EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012DC0474
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION Implementation of the European Electronic Toll Service
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Implimentazzjoni tas-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Implimentazzjoni tas-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku
/* COM/2012/0474 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Implimentazzjoni tas-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku /* COM/2012/0474 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Implimentazzjoni tas-Servizz Ewropew ta’
Pedaġġ Elettroniku (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) 1. Daħla Id-Direttiva 2004/52/KE għandha l-għan li
tikseb l-interoperabilità ta' sistemi elettroniċi dwar taxxi tat-toroq
fl-Unjoni Ewropea[1].
Din tipprevedi l-istabbiliment ta’ Sistema Ewropea ta’ Pedaġġ Elettroniku
(EETS), li tikkumplimenta s-servizzi nazzjonali ta’ pedaġġ elettroniku
tal-Istati Membri. Żewġ partijiet interessati ewlenin huma
kkonċernati: ·
Il-kolletturi tal-pedaġġi, li joperaw jew f’isem
l-Istat Membru jew fi ħdan il-qafas ta’ kuntratt ta’ konċessjoni mal-Istat
Membru, li jimmaniġġjaw l-infrastruttura u jiġbru l-pedaġġi għaċ-ċirkolazzjoni
tal-vetturi fuq in-netwerk immaniġġjat minnhom. ·
Il-fornituri ta’ Sistema Ewropea ta’ Pedaġġ
Elettroniku (EETS), li jipprovdu lis-sewwieqa jew lit-trasportaturi stradali
bit-tagħmir u s-servizzi meħtieġa biex ikollhom aċċess għall-infrastrutturi
soġġetti għal pedaġġ fl-UE u li jiżguraw il-ħlas lill-kolletturi tal-pedaġġi
ta’ imposti dovuti għall-użu tan-netwerk tagħhom. L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva jipprevedi
li l-Istati Membri li jkollhom sistemi ta’ pedaġġ stradali elettroniku jiżguraw
li l-operaturi joffru s-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku lill-vetturi
għall-ġarr ta' merkanzija tqila mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul
fis-seħħ tad-deċiżjoni li tiddefinixxi l-EETS u lill-kategoriji l-oħra kollha
ta’ vetturi mhux aktar tard minn ħames snin wara. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/750/KE
li tiddefinixxi s-Servizz Elettroniku Ewropew tan-Nollijiet daħlet fis-seħħ
fit-8 ta’ Ottubru 2009[2]
malli ġiet innotifikata lill-Istati Membri. Din id-deċiżjoni ta’
implimentazzjoni tistabbilixxi r-rekwiżiti essenzjali ta’ dan is-servizz validu
fl-UE kollha u tistabbilixxi l-istandards obbligatorji, l-ispeċifikazzjonijiet
tekniċi u r-regoli operazzjonali. L-obbligi essenzjali jinkludu dan li ġej: (1)
L-Istati Membri jridu jżommu reġistri elettroniċi
nazzjonali tan-netwerks soġġetti għal pedaġġ, tal-kolletturi tal-pedaġġi u
tal-fornituri tas-servizzi ta’ pedaġġ li qiesu bħala eliġibbli
għar-reġistrazzjoni, u jagħmluhom elettronikament aċċessibbli għall-pubbliku.
Għandhom jistabbilixxu wkoll Korp ta’ Konċiljazzjoni inkarigat li jiffaċilita
n-negozjati kuntrattwali bejn il-kolletturi tal-pedaġġi u l-fornituri tal-EETS.
(2)
Il-kolletturi tal-pedaġġi għandhom jistabbilixxu
s-sistemi tagħhom ta’ pedaġġi stradali elettroniċi f’konformità mal-istandards
tekniċi msemmija fil-leġiżlazzjoni u l-kundizzjonijiet kontraenti tagħhom
jagħmluhom pubbliċi; għandhom jaċċettaw kwalunkwe fornitur tal-EETS irreġistrat
fuq bażi nondiskriminatorja. (3)
Il-fornituri tal-EETS iridu jkunu rreġistrati fi
Stat Membru fejn huma stabbiliti. Għandhom jilħqu kopertura Ewropea sħiħa
tal-infrastrutturi tat-toroq kollha soġġetti għal pedaġġ elettroniku fi żmien
24 xahar mir-reġistrazzjoni tagħhom. Il-fornituri tal-EETS huma
f’kompetizzjoni ma’ xulxin: kull utent tat-toroq huwa liberu li jagħmel
kuntratt mal-fornitur tal-għażla tiegħu/tagħha. L-Artikolu 21
tad-Deċiżjoni 2009/750/KE jesiġi li l-Kummissjoni tfassal rapport dwar
l-istat ta’ avvanz tal-implimentazzjoni tal-EETS. Din il-komunikazzjoni, wara
li tpoġġi l-EETS fil-kuntest usa’ tal-politika Ewropea tat-trasport,
tippreżenta l-progress milħuq fl-implimentazzjoni tagħha u tagħti l-valutazzjoni
tal-Kummissjoni fir-rigward tal-passi li jmiss jittieħdu biex l-EETS issir
operazzjonali. 2. Kuntest tal-Politika Ewropea
tat-Trasport Għat-tkabbir ekonomiku u l-prosperità huwa
meħtieġ suq intern effiċjenti, li jippermetti l-mobbiltà mingħajr xkiel, veloċi
u sikura tal-oġġetti u l-persuni madwar l-Unjoni. Dan jesiġi infrastrutturi li
jkunu żviluppati tajjeb u li ssirilhom manutenzjoni tajba kif ukoll
infrastrutturi li jkunu mmaniġġjati b’mod effiċjenti. Sabiex jiġu ffaċilitati l-finanzjament u
l-immaniġġjar tal-infrastrutturi tat-toroq, il-Politika Ewropea tat-Trasport
kostantement ippromwoviet il-prinċipji ta' "min juża jħallas" u “min
iniġġes iħallas". Il-pedaġġi, jiġifieri l-iċċarġjar għall-użu stradali
abbażi tad-distanza perkorsa, it-tip ta’ vetturi (eż. skont il-prestazzjoni
ambjentali tagħhom u l-impatt fuq ix-xedd u l-kedd) u/jew anke l-ħin (eż.
