EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011XG0429(01)

Konklużjonijiet tal-Kunsill li jistiednu l-introduzzjoni tal-European Case Law Identifier u sett minimu ta' metadata uniformi għall-każistika

OJ C 127, 29.4.2011, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 127/1


Konklużjonijiet tal-Kunsill li jistiednu l-introduzzjoni tal-European Case Law Identifier u sett minimu ta' metadata uniformi għall-każistika

2011/C 127/01

I.   INTRODUZZJONI

1.

L-Artikolu 67(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprovdi għat-twaqqif ta' spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja b'rispett għad-drittijiet fundamentali u s-sistemi u t-tradizzjonijiet legali differenti tal-Istati Membri.

2.

Il-pjan ta' azzjoni pluriennali Ewropew dwar il-Ġustizzja Elettronika 2009-2013 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jisħaq dwar l-importanza tal-aċċess għall-każistika nazzjonali, il-ħtieġa ta' standardizzazzjoni u arkitettura teknika deċentralizzata (1).

3.

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2008 dwar ir-rwol tal-imħallef nazzjonali fis-sistema ġudizzjarja Ewropea (2) tisħaq dwar il-ħtieġa ta' aċċess transkonfinali għall-każistika nazzjonali li tippermetti lill-imħallef nazzjonali jaqdi r-rwol tiegħu fl-ordni ġuridiku Ewropew.

II.   IDENTIFIKAZZJONI TAL-ĦTIĠIJIET

4.

Spazju Ewropew ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja fejn jista' jkun hemm kooperazzjoni ġudizzjarja jeħtieġ mhux biss l-għarfien tal-liġi Ewropea, iżda b'mod partikolari l-għarfien reċiproku tas-sistemi legali tal-Istati Membri l-oħra.

5.

Il-portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika għandu jilħaq l-objettiv tat-tixrid tal-informazzjoni dwar l-UE u s-sistemi legali tal-Istati Membri u għandu jservi bħala strument utli għaċ-ċittadini, il-professjonisti legali kif ukoll l-awtoritajiet tal-Istati Membri.

6.

L-għarfien dwar is-sustanza u l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni Ewropea ma tistax tinkiseb biss minn sorsi legali tal-UE, iżda għandu jittieħed kont ukoll tal-każistika tal-qrati nazzjonali, kemm ta' deċiżjonijiet li jitolbu deċiżjoni preliminari, kif ukoll deċiżjonijiet wara deċiżjoni preliminari u dawk li japplikaw il-liġi tal-UE waħedha.

7.

Permezz ta' appoġġ finanzjarju jew l-involviment dirett mill-Unjoni Ewropea s-snin reċenti raw inizjattivi li jappoġġaw il-miri msemmija hawn fuq, bħalma hija l-meta search engine tan-Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Supremi Ġudizzjarji tal-Unjoni Ewropea (3), id-databases Dec.Nat. u Jurifast tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi tal-Unjoni Ewropea (4), id-database JURE (Infurzar tal-għarfien ġuridiku) tal-Kummissjoni Ewropea (5), l-EUR-Lex, u d-database tal-każistika tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (6).

8.

L-użu u l-appoġġ ta' dawn l-inizjattivi ssottolinjaw il-ħtieġa ta' tali databases iżda l-esperjenza uriet li t-tiftix f'dawn id-databases ħafna drabi huwa kumpless ħafna u mhux faċli għall-utent.

9.

Studju (7) li sar minn task group tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Liġi Elettronika għamilha ċara li apparti l-problemi minħabba l-multilingwiżmu, dawn il-problemi huma l-aktar minħabba n-nuqqas ta' identifikaturi uniformi għall-każistika. Fil-livell nazzjonali jeżistu diversi sistemi ta' identifikaturi, xi wħud minnhom magħżula mill-qorti, oħrajn speċifiċi għall-bejjiegħ. Databases magħmula biex jistaqsu dwar każistika minn Stati Membri diversi – li minnhom dawn ta' hawn fuq huma biss ftit eżempji – xi kultant jivvintaw is-sistema ta' identifikazzjoni proprja, u xi kultant jagħmlu użu mill-ġdid ta' waħda jew aktar mis-sistemi ta' enumerar nazzjonali. Għaldaqstant it-tiftix u l-kwotazzjoni tal-każistika fil-kuntest transkonfinali huwa ferm diffiċli: identifikaturi li jinħarġu minn sistema waħda jaf ma jkunux kompatibbli ma' sistemi oħra.

