

(b) Id-Direttiva [2004/18/KE];

(c) Id-Direttiva [201./… (dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni].

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-għoti ta' kuntratti meta l-prodotti jew is-servizzi jkunu akkwistati għal finijiet governattivi u mhux bil-għan li jkun hemm bejgħ mill-ġdid kummerċjali jew bil-għan li jintużaw fil-produzzjoni ta' prodotti jew fil-forniment ta' servizzi għal bejgħ kummerċjali.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

1.           Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin.

(a) 'fornitur' tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li toffri prodotti fis-suq;

(b) 'fornitur ta' servizzi' tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li toffri t-twettiq ta' xogħlijiet jew biċċa xogħol, jew servizzi fis-suq;

(c) 'awtorita/entità kontraenti' tfisser 'awtorità kontraenti' hekk kif definit fl-[Artikolu 1(9) tad-Direttiva 2004/18/KE, u 'entità kontraenti' hekk kif definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/17/KE u l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 20 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni];

(d) 'prodotti jew servizzi koperti' tfisser prodott jew servizz li joriġina minn pajjiż li miegħu l-Unjoni tkun ikkonkludiet ftehim internazzjonali fil-qasam tal-akkwist pubbliku inkluż impenji għall-aċċess għas-suq u li għalihom japplika l-ftehim relevanti. Anness I għal dan ir-Regolament jinkludi lista ta' ftehimiet rilevanti;

(e) 'prodotti jew servizzi mhux koperti' tfisser prodott jew servizz li joriġina minn pajjiż li miegħu l-Unjoni ma tkunx ikkonkludiet ftehim internazzjonali fil-qasam tal-akkwist pubbliku inkluż impenji għall-aċċess għas-suq jew prodotti jew servizzi li joriġinaw minn pajjiż li miegħu l-Unjoni tkun ikkonkludiet ftehim tali, iżda li għalih ma jkunx japplika l-ftehim rilevanti;

(f) 'miżura' tfisser kwalunkwe liġi, regolament jew prattika, jew taħlita tagħhom;

(g) 'partijiet interessati' tfisser kumpanija jew ditta ffurmata f'konformità mal-liġi ta' Stat Membru u li tkun irreġistrat l-uffiċju, l-amministrazzjoni ċentrali jew l-istabbiliment prinċipali tan-negozju tagħha fl-Unjoni, u tkun direttament ikkonċernata mill-produzzjoni ta' prodotti jew il-forniment ta' servizzi li huma s-suġġett ta' miżuri restrittivi tal-akkwist tal-pajjiżi terzi.

2.           Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament

(a) it-terminu 'pajjiż' jista' jirreferi għal kwalunkwe Stat jew territorju doganali separat, mingħajr ma din in-nomenklatura jkollha implikazzjoni għas-sovranità;

(b) it-terminu 'operatur ekonomiku' għandu jkopri bl-istess mod il-kunċetti ta' fornitur u fornitur tas-servizz;

(c) operatur ekonomiku li ssottometta offerta għandu jissejjaħ 'offerent';

(d) it-twettiq ta' xogħlijiet u/jew ta' biċċa xogħol skont it-tifsira tad-Direttivi [2004/17/KE, 2004/18/KE u d-Direttiva 201./.. dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni] għandhom, għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, jitqiesu bħala l-forniment ta' servizz;

(e) 'penali obbligatorja fuq il-prezz' għandha tirreferi għal obbligu għall-entitajiet kontraenti li jżidu, suġġett għal ċerta eċċezzjonijiet, il-prezz tas-servizzi u/jew il-prodotti li joriġinaw minn ċertu pajjiżi terzi u li kienu ġew offerti fil-proċeduri tal-għoti tal-kuntratt.

Artikolu 3 Regoli tal-oriġini

1.           L-oriġini ta' prodott għandha tkun iddeterminata skont l-Artikolu 22 sa 26 tar-Regolament (KE) Nru 2913/1992 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità[18].

2.           L-oriġini ta' servizz għandu jkun determinat skont l-oriġini tal-persuna fiżika jew ġuridika li tkun qed tipprovdieh. L-oriġini tal-fornitur tas-servizz għandu jitqies bħala:

(a) fil-każ ta' persuna fiżika, il-pajjiż fejn il-persuna tkun ċittadin jew fejn ikollha d-dritt ta' residenza permanenti;

(b) fil-każ ta' persuna ġuridika kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(1) jekk is-servizz huwa pprovdut b'mod ieħor li mhuwiex preżenza kummerċjali fl-Unjoni, il-pajjiż fejn il-persuna ġuridika tkun ikkostitwita jew organizzata skont il-liġi ta' dak il-pajjiż u fit-territorju fejn il-persuna ġuridika tkun impenjata f'operazzjonijiet sustanzjali ta' negozju;

(2) jekk is-servizz huwa pprovdut permezz ta' preżenza kummerċjali fl-Unjoni, l-Istat Membru fejn il-persuna ġuridika tkun stabbilita u fit-territorju li tkun impenjata f'operazzjonijiet sustanzjali ta' negozju b'mod li jkollha rabta diretta u effettiva mal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat.

