EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0635

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL fuq Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ

/* KUMM/2011/0635 finali - 2011/0284 (COD) */

52011PC0635

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL fuq Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ /* KUMM/2011/0635 finali - 2011/0284 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

· - Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Id-differenzi fil-liġi kuntrattwali bejn l-Istati Membri jfixklu lill-kummerċjanti u l-konsumaturi li jixtiequ jidħlu f’kummerċ transkonfinali fis-suq intern. L-ostakli li jirriżultaw minn dawn id-differenzi jiddisswadu lill-kummerċjanti, b’mod partikolari lill-intrapriżi, żgħar u ta’ daqs medju (SME), milli jagħmlu kummerċ transkonfinali jew jespandu fi swieq fi Stati Membri ġodda. Il-konsumaturi huma mxekkla milli jkollhom aċċess għal prodotti offruti minn kummerċjanti fi Stati Membri oħra.

Bħalissa, wieħed biss minn kull għaxar kummerċjanti tal-Unjoni, involut fil-bejgħ tal-merkanzija, jesporta fl-UE u l-maġġoranza ta’ dawk li jagħmlu dan, jesportaw biss lejn numru żgħir ta’ Stati Membri. L-ostakli relatati mal-liġi kuntrattwali huma wieħed mill-fatturi ewlenin li jikkontribwixxu għal din is-sitwazzjoni. L-istħarriġ[1] juri li mill-firxa ta’ ostakli għall-kummerċ transkonfinali inklużi r-regolamenti tat-taxxa, ir-rekwiżiti amministrattivi, id-diffikultajiet fil-kunsinna, il-lingwa u l-kultura, il-kummerċjanti kklassifikaw l-ostakli relatati mal-liġi kuntrattwali fost l-akbar ostakli għal kummerċ transkonfinali.

Minħabba l-ħtieġa li l-kummerċjanti jadattaw għall-liġijiet nazzjonali kuntrattwali differenti li jistgħu japplikaw f’operazzjonijiet transkonfinali, il-kummerċ transkonfinali isir iktar kumpless u għali meta mqabbel mal-kummerċ domestiku, kemm għal tranżazzjonijiet bejn negozju u l-konsumatur kif ukoll għal dawk bejn in-negozji.

Ġeneralment, f’sitwazzjonijiet transkonfinali, il-kummerċjanti jġarrbu spejjeż addizzjonali marbuta mat-tranżazzjonijiet meta mqabbel ma' dawk imġarrba fil-kummerċ domestiku. Dawn jinkludu d-diffikultà li jsiru jafu dwar id-dispożizzjonijiet ta’ liġi kuntrattwali barranija applikabbli, li jiksbu parir legali, li jkun hemm negozjar dwar il-liġi applikabbli fi tranżazzjonijiet bejn in-negozji u l-adattament tal-kuntratti skont il-ħtiġijiet tal-liġi tal-konsumatur fit-tranżazzjonijiet bejn negozju u konsumatur.

Fit-tranżazzjonijiet bejn negozju u konsumatur, l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet relatati mal-liġi kuntrattwali u l-ostakoli legali li joriġinaw mid-differenzi bejn ir-regoli obbligatorji nazzjonali differenti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur għandhom impatt sinifikanti. Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali (Ruma I)[2], kull meta negozju jindirizza l-attivitajiet tiegħu lejn il-konsumaturi fi Stat Membru ieħor, huwa għandu jikkonforma mal-liġi kuntrattwali ta’ dak l-Istat Membru. Fil-każijiet fejn tkun intgħażlet liġi applikabbli oħra mill-partijiet u meta d-dispożizzjonijiet obbligatorji tal-protezzjoni tal-konsumatur tal-Istat Membru tal-konsumatur jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni, dawn ir-regoli obbligatorji tal-liġi tal-konsumatur għandhom jiġu rispettati. Għaldaqstant jeħtieġ li l-kummerċjanti jsiru jafu minn qabel jekk il-liġi tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-konsumatur tipprovdix livell ogħla ta’ protezzjoni u jiżguraw li l-kuntratt tagħhom ikun konformi mar-rekwiżiti tagħha. L-armonizzazzjoni eżistenti tal-liġi tal-konsumatur fuq livell tal-Unjoni wasslet għal ċerta approssimazzjoni f’xi oqsma, iżda d-differenzi bejn il-liġijiet tal-Istati Membri jibqgħu sostanzjali. Fi tranżazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku, il-kummerċjanti jġarrbu spejjeż ulterjuri relatati mal-liġi kuntrattwali li ġejjin mill-ħtieġa li l-websajt tan-negozju tiġi adattata skont ir-rekwiżiti legali ta’ kull Stat Membru fejn huma jindirizzaw l-attività tagħhom.

Fi transazzjonijiet transkonfinali bejn il-kummerċjanti, il-partijiet mhumiex suġġetti għall-istess restrizzjonijiet fuq il-liġi applikabbli. Madankollu, l-impatt ekonomiku tan-negozjar u l-applikazzjoni ta’ liġi barranija huwa kbir ukoll. L-ispejjeż li jirriżultaw minn operazzjonijiet ma’ diversi liġijiet nazzjonali huma ta’ piż partikolarment għall-SME. Fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ kumpaniji akbar, l-SME ġeneralment ikunu jridu jaqblu li japplikaw il-liġi tal-imsieħeb tagħhom fin-negozju u jġarrbu l-ispejjeż li jinfurmaw ruħhom dwar il-kontenut tal-liġi barranija applikabbli għall-kuntratt u dwar il-konformità magħha. F’kuntratti bejn l-SME, il-ħtieġa li tiġi nnegozjata l-liġi applikabbli hija ostakolu sinifikanti għall-kummerċ transkonfinali. Fiż-żewġ tipi ta’ kuntratti (minn negozju għal negozju u min-negozju għall-konsumatur), għall-SMEs, dawn l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet addizzjonali jistgħu anki jkunu sproporzjonati meta mqabbel mal-valur tat-tranżazzjoni.

Dawn l-ispejjeż addizzjonali tat-tranżazzjoni jikbru proporzjonalment skont in-numru ta’ Stati Membri li fihom jesporta l-kummerċjant. Fil-fatt, aktar ma jesportaw lejn pajjiżi, aktar tkun kbira l-importanza mogħtija mill-kummerċjanti lid-differenzi fil-liġi kuntrattwali bħala ostakolu għall-kummerċ. L-SME huma partikolarment żvantaġġati: aktar ma jkun żgħir il-fatturat ta’ kumpanija, aktar ikun kbir is-sehem li jirrappreżenta l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet.

Il-kummerċjanti huma esposti wkoll għal żieda fil-kumplessità legali fil-kummerċ transkonfinali, meta mqabbel mal-kummerċ domestiku, peress li sikwit ikollhom jinnegozjaw ma’ liġijiet nazzjonali kuntrattwali multipli b'karatteristiċi differenti.

L-ittrattar mal-liġijiet barranin iżid il-komplessità tat-tranżazzjonijiet transkonfinali. Il-kummerċjanti kklassifikaw id-diffikultà biex jiksbu informazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet ta’ liġi kuntrattwali barranija fl-ewwel post fost l-ostakli għal tranżazzjonijiet min-negozju għall-konsumatur u fit-tielet post għal tranżazzjonijiet minn negozju għal negozju[3]. Ikun hemm iktar kumplessità legali meta jkun hemm kummerċ ma' pajjiż li s-sistema legali tiegħu hija fundamentalment differenti filwaqt li ntwera b'mod empiriku li l-kummerċ bilaterali bejn il-pajjiżi li jkollhom sistemi legali b'oriġini komuni huwa ħafna iktar mill-kummerċ bejn żewġ pajjiżi mingħajr din l-oriġini komuni[4].

Għalhekk, id-differenzi fil-liġi kuntrattwali u l-ispejjeż addizzjonali tat-tranżazzjonijiet u l-kumplessità li jiġġeneraw fit-tranżazzjonijiet transkonfinali jiddiswadu għadd konsiderevoli ta’ kummerċjanti, b’mod partikolari l-SME, milli jespandu fis-swieq ta’ Stati Membri oħrajn. Dawn id-differenzi għandhom ukoll l-effett li jillimitaw il-kompetizzjoni fis-suq intern. Il-valur tal-kummerċ mitluf kull sena bejn l-Istati Membri minħabba d-differenzi fil-liġi kuntrattwali biss jammonta għal għexieren ta’ biljuni ta’ euros.

L-opportunitajiet mitlufa għall-kummerċ transkonfinali għandhom ukoll impatt negattiv fuq il-konsumaturi Ewropej. Inqas kummerċ transkonfinali, jirriżulta f’inqas importazzjonijiet u inqas kompetittività bejn il-kummerċjanti. Dan jista’ jwassal għal għażla aktar limitata ta’ prodotti bi prezz ogħla fis-suq tal-konsumatur.

Filwaqt li x-xiri transkonfinali jista’ jġib miegħu l-vantaġġi ekonomiċi sostanzjali ta’ iktar offerti u ta' offerti aħjar, il-maġġoranza tal-konsumaturi Ewropej jixtru biss domestikament. Waħda mir-raġunijiet importanti għal din is-sitwazzjoni hija li minħabba d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali, il-konsumaturi huma spiss inċerti rigward id-drittijiet tagħhom f’sitwazzjonijiet transkonfinali. Pereżempju, waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlieni tagħhom hija dwar liema rimedji jkollhom meta prodott mixtri minn Stat Membru ieħor ma jkunx konformi mal-kuntratt. Ħafna konsumaturi għalhekk jaqtgħu qalbhom milli jixtru barra mis-suq domestiku tagħhom. Huma jitilfu opportunitajiet fis-suq intern, peress li spiss fi Stat Membru ieħor ikun hemm offerti aħjar f’termini ta' kwalità u prezz.

Il-kummerċ elettroniku jiffaċilita t-tfittxija għall-offerti kif ukoll il-paragun tal-prezzijiet u kundizzjonijiet oħra irrispettivament minn fejn ikun stabbilit il-kummerċjant. Madankollu, meta l-konsumaturi jippruvaw jagħmlu ordnijiet ma’ negozju minn Stat Membru ieħor, ħafna drabi jaffaċċjaw il-prattika tan-negozju li jirrifjuta li jbiegħ li ta' spiss tkun minħabba d-differenzi fil-liġi kuntrattwali.

L-għan ġenerali tal-proposta huwa li ttejjeb l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern billi tiffaċilita l-espansjoni tal-kummerċ transkonfinali għan-negozju u x-xiri transkonfinali għall-konsumaturi. Dan l-għan jista’ jintlaħaq billi jkun hemm disponibbli sensiela awtonoma u uniformi ta’ regoli tal-liġi kuntrattwali li jinkludu dispożizzjonijiet biex jipproteġu lill-konsumatur, il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, li għandha titqies bħala sistema oħra ta' liġi kuntrattwali fil-liġi nazzjonali ta' kull Stat Membru.

Il-kummerċjanti għandu jkollhom il-fakultà li japplikaw il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ fin-negozjati transkonfinali kollha tagħhom fi ħdan l-Unjoni Ewropea minflok ikollhom jadattaw għal liġijiet kuntrattwali nazzjonali differenti, u dak sakemm il-parti l-oħra tal-kuntratt taqbel. Din għandha tkopri ċ-ċiklu kollu tal-ħajja ta' kuntratt u għaldaqstant tinkludi bosta mill-oqsma li huma rilevanti meta jiġu konklużi l-kuntratti transkonfinali. Bħala riżultat ta' dan, il-ħtieġa għall-kummerċjanti biex jiksbu informazzjoni dwar il-liġijiet nazzjonali ta' Stati Membri oħrajn għandha tkun limitata għal xi kwistjonijiet biss, li huma ħafna inqas importanti u li ma jkunux koperti mil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. Fit-tranżazzjonijiet bejn negożju u konsumatur mhux se jkun hemm aktar bżonn li jiġu identifikati d-dispożizzjonijiet mandatorji dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, peress li l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandu jkollha regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur kompletament armonizzati li jipprovdu għal standard għoli ta' protezzjoni fl-Unjoni Ewropea kollha. Fit-tranżazzjonijiet transkonfinali bejn il-kummerċjanti, in-negozjati dwar il-liġi applikabbli jistgħu jitmexxew aktar faċilment, peress li l-partijiet kontraenti jista' jkollhom l-opportunità li jaqblu fuq l-użu tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ – li hija aċċessibbli bl-istess mod għalihom it-tnejn – biex jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali tagħhom.

Bħala konsegwenza diretta, il-kummerċanti jistgħu jiffrankaw l-ispejjeż addizzjonali tat-tranżazzjonijiet relatati mal-liġi kuntrattwali u jistgħu joperaw f’ambjent legali inqas kumpless għall-kummerċ transkonfinali fuq il-bażi ta’ sett wieħed ta’ regoli madwar l-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-kummerċjanti jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ mis-suq intern billi jespandu l-kummerċ transkonfinali tagħhom u konsegwentement, il-kompetizzjoni fis-suq intern se tiżdied. Il-konsumaturi jibbenefikaw minn aċċess aħjar għal offerti minn mill-Unjoni Ewropea bi prezzijiet aktar baxxi u jiffaċċjaw inqas rifjuti ta’ bejgħ. Huma jgawdu wkoll minn aktar ċertezza dwar id-drittijiet tagħhom fix-xiri transkonfinali fuq il-bażi ta’ sett wieħed ta’ regoli obbligatorji li joffru livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur.

Il-kuntest ġenerali

Permezz tal-Komunikazzjoni tagħha tal-2001[5], il-Kummissjoni nediet proċess ta’ konsultazzjoni pubblika estensiva dwar il-qafas legali frammentat fil-qasam tal-liġi kuntrattwali u l-effetti tiegħu li jxekklu l-kummerċ transkonfinali. F’Lulju 2010, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika permezz tal-pubblikazzjoni ta’ ‘Green Paper dwar l-alternattivi politiċi għal progress lejn liġi kuntrattwali Ewropea għall-konsumaturi u n-negozji’[6] (Green Paper), li stabbiliet alternattivi politiċi differenti dwar kif jissaħħaħ is-suq intern billi jsir progress fil-qasam tal-liġi kuntrattwali Ewropea.

Bi tweġiba għall-Green Paper, il-Parlament Ewropew ħareġ Riżoluzzjoni tat-8 Ġunju 2011 li fiha esprima l-appoġġ sħiħ tiegħu għal strument li jtejjeb l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u jġib benefiċċji lill-kummerċjanti, lill-konsumaturi u lis-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Ewropa 2020’[7] tirrikonoxxi l-ħtieġa li jkun iktar faċli u irħas għall-kummerċjanti u l-konsumaturi biex jikkonkludu kuntratti ma’ imsieħba fi Stati Membri oħrajn, partikolarment billi jsir progress lejn liġi kuntrattwali Ewropea fakultattiva. L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa[8] tipprevedi strument fakultattiv fil-liġi kuntrattwali Ewropea biex tingħeleb il-frammentazzjoni tal-liġi kuntrattwali u tingħata spinta lill-kunfidenza tal-konsumatur fil-kummerċ elettroniku.

· Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Hemm differenzi sinifikanti bejn il-liġijiet kuntrattwali fl-Istati Membri. L-Unjoni inizjalment bdiet tirregola l-qasam tal-liġi kuntrattwali permezz ta’ Direttivi ta’ armonizzazzjoni minima adottati fil-qasam tal-liġi tal-protezzjoni tal-konsumatur. L-approċċ ta’ armonizzazzjoni minima fisser li l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà li jżommu jew jintroduċu rekwiżiti obbligatorji aktar stretti minn dawk previsti fl-acquis. Fil-prattika, dan l-approċċ wassal għal soluzzjonijiet diverġenti fl-Istati Membri anke f’oqsma li ġew armonizzati fuq livell tal-Unjoni. B’kuntrast ma’ dan, id-Direttiva tad-Drittijiet tal-Konsumantur adottata riċentement, tarmonizza b’mod sħiħ l-oqsma ta’ informazzjoni prekuntrattwali li għandha tingħata lill-konsumaturi, id-dritt tal-konsumatur li jirtira f'kuntratti mill-bogħod u f'kuntratt barra mill-post tan-negozju, kif ukoll ċerti aspetti tal-kunsinna ta' merkanzija u tat-trasferiment ta’ riskju.

Fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn il-kummerċjanti, l-Unjoni rregolat il-qasam tal-ġlieda kontra ħlasijiet tard billi stabbiliet regoli dwar ir-rati ta’ imgħax minimu. Fuq livell internazzjonali, il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Bejgħ Internazzjonali ta' Merkanzija (CISG) tapplika awtomatikament kull meta l-partijiet ma jagħżlux li japplikaw liġi oħra. Il-CISG tirregola ċerti aspetti fil-kuntratti tal-bejgħ ta' merkanzija iżda tħalli barra mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha kwistjonijiet importanti, bħal difetti fil-kunsens, kundizzjonijiet kuntrattwali inġusti u preskrizzjoni. Jinħolqu iktar limitazzjonijiet għall-applikabilità tagħha peress li mhux l-Istati Membri kollha ffirmaw il-Konvenzjoni ta' Vjenna[9] u m’hemmx mekkaniżmu li jista’ jiżgura l-interpretazzjoni uniformi tagħha.

Xi leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija rilevanti kemm għal relazzjonijiet bejn negozju u konsumatur kif ukoll bejn in-negozji. Id-Direttiva tal-Kummerċ Elettroniku[10] fiha regoli dwar il-validità ta’ kuntratti konklużi b’mezzi elettroniċi u fuq ċerti rekwiżiti prekuntrattwali.

Fil-qasam tal-liġi internazzjonali privata, l-Unjoni adottat strumenti dwar l-għażla tal-liġi, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I)[11], u, fir-rigward tad-doveri ta’ informazzjoni prekuntrattwali, ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II)[12]. L-ewwel wieħed minn dawk l-istrumenti jistabbilixxi regoli biex tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli fil-qasam tal-obbligi kuntrattwali u t-tieni fil-qasam tal-obbligi mhux kuntrattwali, inklużi dawk li jirriżultaw mid-dikjarazzjonijiet prekuntrattwali.

Ir-Regolament Ruma I u r-Regolament Ruma II se jibqgħu japplikaw u mhumiex se jiġu affetwati mill-proposta. Se jkun neċessarju li tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għal kuntratti transkonfinali. Se jkun neċessarju li tiġi ddeterminata l-liġi applikabbli għal kuntratti transkonfinali. Din tista' tiġi ddeterminata mill-partijiet nnifishom (l-Artikolu 3 tar-Regolament Ruma I) u jekk il-partijiet ma jiddeterminawhiex, dan isir fuq il-bażi ta' regoli awtomatiċi fl-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma I. Fir-rigward tal-kuntratti tal-konsumatur, skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I, jekk il-partijiet ma jagħżlux il-liġi applikabbli, din tkun il-liġi tar-residenza abituwali tal-konsumatur.

Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ se tkun sistema oħra ta' liġi kuntrattwali fil-liġi nazzjonali ta' kull Stat Membru. Meta il-partijiet ikunu qablu li jużaw il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, ir-regoli tagħha se jkunu l-uniċi regoli nazzjonali applikabbli għall-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Fejn il-kwistjoni taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, għaldaqstant m'hemmx lok għall-applikazzjoni ta' kwalunkwe liġijiet nazzjonali oħrajn. Dan il-ftehim biex tintuża l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ huwa għażla bejn żewġ settijiet differenti ta' liġi dwar il-bejgħ fi ħdan l-istess liġi nazzjonali u għaldaqstant mhux ekwivalenti għall-għażla preċedenti tal-liġi applikabbli fit-tifsira tar-regoli tal-liġi privata internazzjonali, u m'għandux jiġi konfuż magħha.

Peress li l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ mhijiex se tkopri kull aspett ta' kuntratt (pereżempju, l-illegalità ta' kuntratti, ir-rappreżentazzjoni) ir-regoli eżistenti tal-liġi ċivili tal-Istat Membru li hija applikabbli għall-kuntratt xorta tibqa' tirregola kwistjonijiet residwi bħal dawn.

Madankollu, taħt l-operat normali tar-Regolament Ruma I hemm restrizzjonijiet fir-rigward tal-għażla tal-liġi għat-tranżazzjonijiet bejn negozju u konsumatur. Jekk fi tranżazzjonijiet bejn negozju u konsumatur il-partijiet jagħżlu l-liġi ta' Stat Membru ieħor minflok il-liġi tal-konsumatur, din l-għażla ma tistax, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Ruma I, iċċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni tad-dispożizzjonijiet mandatorji tal-liġi tal-pajjiż tar-residenza abitwali tiegħu (l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Ruma I). Madankollu, id-dispożizzjoni tal-aħħar ma jistax ikollha importanza prattika jekk il-partijiet ikunu għażlu l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ fi ħdan il-liġi nazzjonali. Ir-raġuni hija li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tal-liġi tal-pajjiż magħżul huma identiċi għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tal-pajjiż tal-konsumatur. Għaldaqstant il-livell tal-liġijiet mandatorji dwar il-protezzjoni tal-konsumatur tal-pajjiż tal-konsumatur mhuwiex ogħla u l-konsumatur mhuwiex miċħud mill-protezzjoni tal-liġi tal-pajjiż tar-residenza abitwali tiegħu.

· Konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija konsistenti mal-għan li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur peress li fiha regoli obbligatorji ta’ protezzjoni tal-konsumatur li l-partijiet ma jistgħux jidderogaw minnhom għad-detriment tal-konsumatur. Barra minn hekk, il-livell ta’ protezzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet obbligatorji huwa ugwali jew ogħla mill-acquis attwali.

Il-proposta hija konsistenti wkoll mal-politika tal-Unjoni biex tgħin lill-SME jibbenefikaw aktar mill-opportunitajiet offruti mis-suq intern. Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tista' tintgħażel f'kuntratti bejn il-kummerċjanti fejn mill-inqas wieħed minnhom ikun SME li juża r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361[13] dwar id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi futuri.

Fl-aħħarnett, il-proposta hija konsistenti mal-politika tal-kummerċ internazzjonali tal-Unjoni, fis-sens li ma tiddiskriminax kontra partijiet minn pajjiżi terzi li jistgħu wkoll jagħżlu li japplikaw il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ sakemm parti waħda fil-kuntratt tkun stabbilita fi Stat Membru.

Din il-proposta hija mingħajr ħsara għal inizzjattivi futuri tal-Kummissjoni rigward ir-responsabbiltà għall-ksur tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, pereżempju fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni.

2.         RIŻULTATI TA’ KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

· Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Mal-pubblikazzjoni tal-Green Paper, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika estensiva li għalqet fil-31 ta’ Jannar 2011. Bi tweġiba għall-konsultazzjoni tal-Green Paper, il-Kummissjoni rċeviet 320 risposta mill-kategoriji kollha tal-partijiet interessati minn madwar l-Unjoni. Bosta minn dawk li wieġbu raw li l-Alternattiva 1 (pubblikazzjoni tar-riżultati tal-Grupp ta’ Esperti) u l-Alternattiva 2 (‘għodda’ għal-leġiżlatur tal-Unjoni) għandhom valur. L-Alternattiva 4 (strument fakultattiv tal-liġi kuntrattwali Ewropea) irċeviet appoġġ indipendentement jew flimkien ma’ 'sett ta' strumenti' minn diversi Stati Membri kif ukoll minn partijiet interessati oħra; sakemm tissodisfa ċerti kundizzjonijiet, bħal livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, u ċarezza u faċilità tal-użu għall-utent tad-dispożizzjonijiet. Waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlenin fir-risposti tal-partijiet interessati għall-Green Paper kienet in-nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tal-kontenut sostantiv ta’ strument possibbli tal-liġi kuntrattwali Ewropea. Il-Kummissjoni indirizzat dan it-tħassib billi tat lill-partijiet interessati l-opportunità li jikkummentaw dwar l-Istudju ta’ Fattibilità żviluppat mill-Grupp ta’ Esperti dwar liġi kuntrattwali Ewropea.

It-tweġibiet għall-Green Paper esprimew ukoll preferenzi għall-kamp ta' applikazzjoni materjali tal-istrument. Bħala riżultat, il-proposta tiffoka fuq kuntratti għall-bejgħ ta’ merkanzija.

Permezz ta’ Deċiżjoni tas-26 ta’ April 2010[14], il-Kummissjoni stabbiliet il-Grupp ta’ Esperti dwar il-liġi kuntrattwali Ewropea. Dan il-Grupp kellu l-kompitu li jiżviluppa Studju ta’ Fattibbiltà dwar strument possibbli futur tal-liġi kuntrattwali Ewropea li jkopri l-aspetti ewlenin li jqumu fil-prattika fit-tranżazzjonijiet transkonfinali.

F'Settembru 2010 twaqqażf grupp ewlieni ta’ partijiet interessati (assoċjazzjonijiet ta’ negozji u konsumaturi, rappreżentanti tas-setturi bankarji u tal-assigurazzjoni u tal-professjonijiet legali ta’ avukati u nutara) bil-għan li jagħti kontribut prattiku lill-Grupp ta’ Esperti dwar il-faċilità tal-użu għall-utent tar-regoli żviluppati għall-Istudju ta’ Fattibbiltà. L-Istudju ta’ Fattibilità ġie ppubblikat fit-3 ta' Mejju 2011 u l-konsultazzjoni informali kienet miftuħa sal-1 ta’ Lulju 2011.

· Valutazzjoni tal-Impatt

Il-Valutazzjoni tal-Impatt (IA) analizzat is-seba’ alternattivi politiċi stipulati fil-Green Paper; ir-Rapport tal-IA fih deskrizzjoni u analiżi sħiħa ta’ dawn l-alternattivi.

Dawn l-alternattivi kienu: ix-xenarju bażiku (l-ebda bidla fil-politika), ‘sett ta' strumenti’ għal-leġiżlatur, Rakkomandazzjoni dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, Regolament li jwaqqaf Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ fakultattiva, Direttiva (armonizzazzjoni sħiħa jew minima) dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ obbligatorja, Regolament li jistabbilixxi liġi kuntrattwali Ewropea u Regolament li jistabbilixxi Kodiċi Ċivili Ewropew.

Wara analiżi komparattiva tal-impatti ta’ dawn l-alternattivi, ir-Rapport tal-IA wasal għall-konklużjoni li l-alternattivi ta' sistema tal-liġi kuntrattwali uniformi fakultattiva, Direttiva ta’ armonizzazzjoni sħiħa u Regolament li jistabbilixxi sistema tal-liġi kuntrattwali uniformi mandatorja jilħqu l-għanijiet tal-politika. Madankollu, filwaqt li dawn tal-aħħar għandhom inaqqsu b’mod konsiderevoli l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet għall-kummerċjanti u joffru ambjent legali inqas kumpless għal dawk li jixtiequ jidħlu f’kummerċ transkonfinali, dawn l-alternattivi jistgħu joħolqu wkoll piż konsiderevoli għall-kummerċjanti peress li dawk li jinnegozjaw domestikament biss ikollhom ukoll jadattaw għal qafas leġiżlattiv ġdid. L-ispejjeż biex jiffamiljarizzaw ruħhom ma' liġi mandatorja ġdida bħal din ikunu partikolarment sinifikanti meta mqabbla ma' sistema tal-liġi kuntrattwali uniformi fakultattiva, peress li dawn jista’ jkollhom impatt fuq il-kummerċjanti kollha. Min-naħa l-oħra sistema ta' liġi kuntrattwali uniformi fakultattiva toħloq biss spejjeż kbar ta' darba għal dawk il-kummerċjanti li jixtiequ jużawha għall-kummerċ transkonfinali tagħhom. Għalhekk ġie rraġunat li l-istabbiliment ta' sistema ta' liġi kuntrattwali uniformi fakultattiva hija l-aktar azzjoni proporzjonata peress li tnaqqas l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet li jġarrbu l-kummerċjanti li jesportaw lejn bosta Stati Membri u jagħti lill-konsumaturi għażla akbar ta’ prodotti bi prezz aktar baxx. Fl-istess ħin, dan iżid ukoll il-livell ta' protezzjoni tal-konsumatur offrut lill-konsumaturi li xtraw minn pajjiż ieħor biex b’hekk tinħoloq il-fiduċja peress li dawn ikollhom l-istess sett ta’ drittijiet madwar l-Unjoni kollha.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

· Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-Proposta tipprovdi għall-istabbiliment tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. Hija tarmonizza l-liġijiet kuntrattwali nazzjonali tal-Istati Membri mhux billi tirrikjedi li jsiru emendi fil-liġi kuntrattwali nazzjonali pre-eżistenti, iżda billi toħloq fi ħdan il-liġi nazzjonali ta' kull Stat Membru sistema oħra ta' liġi kuntrattwali għall-kuntratti koperti bil-kamp ta' applikazzjoni tagħha, li tkun identika madwar l-Unjoni Ewropea kollha u teżisti flimkien mar-regoli pre-eżistenti tal-liġi kuntrattwali nazzjonali. Jekk il-partijiet jaqblu b’mod espliċitu, il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandha tapplika fuq bażi volontarja għal kuntratt transkonfinali.

· Bażi legali

Din il-proposta hija msejsa fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Il-proposta tagħmel dispożizzjoni biex ikun hemm sett uniformi wieħed ta' regoli tal-liġi kuntrattwali kompletament armonizzati, inklużi r-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, fil-forma ta' Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ li għandha titqies bħala sistema oħra ta' liġi kuntrattwali fi ħdan il-liġi nazzjonali ta' kull Stat Membru disponibbli fi tranżazzjonijiet transkonfinali meta jkun hemm ftehim validu bejn il-partijiet. Dan il-ftehim mhux ekwivalenti għall-għażla tal-liġi applikabbli fit-tifsira tar-regoli tal-liġi privata internazzjonali u ma jistax jiġi konfuż magħha. Minflok, din l-għażla ssir fil-qafas ta' liġi nazzjonali li htkun applikabbli skont ir-regoli tal-liġi privata internazzjonali.

L-għan ta' din is-soluzzjoni huwa l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Hija tneħħi l-ostakoli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali li jirriżultaw mid-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali, b’mod partikolari mill-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet addizzjonali u l-kumplessità legali perċepita li jesperjenzaw il-kummerċjanti meta jikkonkludu tranżazzjonijiet transkonfinali u min-nuqqas ta’ fiduċja fid-drittijiet tagħhom li jesperjenzaw il-konsumaturi meta jixtru minn pajjiż ieħor tal-UE - li kollha jkollhom effett dirett fuq l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u jillimitaw il-kompetizzjoni.

Skont l-Artikolu 114(3) tat-TFUE, il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur billi twaqqaf sett ta’ regoli obbligatorji tagħha stess li jżommu jew itejbu l-livell ta’ protezzjoni li l-konsumaturi jgawdu taħt il-liġi eżistenti tal-UE tal-konsumatur.

