EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IR0056

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Tixjiħ attiv: innovazzjoni — saħħa intelliġenti — ħajja aħjar”

OJ C 225, 27.7.2012, p. 46–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 225/46


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Tixjiħ attiv: innovazzjoni — saħħa intelliġenti — ħajja aħjar”

2012/C 225/05

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tniedi Patt Ewropew tas-Sindki dwar il-Bidla Demografika bħala l-wirt tas-Sena Ewropea 2012 li jlaqqa’ fi ħdanu l-awtoritajiet lokali u reġjonali interessati li jippromovu l-innovazzjoni, is-saħħa intelliġenti u soluzzjonijiet għal ħajja aħjar bħala appoġġ għal tixjiħ attiv u b’saħħtu u jipprovdu appoġġ amministrattiv u finanzjarju lill-Patt;

jaqsam l-istess viżjoni tal-koalizzjoni tal-partijiet interessati tas-Sena Ewropea 2012 ta’ soċjetà għall-etajiet kollha fejn kulħadd jista’ jaqdi rwol attiv u jgawdi minn drittijiet u opportunitajiet ugwali fl-istadji kollha tal-ħajja irrispettivament mill-età, is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-istat soċjali jew ekonomiku, l-orjentazzjoni sesswali, il-kundizzjoni fiżika jew mentali jew il-bżonn tal-kura;

jenfasizza l-importanza li jiġu kkonsultati u involuti l-anzjani u min jieħu ħsiebhom b’mod attiv huma u jiġu identifikati l-bżonnijiet tagħhom, jiġu żviluppati s-soluzzjonijiet u tiġi evalwata l-prestazzjoni tagħhom. Approċċ parteċipattiv bħal dan jappoġġja l-inklużjoni soċjali u jiżgura li s-servizzi li jingħataw jikkonformaw kemm jista’ jkun possibbli mal-bżonnijiet reali tal-benefiċjarji;

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali b’mod iktar attiv fil-proċess ta’ valutazzjoni tal-UE tal-impatt soċjali tad-diversi inizjattivi implimentati sabiex jappoġġjaw it-tixjiħ attiv u b’saħħtu sabiex jiġi żgurat li l-impatt fuq nisa u rġiel imdaħħlin fl-età fil-livell lokali jiġi evalwat b’mod adegwat.

Relatur Ġenerali

Is-Sur ABRAMAVICIUS (LT/PPE), Sindku tal-Muniċipalità Distrettwali ta’ Zarasai u Membru tal-Kunsill Muniċipali

Dokument ta’ referenza

/

I.   INTRODUZZJONI

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

1.

jilqa’ l-inizjattiva tal-Presidenza Daniża li tintegra l-awtoritajiet sottonazzjonali fid-djalogu li jsir fil-livell tal-UE dwar kif għandna niffaċċjaw l-isfida demografika u nisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ. Kif intqal fl-opinjoni tal-KtR dwar “It-trattament tal-impatt tat-tixjiħ tal-popolazzjoni fl-UE” (1) u fir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar is-Sena Ewropea 2012 (2), l-awtoritajiet lokali u reġjonali ta’ bosta Stati Membri għandhom kompetenzi prinċipali fit-tliet oqsma li fuqhom hija bbażata s-Sena Ewropea tat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet: l-impjieg, il-parteċipazzjoni fis-soċjetà u l-għajxien indipendenti;

2.

jenfasizza li wieħed mill-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa li tindirizza l-isfidi tat-tixjiħ tal-popolazzjoni. Peress li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu quddiem nett f’dak li jirrigwarda l-bżonnijiet taċ-ċittadini u huma responsabbli wkoll għall-provvista tal-maġġoranza tas-servizzi li għandhom bżonn l-anzjani sabiex ikunu jistgħu jgħixu b’dinjità, l-involviment dirett tagħhom fid-dibattiti kollha tal-UE dwar it-tixjiħ huwa kruċjali sabiex ikunu jistgħu jinkisbu l-għanijiet tal-Ewropa 2020 u ser jgħin sabiex tiżdied il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali;

3.

jilqa’ s-Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu li għandha l-għan li timmobilizza firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati fil-livelli kollha sabiex ittejjeb b’sentejn in-numru ta’ snin li wieħed jista’ jgħix b’saħħtu (Indikatur tas-Snin ta’ Ħajja b’Saħħitha) u jfakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kompetenzi fit-tliet pilastri tas-Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu;

4.

jaqsam l-istess viżjoni tal-koalizzjoni tal-partijiet interessati tas-Sena Ewropea 2012 ta’ soċjetà għall-etajiet kollha fejn kulħadd jista’ jaqdi rwol attiv u jgawdi minn drittijiet u opportunitajiet ugwali fl-istadji kollha tal-ħajja irrispettivament mill-età, is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-istat soċjali jew ekonomiku, l-orjentazzjoni sesswali, il-kundizzjoni fiżika jew mentali jew il-bżonn tal-kura;

5.