Għall-finijiet tal-punt (2), jekk il-persuna ġuridika ma tkunx impenjata f'operazzjonijiet sustanzjali ta' negozju b'mod li jkollha rabta diretta u effettiva mal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat, l-oriġini tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom is-sjieda jew jikkontrollaw il-persuna ġuridika li tipprovdi s-servizz.

Il-persuna ġuridika li tipprovdi s-servizz għandha tkun ikkunsidrata bħala:

'posseduta' minn persuni ta' pajjiż partikolari jekk aktar minn 50 % tal-interess ta' ekwità fiha jkun proprjetà benefiċjarja ta' persuni minn dak il-pajjiż u 'kkontrollata' minn persuni ta' pajjiż partikolari jekk dawn il-persuni jkollhom is-setgħa jaħtru l-maġġoranza tad-diretturi tagħha jew inkella li jmexxu legalment l-azzjonijiet tagħha.

3.           Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-prodotti jew is-servizzi li joriġinaw mill-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea li mhumiex l-Istati Membru għandhom ikunu trattati bħal dawk li joriġinaw mill-Istati Membri.

Kapitolu II Trattament ta' prodotti u servizzi koperti u mhux koperti, offerti anormalment baxxi Artikolu 4 Trattament ta' prodotti u servizzi koperti

Meta jingħataw kuntratti għat-twettiq ta' xogħlijiet u/jew ta' biċċa xogħol, il-forniment ta' prodotti jew ta' servizzi, awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jitrattaw prodotti u servizzi koperti bl-istess mod bħall-prodotti u servizzi li joriġinaw mill-Unjoni Ewropea.

Prodotti jew servizzi li joriġinaw mill-pajjiżi lanqas żviluppati elenkati fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 732/2008 għandhom ikunu trattati bħala prodotti u servizzi koperti.

Artikolu 5 Regoli ta' aċċess għal prodotti u servizzi mhux koperti

Prodotti u servizzi mhux koperti jistgħu jkunu soġġetti għal miżuri restrittivi meħuda mill-Kummissjoni:

(a)          fuq talba tal-entitajiet kontraenti individwali skont ir-regoli stabbiliti f'Artikolu 6;

(b)          skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 10 u 11.

Artikolu 6 Esklużjoni, permezz tas-setgħat tal-awtoritajiet/entitajiet kontraenti, tal-offerti li jinkludu prodotti u servizzi mhux koperti

1.           Fuq talba tal-awtoritajiet/entitajiet kontraenti, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk għandhiex tapprova, għall-kuntratti b'valur stmat ta' EUR 5,000,000 jew aktar u li jeskludi t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), l-esklużjoni mill-proċeduri għall-għoti ta' offerti ta' kuntratt li jinkludu prodotti jew servizzi li joriġinaw minn barra l-Unjoni, jekk il-valur ta' prodotti jew servizzi mhux koperti jkun jaqbeż il-50 % tal-valur totali ta' prodotti jew servizzi li jikkostitwixxu l-offerta, skont il-kundizzjonijiet li ġejjin.

2.           Meta l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jkollhom il-ħsieb li jagħmlu esklużjonijiet mill-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti abbażi tal-paragrafu 1, għandhom jindikaw dan fl-avviż tal-kuntratt li jippubblikaw skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/18/KE jew skont l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2004/17/KE jew l-Artikolu 26 tad-Direttiva dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni.

Awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jeżiġu li l-offerenti jipprovdu informazzjoni dwar l-oriġini tal-prodotti u/jew is-servizzi inklużi fl-offerta, u l-valur tagħhom. Għandhom jaċċettaw awtodikjarazzjonijiet bħala evidenza preliminarja li l-offerti ma jistgħux jkunu esklużi skont il-paragrafu 1. Awtorità kontraenti tista' titlob lil offerent fi kwalunkwe mument waqt il-proċedura biex dan jissottometti d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa jew parti minnha fejn ikun meħtieġ sabiex tiżgura twettiq xieraq tal-proċedura. Il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu formoli standard għad-dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini ta' prodotti u servizzi. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 17(3).

Meta l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jirċievu offerti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 illi għandhom l-intenzjoni li jitolbu l-esklużjoni tagħhom minħabba dik ir-raġuni, għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni. Matul il-proċedura ta' notifika l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jistgħu jkomplu bl-analiżi tagħhom tal-offerti.

