Help Print this page 

Document 52012IP0324

Title and reference
Id-distribuzzjoni onlajn ta' xogħlijiet awdjoviżivi fl-UE Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 11 ta' Settembru 2012 dwar id-distribuzzjoni onlajn ta’ xogħlijiet awdjoviżivi fl-Unjoni Ewropea (2011/2313(INI))
  • In force
OJ C 353E , 3.12.2013, p. 64–74 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Languages, formats and link to OJ
BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA HR IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
HTML html BG html ES html CS html DA html DE html ET html EL html EN html FR html IT html LV html LT html HU html MT html NL html PL html PT html RO html SK html SL html FI html SV
PDF pdf BG pdf ES pdf CS pdf DA pdf DE pdf ET pdf EL pdf EN pdf FR pdf IT pdf LV pdf LT pdf HU pdf MT pdf NL pdf PL pdf PT pdf RO pdf SK pdf SL pdf FI pdf SV
Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal Display Official Journal
 To see if this document has been published in an e-OJ with legal value, click on the icon above (For OJs published before 1st July 2013, only the paper version has legal value).
Multilingual display
Text

3.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 353/64


It-Tlieta 11 ta’ Settembru 2012
Id-distribuzzjoni onlajn ta' xogħlijiet awdjoviżivi fl-UE

P7_TA(2012)0324

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Settembru 2012 dwar id-distribuzzjoni onlajn ta’ xogħlijiet awdjoviżivi fl-Unjoni Ewropea (2011/2313(INI))

2013/C 353 E/08

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali adottata mill-Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika u Kulturali tan-Nazzjonijiet Uniti (Unesco) fl-20 ta’ Ottubru 2005,

wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li fuq il-bażi tiegħu s-setturi kulturali u kreattiva jagħtu kontribut sinifikanti għall-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni, inklużi r-razziżmu u l-ksenofobija,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dipożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-fornimant ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva (Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva) (1),

wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li fuq il-bażi tiegħu jeħtieġ li tkun garantita l-protezzjoni tad-dejta personali,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' appoġġ għas-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007) (2),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2005 dwar il-patrimonju ċinematografiku u l-kompetittività ta’ attivitajiet industrijali relatati (3),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Awwissu 2006 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibilità onlajn tal-materjal kulturali u l-preżervazzjoni diġitali (4),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummisjsoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bl-isem “Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Awwissu 2010 bl-isem: “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (COM(2010)0245),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2011 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi (5),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0262/2012),

A.

billi l-era diġitali, mill0istess natura tagħha, toffri opportunitajiet kbar għall-ħolqien u t-tqassim tax-xogħolijiet, imma tippreżenta wkoll sfidi enormi;

B.

billi l-progress tas-suq b’ħafna modi ħoloq it-tkabbir meħtieġ u l-kontenut kulturali f’konformità mal-għanijiet tas-suq uniku;

C.

billi illum jeżisti iżjed kontenut għall-konsumatur minn qatt qabel;

D.

billi huwa essenzjali li s-settur awdjoviżiv Ewropew isir aktar kompetittiv filwaqt li jappoġġja s-servizzi onlajn u jippromwovi wkoll iċ-ċiviltà, id-diversità lingwistika u kulturali u l-pluraliżmu tal-midja tal-Ewropa;

E.

billi d-dritt tal-awtur huwa strument legali vitali li jagħti ċertu drittijiet esklussivi lid-detenturi tad-drittijiet u jħares dawn id-drittijiet, u jippermetti li l-industriji kulturali u kreattivi jikbru u jgawdu minn prosperità finanzjarja filwaqt li jgħinu wkoll biex jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi;

F.

billi tibdiliet fil-qafas ġuridiku bil-għan li li jiffaċilitaw il-ksib tad-drittijiet jiffavorixxu ċ-ċirkolazzjoni libera tax-xogħlijiet fl-Unjoni u jikkontribwixxu biex isaħħu l-industrija awdjoviżiva Ewropea;

G.

billi l-impriżi tax-xandir Ewropej għandhom rwol kruċjali għall-promozzjoni tal-industrija kreattiva Ewropea u l-ħarsien tad-diversità kulturali, u billi l-impriżi tax-xandir jiffinanzjaw aktar minn 80 % tal-kontenut awdjoviżiv oriġinali Ewropew;

H.

billi l-użu ċinematografiku kummerċjali jkompli jirrappreżenta parti importanti mid-dħul ta’ xogħol ċinematografiku u għandu impatt konsiderevoli fuq is-suċċess ta’ film fuq il-pjattaformi tal-video-on-demand;

I.

billi l-Artikolu 13 (1) tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva jipprovdi l-bażi għall-introduzzjoni ta’ impenji ta’ finanzjament u promozzjoni tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva on-demand, għaliex huma wkoll għandhom rwol kruċjali fil-promozzjoni u l-ħarsien tad-diversità kulturali;

J.

billi l-impriżi tax-xandir Ewropej, li joperaw f’ambjent ta’ pjattaformi multipli diġitali, konverġenti u multimedjali, jeħtieġu sistemi flessibbli u orjentati lejn il-ġejjieni li jikkjarifikaw id-drittijiet, u li jippermettu wkoll il-kjarifika effettiva tad-drittijiet f’punt uniku ta’ servizz; billi, fil-pajjiżi Nordiċi, sistemi flessibbli ta’ kjarifika tad-drittijiet ta’ dan it-tip ilhom jeżistu għal għexieren ta’ snin;

K.