jirrakkomanda approċċ pożittiv lejn it-tixjiħ u jaqsam il-viżjoni li l-innovazzjoni tista’ tagħti kontribut sabiex ikun hemm servizzi aħjar għal popolazzjoni li qed tixjieħ. Madanakollu jeħtieġ li nenfasizzaw li l-iskop tal-innovazzjoni m’għandux ikun il-bidla iżda li jittejbu l-kwalità u l-kosteffiċjenża tar-rispons li jingħata għall-bżonnijiet li qed jiżdiedu u jevolvu fi żmien ta’ restrizzjonijiet finanzjarji;

6.

huwa tal-fehma li b’riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, huwa urġenti iżjed minn qatt qabel li jiġi kkunsidrat mill-ġdid il-mod ta’ kif taħdem is-soċjetà tagħna u li jsir sforz kbir sabiex kull ċittadin, kemm jekk żagħżugħ kif ukoll jekk imdaħħal fl-età, ikun jista’ jikkontribwixxi b’mod attiv fis-suq tax-xogħol u fil-komunità u jkun jista’ jgħix b’mod indipendenti għall-itwal perjodu ta’ żmien possibbli. L-aqwa approċċ lejn it-tixjiħ demografiku huwa l-promozzjoni ta’ komunitajiet li jindirizzaw il-bżonnijiet ta’ kull età, fejn l-ispazju pubbliku, it-trasport, id-djar u s-servizzi lokali jitfasslu abbażi tal-bżonnijiet tal-ġenerazzjonijiet kollha u fejn hija appoġġjata s-solidarjetà u l-kooperazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet. Komunitajiet bħal dawn ġeneralment huma iktar ekoloġiċi u jiffavorixxu iktar il-koeżjoni soċjali u l-parteċipazzjoni soċjali ta’ gruppi vulnerabbli oħra;

7.

jenfasizza l-importanza li jiġu kkonsultati u involuti l-anzjani u min jieħu ħsiebhom b’mod attiv huma u jiġu identifikati l-bżonnijiet tagħhom, jiġu żviluppati s-soluzzjonijiet u tiġi evalwata l-prestazzjoni tagħhom. Approċċ parteċipattiv bħal dan jappoġġja l-inklużjoni soċjali u jiżgura li s-servizzi li jingħataw jikkonformaw kemm jista’ jkun possibbli mal-bżonnijiet reali tal-benefiċjarji;

8.

jinnota li matul l-għaxar snin li għaddew, il-kunċett tal-ekonomija tal-fidda (silver economy) ħareġ f’diversi partijiet tal-Ewropa u jfittex li jiżviluppa firxa wiesgħa ta’ prodotti u servizzi għan-numru li qed jiżdied ta’ anzjani bi bżonnijiet ta’ kura tas-saħħa, mobbiltà mnaqqsa u limitazzjonijiet fl-attivitajiet ta’ kuljum tagħhom. L-ekonomija tal-fidda nfirxet f’partijiet oħra tas-suq bħall-benesseri, is-saħħa fiżika, ir-rikreazzjoni, l-ivvjaġġar, il-kultura, il-komunikazzjoni, id-divertiment u l-aċċess għat-teknoloġiji l-ġodda. Ħafna SMEs u clusters tan-negozju f’diversi Stati Membri jispeċjalizzaw ukoll fit-teknoloġija innovattiva għall-anzjani, bħal fil-qasam tal-awtomazzjoni tad-dar, li jippreżenta opportunitajiet kbar tat-tkabbir. Madanakollu jeħtieġ ninnutaw ukoll li filwaqt li nirrikonoxxu l-bżonn ta’ prodotti u servizzi speċjalizzati għall-persuni bi bżonnijiet speċifiċi, ħafna mill-anzjani jippreferu jkunu kapaċi jużaw l-oġġetti u s-servizzi ordinarji. Għalhekk għandu jiġi promoss approċċ iktar mifrux ibbażat fuq il-kunċett ta’ disinn għal kulħadd fejn il-bżonnijiet u l-istennijiet tal-anzjani u l-persuni b’diżabilità jiġu integrati u dan flimkien mal-iżvilupp ta’ prodotti speċjalizzati għal bżonnijiet speċifiċi ħafna;

9.

jirreferi għat-tendenza li qed ikompli jiżdied in-numru tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jfittxxu innovazzjoni soċjali u soluzzjonijiet ibbażati fuq l-ICT sabiex itejbu l-kwalità u l-kosteffiċjenza tas-servizzi tas-saħħa u tal-kura fit-tul kemm fiż-żoni urbani kif ukoll rurali fejn soluzzjonijiet bħal dawn jistgħu jagħtu kontribut biex ikunu jistgħu jingħataw servizzi kruċjali lill-anzjani għal prezz li huwa iktar sostenibbli għall-but pubbliku u privat. Madanakollu inizjattivi bħal dawn jitolbu ċertu ammont ta’ investiment u azzjonijiet li jridu jiġu implimentati f’livelli oħra ta’ governanza sabiex ikun hemm progress minn proġetti pilota għal mudelli fuq skala kbira li jistgħu jintużaw fil-livell nazzjonali jew kwalunkwe parti oħra tal-UE. Dan huwa qasam li fih l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom bżonn l-ikbar ammont ta’ appoġġ possibbli kemm mill-gvern nazzjonali tagħhom kif ukoll mill-UE;