In-notifika għandha tintbagħat permezz ta' mezzi elettroniċi u bl-użu ta' formoli standard. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-formoli standard. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 17(3). Dik il-formola standard għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a) l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-awtorità/entità kontraenti;

(b) deskrizzjoni tal-prodott fil-kuntratt;

(c) l-isem u d-dettalji tal-kuntatt ta' operatur ekonomiku li l-offerta tiegħu se tkun eskluża;

(d) tagħrif dwar l-oriġini tal-operatur ekonomiku, il-prodotti u/jew is-servizzi u l-valur tagħhom;

Il-Kummissjoni tista' titlob lill-awtorità/entità kontraenti għal tagħrif addizzjonali.

Dak it-tagħrif għandu jkun ipprovdut fi żmien tmint ijiem ta' xogħol, li jibdew fl-ewwel jum ta' xogħol wara d-data li fiha tirċievi t-talba għal tagħrif addizzjonali. Jekk il-Kummissjoni ma tirċievi l-ebda tagħrif f'dan il-perjodu, il-perjodu ta' żmien stabbilit fil-paragrafu 3 għandu jkun sospiż, sakemm il-Kummissjoni tirċievi t-tagħrif mitlub.

3.           Għall-kuntratti li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni dwar l-approvazzjoni tal-esklużjoni maħsuba f'perjodu ta' xahrejn li jibda fl-ewwel ġurnata xogħol wara d-data li fiha tirċievi n-notifika. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 17(2). Dan il-perjodu ta' żmien jista' jiġi estiż darba b'massimu ta' xahrejn f'każijiet iġġustifikati kif xieraq, b'mod partikolari jekk it-tagħrif inkluż fin-notifika jew fid-dokumenti annessi magħha ma jkunx komplut jew mhux eżatt jew jekk il-fatti hekk kif rapportati jinbidlu b'mod sostanzjali. Jekk, fl-aħħar ta' dan il-perjodu ta' xahrejn, jew tal-perjodu ta' żmien estiż, il-Kummissjoni ma tkunx adottat deċiżjoni li tapprova jew ma tapprovax l-esklużjoni, l-esklużjoni għandha titqies bħala mhux approvata mill-Kummissjoni.

4.           Meta tadotta atti ta' implimentazzjoni skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tapprova l-esklużjoni maħsuba fil-każijiet li ġejjin:

(a) jekk il-ftehim internazzjonali dwar l-aċċess għas-suq fil-qasam tal-akkwist pubbliku bejn l-Unjoni u l-pajjiż minn fejn joriġinaw il-prodotti u/jew is-servizzi, jinkludi, għall-prodotti u/jew is-servizzi li tagħhom tkun qed tiġi proposta l-esklużjoni, riżervazzjonijiet espliċiti ta' aċċess għas-suq min-naħa tal-Unjoni;

(b) meta ftehim msemmi fil-punt (a) ma jkunx jeżisti u l-pajjiż terz iżomm miżuri restrittivi tal-akkwist li jwasslu għal nuqqas ta' reċiproċità sostanzjali fil-ftuħ tas-suq bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat.

Għall-fini tal-punt (b), għandu jkun preżunt nuqqas ta' reċiproċità sostanzjali meta miżuri restrittivi tal-akkwist jirriżultaw f'diskriminazzjonijiet serji u ripetittivi tal-operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi tal-UE.

Meta tadotta atti ta' implimentazzjoni skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni ma għandhiex tapprova esklużjoni maħsuba fejn din ma tkunx tirrispetta l-impenji għall-aċċess għas-suq li tkun daħlet għalihom l-Unjoni fil-ftehimiet internazzjonali tagħha.

5.           Meta tkun qed tivvaluta jekk jeżistix nuqqas ta' reċiproċità sostanzjali, il-Kummissjoni għandha teżamina dan li ġej:

(a) sa liema livell il-liġijiet dwar l-akkwist pubbliku tal-pajjiż ikkonċernat jiżguraw trasparenza f'konformità mal-istandards internazzjonali fil-qasam tal-akkwist pubbliku u jipprekludu kwalunkwe diskriminazzjoni kontra l-prodotti, is-servizzi u l-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni;

(b) sa liema livell l-awtoritajiet pubbliċi u/jew entitajiet tal-akkwist individwali jżommu jew jadottaw prattiki diskriminatorji kontra prodotti, servizzi u operaturi ekonomiċi tal-Unjoni.

6.           Qabel ma l-Kummissjoni tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 3 għandha tisma' l-offerent jew l-offerenti kkonċernati.

7.           Awtoritajiet/entitajiet kontraenti li jkunu eskludew offerti abbażi tal-paragrafu 1, għandhom jindikaw dan fl-avviż tal-kuntratt li jippubblikaw skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/18/KE, Artikolu 42 tad-Direttiva 2004/17/KE, jew l-Artikolu 27 tad-Direttiva dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-formoli standard għal notifiki ta' għoti ta' kuntratt. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 17(3).