il-mument fil-ġurnata) jikkostitwixxu mod ġust u effiċjenti biex jiġu
implimentati dawn il-prinċipji. Dawn joffru mod ibbilanċjat ta’ ħlas għall-mobbiltà
u jittrażmettu s-sinjali tajbin ta’ prezzijiet lill-utenti tat-toroq. Fi kliem
ieħor jistgħu jżidu d-dħul meħtieġ biex l-infrastruttura ssirilha manutenzjoni
u tiġi żviluppata, jimmaniġġjaw id-domanda tat-trasport (eż. inaqqsu l-ħinijiet
l-aktar traffikużi jew l-ammont ta’ traffiku jew jinfluwenzaw l-għażliet
tat-trasport) jew jinkoraġġixxu li wieħed jirrikorri għal vetturi li jniġġsu
anqas. Il-pedaġġi qed jintużaw dejjem iżjed. Tnejn u
għoxrin Stat Membru jimponu ħlasijiet għall-użu stradali fuq vetturi għall-ġarr
ta' merkanzija tqila f’ċerti partijiet tan-netwerk tagħhom u tnax-il Stat
Membru fuq vetturi privati ħfief. It-toroq fl-UE soġġetti għal ħlas
jirrappreżentaw tul totali ta’ madwar 72 000 kilometru li minnhom
60 % huma mgħammra b’sistemi ta’ pedaġġ elettroniku u 40 % huma
koperti b’sistemi ta’ vinjetti. Bħalissa aktar minn 20 miljun utent
tat-toroq, sewwieqa jew trasportaturi stradali, huma abbonati ma' sistemi ta'
pedaġġ stradali elettroniku. L-iżgurar tal-interoperabbiltà sħiħa Ewropea
tat-teknoloġiji ta’ pedaġġ stradali elettroniku se joħloq ekonomiji ta’ skala u
se jnaqqas il-kostijiet tat-tagħmir tal-ġbir tal-pedaġġi. Is-Servizz Ewropew
ta' Pedaġġ Elettroniku se jħaffef il-pagament ta’ ħlasijiet għall-użu stradali
minn utenti transfruntieri, inklużi l-utenti okkażjonali[3]. L-utenti jkunu aktar lesti
jaċċettaw li jħallsu għall-użu stradali jekk il-mezzi ta' ħlas ikunu
interoperabbli fil-livell Ewropew. Fl-2011, il-Kummissjoni fil-White Paper tagħha
"Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport” iddeskriviet
miżuri possibbli biex jiġu aċċellerati l-iżvilupp u l-armonizzazzjoni
tal-iċċarġjar għall-użu stradali. Hija enfasizzat li s-Servizz Ewropew ta'
Pedaġġ Elettroniku jista' jkun strumentali fil-promozzjoni ta' strateġiji ta'
ċċarġjar stradali li jikkontribwixxu għal sistema tat-trasport sostenibbli u
jiffaċilitaw l-aċċettazzjoni mill-utenti tal-iċċarġjar stradali. Bl-istess mod fl-okkażjoni tal-emenda reċenti
tad-Direttiva “Eurovignette” dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta'
merkanzija tqila[4],
il-Parlament Ewropew u l-Kunsill talbu lill-Kummissjoni biex “timmonitorja
l-progress miksub [fil-qafas tad-Direttiva] biex jiġi implimentat sad-dati
miftiehma Servizz Elettroniku Ewropew tat-Taxxi tat-Toroq ġenwin” u
“tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri li tista’ tkun meħtieġa
sabiex tiġi żgurata l-interoperabilità tas-sistemi ta’ kollezzjoni elettronika
tat-tariffi f’livell Ewropew.” B'mod partikolari, “fejn Stat Membru jiġbor
il-ħlasijiet għall-użu stradali jew il-ħlasijiet fuq l-utent esklussivament
permezz ta’ sistema li teħtieġ l-użu ta’ unità abbord il-vettura, dan għandu
jiżgura li l-utenti kollha jkunu jistgħu jiksbu unitajiet adatti li jintużaw
abbord u li jkunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/52/KE [...] skont
arranġamenti amministrattivi u ekonomiċi raġonevoli”[5]. 3. Il-progress miksub Il-progress miksub fl-avvanz
tal-implimentazzjoni tal-EETS huwa diżappuntanti. Minkejja l-adozzjoni
tad-Deċiżjoni 2009/750/KE li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet u
r-rekwiżiti tekniċi meħtieġa kif ukoll ir-regoli kuntrattwali relatati
mal-provvediment tal-EETS, l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea[6] u l-maturità tat-teknoloġiji
ta’ pedaġġ, is-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku għadu mhuwiex realtà
fil-ħajja ta’ kuljum tal-utenti tat-toroq. L-Istati Membri u l-partijiet
interessati mhux kollha wrew l-impenn sħiħ meħtieġ biex jiġi ffinalizzat
il-kuntest regolatorju u operazzjonali tas-servizz fil-livell tagħhom.