billi huwa indispensabbli li jiġi garantit l-iżvilupp ta' firxa diversa ta’ offerta legali onlajn attraenti, u sabiex tkun faċilitata iżjed u żgurata d-distribuzzjoni faċli ta’ din l-offerta billi jinżammu f’minimu assolut l-ostakoli għal-liċenzjar, inkluż il-liċenzjar transkonfinali; jenfasizza wkoll l-importanza li jkun faċilitat l-użu tal-kontenut għall-konsumaturi, partikolarment rigward il-ħlas;

L.

billi l-konsumaturi qed jitolbu l-aċċess għal għażla dejjem akbar ta’ films onlajn, irrispettivament mil-lok ġeografiku tal-pjattaforma;

M.

billi d-distribuzzjoni transfruntiera tax-xogħlijiet awdjoviżivi diġà qed isseħħ illum fl-Ewropa, abbażi ta’ liċenzji pan-Ewropej miksuba fuq bażi volontarja, u billi l-iżvilupp ulterjuri tagħhom jista’ jkun qieħed mit-toroq li għandhom jiġu esplorati, dment li teżisti d-domanda ekonomika korrispondenti; billi għandu jsir ir-rikonoxximent dovut tal-fatt li l-kumpaniji jeħtiġilhom ukoll jikkunsidraw id-diversi preferenzi lingwistiċi u kuturali tal-konsumaturi Ewropej, li jirriflettu l-għażliet diversi taċ-ċittadini tal-UE fil-konsum tax-xogħlijiet awdjoviżivifis-suq intern;

N.

billi d-distribuzzjoni onlajn tal-prodotti awdjoviżivi hija opportunità eċċellenti biex ittejjeb l-għarfien tal-lingwi Ewropej, u billi dan il-għan jista’ jintlaħaq permezz ta’ verżjonijiet oriġinali u l-possibbiltà li l-prodotti awdjoviżivi jiġu tradotti f’varjetà kbira ta’ lingwi;

O.

billi, kemm għad-detenturi tad-drittijiet kif ukoll għall-konsumaturi, huwa essenzjali li tkun żgurata ċ-ċertezza ġuridika rigward l-applikazjzoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet ġirien fl-ispazju diġitali Ewropew, permezz ta’ aktar koordinament tar-regoli legali bejn l-Istati Membri;

P.

billi t-tisħiħ tal-qafas legali għas-settur awdjoviżiv fl-Ewropa jikkontribwixxi għal aktar protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni u tal-ħsieb, filwaqt li jsaħħaħ il-valuri u l-prinċipji demokratiċi tal-UE;

Q.

billi jeħtieġ li tittieħed azzjoni speċifika biex il-wirt ċinematografiku u awdjoviżiv Ewropew jiġi ppreservat, partikolarment permezz tal-promozzjoni tad-diġitizzazzjoni tal-kontenut, u billi jsir aktar faċli għaċ-ċittadini u l-utenti li jaċċessaw il-wirt ċinematografiku u awdjoviżiv Ewropew;

R.

billi l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ identifikazzjoni u ta’ tikettar ta’ xogħlijiet tippermetti li d-detenturi tad-drittijiet jiġu protetti u li jiġi llimitat l-użu mhux awtorizzat;

S.

billi huwa assolutament essenzjali li titħares in-newtralità tan-net fin-netwerks tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni u jkun garantit li d-disinn tal-pjattaformi tal-midja u tal-players ikun teknoloġikament newtrali bil-għan li tkun żgurata d-disponibilità tas-servizzi awdjoviżivi, u għall-promozzjoni tal-espressjoni u tal-pluraliżmu tal-midja fl-Unjoni Ewropea u l-qies tal-konverġenza teknoloġika;

T.

billi la jista’ jkun hemm kreattività sostenibbli u lanqas diversità kulturali mingħajr jew drittijiet tal-awtur li jipproteġu u jippremjaw lil dawk li joħolqu l-kontenut, jew inkella aċċess legalment ineċċeppibbli għall-wirty kulturali għall-utenti tiegħu; billi mudelli ġodda tan-negozju għandhom jinkorporaw sistemi effikaċi tal-liċenzjar, kontinwazzjoni tal-investiment fid-diġitalizzazzjoni tal-kontenut kreattiv, u aċċess faċli għall-konsumaturi;

U.

billi għadd kbir ta’ vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati tal-proprjetà intellettwali huma kkawżati mill-bżonn komprensibbli tal-udjenza potenzjali għal offerti kontenuti awdjoviżivi ġodda b’kundizzjonijiet ta’ prezz ġust, u billi din id-domanda għadha ma ġietx sodisfatta biżżejjed;

V.

billi jeħtieġ li jiġu mħeġġa l-adattamenti għar-realtajiet tal-era diġitali, u partikolarment dawk li għandhom l-għan li jevitaw ir-rilokazzjonijiet motivati mit-tiftixa għal leġiżlazzjoni li tagħti l-anqas protezzjoni possibbli;

W.

billi l-ekwità titlob li l-kuntratti kollha jipprevedu remunerazzjoni ġusta għall-awturi għall-forom kollha tal-użu tax-xogħlijiet tagħhom, inkluż l-użu onlajn;

X.

billi hemm ħtieġa urġenti li l-Kummissjoni tipproponi direttiva dwar il-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet u dwar is-soċjetajiet tal-ġbir tqawwi l-fiduċja fis-soċjetajiet tal-ġbir billi tintroduċi miżuri maħsuba biex itejbu l-effiċjenza, iżidu t-trasparenza b’mod sinifikanti u jippromwovu l-governanza tajba tagħhom u r-riżoluzzjoni efiċjenti tat-tilwim;

Y.

billi l-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet hija għodda essenzjali għax-xandara, minħabba l-għadd kbir ta’ drittijiet li jridu jikklerjaw kuljum, u għalhekk għandu jsir provvediment għal skemi effiċjenti tal-liċenzjar għall-użu onlajn on-demand tal-kontenut awdjoviżiv;