8.           Paragrafu 1 ma għandux japplika fejn il-Kummissjoni tkun adottat l-att ta' implimentazzjoni dwar l-aċċess temporanju tal-prodotti u servizzi minn pajjiż impenjat f'negozjati sostanzjali mal-Unjoni hekk kif stabbilit fl-Artikolu 9(4).

Kapitolu III Regoli dwar offerti anormalment baxxi Artikolu 7 Offerti anormalment baxxi

Fejn l-awtorità/entità kontraenti għandha l-ħsieb li, skont l-Artikolu 69 tad-Direttiva dwar l-akkwist pubbliku jew skont l-Artikolu 79 tad-Direttiva dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali, wara li tivverifika l-ispjegazzjonijiet tal-offerent, taċċetta offerta anormalment baxxa li tinkludi prodotti u/jew servizzi li joriġinaw minn barra l-Unjoni u li fiha l-valur tal-prodotti jew servizzi mhux koperti jaqbeż il-50 % tal-valur totali tal-prodotti jew servizzi li jikkostitwixxu l-offerta, għandha tinforma b'dan lill-offerenti l-oħrajn bil-miktub u tinkludi r-raġunijiet għan-natura anormalment baxxa tal-prezz jew tal-ispejjeż imposti.

Awtorità/entità kontraenti tista' twaqqaf kwalunkwe divulgazzjoni ta' tagħrif fejn dan ikun jista' jostakola l-applikazzjoni tal-liġi, imur kontra l-interess pubbliku, jippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi tal-operaturi ekonomiċi, kemm jekk pubbliċi jew privati, jew ikun jista' jippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejniethom.

Kapitolu IV Investigazzjoni tal-Kummissjoni, konsultazzjoni u miżuri li temporanjament jillimitaw l-aċċess tal-prodotti u servizzi mhux koperti għas-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE Artikolu 8 Investigazzjoni marbuta mal-aċċess tal-operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi tal-UE għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' pajjiżi terzi

1.           Il-Kummissjoni tista' fi kwalunke ħin, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba tal-partijiet interessati jew ta' Stat Membru, tiftaħ investigazzjoni esterna dwar l-akkwist fir-rigward ta' miżuri allegatament restrittivi tal-akkwist, meta tqis li din l-azzjoni tkun fl-interess għall-Unjoni.

B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tqis jekk għadd ta' esklużjonijiet maħsuba kinux approvati skont l-Artikolu 6(3) ta' dan ir-Regolament.

Jekk tinfetaħ investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha tippubblika notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni, fejn tistieden lill-partijiet interessati u l-Istati Membri jipprovdu t-tagħrif kollu rilevanti lill-Kummissjoni f'perjodu ta' żmien speċifiku.

2.           L-investigazzjoni msemmija f'paragrafu 1 titwettaq abbażi tal-kriterja stipulati f'Artikolu 6.

3.           Il-valutazzjoni li titwettaq mill-Kummissjoni dwar jekk miżuri restrittivi tal-akkwist ikunux qed jiġu applikati minn pajjiżi terzi kkonċernati għandha ssir abbażi ta' tagħrif mogħti minn partijiet interessati u Stati Membri u/jew fatti miġbura mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni tagħha, u għandha tiġi konkluża f'perjodu ta' disa' xhur wara li tkun bdiet l-investigazzjoni. F'każijiet iġġustifikati kif xieraq dan il-perjodu ta' żmien jista' jiġi estiż bi tliet xhur.

4.           Meta l-Kummissjoni, bħala riżultat tal-investigazzjoni esterna dwar l-akkwist, tikkonkludi li l-miżuri allegatament restrittivi ta' akkwist ma jkunux qed jiġu applikati mill-pajjiż terz ikkonċernat, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li ttemm l-investigazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 17(2).

Artikolu 9 Konsultazzjoni ta' pajjiż terz

1.           Meta, bħala riżultat ta' investigazzjoni, jinstab li jkunu qed jiġu applikati miżuri restrittivi tal-akkwist minn pajjiż terz u l-Kummissjoni tikkunsidra li fl-interess tal-UE jiġġustifika li tagħmel hekk, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-pajjiż jidħol f'konsultazzjonijiet bl-għan li jiġi żgurat li l-operaturi ekonomiċi, prodotti u servizzi tal-Unjoni jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-proċeduri ta' offerti għall-għoti ta' kuntratti tal-akkwist pubbliku f'dak il-pajjiż b'kundizzjonijiet li ma jkunux anqas favorevoli minn dawk mogħtija lill-operaturi, prodotti u servizzi nazzjonali ta' dak il-pajjiż u wkoll bl-għan li tkun żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' trasparenza u trattament ekwu.