10.

jenfasizza li, filwaqt li jeżistu bosta eżempji ta’ miżuri innovattivi li jappoġġaw it-tixjiħ attiv u b’saħħtu fil-livell lokali u li l-inkubaturi soċjali huma ħafna drabi inizjattivi lokali li huma qrib tal-bżonnijiet li jfittxu li jindirizzaw, approċċ ibbażat fuq il-proġetti mhuwiex dejjem effettiv sabiex jinkisbu l-massa kritika u s-sostenibbiltà fuq perjodu twil. Hemm bżonn ta’ viżjoni strateġika globali li tiġbor fiha kwistjonijiet mill-oqsma kollha sabiex tikseb ambjenti inklużivi u kapaċi jipprovdu appoġġ. Eżempju ċar huwa l-innovazzjoni soċjali mnedija mill-Muniċipalità ta’ Fredericia (DK) li tfittex li permezz tal-prevenzjoni, ir-riabilitazzjoni, it-teknoloġija u n-netwerking soċjali, iżżomm jew tirkupra l-idea ta’ għajnuna awtonoma fost l-anzjani li għandhom bżonn assistenza fl-attivitajiet ta’ kuljum tagħhom. Dan l-approċċ huwa bbażat fuq bidla fil-perċezzjoni tal-anzjani – minn pazjenti li ma jistgħux jgħinu ruħhom għal ċittadini mimlija riżorsi. Din l-inizjattiva kienet appoġġjata bħala proġett pilota mill-Ministru Daniż tal-Finanzi u issa ser issir mudell għal muniċipalitajiet Daniżi oħra.

11.

jenfasizza li l-isfidi ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ għandhom dimensjoni influwenzata mill-ġeneru li titlob li tingħata attenzjoni speċifika lill-impatt tar-riformi tal-protezzjoni soċjali attwali u tat-tnaqqis fis-servizzi soċjali (b’mod partikolari fil-kura tat-tfal u l-anzjani) fuq l-impjegabbiltà tan-nisa, id-differenzi bejn il-pagi tan-nisa u l-irġiel, peress li l-piż tal-kura tal-qraba dipendenti ser jiżdied fuq dawk li jipprovdu kura b’mod informali (carers) – li ħafna minnhom huma nisa – u b’hekk fil-futur dawn jiffaċċjaw riskju ikbar ta’ faqar u esklużjoni soċjali jekk ma jsir xejn biex jiġu indirizzati inugwaljanzi bħal dawn. Il-problemi relatati mal-istress u x-xogħol żejjed fis-settur tas-saħħa u l-kura tas-saħħa, li hu ddominat min-nisa, jistgħu wkoll fil-futur joħolqu problemi ġodda għan-nisa iżjed imdaħħlin fl-età.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TAL-KTR LILL-KUNSILL U LILL-KUMMISSJONI EWROPEA

12.

iħoss li hemm bżonn li tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn il-livelli differenti involuti fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet għal tixjiħ attiv u b’saħħtu u jenfasizza wkoll il-bżonn ta’ iktar governanza f’diversi livelli f’dan il-qasam. L-awtoritajiet lokali u reġjonali m’għandhomx jitqiesu biss bħala aġenti responsabbli għall-implimentazzjoni iżda għandhom jiġu involuti fil-proċess sħiħ tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tal-evalwazzjoni;

13.

jemmen li jkun hemm valur miżjud ġenwin jekk l-UE toħloq qafas li jippermetti li l-awtoritajiet pubbliċi u l-atturi fil-livelli kollha jibbenefikaw mill-esperjenzi ta’ bejniethom, li jiġbru l-informazzjoni dwar inizjattivi li kienu ta’ suċċess u li jitgħallmu mill-fallimenti peress li dan jippermettilhom ma jirrepetux l-istess żbalji u li jgħinhom jinvestu r-riżorsi limitati tagħhom f’soluzzjonijiet innovattivi li kienu effettivi;

14.

jirrakkomanda li l-Kumitat tar-Reġjuni jiġi mistieden jingħaqad mal-Grupp tat-Tmexxija tas-Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu sabiex tiġi żgurata rappreżentazzjoni adegwata tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istess inizjattivi u b’hekk il-KtR ikun jista’ jaġixxi ta’ multiplikatur li jimmobilizza firxa wiesgħa ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex jinvolvu ruħhom fl-implimentazzjoni tal-inizjattivi billi għandhom kompetenzi fis-sitt oqsma ta’ azzjoni kollha;

15.

jappoġġja l-proposta li saret fil-qafas tas-Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu li jitwaqqaf Netwerk Ewropew għal Ambjent li Jinkoraġġixxi t-Tixjiħ Attiv u jilqa’ l-isforzi tal-Pjattaforma Ewropea AGE u d-WHO sabiex iniedu netwerk bħal dan. Il-KtR jirrakkomanda li l-fondi tal-UE jiġu allokati għal żvilupp adegwat ta’ netwerk fil-livell tal-UE bħal dan bil-kooperazzjoni mill-qrib tad-WHO;