Z.

billi jkun f’loku li t-taxxa tal-oġġetti u tas-servizzi kulturali tiġi adattata għall-era diġitali;

AA.

billi l-prinċipju tal-kronoloġija tal-midja jippermetti ekwilibriju ġenerali fis-settur awdjoviżiv, u b’hekk jiżgura prefinanzjament effiċjenti tax-xogħlijiet awdjoviżivi;

AB.

billi l-prinċipju tal-kronoloġija tal-midja qed qed jiffaċċa żieda tal-kompetizzjoni minħabba aktar disponibbiltà tax-xogħlijiet diġitali u l-possibbiltajiet tat-tixrid immedjat li toffri s-soċjetà tal-informazzjoni avvanzata tagħna;

AC.

billi l-Unjoni jeħtieġ li tadotta approċċ koerenti għal kwaistjonijiet teknoloġiku billi tippromwovi l-interoperabilità tas-sistemi użati fl-era diġitali;

AD.

billi l-qafas leġiżlattiv u fiskali għandu jkun favorevoli għall-impriżi li jippromwovu d-distribuzzjoni onlajn tal-prodotti awdjoviżivi b’valur ekonomiku;

AE.

billi l-aċċess għall-midja huwa ta’ importanza kbira għall-persuni b’diżabilità u għandu jiġi ffaċilitat, filwaqt li l-programmi għandhom jiġu adattati għall-persuni b’diżabilità;

AF.

billi hemm ħtieġa kruċjali ta’ intensifikazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp biex jiġu żviluppati tekniki li tal-ġestjoni awtomatizzata tas-servizzi għall-persuni b’diżabilità, partikolarment permezz tax-xandir ibridu;

1.

Jirrikonoxxi l-frammentazzjoni tas-suq onlajn, li huwa kkaratterizzat minn, pereżempju, ostakoli teknoloġiċi, kumplessità tal-proċeduri ta’ liċenzjar, differenzi fil-metodi ta’ ħlas, nuqqas ta’ interoperabilità għall-elementi kruċjali bħall-firma elettronika, u varjazzjonijiet fir-rati ta’ ċerti taxxi applikabbli għall-oġġetti u s-servizzi, inklużi r-rati tal-VAT; jemmen, għalhekk, li llum hemm ħtieġa għal approċċ trasparenti, flessibbli u armonizzat fil-livell Ewropew biex nimxu ‘l quddiem lejn is-suq uniku diġitali; jissottolinja li kwalunkwe miżura proposta għandha tfittex li tnaqqas il-piżijiet amministrattivi u l-kosts tat-tranżazzjonijiet assoċjati mal-liċenzjar tal-kontenut;

Kontenut legali, aċċessibilità u ġestjoni kollettiva tad-drittijiet

2.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-kontenut legali jsir aktar attraenti, sew rigward il-kwantità kif ukoll il-kwalità, u aktar aġġornat, u li tittejjeb id-disponibbiltà onlajn ta’ xogħlijiet awdjoviżivi, inklużi sew xogħlijiet b’sottotitoli kif ukoll xogħlijiet bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE;

3.

Jissottolinja l-importanza li l-kontenut jiġi offrut b’sottotitoli bl-akbar għadd ta’ lingwi possibbli, speċjalment permezz tas-servizzi ta’ video on demand;

4.

Jenfasizza li hemm ħtieġa dejjem tikber li tiġi promossa provvista onlajn legali u attraenti u li tiġi inkoraġġita l-innovazzjoni, u li għalhekk huwa essenzjali li l-metodi ġodda ta’ distribuzzjoni jkunu flessibbli biex jippermettu li jfeġġu mudelli tan-negozju ġodda u biex il-prodotti diġitali jitqiegħdu għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini kollha tal-UE, irrispettivament mill-Istat Membru ta' residenza tagħhom, u b'kunsiderazzjoni tal-prinċipju tan-newtralità tal-netwerk;

5.

Jenfasizza li s-servizzi diġitali, bħas-servizzi tal-video streaming, għandhom isiru disponibbli għaċ-ċittadini kollha tal-UE irrispettivament minn liema Stat Membru jinsabu fih; jistieden lill-Kummissjoni biex titlob li l-kumpaniji diġitali Ewropej ineħħu l-kontrolli ġeografiċi (eż. l-ibblukkar ta’ indirizzi IP) madwar l-Unjoni kollha u jippermettu x-xiri ta’ servizzi diġitali minn barra l-Istat Membru ta’ oriġini tal-konsumatur; jitlob lill-Kummissjoni tabbozza analiżi tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-kejbil u s-satelliti (6) għad-distribuzzjoni diġitali;

6.

Iqis li għandha tingħata attenzjoni għat-titjib tas-sigurtà tal-pjattaformi tad-distribuzzjoni onlajn, inklużi il-ħlas onlajn;

7.

Jenfasizza li jiġu żviluppati sistemi alternattivi u innovattivi ta’ mikropagament, bħalma hu l-ħlas permezz ta’ SMS jew applikazzjonijiet għall-pjattaformi legali tas-servizzi onlajn, sabiex l-użu tagħhom mill-konsumaturi jkun faċilitat;

8.

Jenfasizza li problemi marbutin ma’ sistemi ta’ ħlas online, bħal nuqqas ta’ interoperabilità u spejjeż għoljin ta’ mikropagamenti għall-konsumaturi, għandhom jiġu indirizzati bil-għan li jiġu żviluppati soluzzjonijiet sempliċi, innovattivi u kosteffikaċi li jkunu ta’ siwi sew għall-konsumaturi kif ukoll għall-pjattaformi diġitali;

9.

