EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012DC0417

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Politika tal-Industrija tas-Sigurtà Pjan ta' Azzjoni għal Industrija tas-Sigurtà innovattiva u kompetittiva

/* COM/2012/0417 final */

52012DC0417

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW Politika tal-Industrija tas-Sigurtà Pjan ta' Azzjoni għal Industrija tas-Sigurtà innovattiva u kompetittiva /* COM/2012/0417 final */


1.           Introduzzjoni

Parti mit-tħassib ewlieni ta' kull soċjetà hija li din tingħata s-sigurtà. M'hemm l-ebda qasam tal-politika li ma għandux komponent kruċjali dwar is-sigurtà. Ambjent bla periklu u sigur huwa s-sies ewlieni li fuqu tinbena kull soċjetà stabbli. Industrija kompetittiva tas-sigurtà bbażata fl-UE li toffri soluzzjonijiet għal aktar sigurtà, tista' tagħti kontribut sostanzjali lir-reżiljenza tas-soċjetà Ewropea.

L-industrija tas-sigurtà tirrappreżenta settur b'potenzjal sinifikanti gћat-tkabbir u l-impjiegi. Matul l-aħħar 10 snin, is-suq globali tas-sigurtà kiber kważi b'10 darbiet minn ~EUR 10 biljun għal suq b'daqs ta' ~EUR 100 biljun fl-2011. Bosta studji juru li fl-UE kif ukoll madwar id-dinja, is-suq tas-sigurtà se jibqa' jkollu rata ta' tkabbir li tkun lil hinn mill-medja tat-tkabbir tal-PDG[1].

Bi tweġiba għal dan il-potenzjal sinifikanti ta' tkabbir tas-suq, il-Kummissjoni poġġiet l-industrija tas-sigurtà bħala waħda mill-partijiet essenzjali tal-inizjattiva ewlenija tal-UE 2020 "Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni – Nagħrfu r-Rwol Ċentrali tal-Kompetittività u s-Sostenibbiltà"[2]. Fiha, il-Kummissjoni ħabbret it-tnedija ta' inizjattiva ddedikata għal Politika tal-Industrija tas-Sigurtà.

Dan il-Pjan ta' Azzjoni huwa l-ewwel pass ta' din l-inizjattiva ddedikata. L-għan globali huwa li jissaħħaħ it-tkabbir u jiżdiedu l-impjiegi fl-industrija tas-sigurtà tal-UE.

Bis-saħħa tal-livell li għandhom fl-iżvilupp teknoloġiku, ħafna kumpaniji (tas-sigurtà) tal-UE xorta għadhom minn ta' quddiem nett fid-dinja f'bosta segmenti tas-settur tas-sigurtà. Madanakollu, evoluzzjonijiet riċenti u tbassiriet tas-suq juru li l-ishma fis-suq ta' kumpaniji Ewropej fis-suq globali mistennija jonqsu b'mod kostanti fis-snin li ġejjin. It-tbassiriet tal-industrija u studji indipendenti jipprevedu li s-sehem fis-suq tal-kumpaniji tal-UE fis-settur tas-sigurtà jista' jonqos bi kwint minn madwar 25 % tas-suq dinji fl-2010 għal 20 % fl-2020, jekk ma titnieda l-ebda azzjoni li ssaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tas-sigurtà tal-UE.

Il-kumpaniji tal-Istati Uniti li jmexxu s-suq xorta għadhom fuq quddiem fit-tekonoloġija, u barra minn hekk, dawn jibbenefikaw ukoll minn qafas legali armonizzat u minn suq intern sod. Dan mhux biss jagħtihom bażi rassiguranti iżda anke l-benefiċċju ta' marka kummerċjali tal-Istati Uniti li tkun tista' tingħaraf b'mod ċar, u dan wera li għandu vantaġġ tassew kbir meta mqabbel ma' kumpaniji tal-UE f'termini ta' kompetizzjoni internazzjonali.

Dan in-nuqqas ta' "marka kummerċjali tal-UE" simili huwa kritiku speċjalment jekk wieħed iqis li fil-ġejjieni s-swieq ċentrali tat-teknoloġiji tas-sigurtà mhux se jkunu fl-Ewropa iżda f'pajjiżi emerġenti fl-Asja, l-Amerika t'Isfel u l-Lvant Nofsani.

Il-pajjiżi Asjatiċi qed jimlew il-vojt teknoloġiku li jiddistakkahom mill-kumpaniji tal-UE b'rata li kulma jmur qed tiżdied. Mingħajr vantaġġ teknoloġiku, il-kumpaniji tal-UE se jkollhom jaffaċċjaw kompetizzjoni ħarxa, anki bl-iżvantaġġ tal-kost tal-produzzjoni li l-kumpaniji tal-UE jġarrbu ta' spiss.

L-għan primarju tal-Kummissjoni huwa għalhekk li tistabbilixxi funzjonament aħjar tas-Suq Intern Ewropew tat-teknoloġiji tas-sigurtà. Kundizzjonijiet favorevoli tas-Suq Intern, żieda fil-kompetizzjoni u tnaqqis fil-kostijiet tal-produzzjoni billi jiġu sfruttati l-ekonomiji ta' skala, huma essenzjali wkoll biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-industrija tas-sigurtà tal-UE f'dawk il-pajjiżi emerġenti li jirrappreżentaw il-ġejjieni tas-settur tas-sigurtà. Għandha ssir enfasi speċjali fuq l-appoġġ għall-SMEs waqt l-isforzi tagħhom biex jaċċessaw is-swieq internazzjonali f'pajjiżi terzi.