16.

huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tiffoka fuq ir-riċerka dwar il-persuni mdaħħlin ħafna fl-età – dan huwa grupp li huwa parzjalment ġdid u għadd ta’ partijiet interessati jeħtieġu iżjed informazzjoni dwaru. Ir-riċerka hija meħtieġa biex jiġu vvalutati l-effikaċja u l-kosteffiċjenza tal-miżuri għall-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja, u b’mod partikolari matul l-aħħar fażi tal-ħajja. Hemm bżonn ukoll ta’ riċerka iżjed fil-fond ta’ kif il-persuni mdaħħlin fl-età, li huma inqas aċċessibbli, jistgħu jiġu inkoraġġuti jibdlu l-attitudni tagħhom u l-istil ta’ ħajja tagħhom. Jeħtieġ li dawk imdaħħlin ħafna fl-età jiġu inklużi fl-istatistika u r-riċerka, u l-persuni li jaħdmu magħhom għandhom ikunu mgħarrfa bir-riżultati ta’ din ix-xorta ta’ riċerka;

17.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tniedi Patt Ewropew tas-Sindki dwar il-Bidla Demografika bħala l-wirt tas-Sena Ewropea 2012 li jlaqqa’fi ħdanu l-awtoritajiet lokali u reġjonali interessati li jippromovu l-innovazzjoni, is-saħħa intelliġenti u soluzzjonijiet għal ħajja aħjar bħala appoġġ għal tixjiħ attiv u b’saħħtu u jipprovdu appoġġ amministrattiv u finanzjarju lill-Patt;

18.

jinnota li filwaqt li l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom għandhom il-kompetenzi primarji fil-qasam tat-tixjiħ attiv, l-Unjoni Ewropea tista’ tilleġisla dwar kwistjonijiet li jolqtu t-tħaddim tas-suq intern sabiex jitneħħew l-ostakli għall-moviment ħieles tal-persuni, titħeġġeġ il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi u tiġi żgurata protezzjoni adegwata tal-konsumaturi. Ir-ratifika tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità mill-UE toħloq obbligi legali ġodda għall-UE li jiżguraw li l-persuni b’diżabilità u l-anzjani b’limiti spefiċi jkunu jistgħu jgawdu d-dritt tagħhom tal-libertà tal-moviment u jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-ħajja ekonomika u soċjali tal-komunitajiet tagħhom bħal kwalunkwe ċittadin ieħor. Dan jitlob azzjoni tal-UE li tiżgura rispons koordinat fil-livell tal-UE, nazzjonali, lokali u reġjonali. Barra minn hekk, l-UE tista’ tiffaċilita skambju transnazzjonali tal-esperjenza u tippromovi miżuri flessibbli bħal kodiċi ta’ prattika tajba li jappoġġjaw implimentazzjoni tajba tal-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattati tal-UE;

19.

jinnota li l-Kummissjoni Ewropea qed tippjana li tressaq proposta għal Att dwar l-Aċċessibbiltà u jenfasizza li hemm bżonn qafas legali tal-UE li jsaħħaħ l-aċċessibbiltà fl-UE għall-oġġetti u s-servizzi essenzjali kollha u li joħloq kundizzjonijiet ugwali għall-industrija kollha, inklużi l-SMEs. Madankollu, dan għandu jkun proporzjonat u ma joħloqx burokrazija addizzjonali għall-SMEs. L-adozzjoni ta’ standards mifruxa fl-UE kollha tkun utli wkoll sabiex tappoġġja l-industrija u toħloq suq uniku effiċjenti tal-oġġetti u s-servizzi disinjati għal kulħadd. Għandha titwaqqaf sistema ta’ sorveljanza li tiżgura l-infurzar tal-leġislazzjoni u li tkun akkumpanjata minn pjani ta’ azzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll minn appoġġ għall-atturi lokali u l-SMEs;

20.

ifakkar li qafas legali adegwat tal-akkwist pubbliku fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali huwa kruċjali sabiex jiżgura li l-investiment pubbliku jippromovi l-aċċessibbiltà għal kulħadd. L-aċċessibbiltà għandha ssir prerekwiżit essenzjali sabiex ikunu jistgħu jinkisbu l-fondi mill-UE (strutturali, għall-proġetti jew għar-riċerka) u hemm bżonn ta’ appoġġ sabiex ir-reġjuni inqas żviluppati jkunu jistgħu jikkonformaw mal-leġislazzjoni u l-istandards tal-UE. Għandhom jiġu kkunsidrati wkoll inċentivi finanzjarji li jżidu l-aċċessibbiltà, b’mod partikolari bil-għan li l-awtoritajiet pubbliċi jimmodernizzaw il-bini u d-djar kif ukoll bħala appoġġ għall-investiment f’soluzzjonijiet innovattivi.