Jappella għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ġodda fil-qasam ta’ sistemi tal-ħlas li jkunu faċli għall-utent, bħall-mikropagamenti, u ta’ sistemi li jippermettu l-ħlas dirett lil dawk li joħolqu l-kontenuti, għall-benefiċċju kemm tal-konsumaturi kif ukoll tal-awturi;

10.

Jenfasizza li l-użu onlajn jista’ jirrappreżenta opportunità reali għad-diffużjoni u d-distribuzzjoni aħjar ta’ xogħlijiet Ewropej, partikolarment ta’ xogħlijiet awdjoviżivi, f’kundizzjonijiet fejn il-forniment legali jista’ jiżviluppa f’ambjent ta’ kompetizzjoni tajba li b’mod effikaċi tindirizza l-forniment illegali ta’ xogħlijiet protetti;

11.

jippromwovi l-iżvilupp ta’ provvista rikka u diversa ta’ kontenut awdjoviżiv, b’mod partiolari permezz ta’ perjodi aktar flessibbli ta’ ħruġ fis-suq; jenfasizza li d-detenturi tad-drittijiet għandhom ikunu jistgħu jiddeċiedu liberament meta jixtiequ jvaraw il-prodotti tagħhom fuq pjattaformi differenti;

12.

Jenfasizza li għandna noqogħdu attenti li s-sistema attwali ta’ twieqi għall-użu ma tintużax bħala mezz sabiex jiġi llimitat l-użu onlajn għad-detriment tal-produtturi u d-distributuri żgħar;

13.

Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timplimenta l-azzjoni preparatorja adottata mill-Parlament għall-ittestjar ta’ metodi ġodda bbażati fuq il-komplementarjetà bejn il-pjattaformi rigward il-flessibiltà l-perjodi tal-ħruġ fis-suq;

14.

Jitlob li jiġu appoġġjati strateġiji awdjoviżivi Ewropej li jippermettu li l-SMEs jamministraw id-drittijiet diġitali b’iktar effikaċja u, għalhekk, jilħqu pubbliku akbar;

15.

Jistieden lill-Istati Membri kollha biex, b’urġenza, jimplimentaw l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva b’mod preskrittiv u jintroduċu impenji ta’ finanzjament u promozzjoni għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva on-demand, u jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti lill-Parlament Ewropew, bla dewmien, rapport dettaljat kif stipulat fl-Artikolu 13(3) dwar l-istat attwali tal-implimentazzjoni;

16.

Ifakkar, li għall-ħolqien ta’ suq intern diġitali u uniformi fl-Ewropa, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti Regolamenti uniformi fl-Ewropa kollha dwar l-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, biex ma jibqax ikun hemm emendi differenti għal-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri, li tkompli tikkomplika l-ġestjoni tad-drittijiet transkonfinali;

17.

Jappoġġja l-ħolqien ta’ qafas legali biex jiffaċilita d-diġitizzazzjoni u d-disseminazzjoni transkonfinali ta’ xogħlijiet orfni fis-suq uniku diġitali, ladarba din hija waħda mill-azzjonijiet ewlenin identifikati fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, li hija parti mill-Istrateġija Ewropa 2020;

18.

Jirrimarka li l-iżvilupp tas-servizzi transkonfinali huwa għalkollox possibbli, dment li pjattaformi kummerċjali jkunu lesti ħalli jakkwistaw, b’mezzi kuntrattwali, id-drittijiet għall-kopertura ta’ territorju jew territorji, għax m’għandux jintesa l-fatt li s-sistemi territorjali huma swieq naturali fil-qasam awdjoviżiv;

19.

Jenfasizza l-ħtieġa li tinħoloq ċertezza ġuridika dwar liema sistema legali tapplika għall-ikklerjar tad-drittijiet fil-każ ta’ distribuzzjoni transkonfinali, billi jiġi propost li l-liġi applikabbli tkun dik tal-pajjiż fejn impriża twettaq l-attività prinċipali tagħha u minn fejn tiġġenera l-introjtu ewlieni tagħha;

20.

Itenni l-għan ta' distribuzzjoni onlajn transkonfinali intensifikata u effiċjenti tax-xogħlijiet awdjoviżivi bejn l-Istati Membri;

21.

Jissuġġerixxi li jiġi adottat approċċ komprensiv fil-livell tal-UE li għandu jinvolvi kooperazzjoni akbar bejn id-detenturi tad-drittijiet, il-pjattaformi tad-distribuzzjoni onlajn u l-fornituri tas-servizz tal-internet, b’tali mod li jiġi ffaċilitat l-aċċess faċli u kompetittiv tal-utenti għall-kontenut awdjoviżiv;

22.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-flessibilità fid-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi minn pjattaformi diġitali, sabiex l-offerta legali onlajn ta’ xogħlijiet awdjoviżivi tespandi b’risposta għad-domanda tas-suq, u jitrawwem l-aċċess transkonfinali għal kontenut li joriġina minn Stati Membri oħra, filwaqt li jkun żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-awtur;

23.

Jilqa’ l-Programm il-ġdid dwar Ewropa Kreattiva propost mill-Kummissjoni, li jissottolinja li d-distribuzzjoni onlajn qed ikollha wkoll impatt enormi u pożittiv fuq id-distribuzzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi, speċjalment billi tilħaq udjenzi ġodda fl-Ewropa u lil hinn minnha, u billi sseddaq il-koeżjoni soċjali;

24.