Il-Forum Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fis-Sigurtà (ESRIF), il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni[3] sussegwenti, diġà indirizza għadd minn dawn il-kwistjonijiet. Għas-settur tal-ICT, il-promozzjoni tas-sigurtà hija parti integrali mit-tagħmir u l-prodotti li qed jiġu offruti mill-kumpaniji tal-ICT u hija importanti għall-kompetittività fil-ġejjieni. Din se tkun indirizzata wkoll fl-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà fuq l-Internet li jmiss. Madanakollu sal-lum, ma kienx hemm approċċ konsistenti fl-UE biex l-industrija tas-sigurtà tal-UE ssir aktar kompetittiva u innovattiva.

Kif urew studji attwali u opinjonijiet tal-partijiet interessati[4], il-pressjoni tal-kompetizzjoni globali se timmira l-manifattura tal-prodotti u t-teknoloġiji iktar milli s-servizzi, peress li dawk jiffurmaw il-maġġoranza vasta tal-potenzjal tal-esportazzjoni fl-industrija tas-sigurtà. Għalhekk dan il-Pjan ta' Azzjoni ma jkoprix is-servizzi tas-sigurtà persè (eż. il-persunal tas-sigurtà fuq il-post), iżda lil dawk is-servizzi tas-sigurtà biss li għandhom x'jaqsmu mal-installazzjoni u l-manutenzjoni tat-tagħmir tas-sigurtà.

Il-Kummissjoni se tuża l-għodod kollha disponibbli għaliha biex toħloq Suq Intern reali għat-Teknoloġiji tas-Sigurtà, u għalhekk se tipprovdi bażi soda għall-industrija tas-sigurtà tal-UE bil-ħsieb li dawn jiksbu ishma fi swieq emerġenti.

Il-Kummissjoni se tiżgura li kull inizjattiva meħuda għall-iżvilupp tas-Suq Intern għat-teknoloġiji tas-sigurtà jirrispettaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali.

2.           L-Industrija u s-Suq tas-Sigurtà tal-UE

Huwa stmat li s-suq globali tas-sigurtà jiswa madwar EUR 100 biljun (ċifra tal-2011) b'madwar 2 miljun persuna impjegati madwar id-dinja. Huwa stmat li s-suq tas-sigurtà tal-UE għandu valur tas-suq fil-firxa minn EUR 26 biljun sa EUR 36,5 biljun b'madwar 180 000 impjegat (ċifri tal-2011).

Madankollu, bħalissa ma hemmx definizzjoni ċara tal-industrija tas-sigurtà, u klassifikazzjoni metedoloġika ta' din l-industrija tixxekkel minn għadd ta' fatturi:

· L-industrija tas-sigurtà mhix koperta persè min-nomenklaturi statistiċi ewlenin (in-NACE, il-Prodcom, eċċ.).

· Il-produzzjoni ta' oġġetti relatati mas-sigurtà hija moħbija taħt firxa wiesgħa ta' intestaturi. L-istatistika għal dawn l-intestaturi ma tagħmilx differenza bejn attivitajiet relatati mas-sigurtà u oħrajn li mhumiex relatati mas-sigurtà.

· Fuq livell Ewropew, l-industrija nnifisha ma tipprovdi l-ebda sors tad-dejta tal-istatistika.

· Min-naħa tal-provvista, ix-xerrejja tat-tagħmir u tas-sistemi tas-sigurtà jistgħu joqogħdu lura milli jagħtu informazzjoni dwar in-nefqiet fis-sigurtà.

Bħala rimedju għan-nuqqas ta' dejta dwar l-industrija tas-sigurtà u s-suq tagħha, il-Kummissjoni se toħloq bażi empirika li minnha jkunu jistgħu jinkisbu ċifri iktar affidabbli dwar is-swieq tas-sigurtà. Koperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet ewlenin tal-kummerċ hija essenzjali għal impriża bħal din.

Madanakollu l-industrija tas-sigurtà tal-UE b'mod wiesa' tista' tinqasam f'dawn is-setturi li ġejjin[5]:

· is-sigurtà tal-avjazzjoni;

· is-sigurtà marittima;

· is-sigurtà konfinali;

· il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika;

· l-intelliġenza kontra t-terrur (inklużi ċ-ċiber-sigurtà u l-komunikazzjoni);

· il-ġestjoni tal-kriżijiet/il-protezzjoni ċivili;

· il-protezzjoni tas-sigurtà fiżika; u

· l-ilbies protettiv.

Is-suq tas-sigurtà għandu tliet karatteristiċi distintivi:

(1) Huwa suq tassew frammentat, maqsum skont il-fruntieri nazzjonali u anke reġjonali. Is-sigurtà, waħda mill-iżjed oqsma sensittivi tal-politika, hija qasam li fih l-Istati Membri jsibuha bi tqila jċedu l-prerogattivi nazzjonali tagħhom.

(2) Huwa suq istituzzjonali. Fil-biċċa l-kbira, is-suq tas-sigurtà għadu suq istituzzjonali, jiġifieri ix-xerrejja huma awtoritajiet pubbliċi. Anke f'oqsma li fihom huwa suq kummerċjali, il-ħtiġijiet tas-sigurtà għadhom imfassla ħafna bil-leġiżlazzjoni.

(3) Huwa għandu dimesjoni soċjetali qawwija. Filwaqt li s-sigurtà hija waħda mill-iżjed ħtiġijiet essenzjali għall-bniedem, din hija wkoll qasam sensittiv. Il-miżuri u t-teknoloġiji tas-sigurtà jistgħu jħallu impatt fuq id-drittijiet fundamentali u ħafna drabi joħolqu biża' li tista' tiddgħajjef il-privatezza.