Sal-2009, il-maġġoranza tal-Istati Membri li introduċew sistemi nazzjonali jew
lokali ta’ pedaġġ elettroniku għamlu dan mingħajr l-attenzjoni dovuta
għad-dimensjoni Ewropea futura ta’ dan is-servizz bl-għan li jirrispettaw
l-iskeda stabbilita fid-Direttiva. Dan in-nuqqas li l-EETS tiġi implimentata u
ssir fi żmien l-iskeda prevista mhuwiex dovut għal raġunijiet tekniċi.
L-implimentazzjoni ta’ interoperabbiltà pan-Ewropea tas-sistemi ta' pedaġġ
stradali mhijiex iktar kumplikata teknikament mill-implimentazzjoni ta' roaming
pan-Ewropew tat-telefowns mobbli jew tal-interoperabbiltà dinjija tal-karti ta'
kreditu. Uħud mill-partijiet interessati ressqu għadd
ta’ spjegazzjonijiet possibbli għad-dewmien imsemmi hawn fuq iżda l-biċċa
l-kbira ma għadhomx iġġustifikati jew huma relatati ma’ problemi li għalihom
jeżistu soluzzjonijiet. –
Ġie ssuġġerit li waħda mill-problemi tkun li
l-leġiżlazzjoni Ewropea tiddefinixxi biss qafas għall-EETS. Dan l-argument
mhuwiex totalment validu peress li l-leġiżlazzjoni tistabbilixxi sett ċar
tar-regoli u l-obbligi meħtieġa. F’konformità mal-politika tagħha li żżomm
is-swieq tas-servizzi miftuħa għall-kompetizzjoni fejn possibbli, id-Deċiżjoni
tal-Kummissjoni tħalli l-prestazzjoni tas-servizz dipendenti fuq
id-deċiżjonijiet tas-suq, essenzjalment l-emerġenza tal-Fornituri tal-EETS. –
Ġie ssuġġerit ukoll li l-EETS mhuwiex interessanti
mil-lat kummerċjali. Madankollu, ikun prematur li wieħed jilħaq ċerti
konklużjonijiet u mhemmx dubju li d-domanda teżisti: ·
Attwalment 25 % tat-trasport stradali
tal-merkanzija huwa transfruntier, u ċ-ċifra mistennija titla’ għal 30 %
sal-2030. L-interess tal-EETS għall-fornituri tas-servizz għalhekk se jsir
dejjem iktar qawwi. Barra minn hekk, assoċjazzjonijiet professjonali
tat-trasportaturi, fil-livelli nazzjonali u Ewropej, ripetutament esprimew
id-domanda qawwija tagħhom għal sistema pan-Ewropea ta’ pedaġġ elettroniku
interoperabbli, u dan b’mod ċar huwa talba għal EETS. ·
Madwar għaxar organizzazzjonijiet esprimew b’mod
ċar l-intenzjoni tagħhom li jirreġistraw bħala fornituri tal-EETS u reċentement
stabbilixxew assoċjazzjoni professjonali Ewropea[7] (AETIS).
Għalkemm s'issa, l-ebda fornitur EETS ma ġie rreġistrat uffiċjalment, skont
l-informazzjoni li waslet, tal-anqas Fornitur wieħed prospettiv tal-EETS
ikkuntattja l-awtoritajiet nazzjonali tiegħu biex jirreġistra iżda t-talba
tiegħu ġiet irrifjutata minħabba li l-qafas legali u amministrattiv ma kienx
lest. ·
L-iżvilupp jew l-estensjoni li jinsabu għaddejjin
bħalissa tal-iskemi ta’ ċċarġjar stradali fl-UE se joħolqu opportunitajiet
tas-suq ġodda għall-fornituri tal-EETS. Erba’ Stati Membri[8] ppjanaw li fit-tliet snin li
ġejjin jimplimentaw skema ta’ pedaġġi fil-livell nazzjonali u l-estensjoni
tal-arranġamenti eżistenti ta’ pedaġġi diġà nbdiet f’diversi Stati Membri.