Jekk il-pajjiż ikkonċernat jirrifjuta l-istedina li jidħol f'konsultazzjoni, il-Kummissjoni għandha, meta tadotta atti ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 10 li jillimita l-aċċess għall-prodotti u servizzi li joriġinaw minn dak il-pajjiż terz, tiddeċiedi abbażi tal-fatti disponibbli.

2.           Jekk il-pajjiż ikkonċernat huwa Parti għall-Ftehim tal-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku jew ikkonkluda ftehim dwar il-kummerċ mal-UE li jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-akkwist pubbliku, il-Kummissjoni għandha ssegwi l-mekkaniżmi ta' konsultazzjoni u/jew proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim stabbiliti f'dak il-ftehim meta l-prattiki restrittivi jkunu marbuta ma' akkwist kopert minn impenji għall-aċċess għas-suq li ttieħdu mill-pajjiż ikkonċernat fir-rigward tal-Unjoni.

3.           Meta, wara li tkun inbdiet il-konsultazzjoni, il-pajjiż ikkonċernat jieħu miżuri rimedjali/korrettivi sodisfaċenti, iżda dan mingħajr ma jieħu impenji ġodda għall-aċċess għas-suq, il-Kummissjoni tista' tissospendi jew ittemm il-konsultazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-applikazzjoni ta' dawk il-miżuri rimedjali/korrettivi, fejn xieraq abbażi ta' tagħrif perjodiku li tista' titlob mingħand il-pajjiż terz ikkonċernat.

Fejn il-miżuri rimedjali/korrettivi li jkunu ttieħdu mill-pajjiż terz ikkonċernat jintemmu, jiġu sospiżi jew implimentati b'mod mhux xieraq, il-Kummissjoni tista':

(i) tkompli jew terġa tibda l-konsultazzjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat, u/jew

(ii) tieħu azzjoni skont Artikolu 10 li tadotta atti ta' implimentazzjoni biex tillimita l-aċċess għal prodotti u servizzi li joriġinaw minn pajjiż terz

L-atti ta' implimentazzjoni msemmija f'dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 17(2).

4.           Fejn, wara li tkun bdiet il-konsultazzjoni, jidher li l-aktar mod xieraq sabiex tintemm prattika restrittiva ta' akkwist tkun il-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali, għandhom jitwettqu negozjati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Jekk pajjiż ikun impenja ruħu f'negozjati sostanzjali mal-Unjoni Ewropea dwar l-aċċess għas-suq fil-qasam tal-akkwist pubbliku, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni li jipprevedi li l-prodotti u s-servizzi minn dak il-pajjiż ma jistgħux jiġu esklużi mill-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti skont Artikolu 6.

5.           Il-Kummissjoni tista' ttemm il-konsultazzjoni jekk il-pajjiż ikkonċernat jieħu impenji internazzjonali mifthema mal-Unjoni fi kwalunkwe wieħed minn dawn l-oqsfa li ġejjin:

(a) Sħubija mal-Ftehim tal-WTO dwar l-Akkwist Pubbliku,

(b) Konklużjoni ta' ftehim bilaterali mal-Unjoni li jinkludi impenji għall-aċċess għas-suq fil-qasam tal-akkwist pubbliku, jew

(c) Espansjoni tal-impenji tiegħu għall-aċċess għas-suq li ttieħdu fil-kuntest tal-Ftehim tal-WTO dwar l-Akkwist tal-Gvern jew fil-kuntest tal-ftehim bilaterali konkluż mal-Unjoni f'dak il-qafas.

Il-konsultazzjoni tista' wkoll tintemm f'każijiet fejn il-miżuri restrittivi tal-akkwist ikunu għadhom applikati fil-mument meta jittieħdu l-impenji, sakemm dawn jinkludu dispożizzjonijiet iddettaljati fir-rigward tal-eliminazzjoni gradwali ta' dawk il-prattiki.

6.           Fil-każ li konsultazzjoni ma' pajjiż terz ma twassalx għal riżultati sodisfaċenti fi żmien 15-il xahar mid-data meta tkun bdiet il-konsultazzjoni mal-pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha ttemm il-konsultazzjoni u tikkunsidra azzjoni skont l-Artikolu 10 biex tadotta atti ta' implimentazzjoni li jillimitaw l-aċċess ta' prodotti u servizzi li joriġinaw minn pajjiż terz.