Jenfasizza l-importanza tan-newtralità tan-netwerk sabiex jiġi ggarantit aċċess ugwali għal netwerks ta’ veloċità kbira, li huwa kruċjali għall-kwalità ta’ servizzi awdjoviżivi onlajn leġittimi;

25.

Jissottolinja li d-distakk diġitali bejn l-Istati Membri jew ir-reġjuni tal-UE jirrappreżenta ostakolu serju għall-iżvilupp tas-suq uniku diġitali; jitlob, għalhekk li l-aċċess għall-internet broadband jespandi madwar l-UE kollha kemm hi bil-ħsieb li jiġi stimulat l-aċċess għas-servizzi onlajn u għat-teknoloġiji l-ġodda;

26.

Ifakkar li, għall-finijiet tal-użu kummerċjali, id-drittijiet jiġu trasferiti lill-produttur awdjoviżiv, li jiddependi fuq iċ-ċentralizzazzjoni tad-drittijiet esklussivi mogħtija skont il-liġi tad-drittijiet tal-awtur biex jorganizza l-finanzjament, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi;

27.

Ifakkar li l-isfruttament kummerċjali tad-drittijiet esklussivi ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” u ta’ “disponibilità għall-pubbliku” għandu l-għan li jiġġenera riżorsi finanzjarji, f’każ ta’ suċċess kummerċjali, biex jiffinanzja l-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ proġetti tal-ġejjieni, u b’hekk jippromwovi d-disponibilità ta’ offerta diversifikata u permanenti ta’ films ġodda;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta inizjattiva leġiżlattiva għall-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, bil-għan li tiżgura responsabbiltà, trasparenza u governanza aħjar min-naħa ta’ soċjetajiet tal-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet, kif ukoll mekkaniżmi effiċjenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim, u li tiċċara u tissimplifika s-sistemi tal-liċenzjar fis-settur tal-mużika; jisħaq, f’dan ir-rigward, fuq il-bżonn li ssir distinzjoni ċara bejn prattiki ta’ liċenzjar għal tipi differenti ta’ kontenut, b’mod partikolari bejn xogħlijiet awdjoviżivi/ċinematografiċi u dawk mużikali; ifakkar li l-liċenzjar ta’ xogħlijiet awdjoviżivi isir fuq il-bażi ta’ ftehimiet kuntrattwali individwali, f’xi każijiet flimkien mal-ġestjoni kollettiva tal-klejms għar-remunerazzjoni;

29.

Jenfasizza li r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE (7) identifika differenzi fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5, 6 u 8 fl-Istati Membri, li wasslu għal diversi interpretazzjonijiet u deċiżjonijiet mill-qrati tal-Istati Membri; jirrimarka li dawn saru parti mill-ġabra ta’ ġurisprudenza speċifika rigward is-settur awdjoviżiv;

30.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli tissorvelja rigorożament l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE u tirrapporta s-sejbiet tagħha regolarment lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-Direttiva 2001/29/KE, wara li tikkonsulta l-partijiet interessati relevanti kollha, b’tali mod li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5, 6 u 8 jingħataw diċitura aktar preċiża, bil-għan li tiġi żgurata l-armonizzazzjoni fil-livell tal-Komunità tal-qafas legali għall-protezzjoni tad-dritt tal-awtur fis-soċjetà tal-informazzjoni;

32.

Jappoġġja l-istabbiliment ta’ regoli konsistenti Ewropej dwar il-governanza tajba u trasparenza tas-soċjetajiet tal-ġbir kif ukoll dwar mekkaniżmi effiċjenti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim;

33.

Jenfasizza li kklerjar u aggregazzjoni sempliċi, speċjalment tad-drittijiet tal-mużika f’xogħlijiet awdjoviżivi għad-distribuzzjoni onlajn, jaqdu biex jippromwovu s-suq intern, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra dan kif jixraq fl-att legali mħabbar dwar il-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet;

34.

Jirrimarka li l-konverġenza progressiva tal-midja mhux biss teħtieġ soluzzjonijiet ġodda fir-rigward tad-dritt tal-awtur, iżda wkoll fil-leġiżlazzjoni li tirregola l-midja; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex, fir-rigward tal-iżviluppi teknoloġiċi ġodda, teżamina sa fejn għadhom aġġornati r-Regolamenti differenti għas-servizzi lineari u mhux lineari fid-Direttiva 2010/13/UE dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva;

35.

Iqis li, minkejja d-distinzjoni dejjem aktar skaduta bejn l-offerti lineari u mhux lineari, jibqgħu f’lokhom ir-restrizzjonijiet tar-reklamar għal offerti lineari għat-tfal, l-aħbarijiet u x-xandir informattiv; madankollu jissuġġerixxi, li għandhom jiġu kkunsidrati l-forom ġodda ta’ sistemi ta’ ħlas li jkopru diversi pjattaformi u programmi għall-ħinijiet ta’ reklamar, li bl-għajnuna tagħhom jinħolqu inċentivi għal kontenut bi kwalità ogħla, li jżid b’mod ugwali l-kwalità tal-programmi lineari u d-diversità onlajn, mingħajr ma jintefa' piż fuq id-dħul tax-xandara privati;

36.

Jenfasizza li l-għażla ta’ skemi ta’ produzzjoni u distribuzzjoni territorjali għandha tkompli tapplika għall-ambjent diġitali, minħabba li din il-forma ta’ organizzazzjoni tas-suq awdjoviżiv tidher sservi bħala l-bażi għall-finanzjament ta’ xogħlijiet awdjoviżivi u ċinematografiċi Ewropej;

37.

Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi dwar jekk il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jistax jiġi applikat għall-prodotti diġitali bl-istess mod bħall-prodotti fiżiċi;

Identifikazzjoni

38.