· Prinċipju ta’ sussidjarità

Il-proposta hija konfomri mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

L-għan ta' din il-proposta – jiġifieri, il-kontribuzzjoni għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi jkun hemm disponibbli sett uniformi tar-regoli tal-liġi kuntrattwali fakultattivi – għandu dimensjoni transkonfinali u ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri fil-qafas tas-sistemi nazzjonali tagħhom.

Sakemm id-differenzi tal-liġijiet kuntrattwali nazzjonali jkomplu joħolqu spejjeż sinifikanti u addizzjonali tat-tranżazzjonijiet fir-rigward ta' tranżazzjonijiet transkonfinali, l-għan li jitlesta s-suq intern, billi tiġi ffaċilitata l-espansjoni tal-kummerċ transkonfinali għall-kummerċjanti u x-xiri transkonfinali għall-konsumaturi, ma jistax jintlaħaq kompletament.

Billi jadottaw miżuri mhux koordinati fil-livell nazzjonali, mhux se jkun possibbli għall-Istati Membri li jneħħu l-ispejjeż addizzjonali tat-tranżazzjonijiet u l-kumplessità legali li tirriżulta mid-differenzi fil-liġijiet nazzjonali kuntrattwali li jesperjenzaw il-kummerċjanti fil-kummerċ transkonfinali fl-UE. Il-konsumaturi jkomplu jesperjenzaw inqas għażla u aċċess limitat għal prodotti minn Stati Membri oħra. Dawn mhux se jkollhom il-fiduċja li tirrużulta mill-għarfien tad-drittijiet tagħhom.

Għaldaqstant -l-għan tal-proposta jista' jinkiseb aħjar b'azzjoni fuq livell tal-Unjoni, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà. L-Unjoni hija fl-aħjar pożizzjoni biex tindirizza l-problemi tal-frammentazzjoni legali permezz ta’ miżura fil-qasam tal-liġi kuntrattwali li tqarreb ir-regoli applikabbli għal tranżazzjonijiet transkonfinali. Barra minn hekk, aktar ma jevolvu t-tendenzi tas-suq u jħajru lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni b’mod indipendenti, pereżempju fir-regolamentazzjoni tal-kontenut diġitali emerġenti tas-suq, id-diverġenzi regolatorji li jwasslu għal żieda fl-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u nuqqasijiet fil-protezzjoni tal-konsumaturi x’aktarx li jiżdiedu.

· Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE.

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta huwa limitat għall-aspetti li joħolqu problemi reali fi tranżazzjonijiet transkonfinali u ma jestendix għal aspetti li huma jiġu indirizzati bl-aħjar mod mil-liġijiet nazzjonali. Fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni materjali, il-proposta fiha dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet matul il-ċiklu tal-ħajja tal-kuntratt, iżda li ma tmissx pereżempju, ir-regoli dwar ir-rappreżentazzjoni fejn hemm inqas probbabilità li jsiru kontenzjużi. F’termini tal-kamp ta' applikazzjoni territorjali, il-proposta tkopri sitwazzjonijiet transkonfinali fejn jinqalgħu problemi ta’ spejjeż addizzjonali tat-transazzjonijiet u ta' kumplessità legali. Fl-aħħarnett, il-kamp ta' applikazzjoni personali tal-proposta huwa limitat għal tranżazzjonijiet fejn prinċipalment hemm problemi tas-suq intern, jiġifieri relazzjonijiet bejn in-negozji fejn mill-inqas wieħed mill-partijiet ikun SME u r-relazzjonijiet bejn negozju u konsumatur. Kuntratti konklużi bejn individwi privati u kuntratti bejn kummerċjanti li l-ebda wieħed minnhom ma jkun SME mhumiex inklużi, peress li jidher li m’hemm ebda ħtieġa għal azzjoni fir-rigward ta' dawn it-tipi ta’ kuntratti transkonfinali. Ir-Regolament iħalli lill-Istati Membri b'żewġ għażliet: li jiddeċiedu li jagħmlu l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ disponibbli wkoll lil partijiet għal użu f'ambjent totalment domestiku u f'kuntratti konklużi bejn il-kummerċjanti meta l-ebda wieħed minnhom ma jkun SME.

Meta mqabbla ma' soluzzjonijiet possibbli oħrajn analizzati, il-propsta hija azzjoni proporzjonata minħabba n-natura fakultattiva u volontarja tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. Dan ifisser li l-applikazzjoni tagħha tiddependi fuq ftehim bejn il-partijiet tal-kuntratt kull meta jkun meqjus b’mod konġunt li huwa ta’ benefiċċju partikolari għal tranżazzjoni transkonfinali. Il-fatt li l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tirrappreżenta sett fakultattiv ta' regoli li japplikaw biss fil-każijiet transkonfinali jfisser wkoll li tista' tnaqqas l-ostakoli għall-kummerċ transkonfinali minghajr ma tinterferixxi ma' sistemi legali u tradizzjonijiet nazzjonali stabbiliti. Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ se tkun sistema fakultattiva flimkien mar-regoli tal-liġi kuntrattwali pre-eżistenti mingħajr ma tissostitwixxihom. Għaldaqstant il-miżura leġiżlattiva se tagħmel biss dak li huwa meħtieġ biex toħloq aktar opportunitajiet għall-kummerċjanti u għall-konsumaturi fis-suq uniku.

· Għażla tal-istrumenti

L-istrument magħżul għal din l-inizjattiva huwa Regolament dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ fakultattiva.

Strument mhux vinkolanti bħal sett ta' strumenti għal-leġiżlatur tal-UE jew Rakkomandazzjoni indirizzata lill-Istati Membri ma jiksibx l-għan li jittejjeb it-twaqqif u l-funzjonament tas-suq intern. Direttiva jew Regolament li jissostitwixxu l-liġijiet nazzjonali b’liġi kuntrattwali Ewropea obbligatorja jkun wisq peress li jirrikjedi li l-kummerċjanti domestiċi li ma jridux jbiegħu barra minn pajjiżhom iħallsu spejjeż li ma jiġux ikkumpensati mill-iffrankar ta' ispejjeż li jseħħ biss meta jseħħu tranżazzjonijiet transkonfinali. Barra minn hekk, Direttiva li tistabbilixxi standards minimi ta’ liġi kuntrattwali Ewropea mhux fakultattiva ma tkunx xierqa minħabba li ma tilħaqx il-livell ta’ ċertezza legali u l-grad meħtieġ ta’ uniformità biex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Wara l-adozzjoni tal-proposta, il-Kummissjoni se twaqqaf bażi tad-dejta għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar sentenzi finali li jirreferu għal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ jew għal kwalunkwe dispożizzjoni oħra tar-Regolament, kif ukoll sentenzi rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. L-ispejjeż assoċjati ma’ din il-bażi ta' dejta x’aktarx li jiżdied aktar ma jiżdied l-għadd ta’ sentenzi finali disponibbli. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se torganizza sessjonijiet ta’ taħriġ għall-persuni lil jeżerċitaw il-professjoni legali u li jkun se jużaw il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ[15]. Dawn l-ispejjeż x’aktarx li jonqsu maż-żmien, aktar ma jiżdied l-għarfien dwar kif taħdem il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

5.           AKTAR INFORMAZZJONI

· Simplifikazzjoni

Il-proposta għal sistema fakultattiva oħra tal-liġi kkuntrattwali għandha l-vantaġġ li, mingħajr ma tissostitwixxi l-liġijiet nazzjonali kuntrattwali fl-Istati Membri, hija tippermetti lill-partijiet li jużaw sett wieħed ta’ regoli tal-liġi kuntrattwali madwar l-UE. Dan is-sett ta’ regoli awtonomu u uniformi għandu l-potenzjal li joffri soluzzjoni lill-partijiet għall-problemi l-aktar komuni li jistgħu jinqalgħu f’sitwazzjonijiet transkonfinali fir-rigward tal-liġi kuntrattwali. Għalhekk, għall-kummerċjanti din l-għażla se telimina l-bżonn ta’ riċerka dwar il-liġijiet nazzjonali differenti. Biex tgħin lill-konsumaturi jifhmu d-drittijiet tagħhom skont il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, se jingħatalhom avviż ta' informazzjoni standard li tinfurmahom dwar id-drittijiet tagħhom.

Fl-aħħarnett, il-proposta għandha l-potenzjal li tiżgura l-koerenza futura tal-leġiżlazzjoni tal-UE f’oqsma politiċi oħra fejn il-liġi kuntrattwali ssir rilevanti.

· Klawsola ta' reviżjoni

Il-proposta tipprovdi biex ikun hemm reviżjoni tal-applikazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ jew ta' kwalunkwe dispożizzjoni oħra tar-Regolament wara perjodu ta' ħames (5) snin mid-data ta' meta tiġi applikata, filwaqt li jitqiesu fost affarijiet oħrajn, il-ħtieġa biex jiġi estiż aktar il-kamp ta' applikazzjoni fir-rigward tal-kuntratti bejn in-negozji, l-iżviluppi tas-suq u l-iżviluppi teknoloġiċi fir-rigward tal-kontenut diġitali u l-iżviluppi tal-acquis tal-Unjoni fil-futur. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tippreżenta rapport, li jekk ikun meħtieġ ikun akkumpanjat bi proposti biex jiġi emendat ir-Regolament, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Soċjali Ewropew.

· Żona Ekonomika Ewropea

Ir-Regolament propost jirrigwarda kwistjoni taż-ŻEE u għalhekk għandu jestendi għaż-ŻEE.

· Spjegazzjoni tal-proposta

Il-proposta tikkonsisti f’tliet partijiet ewlenin: Regolament, Anness I mar-Regolament li jinkludi r-regoli tal-liġi kuntrattwali (il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ ) u l-Anness II li jinkludi Avviż ta' Informazzjoni Standard.

A. Ir-Regolament

L-Artikolu 1 jistabbilixxi l-għan u s-suġġett tar-Regolament.

L-Artikolu 2 fih lista ta’ definizzjonijiet għal termini użati fir-Regolament. Filwaqt li xi definizzjonijiet diġà jeżistu fl-acquis rilevanti, oħrajn huma kunċetti li qed jiġu definiti hawn għall-ewwel darba.

L-Artikolu 3 jispjega n-natura fakultattiva tar-regoli tal-liġi kuntrattwali fil-kuntratti transkonfinali għall-bejgħ ta’ merkanzija, il-fornitura ta’ kontenut diġitali u l-fornitura ta' servizzi relatati.

L-Artikolu 4 jistabbilixxi l-kamp ta' applikazzjoni territorjali tar-Regolament li huwa limitat għal kuntratti transkonfinali.

L-Artikolu 5 jistipula l-kamp ta' applikazzjoni materjali tal-kuntratti għall-bejgħ ta’ merkanzija u għall-fornitura ta' kontenut diġitali u ta' servizzi relatati, bħall-installazzjoni u t-tiswija.

L-Artikolu 6 jeskludi mill-kamp ta' applikazzjoni il-kuntratti bi skop imħallat u l-bejgħ bi ħlas bin-nifs.

L-Artikolu 7 jiddeskrivi l-kamp personali ta’ applikazzjoni li jestendi għal kuntratti bejn negozju u konsumatur u ċerti kuntratti bejn negozji.

L-Artikolu 8 jispjega li biex tintgħażel il-Liġi Komuni dwar il-Bejgħ jeħtieġ li jkun hemm ftehim bejn il-partijiet f’dan ir-rigward. F’kuntratti bejn negozju u konsumatur, l-għażla tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ hija valida biss jekk il-kunsens tal-konsumatur jingħata permezz ta’ dikjarazzjoni espliċita separata mid-dikjarazzjoni li tindika l-ftehim li jiġi konkluż kuntratt.

L-Artikolu 9 fih diversi ħtiġijiet ta’ informazzjoni dwar il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ f’kuntratti bejn kummerċjant u konsumatur. B’mod partikolari l-konsumatur għandu jirċievi l-avviż ta’ informazzjoni fl-Anness II.

L-Artikolu 10 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm sanzjonijiwet fil-każ ta' ksur mill-kummerċjanti tad-dmir tagħhom li jkunu konformi mar-rekwiżiti speċjali stabbiliti mill-Artikoli 8 u 9.

L-Artikolu 11 jispjega li bħala konsegwenza tal-għażla valida tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ din tkun l-unika liġi applikabbli għall-kwistjonijiet indirizzati fir-regoli tagħha u li konsegwentament regoli nazzjonali oħrajn ma japplikawx għall-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha. L-għażla tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tapplika retroattivament biex tkopri l-konformità mal-impenji ta’ informazzjoni prekuntrattwali u r-rimedji għal nuqqas ta' konformità magħhom.

L-Artikolu 12 jikkjarifika li r-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-informazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern[16].

L-Artikolu 13 jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri biex idaħħlu fis-seħħ leġiżlazzjoni li permezz tagħha l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tkun disponibbli għal partijiet għall-użu f'ambjent kompletament domestiku u għal kuntratti bejn kummerċjanti, meta l-ebda wieħed minnhom ma jkun SME.

L-Artikolu 14 jeħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw is-sentenzi finali tal-qrati tagħhom li jagħtu interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra tar-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi bażi tad-dejta b’dawn is-sentenzi.

L-Artikolu 15 fih klawżola ta’ reviżjoni.

L-Artikolu 16 jipprovdi li r-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

B. Anness I

Anness I jinkludi t-test tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

Il-Parti I ‘Dispożizzjonijiet introduttorji’ tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali tal-liġi kuntrattwali li l-partijiet kollha jeħtieġ li josservaw fin-negozjati tagħhom, bħall-bona fidi u n-negozjar ġust. Il-prinċipju tal-libertà kuntrattwali jiżgura wkoll lill-partijiet li, sakemm ir-regoli jkunu espliċitament identifikati bħala obbligatorji, pereżempju regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, jista' jkun hemm devjazzjoni mir-regoli tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

Il-Parti II ‘Formazzjoni ta’ kuntratt vinkolanti' tinkludi dispożizzjonijiet dwar id-dritt tal-partijiet li jirċievu informazzjoni essenzjali prekuntrattwali u regoli dwar kif jiġi konkluż ftehim bejn żewġ partijiet. Din il-parti fiha wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi li tagħti lill-konsumaturi d-dritt li jirtiraw mill-kuntratti mill-bogħod u minn kuntratti li jiġu konklużi barra mill-post tan-negozju. Fl-aħħar nett tinkludi dispożizzjonijiet dwar l-evitar ta' kuntratti li jirriżultaw minn żball, frodi jew sfuttament inġust.

Il-Parti III ‘Valutazzjoni ta’ xi jkun fih il-kuntratt’ tagħmel dispożizzjonijiet ġenerali dwar kif għandhom jiġu interpretati l-kundizzjonijiet kuntrattwali f’każ ta’ dubju. Tinkludi wkoll regoli dwar il-kontenut u l-effetti tal-kuntratti kif ukoll liema kundizzjonijiet kuntrattwali jistgħu jkunu inġusti u għaldaqstant invalidi.

Il-Parti IV ‘Obbligi u rimedji tal-partijiet f’kuntratt ta’ bejgħ’ tagħti ħarsa mill-qrib lejn ir-regoli speċifiċi għall-kuntratti ta’ bejgħ u l-kuntratti għall-fornitura ta’ kontenut diġitali li jinkludu l-obbligi tal-bejjiegħ u tax-xerrej. Din il-parti fiha wkoll regoli dwar ir-rimedji għall-inadempjenza tax-xerrejja u l-bejjiegħa.

Il-Parti V ‘Obbligi u rimedji tal-partijiet f’kuntratt ta’ servizzi relatati’ tikkonċerna każijiet fejn bejjiegħ, b’rabta mill-qrib ma’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ merkanzija jew fornitura ta' kontenut diġitali, jipprovdi ċerti servizzi bħal installazzjoni, tiswija jew manutenzjoni. Din il-parti tispjega liema regoli speċifiċi japplikaw f’sitwazzjoni bħal din, b’mod partikulari liema huma d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet taħt dawn il-kuntratti.

Il-Parti VI ‘Danni u mgħax’ tinkludi regoli supplementari komuni dwar kumpens għal danni u dwar l-imgħax li għandu jitħallas għal ħlas tard.

Il-Parti VII 'Riżoluzzjoni' tispjega r-regoli li japplikaw għal dak li jrid jiġi ritornat meta kuntratt jiġi annullat jew mitmum.

Il-Parti VIII 'Preskrizzjoni' tirregola l-effetti taż-żmien li jkun għadda fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw minn kuntratt.

L-Appendiċi 1 tinkludi l-Mudell tal-istruzzjonijiet dwar l-irtirar li jrid jiġi pprovdut mill-kummerċjant lill-konsumatur qabel ma jiġi konkluż kuntratt barra mill-post tan-negozju jew mill-bogħod, filwaqt li l-Appendiċi 2 jipprovdi Mudell ta' formola għall-irtirar.

C. Anness II

L-Anness II jinkludi l-Avviż ta' Informazzjoni Standard dwar il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ li trid tiġi pprovduta mill-kummerċjant lill-konsumatur qabel ma jsir ftehim biex tintuża l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

2011/0284 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

fuq Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[17],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[18],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(1) Għad fadal xi ostakoli konsiderevoli fir-rigward tal-attività ekonomika transkonfinali li qed jimpedixxu lis-suq intern milli jisfrutta l-potenzjal sħiħ tiegħu għat-tkabbir u għall-ħolqien tax-xogħol. Bħalissa, wieħed biss minn kull għaxar kummerċjanti tal-Unjoni jesporta merkanzija fl-Unjoni u l-maġġoranza tagħhom, jesportaw biss lejn numru żgħir ta’ Stati Membri. Mill-firxa ta’ ostakli għall-kummerċ transkonfinali inklużi r-regolamenti tat-taxxa, ir-rekwiżiti amministrattivi, id-diffikultajiet fil-kunsinna, il-lingwa u l-kultura, il-kummerċjanti jikkunsidraw id-diffikultà li jsiru jafu bid-dispożizzjonijiet ta’ liġi kuntrattwali barranija fost l-akbar ostakli fi tranżazzjonijiet bejn negozju u konsumatur u fi tranżazzjonijiet bejn negozji. Dan iwassal ukoll għal żvantaġġi għall-konsumaturi minħabba l-aċċess limitat għall-merkanzija. Għalhekk, il-liġijiet kuntrattwali nazzjonali differenti jiskoraġġixxu l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali, bħal-libertà li jiġu pprovduti merkanzija u servizzi, u jirrappreżentaw ostaklu għall-funzjonament u l-istabbiliment kontinwu tas-suq intern. Huma jkollhom ukoll l-effett li jillimitaw il-kompetizzjoni, b’mod partikolari fis-swieq ta’ Stati Membri iżgħar.

(2) Il-kuntratti huma l-għodda legali indispensabbli għal kull tranżazzjoni ekonomika. Madankollu, il-ħtieġa għall-kummerċjanti li jidentifikaw jew li jinnegozjaw il-liġi applikabbli, li jsiru jafu dwar id-dispożizzjonijiet ta' liġi barranija applikabbli li bosta drabi tinvolvi t-traduzzjoni, li jiksbu parir legali biex isiru familjari mar-rekwiżiti tagħha u li jadattaw il-kuntratti tagħhom għall-liġijiet nazzjonali differenti li jistgħu japplikaw f'operazzjonijiet transkonfinali tagħmel il-kummerċ transkonfinali aktar kumpless u għali meta mqabbel mal-kummerċ domestiku. L-ostakli relatati mal-liġi kuntrattwali għalhekk huma fattur ewlieni li jikkontribwixxi biex jiddiswadi għadd konsiderevoli ta’ kummerċjanti li jesportaw milli jidħlu f’kummerċ transkonfinali jew jespandu l-operazzjonijiet tagħhom fi Stati Membri oħra. L-effett dissważiv tagħhom huwa partikolarment b’saħħtu għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME) li għalihom l-ispejjeż ta’ dħul fi swieq barranin multipli ħafna drabi huma partikolarment għoljin meta mqabbla mal-fatturat tagħhom. Bħala konsegwenza, il-kummerċjanti jitilfu l-opportunità li jiffrankaw l-ispejjeż li setgħu jiffrankaw li kieku kien possibbli li jbiegħu l-merkanzija u s-servizzi fuq il-bażi ta’ liġi kuntrattwali uniformi unika għat-tranżazzjonijiet transkonfinali kollha tagħhom u, fl-ambjent onlajn, permezz ta' websajt waħda.

(3) L-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet relatati mal-liġi kuntrattwali li fir-rigward tagħhom intwera li huma ta’ proporzjonijiet konsiderevoli u l-ostakoli legali li joriġinaw mid-differenzi bejn ir-regoli mandatorji nazzjonali differenti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur għandhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet bejn in-negozji u l-konsumaturi. Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Regolament (KE) Nru 593/2008)[19], kull meta kummerċjant jindirizza l-attivitajiet tiegħu lejn il-konsumaturi fi Stat Membru differenti għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur tal-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-konsumatur li jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni u li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim bis-saħħa ta’ dik il-liġi, anki meta tkun intgħażlet liġi applikabbli oħra mill-partijiet; Għalhekk, il-kummerċjanti jeħtieġ li jsiru jafu minn qabel jekk il-liġi tal-konsumatur tipprovdix protezzjoni ogħla u jiżguraw li l-kuntratt tagħhom ikun konformi mar-rekwiżiti tagħha. Barra minn hekk, fil-kummerċ elettroniku, l-adattamenti tal-websajts li jeħtieġ li jirriflettu r-rekwiżiti obbligatorji tal-liġijiet barranin applikabbli dwar il-kuntratti mal-konsumaturi jinvolvu spejjeż ulterjuri. L-armonizzazzjoni eżistenti tal-liġi tal-konsumatur fil-livell tal-UE wasslet għal approssimazzjoni f’ċerti oqsma. Madankollu d-differenzi bejn il-liġijiet tal-Istati Membri jibqgħu sostanzjali; l-armonizzazzjoni eżistenti tħalli lill-Istati Membri b'firxa wiesgħa ta’ alternattivi dwar kif jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u fejn għandhom jistabbilixxu l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

(4) L-ostakli relatati mal-liġi kuntrattwali li jżommu lill-kummerċjanti milli jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tas-suq intern jaħdmu wkoll għad-detriment tal-konsumaturi. Inqas kummerċ transkonfinali jirriżulta f’inqas importazzjonijiet u inqas kompetizzjoni. Il-konsumaturi jistgħu jkunu żvantaġġjati minħabba għażla limitata ta' merkanzija bi prezzijiet ogħla, kemm minħabba li inqas kummerċjanti barranin joffrulhom direttament il-prodotti u s-servizzi tagħhom kif ukoll indirettament bħala riżultat ta’ kummerċ transkonfinali ristrett bl-ingrossa bejn in-negozji. Filwaqt li x-xiri transkonfinali jista’ jġib miegħu vantaġġi ekonomiċi sostanzjali f'termini ta’ iktar offerti u offerti aħjar, ħafna konsumaturi jibżgħu wkoll li jinvolvu ruħhom f’xiri transkonfinali, minħabba l-inċertezza dwar id-drittijiet tagħhom. Uħud mill-preokkupazzjonijiet ewlenin tal-konsumaturi huma relatati mal-liġi kuntrattwali, pereżempju jekk dawn igawdux protezzjoni adegwata fil-każ ta’ xiri ta’ prodotti difettużi. Bħala konsekwenza ta' dan, numru sostanzjali ta' konsumaturi jippreferu li jixtru lokalment anke jekk ifisser li jkollhom inqas għażla jew iħallsu prezzijiet ogħla.

(5) Barra minn hekk, dawk il-konsumaturi li jixtiequ jibbenefikaw minn differenzi fil-prezzijiet bejn l-Istati Membri billi jixtru mingħand kummerċjant minn Stat Membru ieħor huma spiss imxekkla minħabba li l-kummerċjant jirrifjuta li jbiegħ. Filwaqt li l-kummerċ elettroniku ffaċilita bil-kbir it-tfittxija għal offerti kif ukoll il-paragun tal-prezzijiet u ta' kundizzjonijiet oħra irrispettivament minn fejn ikun stabbilit kummerċjant, l-ordnijiet minn konsumaturi barranin ħafna drabi jiġu miċħuda minn kummerċjanti li joqogħdu lura milli jidħlu fi tranżazzjonijiet transkonfinali.

(6) Għalhekk id-differenzi fil-liġijiet kuntrattwali nazzjonali jikkostitwixxu ostakli li jżommu lill-konsumaturi u lill-kummerċjanti milli jgawdu mill-benefiċċji tas-suq intern. Dawk l-ostakoli relatati mal-liġi kuntrattwali jitnaqqsu sinifikatament jekk il-kuntratti jkunu bbażati fuq sett uniformi wieħed ta' regoli tal-liġi kuntrattwali irrispettivament minn fejn ikunu stabbiliti l-partijiet. Sett uniformi ta' regoli ta' liġi kuntrattwali bħal dan għandu jkopri ċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja ta' kuntratt u għaldaqstant jinkludi l-oqsma li huma l-aktar importanti meta jiġu konklużi l-kuntratti. Għandu jinkludi wkoll dispożizzjonijiet kompletament armonizzati li jipproteġu l-konsumaturi.

(7) Id-differenzi bejn il-liġijiet kuntrattwali nazzjonali u l-effett tagħhom fuq il-kummerċ transkonfinali jservu wkoll biex jillimitaw il-kompetizzjoni. B'kummerċ transkonfinali ta' livell baxx, hemm inqas kompetizzjoni, u għaldaqstant inqas inċentivi għall-kummerċjanti biex isiru aktar innovattivi u jtejbu l-kwalità tal-prodotti tagħhom jew biex inaqqsu l-prezzijiet. B’mod partikolari fi Stati Membri iżgħar b’numru limitat ta’ kompetituri domestiċi, id-deċiżjoni tal-kummerċjanti barranin li jżommu lura milli jidħlu f’dawn is-swieq minħabba l-ispejjeż u l-kumplessità tista’ tillimita l-kompetizzjoni, bir-riżultat li jkun hemm impatt sinifikanti fuq l-għażla u l-livelli tal-prezzijiet għall-prodotti disponibbli. Barra minn hekk, l-ostakli għall-kummerċ transkonfinali jistgħu jipperikolaw il-kompetizzjoni bejn l-SME u kumpaniji akbar. Minħabba l-impatt sinifikanti tal-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet fir-rigward tal-fatturat, huwa ħafna aktar probabbli li SME toqgħod lura milli tidħol f’suq barrani milli kompetitur akbar.

(8) Biex jingħelbu dawn l-ostakoli relatati mal-liġi kuntrattwali, il-partijiet għandu jkollhom il-possibbiltà li jaqblu li l-kuntratti tagħhom għandhom jiġu rregolati minn sett uniformi wieħed ta' regoli tal-liġi kuntrattwali bl-istess sinifikat u interpretazzjoni fl-Istati Membri kollha, Liġi Komuni Ewropea    Dwar il-Bejgħ. Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandha tirrappreżenta għażla addizzjonali li żżid l-għażla disponibbli għall-partijiet u li tkun miftuħa biex tintuża kull meta titqies b'mod konġunt li tkun ta' għajnuna sabiex jiġi ffaċilitat il-kummerċ transkonfinali u sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u ta' opportunità kif ukoll ostakoli oħra relatati mal-liġi kuntrattwali fir-rigward tal-kummerċ transkonfinali. Ir-Regolament jistabbilixxi Liġi Komuni dwar il-Bejgħ.

(9) Dan ir-Regolament jistabbilixxi Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. Din tarmonizza l-liġijiet kuntrattwali tal-Istati Membri mhux billi tirrikjedi emendi fil-liġi kuntrattwali nazzjonali pre-eżistenti, iżda billi toħloq fi ħdan il-liġi nazzjonali ta' kull Stat Membru sistema oħra ta' liġi kuntrattwali għall-kuntratti koperti bil-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Din it-tieni sistema tkun identika madwar l-UE kollha u se teżisti flimkien mar-regoli pre-eżistenti tal-liġi kuntrattwali nazzjonali. Jekk il-partijiet jaqblu b’mod espliċitu, il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandha tapplika fuq bażi volontarja għal kuntratt transkonfinali.

(10) Il-ftehim biex tintuża l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandu jkun għażla magħmula fl-ambitu tal-liġi nazzjonali rispettiva li tkun applikabbli skont ir-Regolament (KE) Nru 593/2008, jew, b'relazzjoni mad-dmirijiet ta’ informazzjoni prekuntrattwali, skont ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi mhux kuntrattwali (Regolament (KE) Nru 864/2007)[20], jew kwalunkwe regola rilevanti oħra tal-kunflitt tal-liġijiet. Il-ftehim li tintuża l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għalhekk m’għandux jammonta għal, u m'għandux jiġi konfuż ma’, għażla tal-liġi applikabbli skont it-tifsira tar-regoli tal-kunflitt tal-liġijiet, u għandu jkun bla ħsara għalihom. Għalhekk dan ir-Regolament ma jaffettwa l-ebda waħda mir-regoli eżistenti tal-kunflitt tal-liġijiet.

(11) Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandha tinkludi sett komplut ta' regoli mandatorji kompletament armonizzati dwar il-protezzjoni tal-konsumatur. B'konformità mal-Artikolu 114(3) tat-Trattat, dawk ir-regoli għandhom jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur bil-ħsieb li tittejjeb il-fiduċja tal-konsumatur fil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ u għaldaqstant jagħtu inċentiv lill-konsumaturi biex jidħlu f’kuntratti transkonfinali fuq din il-bażi. Ir-regoli għandhom iżommu jew itejbu l-livell ta’ protezzjoni li l-konsumaturi jgawdu taħt il-liġi tal-konsumatur tal-Unjoni.

(12) Peress li l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tinkludi sett komplut ta' regoli mandatorji kompletament armonizzati dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, meta l-partijiet ikunu għażlu li jużaw il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, mhux se jkun hemm diskrepanzi bejn il-liġijiet tal-Istati Membri f'dan il-qasam. Konsegwentament, l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008, li huwa bbażat fuq l-eżistenza ta' livelli differenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur fl-Istati Membri, ma jista' jkollu l-ebda importanza prattika għall-kwistjonijiet koperti mil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

(13) Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandha tkun disponibbli għal kuntratti transkonfinali, għaliex huwa f’dan il-kuntest li d-diskrepanzi bejn il-liġijiet nazzjonali jwasslu għal kumplessità u spejjeż addizzjonali u jiddisswadu lill-partijiet milli jidħlu f’relazzjonijiet kuntrattwali. F'kuntratti bejn negozji n-natura transkonfinali ta’ kuntratt għandha tiġi vvalutata fuq il-bażi tar-residenza abitwali tal-partijiet. F'kuntratt bejn negozju u konsumatur ir-rekwiżit transkonfinali għandu jiġi sodisfatt meta l-indirizz ġenerali indikat mill-konsumatur, l-indirizz għall-kunsinna tal-merkanzija jew l-indirizz fejn jintbagħat il-kont indikat mill-konsumatur ikunu jinsabu fi Stat Membru, iżda barra mill-Istat fejn il-kummerċjant għandu r-residenza abitwali tiegħu.