3.           Il-Problemi ewlenin li taffaċċja l-Industrija tas-sigurtà tal-ue

Dawn it-tliet karatteristiċi distintivi tas-suq tas-sigurtà jiddeterminaw it-tliet problemi ewlenin li taffaċċja l-industrija tas-sigurtà tal-UE:

(1) Il-frammentazzjoni tas-suq tas-sigurtà tal-UE

Il-problema ewlenija hija n-natura tassew frammentata (eż: in-nuqqas ta' proċeduri armonizzati taċ-ċertifikazzjoni u standards) tas-suq tas-sigurtà tal-UE. Effettivament, approċċi diverġenti wasslu biex inħolqu mill-anqas 27 suq differenti tas-sigurtà, li kull wieħed minnhom jinqasam f'għadd kbir ta' setturi tas-sigurtà.

Dan ma joħloqx biss sitwazzjoni pjuttost unika fir-rigward tas-Suq Intern, iżda jħalli wkoll impatt konsiderevolment negattiv kemm fuq in-naħa tal-forniment (l-industrija) kif ukoll fuq in-naħa tad-domanda (ix-xerrejja pubbliċi u privati tat-teknoloġiji tas-sigurtà). Dan joħloq ostakli kbar għad-dħul fis-suq, u l-ekonomiji ta' skala jagħmilhom tassew diffiċli, jekk mhux impossibbli. Barra minn hekk, dan joħloq nuqqas ta' kompetittività fost il-fornituri u użu subottimu tal-finanzi pubbliċi.

(2) Id-diskrepanza bejn ir-riċerka u s-suq

Waqt li jkunu qed isiru l-R&D fuq teknoloġiji ġodda, ħafna drabi jkun tassew diffiċli għall-industrija tas-sigurtà bbażata fl-UE biex tbassar jekk fl-aħħar hux se jkun hemm kummerċjalizzazzjoni, jew anke biex tikseb xi tip ta' riassigurazzjoni jekk fuq kollox hux se jkun hemm suq. Filwaqt li din hija problema mifruxa li tista' tinstab fost ħafna setturi industrijali, din hija partikolarment pertinenti għall-industrija tas-sigurtà, li jkollha taffaċċja l-iżjed suq istituzzjonali.

Dan wassal għal għadd ta' konsegwenzi negattivi: pereżempju, li ma jiġux esplorati xi kunċetti tal-R&D li huma potenzjalment promettenti, ikun ifisser li ċerti teknoloġiji li jistgħu jtejbu s-sigurtà taċ-ċittadini ma jkunux disponibbli għan-naħa tad-domanda.

(3) Id-dimensjoni soċjetali tat-teknoloġiji tas-sigurtà

L-aċċettazzjoni soċjetali ta' prodotti u teknoloġiji ġodda hija sfida ġenerali fost setturi industrijali differenti. Madanakollu, hemm għadd ta' speċifiċitajiet li jiddistingwu t-teknoloġiji tas-sigurtà minn oqsma oħra. Jista' jkun li t-teknoloġiji tas-sigurtà jikkonċernaw direttament jew indirettament xi drittjiet fundamentali, pereżempju d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, il-protezzjoni tad-dejta personali, il-privatezza jew id-dinjità umana.

Il-problemi assoċjati mal-aċċettazzjoni soċjetali tat-teknoloġiji tas-sigurtà jwasslu għal għadd ta' konsegwenzi negattivi. Għall-industrija, dan ifisser ir-riskju li din tinvesti f'teknoloġiji li l-pubbliku ma jaċċettax u li allura tkun investiet għalxejn.Għan-naħa tad-domanda, dan ifisser li din tkun sfurzata tixtri prodott inqas kontroversjali li madanakollu ma jissodisfax il-ħtiġijiet kollha tas-sigurtà.

4.           Jiġu indirizzati l-Problemi

Il-Kummissjoni identifikat għadd ta' azzjonijiet ewlenin tal-politika biex iżżid il-kompetittività tal-industrija tas-sigurtà L-azzjonijiet ewlenin tal-politika jikkonċernaw:

· Tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq, billi: jinħolqu standards fl-UE/internazzjonali, jiġu armonizzati il-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità/ċertifikazzjoni fl-UE għat-teknoloġiji tas-sigurtà u jiġu sfruttati aħjar sinerġiji bejn it-teknoloġiji tas-sigurtà u dawk tad-difiża.

· Titnaqqas id-diskrepanza bejn ir-riċerka u s-suq, billi: jiġu allinjati l-programmi ta' finanzjament u sfruttati iżjed ir-rotot tad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali (IPR), kif ukoll l-użu sħiħ tal-Akkwist pubbliku prekummerċjali (PCP) fil-kuntest tar-riċerka tas-sigurtà fil-Horizon 2020[6].

· Integrazzjoni aħjar tad-dimensjoni soċjetali, billi jiġu assessjati sew l-impatti soċjali inklużi l-impatti fuq id-drittijiet fundamentali, u billi joħloq mekkaniżmi biex jiġi eżaminat l-impatt soċjetali matul il-fażi tal-R&D.

4.1. Tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq

4.1.1. Standardizzazzjoni

L-istandards għandhom rwol maġġuri fid-diframmentazzjoni tas-swieq u jgħinu lill-industrija tikseb l-ekonomiji ta' skala. L-istandards huma wkoll ta' importanza kbira għan-naħa tad-domanda, notevolment fejn jidħlu l-interoperabbiltà tat-teknoloġiji użati minn dawk li jagħtu l-ewwel rispons, l-awtoritajiet li jinfurzaw il-liġi, eċċ. Barra minn hekk, l-istandards huma essenzjali biex tiġi żgurata kwalità uniformi fid-dispożizzjoni tas-servizzi tas-sigurtà. Il-ħolqien ta' standards fl-UE u l-promozzjoni tagħhom fuq livell dinji, huma komponent vitali tal-kompetittività globali tal-industrija tas-sigurtà tal-UE.