F’dan ir-rigward, il-White Paper dwar Żona Unika Ewropea tat-Trasport
tistabbilixxi għadd ta’ azzjonijiet li se jippromwovu aktar l-implimentazzjoni
tal-iċċarġjar għall-użu stradali[9].
–
L-introduzzjoni tal-EETS tkun imfixkla wkoll
miċ-ċikli tal-ħajja twal tas-sistemi nazzjonali eżistenti li l-adattament tagħhom
għall-EETS qabel ma jitwaqqaf l-użu tagħhom huwa kost addizzjonali. Madankollu
dan l-argument jidher li ma għadux aktar validu. Il-biċċa l-kbira tas-sistemi
implimemtati ilhom minn nofs is-snin disgħin u qed joqorbu tmiem l-użu tagħhom
mil-lat teknoloġiku. Barra minn hekk, il-leġiżlatur meta adotta
d-Direttiva 2004/52/KE kien ċarament tal-opinjoni li l-investimenti
meħtieġa għall-migrazzjoni lejn sistemi kompletament interoperabbli kellhom
isiru, minkejja li tħalliet ċerta flessibbiltà fir-rigward tal-qsim tal-piż
bejn il-partijiet interessati tan-nefqiet neċessarji biex jiffinanzjaw
l-investimenti meħtieġa. Pereżempu kostijiet jew parti mill-kostijiet
tal-investimenti jistgħu jiġu ffinanzjati bl-introduzzjoni ta’ rati ġodda ta’
pedaġġi. Fi kliem ieħor l-utenti tat-toroq kollha soġġetti għal pedaġġ, u mhux
biss l-utenti tal-EETS, jistgħu jipparteċipaw finanzjarjament f’dawn
l-investimenti peress li l-kostijiet relatati mal-EETS jistgħu jikkwalifikaw
bħala kostijiet permissibbli tal-infrastruttura li jistgħu jiġu ċċarġjati skont
id-Direttiva 1999/62/KE (Id-Direttiva “Eurovignette”). Minkejja
d-dewmien, xorta waħda twettqu għadd ta' żviluppi: –
L-Istati Membri stabbilixxew ir-reġistru
elettroniku nazzjonali tagħhom li jelenka l-infrastrutturi tat-toroq soġġetti
għal pedaġġi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/52/KE
fi ħdan it-territorju tagħhom. Il-kolletturi tal-pedaġġi ppubblikaw
id-dikjarazzjonijiet tagħhom tas-settur tal-EETS li stabbilixxew
il-kundizzjonijiet ġenerali għall-prestazzjoni tal-EETS fl-infrastrutturi
tagħhom u jikkostitwixxu l-bażi għar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-kolletturi
tal-pedaġġi u l-fornituri tal-EETS. –
Għadd ta’ awtoritajiet nazzjonali responsabbli
għall-ġbir ta’ imposti stradali elettroniċi stabbilixxew grupp informali,
l-hekk imsejjaħ il-Grupp ta’ Stokkolma[10], u fi
ħdan dan il-grupp jikkooperaw b’mod attiv bl-għan li jimplimentaw is-Servizz
Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku u l-iskambju tal-aqwa prattiki. Dan il-grupp
jikkoopera wkoll mal-AETIS7. –
L-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandards kisbu
b’mod deċiżiv progress fl-oqsma tal-Ġbir tal-Imposti Elettroniċi u
l-istandardizzazzjoni tal-EETS, anke għal sistemi ta’ pedaġġi bis-satellita.
Ġew adottati proċeduri ta’ ttestjar għal tagħmir mobbli u fiss[11] kif ukoll standard importanti[12] marbut mal-iskambju
tal-informazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi u l-kolletturi tal-pedaġġi
f’sistemi ta’ pedaġġi bis-satellita, inkluż l-infurzar. –
Fl-2010, il-Kummissjoni ppubblikat gwida bl-isem
ta’ “Guide for the application of Directive 2004/52/EC of the European
Parliament and of the Council and of Commission Decision 2009/750/EC”[13] bħala manwal ta’ referenza għal partijiet
interessati professjonali kkonċernati direttament jew indirettament
bl-implimentazzjoni tas-Servizz Ewropew ta’ Pedaġġ Elettroniku. –
Il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-partijiet
interessati kollha involuti, attwalment qed tħejji Nota ta’ Gwida dwar
l-interpretazzjoni tal-kunċetti msemmija fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2009/750/KE.
Din in-nota, li se tiġi ppubblikata dalwaqt, tipprovdi gwida dwar kif il-korpi
ta’ konċiljazzjoni għandhom jiżguraw li l-kundizzjonijiet kuntrattwali
għall-aċċess għan-netwerk tal-kolletturi tal-pedaġġi jibqgħu ġusti, raġonevoli
u nondiskriminatorji. Tiċċara wkoll il-mudelli possibbli għall-kondiviżjoni
tal-ħlasijiet u r-rimunerazzjonijiet bejn il-partijiet interessati
professjonali. Fl-aħħar nett tindirizza kwistjonijiet marbuta
mal-implimentazzjoni tal-EETS, bħall-kostijiet għall-valutazzjoni
tal-interoperabbiltà u t-twettiq ta’ testijiet li jiddeterminaw l-“adegwatezza
għall-użu”. –
Ġie stabbilit Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-korpi
intitolat jiċċertifika l-“konformità mal-ispeċifikazzjonijiet" jew
l-“adegwatezza għall-użu” skont l-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni 2009/750/KE.