10.

L-istudju msemmi hawn fuq għamilha ċara li jeżistu problemi komparabbli ma' metadata użata biex tiddeskrivi l-każistika. Il-fatt li kważi d-databases kollha nazzjonali u Ewropej jużaw regoli ta' tismija u ddisinjar għall-metadata jipperikola l-possibilitajiet għal tiftix ta' każistika transkonfinali effettiv u faċli għall-utent għall-imħallfin, il-professjonisti legali u ċ-ċittadini.

III.   IDENTIFIKAZZJONI TA' SOLUZZJONIJIET

11.

F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-prinċipju tad-deċentralizzazzjoni endorsjat mill-pjan ta' azzjoni Ewropew dwar il-Ġustizzja Elettronika u l-prinċipji tal-Qafas Ewropew tal-Interoperabbiltà m'għandux ikun hemm database Ewropew ċentralizzat ta' każistika nazzjonali. Barra minn hekk, il-ħtiġijiet speċifiċi tal-utenti għal oqsma speċifiċi tal-liġi li jirriżultaw jirrikjedu databases differenti b'funzjonalitajiet differenti, kemm jekk huma ta' natura pubblika jew kummerċjali.

12.

Kemm biex ikun faċilitat aktar żvilupp tad-databases dwar il-każistika Ewropea u biex jinqdew il-professjonisti legali u ċ-ċittadini fl-użu tagħhom ta' dawn id-databases, sistema komuni għall-identifikazzjoni, il-kwotazzjoni u l-metadata tal-każistika hija meqjusa bħala indispensabbli. Tali standard komuni jkun kompatibbli mal-prinċipji li ssemmew fil-paragrafu preċedenti.

13.

Għall-identifikazzjoni tad-deċiżjonijiet ġuridiċi għandu jintuża identifikatur standard li jkun jintgħaraf, jinqara u jinftiehem kemm mill-bniedem kif ukoll mill-kompjuters, u li jkun kompatibbli mal-istandards teknoloġiċi. Fl-istess ħin huwa mixtieq li s-sistemi ta' identifikazzjoni tal-każistika nazzjonali jistgħu joperaw b'mod parallel ma' tali standard Ewropew, iżda wkoll li standard Ewropew jista' jservi bħala l-uniku standard nazzjonali għall-dawk il-pajjiżi li jixtiequ hekk.

14.

Minħabba li l-organizzazzjoni tal-qrati u l-applikazzjonijiet tal-IT użati mill-qrati jvarjaw mhux biss bejn l-Istati Membri, iżda wkoll fl-istess Stat Membru, għandu jkun possibbli li tkun implimentata sistema ta' identifikar u metadata qorti b'qorti.

15.

F'konformità mal-prinċipji ddikjarati dwar il-proporzjonalità u d-deċentralizzazzjoni, id-deċiżjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tal-qrati u t-tribunali f'din is-sistema ta' identifikazzjoni tal-każistika u metadata jridu jittieħdu fil-livell nazzjonali.

16.

Minħabba li l-aċċettazzjoni tal-qrati u l-gvernijiet tal-Istati Membri hija ta' importanza kbira għall-implimentazzjoni u l-użu ta' sistema ta' identifikazzjoni u metadata għall-każistika, saru konsultazzjonijiet dwar din ir-rakkomandazzjoni man-Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi tal-Unjoni Ewropea, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi tal-Unjoni Ewropea, in-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura, l-inizjattiva LEX, il-workshop CEN/Metalex, Semic.EU, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

17.