Artikolu 10 Adozzjoni ta' miżuri li jillimitaw l-aċċess tal-prodotti u servizzi mhux koperti għas-suq tal-akkwist pubbliku tal-UE

1.           Fejn f'investigazzjoni skont Artikolu 8, u wara li tkun segwita l-proċedura prevista f'Artikolu 9, jinsab li miżuri restrittivi tal-akkwist adottati jew applikati minn dak il-pajjiż terz wasslu għal nuqqas ta' reċiproċità importanti fil-ftuħ tas-suq bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz, kif imsemmi f'Artikolu 6, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni sabiex tillimita temporanjament l-aċċess għal prodotti u servizzi mhux koperti li joriġinaw minn pajjiż terz. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 17(2).

2.           Il-miżuri adottati skont il-paragrafu 1 jistgħu jikkonsistu f'forma minn dawn li ġejjin:

(a) l-esklużjoni ta' offerti li aktar minn 50 % tal-valur totali tagħhom ikun magħmul minn prodotti jew servizzi mhux koperti li joriġinaw fil-pajjiż li jadotta jew japplika prattika restrittiva ta' akkwist; u/jew

(b) penali obbligatorja fuq il-prezz fuq dik il-parti tal-offerta li tikkonsisti minn prodotti jew servizzi mhux koperti li joriġinaw f'dak il-pajjiż li jadotta jew japplika prattika restrittiva ta' akkwist.

3.           Miżuri adottati skont il-paragrafu 1 jistgħu, b'mod partikolari, ikunu limitati għal:

(a) akkwist pubbliku li jsir permezz ta' ċertu kategoriji definiti ta' awtoritajiet/entitajiet kontraenti;

(b) akkwist pubbliku ta' ċertu kategoriji definiti ta' prodotti jew servizzi;

(c) akkwist pubbliku li jaqbeż ċertu limiti definiti jew li huwa inkluż bejn dawn il-limiti.

Artikolu 11 Irtirar jew sospensjoni tal-miżuri

1.           Meta l-Kummissjoni tqis li r-raġunijiet li jiġġustifikaw il-miżuri adottati skont l-Artikoli 9(4) u 10 ma għadhomx japplikaw, il-Kummissjoni tista' tadotta att ta' implimentazzjoni sabiex:

(a) tirrevoka l-miżuri; jew

(b) tissospendi l-applikazzjoni tal-miżuri għall-perjodu ta' żmien massimu ta' sena.

Għall-finijiet tal-punt (b), il-Kummissjoni tista', fi kwalunkwe mument u permezz ta' att ta' implimentazzjoni, terġa' ddaħħal l-miżuri.

2.           L-atti ta' implimentazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 17(2).

Artikolu 12 Tagħrif għall-offerenti

1.           Meta l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jwettqu proċedura ta' akkwist, suġġetta għall-miżuri restrittivi, adottati skont l-Artikolu 10 jew magħmula applikabbli mill-ġdid skont l-Artikolu 11, dawn għandhom jindikaw dan fin-notifika tal-kuntratt li jippubblikaw skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/18/KE jew l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2004/17/KE. Il-Kummissjoni għanda tadotta dawk l-atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu formoli standard skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 17(3).2           Fejn l-esklużjoni ta' offerta tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni ta' miżuri adottati skont Artikolu 10 jew magħmula applikabbli mill-ġdid skont Artikolu 11, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jinfurmaw lill-offerenti mhux rebbieħa.

Artikolu 13 Eċċezzjonijiet

1.           Awtoritajiet/entitajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li, fil-qafas tal-proċedura tal-akkwist, ma japplikawx il-miżuri skont Artikolu 10 jekk:

(a) ma jkunx hemm disponibbli prodotti jew servizzi tal-Unjoni u/jew li huma koperti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-entità kontraenti; jew

(b) applikazzjoni tal-miżura twassal għal żieda sproporzjonata fil-prezz jew fl-ispejjeż tal-kuntratt.

2.           Fejn awtorità/entità kontraenti jkollha l-intenzjoni li ma tapplikax il-miżuri adottati skont l-Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament, jew applikabbli mill-ġdid skont l-Artikolu 11, għandha tindika dan fin-notifika ta' kuntratt li għandha tippubblika skont Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/18/KE jew Artikolu 42 tad-Direttiva 2004/17/KE. Għandha tinnotifika lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem kalendarji wara l-pubblikazzjoni tan-notifika tal-kuntratt.

In-notifika għandha tintbagħat permezz ta' mezzi elettroniċi u bl-użu ta' formoli standard. Il-Kummissjoni għanda tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu formoli standard għan-notifiki tal-kuntratti u n-notifikazzjoni skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 17(3).

In-notifika għandha tinkludi t-tagħrif li ġej:

(a) l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-awtorità/entità kontraenti;

(b) deskrizzjoni tal-prodott tal-kuntratt;

(c) tagħrif dwar l-oriġini tal-operatur ekonomiku, il-prodotti u/jew is-servizzi li għandhom jiġu ammessi;

(d) ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li ma jiġux applikati miżuri restrittivi u ġustifikazzjoni ddettaljata għall-użu tal-eċċezzjoni;

(e) fejn xieraq, kwalunkwe tagħrif ieħor meqjus bżonnjuż mill-awtorità/entità kontraenti.