Dan il-Grupp se jiżviluppa dokumenti ta’ gwida li għandhom jitressqu
għall-approvazzjoni quddiem il-Kumitat tal-Pedaġġi li se jistabbilixxi sett ta'
proċeduri komuni għat-twettiq tat-testijiet li jiddeterminaw l-"adegwatezza
għall-użu". Erbatax-il korp ta’ ċertifikazzjoni minn sitt Stati Membri
huma interessati li jiġu nnotifikati formalment lill-Kummissjoni. –
Il-partijiet interessati professjonali qed isiru
dejjem aktar konxji dwar id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom[14]. Huma jaqblu b’mod ġenerali li
nkiseb momentum biex l-EETS tiġi implimentata u ħafna mill-elementi essenzjali
għall-EETS diġà ġew stabbiliti. Il-manifatturi qegħdin dejjem aktar
jikkuntattjaw lis-servizzi tal-Kummissjoni għal informazzjoni addizzjonali jew
għal kjarifiki. Inbdew negozjati kuntrattwali bejn fornituri potenzjali
tal-EETS u l-kolletturi tal-pedaġġi. –
Biex tinkiseb l-esperjenza fl-interoperabilità
teknika kif ukoll f’dik kuntrattwali, uħud mill-kolletturi tal-pedaġġi
stabbilixxew impriżi konġunti li lill-klijenti joffrulhom unitajiet installati
abbord il-vetturi tagħhom li jistgħu jintużaw fin-netwerks kollha li huma jkunu
responsabbli għalihom ("EasyGo+", servizz kuntrattwali ta’
interoperabilità li bħalissa jinsab implimentat, u jikkombina t-teknoloġiji
DSRC varji użati fid-Danimarka, l-Isvezja, in-Norveġja u l-Awstrija u
"TOLL2GO", servizz tekniku ta’ interoperabilità li diġà qed jopera, u
jiżgura l-interoperabilità DSRC/satellita bejn l-Awstrija u l-Ġermanja).
Kolletturi oħra tal-pedaġġi għamlu saħansitra aktar minn hekk: intlaħaq ftehim
kemm dwar l-interoperabilità teknika kemm dik kuntrattwali bejn it-TIS-PL u
l-VIA-T, li tippermetti lill-fornituri tas-servizzi reġjonali joffru servizzi
ta’ pedaġġ elettroniku li jkopri setturi ta’ pedaġġi fi Spanja u Franza. Madankollu, għad hemm għadd ta’
problemi: –
L-implimentazzjoni tal-EETS għadha qed tiġi mfixkla
minn nuqqas ta’ kooperazzjoni bejn il-gruppi ta’ partijiet interessati
differenti, li l-biċċa l-kbira minnhom urew impenn minimu biex jissolvew
il-problemi ta’ interess komuni. L-isforzi tal-Istati Membri s’issa ġew
illimitati għal-livell tal-interoperabilità nazzjonali separata, li issa hija
operazzjonali fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi b’sistemi elettroniċi ta’ pedaġġ.
Bidla radikali hija meħtieġa fir-rigward tal-interoperabilità pan-Ewropea għal
prestazzjoni f’waqtha tal-EETS b’kundizzjonijiet ta’ aċċess li jkunu ġusti,
raġonevoli u nondiskriminatorji. –
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għad iridu
jikkompletaw il-qafas nazzjonali sabiex fornituri potenzjali tal-EETS ikunu
jafu fil-prattika kif għandhom jirreġistraw u fejn jistgħu jilmentaw f'każ ta'
mġiba li xxekkel min-naħa tal-kolletturi tal-pedaġġi. S’issa, żewġ Stati Membri
biss li għandhom sistemi ta’ pedaġġ elettroniku stradali stabbilixxew Korp ta’
Konċiljazzjoni fejn jistgħu jiġu indirizzati lmenti ta’ dan it-tip[15]. Id-diskussjonijiet għadhom
għaddejjin fl-Istati Membri l-oħra kollha bl-għan li l-qafas ġuridiku u
regolatorju korrispondenti jiġi ffinalizzat qabel Ottubru 2012. –
Uħud mill-kolletturi tal-pedaġġi qed jipproponu
klawżola kuntrattwali li awtomatikament ittemm il-kuntratt jekk il-fornitur
tal-EETS ma jkunx laħaq kopertura Ewropea sħiħa fi żmien 24 xahar[16]. Klawżola bħal din toħloq
riskju konsiderevoli għall-operat u tiskoraġġixxi fornituri potenzjali