Is-sistema ta' identifikazzjoni u metadata għandha tkun magħrufa sew maċ-ċittadini u l-professjonisti legali. Aktar minn hekk, biex jitjiebu l-possibbiltajiet li tinstab każistika li hi fornuta b'identifikatur u metadata kif deskritt fl-Anness, dawn id-deċiżjonijiet ġuridiċi jridu jkunu jistgħu jitfittxu – bl-identifikatur u sett minimu ta' metadata – permezz ta' interface komuni. L-arkitettura ta' dan l-interface tat-tiftix komuni għandha tkun deċentralizzata u integrata fil-portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika. Minkejja li l-interface tat-tiftix komuni jirrinforza l-użu ta' sistema ta' identifikazzjoni u metadata, m'għandux ikunu prerekwiżit għall-introduzzjoni tal-identifikazzjoni u l-metadata fil-livell nazzjonali.

18.

L-interface tat-tiftix komuni m'għandux ikollu biss il-possibbiltà li jikkonnettja mal-websajts pubbliċi iżda wkoll ma' websajts oħrajn li jiddisseminaw il-każistika, pereżempju f'verżjonijiet sommarji jew tradotti.

IV.   KONKLUŻJONIJIET

19.

L-Istati Membri huma mistiedna jintroduċu, fuq bażi volontarja fil-livell nazzjonali, il-European Case Law Identifier (minn hawn 'l quddiem imsejjaħ ECLI) u sett minimu ta' metadata uniformi għall-każistika.

20.

Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin ikunu japplikaw għall-Istati Membri li jiddeċiedu li jintroduċu l-ECLI u sett minimu ta' metadata uniformi għall-każistika:

(a)

L-ECLI għandu jkun applikat kif speċifikat fi § 1 tal-Anness għad-deċiżjonijiet kollha mogħtijin mill-qrati u t-tribunali kollha tagħhom;

(b)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-deċiżjonijiet kollha tal-qrati u t-tribunali li jiġu ppubblikati fil-websajts pubbliċi b'sett minimu ta' metadata kif imniżżel fi § 2 tal-Anness;

(c)

L-Istati Membri għandhom jaħtru koordinatur nazzjonali tal-ECLI kif deskritt fi § 3.1 tal-Anness;

(d)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tipparteċipa fis-sistema tal-European Case Law Identifier;

(e)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tistabbilixxi websajt tal-ECLI, bħala parti mill-portal tal-Ġustizzja Elettronika, kif deskritt fi § 4 tal-Anness;

(f)

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, f'kollaborazzjoni reċiproka u mill-qrib, tiftix interkonness ta' identifikaturi u metadata, kif imniżżel fi § 5 tal-Anness;

(g)

L-Istati Membri u l-qrati tagħhom għandhom jiddisseminaw l-informazzjoni fuq l-ECLI, il-websajt tal-ECLI u l-interface tat-tiftix fuq il-websajts u l-pubblikazzjonijiet nazzjonali tagħhom, anke jekk l-ECLI ma jkunx introdott f'dak l-Istat Membru speċifiku;

(h)

Apparti l-Istati Membri, il-pajjiżi kandidati u l-Istati ta' Lugano (8) huma mħeġġa jużaw is-sistema ECLI; u

(i)

Kull sena l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar bl-introduzzjoni tal-ECLI u l-metadata għall-każistika.


(1)  ĠU C 75, 31.3.2009, p. 1.

(2)  2007/2027(INI).

(3)  http://www.network-presidents.eu/

(4)  http://www.juradmin.eu/

(5)  http://ec.europa.eu/civiljustice/jure/search_en.cfm

(6)  http://infoportal.fra.europa.eu/

(7)  12907/1/09.

(8)  L-Islanda, in-Norveġja u l-Isvizzera.


ANNESS

1.   Il-format tal-European Case Law Identifier

1.

Il-European Case Law Identifier (ECLI) irid jikkonsisti f'dawn il-ħames komponenti li ġejjin, li jridu jidhru fl-ordni tal-lista:

(a)

l-abbrevjazzjoni “ECLI”;

(b)

il-kodiċi tal-pajjiż għall-pajjiż li taħtu taqa' l-kompetenza tad-deċiżjoni ġuridika mogħtija.