Il-Kummissjoni tista' titlob lill-awtorità/entità kontraenti kkonċernata għal tagħrif addizzjonali.

3.           Fil-każ li awtorità/entità kontraenti twettaq, skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2004/18/KE jew skont Artikolu 40(3) tad-Direttiva 2004/17/KE u tiddeċiedi li ma tapplikax miżura adottata skont Artikolu 10 ta' dan ir-Regolament, jew li ddaħħlet mill-ġdid skont Artikolu 11, għandha tindika dan l-użu fin-notifika tal-għoti tal-kuntratt li tippubblika skont Artikolu 35 tad-Direttiva 2044/18/KE jew Artikolu 43 tad-Direttiva 2004/17/KE u tinnotifika lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem kalendarji wara l-pubblikazzjoni tan-notifika tal-għoti tal-kuntratt.

In-notifika għandha tintbagħat permezz ta' mezzi elettroniċi u bl-użu ta' formoli standard. Il-Kummissjoni għanda tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu formoli standard għall-notifiki tal-kuntratti u notifikazzjonijiet skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 17(2). In-notifika għandha tinkludi t-tagħrif li ġej:

(a) l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-awtorità/entità kontraenti;

(b) deskrizzjoni tal-prodott tal-kuntratt;

(c) tagħrif dwar l-oriġini tal-operaturi ekonomiċi, il-prodotti u/jew is-servizzi li għandhom jiġu ammessi;

(d) ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li ma jiġux applikati miżuri restrittivi u ġustifikazzjoni ddettaljata għall-użu tal-eċċezzjoni;

(e) fejn xieraq, kwalunkwe tagħrif ieħor meqjus bżonnjuż mill-entità kontraenti.

Kapitolu V Setgħat delegati u ta' implimentazzjoni, rapporti u dispożizzjonijiet ifnali Artikolu 14

Emendi għall-Anness

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14 li jikkonċerna l-emendi għall-Anness biex tiġi riflessa l-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali ġodda mill-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku.

Artikolu 15 Eżerċitar tad-delega tas-setgħat

1.           Is-setgħa ta' adozzjoni tal-atti delegati tingħata lill-Kummissjoni, suġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

2.           Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 14 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' żmien indeterminat li jibda minn [data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

3.           Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 14 tista' tkun revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din tidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fid-deċiżjoni msemmija. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe atti delegati li huma diġà fis-seħħ.

4.           Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika dan simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.           Att delegat li jkun adottat skont dan l-Artikolu għandu jidħol fis-seħħ biss fejn ma jkunx hemm oġġezzjoni espressa mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f'perjodu ta' xahrejn wara n-notifikazzjoni tal-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu ta' żmien għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 16 Implimentazzjoni

1.           F'każ ta' applikazzjoni ħażina mill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti tal-eċċezzjonijiet stipulati f'Artikolu 13, il-Kummissjoni tista' tapplika l-mekkaniżmu korrettiv tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 89/665/KEE jew l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/13/KEE.

2.           Kuntratti konklużi ma' operatur ekonomiku bi ksur tal-atti ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni adottati skont Artikolu 6 wara esklużjoni maħsuba li tkun ġiet innotifikata minn awtoritajiet/entitajiet kontraenti jew miżuri adottati skont l-Artikolu 10 jew li ddaħħlu mill-ġdid skont Artikolu 11 għandhom jiġu ddikjarati mhux effettivi fil-kuntest tat-tifsira tad-Direttiva 2007/66/KE.

Artikolu 17 Proċedura tal-Kumitat

1.           Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 71/306/KEE[19] u mill-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 7 tar-Regolament dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ[20]. Dawn il-kumitati għandhom ikunu kumitati fil-kuntest tat-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.           Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 u l-kumitat kompetenti għandu jkun il-Kumitat imwaqqaf permezz tar-Regolament dwar l-Ostakoli għall-Kummerċ.

3.           Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 u l-kumitat kompetenti għandu jkun il-Kumitat imwaqqaf permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 71/306/KEE.

Artikolu 18 Kunfidenzjalità

1.           Tagħrif li jasal skont dan ir-Regolament għandu jintuża biss għall-għan li ntalab għalih.

2.           Il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri u l-uffiċjali tagħhom m'għandhomx jiżvelaw kwalunkwe tagħrif ta' natura kunfidenzjali li jasal skont dan ir-Regolament, mingħajr permess speċifiku mill-fornitur ta' dan it-tagħrif.