(14) L-użu tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ m’għandux ikun limitat għal sitwazzjonijiet transkonfinali li jinvolvu Stati Membri biss, iżda għandu jkun disponibbli wkoll biex jiffaċilita l-kummerċ bejn Stati Membri u pajjiżi terzi. Meta jkunu involuti konsumaturi minn pajjiżi terzi, il-ftehim li tintuża l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, li jimplika l-għażla ta’ liġi barranija għalihom, għandu jkun suġġett għar-regoli applikabbli tal-kunflitt tal-liġijiet.

(15) I-użu ta' kuntratt uniformi wieħed għat-tranżazzjonijiet kollha tagħhom jista' wkoll ikun ta' għajnuna għall-kummerċjanti li jieħdu sehem fi tranżazzjonijiet kummerċjali li huma purament domestiċi jew transkonfinali. Għalhekk l-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jiddeċiedu li jagħmlu l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ disponibbli wkoll għall-partijiet biex jużawha f'ambjent kompletament domestiku.

(16) Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandha tkun disponibbli b’mod partikolari għall-bejgħ ta’ merkanzija mobbli, inkluża l-manifattura jew il-produzzjoni ta' merkanzija bħal din, peress li dan huwa t-tip ta’ kuntratt li ekonomikament huwa l-aktar wieħed importanti li jista’ jippreżenta potenzjal partikolari għat-tkabbir fil-kummerċ transkonfinali, speċjalment fil-kummerċ elettroniku.

(17) Sabiex jirrifletti l-importanza dejjem tikber tal-ekonomija diġitali, il-kamp ta' applikazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandu jkopri wkoll il-kuntratti għall-fornitura ta' kontenut diġitali. It-trasferiment tal-kontenut diġitali biex jiġi maħżun, għall-ipproċessar jew l-aċċess, u għall-użu ripetut, bħal meta tniżżel il-mużika, qiegħed jikber malajr u għandu potenzjal kbir għal tkabbir ulterjuri iżda għad hemm grad konsiderevoli ta’ diversità u inċertezza legali. Għalhekk il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandha tkopri l-fornitura tal-kontenut diġitali, irrispettivament minn jekk il-kontenut jiġix fornit jew le b'mezz tanġibbli.

(18) Il-kontenut diġitali ħafna drabi ma jkunx fornit inkambju għal prezz iżda flimkien ma’ merkanzija jew servizzi mħallsa separatament, li jinvolvu korrispettiv mhux monetarju bħall-għoti ta’ aċċess għal data personali jew aċċess mingħajr ħlas fil-kuntest ta’ strateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni fuq il-bażi tal-aspettativa li l-konsumatur jixtri prodotti ta’ kontenut diġitali addizzjonali jew aktar sofistikati fi stadju ulterjuri. Fid-dawl ta’ din l-istruttura speċifika tas-suq u tal-fatt li d-difetti tal-kontenut diġitali pprovduti jistgħu jikkawżaw dannu għall-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi irrispettivament mill-kundizzjonijiet li taħthom tkun ġiet ipprovduta, id-disponibbiltà tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ m’għandhiex tiddependi fuq jekk il-prezz jitħallasx għall-kontenut diġitali speċifiku inkwistjoni jew le.

(19) Bil-għan li jiġi massimizzat il-valur miżjud tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, il-kamp ta' applikazzjoni materjali tagħha għandu jinkludi wkoll ċerti servizzi pprovduti mill-bejjiegħ li huma direttament u strettament marbuta ma’ merkanzija jew kontenut diġitali speċifiku forniti fuq il-bażi tal-Liġi Komuni dwar il-Bejgħ, u fil-prattika bosta drabi ikunu kkumbinati flimkien fl-istess kuntratt jew f'kuntratt relatat, b'mod speċjali tiswija, manutenzjoni jew installazzjoni tal-merkanzija jew tal-kontenut diġitali.

(20) Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għall-Unjoni Ewropea m’għandhiex tkopri kwalunkwe kuntratti relatati li bihom ix-xerrej jakkwista merkanzija jew jingħata servizz, minn parti terza. Dan ma jkunx xieraq peress li l-parti terza ma tkunx parti fil-ftehim bejn il-partijiet kontraenti biex jużaw ir-regoli tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. Kuntratt relatat ma’ parti terza għandu jkun regolat mil-liġi nazzjonali rispettiva li tkun applikabbli skont ir-Regolamenti (KE) Nru 593/2008 u (KE) Nru 864/2007 jew kwalunkwe regola oħra tal-kunflitt tal-liġijiet.

(21) Sabiex jiġu indirizzati l-problemi eżistenti tas-suq intern u tal-kompetizzjoni b’mod immirat u proporzjonat, il-kamp ta' applikazzjoni personali tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandu jiffoka fuq partijiet li bħalissa huma dissważi milli jagħmlu negozju barra mill-pajjiż minħabba d-diverġenza ta’ liġijiet kuntrattwali nazzjonali bil-konsegwenza ta’ impatt negattiv sinifikanti fuq il-kummerċ transkonfinali. Għalhekk dan għandu jkopri t-tranżazzjonijiet kollha bejn negozju u konsumatur u l-kuntratti bejn il-kummerċjanti fejn mill-inqas wieħed mill-partijiet ikun SME fuq il-bażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361 tas-6 ta' Mejju 2003 rigward id-definizzjoni tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju[21]. Madankollu, dan għandu mingħajr ħsara għall-possibbiltà tal-Istati Membri li jadottaw leġiżlazzjoni li tagħmel il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ disponibbli għal kuntratti bejn kummerċjanti, meta l-ebda wieħed minnhom ma jkun SME. Fi kwalunkwe każ, fit-tranżazzjonaijiet bejn in-negozji, il-kummerċjanti jgawdu bis-sħiħ il-libertà kuntrattwali u huma mħeġġa biex jiġu ispirati mil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ fl-abbozzar tal-kundizzjonijiet kuntrattwali tagħhom.

(22) Il-ftehim tal-partijiet f'kuntratt huwa indispensabbli għall-applikazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. Dan il-ftehim għandu jkun suġġett għal rekwiżiti stretti fit-tranżazzjonijiet bejn negozju u konsumatur. Peress li, fil-prattika, normalment huwa l-kummerċjant li jipproponi l-użu tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, il-konsumaturi jridu jkunu kompletament konxji tal-fatt li huma jaqblu li jużaw regoli li huma differenti minn dawk tal-liġi nazzjonali pre-eżistenti tagħhom. Għalhekk, il-kunsens tal-konsumatur biex tintuża l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandu jkun ammissibbli biss fl-għamla ta’ dikjarazzjoni espliċita separata mid-dikjarazzjoni li tindika l-ftehim għall-konklużjoni tal-kuntratt. Għalhekk m’għandux ikun possibbli li l-użu tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ ikun offrut bħala kundizzjoni tal-kuntratt li għandu jiġi konkluż, b’mod partikolari bħala element tal-pattijiet u l-kundizzjonijiet standard tal-kummerċjant. Il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur konferma tal-ftehim biex tintuża l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ fuq mezz li jservi fit-tul.

(23) Minbarra li jkun għażla konxja, il-kunsens ta’ konsumatur għall-użu tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandu jkun għażla infurmata. Il-kummerċjant għalhekk m’għandux biss jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur għall-użu maħsub tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, iżda għandu jipprovdi wkoll informazzjoni dwar in-natura u l-karatteristiċi ewlenin tagħha. Sabiex jiffaċilitaw dan il-kompitu għall-kummerċjanti, u b’hekk jiġu evitati piżijiet amministrattivi bla bżonn, u biex tkun żgurata konsistenza fil-livell u fil-kwalità tal-informazzjoni kkomunikata lill-konsumaturi, il-kummerċjanti għandhom ifornu lill-konsumatur bl-avviż ta’ informazzjoni standard previst f'dan ir-Regolament u għalhekk faċilment disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Meta ma jkunx possibbli li l-konsumatur jiġi pprovdut bl-avviż ta’ informazzjoni, pereżempju fil-kuntest ta’ telefonata, jew meta il-kummerċjant ikun naqas li jipprovdi l-avviż ta' informazzjoni, il-ftehim li tintuża l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ m’għandux ikun vinkolanti fuq il-konsumatur sakemm ma l-konsumatur ikun irċieva l-avviż ta’ informazzjoni flimkien mal-konferma tal-ftehim u sussegwentement ikun esprima l-kunsens.

(24) Sabiex tiġi evitata applikazzjoni selettiva ta’ ċerti elementi tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, li jistgħu jtellfu l-bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet u jaffettwaw ħażin il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur, l-għażla għandha tkopri l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ fl-intier tagħha u mhux biss ċerti partijiet minnha.

(25) Fil-każ li kieku tapplika l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kuntratti għall-Bejgħ Internazzjonali ta’ Merkanzija għall-kuntratt inkwistjoni, l-għażla tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandha timplika ftehim tal-partijiet kontraenti biex jeskludu dik il-Konvenzjoni.

(26) Ir-regoli tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandhom ikopru l-kwistjonijiet tal-liġi kuntrattwali li huma ta’ rilevanza prattika matul iċ-ċiklu tal-ħajja tat-tipi ta’ kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni materjali u personali, b’mod partikolari dawk li jkunu saru onlajn. Apparti d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet u r-rimedji għan-nuqqas ta’ twettiq, il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandha għalhekk tirregola d-dmirijiet ta’ informazzjoni prekuntrattwali, il-konklużjoni ta’ kuntratt inklużi r-rekwiżiti formali, id-dritt għall-irtirar u l-konsegwenzi tiegħu, l-annullament tal-kuntratt li jirriżulta minn żball, frodi, theddid jew sfruttament inġust u l-konsegwenzi ta’ tali annullament, l-interpretazzjoni, il-kontenut u l-effetti ta’ kuntratt, il-valutazzjoni u l-konsegwenzi ta’ kundizzjonijiet kuntrattwali inġusti, ir-restituzzjoni wara l-annullament u t-terminazzjoni u l-preskrizzjoni u l-preklużjoni tad-drittijiet. Għandha tiddetermina s-sanzjonijiet disponibbli fil-każ tal-ksur tal-obbligi u d-dmirijiet kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni tagħha.

(27) Il-kwistjonijiet kollha ta’ natura kuntrattwali jew mhux kuntrattwali li mhumiex indirizzati fil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ huma rregolati mir-regoli tal-liġi nazzjonali pre-eżistenti barra mil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ li hija applikabbli skont ir-Regolamenti (KE) Nru 593/2008 u (KE) Nru 864/2007 jew kwalunkwe regola rilevanti oħra tal-kunflitt tal-liġijiet. Dawn il-kwistjonijiet jinkludu l-personalità ġuridika, l-invalidità ta’ kuntratt li tirriżulta minn nuqqas ta’ kapaċità, l-illegalità jew l-immoralità, id-determinazzjoni tal-lingwa tal-kuntratt, il-kwistjonijiet ta’ non-diskriminazzjoni, ir-rappreżentanza, il-pluralità ta’ debituri u kredituri, it-tibdil tal-partijiet inkluża assenjazzjoni, tpaċija u għaqda, il-liġi tal-proprjetà inkluż it-trasferiment tal-proprjetà, il-liġi tal-proprjetà intellettwali u l-liġi tad-delitti. Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk pretensjonijiet ta' responsabbiltà kontrattwali u mhux kuntrattwali li jeżistu fl-istess ħin jistgħux jitressqu flimkien taqa' barra l-kamp ta' applikazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

(28) Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ m'għandhiex tirregola kwistjonijiet li jaqgħu barra mill-ambitu tal-liġi kuntrattwali. Dan ir-Regolament għandu jkun bla ħsara għal-liġi tal-Unjoni jew għal-liġi nazzjonali fir-rigward ta’ kwistjonijiet bħal dawn. Pereżempju, id-dmirijiet ta’ informazzjoni li huma imposti għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà jew għal raġunijiet ambjentali għandhom jibqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. Dan ir-Regolament għandu jkun bla ħsara wkoll għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern[22].

(29) Ladarba jintlaħaq ftehim validu fuq l-applikazzjoni tagħha, il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ biss għandha tirregola l-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Ir-regoli tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandhom jiġu interpretati b'mod awtonomu skont il-prinċipji stabbiliti dwar l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Il-kwistjonijiet li jirrigwardaw affarijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ li mhumiex determinati espressament minnha għandhom jiġu riżolti biss bl-interpretazzjoni tar-regoli tagħha mingħajr rikors għal kwalunkwe liġi oħra. Ir-regoli tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandhom jiġu interpretati fuq il-bażi tal-prinċipji u l-objettivi sottostanti u tad-dispożizzjonijiet kollha tagħha.

(30) Il-libertà kuntrattwali għandha tkun il-prinċipju ta’ gwida li fuqu tissejjes il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ. L-awtonomija tal-partijiet għandha tkun ristretta biss meta jkun indispensabbli u sal-punt meħtieġ, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Meta jkun hemm din il-ħtieġa, in-natura obbligatorja tar-regoli inkwistjoni għandha tkun indikata b’mod ċar.

(31) Il-prinċipju ta’ bona fidi u negozjar ġust għandhom jipprovdu gwida dwar il-mod li bih il-partijiet għandhom jikkoperaw. Peress li xi regoli jikkostitwixxu manifestazzjonijiet speċifiċi tal-prinċipju ġenerali ta’ bona fidi u negozjar ġust, huma għandhom jieħdu preċedenza fuq il-prinċipju ġenerali. Il-prinċipju ġenerali għalhekk m’għandux jintuża bħala għodda biex jemenda d-drittijiet u l-obbligi speċifiċi tal-partijiet kif stabbilit fir-regoli speċifiċi. Ir-rekwiżiti konkreti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ bona fidi u negozjar ġust għandhom jiddependu, fost affarijiet oħra, fuq il-livell relattiv ta’ kompetenza tal-partijiet u għalhekk għandhom ikunu differenti fi tranżazzjonijiet bejn negozju u konsumatur u fi tranżazzjonijiet bejn negozji. Fi tranżazzjonijiet bejn il-kummerċjanti, il-prattika kummerċjali tajba fis-sitwazzjoni speċifika kkonċernata għandha tkun fattur rilevanti f’dan il-kuntest.

(32) Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandha timmira lejn il-preservazzjoni ta’ kuntratt validu kull meta jkun possibbli u xieraq fid-dawl tal-interessi leġittimi tal-partijiet.

(33) Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandha tidentifika soluzzjonijiet ibbilanċjati sew li jqisu l-interessi leġittimi tal-partijiet fl-għażla u l-eżerċizzju tar-rimedji disponibbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-kuntratt. F’kuntratti bejn negozju u konsumatur, is-sistema ta’ rimedji għandha tirrifletti l-fatt li n-nuqqas ta’ konformità tal-merkanzija, tal-kontenut diġitali jew tas-servizzi jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-kummerċjant.

(34) Sabiex titjieb iċ-ċertezza legali billi l-ġurisprudenza tal-qrati Ewropej u nazzjonali dwar l-interpretazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra tar-Regolament isiru aċċessibbli għall-pubbliku, il-Kummissjoni għandha toħloq bażi tad-dejta li tinkludi d-deċiżjonijiet finali rilevanti. Bil-ħsieb li jagħmlu dan il-kompitu possibbli, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali sentenzi nazzjonali jiġu komunikati malajr lill-Kummissjoni.

(35) Huwa tajjeb li ssir reviżjoni tal-funzjonament tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra tar-Regolament wara seba' snin ta' operat. L-analiżi għandha tqis fost affarijiet oħrajn, il-ħtieġa biex jiġi estiż aktar il-kamp ta' applikazzjoni fir-rigward tal-kuntratti bejn in-negozji, l-iżviluppi tas-suq u l-iżviluppi teknoloġiċi fir-rigward tal-kontenut diġitali u l-iżviluppi tal-acquis tal-Unjoni fil-futur.

(36) Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jikkontribwixxi għall-funzjonament xieraq tas-suq intern billi jagħmel disponibbli sett uniformi ta’ regoli tal-liġi kuntrattwali li jistgħu jintużaw għal tranżazzjonijiet transkonfinali madwar l-Unjoni, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak il-għan.

(37) Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u speċifikament l-Artikoli 16, 38 u 47 tagħha,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 Għan u suġġett

1. L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jtejjeb il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern billi jagħmel disponibbli sett uniformi ta’ regoli tal-liġi kuntrattwali kif stabbilit fl-Anness I (‘il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ’). Dawn ir-regoli jistgħu jintużaw fi tranżazzjonijiet transkonfinali għall-bejgħ ta’ merkanzija, għall-fornitura ta' kontenut diġitali u għal servizzi relatati fejn il-partijiet f'kuntratt jaqblu dwar l-użu tagħhom.

2. Dan ir-Regolament jippermetti lill-kummerċjanti li jistrieħu fuq sett komuni ta’ regoli u jużaw l-istess kundizzjonijiet kuntrattwali għat-tranżazzjonijiet transkonfinali tagħhom kollha u b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż mhux meħtieġa filwaqt li jingħata livell għoli ta’ ċertezza legali.

3. Fir-rigward ta’ kuntratti bejn kummerċjanti u konsumaturi, dan ir-Regolament jinkludi sett komprensiv ta’ regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, tittejjeb il-fiduċja tal-konsumatur fis-suq intern filwaqt li l-konsumaturi jitħeġġew jagħmlu xiri transkonfinali.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-iskop ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 'kuntratt' tfisser ftehim maħsub biex jagħti lok għal obbligi jew effetti legali oħra;

(b) ‘bona fidi u negozjar ġust’ tfisser standard ta’ mġiba kkaratterizzat minn onestà, trasparenza u kunsiderazzjoni għall-interessi tal-parti l-oħra fit-tranżazzjoni jew għar-relazzjoni inkwistjoni;

(c) ‘telf’ tfisser telf ekonomiku u telf mhux ekonomiku fil-forma ta’ uġigħ u tbatija, esklużi forom oħra ta’ telf mhux ekonomiku bħall-indeboliment tal-kwalità tal-ħajja u telf ta’ tgawdija;

(d) ‘kundizzjonijiet kuntrattwali standard’ tfisser kundizzjonijiet kuntrattwali li ġew abbozzati minn qabel għal diversi tranżazzjonijiet li jinvolvu lil partijiet differenti, u li ma ġewx innegozjati individwalment mill-partijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 7 tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ;

(e) ‘kummerċjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi għal finijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa, jew il-professjoni ta’ dik il-persuna;

(f) ‘konsumatur’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi għal finijiet li jmorru lil hinn mill-kummerċ, in-negozju, is-sengħa, jew il-professjoni ta’ dik il-persuna;

(g) ‘danni’ tfisser somma flus li persuna tista’ tkun intitolata għaliha bħala kumpens għal xi telf, korriment jew ħsara;

(h) ‘merkanzija’ tfisser kwalunkwe beni mobbli korporali; dan jeskludi:

(i) elettriku u gass naturali; u

(ii) ilma u tipi oħrajn ta' gass sakemm ma jitpoġġewx għall-bejgħ f'volum limitat jew kwantità stabbilita;

(i) ‘prezz’ tfisser flus dovuti inkambju għal merkanzija mibjugħa, kontenut diġitali fornit jew għal servizz relatat li jingħata;

(j) ‘kontenut diġitali’ tfisser dejta li tiġi prodotta u fornuta f’forma diġitali, kemm jekk skont l-ispeċifikazzjonijiet tax-xerrej kif ukoll jekk le; huma inklużi, vidjow, awdjo, stampi jew kontenut diġitali bil-miktub, logħob diġitali, softwer u kontenut diġitali li permezz tiegħu tkun possibbli l-personalizzazzjoni ta’ ħardwer jew softwer eżistenti; dan jeskludi:

(i) servizzi finanzjarji, inklużi s-servizzi bankarji onlajn;

(ii) parir legali jew finanzjarju pprovdut f’forma elettronika;

(iii) servizzi ta’ kura tas-saħħa elettroniċi;

(iv) servizzi u netwerks ta’ komunikazzjoni elettroniċi, u faċilitajiet u servizzi assoċjati:

(v) logħob tal-azzard;

(vi) il-ħolqien ta’ kontenut diġitali ġdid u l-emendar ta’ kontenut diġitali eżistenti mill-konsumaturi jew kwalunkwe interazzjoni oħra mal-kreazzjonijiet ta’ utenti oħra;

(k) ‘kuntratt ta’ bejgħ’ tfisser kwalunkwe kuntratt li fih il-kummerċjant (‘il-bejjiegħ’) jittrasferixxi jew jimpenja ruħu li jittrasferixxi l-proprjetà tal-merkanzija lil persuna oħra (‘ix-xerrej’), u x-xerrej iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz; dan jinkludi kuntratt għall-fornitura ta’ merkanzija li għandha tiġi manifatturata jew prodotta u jeskludi kuntratti ta’ bejgħ furzat jew li jinvolvu b’mod ieħor l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika;

(l) 'kuntratt ta' bejgħ lil konsumatur' tfisser kuntratt ta' bejgħ fejn il-bejjiegħ ikun kummerċjant u x-xerrej ikun konsumatur;

(m) ‘servizz relatat’ tfisser kwalunkwe servizz relatat ma’ merkanzija jew kontenut diġitali, bħall-installazzjoni, il-manutenzjoni, it-tiswija jew kwalunkwe pproċessar ieħor, ipprovdut mill-bejjiegħ tal-merkanzija jew mill-fornitur tal-kontenut diġitali taħt il-kuntratt ta’ bejgħ, il-kuntratt ta’ fornitura ta’ kontenut diġitali jew kuntratt ta’ servizzi relatati separat li ġie konkluż fl-istess ħin mal-kuntratt ta’ bejgħ jew il-kuntratt għall-fornitura ta’ kontenut diġitali; dan jeskludi:

servizzi ta’ trasport,

(ii) servizzi ta’ taħriġ,

(iii) servizzi ta’ appoġġ tat-telekomunikazzjonijiet; kif ukoll u

(iv) servizzi finanzjarji;

(n) ‘fornitur ta’ servizzi’ tfisser kwalunkwe bejjiegħ ta' merkanzija jew fornitur ta’ kontenut diġitali li jimpenja ruħu li jipprovdi lil konsumatur b’servizz relatat ma’ dik il-merkanzija jew dak il-kontenut diġitali;

(o) ‘klijent’ tfisser kwalunkwe persuna li tixtri servizz relatat;

(p) ‘'kuntratt mill-bogħod’ tfisser kwalunkwe kuntratt bejn kummerċjant u konsumatur taħt skema organizzata ta’ bejgħ mill-bogħod li jiġi konkluż mingħajr il-preżenza fiżika simultanja tal-kummerċjant jew, f’każ li l-kummerċjant ikun persuna ġuridika, persuna fiżika li tirrappreżenta lill-kummerċjant u l-konsumatur, bl-użu esklużiv ta’ mezz wieħed jew aktar ta’ komunikazzjoni mill-bogħod saż-żmien meta jiġi konkluż il-kuntratt u inkluż iż-żmien li fih jiġi konkluż;

(q) ‘kuntratt barra mill-post tan-negozju' tfisser kwalunkwe kuntratt bejn kummerċjant u konsumatur:

(i) li ġie konkluż fil-preżenza fiżika simultanja tal-kummerċjant jew, fejn il-kummerċjant ikun persuna ġuridika, persuna fiżika li tirrappreżenta lill-kummerċjant u l-konsumatur f’post li mhuwiex il-post tan-negozju tal-kummerċjant, jew li ġie konkluż fuq il-bażi ta’ offerta li saret mill-konsumatur fl-istess ċirkustanzi; jew

(ii) li ġie konkluż fil-post tan-negozju tal-kummerċjant jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod wara li l-konsumatur kien intbagħat personalment u individwalment f’post li mhuwiex il-post tan-negozju tal-kummerċjant fil-preżenza fiżika simultanja tal-kummerċjant jew, fejn il-kummerċjant ikun persuna ġuridika, persuna fiżika li tirrappreżenta lill-kummerċjant u lill-konsumatur; jew jew

(iii) li ġie konkluż waqt eskursjoni organizzata minn kummerċjant jew, fejn il-kummerċjant ikun persuna ġuridika, persuna fiżika li tirrappreżenta lill-kummerċjant bil-għan jew bl-effett li tiġi promossa u tinbiegħ merkanzija jew jiġu fornuti kontenut diġitali jew servizzi relatati       lill-konsumatur;

(r) ‘post tan-negozju’ tfisser:

(i) kwalunkwe post immobbli għal bejgħ bl-imnut fejn kummerċjant iwettaq attività fuq bażi permanenti, jew

(ii) kwalunkwe post mobbli għal bejgħ bl-imnut fejn kummerċjant iwettaq attività fuq bażi regolari;

(s) ‘garanzija kummerċjali’ tfisser kwalunkwe impenn minn kummerċjant jew produttur lill-konsumatur, minbarra l-obbligi legali tiegħu taħt Artikolu 106 fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità li jirrimborsa l-prezz imħallas jew jibdel, isewwi jew jagħmel manutenzjoni fuq il-merkanzija jew kontenut diġitali fi kwalunkwe mod jekk dawn ma jkunux jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet jew kwalunkwe rekwiżit ieħor li ma jkunux relatati mal-konformità stabbilita fid-dikjarazzjoni tal-garanzija jew fir-reklamar rilevanti disponibbli fi żmien il-kuntratt jew, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt;

(t) ‘mezz li jservi fit-tul’ tfisser kwalunkwe mezz li jippermetti lil parti taħżen informazzjoni indirizzata lil dik il-parti personalment b’mod li tkun aċċessibbli għar-referenza fil-futur għal perjodu ta’ żmien adegwat għall-finijiet tal-informazzjoni u li jippermetti r-riproduzzjoni mingħajr tibdil tal-informazzjoni maħżuna;

(u) ‘irkant pubbliku’ tfisser metodu ta’ bejgħ fejn il-merkanzija jew il-kontenut diġitali huma offruti mill-kummerċjant lill-konsumatur li jattendi jew jingħata l-possibbiltà li jattendi l-irkant fiżikament, permezz ta’ proċedura trasparenti u kompetittiva ta’ offerti tal-irkant immexxija minn irkantatur u fejn l-offerent rebbieħ huwa obbligat li jixtri l-merkanzija jew il-kontenut diġitali;

(v) 'regola mandatorja' tfisser kwalunkwe dispożizzjoni li l-partijiet ma jkunux jistgħu jeskludu l-applikazzjoni tagħha, ma jkunux jistgħu jidderogaw minnha u ma jkunux jistgħu jvarjaw l-effett tagħha;

(w) 'kreditur' tfisser persuna li għandha d-dritt li fil-konfront tagħha jitwettaq obbligu, kemm jekk monetarju u kemm jekk mhux monetarju, minn persuna oħra, id-debitur;

(x) 'debitur' tfisser persuna li jkollha obbligu, kemm jekk monetarju u kemm jekk mhux monetarju, lejn persuna oħra, il-kreditur.

(y) 'obbligu' tfisser l-impenn li parti għandha twettaq f'relazzjoni legali ma' parti oħra

Artikolu 3 Natura fakultattiva tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ

Il-partijiet jistgħu jaqblu li l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tirregola l-kuntratti transkonfinali tagħhom għall-bejgħ ta’ merkanzija, għall-fornitura ta' kontenut diġitali u għall-provvista ta' servizzi relatati fil-kamp ta' applikazzjoni territorjali, materjali u personali kif stipulat fl-Artikoli 4 sa 7.

Artikolu 4 Kuntratti transkonfinali

1. Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tista' tintuża għal kuntratti transkonfinali.

2. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, kuntratt bejn il-kummerċjanti huwa kuntratt transkonfinali jekk il-partijiet ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stati differenti li mill-inqas wieħed minnhom ikun Stat Membru.

3. Għall-finijiet ta’ din ir-Regolament, kuntratt bejn kummerċjant u konsumatur huwa kuntratt transkonfinali jekk:

(a) jew l-indirizz indikat mill-konsumatur, l-indirizz għall-kunsinna tal-merkanzija jew l-indirizz fejn jintbagħat il-kont jinsabu fi Stat li ma jkunx l-Istat tar-residenza abitwali tal-kummerċjant; u

(b) mill-inqas wieħed minn dawn l-Istati jkun Stat Membru.

4. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, ir-residenza abitwali ta' kumpanniji u entitajiet oħra, inkorporati jew mhux inkorporati, għandha tkun il-post tal-amministrazzjoni ċentrali. Ir-residenza abitwali ta’ kummerċjant, li huwa persuna fiżika, għandha tkun il-post prinċipali tan-negozju ta’ dik il-persuna.

5. Meta l-kuntratt jiġi konkluż waqt l-operazzjonijiet ta’ fergħa, aġenzija jew kwalunkwe stabbiliment ieħor ta’ kummerċjant, il-post fejn il-fergħa, l-aġenzija jew kwalunkwe stabbiliment ieħor ikunu jinsabu għandhom jitqiesu bħala l-post tar-residenza abitwali tal-kummerċjant.

6. Għall-finijiet tad-determinazzjoni dwar jekk kuntratt hux kuntratt transkonfinali, iż-żmien rilevanti jkun dak ta' meta jintlaħaq ftehim dwar l-użu tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

Artikolu 5 Kuntratti li għalihom tista' tintuża l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ

Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tista' tintuża għal:

(a)          kuntratti ta’ bejgħ;

(b)          kuntratti għall-fornitura ta' kontenut diġitali kemm jekk mogħti fuq mezz tanġibbli li jista' jiġi maħżun, jiġi pproċessat jew jinkiseb aċċess għalih, u jiġi użat mill-ġdid mill-utent u kemm jekk le, irrispettivament minn jekk il-kontenut diġitali jkunx ingħata inkambju għall-ħlas ta' prezz;

(c)          kuntratti ta' servizzi relatati, irrispettivament minn jekk ikunx sar ftehim dwar prezz separat għas-servizz relatat.

Artikolu 6 Esklużjoni ta’ kuntratti bi skop imħallat u kuntratti marbuta ma’ kreditu tal-konsumatur

1. Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ ma tistax tintuża għal kuntratti bi skop imħallat li jinkludi kwalunkwe element ieħor għajr il-bejgħ ta' merkanzija, il-fornitura ta' kontenut diġitali u l-għoti ta' servizzi relatati skont it-tifsira tal-Artikolu 5.

2. Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ ma tistax tintuża għal kuntratti bejn kummerċjant u konsumatur fejn il-kummerċjant jagħti jew iwiegħed kreditu lill-konsumatur fil-forma ta' pagament differit, self jew kwalunkwe vantaġġ finanzjarju simili ieħor. Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tista' tintuża għal kuntratti bejn kummerċjant u konsumatur fejn il-merkanzija, il-kontenut diġitali jew is-servizzi relatati tal-istess tip jiġu forniti fuq bażi kontinwa u l-konsumatur iħallas bin-nifs għal tali merkanzija, kontenut diġitali jew servizzi relatati għall-perjodu ta' żmien kollu li fih ikun għaddejja l-fornitura.