(i)

Għall-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati jintużaw il-kodiċijiet fil-Gwida tal-istil interistituzzjonali (1);

(ii)

għall-pajjiżi l-oħra jintuża ISO 3166 alpha-2;

(iii)

għall-Unjoni Ewropea jintuża l-kodiċi “EU”;

(iv)

għall-organizzazzjonijiet internazzjonali kodiċi għandu jiġi deċiż mill-Kummissjoni Ewropea, b'kont meħud tal-kodiċijiet li jibdew bi “X” kif diġà qed jintużaw mill-istituzzjonijiet Ewropej;

(c)

l-abbrevjazzjoni għall-qorti jew tribunal (minn hawn 'il quddiem: il-kodiċi tal-qorti). Il-kodiċi tal-qorti:

(i)

irid ikollha tal-anqas karattru wieħed, u mhux aktar minn seba' karattri;

(ii)

trid tibda dejjem b'ittra, iżda tista' tinkludi ċifri wkoll;

(iii)

għandha tiġi magħżula b'tali mod li tidher loġika għall-persuni familjari mal-organizzazzjoni tal-ġudikatura tal-pajjiż ikkonċernat;

(iv)

tal-anqas trid tkun abbrevjazzjoni tal-isem tal-qorti jew tribunal, iżda tista' tinkludi wkoll indikazzjoni tal-awla jew diviżjoni fl-istess qorti jew tribunal, speċjalment jekk it-tismija tal-awla jew id-diviżjoni hija abitwali fil-prattika taċ-ċitazzjoni tal-pajjiż;

(v)

m'għandhiex tinkludi informazzjoni dwar it-tip ta' dokument;

(vi)

trid tkun stabbilita skont § 5.1;

(vii)

Il-kodiċi tal-qorti “XX” trid tkun riservata għad-deċiżjonijiet tal-qrati u t-tribunali li mhumiex fil-lista stabbilita mill-koordinaturi nazzjonali tal-ECLI ta' dak l-Istat Membru (§ 3.1 (2-a)), li jinkludu deċiżjonijiet minn pajjiżi oħra jew qrati internazzjonali li għad m'għandhomx l-ECLI (għalissa) mill-Istat Membru tal-qorti emittenti;

(d)

is-sena tad-deċiżjoni, li trid tkun miktuba b'erba' ċifri;

(e)

numru ordinali, li jrid ikun uniku fis-sens li m'għandux ikun hemm aktar minn sentenza waħda tal-istess qorti fl-istess sena bl-istess numru ordinali. In-numru ordinali m'għandux ikun aktar minn 25 karattru. In-numru ordinali jista' jinkludi tikek (“.”), iżda mhux punteġġjatura.

2.

Il-komponenti kollha jkunu separati b'żewġ punti (“:”).

3.

ECLI m'għandux ikollu spazju bejn il-karattri jew marki tal-punteġġjatura, la fil-komponenti kostitwenti, u lanqas bejniethom – ħlief għal dawk imsemmija taħt (1-e) u (2).

4.

L-ittri fil-komponenti kollha jridu jkunu biss karattri alfanumeriċi tal-alfabett Latin.

5.

L-ittri fil-komponenti deskritt fi (1a), (1b), (1c) u (1e) għandhom jinkitbu bil-kapitali; mill-anqas m'għandux ikun hemm differenza fis-sens fir-rigward tal-kapitalizzazzjoni.

6.

Biex ma jkunx kompromess l-użu jew il-komprensibbiltà tiegħu ECLI m'għandux ikun estiż b'xi komponenti oħra.

7.

In-namespace tal-ECLI jrid ikun irreġistrat fi https://e-justice.europa.eu/ecli

2.   Metadata

1.

Sabiex tiżdied il-komprensibbiltà u t-traċċabilità tal-każistika, kull dokument li fih deċiżjoni ġuridika għandu jkollu sett ta' metadata kif deskritt f'dan il-paragrafu. Din il-metadata għandha tiġi deskritta skont l-istandards stabbiliti mid-Dublin Core Metadata Initiative (minn hawn 'il quddiem: DCMI), u kif speċifikat aktar f'dan il-paragrafu.

2.