Madanakollu, fil-qasam tas-sigurtà jeżistu biss ftit standards mal-UE kollha. Standards nazzjonali diverġenti joħolqu ostakli kbar biex jinħoloq suq intern reali għas-sigurtà, u għalhekk ixxekklu l-kompetittività għall-industrija tal-UE. Jekk l-UE trid tikkontribwixxi b'mod sinifikanti fil-ħolqien ta' standards globali, ikun pass kwintessenzjali li jingħelbu dawn id-diverġenzi nazzjonali.

Il-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Viżjoni Strateġika għal Standards Ewropej, diġà ħabbret il-ħtieġa li jitħaffu l-isforzi għal standardizzazzjoni fil-qasam tas-sigurtà[7]. Għaldaqstant il-Kummissjoni fl-2011 tat mandat lil-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni biex jagħtu ħarsa ġenerali dettaljata lill-istandards eżistenti internazzjonali, Ewropej u nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà, kif ukoll biex jistabbilixxu lista ta' diskrepanzi fl-istandardizzazzjoni. F'dawn l-oqsma li ġejjin ġew identifikati diskrepanzi kbar:

– Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi, Nukleari u tal-Isplussivi – standards minimi għad-ditezzjoni, kif ukoll standards għat-teħid tal-kampjuni, inkluż fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni;

– Sigurtà konfinali – standards komuni tekniċi u ta' interoperabbiltà għas-sistemi awtomatiċi tal-kontrol konfinali, kif ukoll standards għall-identifikaturi bijometriċi; u

– Immaniġġjar tal-kriżi/ Protezzjoni ċivili – standards għall-interoperabbiltà tal-komunikazzjoni, kif ukoll għall-interoperabbiltà tal-kmand u l-kontroll, inkluż l-interoperabbiltà organizzattiva, kif ukoll in-notifika massa tal-popolazzjoni.

Azzjoni 1: Imsejsa fuq dawn il-prijoritjiet tal-bidu, il-Kummissjoni se titlob lill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni biex joħolqu pjanijiet direzzjonali konkreti u dettaljati għall-istandardizzazzjoni. Dawn il-pjanijiet direzzjonali għall-istandardizzazzjoni għandhom jiffukaw fuq il-ġenerazzjoni li jmiss tal-għodod u t-teknoloġiji. Sabiex jagħmlu dan, se jkunu essenzjali l-involviment tal-utent finali u l-industrija tas-sigurtà, u l-koerenza politika.

Perjodu ta' implimentazzjoni: minn nofs l-2012

4.1.2. Il-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità/ċertifikazzjoni

Bħalissa, għat-teknoloġiji tas-sigurtà, ma hemm l-ebda sistema ta' ċertifikazzjoni mifruxa fl-UE kollha. Is-sistemi nazzjonali jvarjaw ħafna bejniethom, u għalhekk jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-frammentazzjoni tas-suq tas-sigurtà. Il-Kummissjoni identifikat oqsma li fihom[8], fil-fażi tal-bidu, jagħmel l-iżjed sens jekk tinħoloq sistema ta' ċertifikazzjoni fl-UE kollha, li tibda minn:

– it-tagħmir tal-iskrinjar (id-ditezzjoni) fl-ajruporti; u

– is-sistemi tal-alarms[9]

Fir-rigward tat-tagħmir tal-iskrinjar fl-ajruporti, jeżisti qafas sħiħ ta' leġiżlazzjoni tal-UE, li jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-prestazzjoni ta' tagħmir bħal dan[10]. Madanakollu, din il-leġiżlazzjoni ma fihiex il-mekkaniżmu meħtieġ għall-valutazzjoni tal-konformità, li permezz tiegħu ċ-ċertifikazzjoni tat-tagħmir tal-iskrinjar fi Stat Membru wieħed tkun rikonoxxuta b'mod reċiproku f'kull Stat Membru ieħor. In-nuqqas ta' standards armonizzati u ta' valutazzjoni tal-konformità li torbot legalment tat-tagħmir tal-iskrinjar fl-ajruporti fuq livell ta' UE, joħloq frammentazzjoni tas-Suq Intern.

Fejn jidħlu s-sistemi tal-alarms, diġà jeżistu xi standards Ewropej tal-prestazzjoni. Barra minn hekk, jeżisti s-CertAlarm, mekkaniżmu taċ-ċertifikazzjoni mmexxi mill-industrija. Madanakollu, din is-sistema għandha l-problema li hija mmexxija mill-privat u li l-awtoritajiet tal-Istati Membri mhumiex obbligati jaċċettaw iċ-ċertifikati stabbiliti fl-iskema.

Fil-ġejjieni, prodotti ċċertifikati abbażi ta' sistema ta' ċertifikazzjoni fl-UE jistgħu jirċievu "Tikketta tas-Sigurtà tal-UE", simili għall-immarkar CE li jintuża fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti. Kif jissuġġerixxi l-Forum Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fis-Sigurtà, tikketta bħal din tista' tkun siġill tal-kwalità għal prodotti tas-sigurtà (immanifaturati u vvalidati fl-UE).

B'mod konservattiv huwa stmat li għal dawn iż-żewġ kategoriji ta' prodotti l-industrija tkun tista' tiffranka l-ispejjeż tal-eżaminar u ċ-ċertifikazzjoni, sa EUR 29 miljun fis-sena.

L-armonizzazzjoni tal-proċeduri ta' ċertifikazzjoni għas-sistemi tal-iskrinjar fl-ajruporti u għas-sistemi tal-alarms għandu jkollu effett pożittiv ukoll fuq il-ħolqien ta' identità Ewropea iżjed ċara għal dawn it-teknoloġiji, possibbilment "marka tal-UE". Din il-"marka" għandha tikkontribwixxi biex tiżdied il-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE fir-rigward tal-kompetituri tagħhom l-Istati Uniti u ċ-Ċina.