3.           Il-fornitur tat-tagħrif jista' jitlob li t-tagħrif ippreżentat ikun trattat b'mod kunfidenzjali u għandu jkun akkumpanjat b'sommarju mhux kunfidenzjali tat-tagħrif jew dikjarazzjoni tar-raġunijiet għaliex it-tagħrif ma jistax jitqassar.

4.           Jekk jidher li t-talba għall-kunfidenzjalità mhijiex ġustifikata u jekk il-fornitur mhuwiex lest li jagħmel it-tagħrif pubbliku jew li jawtorizza l-iżvelar tiegħu f'termini ġenerali jew bħala sommarju, din l-informazzjoni tista' ma tkunx ikkunsidrata.

5.           Paragrafi 1 sa 5 ma għandhomx jipprekludu l-iżvelar ta' tagħrif ġenerali mill-awtoritajiet tal-Unjoni. Dan l-iżvelar għandu jqis l-interess leġittimu tal-partijiet ikkonċernati sabiex is-sigrieti tagħhom dwar in-negozju ma jinkixfux.

Artikolu 19 Rappurtar

Sal-1 ta' Jannar 2017, u mill-inqas kull tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u dwar il-progress li jkun sar fin-negozjati internazzjonali, skont dan ir-Regolament, fir-rigward tal-aċċess għall-operaturi ekonomiċi tal-UE għall-proċeduri ta' għoti ta' kuntratti pubbliċi fil-pajjiżi terzi. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha, tagħrif xieraq.

Artikolu 20 Revoki

L-Artikoli 58 u 59 tad-Direttiva 2004/17/KE għandhom ikunu rrevokati b'effett mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 21 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-60 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, 21.3.2012

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

ANNESS

Lista ta' ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni kkonkludiet fil-qasam tal-akkwist pubbliku inkluż impenji għall-aċċess għas-suq

Ftehim Plurilaterali:

- Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku (ĠU L, 336, 23.12.1994)

Ftehimiet Bilaterali:

- Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ewropea u l-Messiku (ĠU L 276, 28.10.2000, L 157/30.6.2000)

- Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar ċertu aspetti ta' akkwist pubbliku (ĠU L. 114, 30.04.2002)

- Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn il-Komunità Ewropea u ċ-Ċili (ĠU L352, 30.12.2002)

- Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (ĠU L 87, 20.03.2004)

- Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Kroazja (ĠU L 26, 28.1.2005)

- Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Montenegro (ĠU L 345, 28.12.2007)

- Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Albanija (ĠU L 107, 28.4.2009)

- Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Korea ta' Isfel - (ĠU L 127/14.5.2011)

[1]                      Artikoli 58 u 59 tad-Direttiva 2004/17/KE dwar proċeduri ta' akkwist pubbliku fis-settur tas-servizzi.

[2]               Id-Direttiva 2004/18/KE għall-entitajiet fl-hekk imsejħa oqsma klassiċi u d-Direttiva 17/2004/KE għall-entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u l-postali (ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1 u p. 114 rispettivament).

[3]               COM(2011) 895 finali u COM(2011) 896 finali.

[4]               Minbarra t-tweġibiet li waslu permezz tal-internet, kien hemm ukoll sottomissjonijiet bil-miktub.

[5]               Approċċ A: Awtoritajiet/entitajiet kontraenti tal-UE jkunu meħtieġa, fil-prinċipju, jeskludu prodotti, servizzi u kumpaniji minn pajjiżi terzi li mhumiex koperti minn impenji internazzjonali tal-UE.

[6]               Approċċ B: Soġġett għal notifika lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti tal-UE ikollhom l-għażla li jiddeċiedu li jeskludu prodotti, servizzi u kumpaniji ta' pajjiżi terzi li mhumiex koperti minn impenji internazzjonali tal-UE. Minbarra dan, il-Kummissjoni tkun fdata b'għodda speċifika biex twettaq inkjesti dwar is-sitwazzjoni tal-aċċess għas-suq għall-prodotti, servizzi u kumpaniji tal-UE u biex timponi miżuri restrittivi fuq il-prodotti u s-servizzi li joriġinaw minn pajjiżi terzi meta prodotti, servizzi u kumpaniji tal-UE ma jkollhomx biżżejjed aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku ta' dawk il-pajjiżi.

[7]               COM(2011) 897 finali.

[8]               OJ C , , p. .

[9]               OJ C , , p. .

[10]             ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1

[11]             ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.

[12]             ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1

[13]             ĠU L….

[14]             ĠU L 349, 31.12.1994

[15]             ĠU L 395, 30.12.1989, p. 33

[16]             ĠU L 76, 23.3.1992, p. 14

[17]             ĠU L 335, 20.12.2007, p. 31

[18]             ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1

[19]             ĠU L 185, 16.8.1971, p. 15.

[20]             ĠU L 349, 31.12.1994, p. 71

Top