Kull dokument li huwa istanza ta' sentenza għandu, u fil-każ li jrid ikun jista' jitfittex bl-interface kif deskritt fi § 5, irid ikollu l-metadata segwenti:

(a)

dcterms: identifier

URL fejn dan id-dokument ta' istanza, jew l-informazzjoni dwaru, jistgħu jinstabu. Dan jista' jkun f'forma ta' web-based resolver flimkien mal-ECLI, jew kull URL ieħor.

(b)

dcterms: isVersionOf

Il-forma ta' dan l-element trid tkun ECLI, kif deskritt fi § 1.

(c)

dcterms: creator

L-isem sħiħ tal-qorti. L-isem tal-awla jew id-diviżjoni tista' tkun inkluża.

(d)

dcterms: coverage

(i)

Il-pajjiż fejn il-qorti jew it-tribunal għandu s-sede.

(ii)

Tista' tinkludi wkoll parti ta' stat (federali) biex tispeċifika l-ġurisdizzjoni territorjali.

(e)

dcterms: date

Id-data tad-deċiżjoni, li trid tkun miktuba f'konformità ma' ISO 8601.

(f)

dcterms: language

(i)

Il-lingwa trid tkun abbrevjata, skont il-Gwida tal-istil interistituzzjonali. Fil-każ ta' lingwi li mhumiex inklużi f'din il-gwida tal-istil trid tintuża ISO 639.

(ii)

Il-lingwa mhix (neċessarjament) il-lingwa tas-sentenza oriġinali, iżda l-lingwa (prinċipali) tad-dokument tal-istanza.

(g)

determs: publisher

L-organizzazzjoni (kummerċjali jew pubblika) responsabbli għall-pubblikazzjoni ta' din l-istanza tas-sentenza.

(h)

dcterms: accessRights

Dan l-ispazju jrid ikollu żewġ valuri: “public” jew “private”. Jekk huwa “public” id-dokument fuq il-URL mogħti jrid ikun aċċessibbli minn kulħadd, inkella jirid jintuża l-valut “private”, kemm jekk l-aċċess għall-karattru mhux pubbliku huwa minħabba raġunijiet kummerċjali jew oħrajn.

(i)

dcterms: type

Dan l-ispazju jista' jkollu informazzjoni dwar it-tip ta' deċiżjoni mogħtija, skont skema. Dan l-ispazju jirreferi b'mod awtomatiku għal “deċiżjoni ġuridika” biex jiddistingwih minn tipi oħra ta' dokumenti.

3.

Kull dokument li huwa istanza ta' sentenza jista' jkun fih il-metadata segwenti:

(a)

dcterms: title

L-ispazju tat-titolu m'għandux ikun replika ta' spazji oħra. Preferibbilment għandu jintuża l-isem tal-partijiet jew psewdonimu, skont il-prattika nazzjonali u r-regoli għall-protezzjoni tad-data.

(b)

dcterms: subject

L-ispazju tas-suġġett jintuża biex jindika l-qasam tal-liġi. Għandu jinkludi wieħed jew aktar punti minn skema li fiha valuri għal-liġi ċivili, il-liġi kummerċjali, il-liġi tal-familja, il-liġi tal-insolvenza, il-liġi internazzjonali privata, il-liġi kriminali, il-liġi tal-UE, il-liġi amministrattiva, il-liġi dwar it-tassazzjoni, il-liġi pubblika internazzjonali u l-liġi kostituzzjonali, u jista' jkollu deskrizzjoni aktar speċifika tal-qasam tal-liġi.

(c)

dcterms: abstract

Dan l-ispazju fih riassunt jew sommarju tal-każ, li mhuwiex deskrizzjoni, klassifikazzjoni jew interpretazzjoni.

(d)

dcterms: description

Dan l-ispazju fih elementi deskrittivi, sew jekk f'forma ta' kliem prinċipali jew noti fil-bidu tal-paġna.

(e)

dcterms: contributor

Ismijiet tal-imħallfin, l-Avukat Ġenerali jew persunal ieħor involut.