Huwa tal-fehma li teknoloġiji ġodda jistgħu jintużaw biex jiffaċilitaw l-ikklerjar tad-drittijiet; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-inizjattiva tal-International Standard Audiovisual Number (ISAN), li tiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi u tad-detenturi tad-drittijiet tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra miżuri implimentattivi li jiffaċilitaw l-użu usa’ tas-sistema tal-ISAN.

Użu mhux awtorizzat

39.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħti ċertezza legali lill-utenti tal-internet huma u jużaw servizzi tal-istreaming u jistedinha biex tqis, b’mod partikolari, modi li jipprevjenu l-użu ta’ sistemi ta’ pagament, u l-finanzjament ta’ dawn is-sistemi, permezz ta’ reklamar fuq pjattaformi bi ħlas li joffru tniżżil u streaming mhux awtorizzati;

40.

Jappella biex l-Istati Membri jippromwovu r-rispett tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati u biex jiġġieldu kontra l-forniment u d-distribuzzjoni ta’ kontenut mhux awtorizzat, inkluż permezz tal-istreaming;

41.

Jiġbed l-attenzjoni għall-ispinta li ħadu l-pjattaformi tan-netwerking soċjali li lill-utenti tal-internet joffrulhom l-opportunità li jagħtu sostenn finanzjarju għall-produzzjoni ta’ film jew dokumentarju, li jagħtihom sens ta’ appartenenza fil-proċess kreattiv, iżda jenfasizza, madankollu, li fuq medda qasira ta’ żmien, dan it-tip ta’ finanzjament mhuwiex probabbli li jieħu l-post ta’ sorsi tradizzjonali ta’ finanzjament;

42.

Jirrikonoxxi madankollu li, fejn jeżistu alternattivi legali, il-ksur tad-drittijiet tal-awtur onlajn jibqa’ sors ta’ tħassib, u għalhekk id-disponibbiltà legali onlajn ta’ materjal kulturali bid-dritt tal-awtur jeħtieġ li tiġi ssupplimentata b’infurzar onlajn tad-dritt tal-awtur b’mod aktar intelliġenti u b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari l-libertà tal-informazzjoni u tal-kelma, il-ħarsien tad-dejta personali u d-dritt tal-privatezza, kif ukoll il-prinċipju tal-“kollegament sempliċi”;

43.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi qafas ta’ ċertezza legali fil-kuntest ta’ reviżjoni tad-Direttiva 2004/48/KE, li kienet maħsuba għas-suq analoġiku, bil-għan li jsirulha t-tibdiliet meħtieġa għall-iżvilupp ta' soluzzjonijiet effikaċi għas-suq diġitali;

Rimunerazzjoni

44.

Ifakkar fil-ħtieġa li tkun żgurata remunerazzjoni xierqa għad-detenturi tad-drittijiet għad-distribuzzjoni onlajn ta’ materjali awdjoviżivi; jinnota li, għalkemm dan id-dritt ilu rikonoxxut fil-livell Ewropew mill-2001, għad hemm nuqqas ta’ remunerazzjoni tajba għal xogħlijiet disponibbli onlajn;

45.

Huwa tal-fehma li din ir-remunerazzjoni għandu jkollha l-għan li tiffaċilita l-ħolqien ta’ xogħlijiet artistiċi, tqawwi l-kompetittività tal-Ewropa u tikkunsidra l-karatteristiċi tas-settur, l-interessi tal-persuni interessati differenti u l-ħtieġa ta’ proċeduri tal-liċenzjar issimplifikati; jistieden lill-Kummissjoni biex tistimula soluzzjonijiet minn isfel għal fuq f’kooperazzjoni mal-partijiet interessati kollha ħalli tiżviluppa leġiżlazzjoni speċifika tal-UE;

46.

Isostni li huwa essenzjali li l-awturi u l-artisti jkollhom garanzija ta' rimunerazzjoni ekwa u proporzjonali għall-forom kollha ta’ utilizzazzjoni, b’mod partikolari l-użu onlajn ta’ xogħlijiethom; u għalhekk, jitlob lill-Istati Membri biex jipprojbixxu l-kuntratti tat-tip buyout, li jmorru kontra dan il-prinċipju;

47.

Jitlob lill-Kummissjoni biex b’urġenza tippreżenta studju li jikkunsidra d-diverġenzi fil-mekkaniżmi differenti ta’ remunerazzjoni għall-awturi u l-artisti li jintużaw fil-livell nazzjonali, ħalli tfassal lista tal-aqwa prattiki;

48.

Jitlob li l-pożizzjoni ta’ negozjar bejn l-awturi u l-artisti fil-konfront tal-produtturi terġa’ tiġi bbilanċjata billi l-awturi u l-atturi jingħataw dritt li ma jistax jiġi ċedut għal rimunerazzjoni għall-forom kollha tal-użu ta’ xogħlijiethom, inkluża r-rimunerazzjoni kontinwata meta jkunu ttrasferew id-dritt esklussiv tagħhom 'tad-disponibbiltà' lill-produttur;

49.

Jitlob li jittieħdu miżuri li jiggarantixxu rimunerazzjoni ekwa għad-detenturi tad-drittijiet meta ssir distribuzzjoni, ritrażmissjoni jew xandir mill-ġdid ta’ xogħlijiet awdjoviżivi;

50.

Isostni li l-aqwa mezz biex lill-propjetarji tad-dritt tal-awtur ikollhom rimunerazzjoni adegwata garantita huwa permezz ta’ għażla, skont il-preferenza, bejn ftehimiet tan-negozjati kollettivi (inklużi l-kuntratti standard), liċenzji kollettivi estiżi u organizzazzjonijiet tal-ġestjoni kollettiva;

Liċenzjar

51.