 

Azzjoni 2: Soġġetti għal analiżi dettaljata tal-valutazzjoni tal-impatt u konsultazzjoni mal-partijiet interessati, il-Kummissjoni tressaq żewġ proposti leġiżlattivi: waħda li tistabbilixxi sistema armonizzata ta' ċertifikazzjoni fl-UE kollha għat-tagħmir tal-iskrinjar (l-intraċċar) fl-ajruporti; u oħra li tistabbilixxi sistema armonizzata ta' ċertifikazzjoni fl-UE kollha għas-sistemi tal-alarms. L-għan huwa li jinkiseb ir-rikonoxximent reċiproku tas-sistemi ta' ċertifikazzjoni.

Perjodu ta' implimentazzjoni: nofs l-2012 – tmiem l-2014

4.1.3. L-isfruttament ta' sinerġiji bejn it-teknoloġiji tas-sigurtà u dawk tad-difiża

Wieħed jista' jiddistingwi b'mod ċar bejn suq tas-sigurtà (ċivili) u suq tad-difiża (militari). Madanakollu, l-eżistenza ta' dawn iż-żewġ swieq separati tista' minnha nnifisha titqies frammentazzjoni. Sa ċertu punt, din il-frammentazzjoni hija normali, jekk wieħed iqis li l-bażi industrijali li tforni lil dawn iż-żewġ swieq mhix kollha identika u li l-utenti finali huma differenti, l-oqsma ta' applikazzjoni huma differenti, u daqstant ieħor huma r-rekwiżiti. Madanakollu, din il-frammentazzjoni tinħass 'il fuq, fil-livell tal-R&D u l-iżvilupp tal-kapaċità, u tinħass 'l isfel fil-livell tal-istandardizzazzjoni. Xi drabi, din twassal għal dupplikazzjoni tal-isforzi tal-R&D u għall-impossibbiltà li jintużaw l-ekonomiji ta' skala billi l-istandards huma differenti f'dawn iż-żewġ swieq.

Fir-rigward tal-R&D, bħalissa qed jitfittxu sinerġiji ċivili-militari mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) permezz tal-Koperazzjoni Qafas Ewropea. Permezz ta' din il-koperazzjoni, qed issir koordinazzjoni kontinwa bejn it-Tema tas-Sigurtà tas-Seba' Programm Kwadru (FP7) u l-attivitajiet ta' riċerka dwar id-difiża tal-EDA. L-għan huwa li tinħoloq sinkronija bejn din ir-riċerka biex jiġu evitati dupplikazzjonijet u li jinkiseb gwadann minn sinerġiji possibbli. Il-Kummissjoni beħsiebha tissokta u twessa' din il-koperazzjoni permezz tal-Horizon 2020.

Fir-rigward ta' iżjed koperazzjoni upstream, filwaqt li koperazzjoni bħal din tkun siewja fid-dawl ta' pjanar iżjed sinkronizzat tal-kapaċità, il-Kummissjoni tqis li fil-qasam tas-sigurtà ċivili hemm multitudni ta' awtoritajiet pubbliċi involuti, tant li bħalissa mhux possibbli li jsir pjanar komuni tal-kapaċità mal-qasam tad-difiża, fejn normalment ikun hemm attur wieħed biss għal kull Stat Membru, jiġifieri il-ministeri nazzjonali tad-difiża.

Fir-rigward tal-koperazzjoni downstream, il-Kummissjoni tqis li l-ħolqien ta' "standards ibridi", jiġifieri standards li japplikaw kemm għat-teknoloġija tas-siġurtà ċivili u kif ukoll għat-teknoloġija tad-difiża, għandu jitwettaq f'oqsma fejn it-teknoloġiji huma l-istess u l-oqsma tal-applikazzjoni huma tassew simili. Il-Kummissjoni qed tqis numru ta' oqsma promettenti għal "standards ibridi" bħal dawn, inklużi radju definit b'softwer u ċerti ħtiġijiet teknoloġiċi għal sistemi tal-vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (eż: it-teknoloġiji tas-sense and avoid u l-ħtiġijiet tal-airworthiness). Biss biss, għar-radju definit b'softwer huwa stmat li l-istandards ibridi jistgħu jwasslu għal żieda ġenerali fil-bejgħ ta' EUR 1 biljun.

Azzjoni 3: Il-Kummissjoni, f'koperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, beħsiebha toħroġ mandati ta' standardizzazzjoni lill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni għal "standards ibridi". L-ewwel mandat għandu jinħareġ dalwaqt għar-radju definit b'softwer.

Perjodu ta' implimentazzjoni: minn nofs l-2012

4.2. Titnaqqas id-diskrepanza bejn ir-riċerka u s-suq

4.2.1. L-allinjament tal-programmi ta' finanzjament u l-isfruttar tar-rotot tal-IPR

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-Horizon 2020 toħloq rabta mill-qrib ma' għadd ta' oqsma tal-politika, notevolment mal-affarijiet interni. Għal dan l-għan, il-Horizon 2020 jipprevedi regoli speċifiċi tal-IPR għar-riċerka dwar is-sigurtà, li jħallu lill-Kummissjoni u l-Istati Membri tagħha biex mhux biss ikollhom aċċess għall-għarfien tal-proġetti tar-riċerka dwar is-sigurtà, iżda wkoll biex – b'mod ġust u raġonevoli – jużaw dak l-għarfien f'akkwist pubbliku sussegwenti[11].

Dan għandu jwasslu biex l-awtoritajiet nazzjonali jisfruttaw b'mod dirett u iżjed malajr ir-riżultati tar-riċerka dwar is-sigurtà u biex tinħoloq koperazzjoni mill-qrib mal-utenti finali, ħafna minnhom pubbliċi, u għalhekk jiżdiedu ħafna l-isforzi biex tingħeleb id-diskrepanza bejn ir-riċerka u s-suq fil-qasam tas-sigurtà.