(f)

dcterms: issued

Id-data tal-pubblikazzjoni ta' dan id-dokument tal-istanza tad-deċiżjoni. Id-data trid tinkiteb f'konformità ma' ISO 8601.

(g)

dcterms: references

(i)

Referenzi għal dokumenti (legali) oħra.

1.

Jekk dawn ir-referenzi huma għal sentenzi nazzjonali oħra, irid jintuża l-ECLI jekk id-dokument riferut għandu ECLI, inkella għandu jkollu referenzi oħra.

2.

Jekk dawn ir-referenzi huma għal strumenti legali tal-UE, irid jintuża n-numru tas-CELEX.

3.

Jekk dawn ir-referenzi huma għal strumenti legali nazzjonali, sentenzi li m'għandhomx ECLI jew għal kitbiet akkademiċi għandhom jintużaw URLs disponibbli jew sistemi ta' identifikazzjoni oħra.

(h)

dcterms: isReplacedBy

Ladarba jinħareġ, ECLI, irid ikun persistenti. Madankollu l-enumerar mill-ġdid ma jistax jiġi evitat minħabba żbalji amministrattivi jew meta ECLI jkun assenjat għal deċiżjonijiet b'kodiċi tal-qorti li qabel kienet XX (skont § 1 c) vii). F'tali każi ta' enumerar mill-ġdid l-ECLI ġdid irid jiġi rrekordjat f'dan l-ispazju. Dan l-ispazju m'għandu jkollu l-ebda tip ta' informazzjoni oħra.

4.

Il-metadata kollha f'dan il-paragrafu li m'għandhiex format fiss jew li mhijiex ibbażata fuq skema jrid ikollha attribut lingwistiku.

3.   Dwar l-implimentazzjoni nazzjonali

3.1.   Il-koordinatur nazzjonali tal-ECLI

1.

Kull Stat Membru li juża l-ECLI jrid jaħtar organizzazzjoni governattiva jew ġudizzjarja bħala l-koordinatur nazzjonali tal-ECLI. Pajjiż wieħed m'għandux ikollu aktar minn koordinatur wieħed għall-ECLI.

2.

Il-koordinatur nazzjonali tal-ECLI huwa responsabbli għal:

(a)

il-lista tal-qrati u t-tribunali li jista' jkollhom kodiċi kif imsemmi fi § 1 (1-c) u § 2 (2 c);

(b)

l-iskema dwar it-tipi ta' dokumenti kif imsemmi fi § 2 (2-i).

3.

Kif definit fi § 4, il-koordinatur nazzjonali tal-ECLI għandu jippubblika fuq il-websajt tal-ECLI, informazzjoni li tiddeskrivi l-mod li bih huwa kompost in-numru ordinali.

Sistemi ta' identifikazzjoni nazzjonali eżistenti għall-każistika għandhom – bl-aktar mod wiesa' possibbli – ikunu miġbura fl-ECLI. Madankollu jridu jiġu rrispettati r-regoli tal-ifformattjar ta' § 1.

3.2.   Implimentazzjoni

1.

L-implimentazzjoni nazzjonali tal-ECLI hija responsabbiltà nazzjonali, minkejja d-disponibbiltà possibbli ta' finanzjament Ewropew.

2.

Il-Qrati u t-tribunali fl-istess pajjiż jistgħu jissieħbu fis-sistema tal-ECLI f'perijodi differenti.

3.

L-ECLI għandu jintuża wkoll għall-eżempji fiżiċi tal-istess sentenza, biex ir-referenza għalihom tkun eħfef.

4.

L-ECLI għandu jintuża fis-sentenzi kollha li jkunu ngħataw, u mhux biss f'dawk li jkunu ppubblikati fuq il-websajts tal-ġudikatura.

5.

L-ECLI jista' jkun assenjat lil sentenzi storiċi.

6.

Fil-livell nazzjonali l-assenjar tal-ECLI għandu jkun organizzat bħala servizz separat, f'konformità mal-linji gwida tal-Qafas Ewropew tal-Interoperabbiltà.

4.   Il-websajt tal-ECLI

1.

Għandha tkun stabbilita websajt tal-ECLI; din il-websajt għandha tkun parti mill-portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.