21.

jenfasizza li hemm bżonn ta’ sensibilizzazzjoni li takkumpanja l-miżuri legali prinċipali u li tħaddimhom bħala miżuri li jindirizzaw is-sitwazzjoni reali. Din għandha sseħħ fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-produtturi, il-fornituri, il-provvedituri tas-servizzi u ċ-ċittadini b’mod ġenerali. Il-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ huma importanti sabiex isaħħu u jappoġġjaw l-aċċessibbiltà: rekwiżit prinċipali huwa li jiġi żgurat li l-inġinieri, l-periti, id-disinjaturi tas-siti tal-internet, il-bennejja, dawk responsabbli għall-ippjanar tal-bliet (eċċ) ikunu mħarrġa tajjeb sabiex jintegraw il-kwistjonijiet tal-aċċessibbiltà u japplikaw id-disinn universali;

22.

ifakkar li t-tagħlim tul il-ħajja u l-volontarjat huma żewġ elementi importanti ħafna li minnhom jiddependi t-tixjiħ attiv u b’saħħtu. L-edukazzjoni tal-adulti u l-volontarjat ta’ età kbira għandhom jiġu appoġġjati fil-livell tal-UE, u dak nazzjonali u lokali sabiex tkompli tiġi estiża l-ħajja tax-xogħol, jiġi promoss l-irtirar attiv u jiġi appoġġjat l-għajxien indipendenti;

23.

jirrakkomanda għalhekk li l-għanijiet tas-Sena Ewropea tat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet u s-Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu jiġu integrati fl-istrumenti tal-finanzjament futuri kollha tal-UE inklużi l-Fondi Strutturali u li l-proċeduri li japplikaw jiġu semplifikati għall-atturi lokali u reġjonali; jilqa’ l-Jum Ewropew tas-Solidarjetà Interġenerazzjonali matul is-Sena Ewropea 2012, li huwa inizjattiva sinifikanti li tippromovi l-proġetti interġenerazzjonali bejn l-istudenti u l-anzjani u, b’hekk, tagħti kontribut importanti għad-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet;

24.

jilqa’ t-tnedija tal-Komunità ta’ Għarfien u Innovazzjoni dwar l-innovazzjoni għal ħajja b’saħħitha u t-tixjiħ attiv fl-2014 u jirrakkomanda li l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija jagħmel l-aħjar li jista’ sabiex jinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-atturi lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni ta’ din il-Komunità;

25.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali b’mod iktar attiv fil-proċess ta’ valutazzjoni tal-UE tal-impatt soċjali tad-diversi inizjattivi implimentati sabiex jappoġġjaw it-tixjiħ attiv u b’saħħtu sabiex jiġi żgurat li l-impatt fuq nisa u rġiel imdaħħlin fl-età tal-lokal jiġi evalwat b’mod adegwat;

26.

ifakkar li t-tixjiħ attiv u b’saħħtu huwa għan tal-Istrateġija Ewropa 2020 u huwa appoġġjat minn bosta inizjattivi prinċipali (Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda, Pjattaforma kontra l-Faqar, l-Aġenda Diġitali) u firxa wiesgħa ta’ strumenti ta’ finanzjament tal-UE disponibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonal hekk kif deskritt fil-ktejjeb maħruġ mill-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kummissjoni Ewropea u l-Pjattaforma AGE tal-Ewropa dwar “How to promote active ageing in Europe – EU support to local and regional actors” (“Il-promozzjoni tat-tixjiħ attiv fl-Ewropea – l-appoġġ tal-UE għall-atturi lokali u reġjonali”) ppubblikat f’Settembru 2011 bħala kontribut għas-Sena Ewropea 2012 (3);

27.

jikkonkludi għalhekk li ma jidher li ma hemm l-ebda problema fir-rigward tal-konformità tal-inizjattivi proposti mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità hekk kif definiti fit-Trattati tal-UE.

III.   SFIDI

28.

ifakkar li sal-2060 qed jitbassar li l-popolazzjoni taż-żgħażagħ fl-UE-27 tonqos b’9 % (4) u li l-popolazzjoni tal-ħaddiema (15-64) tonqos bi 15 %. Barra minn hekk, in-numru tal-anzjani mistenni jiżdied bi 79 %. Dawn il-bidliet demografiċi ġejjin minn bosta fenomeni bħal livelli iktar baxxi ta’ fertilità, iż-żieda fl-istennija tal-għomor, il-migrazzjoni totali netta, u t-tixjiħ ta’ dawk li twieldu fil-“baby boom” wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Huwa ċar li dawn it-tendenzi demografiċi ser ikollhom impatt sinifikanti ekonomiku, soċjali u baġitarju fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. L-istudju tal-KtR dwar “Active Ageing: local and regional solutions” (“It-tixjiħ attiv: soluzzjonijiet lokali u reġjonali”) (5) jispjega r-riperkussjonijiet tajjeb meta jgħid li l-provvista tax-xogħol u l-impjieg ser jonqsu u jkunu ta’ sfida għat-tkabbir ekonomiku filwaqt li d-domanda għas-servizzi mill-popolazzjoni li qed tixjieħ ser tiżdied. Barra minn hekk l-infiq pubbliku mistenni jiżdied sabiex ikunu jistgħu jingħataw servizzi ta’ kwalità lill-popolazzjoni li qed tixjieħ filwaqt li jiġu finanzjati l-kura tas-saħħa u l-pensjonijiet għal numru dejjem jikber ta’ anzjani. Madanakollu, il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet lokali u reġjonali raw tnaqqis baġitarju drastiku li diġà qed jagħmilha ferm iktar diffiċli għalihom li jipprovdu servizzi soċjali dinamiċi u moderni ta’ standard adegwat;