Barra minn hekk, iż-żewġ komponenti tal-Fond għas-Sigurtà Interna, propost għall-perjodu finanzjarju li jmiss, li rispettivament għandhom x'jaqsmu mal-fruntieri ta' barra u l-visa u l-koperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-immaniġġjar tal-kriżi, jipprevedu l-possibbiltà ta' azzjonijiet finanzjati mill-Unjoni biex jiġu eżaminati u vvalidati r-riżultati li joħorġu mill-proġetti tal-UE tar-riċerka dwar is-sigurtà[12].

Sabiex din il-possibbiltà tintuża b'mod effettiv, ir-regoli speċifiċi tal-IPR għar-riċerka dwar is-sigurtà, li jħallu lill-Kummissjoni tuża dawn l-IPRs għal raġunijiet ġusti u raġonevoli, huma meħtieġa ħalli tkun tista' tisfrutta r-riżultati tar-riċerka dwar is-sigurtà fl-eżaminar u l-validazzjoni sussegwenti.

Fejn huma meħtieġa l-kapaċitajiet tal-Unjoni, il-Kummissjoni se tikkonsidra li tinforza mill-ġdid dawn il-miżuri ta' eżaminar u validazzjoni billi jinxtraw prototipi għall-UE, jekk ikun xieraq.

Azzjoni 4: Il-Kummissjoni se tuża bis-sħiħ ir-reġoli l-ġodda tal-IPR stabbiliti għar-riċerka dwar is-sigurtà fil-Horizon 2020[13], b'mod partikolari permezz tal-possibbiltà li jagħtu ż-żewġ programmi speċifiċi tal-Fond għas-Sigurtà Interna biex jiġu eżaminati u vvalidati r-riżultati li joħorġu mill-proġetti tal-UE tar-riċerka dwar is-sigurtà.

Perjodu ta' implimentazzjoni: mill-bidu tal-2014

4.2.2. L-akkwist pubbliku prekummerċjali

Il-PCP[14] huwa għodda tassew siewja biex tingħeleb id-diskrepanza bejn ir-riċerka u s-suq. Il-Kummissjoni diġà enfasizzat l-importanza tagħha fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Unjoni għall-Innovazzjoni[15], b'mod partikolari fl-oqsma li fihom hemm suq istituzzjonali jew suq li fil-biċċa l-kbira huwa mmexxi bil-legiżlazzjoni, jekk wieħed iqis li akkwist pubbliku ta' prodotti u servizzi innovattivi huwa vitali biex titjieb il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi fi żmien ta' limitazzjonijiet baġitarji.Eventwalment, il-PCP għandu jippermetti l-utenti pubbliċi jaqdu rwol iżjed ċentrali fiċ-ċiklu tal-innovazzjoni billi jixtru teknoloġiji innovattivi. Ix-xerrejja pubbliċi għandhom jaġixxu ta' "aġenti għal bidla".

Madanakollu, sal-lum, ftit biss mill-Istati Membri użaw l-iskemi tal-PCP fil-qasam tas-sigurtà. Fuq livell ta' UE, fit-Tema tas-Sigurtà tal-FP7, fis-sejħa tal-2011 iddaħħlet skema preoperattiva ta' validazzjoni li taġixxi bħala prekursur għal skema futura possibbli tal-PCP.

Il-Horizon 2020 fih strument speċifiku tal-PCP li għandu jgħin bil-bosta biex jingħelbu ostakli prattiċi relatati mal-implimentazzjoni tal-PCP.

Abbażi tal-esperjenza tal-US SBIR[16], preżunzjoni bi prova li r-rata annwali ta' tkabbir tiżdied b'1 % minħabba l-appoġġ tal-R&D permezz ta' skema tal-PCP, tista' twassal biex mil-lum sal-2020 l-industrija tas-sigurtà tagħmel EUR 2 biljun bejgħ iżjed[17].

Azzjoni 5: L-istrument tal-PCP li jissemma fil-Horizon 2020, il-Kummissjoni beħsiebha tużah kollu u talloka parti sinifikanti mill-baġit għar-riċerka dwar is-sigurtà għal dan l-istrument. Dan l-approċċ innovattiv ta' finanzjament għandu jqarreb ir-riċerka lejn is-suq billi sa mill-bidu nett tal-proġett tar-riċerka jgħaqqad flimkien l-industrija, l-awtoritajiet pubbliċi u l-utenti finali. Is-sigurtà konfinali u s-sigurtà tal-avjazzjoni, il-Kumissjoni tqishom bħala l-aktar oqsma promettenti għall-impriża tal-PCP.

Il-Kummissjoni se tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex iniedu inizjattivi simili fuq livell nazzjonali skont il-liġi rilevanti tal-UE dwar l-akkwist pubbliku.

Perjodu ta' implimentazzjoni: mill-bidu tal-2014

4.2.3. L-aċċess għas-swieq internazzjoni tal-akkwist pubbliku

Tradizzjonalment is-suq tal-UE tal-akkwist pubbliku huwa wieħed miftuħ ħafna. Madanakollu, sħabna fil-kummerċ mhumiex dejjem miftuħa daqsna. Madwar id-dinja, kwart biss tas-suq dinji tal-akkwist pubbliku huwa miftuħ għall-kompetizzjoni internazzjonali.

Il-Kummissjoni proponiet Regolament[18] biex tgħin ħalli jinfetħu s-swieq dinjin tal-akkwist pubbliku u biex tiżgura li n-negozji Ewropej ikollhom aċċess ġust għalihom. Dan ir-Regolament huwa mistenni jipprovdi numru ta' għodod li se jiżguraw li jintlaħqu dawn l-għanijiet.

Azzjoni 6: Il-Kummissjoni se tuża l-istrumenti kollha li għandha biex lill-industrija tas-sigurtà tagħha tiżguralha aċċess ġust għas-swieq internazzjonali tal-akkwist pubbliku. Minħabba li t-teknoloġiji tas-sigurtà għandhom natura sensittiva, se tingħata attenzjoni kbira lir-regolamenti rilevanti dwar l-esportazzjoni.