Jirrimarka li l-acquis communautaire Ewropew dwar id-drittijiet tal-awtur per se ma jeskludix mekkaniżmi volontarji ta’ liċenzjar multiterritorjali jew pan-Ewropej, iżda li differenzi bejn l-Istati Membri fil-kultura u fil-lingwa, kif ukoll varjazzjonijiet fir-regoli nazzjonali, inklużi dawk li m’għandhomx x’jaqsmu mal-proprjetà intellettwali, jirrikjedu approċċ flessibbli u kumplimentari fil-livell Ewropew biex nimxu ‘l quddiem lejn suq uniku diġitali;

52.

Jirrimarka li l-mekkaniżmi ta’ liċenzjar multiterritorjali jew pan-Ewropej għandhom jibqgħu volontarji u li d-differenzi lingwistiċi u kulturali bejn l-Istati Membri, flimkien mal-varjazzjonijiet fir-regoli nazzjonali li mhumiex relatati mal-liġi tad-drittijiet tal-awtur, għandhom l-isfidi speċifiċi tagħhom; jemmen għalhekk li jeħtieġ li jiġi adottat approċċ flessibbli rigward il-liċenzjar pan-Ewropew, filwaqt li jitħarsu d-detenturi tad-drittijiet u jsir progress lejn is-suq uniku diġitali;

53.

Huwa tal-fehma li, jekk liċenzjar multiterritorjali sostenibbli jista’ jiġi inkoraġġut u promoss fis-suq uniku diġitali għax-xogħlijiet awdjoviżivi, dan għandu jiffaċilita inċentivi mmexxija mis-suq; jissottolinja li t-teknoloġiji diġitali jipprovdu modi ġodda u innovattivi kif il-provvista ta’ dawn ix-xogħlijiet tiġi adattata u arrikkita għal kull suq u biex taqdi t-talba tal-konsumaturi, inkluż għal servizzi transkonfinali mfassla apposta; jitlob li jsir sfruttament aħjar ta’ teknoloġiji diġitali, li minnu għandhom jieħdu spinta sew id-differenzjazzjoni kif ukoll it-tkattir tal-provvista leġittima tax-xogħlijiet awdjoviżivi;

54.

Jemmen li jeħtieġ li jkun hemm informazzjoni aġġornata dwar il-kundizzjonijiet tal-liċenzjar, id-detenturi tal-liċenzji u r-repertorji, u li jeħtieġ li jsiru studji komprensivi fil-livell Ewropew ħalli jiffaċilitaw it-trasparenza, jidentifikaw fejn jinsabu l-problemi u jsibu mekkaniżmi ċari, effiċjenti u adegwati biex isolvuhom;

55.

Jirrimarka li l-amministrazzjoni tad-drittijiet awdjoviżivi fl-era diġitali tista’ tkun faċilitata għall-użu kummerċjali tax-xogħlijiet jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jippromwovu, fil-każ fejn dan ikun nieqes, liċenzjar effikaċi u trasparenti, inkluż il-liċenzjar kollettiv estiż volontarju;

56.

Jinnota li jkun utli li l-ħaddiema kulturali u l-Istati Membri jinnegozjaw l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jippermettu lill-arkivji pubbliċi jibbenefikaw bis-sħiħ mit-teknoloġija diġitali għal xogħlijiet li jiffurmaw parti mill-wirt, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-aċċess għax-xogħlijiet diġitali b’mod remot fuq skala mhux kummerċjali;

57.

Jilqa’ l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni mibdija bl-pubblikazzjoni tal-Green Paper u r-rikonoxximent tagħha tal-ispeċifiċitajiet tas-settur awdjoviżiv fir-rigward ta’ mekkaniżmi ta’ liċenzjar, li huma ta’ importanza kbira għall-iżvilupp kontinwu tas-settur fil-kuntest tal-promozzjoni kemm ta' diversità kulturali kif ukoll ta’ industrija Ewropea awdjoviżiva b’saħħitha fis-suq uniku diġitali;

L-interoperabilità

58.

Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tkun ibbażata fuq sistemi effikaċi, funzjonali u interoperabbli;

VAT

59.

Jenfasizza kemm huwa importanti li tinbeda diskussjoni dwar il-kwistjoni tad-differenza bejn ir-rati tal-VAT applikabbli fl-Istati Membri u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom f’dan il-qasam;

60.

Jenfasizza li għandha titqies l-applikazzjoni ta’ rata ta’ VAT imnaqqsa għad-distribuzzjoni diġitali ta’ oġġetti u servizzi kulturali sabiex jiġtneħħew id-diskrepanzi bejn is-servizzi onlajn u dawk offlajn;

61.

Jenfasizza l-bżonn li l-istess rata ta’ VAT tiġi applikata għal xogħlijiet kulturali awdjovizivi mibjugħin onlajn u offlajn; huwa tal-fehma li l-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa ta’ VAT għal kontenut kulturali onlajn mibjugħ minn fornitur stabbilit fl-UE lil konsumatur residenti fl-UE tista’ tagħti spinta lill-attrazzjoni ta’ pjattaformi diġitali; ifakkar, f’dan ir-rigward, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Novembru 2011 dwar l-immodernizzar tal-leġiżlazzjoni tal-VAT sabiex jingħata spinta s-suq uniku diġitali (8) u tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-futur tal-VAT (9);

62.

Jitlob lill-Kummissjoni biex timplimenta qafas legali għal servizzi awdjoviżivi onlajn li mhumiex tal-UE iżda li jkunu mmirati direttament jew indirettament lejn pubbliku tal-UE, b’tali mod li jkunu soġġetti għall-istess obbligi bħas-servizzi tal-UE;

Protezzjoni u promozzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi

63.