Artikolu 7 Partijiet fil-kuntratt

1. Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tista' tintuża biss jekk il-bejjiegħ tal-merkanzija jew il-fornitur tal-kontenut diġitali jkun kummerċjant. Fejn il-partijiet kollha f’kuntratt ikunu kummerċjanti, il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tista’ tintuża jekk mill-inqas waħda minn dawn il-partijiet tkun impriża żgħira jew ta’ daqs medju (‘SME’).

2. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-SME huwa kummerċjant li

(a) jimpjega inqas minn 250 persuna; u

(b) ikollu fatturat annwali li ma jaqbiżx EUR 50 miljun jew karta tal-bilanċ totali annwali li ma taqbiżx EUR 43 miljun, jew, fil-każ ta' SME li r-residenza abitwali tagħha tinsab fi Stat Membru li l-munita tiegħu ma tkunx l-ewro jew f’pajjiż terz, l-ammonti ekwivalenti fil-munita ta' dak l-Istat Membru jew pajjiż terz.

Artikolu 8 Ftehim dwar l-użu tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ

1. L-użu tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ jirrikjedi ftehim bejn il-partijiet f'dan ir-rigward. L-eżistenza tal-ftehim u l-validità tiegħu għandhom jiġu ddeterminati fuq il-bażi tal-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 9, kif ukoll il-Kapitoli u d-dispożizzjonijiet rilevanti fil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

2. Fir-relazzjonijiet bejn kummerċjant u konsumatur il-ftehim dwar l-użu tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ ikun validu biss jekk il-kunsens tal-konsumatur jingħata permezz ta’ dikjarazzjoni espliċita li tkun separata mid-dikjarazzjoni li tindika l-ftehim li jiġi konkluż kuntratt. Il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur konferma ta’ dak il-ftehim fuq mezz li jservi fit-tul.

3. Fir-relazzjonijiet bejn kummerċjant u konsumatur il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ ma tistax tintgħażel fuq bażi parzjali, iżda biss fit-totalità tagħha.

Artikolu 9 Avviż ta’ Informazzjoni Standard f’kuntratti bejn kummerċjant u konsumatur

1. Minbarra l-obbligi ta' informazzjoni prekuntrattwali stabbiliti fil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, fir-relazzjonijiet bejn kummerċjant u konsumatur il-kummerċjant għandu jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur dwar il-ħsieb li tiġi applikata l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ qabel il-ftehim billi lill-konsumatur jipprovdilu l-avviż ta' informazzjoni tal-Anness II b'mod prominenti. Fejn il-ftehim li tintuża l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ jiġi konkluż permezz tat-telefon jew bi kwalunkwe mezz ieħor li ma jippermettix li l-konsumatur jiġi pprovdut bl-avviż ta’ informazzjoni, jew fejn il-kummerċjant ikun naqas milli jipprovdi l-avviz ta' informazzjoni, il-konsumatur ma għandux ikun marbut bil-ftehim sakemm huwa jirċievi l-konferma msemmija fl-Artikolu 8(2) flimkien mal-avviż ta’ informazzjoni u sussegwentement jagħti l-kunsens tiegħu espressament għall-użu tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

2. L-avviż ta' informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1, jekk jingħata f'forma elettronika, għandu jinkludi hyperlink jew, fiċ-ċirkostanzi l-oħrajn kollha, jinkludi indikazzjoni ta' websajt li permezz tagħha t-test tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ ikun jista' jinkiseb mingħajr ħlas.

Artikolu 10 Penali għall-ksur tar-rekwiżiti speċifiċi

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu penali għall-ksur mill-kummerċjanti, fir-relazzjonijiet mal-konsumaturi, tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 8 u 9 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk il-penali jiġu applikati. Għaldaqstant il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjoanti u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet rilevanti lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn [sena (1) wara li dan ir-Regolament jiġi applikat] u għandhoom jinnotifikaw kwalunkwe tibdil sussegwenti malajr kemm jista' jkun.

Artikolu 11 Konsegwenzi tal-użu tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ

Fejn il-partijiet ikunu ftiehmu b'mod validu li jużaw il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għal kuntratt, tkun biss il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ li tirregola l-kwistjonijiet indirizzati fir-regoli tagħha. Bil-kundizzjoni li l-kuntratt ikun ġie effettivament konkluż, il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tirregola wkoll il-konformità mad-dmirijiet ta’ informazzjoni prekuntrattwali u r-rimedji għal nuqqas ta’ konformità mal-istess dmirijiet.

Artikolu 12 Rekwiżiti ta' informazzjoni li jirriżultaw mid-Direttiva dwar is-servizzi

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-informazzjoni stipulati fil-liġijiet nazzjonali li jdaħħlu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern u li jikkomplimentaw ir-rekwiżiti tal-informazzjoni stipulati fil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

Artikolu 13

Alternattivi tal-Istati Membri

Stat Membru jista' jiddeċiedi li l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tkun disponibbli għal:

(a)          (a) kuntratti fejn ir-residenza abitwali tal-kummerċjant jew, fil-każ ta' kuntratt bejn kummerċjant u konsumatur, ir-residenza abitwali tal-kummerċjant, l-indirizz indikat mill-konsumatur, l-indirizz tal-kunsinna tal-merkanzija u l-indirizz fejn jintbagħat il-kont, ikunu jinsabu f'dak l-Istat Membru; u/jew

(b)          kuntratti fejn il-partijiet kollha jkunu kummerċjanti iżda l-ebda waħda minnhom ma tkun SME skont it-tifisra tal-Artikolu 7(2).

Artikolu 14 Komunikazzjoni ta' sentenzi li jinterpretaw dan ir-Regolament

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sentenzi finali tal-qrati tagħhom li jinterpretaw ir-regoli ta’ dan ir-Regolament jiġu kkomunikati mingħajr dewmien bla bżonn lill-Kummissjoni.

2. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema li tippermetti li ssir konsultazzjoni tal-informazzjoni li tikkonċerna s-sentenzi msemmija fil-paragrafu 1 kif ukoll sentenzi rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dik is-sistema għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku.

Artikolu 15 Revizjoni

1. Sa … [erba' (4) snin mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament], l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari dwar il-livell ta’ aċċettazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, il-punt sa fejn id-dispożizzjonijiet tagħha jkunu taw lok għal litigazzjoni u dwar il-qagħda attwali li tikkonċerna differenzi fil-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur bejn il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ u l-liġi nazzjonali. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni ġenerali komprensiva tal-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

2. Sa … [ħames (5) snin mid-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament], il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dettaljat li jirrevedi l-operat ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li tqis fost affarijiet oħrajn, il-ħtieġa biex jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni fir-rigward tal-kuntratti bejn in-negozji, l-iżviluppi tas-suq u l-iżviluppi teknoloġiċi fir-rigward tal-kontenut diġitali u l-iżviluppi tal-acquis tal-Unjoni fil-futur.

Artikolu 16 Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin (20) jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2. Għandu japplika minn [sitt (6) xhur wara d-dħul fis-seħħ tiegħu].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

ANNESS I LIĠI KOMUNI EWROPEA DWAR IL-BEJGĦ

WERREJ

Part I Dispożizzjonijiet tal-bidu.................................................................................................... 31

Kapitolu 1 Prinċipji ġenerali u applikazzjoni................................................................................. 31

Taqsima 1 Prinċipji ġenerali......................................................................................................... 31

Taqsima 2 Applikazzjoni............................................................................................................. 31

Parti II Tfassil ta' kuntratt vinkolanti............................................................................................. 31

Kapitolu 2 Pre-contractual information........................................................................................ 31

Taqsima 1 Informazzjoni prekuntrattwali li għandha tingħata minn kummerċjant li qed jinnegozja ma’ konsumatur            31

Taqsima 2 L-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tingħata minn kummerċjant li jkun qed jinnegozja ma’ kummerċjant ieħor........................................................................................................................................... 31

Taqsima 3: Kuntratti li għandhom jiġu konklużi b'mezzi elettroniċi................................................. 31

Taqsima 4: Dmir li jkun żgurat li l-informazzjoni pprovduta tkun korretta....................................... 31

Taqsima 5: Rimedji għall-ksur tad-dmirijiet ta’ informazzjoni......................................................... 31

Kapitolu 3: Il-konklużjoni ta’ kuntratt.......................................................................................... 31

Kapitolu 4: Dritt ta’ rtirar f’kuntratti mill-bogħod u barra mill-post tan-negozju bejn kummerċjanti u konsumaturi 31

Kapitolu 5: Difetti fil-kunsens....................................................................................................... 31

Parti III: Valutazzjoni ta’ x'jinkludi l-kuntratt................................................................................. 31

Kapitolu 6: Interpretazzjoni......................................................................................................... 31

Kapitolu 7: Kontenut u effetti....................................................................................................... 31

Kapitolu 8: Kundizzjonijiet kuntrattwali inġusti.............................................................................. 31

Taqsima 1: Dispożizzjonijiet ġenerali............................................................................................ 31

Taqsima 2: Kundizzjonijiet kuntrattwali inġusti f’kuntratti bejn kummerċjant u konsumatur............. 31

Taqsima 3: Kundizzjonijiet kuntrattwali inġusti f’kuntratti bejn kummerċjanti.................................. 31

Parti IV: Obbligi u rimedji tal-partijiet f’kuntratt ta’ bejgħ jew kuntratt għall-fornitura ta’ kontenut diġitali 31

Kapitolu 9: Dispożizzjonijiet ġenerali............................................................................................ 31

Kapitolu 10: Obbligi tal-bejjiegħ.................................................................................................. 31

Taqsima 1: Dispożizzjonijiet ġenerali............................................................................................ 31

Taqsima 2: Kunsinna................................................................................................................... 31

Taqsima 3: Konformità tal-merkanzija u tal-kontenut diġitali......................................................... 31

Kapitolu 11: Rimedji tax-xerrej................................................................................................... 31

Taqsima 1: Dispożizzjonijiet ġenerali............................................................................................ 31

Taqsima 2: Issanar mill-bejjiegħ................................................................................................... 31

Taqsima 3: Twettiq ta’ obbligi mitlub........................................................................................... 31

Taqsima 4: Sospensjoni tat-twettiq tal-obbligi tax-xerrej.............................................................. 31

Taqsima 5: Terminazzjoni............................................................................................................ 31

Taqsima 6: Tnaqqis fil-prezz........................................................................................................ 31

Taqsima 7: Rekwiżiti ta’ notifika f’kuntratti bejn kummerċjanti...................................................... 31

Kapitolu 12: Obbligi tax-xerrej.................................................................................................... 31

Taqsima 1: Dispożizzjonijiet ġenerali............................................................................................ 31

Taqsima 2: Ħlas tal-prezz............................................................................................................ 31

Taqsima 3: Teħid tal-kunsinna..................................................................................................... 31

Kapitolu 13: Rimedji tal-bejjiegħ................................................................................................. 31

Taqsima 1: Dispożizzjonijiet ġenerali............................................................................................ 31

Taqsima 2: Twettiq ta’ obbligi mitlub........................................................................................... 31

Taqsima 3: Sospensjoni tat-twettiq tal-obbligi tal-bejjiegħ............................................................ 31

Taqsima 4: Terminazzjoni............................................................................................................ 31

Kapitolu 14: Trasferiment tar-riskju............................................................................................. 31

Taqsima 1: Dispożizzjonijiet ġenerali............................................................................................ 31

Taqsima 2: Trasferiment tar-riskju f’kuntratti ta’ bejgħ lil konsumatur............................................ 31

Taqsima 3: Trasferiment tar-riskju f’kuntratti bejn kummerċjanti................................................... 31

Parti V: Obbligi u rimedji tal-partijiet f’kuntratt ta’ servizzi relatati................................................. 31

Kapitolu 15: Obbligi u rimedji tal-partijiet.................................................................................... 31

Taqsima 2: Obbligi tal-fornitur ta’ servizzi.................................................................................... 31

Taqsima 3: Obbligi tal-klijent....................................................................................................... 31

Taqsima 4: Rimedji..................................................................................................................... 31

Parti VI: Danni u imgħax.............................................................................................................. 31

Kapitolu 16: Danni u imgħax........................................................................................................ 31

Taqsima 1: Danni........................................................................................................................ 31

Taqsima 2: L-imgħax fuq ħlasijiet tardivi: dispożizzjonijiet ġenerali................................................. 31

Taqsima 3: Ħlasijiet tardivi mill-kummerċjanti............................................................................... 31

Parti VII: Restituzzjoni................................................................................................................. 31

Kapitolu 17: Restituzzjoni............................................................................................................ 31

Parti VIII: Preskrizzjoni............................................................................................................... 31

Kapitolu 18: Preskrizzjoni........................................................................................................... 31

Taqsima 1: Dispożizzjonijiet ġenerali............................................................................................ 31

Taqsima 2: Perjodi ta’ preskrizzjoni u l-bidu tagħhom................................................................... 31

Taqsima 3: Estensjoni tal-perjodi ta’ preskrizzjoni........................................................................ 31

Taqsima 4: Tiġdid tal-perjodu ta’ preskrizzjoni............................................................................. 31

Taqsima 5: Effetti tal-preskrizzjoni............................................................................................... 31

Taqsima 6: Modifika bi ftehim..................................................................................................... 31

Appendiċi 1................................................................................................................................ 31

Appendiċi 2................................................................................................................................ 31

Part I      Dispożizzjonijiet tal-bidu

Kapitolu 1 Prinċipji ġenerali u applikazzjoni

Taqsima 1        Prinċipji ġenerali

Artikolu 1 Libertà tal-kuntratt

1. Il-partijiet huma liberi li jikkonkludu kuntratt u li jiddeterminaw il-kontenut tiegħu, li għandu jkun suġġett għal kwalunkwe regola mandatorja applikabbli.

2. Il-partijiet jistgħu jeskludu l-applikazzjoni ta' kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, jew jidderogaw mill-effetti tagħhom jew ivarjawhom, sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor f'dawk id-dispożizzjonijiet.

Artikolu 2 Bona fidi u negozjar ġust

1. Kull parti għandha d-dmir li taġixxi b'bona fidi u b'negozjar ġust.

2. Il-ksur ta' dan id-dmir jista' jipprekludi lill-parti li tkun kisret dan id-dmir milli teżerċita jew tinvoka dritt, rimedju jew difiża li dik il-parti kieku kien ikollha, jew jista' jirriżulta fir-responsabbiltà ta' dik il-parti għal kwalunkwe telf li ġġarrab il-parti l-oħra.

3. Il-partijiet ma jistgħux jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Artikolu 3  Kooperazzjoni

Il-partijiet huma obbligati li jikkooperaw ma' xulxin sa fejn dan ikun mistenni għat-twettiq tal-obbligi kuntrattwali tagħhom.

Taqsima 2        Applikazzjoni

Artikolu 4 Interpretazzjoni

1. Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandha tiġi interpretata b'mod awtonomu u skont l-għanijiet tagħha u l-prinċipji li fuqhom hija bbażata.

2. Kwistjonijiet fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ iżda mhux espressament determinati minnha għandhom jiġu determinati skont l-għanijiet u l-prinċipji li fuqhom hija bbażata u d-dispożizzjonijiet kollha tagħha, mingħajr rikors għal-liġi nazzjonali li tkun applikabbli fin-nuqqas ta' ftehim dwar l-użu tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ jew għal kwalunkwe liġi oħra.

3. Fejn hemm regola ġenerali u regola speċjali li tapplika għal sitwazzjoni partikolari fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regola ġenerali, ir-regola speċjali tipprevali fi kwalunkwe każ ta’ kunflitt.

Artikolu 5 Raġonevolezza

1. Ir-raġonevolezza għandha tiġi aċċertata b’mod oġġettiv, billi jitqiesu n-natura u l-fini tal-kuntratt, iċ-ċirkustanzi tal-każ u kwalunkwe użu u prattika tal-kummerċi jew professjonijiet involuti.

2. Kwalunkwe referenza għal dak li jista’ jkun mistenni mingħand persuna, jew f’sitwazzjoni partikolari, hija referenza għal dak li jista’ raġonevolment ikun mistenni.

Artikolu 6 Ebda forma ma hija meħtieġa

Sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor fil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, mhux meħtieġ li kuntratt, dikjarazzjoni jew kwalunkwe att ieħor irregolat minnha jsir jew jiġi attestat permezz ta’ xi forma partikolari.

Artikolu 7 Kundizzjonijiet kuntrattwali mhux innegozjati individwalment

1. Kundizzjoni kuntrattwali ma tkunx innegozjata individwalment jekk tkun ġiet ipprovduta minn parti waħda u l-parti l-oħra ma setgħetx tinfluwenza l-kontenut tagħha.

2. Meta parti waħda tipprovdi għażla ta’ kundizzjonijiet kuntrattwali lill-parti l-oħra, ma għandux jitqies li kundizzjoni tkun innegozjata individwalment sempliċement għaliex il-parti l-oħra tagħżel dik il-kundizzjoni minn dik l-għażla.

3. Parti li ssostni li kundizzjoni kuntrattwali pprovduta bħala parti minn kundizzjonijiet kuntrattwali standard sadanittant ġiet innegozjata individwalment għandha l-oneru li tipprova li tkun ġiet innegozjata.

4. F’kuntratt bejn kummerċjant u konsumatur, il-kummerċjant għandu l-oneru li jipprova li kundizzjoni kuntrattwali pprovduta mill-kummerċjant ġiet innegozjata individwalment.

5. F’kuntratt bejn kummerċjant u konsumatur, il-kundizzjonijiet kuntrattwali abbozzati minn parti terza jitqiesu bħala li ġew ipprovduti mill-kummerċjant, sakemm ma jkunx introduċihom fil-kuntratt il-konsumatur.

Artikolu 8 It-terminazzjoni

1. l-aħħar darba għamiltha "terminazzjoni" u bidluha ta’ kuntrattt Li “tittermina kuntratt” tfisser li ġġib fi tmiemhom id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet skont il-kuntratt bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jirriżultaw minn kwalunkwe kundizzjoni kuntrattwali li tipprovdi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim jew kwalunkwe kundizzjoni kuntrattwali oħra li għandha topera anki wara t-terminazzjoni.

2. Il-ħlasijiet dovuti u d-danni għal kwalunkwe nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi qabel iż-żmien tat-terminazzjoni jibqgħu pagabbli. Fejn it-terminazzjoni tkun għal nuqqas ta’ twettiq jew għal nuqqas ta’ twettiq antiċipat, il-parti li qiegħda tittermina l-kuntratt hija intitolata wkoll għad-danni minflok it-twettiq futur min-naħa tal-parti l-oħra.

3. L-effetti tat-terminazzjoni fuq il-ħlas lura tal-prezz u r-ritorn tal-merkanzija jew tal-kontenut diġitali, u effetti oħrajn tar-restituzzjoni, huma rregolati mir-regoli dwar ir-restituzzjoni fil-Kapitolu 17.

Artikolu 9 Kuntratti b’diversi skopijiet

1. Fejn kuntratt jipprovdi kemm għall-bejgħ tal-merkanzija jew għall-fornitura tal-kontenut diġitali kif ukoll għall-fornitura ta’ servizz relatat, ir-regoli tal-Parti IV japplikaw għall-obbligi u għar-rimedji tal-partijiet bħala bejjiegħ u xerrej tal-merkanzija jew kontenut diġitali u r-regoli tal-Parti V japplikaw għall-obbligi u għar-rimedji tal-partijiet bħala fornitur ta’ servizzi u klijent.

2. Meta, f’kuntratt li jaqa’ taħt il-paragrafu 1, l-obbligi tal-bejjiegħ u tal-fornitur ta’ servizzi skont il-kuntratt għandhom jitwettqu f’partijiet separati jew huma diviżibbli mod ieħor, allura jekk ikun hemm raġuni għat-terminazzjoni minħabba nuqqas ta’ twettiq ta' parti waħda li fir-rigward tagħha tista' tiġi allokata parti mill-prezz, ix-xerrej u l-klijent jistgħu jitterminaw biss fir-rigward dik il-parti.

3. Il-paragrafu 2 ma japplikax meta x-xerrej u l-klijent ma jistgħux ikunu mistennija li jaċċettaw it-twettiq tal-partijiet l-oħra jew in-nuqqas ta’ twettiq ikun tali li jiġġustifika t-terminazzjoni tal-kuntratt fl-intier tiegħu.

4. Fejn l-obbligi tal-bejjiegħ u tal-fornitur ta’ servizzi taħt il-kuntratt mhumiex diviżibbli jew parti mill-prezz ma tistax tiġi allokata, ix-xerrej u l-klijent jistgħu jitterminaw biss jekk in-nuqqas ta’ twettiq huwa tali li jiġġustifika t-terminazzjoni tal-kuntratt fl-intier tiegħu.

Artikolu 10 Notifika

1. Dan l-Artikolu japplika fir-rigward ta' notifika għal kwalunkwe fini skont ir-regoli tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ u tal-kuntratt. ‘Notifika’ tinkludi l-komunikazzjoni ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni li huwa maħsub li jkollha effett legali jew li tgħaddi informazzjoni għal skop legali.

2. Tista' ssir notifika bi kwalunkwe mezz adattat għaċ-ċirkustanzi.

3. In-notifika ssir effettiva meta tasal għand id-destinatarju, sakemm ma tipprovdix biex ikollha effett aktar tard.

4. Notifika tasal għand id-destinatarju:

(a) meta tiġi kkonsenjata lid-destinatarju;

(b) meta tiġi kkonsenjata fil-post tan-negozju tad-destinatarju jew, meta ma jkun hemm l-ebda post tan-negozju ta’ din ix-xorta jew meta n-notifika tkun indirizzata lil konsumatur, fir-residenza abitwali tad-destinatarju;

(c) fil-każ ta’ notifika trażmessa b’posta elettronika jew b’komunikazzjoni individwali oħra, meta d-destinatarju jkun jista’ jkollu aċċess għaliha; jew

(d) meta b’xi mod ieħor tkun disponibbli għad-destinatarju fil-post u b'mod li d-destinatarju jista’ jkun mistenni li jikseb aċċess għaliha mingħajr dewmien żejjed.

In-notifika tkun waslet għand id-destinatarju wara li jiġi sodisfatt wieħed mir-rekwiżiti taħt (a), (b), (c) jew (d), skont liema jiġi l-ewwel.

5. In-notifika ma jkollha l-ebda effett jekk ir-revoka tagħha tasal għand id-destinatarju qabel jew fl-istess żmien tan-notifika.

6. Fir-relazzjonijiet bejn kummerċjant u konsumatur, il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni tal-paragrafi 3 u 4 jew jidderogaw mill-effetti tagħhom jew ivarjawhom.

Artikolu 11 Il-komputazzjoni taż-żmien

1. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu japplikaw b’relazzjoni għall-komputazzjoni taż-żmien għal kwalunkwe skop skont il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

2. Soġġett għall-paragrafi 3 sa 7:

(a) perjodu espress f’jiem jibda mill-bidu tal-ewwel siegħa tal-ewwel jum    u jintemm meta tiskadi l-aħħar siegħa tal-aħħar jum tal-perjodu;

(b) perjodu espress f’ġimgħat, f’xhur, jew fi snin jibda fil-bidu tal-ewwel siegħa tal-ewwel jum tal-perjodu u jintemm meta tiskadi l-aħħar siegħa ta’ liema jum fl-aħħar ġimgħa, xahar jew sena jkun l-istess jum tal-ġimgħa, jew jaħbat fl-istess data, bħall-jum minn meta jibda jiddekorri l-perjodu; bil-kwalifika li jekk, f’perjodu espress f’xhur jew fi snin, il-jum meta l-perjodu għandu jiskadi ma jseħħx fl-aħħar xahar, huwa jintemm meta tiskadi l-aħħar siegħa tal-aħħar jum ta’ dak ix-xahar.

3. Fejn perjodu espress f’jiem, f’ġimgħat, f’xhur jew fi snin għandu jiġi kkalkolat minn avveniment, azzjoni jew żmien speċifikat, il-jum li matulu jseħħ l-avveniment, tiġri l-azzjoni jew jasal il-ħin speċifikat ma jaqax fil-perjodu inkwistjoni.

4. Il-perjodi kkonċernati jinkludu s-Sibtijiet, il-Ħdud u l-btajjel pubbliċi, ħlief fejn dawn ikunu esklużi espressament jew fejn il-perjodi jiġu espressi f’jiem ta’ xogħol.

5. Fejn l-aħħar jum ta’ perjodu jkun is-Sibt, il-Ħadd jew btala pubblika fil-post fejn għandu jsir att preskritt, il-perjodu jintemm meta tiskadi l-aħħar siegħa tal-jum ta’ xogħol segwenti. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-perjodi kkalkolati retroattivament minn data jew minn avveniment partikolari.

6. Fejn persuna tibgħat lil persuna oħra dokument li jiffissa perjodu ta’ żmien li fih id-destinatarju jrid iwieġeb jew jieħu azzjoni oħra imma li ma jiddikjarax meta l-perjodu għandu jibda, allura, fl-assenza ta’ indikazzjonijiet li jgħidu l-kontra, il-perjodu jiġi kkalkolat mill-mument li d-dokument jasal għand id-destinatarju.

7. Għall-għanijiet ta' dan l-Artikolu:

(a) “btala pubblika” b’referenza għal Stat Membru, jew għal parti minn Stat Membru, tal-Unjoni Ewropea tfisser kwalunkwe jum magħżul bħala tali għal dak l-Istat Membru jew għal dik il-parti mil-lista ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea; u

(b) “jiem ta’ xogħol” tfisser il-jiem kollha għajr is-Sibtijiet, il-Ħdud u l-btajjel pubbliċi.

Artikolu 12 Dikjarazzjonijiet jew imġiba unilaterali

1. Dikjarazzjoni unilaterali li tindika intenzjoni għandha tiġi interpretata bil-mod li bih jista’ jkun mistenni li tinftiehem mill-persuna li lilha tkun indirizzata.

2. Fejn il-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni kellha l-intenzjoni li espressjoni li ntużat fiha jkollha tifsira partikolari u l-parti l-oħra kienet konxja, jew seta’ kien mistenni li kienet konxja, minn dik l-intenzjoni, l-espressjoni għandha tiġi interpretata bil-mod intiż mill-persuna li għamlet id-dikjarazzjoni.

3. L-Artikoli 59 sa 65 japplikaw, b’adattamenti xierqa, għall-interpretazzjoni tad-dikjarazzjonijiet unilaterali li jindikaw intenzjoni.

4. Ir-regoli dwar id-difetti fil-kunsens fil-Kapitolu 5 japplikaw, b’adattamenti xierqa, għad-dikjarazzjonijet unilaterali li jindikaw intenzjoni.

5. Kwalunkwe referenza għal dikjarazzjoni f’dan l-Artikolu tinkludi referenza għal imġiba li tista' titqies bħala ekwivalenti għal dikjarazzjoni.

Parti II   Tfassil ta' kuntratt vinkolanti

Kapitolu 2 Pre-contractual information

Taqsima 1        Informazzjoni prekuntrattwali li għandha tingħata minn kummerċjant li qed jinnegozja ma’ konsumatur

Artikolu 13 Dmir li tiġi pprovduta informazzjoni meta jiġi konkluż kuntratt mill-bogħod jew kuntratt barra mill-post tan-negozju

1. Kummerċjant li jikkonkludi kuntratt mill-bogħod jew kuntratt barra mill-post tan-negozju għandu dmir li jipprovdi l-informazzjoni li ġejja lill-konsumatur, b’mod ċar u li jinftiehem qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt jew qabel ma l-konsumatur ikun marbut bi kwalunkwe offerta:

(a) il-karatteristiċi prinċipali tal-merkanzija, tal-kontenut diġitali jew tas-servizzi relatati li għandhom jiġu pprovduti, sa fejn dan ikun xieraq għall-mezz ta’ komunikazzjoni u għall-merkanzija, għall-kontenut diġitali jew għas-servizzi relatati;

(b) il-prezz totali u l-imposti u l-ispejjeż addizzjonali, skont l-Artikolu 14;

(c) l-identità u l-indirizz tal-kummerċjant, skont l-Artikolu 15;

(d) il-kundizzjonijiet kuntrattwali, skont l-Artikolu 16;

(e) id-drittijiet ta’ rtirar, skont l-Artikolu 17;

(f) fejn applikabbli, l-eżistenza u l-kundizzjonijiet tal-assistenza lill-klijent wara l-bejgħ, tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ, tal-garanziji kummerċjali u tal-politika ta’ trattament tal-ilmenti, tal-kummerċjant;

(g) fejn applikabbli, il-possibbiltà li jkun hemm rikors għal mekkaniżmu ta' Riżoluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim li għalih ikun soġġett il-kummerċjant u l-metodi ta' kif jinkiseb aċċess għalih;

(h) fejn applikabbli, il-funzjonalità tal-kontenut diġitali, inklużi l-miżuri tekniċi applikabbli ta’ protezzjoni; u

(i) fejn applikabbli, kwalunkwe interoperabbiltà rilevanti ta’ kontenut diġitali bil-ħardwer jew softwer li l-kummerċjant ikollu konoxxenza tagħha jew jista’ jkun mistenni li kellu konoxxenza tagħha.

2. L-informazzjoni pprovduta, għajr l-indirizzi mitluba mill-punt (c) tal-paragrafu 1, tifforma parti integrali mill-kuntratt u m’għandhiex tiġi mibdula sakemm il-partijiet ma jaqblux espressament mod ieħor.

3. Għal kuntratt mill-bogħod, l-informazzjoni meħtieġa minn dan Artikolu għandha:

(a) tingħata jew issir disponibbli għall-konsumatur b’mod li huwa xieraq għall-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod użat;

(b) tkun b’lingwaġġ sempliċi u li jiftiehem; u

(c) sa fejn tkun ipprovduta fuq mezz li jservi fit-tul, tkun tinqara.

4. Fil-każ ta' kuntratt barra mill-post tan-negozju, l-informazzjoni meħtieġa minn dan Artikolu għandha:

(a) tingħata fuq karta jew, jekk il-konsumatur jaqbel, fuq mezz ieħor li jservi fit-tul, u u

(b) tkun tista’ tinqara u b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem.

5. Dan l-Artikolu ma japplikax fejn il-kuntratt ikun:

(a) għall-fornitura ta’ prodotti tal-ikel, ta’ xorb jew ta’ merkanzija oħra li huma intiżi għal konsum attwali f'unità domestika, u li jiġu pprovduti fiżikament minn kummerċjant fuq bażi frekwenti u regolari fid-dar, fir-residenza jew fil-post tax-xogħol tal-konsumatur;

(b) konkluż permezz ta’ magna tal-bejgħ awtomatika jew post kummerċjali awtomatizzat;

(c) kuntratt barra mill-post tan-negozju jekk il-prezz jew, fejn jiġi konkluż aktar minn kuntratt wieħed fl-istess ħin, il-prezz totali tal-kuntratti ma jeċċedix EUR 50 jew is-somma ekwivalenti fil-munita miftiehma għall-prezz tal-kuntratt.