tal-EETS. Din ma kinitx l-intenzjoni tal-leġiżlatur, l-intenzjoni tiegħu kienet
li jevita li fornitur tal-EETS jikkonċentra biss fuq is-swieq li l-aktar iħallu
qligħ u idewwem wisq il-kopertura tiegħu tal-oħrajn. It-telf tal-istatus ta’
fornitur tal-EETS jiddependi mill-awtoritajiet pubbliċi u għandu jiġi deċiż
biss jekk ma jkun hemm l-ebda intenzjoni ġenwina min-naħa tal-organizzazzjoni
kkonċernata biex tilħaq kopertura Ewropea sħiħa. –
Il-kostijiet aggregati għall-valutazzjoni
tal-interoperabilità u t-twettiq ta’ testijiet li jiddeterminaw “l-adegwatezza
għall-użu” li ċerti kolletturi tal-pedaġġi jesiġu mingħand fornitur tal-EETS
jistgħu jikkostitwixxu ostaklu biex wieħed jibda jopera. Iżda kif diġà ġie
spjegat qabel, partijiet interessati professjonali għandhom jużaw l-għażliet
offruti fil-leġiżlazzjoni tal-Eurovignette biex jimmitigaw ir-riskji
finanzjarji possibbli tal-kolletturi tal-pedaġġi u tal-fornituri tal-EETS. –
Jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jiġu emendati għadd
ta’ kuntratti ta’ konċessjoni attivi. Pereżempju, il-kolletturi tal-pedaġġi
jistgħu jkunu meħtieġa jaġġustaw ir-rati tal-pedaġġi biex ikunu jistgħu
jiffinanzjaw l-investimenti meħtieġa li jridu jagħmlu biex jadattaw
l-infrastruttura tagħhom. Fil-każ tal-pedaġġi stradali, il-kuntratti ta’
konċessjoni għall-impożizzjoni tal-pedaġġi huma bejn il-kollettur tal-pedaġġ u
l-Istat Membru jew aġenzija li taħdem taħt il-kontroll dirett tal-awtoritajiet
pubbliċi. Għalhekk, ir-responsabbiltà biex l-implimentazzjoni tal-EETS issir
possibbli fit-territorju tagħhom hija primarjament tal-Istat Membru kkonċernat
li jista’ jemenda l-kuntratti konċessjoni eżistenti jekk dan ikun meħtieġ. 4. Il-Passi li jmiss Sabiex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni
f’waqtha tal-EETS mill-Istati Membri u l-industrija u titħeġġeġ
il-kooperazzjoni meħtieġa kif mitluba mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, huma
meħtieġa l-azzjonijiet li ġejjin: (1)
Tiġi aċċellerata implimentazzjoni uniformi
tad-deċiżjoni –
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jintensifikaw
il-ħidmiet tal-Kumitat tal-Pedaġġi stabbilit bid-Direttiva 2004/52/KE.
L-Istati Membri għandhom jissodisfaw l-obbligi tagħhom, filwaqt li jqisuhom
bħala kwistjoni urġenti, previsti bid-Deċiżjoni 2009/750/KE fir-rigward,
b’mod partikolari, tal-ħatra tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni nazzjonali tagħhom
(l-Artikolu 10). Il-Kummissjoni se tniedi proċeduri ta' ksur fejn xieraq. –
Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni
tal-EETS mill-Istati Membri anke fid-dawl tan-Nota ta’ Gwida tagħha dwar
l-interpretazzjoni tal-kunċetti msemmija fl-Anness I
tad-Deċiżjoni 2009/750/KE. L-Istati Membri u l-korpi ta’ konċiljazzjoni
għandhom jużaw in-nota fil-kuntatti tagħhom mal-kolletturi tal-pedaġġi u
fornituri potenzjali tal-EETS. Dawn tal-aħħar għandhom jużawha wkoll
fin-negozjati kuntrattwali tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se toħloq
netwerk Ewropew ta’ Korpi ta’ Konċiljazzjoni nazzjonali li jikkontribwixxu biex
fil-livell tal-UE jiżguraw kundizzjonijiet indaqs għall-partijiet interessati
professjonali tal-EETS. –
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkunux
permessi klawżoli kuntrattwali li jtemmu awtomatikament il-kuntratt jekk
fornitur tal-EETS ma jilħaqx kopertura Ewropea sħiħa fi żmien 24 xahar.