29.

jenfasizza li hemm disparitajiet kbar bejn il-pajjiżi u r-reġjuni f’termini ta’ stennija tal-għomor tan-nisa u l-irġiel, indikaturi tas-snin ta’ ħajja b’saħħitha, etajiet medji u l-proporzjonijiet ta’ dipendenza. It-tixjiħ tal-popolazzjoni huwa mbassar fi kważi kull 281 reġjun tal-UE27 b’seba’ reġjuni biss li huma mistennija li ma jarawx l-età medja tagħhom tiżdied sal-2030: Vjenna fl-Awstrija, Hamburg u Trier fil-Ġermanja, Sterea Ellada u Peloponnisos fil-Greċja u l-West Midlands u l-Grigal tal-Iskozja fir-Renju Unit (6). Fl-2008, żdiedu għal kważi tliet darbiet bejn ir-reġjuni (9,1 % għal 26,8 %). Fl-2030, iż-żieda ser tkun għal kważi erba’ darbiet bejn ir-reġjuni (10,4 % għal 37,3 %) (7). Dan ifisser li r-reġjuni ma jinstabux fuq l-istess livell fejn jidħol tixjiħ demografiku u dan flimkien mal-kriżi ekonomika attwali jolqot uħud mill-awtoritajiet lokali u reġjonali iktar minn oħrajn;

30.

jenfasizza wkoll li jeżistu disparitajiet kbar bejn il-pajjiżi u r-reġjuni f’termini ta’ dejn sovran u li wħud minnhom qed jiffaċċjaw tnaqqis kbir ħafna fil-baġits tagħhom li jista’ jfixkel il-kapaċità tagħhom li jibbenefikaw minn finanzjament tal-UE permezz tal-Fondi Strutturali jew Programmi Konġunti oħra relatati mat-Tixjiħ;

31.

ifakkar li kif qal fl-opinjoni tiegħu “Lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri” (8), l-awtoritajiet lokali u reġjonali jibqgħu l-ikbar entità li tħaddem fis-settur pubbliku u konsegwentement il-pensjonijiet pubbliċi ser ikomplu jkunu fundamentali biex jiżguraw is-sistemi tal-pensjonijiet. Dawn il-pensjonijiet madanakollu ser ikomplu jintlaqtu minn miżuri u riformi baġitarji. Għalhekk l-abbiltà tal-awtoritajiet lokali u reġjonali li jikkumpensaw għal dan l-effett għandha tiġi kkunsidrata sabiex l-anzjani nisa u rġiel kollha jkun jista’ jingħatalhom dħul adegwat, inklużi servizzi ta’ għajnuna u kura li ma jkunux finanzjarji. Il-Kumitat tar-Reġjuni ppropona dimensjoni soċjali għas-sorveljanza makroekonomika sabiex ikunu jistgħu jiġu indirizzati dawn l-effetti;

32.

Hekk kif qal fl-opinjoni tiegħu “Xjuħija Tajba fis-Soċjetà tal-Informazzjoni” (9) is-soluzzjonijiet tal-ICT jistgħu jtejbu l-produttività tas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa jekk jiġu adattati tajjeb għall-bżonnijiet tal-anzjani u jfakkar li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandom ikunu involuti fir-riċerka nazzjonali u tal-UE dwar is-soluzzjonijiet tal-ICT għat-tixjiħ għax huma spiss ser ikunu l-utenti primarji tar-riżultati;

33.

ifakkar, madanakollu, li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma jistgħux jappoġġjaw it-tixjiħ attiv u b’saħħtu waħedhom. Sabiex jirnexxu għandhom bżonn ta’ ambjent ta’ appoġġ legali, finanzjarju u strutturali li jirrikjedi li tittieħed azzjoni fil-livell nazzjonali u dak tal-UE. Pereżempju, biex jintużaw inizjattivi tal-ICT bħala appoġġ għall-innovazzjoni, is-saħħa intelliġenti u ħajjiet aħjar fost ir-reġjuni kollha, hemm bżonn ta’ investiment strutturali fil-livell tal-UE u dak nazzjonali sabiex jiġi estiż l-aċċess għall-broadband u hemm bżonn ta’ leġislazzjoni tal-UE li tarmonizza l-kriterji tal-aċċessibbiltà u l-istandards tal-interoperabbiltà;

34.