Artikolu 14 Informazzjoni dwar il-prezz u imposti u spejjeż addizzjonali

1. L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont il-punt (b) tal-Artikolu 13(1) trid tinkludi:

(a) il-prezz totali tal-merkanzija, tal-kontenut diġitali jew tas-servizzi relatati, bit-taxxi inklużi, jew meta n-natura tal-merkanzija, tal-kontenut diġitali jew tas-servizzi relatati tkun tali li l-prezz ma jistax jiġi kkalkolat minn qabel, il-mod li bih jiġi kkalkolat il-prezz; u

(b) fejn applikabbli, kwalunkwe imposta addizzjonali għat-trasport, għall-kunsinna jew minħabba l-posta u kwalunkwe spiża oħra jew, meta dawn ma jistgħux jiġu raġonevolment ikkalkolati minn qabel, il-fatt li tali imposti u spejjeż addizzjonali jistgħu jkunu pagabbli.

2. Fil-każ ta’ kuntratt ta’ perjodu indeterminat jew kuntratt li jinkludi abbonament, il-prezz totali jrid jinkludi l-prezz totali għal kull perjodu ta' ħlas. Meta fir-rigward ta' tali kuntratti tkun imposta rata fissa, il-prezz totali jrid jinkludi l-ispejjeż totali ta' kull xahar. Fejn il-prezz totali ma jistax jiġi kkalkolat minn qabel, irid jiġi pprovdut il-mod li bih jiġi kkalkolat il-prezz.

3. Fejn applikabbli, il-kummerċjant irid jinforma lill-konsumatur dwar l-ispiża tal-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod għall-konklużjoni tal-kuntratt meta l-ispiża tkun ikkalkulata b'rata li ma tkunx ir-rata bażika.

Artikolu 15 Informazzjoni dwar l-identità u l-indirizz tal-kummerċjant

L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont il-punt (c) tal-Artikolu 13(1) trid tinkludi:

(a)          l-identità tal-kummerċjant, bħall-isem kummerċjali tiegħu,

(b)          l-indirizz ġeografiku fejn ikun stabbilit il-kummerċjant; 

(c)          in-numru tat-telefon, in-numru tal-faks u l-indirizz bil-posta elettronika tal-kummerċjant, fejn disponibbli, sabiex il-konsumatur ikun jista’ jikkuntattja lill-kummerċjant malajr u jikkomunika mal-kummerċjant effettivament;

(d)          fejn ikun applikabbli, l-identità u l-indirizz ġeografiku ta’ kwalunkwe kummerċjant ieħor li f’ismu jkun qed jaġixxi l-kummerċjant; u

(e)          fejn ikun differenti mill-indirizz mogħti skont il-punti (b) u (d) ta' dan l-Artikolu, l-indirizz ġeografiku tal-kummerċjant u, fejn ikun applikabbli, dak tal-kummerċjant li f’ismu jkun qed jaġixxi, fejn il-konsumatur jista’ jindirizza kwalunkwe lment.

Artikolu 16 Informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali

L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont il-punt (b) tal-Artikolu 13(1) trid tinkludi:

(a)          l-arranġamenti dwar il-ħlas, il-kunsinna tal-merkanzija, il-fornitura tal-kontenut diġitali jew tat-twettiq tas-servizzi relatati u ż-żmien sa meta l-kummerċjant jimpenja ruħu li jikkonsenja l-merkanzija, iforni l-kontenut diġitali jew iwettaq is-servizzi relatati;

(b)          fejn applikabbli, it-tul ta’ żmien tal-kuntratt u t-tul ta’ żmien minimu tal-obbligi tal-konsumatur jew, jekk il-kuntratt ikun għal perjodu indefinit jew għandu jiġi estiż awtomatikament, il-kundizzjonijiet biex jiġi tterminat il-kuntratt; u

(c)          fejn applikabbli, l-eżistenza u l-kundizzjonijiet għal depożiti jew garanziji finanzjarji oħra li għandhom jitħallsu jew li għandhom jiġu pprovduti mill-konsumatur fuq talba tal-kummerċjant;

(d)          fejn applikabbli, l-eżistenza ta' kodiċijiet ta’ kondotta rilevanti u kif jistgħu jinkisbu kopji tagħhom.

Artikolu 17 Informazzjoni dwar id-drittijiet ta’ rtirar meta jiġi konkluż kuntratt mill-bogħod jew kuntratt barra mill-post tan-negozju

1. Meta l-konsumatur ikollu dritt ta’ rtirar taħt il-Kapitolu 4, l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta taħt il-punt (e) tal-Artikolu 13(1) trid tinkludi l-kundizzjonijiet, il-limitu ta’ żmien u l-proċeduri biex jiġi eżerċitat dak id-dritt skont l-Appendiċi 1, kif ukoll il-Formola tal-irtirar mudell stabbilita fl-Appendiċi 2.

2. Fejn applikabbli, l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont il-punt (e) tal-Artikolu 13(1) trid tinkludi l-fatt li l-konsumatur se jkollu jħallas l-ispejjeż biex tiġi rritornata l-merkanzija f’każ ta’ rtirar u, għall-kuntratti mill-bogħod, li l-konsumatur ikollu jħallas l-ispejjeż biex tiġi rritornata l-merkanzija f'każ ta' rtirar jekk il-merkanzija min-natura tagħha ma tistax tiġi normalment tintbagħat lura bil-posta.

3. Meta l-konsumatur jista’ jeżerċita d-dritt ta’ rtirar wara li jkun għamel talba biex il-fornitura tas-servizzi relatati tibda waqt il-perjodu tal-irtirar, l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta taħt il-punt (e) tal-Artikolu 13(1) trid tinkludi l-fatt li l-konsumatur ikun obbligat iħallas lill-kummerċjant l-ammont imsemmi fl-Artikolu 45(5).

4. Id-dmir li tkun ipprovduta l-informazzjoni mitluba fil-paragrafi 1, 2 u 3 jista’ jiġi sodisfatt billi l-konsumatur jiġi pprovdut bl-Istruzzjonijiet dwar l-irtirar mudell stabbiliti fl-Appendiċi 1. Għandu jitqies li l-kummerċjant ikun issodisfa dawn ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni jekk ikun ipprovda dawn l-istruzzjonijiet lill-konsumatur mimlija b’mod korrett.

5. Fejn ma jkunx previst dritt ta' rtirar skont il-punti (c) sa (i) tal-Artikolu 40(2) u l-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu, l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont il-punt (e) tal-Artikolu 13(1) trid tinkludi dikjarazzjoni li l-konsumatur mhux se jibbenefika minn dritt ta’ rtirar jew, fejn applikabbli, iċ-ċirkostanzi li taħthom il-konsumatur jitlef id-dritt ta’ rtirar.

Artikolu 18 Kuntratti barra mill-post tan-negozju: rekwiżiti ta' informazzjoni addizzjonali u konferma

1. Il-kummerċjant irid jipprovdi lill-konsumatur kopja tal-kuntratt iffirmat jew il-konferma tal-kuntratt, inkluż fejn applikabbli, il-konferma tal-kunsens u tar-rikonoxximent tal-konsumatur kif previst fil-punt (d) tal-Artikolu 40(3) fuq karta jew, jekk il-konsumatur jaqbel, fuq mezz differenti li jservi fit-tul.

2. Fejn il-konsumatur irid li l-fornitura tas-servizzi relatati tibda matul il-perjodu ta’ rtirar previst fl-Artikolu 42(2), jeħtieġ li l-kummerċjant jitlob lill-konsumatur jagħmel tali talba espressa fuq mezz li jservi fit-tul.

Artikolu 19 Kuntratti mill-bogħod: informazzjoni addizzjonali u rekwiżiti oħrajn

1. Meta kummerċjant iċempel lil konsumatur biex jikkonkludi kuntratt mill-bogħod, fil-bidu tat-taħdita mal-konsumatur, il-kummerċjant irid jiżvela l-identità tiegħu, u fejn dan ikun applikabbli, l-identità tal-persuna li f’isimha jkun qed jagħmel it-telefonata u l-iskop kummerċjali tat-telefonata.

2. Jekk il-kuntratt mill-bogħod jiġi konkluż permezz ta’ mezz ta' komunikazzjoni mill-bogħod li jippermetti spazju jew żmien limitat sabiex tintwera l-informazzjoni, il-kummerċjant irid jipprovdi mill-inqas l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu fuq dak il-mezz partikolari qabel ma jiġi konkluż kuntratt bħal dan. L-informazzjoni l-oħra msemmija fl-Artikolu 13 għandha tiġi pprovduta mill-kummerċjant lill-konsumatur b’mod xieraq skont l-Artikolu 13(3).

3. L-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafu 2 hija:

(a) il-karatteristiċi prinċipali tal-merkanzija, tal-kontenut diġitali jew tas-servizzi relatati, kif meħtieġ mill-punt (a) tal-Artikolu 13(1);

(b) l-identità tal-kummerċjant, kif meħtieġ mill-punt (a) tal-Artikolu 15;

(c) il-prezz totali, li jinkludi l-elementi kollha msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 13(1) u fl-Artikolu 14(1) u (2);

(d) id-dritt ta’ rtirar; u

(e) fejn ikun rilevanti, it-tul tal-kuntratt, u jekk il-kuntratt ikun għal perjodu indefinit, ir-rekwiżiti għat-terminazzjoni tal-kuntratt imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 16.

4. Kuntratt mill-bogħod konkluż bit-telefon huwa validu biss jekk il-konsumatur ikun iffirma l-offerta jew ikun bagħat il-kunsens tiegħu bil-miktub fejn jindika l-ftehim li jikkonkludi kuntratt. Il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur konferma ta’ dak il-ftehim fuq mezz li jservi fit-tul.

5. Il-kummerċjant irid jagħti lill-konsumatur konferma tal-kuntratt konkluż, inkluż fejn applikabbli, tal-kunsens u r-rikonoxximent tal-konsumatur imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 40(3), u l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 13 fuq mezz li jservi fit-tul. Il-kummerċjant għandu jagħti din l-informazzjoni fi żmien raġonevoli wara l-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod, u mhux aktar tard miż-żmien tal-kunsinna tal-merkanzija jew qabel ma tibda l-fornitura tal-kontenut diġitali jew il-fornitura tas-servizz relatat, sakemm l-informazzjoni ma tkunx diġà ngħatat lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod fuq mezz li jservi fit-tul.

6. Meta l-konsumatur ikun irid li l-fornitura tas-servizzi relatati tibda matul il-perjodu ta’ rtirar previst fl-Artikolu 42(2), jeħtieġ li il-kummerċjant jitlob lill-konsumatur biex jagħmel talba espressa għal dan l-iskop fuq mezz li jservi fit-tul.

Artikolu 20 Dmir li tiġi pprovduta informazzjoni meta jiġu konklużi kuntratti oħra barra minn kuntratti mill-bogħod u barra mill-post tan-negozju

1. Fil-kuntratti barra minn kuntratti mill-bogħod u barra mill-post tan-negozju, il-kummerċjant għandu d-dmir li jipprovdi l-informazzjoni li ġejja lill-konsumatur, b’mod ċar u li jinftiehem qabel ma l-kuntratt jiġi konkluż jew il-konsumatur ikun marbut minn kwalunkwe offerta, dejjem jekk din l-informazzjoni ma tkunx diġà evidenti mill-kuntest:

(a) il-karatteristiċi prinċipali tal-merkanzija, tal-kontenut diġitali jew tas-servizzi relatati li għandhom jiġu pprovduti, sa fejn dan ikun xieraq għall-mezz ta’ komunikazzjoni u għall-merkanzija, għall-kontenut diġitali jew għas-servizzi relatati;

(b) il-prezz totali u l-imposti u l-ispejjeż addizzjonali, skont l-Artikolu 14(1);

(c) l-identità tal-kummerċjant, bħall-isem kummerċjali tal-kummerċjant, l-indirizz ġeografiku fejn huwa stabbilit u n-numru tat-telefon tiegħu;

(d) il-kundizzjonijiet kuntrattwali skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 16;

(e) fejn applikabbli, l-eżistenza u l-kundizzjonijiet tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ, tal-garanziji kummerċjali u tal-politika tat-trattament tal-ilmenti, tal-kummerċjant;

(f) fejn applikabbli, il-funzjonalità tal-kontenut diġitali, inklużi l-miżuri tekniċi applikabbli ta’ protezzjoni; u

(g) fejn applikabbli, kwalunkwe interoperabbiltà rilevanti ta’ kontenut diġitali bil-ħardwer     jew softwer li l-kummerċjant ikollu konoxxenza tagħha jew jista’ jkun mistenni   li kellu konoxxenza tagħha.

2. Dan l-Artikolu ma japplikax fejn il-kuntratt jinvolvi tranżazzjoni minn jum għal jum u jitwettaq minnufih fil-ħin tal-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 21 Oneru tal-prova

Il-kummerċjant għandu l-oneru tal-prova li huwa jkun ipprovda l-informazzjoni mitluba minn din it-Taqsima.

Artikolu 22 Natura mandatorja

Il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni ta’ din it-Taqsima jew jidderogaw mill-effetti tagħha jew ivarjawhom.

Taqsima 2        L-informazzjoni prekuntrattwali li għandha tingħata minn kummerċjant li jkun qed jinnegozja ma’ kummerċjant ieħor

Artikolu 23 Dmir ta' żvelar ta' informazzjoni dwar il-merkanzija u s-servizzi relatati

1. Qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt għall-bejgħ ta' merkanzija, għall-fornitura ta' kontenut diġitali jew għall-fornitura ta’ servizzi relatati minn kummerċjant għal kummerċjant ieħor, il-fornitur għandu dmir li jiżvela, permezz ta’ kwalunkwe mezz adattat, lill-kummerċjant l-ieħor kwalunkwe informazzjoni dwar il-karatteristiċi prinċipali tal-merkanzija, tal-kontenut diġitali jew tas-servizzi relatati li għandhom jiġu pprovduti, li l-fornitur għandu jew jista’ jkun mistenni li jkollu u li jkun kontra l-bona fidi u n-negozjar ġust jekk ma tiġix żvelata lill-parti l-oħra.

2. Fid-determinazzjoni ta’ jekk il-paragrafu 1 jeżiġix li l-fornitur jiżvela kwalunkwe informazzjoni, għandhom jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha, inklużi:

(a) jekk il-fornitur kellux kompetenza speċjali;

(b) l-ispiża għall-fornitur biex jakkwista l-informazzjoni rilevanti;

(c) il-faċilità li biha l-kummerċjant l-ieħor seta’ akkwista l-informazzjoni b’mezzi oħrajn;

(d) in-natura tal-informazzjoni;

(e) l-importanza probabbli tal-informazzjoni għall-kummerċjant l-ieħor; u

(f)      prattika kummerċjali tajba fis-sitwazzjoni kkonċernata.

Taqsima 3:       Kuntratti li għandhom jiġu konklużi b'mezzi elettroniċi

Artikolu 24 Dmirijiet addizzjonali biex tiġi pprovduta informazzjoni fil-kuntratti mill-bogħod li għandhom jiġu konklużi permezz ta’ mezzi elettroniċi

1. Dan l-Artikolu japplika fejn kummerċjant jipprovdi l-mezzi biex jiġi konkluż kuntratt u meta dawk il-mezzi jkunu elettroniċi u ma jinvolvux l-iskambju esklużiv ta' posta elettronika jew komunikazzjoni individwali oħra.

2. Il-kummerċjant irid iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-parti l-oħra mezzi tekniċi xierqa, effettivi u aċċessibbli sabiex jiġu identifikati u korretti żbalji ta’ input qabel ma l-parti l-oħra tagħmel jew taċċetta offerta.

3. Il-kummerċjant irid jipprovdi informazzjoni dwar il-kwistjonijiet li ġejjin qabel ma l-parti l-oħra tagħmel jew taċċetta offerta:

(a) il-passi tekniċi li għandhom jittieħdu sabiex jiġi konkluż il-kuntratt;

(b) jekk dokument kuntrattwali huwiex se jiġi ffajljat mill-kummerċjant jew le u jekk huwiex se jkun aċċessibbli;

(c) il-mezzi tekniċi għall-identifikazzjoni u għall-korrezzjoni tal-iżbalji ta’ input qabel ma l-parti l-oħra tagħmel jew taċċetta offerta;

(d) il-lingwi offruti għall-konklużjoni tal-kuntratt;

(e) il-kundizzjonijiet kuntrattwali.

4. Il-kummerċjant irid jiżgura ruħu li l-kundizzjonijiet kuntrattwali msemmija fil-punt(e) tal-paragrafu 3 ikunu disponibbli f’karattri alfabetiċi jew karattri oħrajn li jinftiehmu u fuq mezz li jservi fit-tul permezz ta’ kwalunkwe appoġġ li jippermetti l-qari, ir-reġistrazzjoni tal-informazzjoni inkluża fit-test u r-riproduzzjoni tagħha f’forma tanġibbli.

5. Il-kummerċjant irid jikkonferma permezz ta’ mezzi elettroniċi u mingħajr dewmien żejjed, li rċieva offerta jew aċċettazzjoni mibgħuta mill-parti l-oħra.

Artikolu 25 Rekwiżiti addizzjonali fil-kuntratti mill-bogħod li għandhom jiġu konklużi permezz ta’ mezzi elettroniċi

1. Meta kuntratt mill-bogħod li għandu jiġi konkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi jkun jobbliga lill-konsumatur li jħallas, il-kummerċjant għandu jinforma lill-konsumatur b’mod ċar u prominenti, u immedjatament qabel ma l-konsumatur jagħmel l-ordni, bl-informazzjoni meħtieġa mill-punt (a) tal-Artikolu 13(1), l-Artikolu 14(1) u (2), u l-punt (b) tal-Artikolu 16.

2. Il-kummerċjant għandu jiżgura li l-konsumatur, meta jagħmel l-ordni, jirrikonoxxi b’mod espliċitu li l-ordni timplika obbligu li jħallas. Meta l-ordni jsir permezz tal-attivazzjoni ta’ buttuna jew funzjoni simili, il-buttuna jew funzjoni simili għandhom ikunu ttikkettjati b’mod li jinqara faċilment biss bil-kliem “ordni b’obbligu ta’ ħlas” jew kliem simili mhux ambigwu li jindika li t-tqegħid ta’ ordni jinvolvi obbligu biex isir ħlas lill-kummerċjant. Meta l-kummerċjant ma jikkonformax ma’ dan il-paragrafu, il-konsumatur ma jkunx marbut bil-kuntratt jew l-ordni.

3. Il-kummerċjant għandu jindika b’mod ċar u li jinqara fuq il-websajt kummerċjali tiegħu l-aktar tard fil-bidu tal-proċess tal-ordni jekk japplikawx kwalunkwe restrizzjonijiet ta’ kunsinna u liema huma l-modi tal-ħlas aċċettati.

Artikolu 26 Oneru tal-prova

Fir-relazzjonijiet bejn kummerċjant u konsumatur, il-kummerċjant għandu l-oneru tal-prova li huwa pprovda l-informazzjoni meħtieġa minn din it-Taqsima.

Artikolu 27  Natura mandatorja

Fir-relazzjonijiet bejn kummerċjant u konsumatur, il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni ta’ din it-Taqsima jew jidderogaw mill-effetti tagħha jew ivarjawhom.

Taqsima 4        Dmir li jkun żgurat li l-informazzjoni pprovduta tkun korretta

Artikolu 28 Dmir li jkun żgurat li l-informazzjoni pprovduta tkun korretta

1. Il-parti li tipprovdi informazzjoni qabel jew fiż-żmien meta jiġi konkluż kuntratt, irrispettivament minn jekk dan isirx biex tkun konformi mad-dmirijiet imposti minn dan il-Kapitolu jew għal raġunijiet oħra, għandha dmir li toqgħod raġonevolment attenta biex tiżgura ruħha li l-informazzjoni pprovduta tkun korretta u mhijiex qarrieqa.

2. Parti li ngħatatilha informazzjoni inkorretta jew qarrieqa bi ksur tad-dmir imsemmi fil-paragrafu 1, u li tiddependi raġonevolment fuq dik l-informazzjoni biex tikkonkludi kuntratt mal-parti li pprovdietha, għandha r-rimedji stabbiliti fl-Artikolu 29.

3. Fir-relazzjonijiet bejn kummerċjant u konsumatur, il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Taqsima 5        Rimedji għall-ksur tad-dmirijiet ta’ informazzjoni

Artikolu 29 Rimedji għall-ksur tad-dmirijiet ta’ informazzjoni

1. Parti li tkun naqset milli tikkonforma ma' kwalunkwe dmir impost minn dan il-Kapitolu hija responsabbli għal kwalunkwe telf ikkawżat lill-parti l-oħra b'riżultat ta' tali nuqqas.

2. Meta l-kummerċjant ma jkunx ikkonforma mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni li jirrigwardaw l-imposti addizzjonali jew spejjeż oħrajn kif imsemmi fl-Artikolu 14, jew dwar l-ispejjeż tar-ritorn tal-merkanzija kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) il-konsumatur ma jkunx responsabbli biex iħallas l-imposti addizzjonali u l-ispejjeż l-oħrajn.

3. Ir-rimedji previsti f’dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju li jista’ jkun disponibbli taħt l-Artikolu 42(2), l-Artikolu 48 jew l-Artikolu 49.

4. Fir-relazzjonijiet bejn kummerċjant u konsumatur, il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Kapitolu 3 Il-konklużjoni ta’ kuntratt

Artikolu 30 Rekwiżiti għall-konklużjoni ta’ kuntratt

1. Kuntratt jiġi konkluż jekk:

(a) il-partijiet jilħqu ftehim;

(b) huma jkollhom l-intenzjoni li l-ftehim ikollu effett legali; u

(c) il-ftehim, issupplimentat jekk meħtieġ mir-regoli tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, ikun fih kontenut u ċertezza suffiċjenti biex ikollu effett legali.

2. Jintlaħaq ftehim billi tiġi aċċettata offerta. L-aċċettazzjoni tista' ssir b'mod espliċitu jew b'dikjarazzjonijiet jew imġiba oħra.

3. Jekk il-partijiet għandhomx l-intenzjoni li l-ftehim ikollu effett legali għandu jkun iddeterminat mid-dikjarazzjonijiet u mill-imġiba tagħhom.

4. Fejn waħda mill-partijiet tagħmel il-ftehim dwar xi kwistjoni speċifika rekwiżit għall-konklużjoni ta’ kuntratt, ma jkun hemm l-ebda kuntratt sakemm ma jintlaħaqx ftehim dwar dik il-kwistjoni.

Artikolu 31 Offerta

1. Proposta tkun offerta jekk:

(a) ikun hemm l-intenzjoni li tirriżulta f’kuntratt jekk tiġi aċċettata; u

(b) ikollha kontenut u ċertezza suffiċjenti biex ikun hemm kuntratt.

2. Offerta tista’ ssir lil persuna speċifika waħda jew aktar.

3. Proprosta magħmula lill-pubbliku mhix offerta, sakemm iċ-ċirkustanzi ma jindikawx mod ieħor.

Artikolu 32 Revoka ta’ offerta

1. Offerta tista’ tiġi rrevokata jekk ir-revoka tasal għand il-persuna li tirċievi l-offerta qabel ma l-persuna li tirċievi l-offerta tkun bagħtet aċċettazzjoni jew, f’każijiet ta’ aċċettazzjoni bi mġiba, qabel ma l-kuntratt ikun ġie konkluż.

2. Meta proposta magħmula lill-pubbliku tkun offerta, hija tista’ tiġi rrevokata bl-istess mezzi li ntużaw sabiex saret l-offerta.

3. Revoka ta’ offerta tkun ineffettiva jekk:

(a) l-offerta tindika li hija irrevokabbli;

(b) l-offerta tiddikjara perjodu fiss biex tiġi aċċettata; jew

(c) b’xi mod ieħor kien raġonevoli li l-persuna li tirċievi l-offerta tkun qed tafda li l-offerta hija irrevokabbli u l-persuna li tirċievi l-offerta aġixxiet abbażi tal-offerta.

Artikolu 33 Ċaħda ta’ offerta

Meta ċaħda ta’ offerta tasal għand l-offerent, l-offerta tiskadi.

Artikolu 34 Aċċettazzjoni

1. Kwalunkwe forma ta’ dikjarazzjoni jew ta’ mġiba mill-persuna li tirċievi l-offerta tkun aċċettazzjoni jekk tindika kunsens għall-offerta.

2. Is-silenzju jew l-inattività fihom innifishom ma għandhomx jikkostitwixxu aċċettazzjoni.

Artikolu 35 Il-mument meta jiġi konkluż il-kuntratt

1. Meta l-persuna li tirċievi l-offerta tibgħat aċċettazzjoni, il-kuntratt jiġi konkluż meta l-aċċettazzjoni tasal għand l-offerent.

2. Meta offerta tiġi aċċettata b'imġiba, il-kuntratt jiġi konkluż meta notifika tal-imġiba tasal għand l-offerent.

3. Minkejja l-paragrafu 2, fejn bis-saħħa tal-offerta, ta’ prattiki li l-partijiet jkunu stabbilew bejniethom jew ta’ użu, il-persuna li tirċievi l-offerta tista’ taċċetta l-offerta bi mġiba mingħajr notifika lill-offerent, il-kuntratt jiġi konkluż meta l-persuna li tirċievi l-offerta tibda taġixxi.

Artikolu 36 Perjodu għall-aċċettazzjoni

1. L-aċċettazzjoni ta' offerta hija effettiva biss jekk tasal għand l-offerent matul il-perjodu stipulat mill-offerent fl-offerta.

2. Meta l-offerent ma jkunx stabbilixxa perjodu, l-aċċettazzjoni hija effettiva biss jekk tasal għandu fi żmien raġonevoli wara li tkun saret l-offerta.

3. Fejn offerta tista’ tiġi aċċettata billi jsir att mingħajr ma jiġi notifikat l-offerent, l-aċċettazzjoni tkun effettiva biss jekk l-att isir fil-perjodu għall-aċċettazzjoni ffissat mill-offerent jew, jekk ma ġie ffissat l-ebda żmien ta’ din ix-xorta, fi żmien raġonevoli.

Artikolu 37 Aċċettazzjoni tardiva

1. Aċċettazzjoni tardiva tkun effettiva bħala aċċettazzjoni jekk, mingħajr dewmien żejjed, l-offerent jinforma lill-persuna li tirċievi l-offerta li l-offerent qed jittrattaha bħala aċċettazzjoni effettiva.

2. Fejn ittra jew komunikazzjoni oħra li tinkludi aċċettazzjoni tardiva turi li ntbagħtet f’tali ċirkustanzi li kieku t-trażmissjoni tagħha kienet normali hija kienet tasal għand l-offerent fi żmien xieraq, l-aċċettazzjoni tardiva tkun effettiva bħala aċċettazzjoni sakemm, mingħajr dewmien żejjed, l-offerent ma jkunx informa lill-persuna li tirċievi l-offerta li l-offerta skadiet.

Artikolu 38 Aċċettazzjoni modifikata

1. Tweġiba mill-persuna li tirċievi l-offerta li tiddikjara jew timplika kundizzjonijiet kuntrattwali addizzjonali jew differenti li materjalment ibiddlu l-kundizzjonijiet tal-offerta hija ċaħda u offerta ġdida.

2. Kundizzjonijiet kuntrattwali addizzjonali jew differenti li, fost affarijiet oħra, huma relatati mal-prezz, il-ħlas, il-kwalità u l-kwantità tal-merkanzija, il-post u l-ħin tal-kunsinna, il-firxa tar-responsabbiltà ta’ parti waħda lejn l-oħra jew ir-riżoluzzjoni tat-tilwim huma preżunti li jbiddlu l-kundizzjonijiet tal-offerta materjalment.

3. Tweġiba li tagħti kunsens definit għal offerta hija aċċettazzjoni anki jekk tiddikjara jew timplika kundizzjonijiet kuntrattwali addizzjonali jew differenti, sakemm dawn ma jbiddlux materjalment il-kundizzjonijiet tal-offerta. Il-kundizzjonijiet addizzjonali jew differenti mbagħad isiru parti mill-kuntratt.

4. Tweġiba li tiddikjara jew timplika kundizzjonijiet kuntrattwali addizzjonali jew differenti dejjem hija ċaħda tal-offerta jekk:

(a) l-offerta tillimita espressament l-aċċettazzjoni għall-kundizzjonijiet tal-offerta;

(b) l-offerent joġġezzjona għall-kundizzjonijiet addizzjonali jew differenti mingħajr dewmien żejjed; jew

(c) il-persuna li tirċievi l-offerta tissoġġetta l-aċċettazzjoni għall-kundizzjoni li l-offerent jagħti l-kunsens tiegħu għall-kundizzjonijiet addizzjonali jew differenti, u l-kunsens ma jasalx għand il-persuna li tirċievi l-offerta fi żmien raġonevoli.

Artikolu 39 Kundizzjonijiet kuntrattwali standard kunfliġġenti

1. Meta l-partijiet ikunu laħqu ftehim imma l-offerta u l-aċċettazzjoni jirreferu għal kundizzjonijiet kuntrattwali standard kunfliġġenti, xorta jkun ġie konkluż kuntratt. Il-kundizzjonijiet kuntrattwali standard huma parti mill-kuntratt sa fejn ikunu sostantivament komuni.

2. Minkejja l-paragrafu 1, l-ebda kuntratt ma jiġi konkluż jekk waħda mill-partijiet:

(a) tkun indikat bil-quddiem, b’mod espliċitu, u mhux permezz ta’ kundizzjonijiet kuntrattwali standard, intenzjoni li ma tkunx marbuta b’kuntratt abbażi tal-paragrafu 1; jew

(b) mingħajr dewmien żejjed, tinforma lill-parti l-oħra b’tali intenzjoni.

Kapitolu 4 Dritt ta’ rtirar f’kuntratti mill-bogħod u barra mill-post tan-negozju bejn kummerċjanti u konsumaturi

Artikolu 40 Dritt ta’ rtirar

1. Matul il-perjodu previst fl-Artikolu 42, il-konsumatur għandu dritt li jirtira mingħajr ma jagħti raġuni, u bl-ebda spiża għall-konsumatur ħlief kif previst fl-Artikolu 45, minn:

(a) kuntratt mill-bogħod;

(b) kuntratt barra mill-post tan-negozju, sakemm il-prezz, jew meta jkun ġie konkluż aktar minn kuntratt wieħed fl-istess ħin, il-prezz totali tal-kuntratti jeċċedi EUR 50 jew is-somma ekwivalenti fil-munita miftiehma għall-prezz tal-kuntratt fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt.