Klawżoli bħal dawn imorru kontra l-effett utli maħsub
tad-Deċiżjoni 2009/750/KE. Jekk prassi ta' dan it-tip titkompla,
il-Kummissjoni se tniedi proċeduri ta’ ksur. –
Il-Kummissjoni se tieħu l-inizjattiva billi tuża
l-istruttura stabbilita bil-leġiżlazzjoni attwali dwar l-EETS biex tiżviluppa
sett uniformi ta’ protokolli għal testijiet li jiddeterminaw l-“adegwatezza
għall-użu”, inkluż dwar l-aspetti tas-sikurezza, sabiex tiġi limitata
d-diskrepanza ta’ dawn il-protokolli bejn il-kolletturi tal-pedaġġi, u
konsegwentement dan jirriżulta fit-tnaqqis tal-kostijiet iċċarġjati
lill-fornituri tal-EETS. –
Il-Kummissjoni se tistabbilixxi mal-partijiet
interessati pjattaforma komprensiva ta’ riżorsi għall-kondiviżjoni
tal-informazzjoni, li tipprovdi informazzjoni aġġornata dwar l-EETS permezz ta'
punt uniku ta’ aċċess fuq l-Internet. Din il-pjattaforma se tikkontribwixxi
wkoll għall-iskambju tal-aqwa prassi u għat-tixrid ta’ informazzjoni aġġornata
dwar l-EETS fost il-partijiet interessati professjonali. (2)
Approċċ progressiv Bħala l-ewwel pass lejn interoperabilità
Ewropea sħiħa, l-Istati Membri b’volum sinifikanti ta’ traffiku fuq in-netwerk
trans-Ewropew għandhom jinkoraġġixxu l-interoperabilità transfruntiera
tas-sistemi tagħhom ta’ pedaġġ elettroniku stradali. Dan/dawn il-proġett(i) ta’
implimentazzjoni bikrija, fuq bażi reġjonali, se jiġu promossi b’tali mod li
jkunu jistgħu jiġu estiżi biex ikopru l-infrastrutturi tat-toroq kollha
soġġetti għal pedaġġi fl-UE mill-aktar fis fi stadju ulterjuri u jkunu jistgħu
jipprovdu esperjenzi konkreti biex jiġu solvuti kwistjonijiet prattiċi marbuta
mal-EETS. L-involviment ta’ grupp wiesa’ biżżejjed
ta’ kolletturi ta’ pedaġġi u ta’ Stati Membri jrid jingħata attenzjoni xierqa
biex jiġi żgurat li dawn il-proġetti jkunu jistgħu jiġi estiżi fl-Unjoni
kollha. L-għarfien miksub fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti reġjonali li
jkunu konformi b’mod sħiħ mal-prinċipju ta’ kuntratt uniku/unità unika abbord
għandu jiġi kondiviż b’mod effikaċi bejn il-partijiet interessati kollha. Il-Kummissjoni lesta tipprovdi
assistenza teknika lil inizjattivi reġjonali bħal dawn u lesta teżamina
l-provvediment ta’ appoġġ finanzjarju possibbli lil proġetti reġjonali fuq
skala kbira fil-kuntest tal-programm TEN-T. Is-sistemi ta’ pedaġġ elettroniku
huma komponent integrali tan-netwerk trans-Ewropew (l-Artikolu 9(3)
tad-Deċiżjoni 661/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-7 ta’ Lulju 2010 fuq linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp
tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew[17]
u għalhekk huma eliġibbli għal appoġġ finanzjarju mill-UE. Il-Kummissjoni se
tqis li fil-programm ta’ ħidma li jmiss tat-TEN-T tinkludi taqsima dwar l-EETS
u proġetti reġjonali bħal dawn. Sejħa għall-offerti tista’ tiġi ppubblikata
sal-aħħar tas-sena. Dan jiddependi mill-istat ta’ adozzjoni tal-programm ta’
ħidma. (3)
Monitoraġġ mill-qrib tal-iżvilupp u t-teħid
ta’ inizjattivi ġodda jekk ikunu meħtieġa Meta l-Istati Membri jibdew proġetti
ġodda jew iġeddu konċessjonijiet huma għandhom jikkontrollaw u jiżguraw
il-konformita mar-rekwiżiti tal-EETS. Meta tadotta l-opinjoni tagħha dwar
arranġamenti ġodda rigward pedaġġi li jiġu nnotifikati fil-qafas
tal-Artikolu 7h tad-Direttiva 1999/62/KE (Eurovignette),
il-Kummissjoni se tippubblika opinjoni negattiva jekk dawn ma jinkludux sistema
kompletament kompatibbli mal-EETS. Jekk tilwim bejn il-kolletturi
tal-pedaġġi u l-fornituri tal-EETS ma jkunux jistgħu jissolvew mill-Korp ta’
Konċiljazzjoni, il-Kummissjoni se teżamina l-kawżi tat-tilwim u jekk
l-arranġamenti bejn il-kolletturi tal-pedaġġi u l-fornituri lokali/nazzjonali
eżistenti tagħhom humiex diskriminatorji meta mqabbla ma’ dawk proposti
lill-fornituri tal-EETS. Fl-aħħar nett, wieħed jista’ jinnota li
l-White Paper dwar it-trasport indikat li jekk, minkejja dawn l-isforzi kollha,
il-valutazzjoni tagħha turi li ma ntlaħaq l-ebda progress sostanzjali sa nofs
l-2013, u ma jkunx hemm disponibbli servizz ta’ pedaġġ elettroniku
interoperabbli fuq skala sostanzjali, il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li
tippreżenta inizjattiva ġdida lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni terġa' tafferma l-impenn tagħha
li tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiffaċilita l-istabbiliment ta’
interoperabilità teknika u operazzjonali sħiħa tas-sistemi Ewropej ta’ pedaġġ
elettroniku stradali. Flimkien mal-partijiet interessati, se tirdoppja
l-isforzi tagħha biex tikseb id-disponibbiltà ta’ servizz ġenwin ta’ pedaġġ
elettroniku fil-livell Ewropew[18]
lill-utenti tat-toroq kollha interessati. L-industrija Ewropea attwalment hija minn ta’
quddiem globalment għal dak li għandu x’jaqsam ma’ ċċarġjar stradali u tagħmir
tal-pedaġġi. Il-kumpaniji Ewropej kostantament jirbħu kuntratti ta’ pedaġġi
madwar id-dinja[19].