Perjodu ta' implimentazzjoni: minn tmiem l-2013

4.2.4. Il-limitazzjoni tar-responsabbiltà ta' parti terza (TPLL)

Sabiex tegħleb id-diskrepanza bejn ir-riċerka u s-suq, b'mod partikolari sabiex tiżgura li t-theddida tar-responsabbiltà ma tiskoraġġixxix l-industrija tas-sigurtà milli toħloq, tħaddem u tikkumerċjalizza teknoloġiji u servizzi li jistgħu jsalvaw il-ħajjiet, wara l-11 ta' Settembru 2001 l-Istati Uniti daħħlu l-Att tal-Istati Uniti dwar is-Sikurezza. L-Att tal-Istati Uniti dwar is-Sikurezza jipprovdi limitazzjonijiet tar-responsabbiltà legali għall-fornituri ta' teknoloġiji u servizzi kontra t-terroriżmu. Fi swieq ta' pajjiżi terzi, din il-leġiżlazzjoni tista' tagħti vantaġġ kompetittiv lill-kumpaniji tal-Istati Uniti li jmexxu s-suq fuq il-kumpaniji tal-UE.

Huwa evidenti li l-Att tal-Istati Uniti dwar is-Sikurezza tnissel mill-kuntest legali speċifiku tal-Istati Uniti, li fih azzjoni kollettiva hija karatteristika rikorrenti. Filwaqt li mhemmx ħsieb li fl-Ewropa jiġi stabbilit ekwivalenti għall-Att tal-Istati Uniti dwar is-Sikurezza, madanakollu huwa meħtieġ li jinftehem u li jiġi studjat kemm il-kwistjonijiet tar-responsabbiltà jiskoraġġixxu l-industrija milli tqiegħed fis-suq teknoloġiji u servizzi promettenti.

Fost il-partijiet interessati tal-industrija ma jeżisti ebda kunsens ġenerali fuq din il-kwistjoni u għadha ma saritx analiżi legali bir-reqqa dwar il-kompatibbiltà ma' regolamenti nazzjonali jew tal-UE.

Azzjoni 7: Il-Kummissjoni nediet sejħa għall-offerti għal studju kbir li janalizza l-implikazzjonijiet legali u ekonomiċi tal-limitazzjoni tar-responsabbiltà ta' parti terza. Dan l-istudju se janalizza wkoll alternattivi possibbli għat-TPLL kif introdotti fl-Att tas-Sigurtà tal-Istati Uniti, bħal pereżempju fond volontarju għall-industrija, rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, eċċ. Dan l-istudju se jqis l-implikazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali.

Perjodu ta' implimentazzjoni: l-2012 – nofs l-2013

4.3. Integrazzjoni aħjar tad-dimensjoni soċjetali

4.3.1. "Verifika" tal-impatt soċjetali matul il-fażi tal-R&D

Integrazzjoni aħjar tad-dimensjoni soċjetali fl-attivitajiet tal-industrija tas-sigurtà jgħin biex tonqos l-inċertezza tal-aċċettazzjoni soċjetali. Din għandha tippermetti użu effiċjenti tal-investiment fl-R&D, kif ukoll tħalli n-naħa tad-domanda tixtri prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti tagħha kollha tas-sigurtà u li fl-istess waqt taċċettahom is-soċjetà.

Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonsidra li l-impatt tad-drittijiet soċjetali u fundamentali għandu diġà jitqies permezz ta' involviment soċjetali qabel u matul il-fażi tal-R&D. Dan jippermetti li jiġu indirizzati kwistjonijiet soċjetali fil-bidu tal-proċess.

Il-Kummissjoni diġà qed tieħu ħsieb għadd ta' attivitajiet bil-ħsieb li tinkludi d-dimensjoni soċjetali fit-Tema tas-Sigurtà tal-FP7. Fid-dawl tal-Horizon 2020, madanakollu issa huwa l-waqt biex jiġu kkonsolidati dawn l-isforzi ħalli s-soċjetà tiġi involuta fir-riċerka u l-innovazzjoni u ħalli l-verifika tal-impatt soċjetali ssir iżjed sistematika.

Il-Kummissjoni se tinvolvi s-soċjetà, u l-verifika tal-impatt soċjetali se tagħmilha parti obbligatorja, fejn xieraq, tal-proġetti futuri tagħha tar-riċerka dwar is-sigurtà[19]. Il-Kummissjoni se "tivverifika" speċifikament l-impatt soċjetali tat-teknoloġiji l-ġodda fl-iskemi tagħha tal-PCPs tas-sigurtà msemmija hawn fuq.

4.3.2. Privatezza fid-disinn u privatezza prestabbilita matul il-fażi tad-disinn

Fuq naħa, huwa tassew diffiċli li l-kunsiderazzjonijiet soċjetali jissarrfu fi ħtiġijiet teknoloġiċi, li huwa kkumplikat iżjed bil-varjetà wiesgħa ta' prodotti tas-sigurtà fis-suq. Fuq in-naħa l-oħra, il-kwistjonijiet soċjetali relatati mas-sigurtà jvarjaw b'mod konsiderevoli fost l-Istati Membri.

Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li l-aħjar mod kif għandha timxi 'l quddiem huwa billi ddaħħal il-kunċett tal-"privatezza fid-disinn" u l-"privatezza prestabbilita"[20] fil-fażi tad-disinn. Għal dan il-għan, l-operatur ekonomiku li jixtieq ikollu l-proċess tal-produzzjoni tiegħu awditjat bħala li għandu "privatezza fid-disinn", irid jissodisfa numru ta' ħtiġijiet definiti bi standard xieraq tal-UE. Dan l-istandard ikun volontarju. Madanakollu l-Kummissjoni hija konvinta li jkun hemm pressjoni qawwija bejn il-kumpaniji stess biex isegwu l-istandard li għandu jikseb valur simili ta' rikonoxximent bħal pereżempju l-istandard ta' ġestjoni ISO 9000[21].