2. Il-paragrafu 1 ma japplikax għal:

(a) kuntratt li jkun ġie konkluż permezz ta’ magna tal-bejgħ awtomatika jew post kummerċjali awtomatizzat;

(b) kuntratt għall-fornitura ta’ prodotti tal-ikel, ta’ xorb jew ta’ merkanzija oħra li huma intiżi għal konsum attwali fl-unità domestika, u li jiġu pprovduti fiżikament mill-kummerċjant fuq bażi frekwenti u regolari fid-dar, fir-residenza jew fil-post tax-xogħol tal-konsumatur;

(c) kuntratt għall-fornitura ta’ merkanzija jew ta' servizzi relatati li l-prezz tagħhom jiddependi fuq ċaqliq fis-suq finanzjarju li ma jistax jiġi kkontrollat mill-kummerċjant u li jista' jseħħ matul il-perjodu ta' rtirar;

(d) kuntratt għall-fornitura ta’ merkanzija jew kontenut diġitali li jkunu saru skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur, jew jidher ċar li huma personalizzati;

(e) kuntratt għall-fornitura ta’ merkanzija li tista’ tiddeterjora jew tiskadi malajr;

(f) kuntratt għall-fornitura ta’ xorb alkoħoliku, li l-prezz tiegħu jkun ġie miftiehem meta ġie konkluż il-kuntratt ta’ bejgħ, li l-kunsinna tiegħu tista’ ssir biss wara 30 jum minn meta ġie konkluż il-kuntratt u l-valur effettiv tiegħu jiddependi fuq ċaqliq fis-suq li ma jistax jiġi kkontrollat mill-kummerċjant;

(g) kuntratt għall-bejgħ ta’ gazzetta, rivista jew magazin bl-eċċezzjoni ta’ kuntratti ta’ abbonament għall-fornitura ta’ tali pubblikazzjonijiet;

(h) kuntratt konkluż f’irkant pubbliku; u

(i) kuntratt li jikkonċerna fornitura tal-ikel jew il-fornitura ta' servizzi relatati ma’ attivitajiet rikreattivi li jipprovdi għal data speċifika jew għal perjodu ta’ twettiq ta’ obbligi speċifiku.

3. Il-paragrafu 1 ma japplikax fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a) fejn il-merkanzija pprovduta tkun issiġillata, il-konsumatur ikun neħħielha s-siġill u allura ma tkunx adattata sabiex tiġi rritornata minħabba raġunijiet ta’ ħarsien tas-saħħa jew ta’ iġjene;

(b) il-merkanzija pprovduta, skont in-natura tagħha, ġiet imħallta b’mod li ma tistax tiġi sseparata minn merkanzija oħra wara l-kunsinna;

(c) fejn il-merkanzija pprovduta kienet reġistrazzjonijiet tal-awdjo jew reġistrazzjonijiet viżivi jew softwer tal-kompjuter issiġillati u l-konsumatur neħħielhom is-siġill wara l-kunsinna;

(d) fejn il-fornitura tal-kontenut diġitali li ma jingħatax fuq mezz tanġibbli bdiet bil-kunsens tal-konsumatur espress minn qabel u bir-rikonoxximent mill-konsumatur li jitlef id-dritt ta’ rtirar;

(e) il-konsumatur talab speċifikament żjara mill-kummerċjant biex iwettaq tiswijiet jew manutenzjoni urġenti. Meta fl-okkażjoni ta’ tali żjara l-kummerċjant jagħti servizzi relatati flimkien ma’ dawk speċifikament mitluba mill-konsumatur jew jipprovdi merkanzija minbarra l-partijiet ta’ sostituzzjoni li jintużaw neċessarjament fit-twettiq tal-manutenzjoni jew tat-tiswijiet, id-dritt ta’ rtirar japplika għal dawk is-servizzi relatati jew merkanzija addizzjonali.

4. Fejn il-konsumatur ikun għamel offerta li, jekk tiġi aċċettata, twassal għall-konklużjoni ta’ kuntratt li minnu jkun hemm dritt ta’ rtirar taħt dan il-Kapitolu, il-konsumatur jista’ jirtira l-offerta anki jekk altrimenti kienet tkun irrevokabbli.

Artikolu 41  Eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar

1. Il-konsumatur jista’ jeżerċita d-dritt ta’ rtirar fi kwalunkwe żmien qabel it-tmiem tal-perjodu ta' irtirar previst fl-Artikolu 42.

2. Il-konsumatur jeżerċita d-dritt li jirtira billi jinnotifika lill-kummerċjant. Għal dan il-għan, il-konsumatur jista’ juża l-Formola tal-irtirar mudell stipulata fl-Appendiċi 2 jew kwalunkwe dikjarazzjoni inekwivoka oħra li tistipula d-deċiżjoni li jirtira.

3. Meta l-kummerċjant jagħti lill-konsumatur il-possibbiltà li jirtira elettronikament fuq il-websajt kummerċjali tiegħu, u l-konsumatur jagħmel dan, il-kummerċjant għandu dmir li jikkomunika minnufih lill-konsumatur il-konferma li rċieva l-komunikazzjoni ta' tali rtirar fuq mezz li jservi fit-tul. Il-kummerċjant huwa responsabbli għal kwalunkwe telf ikkawżat lil parti oħra bi ksur ta’ dan id-dmir.

4. Komunikazzjoni ta’ rtirar tkun f’waqtha jekk tintbagħat qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ rtirar.

5. Il-konsumatur għandu l-oneru tal-prova li d-dritt ta’ rtirar ġie eżerċitat skont dan l-Artikolu.

Artikolu 42  Perjodu ta’ rtirar

1. Il-perjodu ta’ rtirar jiskadi wara erbatax-il jum minn:

(a) il-jum meta l-konsumatur ħa l-kunsinna tal-merkanzija fil-każ ta' kuntratt ta’ bejgħ, inkluż kuntratt ta' bejgħ li permezz tiegħu l-bejjiegħ jaqbel ukoll li jipprovdi servizzi relatati;

(b) il-jum meta l-konsumatur ħa l-kunsinna tal-aħħar oġġett tal-merkanzija fil-każ ta' kuntratt għall-bejgħ ta’ merkanzija multipla ordnata mill-konsumatur f'ordni waħda         u kkonsenjata separatament,     inkluż kuntratt li permezz tiegħu l-bejjiegħ        jaqbel ukoll li jipprovdi servizzi relatati;

(c) il-jum meta l-konsumatur ħa l-kunsinna tal-aħħar lott jew biċċa fil-każ ta' kuntratt            fejn il-merkanzija tikkonsisti f’lottijiet jew biċċiet multipli,   inkluż kuntratt li permezz tiegħu l-bejjiegħ jaqbel ukoll li jipprovdi servizzi relatati

(d) il-jum meta l-konsumatur ħa l-kunsinna tal-ewwel oġġett tal-merkanzija  fejn il-kuntratt huwa għal kunsinna regolari ta' merkanzija matul perjodu definit,       inkluż kuntratt li permezz tiegħu l-bejjiegħ jaqbel ukoll li jipprovdi           servizzi relatati;

(e) fil-każ ta’ kuntratt għal servizzi relatati konkluż wara li l-merkanzija tkun ġiet ikkonsenjata, il-jum meta jkun ġie konkluż il-kuntratt;

(f) fil-każ ta’ kuntratt għall-fornitura ta’ kontenut diġitali fejn il-kontenut diġitali huwa fornit fuq mezz tanġibbli, il-jum meta l-konsumatur ħa l-kunsinna tal-mezz tanġibbli skont il-punt (a);           

(g) il-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt fil-każ ta' kuntratt fejn il-kontenut diġitali ma jiġix fornit fuq mezz tanġibbli.

2. Fejn il-kummerċjant ma jkunx ipprovda lill-konsumatur bl-informazzjoni msemmija in Artikolu 17(1), il-perjodu ta’ rtirar jiskadi:

(a) wara sena mit-tmiem tal-perjodu ta’ rtirar inizjali, kif determinat skont il-paragrafu 1; jew

(b) meta l-kummerċjant jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni meħtieġa fi żmien sena mit-tmiem tal-perjodu ta' rtirar kif iddeterminat skont il-paragrafu 1, wara erbatax-il jum mill-jum li fih il-konsumatur jirċievi l-informazzjoni.

Artikolu 43 Effetti tal-irtirar

L-irtirar jittermina l-obbligi taż-żewġ partijiet taħt il-kuntratt:

(a)          li jwettqu l-kuntratt; jew

(b)          li jikkonkludu l-kuntratt f'każijiet fejn tkun saret offerta mill-konsumatur.

Artikolu 44 Obbligi tal-kummerċjant fil-każ ta' rtirar

1. Il-kummerċjant jrid jirrimborża l-ħlasijiet kollha li rċieva mingħand il-konsumatur, inklużi, fejn applikabbli, l-ispejjeż kollha tal-kunsinna mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn erbatax-il jum mill-jum meta l-kummerċjant jiġi infurmat bid-deċiżjoni tal-kunsumatur li jirtira mill-kuntratt skont l-Artikolu 41. Il-kummerċjant irid iwettaq tali rimborż billi juża l-istess mezzi ta’ ħlas bħal ma uża l-konsumatur għat-tranżazzjoni inizjali, sakemm il-konsumatur ma jkunx ftiehem espressament mod ieħor u sakemm il-konsumatur ma jidħolx għal ħlasijiet bħala riżultat ta’ tali rimbors.

2. Minkejja l-paragrafu 1, il-kummerċjant mhuwiex meħtieġ li jirrimborża l-ispejjeż supplimentari, jekk il-konsumatur ikun għażel espressament tip ta’ kunsinna differenti mit-tip ta' kunsinna standard li tiswa l-inqas offruta mill-kummerċjant.

3. Fil-każ ta’ kuntratt għall-bejgħ ta’ merkanzija, il-kummerċjant jista’ jżomm ir-rimborż sakemm ikun irċieva l-merkanzija lura, jew il-konsumatur ikun ipprovda evidenza li bagħat lura l-merkanzija, skont liema minnhom jiġi l-ewwel, sakemm il-kummerċjant ma jkunx offra li jiġbor huwa l-merkanzija.

4. Fil-każ ta’ kuntratt barra mill-post tan-negozju fejn il-merkanzija tkun ġiet ikkonsenjata fid-dar tal-konsumatur fiż-żmien meta jkun ġie konkluż il-kuntratt, il-kummerċjant irid jiġbor il-merkanzija bi spejjeż tiegħu jekk il-merkanzija min-natura tagħha normalment ma tistax tintbagħat lura bil-posta.

Artikolu 45 Obbligi tal-konsumatur fil-każ ta’ rtirar

1. Il-konsumatur irid jirritorna l-merkanzija jew jgħaddiha lill-kummerċjant jew lil persuna awtorizzata mill-kummerċjant mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn erbatax-il jum mill-jum meta l-konsumatur jikkomunika lill-kummerċjant id-deċiżjoni tiegħu li jirtira mill-kuntratt skont l-Artikolu 41, sakemm il-kummerċjant ma jkunx offra li jiġbor huwa stess il-merkanzija. Din l-iskadenza tiġi osservata jekk il-konsumatur jibgħat lura l-merkanzija qabel ma jkun skada l-perjodu ta’ erbatax-il jum.

2. Il-konsumatur irid iħallas l-ispejjeż diretti biex jirritorna l-merkanzija, sakemm il-kummerċjant ma jkunx qabel li jħallas dawk l-ispejjeż jew il-kummerċjant ma jkunx informa lill-konsumatur li l-konsumatur irid iħallashom.

3. Il-konsumatur huwa responsabbli għal kwalunkwe tnaqqis fil-valur tal-merkanzija biss fejn dak jirriżulta mill-immaniġġjar tal-merkanzija bi kwalunkwe mod għajr minn dak li huwa meħtieġ sabiex ikunu aċċertati n-natura, il-karatteristiċi u l-funzjonament tal-merkanzija. Il-konsumatur mhuwiex responsabbli għat-tnaqqis fil-valur fejn il-kummerċjant ikun naqas milli jipprovdi l-informazzjoni kollha dwar id-dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 17(1).

4. Mingħajr ħsara għall-paragrafu 3, il-konsumatur mhuwa obbligat iħallas l-ebda kumpens għall-użu tal-merkanzija waqt il-perjodu ta’ rtirar.

5. Meta l-konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ rtirar wara li jkun għamel talba espressa biex il-provvista ta' servizzi relatati tibda matul il-perjodu ta’ rtirar, il-konsumatur irid iħallas lill-kummerċjant ammont li hu proporzjonali għal dak li jkun ġie pprovdut qabel ma l-konsumatur eżerċita d-dritt ta’ rtirar, meta mqabbel mal-kopertura sħiħa tal-kuntratt. L-ammont proporzjonali li għandu jitħallas mill-konsumatur lill-kummerċjant irid jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-prezz totali miftiehem fil-kuntratt. Meta l-prezz totali huwa eċċessiv, l-ammont proporzjonali jrid jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-valur tas-suq ta’ dak li jkun ġie pprovdut.

6. Il-konsumatur ma jkunx responsabbli għall-ispiża għal:

(a) il-provvista ta' servizzi relatati, b’mod sħiħ jew parzjali, matul il-perjodu ta’ rtirar, meta:

(i) il-kummerċjant ikun naqas milli jipprovdi informazzjoni skont l-Artikolu 17(1) u (3); jew jew

(ii) il-konsumatur ma jkunx talab espressament biex it-twettieq jibda matul il-perjodu ta’ rtirar skont l-Artikolu 18(2) u l-Artikolu 19(6);

(b) il-fornitura, b’mod sħiħ jew parzjali, ta’ kontenut diġitali li ma tingħatax fuq mezz tanġibbli fejn:

(i) il-konsumatur ma jkunx ta kunsens minn qabel espress biex il-fornitura tal-kontenut diġitali tibda qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ rtirar         imsemmi fl-Artikolu 42(1);

(ii) il-konsumatur ma jkunx irrikonoxxa li qed tilef id-dritt tal-irtirar meta ta l-kunsens; jew jew

(iii) il-kummerċjant ikun naqas milli jipprovdi l-konferma skont l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 19(5).

7. Ħlief kif previst f’dan l-Artikolu, il-konsumatur ma jkunx responsabbli minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar.

Artikolu 46 Kuntratti anċillari

1. Meta konsumatur jeżerċita d-dritt ta’ rtirar minn kuntratt mill-bogħod jew barra mill-post tan-negozju, skont l-Artikoli 41 sa 45, kwalunkwe kuntratt anċillari jiġi awtomatikament itterminat bl-ebda spiża għall-konsumatur ħlief kif previst fil-paragrafi 2 u 3. Għall-iskop ta' dan l-Artikolu kuntratt anċillari jfisser kuntratt li permezz tiegħu konsumatur jakkwista merkanzija, kontenut diġitali jew servizzi relatati b'konnessjoni ma’ kuntratt mill-bogħod jew ma’ kuntratt barra mill-post tan-negozju u din il-merkanzija, dan il-kontenut diġitali jew dawn is-servizzi relatati jiġu pprovduti mill-kummerċjant jew minn parti terza skont arranġament bejn dik il-parti terza u l-kummerċjant.

2. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 43, 44 u 45 japplikaw għal kuntratti anċillari sa fejn dawk il-kuntratti jkunu rregolati mil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

3. Fil-każ ta' kuntratti anċillari li mhumiex irregolati mil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ il-liġi li altrimenti tkun applikabbli tirregola l-obbligi tal-partijiet fil-każ ta’ rtirar.

Artikolu 47 Natura mandatorja

Il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjahom.

Kapitolu 5 Difetti fil-kunsens

Artikolu 48 Żball

1. Parti tista’ tannulla kuntratt minħabba żball ta’ fatt jew ta’ liġi li kien jeżisti meta ġie konkluż il-kuntratt jekk:

(a) il-parti, li kieku ma kienx għall-iżball, ma kinitx tikkonkludi l-kuntratt jew kienet tagħmel dan biss b’kundizzjonijiet kuntrattwali fundamentalment differenti u l-parti l-oħra kienet taf jew seta’ jkun mistenni li kienet taf dan; u

(b) il-parti l-oħra:

(i) kienet il-kaġun tal-iżball;

(ii) kienet il-kaġun tal-konklużjoni tal-kuntratt bl-iżball billi naqset milli tikkonforma ma’ dmir prekuntrattwali dwar għoti ta’ informazzjoni skont il-Kapitolu 2, Taqsimiet 1 sa 4;

(iii) kienet taf jew setgħet kienet mistennija li kienet taf bl-iżball u kienet il-kaġun tal-konklużjoni tal-kuntratt bl-iżball billi ma ġibditx l-attenzjoni għall-informazzjoni rilevanti,  sakemm il-bona fidi u n-negozjar ġust kienu jeżiġu li parti konxja mill-iżball tiġbed l-attenzjoni għalih; jew

(iv) għamlet l-istess żball.

2. Parti ma tistax tannulla kuntratt minħabba żball jekk ir-riskju tal-iżball ġie assunt, jew fiċ-ċirkostanzi għandhom jiġi mġarrab, minn dik il-parti.

3. Ineżattezza fl-espressjoni jew fit-trażmissjoni ta’ dikjarazzjoni hija ttrattata bħala żball tal-persuna li tkun għamlet jew bagħtet id-dikjarazzjoni.

Artikolu 49 Frodi

1. Parti tista’ tannulla kuntratt jekk il-parti l-oħra induċiet il-konklużjoni tal-kuntratt b’rappreżentazzjoni ħażina frawdolenti, jew bi kliem jew bi mġiba, jew b’nuqqas frawdolenti ta’ żvelar ta’ kwalunkwe informazzjoni li l-bona fidi u n-negozjar ġust, jew kwalunkwe dmir ta’ informazzjoni prekuntrattwali, kienu jeżiġu li tiġi żvelata minn dik il-parti.

2. Rappreżentazzjoni ħażina tkun frawdolenti jekk issir bl-għarfien jew bil-konvinzjoni li r-rappreżentazzjoni tkun falza, jew bi traskuraġni dwar jekk tkunx vera jew falza, u hija intiża biex twassal lid-destinatarju jagħmel żball. In-nuqqas ta’ żvelar ikun frawdolenti jekk tkun intiż biex iwassal lil persuna, li ma ngħatatilhiex l-informazzjoni, tagħmel żball.

3. Fid-determinazzjoni ta’ jekk il-bona fidi u n-negozjar ġust jeżiġux li parti tiżvela informazzjoni partikolari, għandhom jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha, inklużi:

(a) jekk il-parti kellhiex kompetenza speċjali;

(b) l-ispiża għall-parti biex takkwista l-informazzjoni rilevanti;

(c) il-faċilità li biha l-parti l-oħra setgħet akkwistat l-informazzjoni b’mezzi oħrajn;

(d) in-natura tal-informazzjoni;

(e) l-importanza apparenti tal-informazzjoni għall-parti l-oħra; u

(f) f’kuntratti bejn kummerċjanti, prattika kummerċjali tajba fis-sitwazzjoni kkonċernata.

Artikolu 50 Theddid

Parti tista’ tannulla kuntratt jekk il-parti l-oħra tkun induċiet il-konklużjoni tal-kuntratt bit-theddida ta’ ħsara illeċita, imminenti u serja jew ta' att illeċitu.

Artikolu 51 Sfruttament inġust

Parti tista’ tannulla kuntratt jekk, fiż-żmien meta ġie konkluż il-kuntratt:

(a)          dik il-parti tkun tiddependi fuq il-parti l-oħra jew kellha relazzjoni ta' fiduċja magħha, kienet f'ċirkostanzi ekonomiċi ħżiena jew kellha ħtiġijiet urġenti, kienet imprudenti, nieqsa mill-għarfien, jew bla esperjenza; u

(b)          il-parti l-oħra kienet taf jew seta’ jkun mistenni li kienet taf dan u, fid-dawl taċ-ċirkustanzi u tal-iskopijiet tal-kuntratt, sfruttat is-sitwazzjoni tal-ewwel parti billi ħadet benefiċċju eċċessiv jew vantaġġ inġust.

Artikolu 52 Notifika ta’ annullament

1. L-annullament isir permezz ta' notifika lill-parti l-oħra.

2. In-notifika ta' annullament hija valida biss jekk issir fi żmien sussegwenti wara li l-parti li titlob l-annullament ssir konxja taċ-ċirkostanzi rilevanti jew ikollha l-possibilità li taġixxi b’mod liberu:

(a) sitt xhur fil-każ ta’ żball; u

(b) sena fil-każ ta’ frodi, theddid u sfruttament inġust.

Artikolu 53 Konferma

Meta l-parti li għandha d-dritt li tannulla kuntratt skont dan il-Kapitolu, espressament jew impliċitament tikkonfermah, wara li tkun saret konxja miċ-ċirkustanzi rilevanti, jew wara li setgħet taġixxi bil-libertà, dik il-parti ma tistax aktar tannulla l-kuntratt.

Artikolu 54 Effetti tal-annullament

1. Kuntratt li jista’ jiġi annullat ikun validu sakemm jiġi annullat imma, ladarba jiġi annullat, ikun retrospettivament invalidu mill-bidu nett.

2. Fejn raġuni ta’ annullament taffettwa biss ċerti kundizzjonijiet kuntrattwali, l-effett tal-annullament ikun limitat għal dawk il-kundizzjonijiet sakemm ma jkunx irraġonevoli li jiġi kkonservat il-bqija tal-kuntratt.

3. Il-kwistjoni dwar jekk kwalunkwe waħda mill-partijiet għandhiex dritt li jiġi rritornat lilha dak li ġie ttrasferit jew ipprovdut skont kuntratt li ġie annullat, jew għal ekwivalent fi flus, tiġi rregolata mir-regoli dwar ir-restituzzjoni fil-Kapitolu 17.

Artikolu 55 Danni għal telf

Parti li għandha d-dritt li tannulla kuntratt taħt dan il-Kapitolu, jew li kellha tali dritt qabel ma ntilef bl-effett tal-iskadenza ta’ limiti ta’ żmien jew bl-effett ta’ konferma, hija intitolata, irrispettivament minn jekk il-kuntratt jiġix annullat jew le, għad-danni mingħand il-parti l-oħra għat-telf imġarrab minħabba l-iżball, il-frodi, it-theddid jew l-isfruttament inġust, sakemm il-parti l-oħra kienet taf jew seta’ jkun mistenni li kienet taf biċ-ċirkustanzi rilevanti.

Artikolu 56 Esklużjoni jew ir-restrizzjoni tar-rimedji

1. Ir-rimedji għal frodi, theddid u sfruttament inġust ma jistgħux jiġu esklużi jew ristretti direttament jew indirettament.

2. Fir-relazzjonijiet bejn kummerċjant u konsumatur, il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu jew jirrestrinġu direttament jew indirettament ir-rimedji għal żball.

Artikolu 57 L-għażla tar-rimedju

Parti li hija intitolata għal rimedju taħt dan il-Kapitolu f’ċirkustanzi li jagħtu lil dik il-parti rimedju għal nuqqas ta’ twettiq tista’ teżerċita kwalunkwe wieħed minn dawk ir-rimedji.

Parti III  Valutazzjoni ta’ x'jinkludi l-kuntratt

Kapitolu 6 Interpretazzjoni

Artikolu 58 Regoli ġenerali dwar l-interpretazzjoni tal-kuntratti

1. Kuntratt għandu jiġi interpretat skont l-intenzjoni komuni tal-partijiet anki jekk din tvarja mit-tifsira normali tal-espressjonijiet użati fih.

2. Fejn parti waħda kellha l-intenzjoni li espressjoni użata fil-kuntratt ikollha tifsira partikolari, u fiż-żmien meta ġie konkluż il-kuntratt il-parti l-oħra kienet konxja jew seta’ jkun mistenni li kienet konxja minn dik l-intenzjoni, l-espressjoni għandha tiġi interpretata bil-mod intiż mill-ewwel parti.

3. Sakemm mhuwiex previst mod ieħor fil-paragrafi 1 u 2, il-kuntratt għandu jiġi interpretat skont it-tifsira li persuna raġonevoli kieku tagħtiha.

Artikolu 59 Kwistjonijiet rilevanti

Meta jiġi interpretat kuntratt, jistgħu jitqiesu, b’mod partikolari:

(a)          iċ-ċirkustanzi li fihom ġie konkluż, inklużi n-negozjati preliminari;

(b)          l-imġiba tal-partijiet, anki wara li ġie konkluż il-kuntratt;

(c)          l-interpretazzjoni li diġà ngħatat mill-partijiet lill-espressjonijiet li huma identiċi jew simili għal dawk użati fil-kuntratt;

(d)          l-użi li ġeneralment jitqiesu li jkunu applikabbli minn partijiet fl-istess sitwazzjoni;

(e)          il-prattiki li l-partijiet stabbilew bejniethom;

(f)           it-tifsira normalment mogħtija lil espressjonijiet fis-settur tal-attività kkonċernata;

(g)          in-natura u l-iskp tal-kuntratt; u

(h)          il-bona fidi u n-negozjar ġust.

Artikolu 60 Referenza għall-kuntratt kollu

L-espressjonijiet użati f’kuntratt għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-kuntratt kollu.

Artikolu 61 Diskrepanzi lingwistiċi

Meta dokument kuntrattwali jkun f’żewġ verżjonijiet lingwistiċi jew aktar, li l-ebda waħda minnhom ma ġiet ddikjarata li hija l-verżjoni awtorevoli u fejn ikun hemm diskrepanza bejn il-verżjonijiet, il-verżjoni li fiha ġie redatt il-kuntratt oriġinarjament għandha tiġi trattata bħala dik awtorevoli.

Artikolu 62 Preferenza għall-kundizzjonijiet kuntrattwali nnegozjati individwalment

Sa fejn ikun hemm inkonsistenza, il-kundizzjonijiet kuntrattwali li jkunu ġew innegozjati individwalment jipprevalu fuq dawk li ma jkunux ġew innegozjati individwalment skont it-tifsira tal-Artikolu 7.

Artikolu 63 Preferenza għal interpretazzjoni li tagħti effett lill-kundizzjonijiet kuntrattwali

Interpretazzjoni li tagħmel effettivi l-kundizzjonijiet kuntrattwali tipprevali fuq waħda li ma tagħmilx dan.

Artikolu 64 Interpretazzjoni favur il-konsumaturi

1. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsira ta’ kundizzjoni kuntrattwali bejn kummerċjant u konsumatur, għandha tipprevali l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur sakemm il-kundizzjoni ma tkunx ġiet ipprovduta mill-konsumatur.

2. Il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Artikolu 65 Interpretazzjoni kontra min jipprovdi kundizzjoni kuntrattwali

Meta, f’kuntratt li ma jaqax taħt l-Artikolu 64, ikun hemm dubju dwar it-tifsira ta’ kundizzjoni kuntrattwali li ma ġietx innegozjata individwalment skont it-tifsira tal-Artikolu 7, għandha tipprevali interpretazzjoni tal-kundizzjoni kontra l-parti li pprovdietha.

Kapitolu 7 Kontenut u effetti

Artikolu 66 Kundizzjonijiet kuntrattwali

Il-kundizzjonijiet tal-kuntratt joħorġu minn:

(a)          il-ftehim tal-partijiet, soġġett għal kwalunkwe regola mandatorja tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ;

(b)          kwalunkwe użu jew prattika li bih ikunu marbuta skont l-Artikolu 67;

(c)          kwalunkwe regola tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ li tapplika fin-nuqqas ta' ftehim kuntrarju bejn il-partijiet; u

(d)          kwalunkwe kundizzjoni kuntrattwali impliċita skont l-Artikolu 68.

Artikolu 67 L-użi u l-prattiki f’kuntratti bejn kummerċjanti

1. F'kuntratt bejn kummerċjanti, il-partijiet huma marbuta bi kwalunkwe użu li jkunu ftiehmu li għandu jkun applikabbli u bi kwalunkwe prattika li jkunu stabbilew bejniethom.

2. Il-partijiet huma marbuta b’użu li għandu jitqies bħala ġeneralment applikabbli minn kummerċjanti fl-istess sitwazzjoni bħall-partijiet.

3. L-użi u l-prattiki ma jorbtux lill-partijiet sa fejn dawn ikunu f’kunflitt mal-kundizzjonijiet kuntrattwali li ġew negozjati individwalment jew ma’ kwalunkwe regola mandatorja tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

Artikolu 68 Kundizzjonijiet kuntrattwali li jistgħu jitqiesu impliċiti

1. Meta jkun meħtieġ li tiġi rregolata kwistjoni li mhijiex espliċitament irregolata mill-ftehim tal-partijiet, minnn kwalunkwe użu jew prattika jew minn kwalunkwe regola tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, tista’ titqies impliċita kundizzjoni kuntrattwali addizzjonali, billi jitqiesu, b’mod partikolari:

(a) in-natura u l-iskp tal-kuntratt;

(b) iċ-ċirkustanzi li fihom ġie konkluż il-kuntratt; u

(c) il-bona fidi u n-negozjar ġust.

2. Kwalunkwe kundizzjoni kuntrattwali impliċita taħt il-paragrafu 1, sa fejn ikun possibbli, għandha tkun tali li tagħti effett lil dak li l-partijiet probabbilment kienu jiftiehmu, li kieku pprovdew għall-kwistjoni.

3. Il-paragrafu 1 ma japplikax jekk il-partijiet volontarjament ma jkunux irregolaw l-kwistjoni, billi jkunu aċċettaw li waħda jew l-oħra mill-partijiet tassumi r-riskju.

Artikolu 69 Kundizzjonijiet kuntrattwali derivati minn ċerti dikjarazzjonijiet prekuntrattwali

1. Meta l-kummerċjant jagħmel dikjarazzjoni qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt, lill-parti l-oħra jew pubblikament, dwar il-karatteristiċi ta’ dak li għandu jiġi pprovdut minn dak il-kummerċjant skont il-kuntratt, id-dikjarazzjoni tiġi inkorporata bħala kundizzjoni kuntrattwali ħlief jekk:

(a) il-parti l-oħra kienet konxja, jew setgħet kienet mistennija li tkun konxja meta ġie konkluż il-kuntratt, li d-dikjarazzjoni ma kinetx korretta jew b’xi mod ieħor ma kienx ta’ min jiddependi fuqha bħala tali kundizzjoni; jew

(b) id-deċiżjoni tal-parti l-oħra li tikkonkludi l-kuntratt ma setgħetx tkun influwenzata mid-dikjarazzjoni.

2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, dikjarazzjoni magħmula minn persuna involuta fir-reklamar jew fil-kummerċjalizzazzjoni għall-kummerċjant titqies li tkun saret mill-kummerċjant.

3. Fejn il-parti l-oħra tkun konsumatur allura, għall-finijiet tal-paragrafu 1, dikjarazzjoni pubblika magħmula minn jew f’isem produttur jew persuna oħra fil-ħoloq preċedenti tal-katina ta’ tranżazzjonijiet li jwasslu għall-kuntratt titqies li tkun saret mill-kummerċjant sakemm il-kummerċjant, fi żmien meta ġie konkluż il-kuntratt, ma kienx jaf u ma setax ikun mistenni li jkun jaf biha.