jenfasizza li n-numru li qed jiżdied ta’ kundizzjonijiet minn qabel u ta’ proċeduri relatati mal-kontabilità, il-finanzi u l-awditjar meħtieġa għal aċċess għas-sussidji tal-fondi strutturali wassal għal numru ikbar ta’ proġetti li jiffukaw fuq riżultati li jistgħu jitkejlu iktar milli proġetti iktar innovattivi u orjentati fuq ir-riskju li fil-fatt jieħdu iktar żmien biex iwasslu għal riżultat pożittiv u iktar diffiċli jitkejlu. Fil-prattika, l-innovazzjoni soċjali attwalment qed tiffaċċja ostakli li ħafna drabi huma marbuta ma’ kulturi regolatorji jew dawk relatati mal-awditjar li huma inkompatibbli. Fil-fatt, din il-kwistjoni mhix relatata biss mal-użu tal-fondi strutturali iżda hija problematika f’ħafna iżjed strumenti ta’ finanzjament fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali;

35.

jagħraf madanakollu li hemm bżonn ta’ modifiki fil-mod ta’ kif inhuma implimentati l-fondi strutturali sabiex dawn jinkludu kundizzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza sabiex ma jiddgħajfux l-isforzi li jsiru sabiex jiżdiedu l-valur miżjud u l-effiċjenza tal-fondi tal-UE fil-qasam. Id-Danimarka u l-Isvezja għandhom proċeduri bbażati fuq l-evidenza sabiex isegwu l-prestazzjoni abbażi ta’ indikaturi stabbiliti u jpoġġu l-informazzjoni lura fis-sistema ta’ monitoraġġ sabiex ikomplu jtejbu l-kwalità u l-kosteffiċjenża tas-servizzi li jipprovdu u jiffinanzjaw. Il-Gvern tar-Renju Unit reċentement stabbilixxa l-bond tal-impatt soċjali li timmira li tiġbed investiment ġdid madwar kuntratti bbażati fuq ir-riżultat li jibbenefikaw l-individwi u l-komunitajiet. Permezz ta’ Bond tal-Impatt Soċjali, jintuża l-investiment privat sabiex jitħallsu l-interventi li jiġu provduti minn provvedituri tas-servizzi li għandhom esperjenza stabbilita. Il-qligħ finanzjarju tal-investituri jsir mis-settur pubbliku abbażi ta’ riżultati soċjali mtejba. Jekk ir-riżultati ma jitjibux, l-investituri ma jirkuprawx l-investiment tagħhom (10).

IV.   OPPORTUNITAJIET

36.

jinnota li l-pajjiżi bi standards għolja ta’ aċċessibbiltà fl-ambjent mibni, it-trasport u l-ICT huma pajjiżi fejn hemm l-ogħla livelli ta’ impjieg tal-anzjani u huma l-pajjiżi li jmorru l-aħjar fl-indikaturi tas-snin ta’ ħajja b’saħħitha. Huwa wkoll f’dawn il-pajjiżi li r-rati tal-impjieg tan-nisa u l-persuni b’diżabilità huma l-ogħla u fejn l-indikaturi tal-ugwaljanza bejn is-sessi huma l-aħjar (differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, differenza fil-pensjoni tal-anzjani nisa u rġiel eċċ.). Dan juri li l-promozzjoni ta’ ambjent lokali li jinkoraġġixxi t-tixjiħ attiv b’mod proattiv ma jfixkilx l-ekonomija iżda għall-kuntrarju huwa ta’ benefiċċju għas-soċjetà u l-ekonomija b’mod ġenerali. Ambjent bħal dan jista’ jiffaċilita l-ħajja ta’ kulħadd u jappoġġja l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tan-nisa, ħaddiema iktar kbar u persuni b’diżabilità u l-parteċipazzjoni attiva u produttiva tal-persuni rtirati fil-komunitajiet tagħhom. Dawn jappoġġjaw ukoll nies li jipprovdu l-kura b’mod informali u jippermettulhom li jirrikonċiljaw iktar faċilment ix-xogħol u d-dmirijiet ta’ kura;

37.

jilqa’ l-fatt li diġà hemm mijiet ta’ awtoritajiet lokali u reġjonali involuti fil-programm Bliet li Jinkoraġġixxu t-Tixjiħ Attiv (AFC) tad-WHO fl-UE u xi Stati Membri nedew programmi nazzjonali sabiex jappoġġjaw l-awtoritajiet lokali u nazzjonali li jixtiequ jingħaqdu man-netwerk tad-WHO AFC;

38.

fid-dawl taż-żieda fin-numru ta’ anzjani li jbatu mill-Alzheimer u forom oħra ta’ dimenzja, jilqa’ l-inizjattiva meħuda minn xi awtoritajiet lokali u reġjonali li joħolqu ambjenti li jieħdu ħsieb tajjeb dawk milquta mill-Alzheimer li jippromovu inklużjoni aħjar tal-anzjani bid-dimenzja u dawk li jieħdu ħsiebhom b’mod informali fil-komunità;

39.