2.

Il-websajt għandu jkun fiha:

(a)

informazzjoni dwar il-format u l-użu tal-ECLI. Fir-rigward tal-format għandu jkun fiha:

(i)

ir-regoli tal-ifformattjar kif deskritti fi § 1;

(ii)

(referenza għal) lista bl-abbrevjazzjonijiet tal-pajjiżi parteċipanti;

(iii)

listi ta' kull pajjiż tal-abbrevjazzjonijiet użati għall-qrati u t-tribunali parteċipanti. L-ismijiet tal-qrati għandhom jiġi tradotti fil-lingwi kollha, skont it-teżawru multilingwi tal-ismijiet tal-organizzazzjonijiet kif imniżżla biex jintużaw fil-portal tal-Ġustizzja Elettonika, u bil-hyperlinks għad-deskrizzjonijiet ta' dawn il-qrati kif elenkati fil-portal tal-Ġustizzja Elettronika – jekk disponibbli;

(iv)

deskrizzjoni tar-regoli tal-ifformattjar tan-numri sħaħ għal kull pajjiż (jekk disponibbli);

(v)

informazzjoni teknika;

(b)

informazzjoni dwar id-disponibbiltà tal-metadata, kif imniżżel fi § 2;

(c)

informazzjoni dwar il-koordinaturi nazzjonali tal-ECLI: ir-rwol u r-responsabbiltajiet tagħhom, iżda wkoll informazzjoni dwar il-kuntatt għal kull pajjiż;

(d)

il-websajt għandha toffri aċċess għall-interface tat-tiftix komuni, deskritt fi § 5, dment li dan ikun disponibbli.

5.   L-interface tat-tiftix tal-ECLI

1.

Għandu jkun hemm interface tat-tiftix komuni għat-tiftix ta' każistika nazzjonali bl-ECLI u (xi wħud) bil-metadata kif definit fi § 2. L-introduzzjoni tal-ECLI u s-sett ta' metadata komuni mhuwiex dipendenti fuq id-disponibbiltà tal-interface tat-tiftix.

2.

F'konformità mal-pjan ta' azzjoni Ewropew dwar il-Ġustizzja Elettronika l-interface għandu jkun deċentralizzat fin-natura: m'għandu jinbena l-ebda database fil-livell Ewropew; għandha tkun ipprovduta biss possibbiltà ta' tiftix f'databases nazzjonali interkonnessi jew websajts.

3.

Il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli għall-funzjonament tekniku tal-interface tat-tiftix.

4.

Għall-utenti finali l-interface tat-tiftix tal-ECLI jrid ikunu disponibbli permezz tal-websajt tal-ECLI, għalkemm m'għandhiex għalfejn tkun parti teknika integrali tagħha.

5.

Il-Kummissjoni Ewropea trid tagħmel disponibbli interface li jkun deskritt b'mod tajjeb għall-applikazzjonijiet fuq l-internet biex jikkollegaw mal-interface tat-tiftix. Trid tagħmel disponibbli wkoll mekkaniżmu għall-koordinaturi nazzjonali tal-ECLI biex jaġġornaw il-lista tagħhom tal-qrati u t-tribunali u biex jippubblikaw informazzjoni dwar l-ifformattjar tas-sistema(i) tal-enumerar bin-numri sħaħ.

6.

F'każ ta' abbuż jew imgiba ħażina l-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tinnega lil organizzazzjoni d-dritt ta' ikkonettjar mal-interface tat-tiftix lill-organizzazzjoni.

7.

Resolver irid ikun disponibbli fuq https://e-justice.europa.eu/ecli/ li jfisser li l-ittri ECLI wara dan l-indirizz elettroniku ser juri d-data disponibbli fuq dan l-ECLI permezz tal-interface tat-tiftix.

6.   L-ECLI fl-UE

1.

Il-koordinatur tal-ECLI għall-UE huwa l-Qorti tal-Ġustizzja.

2.

Fejn xieraq fl-Anness “pajjiż” jew “Stat Membru” għandu jaqra “UE”.


(1)  http://publications.europa.eu/code/en/en-370100.htm


Top