4. Fir-relazzjonijiet bejn kummerċjant u konsumatur, il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Artikolu 70 Dmir li tinġibed l-attenzjoni għal kundizzjonijiet kuntrattwali mhux innegozjati individwalment

1. Il-kundizzjonijiet kuntrattwali pprovduti minn parti waħda u mhux innegozjati individwalment skont it-tifsira tal-Artikolu 7 jistgħu jiġu invokati kontra l-parti l-oħra biss jekk il-parti l-oħra kienet taf dwarhom, jew jekk il-parti li tipprovdihom ħadet passi raġjonevoli biex tiġbed l-attenzjoni tal-parti l-oħra dwarhom, qabel jew meta ġie konkluż il-kuntratt.

2. Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, fir-relazzjonijiet bejn kummerċjant u konsumatur mhux biżżejjed li l-kundizzjonijiet kuntrattwali jinġiebu għall-attenzjoni tal-konsumatur permezz ta’ sempliċi referenza għalihom f’dokument tal-kuntratt, anke jekk il-konsumatur jiffirma d-dokument.

3. Il-partijiet ma jistgħux jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Artikolu 71 Ħlasijiet addizzjonali f’kuntratti bejn kummerċjant u konsumatur

1. F’kuntratt bejn kummerċjant u konsumatur, kundizzjoni kuntrattwali li tobbliga lill-konsumatur biex jagħmel kwalunkwe ħlas flimkien mar-remunerazzjoni ddikjarata għall-obbligu kuntrattwali prinċipali tal-kummerċjant, b’mod partikolari fejn tkun ġiet inkorporata bl-użu ta’ għażliet predefiniti li l-konsumatur huwa meħtieġ li jirrifjuta biex jevita l-ħlas addizzjonali, ma jorbtux lill-konsumatur ħlief jekk, qabel ma l-konsumatur ikun marbut bil-kuntratt, il-konsumatur ikun ta espressament il-kunsens tiegħu għall-ħlas addizzjonali. Jekk il-konsumatur ikun għamel il-ħlas addizzjonali, il-konsumatur jista jirkuprah.

2. Il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Artikolu 72 Klawżola li tistipula li d-dokument jirrappreżenta l-ftehim finali sħiħ bejn il-partijiet

1. Meta kuntratt bil-miktub jinkludi kundizzjoni li tiddikjara li d-dokument jinkludi l-kundizzjonijiet kuntrattwali kollha (klawżola li tistipula li d-dokument jirrappreżenta l-ftehim finali sħiħ bejn il-partijiet), kwalunkwe dikjarazzjoni, impenn jew ftehim preċedenti li ma jkunux inklużi fid-dokument ma jifformawx parti mill-kuntratt.

2. Sakemm il-kuntratt ma jipprovdix mod ieħor, klawżola li tistipula li d-dokument jirrappreżenta l-ftehim finali sħiħ bejn il-partijiet ma timpedixxix li d-dikjarazzjonijiet preċedenti tal-partijiet jintużaw sabiex ikun interpretat il-kuntratt.

3. F’kuntratt bejn kummerċjant u konsumatur, il-konsumatur mhuwiex marbut bi klawżola li tistipula li d-dokument jirrappreżenta l-ftehim finali sħiħ bejn il-partijiet.

4. Il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Artikolu 73 Kalkolu tal-prezz

Fejn l-ammont tal-prezz pagabbli skont kuntratt ma jistax jiġi kkalkolat b’mod ieħor, il-prezz pagabbli huwa, fl-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni li tgħid il-kontra, il-prezz li normalment jintalab f’ċirkustanzi paragunabbli fiż-żmien meta ġie konkluż il-kuntratt jew, jekk tali prezz mhuwiex disponibbli, prezz raġonevoli.

Artikolu 74 Determinazzjoni unilaterali minn parti

1. Fejn il-prezz jew kwalunkwe kundizzjoni kuntrattwali oħra għandhom jiġu ddeterminati minn parti waħda u d-determinazzjoni ta’ dik il-parti hija ferm irraġonevoli, din għandha tiġi sostitwita bil-prezz normalment mitlub jew bil-kundizzjoni normalment użata f’ċirkostanzi paragunabbli fiż-żmien meta jiġi konkluż il-kuntratt jew, jekk tali prezz jew kundizzjoni ma jkunux disponibbli , bi prezz raġonevoli jew b’kundizzjoni raġonevoli.

2. Il-partijiet ma jistgħux jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Artikolu 75 Determinazzjoni minn parti terza

1. Fejn parti terza għandha tiddetermina l-prezz jew kwalunkwe kundizzjoni kuntrattwali oħra u ma tistax jew ma tridx tagħmel dan, qorti tista’, sakemm dan ma jkunx inkonsistenti mal-kundizzjonijiet kuntrattwali, taħtar persuna oħra sabiex tiddeterminahom hija.

2. Meta prezz jew kundizzjoni kuntrattwali oħra ddeterminati minn parti terza jkunu ferm irraġonevoli, dawn għandhom jiġu sostitwiti bil-prezz normalment mitlub jew bil-kundizzjoni normalment użata f’ċirkostanzi paragunabbli fiż-żmien meta jiġi konkluż il-kuntratt jew, jekk tali prezz jew kundizzjoni ma jkunux disponibbli, bi prezz raġonevoli jew b’kundizzjoni raġonevoli.

3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1 “qorti” tinkludi tribunal ta’ arbitraġġ.

4. Fir-relazzjonijiet bejn kummerċjant u konsumatur, il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni tal-paragrafu 2 jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Artikolu 76 Lingwa

Fejn il-lingwa li għandha tintuża għall-komunikazzjonijiet relatati mal-kuntratt jew mad-drittijiet jew mal-obbligi li jirriżultaw minnu ma tistax tiġi ddeterminata b’mod ieħor, il-lingwa li għandha tintuża hija dik li ntużat biex ġie konkluż il-kuntratt.

Artikolu 77 Kuntratti għal perjodu indeterminat

1. Fejn, f’każ li jinvolvi twettiq kontinwu jew ripetut ta’ obbligu kuntrattwali, il-kundizzjonijiet kuntrattwali ma jistipulawx meta r-relazzjoni kuntrattwali għandha tintemm jew jipprovdu li din tiġi tterminata meta ssir notifika għall-dan l-iskop, din tista’ tiġi tterminata minn kwalunkwe waħda mill-partijiet billi jingħata perjodu raġonevoli ta’ avviż ta’ mhux aktar minn xahrejn.

2. Fir-relazzjonijiet bejn kummerċjant u konsumatur, il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Artikolu 78 Kundizzjonijiet kuntrattwali favur partijiet terzi

1. Permezz tal-kuntratt, il-partijiet kontraenti jistgħu jikkonferixxu dritt lil parti terza. Il-parti terza ma hemmx għalfejn tkun teżisti jew tkun identifikata fiż-żmien meta ġie konkluż il-kuntratt iżda jeħtieġ li tkun tista’ tiġi identifikata.

2. In-natura u l-kontenut tad-dritt tal-parti terza jiġu ddeterminati mill-kuntratt. Id-dritt jista’ jieħu l-forma ta’ esklużjoni jew ta’ limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-parti terza fil-konfront ta’ waħda mill-partijiet kontraenti.

3. Meta waħda mill-partijiet kontraenti tkun marbuta li twettaq obbligu favur il-parti terza skont il-kuntratt, allura:

(a) il-parti terza għandha l-istess drittijiet għat-twettiq u rimedji għan-nuqqas ta’ twettiq daqslikieku l-parti kontraenti kienet marbuta li twettqu skont kuntratt mal-parti terza; u

(b) il-parti kontraenti li hija marbuta tista' ġġib kontra l-parti terza d-difiżi kollha li l-parti kontraenti tista' ġġib kontra l-parti l-oħra fil-kuntratt.

4. Il-parti terza tista' tirrifjuta dritt konferit lilhom b'notifika lil waħda jew lill-oħra mill-partijiet kontraenti, jekk dan isir qabel ma jkun ġie espressament jew impliċitament aċċettat. Ma’ tali rifjut, id-dritt jiġi ttrattat bħala li qatt ma ġie akkwiżit mill-parti terza.

5. Il-partijiet kontraenti jistgħu jneħħu jew jimmodifikaw il-kundizzjoni kuntrattwali li tikkonferixxi d-dritt jekk dan isir qabel ma kwalunkwe waħda minnhom tkun innotifikat lill-parti terza li d-dritt ġie kkonferit.

Kapitolu 8 Kundizzjonijiet kuntrattwali inġusti.

Taqsima 1        Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 79 Effetti ta’ kundizzjonijiet kuntrattwali inġusti

1. Kundizzjoni kuntrattwali li tiġi pprovduta minn parti waħda u li hija inġusta taħt it-Taqsimiet 2 u 3 ta’ dan il-Kapitolu ma torbotx lill-parti l-oħra.

2. Fejn il-kuntratt jista’ jinżamm mingħajr il-kundizzjoni kuntrattwali inġusta, il-kundizzjonijiet kuntrattwali l-oħra jibqgħu vinkolanti.

Artikolu 80 Esklużjoni mill-evalwazzjoni tan-natura inġusta

1. It-Taqsimiet 2 u 3 ma japplikawx għall-kundizzjonijiet kuntrattwali li jirriflettu r-regoli tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ li japplikaw jekk il-kundizzjonijiet ma jkunux irregolaw il-kwistjoni.

2. It-Taqsima 2 ma tapplikax għad-definizzjoni tas-soġġett prinċipali tal-kuntratt jew għall-adegwatezza tal-prezz li għandu jitħallas sa fejn il-kummerċjant ikun ikkonforma mad-dmir ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 82.

3. It-Taqsima 3 ma tapplikax għad-definizzjoni tas-soġġett prinċipali tal-kuntratt jew għall-adegwatezza tal-prezz li għandu jitħallas.

Artikolu 81 Natura mandatorja

Il-partijiet ma jistgħux jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Taqsima 2        Kundizzjonijiet kuntrattwali inġusti f’kuntratti bejn kummerċjant u konsumatur

Artikolu 82 Dmir tat-trasparenza f’kundizzjonijiet kuntrattwali mhux innegozjati individwalment

Meta l-kummerċjant jipprovdi kundizzjonijiet kuntrattwali li ma ġewx innegozjati individwalment mal-konsumatur skont it-tifsira tal-Artikolu 7, huwa għandu dmir li jiżgura ruħu li dawn jiġu abbozzati u kkomunikati b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem.

Artikolu 83 Tifsira ta’ "inġust" f’kuntratti bejn kummerċjant u konsumatur

1. F’kuntratt bejn kummerċjant u konsumatur, kundizzjoni kuntrattwali pprovduta mill-kummerċjant li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment skont it-tifsira tal-Artikolu 7 tkun inġusta għall-finijiet ta’ din it-Taqsima jekk tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li jirriżultaw mill-kuntratt, għad-detriment tal-konsumatur, kontra l-bona fidi u n-negozjar ġust.

2. Meta tiġi vvalutata n-natura inġusta ta’ kundizzjoni kuntrattwali għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, għandhom jitqiesu:

(a) jekk il-kummerċjant ikkonformax mad-dmir ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 82;

(b) in-natura ta’ dak li għandu jiġi pprovdut skont il-kuntratt;

(c) iċ-ċirkustanzi li kienu jipprevalu waqt il-konklużjoni tal-kuntratt;

(d) il-kundizzjonijiet kuntrattwali l-oħrajn; u

(e) il-kundizzjonijiet ta’ kwalunkwe kuntratt ieħor li fuqu jiddependi l-kuntratt.

Artikolu 84 Kundizzjonijiet kuntrattwali li dejjem huma inġusti

Kundizzjoni kuntrattwali hija dejjem inġusta għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, jekk l-għan jew l-effett tagħha huwa li:

(a)          jeskludi jew jillimita r-responsabbiltà tal-kummerċjant għall-mewt jew għall-korriment personali kkawżat lill-konsumatur permezz ta’ att jew ta’ omissjoni min-naħa tal-kummerċjant jew min-naħa ta’ xi ħadd li qed jaġixxi f’isem il-kummerċjant;

(b)          jeskludi jew jillimita r-responsabbiltà tal-kummerċjant għal kwalunkwe telf jew ħsara lill-konsumatur ikkawżat deliberatament jew minħabba negliġenza gravi;

(c)          jillimita l-obbligu tal-kummerċjant li jkun marbut bl-impenji li daħlu għalihom l-aġenti awtorizzati tiegħu jew jagħmel l-impenji tiegħu soġġetti għal konformità ma’ kundizzjoni partikolari, li jekk tiġix sodisfatta jew le jiddependi esklużivament mill-kummerċjant;

(d)          jeskludi jew ifixkel id-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjoni legali jew li jeżerċita kwalunkwe rimedju legali ieħor, partikolarment billi jeżiġi li l-konsumatur jieħu t-tilwim esklużivament lil sistema ta’ arbitraġġ li ġeneralment ma tkunx prevista fid-dispożizzjonijiet legali li japplikaw għal kuntratti bejn kummerċjant u konsumatur;

(e)          jikkonferixxi ġurisdizzjoni esklużiva għat-tilwim kollu li jirriżulta mill-kuntratt lil qorti tal-post fejn għandu d-domiċilju tiegħu l-kummerċjant sakemm il-qorti magħżula ma tkunx ukoll il-qorti tal-post fejn ikollu d-domiċilju tiegħu l-konsumatur;

(f)           jagħti lill-kummerċjant d-dritt esklużiv biex jiddetermina jekk il-merkanzija, il-kontenut diġitali jew is-servizzi relatati pprovduti humiex konformi mal-kuntratt jew jagħti lill-kummerċjant id-dritt esklużiv li jinterpreta kwalunkwe kundizzjoni kuntrattwali;

(g)          jeżiġi li l-konsumatur juża metodu aktar formali biex jittermina l-kuntratt minn dak użat għall-konklużjoni tal-kuntratt;

(h)          jagħti lill-kummerċjant perjodu iqsar ta’ avviż biex jittermina l-kuntratt skont it-tifsira tal-Artikolu 8 minn dak mitlub mill-konsumatur;

(i)           jagħti lill-kummerċjant perjodu iqsar ta’ avviż biex jittermina l-kuntratt minn dak mitlub mill-konsumatur;

(j)           jobbliga lill-konsumatur iħallas għall-merkanzija, għall-kontenut diġitali jew għas-servizzi relatati li ma jkunux ġew effettivament ikkonsenjati, ipprovduti jew mogħtija;

(k)          jiddetermina li jipprevalu l-kundizzjonijiet kuntrattwali li ma ġewx innegozjati individwalment skont it-tifsira tal-Artikolu 7 jew li jingħataw preferenza fuq il-kundizzjonijiet kuntrattwali li ġew innegozjati individwalment.

Artikolu 85 Kundizzjonijiet kuntrattwali li huwa preżunt li huma inġusti

Kundizzjoni kuntrattwali jkun preżunt li hija inġusta għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, jekk l-għan jew l-effett tagħha huwa li:

(a)          jirrestrinġi l-evidenza disponibbli għall-konsumatur jew jimponi fuq il-konsumatur oneru tal-prova li legalment għandu jkun tal-kummerċjant;

(b)          b’mod mhux xieraq jeskludi jew jillimita r-rimedji disponibbli għall-konsumatur kontra l-kummerċjant jew parti terza talli l-kummerċjant ma wettaqx l-obbligi skont il-kuntratt;

(c)          b’mod mhux xieraq jeskludi jew jillimita d-dritt għat-tpaċija ta’ krediti li l-konsumatur jista’ jkollu kontra l-kummerċjant ma’ dak li l-konsumatur jista’ jkollu x’jagħti lill-kummerċjant;

(d)          jippermetti li kummerċjant iżomm il-flus imħallsa mill-konsumatur jekk dan tal-aħħar jiddeċiedi li ma jikkonkludix il-kuntratt jew li ma jwettaqx obbligi skont il-kuntratt, mingħajr ma jipprovdi biex il-konsumatur jirċievi kumpens ta’ ammont ekwivalenti mingħand il-kummerċjant fis-sitwazzjoni inversa;

(e)          jeżiġi li konsumatur li ma jwettaqx l-obbligi skont il-kuntratt iħallas ammont sproporzjonatament għoli bħala danni jew jagħmel ħlas stipulat għal nuqqas ta’ twettiq;

(f)           jagħti dritt lil kummerċjant li jirtira minn jew jittermina l-kuntratt skont it-tifsira tal-Artikolu 8 b’mod diskrezzjonali tiegħu mingħajr ma jagħti l-istess dritt lill-konsumatur jew jagħti dritt lil kummerċjant li jżomm il-flus imħallsa għal servizzi relatati li jkunu għadhom ma ġewx ipprovduti f’każ fejn il-kummerċjant jirtira minn jew jittermina l-kuntratt;

(g)          jippermetti li kummerċjant jittermina kuntratt għal perjodu indefinit mingħajr avviż raġonevoli, ħlief fejn ikun hemm raġunijiet serji biex jagħmel dan;

(h)          awtomatikament jestendi kuntratt għal perjodu fiss sakemm il-konsumatur ma jindikax mod ieħor, f’każijiet fejn il-kundizzjonijiet kuntrattwali jipprovdu għal skadenza irraġonevolment bikrija sabiex tingħata notifika;

(i)           jippermetti li kummerċjant ibiddel il-kundizzjonijiet kuntrattwali unilateralment mingħajr raġuni valida li tkun speċifikata fil-kuntratt; dan ma jaffettwax il-kundizzjonijiet kuntrattwali li taħthom kummerċjant jirriżerva d-dritt li jbiddel unilateralment il-kundizzjonijiet ta’ kuntratt għal perjodu indefinit, sakemm il-kummerċjant ikun meħtieġ jinforma lill-konsumatur raġonevolment minn qabel u l-konsumatur ikun liberu li jittermina l-kuntratt mingħajr ebda spejjeż għall-konsumatur;

(j)           jippermetti li kummerċjant ibiddel unilateralment mingħajr raġuni valida kwalunkwe karatteristika tal-merkanzija, tal-kontenut diġitali jew tas-servizzi relatati li għandhom jiġu pprovduti jew kwalunkwe karatteristika oħra tat-twettiq tal-obbligi;

(k)          jipprovdi li l-prezz tal-prodott, tal-kontenut diġitali jew tas-servizzi relatati għandu jiġi ddeterminat fi żmien il-kunsinna jew il-provvista, jew jippermetti li kummerċjant iżid il-prezz mingħajr ma jagħti lill-konsumatur id-dritt li jirtira jekk il-prezz miżjud ikun għoli wisq b’relazzjoni għall-prezz miftiehem meta ġie konkluż il-kuntratt; dan ma jaffettwax il-klawżoli tal-indiċjar tal-prezzijiet, fejn dan ikun legali, sakemm il-metodu li bih ivarjaw il-prezzijiet jiġi deskritt b’mod espliċitu;

(l)           jobbliga lil konsumatur iwettaq l-obbligi kollha tiegħu skont il-kuntratt fejn il-kummerċjant jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu;

(m)         jippermetti li kummerċjant jittrasferixxi d-drittijiet u l-obbligi tiegħu skont il-kuntratt mingħajr il-kunsens tal-konsumatur, sakemm dan ma jkunx lil kumpanija sussidjarja kkontrollata mill-kummerċjant, jew minħabba fużjoni jew tranżazzjoni legali simili tal-kumpanija, u mhuwiex probabbli li tali trasferiment se jaffettwa negattivament xi dritt tal-konsumatur;

(n)          jippermetti li kummerċjant, fejn dak li kien ordnat ma jkunx disponibbli, jipprovdi ekwivalenti mingħajr ma jkun informa espressament lill-konsumatur b’din il-possibbiltà u bil-fatt li l-kummerċjant irid iħallas l-ispiża tar-ritorn ta’ dak li jkun irċieva l-konsumatur skont il-kuntratt jekk il-konsumatur jeżerċita dritt li jirrifjuta t-twettiq tal-obbligi;

(o)          jippermetti li kummerċjant jirriżerva perjodu irraġonevolment twil jew speċifikat b’mod inadegwat sabiex jaċċetta jew jirrifjuta offerta;

(p)          jippermetti li kummerċjant jirriżerva perjodu irraġonevolment twil jew speċifikat b’mod inadegwat sabiex iwettaq l-obbligi skont il-kuntratt;

(q)          jeskludi jew jillimita b’mod mhux xieraq ir-rimedji disponibbli għall-konsumatur kontra l-kummerċjant jew id-difiżi disponibbli għall-konsumatur kontra t-talbiet tal-kummerċjant;

(r)           jissoġġetta t-twettiq tal-obbligi skont il-kuntratt mill-kummerċjant, jew jissoġġetta effetti oħra tal-kuntratt ta’ benefiċċju għall-konsumatur, għal formalitajiet partikolari li mhumiex mitluba legalment u mhumiex raġonevoli;

(s)          jeżiġi mingħand il-konsumatur ħlasijiet bil-quddiem eċċessivi jew garanziji eċċessivi għat-twettiq tal-obbligi;

(t)           b’mod inġustifikat jimpedixxi lill-konsumatur milli jikseb provvisti jew tiswijiet mingħand sorsi ta’ partijiet terzi;

(u)          b’mod inġustifikat jgħaqqad il-kuntratt ma’ ieħor mal-kummerċjant, ma’ kumpanija sussidjarja tal-kummerċjant, jew ma’ parti terza, b’mod li ma jistax ikun raġonevolment mistenni mill-konsumatur;

(v)          jimponi piż eċċessiv fuq il-konsumatur sabiex jittermina kuntratt għal perjodu indefinit;

(w)         jagħmel il-perjodu tal-kuntratt inizjali, jew kwalunkwe perjodu ta’ tiġdid, ta’ kuntratt għall-fornitura fit-tul ta' merkanzija, kontenut diġitali jew servizzi relatati, itwal minn sena, sakemm il-konsumatur ma jistax jittermina l-kuntratt fi kwalunkwe żmien b’perjodu għat-terminazzjoni ta’ mhux aktar minn 30 jum.

Taqsima 3        Kundizzjonijiet kuntrattwali inġusti f’kuntratti bejn kummerċjanti

Artikolu 86 Tifsira ta’ “inġust” f’kuntratti bejn kummerċjanti

1. F’kuntratt bejn kummerċjanti, kundizzjoni kuntrattwali hija inġusta biss għall-finijiet ta’ din it-Taqsima jekk:

(a) tifforma parti mill-kundizzjonijiet li ma ġewx innegozjati individwalment skont it-tifsira tal-Artikolu 7; u

(b) tkun ta’ natura tali li l-użu tagħha jiddevja ferm minn prattika kummerċjali tajba, kontra l-bona fidi u n-negozjar ġust.

2. Meta tiġi vvalutata n-natura inġusta ta’ kundizzjoni kuntrattwali għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, għandhom jitqiesu:

(a) in-natura ta’ dak li għandu jiġi pprovdut skont il-kuntratt;

(b) iċ-ċirkustanzi li kienu jipprevalu waqt il-konklużjoni tal-kuntratt;

(c) il-kundizzjonijiet kuntrattwali l-oħrajn; u

(d) il-kundizzjonijiet ta’ kwalunkwe kuntratt ieħor li fuqu jiddependi l-kuntratt.

Parti IV  Obbligi u rimedji tal-partijiet f’kuntratt ta’ bejgħ jew kuntratt għall-fornitura ta’ kontenut diġitali

Kapitolu 9 Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 87 Nuqqas ta’ twettiq u nuqqas fundamentali ta’ twettiq ta’ obbligi

1. In-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa kwalunkwe nuqqas li jitwettaq dak l-obbligu, irrispettivament minn jekk in-nuqqas ikunx skużat jew le, u jinkludi:

(a) nuqqas ta’ kunsinna jew kunsinna tardiva tal-merkanzija;

(b) nuqqas ta’ provvista jew provvista tardiva tal-kontenut diġitali;

(c) kunsinna ta' merkanzija li mhix konformi mal-kuntratt;

(d) fornitura ta’ kontenut diġitali li ma tkunx konformi mal-kuntratt;

(e) nuqqas ta’ ħlas tal-prezz jew ħlas tardiv tal-prezz; u

(f) kwalunkwe allegat twettiq ieħor li mhuwiex konformi mal-kuntratt.

2. In-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minn parti waħda jkun fundamentali jekk:

(a) dan sostanzjalment iċaħħad lill-parti l-oħra minn dak li l-parti kienet intitolata li tistenna skont il-kuntratt, sakemm fiż-żmien meta ġie konkluż il-kuntratt il-parti li ma wettqitx l-obbligu ma pprevedietx u ma setgħetx tkun mistennija li tipprevedi dak ir-riżultat; jew

(b) ikun ta’ natura tali li jagħmilha ċara li t-twettiq futur tal-obbligi tal-parti li ma wettqitx l-obbligu mhuwiex ta’ min jiddependi fuqu.

Artikolu 88 Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi skużat

1. In-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa ta’ parti jkun skużat jekk ikun dovut għal impediment li jmur lil hinn mill-kontroll ta’ dik il-parti u jekk dik il-parti ma setgħetx tkun mistennija li tieħu l-impediment inkunsiderazzjoni fiż-żmien meta ġie konkluż il-kuntratt, jew li setgħet tevita jew tegħleb l-impediment jew il-konsegwenzi tiegħu.

2. Fejn l-impediment ikun biss temporanju, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi ikun skużat għall-perjodu li matulu jeżisti l-impediment. Madankollu, jekk id-dewmien jammonta għal nuqqas fundamentali ta’ twettiq ta’ obbligi, il-parti l-oħra tista’ tittrattah bħala tali.

3. Il-parti li ma tkunx tista’ twettaq l-obbligi għandha dmir li tiżgura li notifika tal-impediment u tal-effett tiegħu fuq il-kapaċità li twettaq l-obbligi tasal għand il-parti l-oħra mingħajr dewmien żejjed wara li l-ewwel parti ssir, jew seta’ jkun mistenni li saret, konxja minn dawn iċ-ċirkustanzi. Il-parti l-oħra hija intitolata għad-danni għal kwalunkwe telf li jirriżulta minn ksur ta’ dan id-dmir.

Artikolu 89 Bidla fiċ-ċirkustanzi

1. Parti trid twettaq l-obbligi tagħha anki jekk it-twettiq tal-obbligi sar aktar oneruż, kemm għaliex l-ispiża tat-twettiq tal-obbligi żdied jew għaliex il-valur ta’ dak li għandu jiġi riċevut bħala korrispettiv naqas.

Fejn twettiq ta’ obbligi jsir wisq oneruż minħabba bidla eċċezzjonali fiċ-ċirkustanzi, il-partijiet għandhom dmir li jidħlu f’negozjati sabiex jadattaw jew jitterminaw il-kuntratt.

2. Jekk il-partijiet ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim fi żmien raġonevoli, allura, fuq talba ta’ kwalunkwe waħda mill-partijiet qorti tista’:

(a) tadatta l-kuntratt sabiex iġġibu skont dak li l-partijiet kienu raġonevolment jiftiehmu fi żmien l-ikkuntrattar li kieku ħadu l-bidla fiċ-ċirkustanzi inkunsiderazzjoni; jew

(b) tittermina l-kuntratt skont it-tifsira tal-Artikolu 8 f’data u skont kundizzjonijiet li għandhom jiġu ddeterminati mill-qorti.

3. Il-paragrafi 1 u 2 japplikaw biss jekk:

(a) il-bidla fiċ-ċirkustanzi ġrat wara ż-żmien meta ġie konkluż il-kuntratt;

(b) il-parti li tinvoka l-bidla fiċ-ċirkustanzi dak iż-żmien ma qisitx u ma setgħetx tkun mistennija li tqis, il-possibbiltà jew l-iskala ta’ dik il-bidla fiċ-ċirkustanzi; u

(c) il-parti leża ma assumietx, u ma setax jiġi raġonevolment meqjus li assumiet, ir-riskju ta’ dik il-bidla fiċ-ċirkustanzi.

4. Għall-finijiet tal-paragrafi 2 u 3 “qorti” tinkludi tribunal ta’ arbitraġġ.

Artikolu 90 Applikazzjoni estiża tar-regoli dwar il-ħlas u dwar merkanzija jew kontenut diġitali mhux aċċettati

1. Sakemm mhux previst mod ieħor, għandhom japplikaw ir-regoli dwar il-ħlas tal-prezz mix-xerrej fil-Kapitolu 12 b’adattamenti xierqa għal ħlasijiet oħrajn.

2. L-Artikolu 97 għandu japplika b’adattamenti xierqa għal każijiet oħrajn fejn persuna titħalla bil-merkanzija jew kontenut diġitali fil-pussess tagħha minħabba nuqqas minn persuna oħra li teħodhom meta tkun obbligata tagħmel dan.

Kapitolu 10        Obbligi tal-bejjiegħ

Taqsima 1        Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 91 Obbligi prinċipali tal-bejjiegħ

Il-bejjiegħ tal-merkanzija jew il-fornitur tal-kontenut diġitali (f’din il-parti msejjaħ "il-bejjiegħ") irid:

(a)          jikkunsinna l-merkanzija jew jipprovdi l-kontenut diġitali;

(b)          jittrasferixxi l-proprjetà tal-merkanzija, inkluż il-mezz tanġibbli li fuqu ġie pprovdut il-kontenut diġitali;

(c)          jiżgura li l-merkanzija jew il-kontenut diġitali jkunu konformi mal-kuntratt;

(d)          jiżgura li x-xerrej ikollu d-dritt li juża l-kontenut diġitali skont il-kuntratt; u

(e)          jikkonsenja dawk id-dokumenti li jirrappreżentaw jew huma relatati mal-merkanzija jew dokumenti relatati mal-kontenut diġitali kif jista’ jkun mitlub mill-kuntratt.

Artikolu 92 Twettiq ta’ obbligi minn parti terza

1. Bejjiegħ jista’ jafda t-twettiq ta’ obbligi f’idejn persuna oħra, sakemm il-bejjiegħ ma jkunx mitlub iwettaq l-obbligi personalment skont il-kundizzjonijiet kuntrattwali.

2. Bejjiegħ li jafda t-twettiq ta’ obbligi f’idejn persuna oħra jibqa’ responsabbli għat-twettiq.

3. Fir-relazzjonijiet bejn kummerċjant u konsumatur, il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni tal-paragrafu 2 jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Taqsima 2        Kunsinna

Artikolu 93 Post tal-kunsinna

1. Fejn il-post tal-kunsinna ma jistax jiġi ddeterminat b’mod ieħor, dan huwa:

(a) fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ lil konsumatur jew kuntratt għall-fornitura ta’ kontenut diġitali li jkun kuntratt mill-bogħod jew barra mill-post tan-negozju, jew fejn il-bejjiegħ ikun impenja ruħu li jagħmel arranġamenti għat-trasport sa għand ix-xerrej, il-post ta’ residenza tal-konsumatur fiż-żmien meta ġie konkluż il-kuntratt;

(b) fi kwalunkwe każ ieħor,

(i) meta l-kuntratt ta’ bejgħ jinvolvi t-trasport tal-merkanzija minn trasportatur jew serje ta' trasportaturi, l-eqreb punt ta' ġbir tal-ewwel trasportatur;

(ii) fejn il-kuntratt ma jinvolvix it-trasport, il-post tan-negozju tal-bejjiegħ fiż-żmien meta ġie konkluż il-kuntratt.