jenfasizza li l-ħolqien ta’ ambjenti disinjati għal kulħadd u li jappoġġjaw l-għajxien indipendenti tal-anzjani u l-persuni b’diżabilità jew b’limitazzjonijiet partikolari taw xhieda li kienu kosteffiċjenti. L-esperjenza Svediża turi li d-domanda li qed tonqos għall-għajnuna fl-Isvezja matul dawn l-aħħar 15-il sena ma tistax tiġi spjegata minn titjib fis-saħħa billi ma hemmx evidenza ta’ titjib bħal dan fost l-anzjani matul dan il-perjodu fl-Isvezja. L-iktar spjegazzjoni li tagħmel sens għal dan in-nuqqas ta’ bżonn ta’ kura tal-anzjani hija relatata ma’ standards ta’ aċċessibbiltà mtejba fid-djar u t-trasport, u aċċess aħjar għat-teknoloġija ta’ għajnuna li jagħmluha iktar faċli għall-anzjani li jgħaddu mingħajr għajnuna. Ta’ min jinnota li l-Isvezja għandha l-aqwa rati ta’ impjieg għall-ħaddiema mdaħħlin fl-età inġenerali u l-impjegati nisa b’mod partikolari fl-Istati Membri kollha tal-UE;

40.

jenfasizza madanakollu li filwaqt li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol importanti bħala xerrejja tal-oġġetti u s-servizzi permezz tal-akkwist pubbliku li b’hekk jistgħu jaġixxu ta’ mexxejja politiċi li jippromovu approċċ pożittiv għat-tixjiħ, il-frammentazzjoni tas-swieq eżistenti u emerġenti għal soluzzjonijiet innovattivi li jappoġġjaw it-tixjiħ attiv u b’saħħtu jeħtieġ li tiġi indirizzata sabiex jinħoloq suq uniku reali għall-ekonomija tal-fidda u jkunu possibbli ekonomiji ta’ skala għal offerenti pubbliċi u l-konsumaturi. L-Att dwar l-Aċċessibbiltà futur ser ifittex li jindirizza l-ostakli li jtellfu l-ħolqien ta’ suq tal-UE fejn soluzzjonijiet innovattivi lokali u reġjonali jistgħu jitfasslu b’mod iżjed faċli u jintużaw fuq skala ikbar f’reġjuni oħra tal-UE. L-SMEs ta’ spiss jinsabu fuq quddiem tal-innovazzjoni u qrib tas-swieq lokali. Ħafna drabi jipprovdu servizz personalizzat u jadattaw għall-bżonnijiet tal-konsumaturi tagħhom. L-SMEs jistgħu jibbenefikaw minn regoli ċari u standards li jiżguraw aċċess għal suq fil-livell tal-UE u jiffaċilitaw l-interoperabbiltà ma’ oġġetti u servizzi oħra għall-aħjar riżultat possibbli.

V.   KONKLUŻJONIJIET

41.

jikkonkludi li l-iżvilupp ta’ ambjent lokali aċċessibbli u ta’ appoġġ ser jgħin lill-ħaddiema mdaħħlin fl-età u lin-nisa li jibqgħu impjegati fit-tul u ser inaqqas id-domanda tal-kura u tal-għajnuna għan-numru ta’ anzjani li qed jiżdied b’mod rapidu. Il-KtR huwa fiduċjuż li l-azzjoni tal-UE li tappoġġja tixjiħ attiv u b’saħħtu u solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet ser tagħti spinta lill-innnovazzjoni u lill-potenzjal tat-tkabbir fl-UE u ser ikollha benefiċċji ekonomiċi għall-atturi pubbliċi u privati fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE;

42.

Jaqbel mal-approċċ tal-Presidenza Daniża lejn it-tixjiħ u jenfasizza li sabiex l-innovazzjoni soċjali tintuża bħala risposta għas-soċjetà li qed tixjieħ, huwa importanti ħafna li l-UE toħloq qafas komuni li jippermetti li l-potenzjal tal-innovazzjoni soċjali jiġi sfruttat kollu fil-futur. Qafas komuni tal-UE li jappoġġja l-innovazzjoni soċjali ser jagħmilha iktar faċli għall-innovaturi soċjali fl-Ewropa li jaġixxu, jiksbu l-fondi, li jidħlu f’netwerk u li jkabbru l-attività tagħhom.

Brussell, 4 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  CdR 212/2009.

(2)  Kastler, P7_TA(2011) 0332.

(3)  http://bibli.reseauope.net/opac_css/index.php?lvl=author_see&id=264 (mhux disponibbli bil-Malti)

(4)  Sors: Statistika tal-Eurostat dwar l-istruttura tal-popolazzjoni u t-tixjiħ

(5)  www.cor.europa.eu/COR_cms/ui/ViewDocument.aspx?siteid=default&contentID=a18962c0-1f8f-44e9-9f3d-bfa7955830db (mhux disponibbli bil-Malti)

(6)  Eurostat, EUROPOP 2008 reġjonali

(7)  ibid.

(8)  CdR 319/2010.

(9)  CdR 84/2007.

(10)  http://www.socialfinance.org.uk/work/sibs


Top