Azzjoni 8: Il-Kummissjoni se toħroġ mandat lill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni biex joħolqu standard mibni fuq l-iskemi eżistenti tal-ġestjoni tal-kwalità, iżda applikati għall-ġestjoni ta' kwistjonijiet tal-privatezza matul il-fażi tad-disinn.

Perjodu ta' implimentazzjoni: nofs l-2012 – nofs l-2015

5.           Monitoraġġ

Il-monitoraġġ tal-miżuri tal-politika mħabbra se jsir minn grupp iddedikat ta' esperti stabbilit mill-Kummissjoni. Dan il-grupp se jgħaqqad l-atturi rilevanti kollha fil-qasam tas-sigurtà.

Dan il-grupp se jiltaqa' mill-anqas darba fis-sena biex jissorvelja l-proċess.

6.           Konklużjoni

Dan huwa l-ewwel Pjan ta' Azzjoni mill-Kummissjoni li speċifikament huwa mmirat għall-industrija tas-sigurtà. L-oriġinalità ma tinsabx biss fil-miżuri mħabbra, iżda anki l-komprensività tal-approċċ, mill-fażi tal-R&D sal-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni, hija novità. Skont il-valutazzjonijiet futuri, l-oqsma possibbli li jmiss għall-armonizzazzjoni jistgħu jinkludu s-setturi tat-trasport bl-art u bil-baħar, kif ukoll li jiġu indirizzati t-TPLL.

Għandu jitfakkar li l-Azzjonijiet kollha elenkati f'dan id-dokument huma relatati mill-qrib mar-rieda tal-Istati Membri li jikkoperaw mal-istituzzjonijiet Ewropej, il-kopri għall-istandardizzazzjoni, il-partijiet interessati pubbliċi u privati, biex tingħeleb il-frammentazzjoni fis-swieq tas-sigurtà tal-UE. Għaldaqstant il-Kummissjoni tħeġġeġ l-Istati Membri biex jappoġġaw lill-Kummissjoni fl-inizjattiva tagħha biex iżżid il-kompetittività tal-kumpaniji tas-sigurtà tal-UE u biex tnaqqas l-ostakli eżistenti għal dħul fis-suq.

Il-Kummissjoni hija konvinta li l-miżuri tal-politika msemmija f'dan il-Pjan ta' Azzjoni se jagħtu sehem bil-qawwa biex tittejjeb il-kompetittività tal-Industrija Ewropea tas-Sigurtà. Il-Kummissjoni għandha l-għan li toħloq bażi ewlenija għall-industrija tas-sigurtà tal-UE li minnha tkun tista' tikber lejn swieq ġodda u emerġenti, fejn fil-futur jista' jkun mistenni tkabbir kbir għas-suq tas-sigurtà.

Dan it-tkabbir fl-UE u barra minnha, irid jaħdem id f'id mar-riinfurzar tal-miżuri mmirati lejn integrazzjoni aħjar tad-dimensjoni soċjetali fl-attivitajiet tal-industrija tas-sigurtà. Il-privatezza fid-disinn u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali jrid ikollhom sehem bħala aspett ewlieni fit-teknoloġiji kollha tas-sigurtà tal-UE.

[1]               Kull ċifra u studju li jissemmew f'dan il-Pjan ta' Azzjoni huma ddettaljati aktar fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li hemm ma' dan il-Pjan ta' Azzjoni.

[2]               COM(2010) 614 finali.

[3]               COM(2009) 691 finali.

[4]               Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal.

[5]               Din il-lista mhix eżawrjenti, ħarsa ġenerali iżjed dettaljata dwar id-diversi setturi u t-teknoloġiji li dawn jinkludu, tista' tinstab fl-SWD.

[6]               COM(2011) 809 finali.

[7]               COM(2011) 311 finali.

[8]               Dettalji dwar ir-raġunament u l-kriterji għall-għażla tal-oqsma mmirati jistgħu jinstabu fl-SWD.

[9]               Għandu jiġi nnutat li s-sistemi tal-alarms jirrappreżentaw segment ta' importanza kbira, b'daqs tas-suq ta' EUR 4,5 biljun jew 50 % tas-suq fiżiku tas-sigurtà.

[10]             Ara r-Regolamenti (KE) Nru 300/2008, (KE) Nru 272/2009 u (UE) Nru 185/2010.

[11]             COM(2011) 810 finali.

[12]             COM(2011) 750 u 753 finali.

[13]             Madanakollu l-adozzjoni ta' dawn ir-regoli xorta hija soġġetta għal approvazzjoni mill-Kunsill Ewropew u mill-Parlament Ewropew.

[14]             Hawnhekk, il-PCP ifisser approċċ għall-forniment tas-servizzi tal-R&D, li fih l-IPR ma jappartjenix (esklussivament) għall-awtorità kontraenti. Ara COM(2007) 799 finali.

[15]             COM(2010) 546 finali.

[16]             SBIR tfisser "Innovazzjoni u Riċerka minn Negozji Żgħar" (Small Business Innovation and Research) u hija programm tal-Istati Uniti li jappoġġa l-innovazzjoni fl-SMEs li jużaw skema tal-PCP.

[17]             Ara l-SWD.

[18]             COM(2012) 124 finali.

[19]             Ħlief l-oqsma "li mhumiex adattati", bħal pereżempju r-riċerka dwar teknoloġija bażika u l-proġetti dwar tbassir u xenarji.

[20]             Għal aktar dettalji dwar il-privatezza fid-disinn, ara l-SWD.

[21]             COM(2012) 11.

Top