L-EETS tista’ tiffaċilita l-introduzzjoni ta’ tnedija fuq skala globali ta’
prodotti ġodda bħal unitajiet abbord li jkunu interoperabbli, u li jikkombinaw
it-takografija diġitali u l-pedaġġi ma' applikazzjonijiet oħra intelliġenti
għas-sistemi tat-trasport. Dan min-naħa l-oħra jista’ jagħti lok għal servizzi
u applikazzjonijiet kompletament ġodda, għal darb’oħra b’suq potenzjalment
globali, li jikkontribwixxi għall-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi fl-ekonomija
Ewropea. [1] ĠU L 166, 30.4.2004, p. 124. [2] ĠU L 268, 13.10.2009, p. 11. [3] L-iskemi attwali ta’ ċċarġjar għall-użu stradali jridu
jimplimentaw soluzzjonijiet kumplikati u li jiswew ħafna biex jittrattaw utenti
okkażjonali, li ta' spiss ma jiġux trattati b'mod li jkun fuq l-istess livell
ta’ dak li jiġu ttrattati bih l-utenti regolari. [4] Id-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila
għall-użu ta' ċerti infrastrutturi, ĠU L 187, 20.7.1999, p. 42-50. [5] Il-Premessa 31 u
l-Artikolu 7j imdaħħla bid-Direttiva 2011/76/UE.
[6] Pereżempju studji estensivi minn
Gruppi ta’ Esperti u l-proġetti CESARE. [7] AETIS: Assoċjazzjoni tas-Servizzi ta' Pedaġġ Elettroniku Interoperabbli
stabbilita fit-22 ta' Diċembru 2011. [8] FR, BE, HU u DK. [9] L-għan nru 10: Nersqu lejn l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipji
ta' "min juża jħallas" u "min iniġġes iħallas" …biex jiġi
ġġenerat dħul u jiġi żgurat il-finanzjament għal investimenti futuri
fit-trasport. Paġna 15: L-esternalitajiet (storbju, tniġġis…) jistgħu jiġu internalizzati
permezz ta’ imposti fuq l-użu tal-infrastruttura: 1 Il-proposta biex tiġi emendata l-Eurovignette, 2 Azzjoni
ulterjuri ser teżamina l-introduzzjoni gradwali ta’ sistema armonizzata
mandatorja ta’ internalizzazzjoni għall-vetturi kummerċjali fuq in-netwerk
interurban sħiħ… Azzjoni #32: Qafas tal-UE għat-tariffazzjoni tal-utent tat-toroq urbani. Azzjoni #39: Ipprezzar intelliġenti u tassazzjoni / L-evalwazzjoni tal-iskemi
eżistenti ta’ tariffazzjoni tal-karozzi fit-toroq.../ Il-proċediment
bl-internalizzazzjoni tal-kost estern... [10] Il-membri tal-Grupp ta’ Stokkolma huma ministeri jew
awtoritajiet nazzjonali mill-Awstrija, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza,
il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, is-Slovenja, l-Isvezja,
ir-Renju Unit, l-Ungerija kif ukoll l-Isvizzera u n-Norveġja. [11] L-istandards CEN EN 15509, EN 15876, CEN/ISO EN 14906, TS
14907 u TS 25110. [12] L-istandard CEN/ISO EN 12855. [13] http://ec.europa.eu/transport/publications/doc/2011-eets-european-electronic-toll-service_en.pdf [14] Il-partijiet interessati professjonali ġew ikkonsultati
fl-2011 permezz ta’ stħarriġ fil-forma ta’ kwestjonarju u konferenza. [15] L-għan ewlieni tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni huwa li
jivverifika, fuq talba, li l-Fornituri kollha tal-EETS jingħataw
kundizzjonijiet kuntrattwali ġusti u nondiskriminatorji fi kwalunkwe settur ta’
pedaġġi tal-EETS fit-territorji tal-Istati Membri, i.e. li l-kundizzjonijiet
kuntrattwali li jesiġu l-kolletturi tal-pedaġġi minn Fornituri differenti
tal-EETS ikunu riflessjoni nondiskriminatorja u ġusta tal-kostijiet u r-riskji
tal-partijiet għall-kuntratt. [16] L-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2009/750/KE dwar
id-drittijiet u l-obbligi tal-fornituri tal-EETS għandu jkopri s-setturi kollha
tal-EETS fil-Komunità fi żmien 24 xahar minn meta jirreġistraw. [17] ĠU L 204, 5.8.2010, p. 1. [18] Il-leġiżlazzjoni dwar l-EETS tiżgura
li d-drittijiet fundamentali tal-utenti stradali, b’mod partikolari
l-protezzjoni tad-dejta personali, jiġu rrispettati b’mod sħiħ. [19] Pereżempju reċentement fl-Awstralja, fil-Belarus,
fil-Kanada u f’Iżrael.