Jiġbed l-attenzjoni fuq il-kundizzjonijiet li fihom jitwettaq ix-xogħol ta’ restawr, konservazzjoni u preżentazzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi għal finijiet kulturali u edukattivi fl-era diġitali, u jenfasizza li din il-kwistjoni jistħoqqilha kunsiderazzjoni partikolari;

64.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva u jirrakkomandalhom biex jissorveljaw kif ix-xogħlijiet Ewropej, b’mod partikolari l-films u d-dokumentarji, jiġu ppreżentati u vvalutati fid-diversi servizzi tal-midja awdjoviżiva aċċessibbli għall-pubbliku, u jenfasizza l-ħtieġa li l-awtoritajiet regolatorji jikkooperaw aktar mill-qrib mal-korpi għall-finanzjament tal-films;

65.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tfittex mekkaniżmi ħalli tinkoraġġixxi aċċess għal materjal awdjoviżiv arkivjat miżmum milll-istituzzjonijiet tal-wirt ċinematografiku Ewropew; jirrimarka li, għal raġunijiet spiss assoċjati ma’ tnaqqis fl-interess għall-konsumatur u perjodu limitat ta’ disponibbiltà, parti sostanzjali mill-materjal awdjoviżiv Ewropew mhuwiex disponibbli kummerċjalment;

66.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jippromwovu soluzzjonijiet favur id-diġitizzazzjoni, il-preservazzjoni u d-disponibilità edukattiva ta’ dawn ix-xogħlijiet, anki f’sitwazzjonijiet transkonfinali;

67.

Jinnota l-importanza tal-librerija onlajn “Europeana”, u jemmen li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet kulturali għandhom jagħtu aktar attenzjoni għal kif jistgħu jiżguraw li tkun aċċessibbli u viżibbli;

68.

Iqis li d-diġitizzazzjoni u l-preservazzjoni tar-riżorsi kulturali, kif ukoll l-aċċess imtejjeb għal dawn ir-riżorsi, joffru opportunitajiet ekonomiċi u soċjali kbar u jirrappreżentaw kundizzjoni essenzjali għall-iżvilupp futur tal-kapaċitajiet kulturali u kreattivi tal-Ewropa u għall-preżenza industrijali tagħha f’dan il-qasam; jappoġġja, għaldaqstant, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2011 dwar id-diġitizzazzjoni u l-aċċessibilità onlajn għax-xogħlijiet diġitali u l-preservazzjoni diġitali (10), kif ukoll il-proposta li jinħoloq pakkett aġġornat ta’ miżuri għal dak il-għan;

Edukazzjoni

69.

Jenfasizza l-importanza li jiġu promossi l-ħiliet diġitali u l-litteriżmu medjatiku għaċ-ċittadini kollha tal-UE, inklużi x-xjuħ u dawk b’diżabilità, bħalma huma dawk neqsin mis-smigħ, u li tiċċekken id-diverġenza diġitali fis-soċjetà, għax dawn il-ħiliet għandhom rwol essenzjali għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà u għaċ-ċittadinanza demokratika; ifakkar fir-rwol importanti li għandha l-midja tas-servizz pubbliku f’dan ir-rigward bħala parti mill-missjonijiet tagħha ta’ servizz pubbliku;

70.

Itenni r-rwol kruċjali tal-integrazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda fil-programmi edukattivi nazzjonali, u l-importanza partikolari li ċ-ċittadini kollha Ewropej, tal-etajiet kollha, jiġu edukati dwar il-midja u dwar il-litteriżmu diġitali, biex jiżviluppaw u jgawdu minn ħiliethom f’dawn l-oqsma;

71.

Jenfasizza l-ħtieġa għal kampanji Ewropej u nazzjonali ta’ edukazzjoni li jkattru l-għarfien dwar l-importanza tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, kif ukoll dwar il-mezzi legali disponibbli li permezz tagħhom ix-xogħlijiet awdjoviżivi jiġu distribwiti onlajn; jirrimarka li l-konsumaturi għandhom jiġu mgħarrfa sew dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li tista’ tqum waqt l-użu ta’ servizzi tal-iskambju ta’ fajls fil-kuntest ta’ servizzi tal-cloud computing;

72.

Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta’ komunikazzjoni intensifikata lill-pubbliku dwar l-importanza tal-ħarsien tad-drittijiet tal-awtur u l-ħtieġa relatata ta' rimunerazzjoni ġusta;

73.

Jenfasizza l-ħtieġa li jitqies li istituzzjonijiet b’finijiet edukattivi jingħataw status speċjali rigward l-aċċess onlajn għal xogħlijiet awdjoviżivi;

MEDIA 2014-2020

74.

Ifakkar li l-Programm MEDIA stabbilixxa ruħu bħala isem kummerċjali indipendenti u li huwa vitali li jitkompla programm MEDIA ambizzjuż għall-perjodu 2014-2020, fl-istess spirtu tal-programm kurrenti;

75.

Jenfasizza li huwa kruċjali MEDIA jibqa’ jeżisti bħala programm speċifiku li jiffoka esklussivament fuq is-settur awdjoviżiv;

*

* *

76.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.

(2)  ĠU L 327, 24.11.2006, p. 12.

(3)  ĠU L 323, 9.12.2005, p. 57.

(4)  ĠU L 236, 31.8.2006, p. 28.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2011)0240.

(6)  Id-Direttiva 93/83/KEE, ĠU L 248, 6.10.1993, p. 15.

(7)  ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2011)0513.

(9)  Testi adottati, P7_TA(2011)0436.

(10)  ĠU L 283, 29.10.2011, p. 39.


Top