2. Jekk il-bejjiegħ ikollu aktar minn post wieħed tan-negozju, il-post tan-negozju għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 1 huwa dak li jkollu l-eqreb relazzjoni mal-obbligu li ssir il-kunsinna.

Artikolu 94 Metodu tal-kunsinna

1. Sakemm ma jintlaħaqx ftehim li jipprovdi mod ieħor, il-bejjiegħ jissodisfa l-obbligu li jikkunsinna:

(a) fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ lil konsumatur jew kuntratt għall-fornitura ta’ kontenut diġitali li jkun kuntratt mill-bogħod jew barra mill-post tan-negozju jew fejn il-bejjiegħ ikun impenja ruħu li jagħmel arranġamenti għat-trasport sa għand ix-xerrej, billi jittrasferixxi l-pussess fiżiku jew il-kontroll tal-merkanzija jew tal-kontenut diġitali lill-konsumatur;

(b) f’każijiet oħrajn fejn il-kuntratt jinvolvi t-trasport tal-merkanzija minn trasportatur, billi l-merkanzija tiġi mgħoddija lill-ewwel trasportatur ħalli tiġi trażmessa lix-xerrej u billi jiġi mgħoddi lix-xerrej kwalunkwe dokument meħtieġ sabiex ix-xerrej ikun jista’ jieħu f’idejh il-merkanzija mingħand it-trasportatur li jkun qed iżomm il-merkanzija; jew

(c) f’każijiet li ma jaqgħux taħt il-punti (a) jew (b), billi jqiegħed il-merkanzija jew il-kontenut diġitali, jew fejn jintlaħaq ftehim li l-bejjiegħ jeħtieġ li jikkunsinna biss id-dokumenti li jirrappreżentaw il-merkanzija, id-dokumenti, għad-dispożizzjoni tax-xerrej.

2. Fil-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1, kwalunkwe referenza għall-konsumatur jew għax-xerrej tinkludi parti terza, li ma tkunx it-trasportatur, indikata mill-konsumatur jew mix-xerrej skont il-kuntratt.

Artikolu 95 Żmien tal-kunsinna

1. Fejn iż-żmien tal-kunsinna ma jistax jiġi ddeterminat b’mod ieħor, il-merkanzija jew il-kontenut diġitali jridu jiġi kkonsenjati mingħajr dewmien żejjed wara l-konklużjoni tal-kuntratt.

2. F’kuntratti bejn kummerċjant u konsumatur, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-partijiet, il-kummerċjant għandu jikkonsenja l-merkanzija jew il-kontenut diġitali mhux aktar tard minn 30 jum mill-konklużjoni tal-kuntratt.

Artikolu 96 Obbligi tal-bejjiegħ dwar it-trasport tal-merkanzija

1. Fejn il-kuntratt jeżiġi li l-bejjiegħ jagħmel arranġamenti għat-trasport tal-merkanzija, il-bejjiegħ irid jikkonkludi tali kuntratti kif ikun meħtieġ għat-trasport lejn il-post iffissat permezz ta’ trasport xieraq fiċ-ċirkustanzi u skont il-kundizzjonijiet tas-soltu għal tali trasport.

2. Fejn il-bejjiegħ, skont il-kuntratt, jgħaddi l-merkanzija lil trasportatur u jekk il-merkanzija ma tkunx identifikata b’mod ċar bħala l-merkanzija li għandha tiġi pprovduta skont il-kuntratt bi mmarkar fuq il-merkanzija, b’dokumenti tat-trasport jew b’mod ieħor, il-bejjiegħ irid jinnotifika lix-xerrej bil-kunsinna fejn jispeċifika l-merkanzija.

3. Fejn il-kuntratt ma jeżiġix li l-bejjiegħ jagħmel assigurazzjoni fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija, il-bejjiegħ irid, fuq talba tax-xerrej, jipprovdi lix-xerrej bl-informazzjoni kollha disponibbli sabiex ix-xerrej ikun jista’ jagħmel tali assigurazzjoni.

Artikolu 97 Merkanzija jew kontenut diġitali mhux aċċettati mix-xerrej

1. Bejjiegħ li jitħallew fil-pussess tiegħu l-merkanzija jew il-kontenut diġitali għaliex ix-xerrej, meta jkun marbut li jagħmel dan, naqas milli jieħu l-kunsinna jrid jieħu passi raġonevoli sabiex jipproteġihom u jippreservahom.

2. Il-bejjiegħ huwa meħlus mill-obbligu tal-kunsinna jekk il-bejjiegħ:

(a) jiddepożita l-merkanzija jew il-kontenut diġitali skont kundizzjonijiet raġonevoli ma’ parti terza sabiex jinżammu għad-dispożizzjoni tax-xerrej, u jinnotifika lix-xerrej b’dan; jew

(b) ibigħ il-merkanzija jew il-kontenut diġitali skont kundizzjonijiet raġonevoli wara li jinnotifika lix-xerrej u jħallas ir-rikavat nett lix-xerrej.

3. Il-bejjiegħ huwa intitolat li jiġi rrimborżat jew li jżomm mir-rikavat tal-bejgħ kwalunkwe spiża li jkun ġarrab raġonevolment.

Artikolu 98 Effett fuq it-trasferiment tar-riskju

L-effett tal-kunsinna fuq it-trasferiment tar-riskju huwa rregolat mill-Kapitolu 14.

Taqsima 3        Konformità tal-merkanzija u tal-kontenut diġitali

Artikolu 99 Konformità mal-kuntratt

1. Sabiex ikunu konformi mal-kuntratt, il-merkanzija jew il-kontenut diġitali għandhom:

(a) ikunu tal-kwantità, tal-kwalità u tad-deskrizzjoni mitluba mill-kuntratt;

(b) ikunu miżmuma f’kontenitur jew ikunu ppakkjati bil-mod mitlub mill-kuntratt; u

(c) ikunu pprovduti flimkien ma’ kwalunkwe aċċessorju, struzzjoni għall-installazzjoni jew ma’ kwalunkwe struzzjoni oħra mitluba mill-kuntratt.

2. Sabiex ikunu konformi mal-kuntratt, il-merkanzija jew il-kontenut diġitali għandhom jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti tal-Artikoli 100, 101 u 102, ħlief sa fejn il-partijiet ikunu ftiehmu mod ieħor.

3. F’kuntratt ta’ bejgħ lil konsumatur, kwalunkwe ftehim li jidderoga mir-rekwiżiti tal-Artikoli 100, 102 u 103 għad-detriment tal-konsumatur huwa validu biss jekk, fiż-żmien meta ġie konkluż il-kuntratt, il-konsumatur kien jaf bil-kundizzjoni speċifika tal-merkanzija jew tal-kontenut diġitali u aċċetta l-merkanzija jew il-kontenut diġitali bħala li kienu konformi mal-kuntratt meta kkonkludih.

4. F’kuntratt ta’ bejgħ lil konsumatur, il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni tal-paragrafu 3 jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Artikolu 100 Kriterji għall-konformità tal-merkanzija u tal-kontenut diġitali

Il-merkanzija jew il-kontenut diġitali għandhom:

(a)          ikunu adattati għal kwalunkwe fini partikolari li ġie informat bih il-bejjiegħ fiż-żmien meta ġie konkluż il-kuntratt, ħlief fejn iċ-ċirkustanzi juru li x-xerrej ma ddependix jew li ma kienx raġonevoli li x-xerrej jiddependi fuq il-ħila u l-ġudizzju tal-bejjiegħ;

(b)          ikunu adattati għall-finijiet li għalihom merkanzija jew kontenut diġitali tal-istess deskrizzjoni jintużaw normalment;

(c)          ikollhom il-kwalitajiet ta' merkanzija jew kontenut diġitali li l-bejjiegħ wera lix-xerrej bħala kampjun jew bħala mudell;

(d)          ikunu miżmuma f’kontenitur jew ikunu ppakkjati bil-mod użwali għal tali merkanzija jew fejn ma jkun hemm l-ebda mod ta’ din ix-xorta, b’mod adegwat sabiex tiġi ppreservata u protetta l-merkanzija;

(e)          ikunu pprovduti flimkien ma’ tali aċċessorji, struzzjonijiet għall-installazzjoni jew struzzjonijiet oħrajn li x-xerrej jista’ raġonevolment ikun mistenni li jirċievi;

(f)           ikollhom il-kwalitajiet u l-kapaċitajiet ta’ prestazzjoni indikati fi kwalunkwe dikjarazzjoni prekuntrattwali li tifforma parti mil-kundizzjonijiet kuntrattwali skont l-Artikolu 69; u

(g)          jkollhom tali kwalitajiet u kapaċitajiet ta’ prestazzjoni kif ix-xerrej jista’ raġonevolment jistenna. Meta jiġi determinat dak li jista’ jistenna konsumatur mill-kontenut diġitali għandu jiġi kkunsidrat jekk il-kontenut diġitali ġiex ipprovdut inkambju għall-ħlas ta’ prezz jew le.

Artikolu 101 Installazzjoni inkorretta skont kuntratt ta’ bejgħ lil konsumatur

1. Fejn il-merkanzijża jew il-kontenut diġitali fornuti skont kuntratt ta’ bejgħ lil konsumatur jiġu installati b’mod inkorrett, kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li tirriżulta mill-installazzjoni inkorretta titqies bħala nuqqas ta’ konformità tal-merkanzija jew tal-kontenut diġitali jekk:

(a) il-merkanzija jew il-kontenut diġitali kienu installati mill-bejjiegħ jew taħt ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ; jew

(b) il-merkanzija jew il-kontenut diġitali kienu intiżi biex jiġu installati mill-konsumatur u l-installazzjoni inkorretta kienet dovuta għal nuqqas fl-istruzzjonijiet għall-installazzjoni.

2. Il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Artikolu 102 Drittijiet jew pretensjonijiet ta’ parti terza

1. Il-merkanzija jew il-kontenut diġitali jridu jkunu ħielsa minn kwalunkwe dritt jew pretensjoni mhux manifestament infondata ta’ parti terza.

2. Fir-rigward tad-drittijiet jew pretensjonijiet ibbażati fuq il-proprjetà intellettwali, mingħajr ħsara għall-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu, il-merkanzija jew il-kontenut diġitali jridu jkunu ħielsa minn kwalunkwe dritt jew pretensjoni mhux manifestament infondata ta’ parti terza:

(a) skont il-liġi tal-Istat fejn il-merkanzija jew il-kontenut diġitali se jintużaw skont il-kuntratt jew, fin-nuqqas ta’ tali ftehim, skont il-liġi tal-Istat tal-post tan-negozju tax-xerrej jew f’kuntratti bejn kummerċjant u konsumatur tal-post ta’ residenza tal-konsumatur indikat mill-konsumatur meta ġie konkluż il-kuntratt; u

(b) li l-bejjiegħ kien jaf dwarhom jew jista’ jkun mistenni li kien jaf fiż-żmien meta ġie konkluż il-kuntratt.

3. F'kuntratti bejn negozji, il-paragrafu 2 ma japplikax fejn ix-xerrej kien jaf jew kien mistenni li jkun jaf dwar id-drittijiet jew pretensjonijiet ibbażati fuq il-proprjetà intellettwali fiż-żmien meta ġie konkluż il-kuntratt.

4. F'kuntratt bejn kummerċjant u konsumatur, il-paragrafu 2 ma japplikax fejn il-konsumatur kien jaf dwar id-drittijiet jew pretensjonijiet ibbażati fuq il-proprjetà intellettwali fiż-żmien meta ġie konkluż il-kuntratt.

5. F'kuntratti bejn kummerċjant u konsumatur, il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Artikolu 103 Limitazzjoni fuq il-konformità tal-kontenut diġitali

Il-kontenut diġitali ma jitqiesx li ma jikkonformax mal-kuntratt għall-unika raġuni li kontenut diġitali aġġornat sar disponibbli wara l-konklużjoni tal-kuntratt.

Artikolu 104 Għarfien tax-xerrej tan-nuqqas ta’ konformità f’kuntratt bejn kummerċjanti

F’kuntratt bejn kummerċjanti, il-bejjiegħ ma huwa responsabbli għall-ebda nuqqas ta’ konformità tal-merkanzija jekk, fiż-żmien meta ġie konkluż il-kuntratt, ix-xerrej kien jaf jew ma setax ma kienx konxju min-nuqqas ta’ konformità.

Artikolu 105 Żmien rilevanti sabiex tkun stabbilita l-konformità

1. Il-bejjiegħ huwa responsabbli għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li teżisti fiż-żmien meta r-riskju jiġi ttrasferit lix-xerrej taħt il-Kapitolu 14.

2. F’kuntratt ta’ bejgħ lil konsumatur, kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jsir apparenti fi żmien sitt xhur miż-żmien meta r-riskju jiġi ttrasferit lix-xerrej huwa preżunt li kien jeżisti f’dak iż-żmien sakemm dan ma jkunx inkompatibbli man-natura tal-merkanzija jew tal-kontenut diġitali jew man-natura tan-nuqqas ta’ konformità.

3. F’każ irregolat mill-punt (a) tal-Artikolu 101(1), kwalunkwe referenza fil-paragrafi 1 jew 2 ta’ dan l-Artikolu għaż-żmien meta r-riskju jiġi ttrasferit lix-xerrej għandha tinqara bħala referenza għaż-żmien meta l-installazzjoni tkun kompluta. F’każ irregolat mill-punt (b) tal-Artikolu 101(1) din għandha tinqara bħala referenza għall-mument meta l-konsumatur kellu żmien raġonevoli għall-installazzjoni.

4. Fejn il-kontenut diġitali għandu jkun sussegwentement aġġornat mill-kummerċjant, il-kummerċjant għandu jiżgura li l-kontenut diġitali jibqa’ konformi mal-kuntratt tul il-kuntratt.

5. F'kuntratt bejn kummerċjant u konsumatur, il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Kapitolu 11        Rimedji tax-xerrej

Taqsima 1        Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 106 Rimedji tax-xerrej b’mod ġenerali

1. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-bejjiegħ, ix-xerrej jista’ jeżerċita kwalunkwe wieħed mir-rimedji li ġejjin:

(a) jeżiġi t-twettiq, li jinkludi l-eżekuzzjoni speċifika,            it-tiswija jew it-tibdil tal-merkanzija jew tal-kontenut diġitali, skont it-Taqsima 3 ta' dan il-Kapitolu;

(b) jissospendi t-twettiq tiegħu stess skont it-Taqsima 4 ta’ dan il-Kapitolu;

(c) jittermina l-kuntratt skont it-Taqsima 5 ta' dan il-Kapitolu u jitlob li jiħallas lura kwalunkwe prezz diġà mħallas, skont il-Kapitolu 17;

(d) inaqqas il-prezz skont it-Taqsima 6 ta’ dan il-Kapitolu; u

(e) jitlob id-danni skont il-Kapitolu 16.

2. Jekk ix-xerrej ikun kummerċjant:

(a) id-drittijiet tax-xerrej sabiex jeżerċita kwalunkwe rimedju ħlief is-sospensjoni tat-twettiq huma soġġetti għad-dritt ta’ ssanar tal-bejjiegħ kif stabbilit fit-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu u

(b) id-drittijiet tax-xerrej li jinvoka n-nuqqas ta' konformità huma soġġetti għar-rekwiżiti       tal-eżami u tan-notifika stabbiliti fit-Taqsima 7 ta' dan il-Kapitolu.

3. Jekk ix-xerrej ikun konsumatur:

(a) id-drittijiet tax-xerrej mhumiex soġġetti għad-dritt ta’ ssanar tal-bejjiegħ; u

(b) ir-rekwiżiti tal-eżami u tan-notifika stabbiliti fit-Taqsima 7 ta' dan.           il-Kapitolu ma japplikawx.

4. Jekk in-nuqqas ta’ twettiq tal-bejjiegħ ikun skużat, ix-xerrej jista’ jirrikorri għal kwalunkwe wieħed mir-rimedji msemmija fil-paragrafu 1 ħlief li jeżiġi t-twettiq u d-danni.

5. Ix-xerrej ma jista’ jirrikorri għall-ebda wieħed mir-rimedji msemmija fil-paragrafu 1 sa fejn ix-xerrej ikun ikkawża n-nuqqas ta’ twettiq tal-bejjiegħ.

6. Ir-rimedji li ma jkunux inkompatibbli jistgħu jiġu akkumulati.

Artikolu 107 Limitazzjoni ta’ rimedji għall-kontenut diġitali li ma jkunx ipprovdut inkambju għall-ħlas ta’ prezz

Fejn il-kontenut diġitali ma jkunx ipprovdut inkambju għall-ħlas ta’ prezz, ix-xerrej ma jistax jirrikorri għar-rimedji msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 106(1). Ix-xerrej jista’ biss jitlob id-danni taħt il-punt (e) tal-Artikolu 106(1) għal telf jew ħsara kkawżata lill-proprjetà tax-xerrej, inkluż ħardwer, softwer u dejta, permezz tan-nuqqas ta’ konformità tal-kontenut diġitali fornut, ħlief għal kwalunkwe qligħ li x-xerrej ikun ġie mċaħħad minnu minħabba dan id-dannu.

Artikolu 108 Natura mandatorja

F'kuntratt bejn kummerċjant u konsumatur, il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-Kapitolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom qabel ma l-konsumatur jiġbed l-attenzjoni tal-kummerċjant dwar in-nuqqas ta' konformità.

Taqsima 2        Issanar mill-bejjiegħ

Artikolu 109 Issanar mill-bejjiegħ

1. Bejjiegħ li wettaq l-obbligi tiegħu qabel iż-żmien u li ġie nnotifikat li t-twettiq mhuwiex f’konformità mal-kuntratt jista’ jwettaq l-obbligi tiegħu mill-ġdid u b'mod konformi jekk dan jista’ jsir fiż-żmien permess għat-twettiq.

2. F’każijiet li mhumiex koperti mill-paragrafu 1, bejjiegħ li wettaq l-obbligi tiegħu b'mod mhux konformi mal-kuntratt jista’, mingħajr dewmien żejjed, meta jiġi nnotifikat bin-nuqqas ta’ konformità, joffri li jissana t-twettiq bi spejjeż tiegħu stess.

3. L-offerta ta’ ssanar mhix prekluża b’notifika ta’ terminazzjoni.

4. Ix-xerrej jista’ jirrifjuta l-offerta ta’ ssanar biss jekk:

(a) l-issanar ma jistax jitwettaq fil-pront u mingħajr inkonvenjent sinifikanti    għax-xerrej;

(b) ix-xerrej għandu raġunijiet biex jemmen li t-twettiq futur tal-obbligi min-naħa tal-bejjiegħ mhuwiex           ta’ min jiddependi fuqu; jew

(c) dewmien fit-twettiq tal-obbligi jammonta għal nuqqas fundamentali ta’ twettiq ta’ obbligi.

5. Il-bejjiegħ għandu perjodu raġonevoli biex jissalva l-kuntratt meta l-pagamenti ma jkunux ġew irrispettati.

6. Ix-xerrej jista’ jissospendi t-twettiq tal-obbligi sakemm iseħħ l-issanar, imma d-drittijiet tax-xerrej li ma jkunux konsistenti mal-għoti lill-bejjiegħ ta’ perjodu ta’ żmien sabiex iwettaq l-issanar ikunuu sospiżi sakemm jiskadi dak il-perjodu.

7. Minkejja l-issanar, ix-xerrej iżomm id-dritt li jitlob id-danni għal dewmien kif ukoll għal kwalunkwe ħsara kkawżata jew mhux impedita mill-issanar.

Taqsima 3        Twettiq ta’ obbligi mitlub

Artikolu 110 Twettiq tal-obbligi tal-bejjiegħ mitlub

1. Ix-xerrej huwa intitolat li jeżiġi li l-bejjiegħ iwettaq l-obbligi tiegħu.

2. It-twettiq tal-obbligi li jista’ jintalab jinkludi r-rimedjar mingħajr ħlas ta’ twettiq ta’ obbligi li ma jkunx konformi mal-kuntratt.

3. It-twettiq tal-obbligi ma jistax jintalab fejn:

(a) it-twettiq tal-obbligi jista' jkun impossibbli jew ikun sar illegali; jew

(b) il-piż jew l-ispiża tat-twettiq tal-obbligi jkun sporporzjonat għall-benefiċċju li jikseb ix-xerrej.

Artikolu 111 L-għażla tal-konsumatur bejn tiswija u sostituzzjoni

1. Fejn f’kuntratt ta’ bejgħ lil konsumatur, il-kummerċjant ikun meħtieġ li jirrimedja għal nuqqas ta’ konformità skont l-Artikolu 110(2), il-konsumatur jista’ jagħżel bejn tiswija u sostituzzjoni sakemm l-għażla tiegħu ma tkunx illegali jew impossibbli jew meta pparagunata mal-għażla l-oħra disponibbli, timponi spejjeż fuq il-bejjiegħ li jkunu sproporzjonati meta wieħed jikkunsidra:

(a) il-valur li l-merkanzija kien ikollha kieku ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ konformità;

(b) is-sinifikat tan-nuqqas ta’ konformità; u

(c) jekk ir-rimedju alternattiv ikunx jista’ jitlesta mingħajr     inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur.

2. Jekk il-konsumatur ikun talab li n-nuqqas ta’ konformità jiġi rrimedjat b’tiswija jew b’sostituzzjoni skont il-paragrafu 1, il-konsumatur jista’ jirrikorri għal rimedji oħrajn, biss jekk il-kummerċjant ma jkunx ikkompleta t-tiswija jew is-sostituzzjoni fi żmien raġonevoli, li ma jeċċedix 30 jum. Madankollu, il-konsumatur jista' jissospendi t-twettiq ta’ obbligi matul dan il-perjodu.

Artikolu 112 Ir-ritorn ta’ oġġett sostitwit

1. Fejn il-bejjiegħ ikun irrimedja għan-nuqqas ta’ konformità b’sostituzzjoni, il-bejjiegħ għandu dritt u obbligu li jieħu lura l-prodott sostitwit bi spejjeż tal-bejjiegħ.

2. Ix-xerrej mhuwa obbligat iħallas għall-ebda użu li sar mill-prodott sostitwit fil-perjodu ta’ qabel is-sostituzzjoni.

Taqsima 4        Sospensjoni tat-twettiq tal-obbligi tax-xerrej

Artikolu 113  Dritt ta’ sospensjoni tat-twettiq ta’ obbligi

1. Xerrej li għandu jwettaq l-obbligi tiegħu fl-istess żmien bħal jew wara li l-bejjiegħ iwettaq l-obbligi tiegħu għandu dritt li jissospendi t-twettiq tal-obbligi tiegħu sakemm il-bejjiegħ ikun offra li jwettaq l-obbligi tiegħu jew ikun wettaqhom.

2. Xerrej li għandu jwettaq l-obbligi tiegħu qabel ma l-bejjiegħ iwettaq l-obbligi tiegħu u li raġonevolment jemmen li l-bejjiegħ mhuwiex se jwettaq l-obbligi tiegħu meta l-bejjiegħ ikun wasallu ż-żmien biex jagħmel dan jista’ jissospendi t-twettiq tal-obbligi tiegħu sakemm jibqa’ raġonevolment jemmen dan.

3. It-twettiq tal-obbligi li jista’ jiġi sospiż taħt dan l-Artikolu huwa t-twettiq sħiħ jew parzjali sal-punt ġustifikat min-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi. Fejn l-obbligi tal-bejjiegħ għandhom jitwettqu f’partijiet separati jew huma diviżibbli mod ieħor, ix-xerrej jista’ jissospendi t-twettiq tal-obbligi biss fir-rigward ta’ dik il-parti li ma tkunx ġiet imwettqa, sakemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi tal-bejjiegħ ma jkunx tali li jiġġustifika s-sospensjoni tat-twettiq tal-obbligi tax-xerrej fl-intier tiegħu.

Taqsima 5        Terminazzjoni

Artikolu 114 Terminazzjoni minħabba nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi

1. Xerrej jista' jittermina l-kuntratt skont it-tifsira tal-Artikolu 8 jekk in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tax-xerrej skont il-kuntratt ikun fundamentali skont it-tifsira tal-Artikolu 87(2).

2. F’kuntratt ta’ bejgħ lil konsumatur u kuntratt għall-fornitura ta’ kontenut diġitali bejn kummerċjant u konsumatur, fejn ikun hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi minħabba li l-merkanzija ma tkunx konformi mal-kuntratt, il-konsumatur jista’ jittermina l-kuntratt sakemm in-nuqqas ta’ konformità ma jkunx insinifikanti.

Artikolu 115 Terminazzjoni minħabba dewmien fil-kunsinna wara notifika li tiffissa żmien addizzjonali għat-twettiq ta’ obbligi

1. Xerrej jista’ jittermina l-kuntratt f’każ ta’ dewmien fil-kunsinna li ma jkunx minnu nnifsu fundamentali jekk ix-xerrej, permezz ta’ notifika, jiffissa perjodu ta’ żmien addizzjonali ta’ tul raġonevoli għat-twettiq tal-obbligi u l-bejjiegħ ma jwettaqx l-obbligi tiegħu f’dak il-perjodu.

2. Il-perjodu addizzjonali msemmi fil-paragrafu 1 jitqies li huwa ta’ tul raġonevoli jekk il-bejjiegħ ma joġġezzjonax għalih mingħajr dewmien żejjed.

3. Fejn in-notifika tipprovdi għal terminazzjoni awtomatika jekk il-bejjiegħ ma jwettaqx l-obbligi tiegħu fil-perjodu ffissat min-notifika, it-terminazzjoni tidħol fis-seħħ wara li jiskadi dak il-perjodu mingħajr notifika ulterjuri.

Artikolu 116 Terminazzjoni fil-każ ta' nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi antiċipat

Xerrej jista’ jittermina l-kuntratt qabel ma jkun dovut it-twettiq tal-obbligi jekk il-bejjiegħ ikun iddikjara, jew ikun ċar b’xi mod ieħor, li mhux se jkun hemm twettiq ta’ obbligi, u jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi jkun tali li jiġġustifika terminazzjoni.

Artikolu 117 Kamp ta' applikazzjoni tad-dritt għat-terminazzjoni

1. Fejn l-obbligi tal-bejjiegħ skont il-kuntratt għandhom jitwettqu f’partijiet separati jew huma diviżibbli b’mod ieħor, jekk ikun hemm raġuni għat-terminazzjoni skont din it-Taqsima ta’ parti li fir-rigward tagħha tista' tiġi allokata parti mill-prezz, ix-xerrej jista’ jittermina biss fir-rigward ta’ dik il-parti.

2. Il-paragrafu 1 ma japplikax jekk ix-xerrej ma jistax ikun mistenni li jaċċetta t-twettiq tal-obbligi tal-partijiet l-oħra jew in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi jkun tali li jiġġustifika t-terminazzjoni tal-kuntratt fl-intier tiegħu.

3. Fejn l-obbligi tal-bejjiegħ skont il-kuntratt mhumiex diviżibbli jew parti mill-prezz ma tistax tiġi allokata, ix-xerrej jista’ jittermina biss jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi jkun tali li jiġġustifika t-terminazzjoni tal-kuntratt fl-intier tiegħu.

Artikolu 118 Notifika ta’ terminazzjoni

Dritt għat-terminazzjoni taħt din it-Taqsima jiġi eżerċitat permezz ta’ notifika lill-bejjiegħ.

Artikolu 119 Telf tad-dritt għat-terminazzjoni

1. Ix-xerrej jitlef id-dritt għat-terminazzjoni taħt din it-Taqsima jekk in-notifika ta’ terminazzjoni ma tingħatax fi żmien raġonevoli minn meta rriżulta d-dritt jew minn meta x-xerrej sar, jew seta’ jkun mistenni li sar, konxju min-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, skont liema minnhom tiġi l-aktar tard.

2. Il-paragrafu 1 ma japplikax:

(a) fejn ix-xerrej ikun konsumatur; jew

(b) ma ġie offrut l-ebda twettiq ta’ obbligi.

Taqsima 6        Tnaqqis fil-prezz

Artikolu 120 Dritt għal tnaqqis fil-prezz

1. Xerrej li jaċċetta twettiq ta’ obbligi li ma jkunx konformi mal-kuntratt jista’ jnaqqas il-prezz. It-tnaqqis għandu jkun proporzjonat għat-tnaqqis fil-valur ta’ dak li ġie riċevut f’termini ta’ twettiq ta’ obbligi fiż-żmien li sar it-twettiq meta pparagunat mal-valur ta’ dak li kien jiġi riċevut bi twettiq ta’ obbligi konformi.

2. Xerrej li huwa intitolat inaqqas il-prezz taħt il-paragrafu 1 u li diġà ħallas somma li teċċedi l-prezz imnaqqas jista’ jirkupra l-ħlas żejjed mingħand il-bejjiegħ.

3. Xerrej li jnaqqas il-prezz ma jistax jirkupra wkoll id-danni għat-telf li ġie kkumpensat b’dan il-mod imma jibqa’ intitolat għad-danni għal kwalunkwe telf ulterjuri li ġarrab.

Taqsima 7        Rekwiżiti ta’ notifika f’kuntratti bejn kummerċjanti

Artikolu 121 Eżami tal-merkanzija f’kuntratti bejn kummerċjanti

1. F’kuntratt bejn kummerċjanti, ix-xerrej huwa mistenni li jeżamina l-merkanzija, jew iqabbad lil xi ħadd jeżaminaha, fl-iqsar perjodu li jkun raġonevoli fiċ-ċirkustanzi, li ma jeċċedix 14-il jum mid-data tal-kunsinna tal-merkanzija, tal-fornitura tal-kontenut diġitali jew tal-fornitura tas-servizzi relatati.

2. Jekk il-kuntratt jinvolvi t-trasport tal-merkanzija, l-eżami jista’ jiġi ddifferit sakemm il-merkanzija tkun waslet fid-destinazzjoni tagħha.

3. Jekk il-merkanzija tiġi ridiretta waqt li tkun fi tranżitu, jew terġa’ tintbagħat mix-xerrej qabel ma x-xerrej kellu opportunità raġonevoli li jeżaminaha, u fiż-żmien meta ġie konkluż il-kuntratt il-bejjiegħ kien jaf jew seta’ jkun mistenni li kien jaf bil-possibbiltà ta’ tali ridirezzjoni jew bgħit mill-ġdid, l-eżami jista’ jiġi differit għal wara li l-merkanzija tkun waslet fid-destinazzjoni l-ġdida.

Artikolu 122 Rekwiżit ta' notifika ta’ nuqqas ta’ konformità f’kuntratti ta’ bejgħ bejn kummerċjanti

1. F’kuntratt bejn kummerċjanti, ix-xerrej ma jistax jinvoka n-nuqqas ta’ konformità jekk ix-xerrej ma jinnotifikax lill-bejjiegħ fi żmien raġonevoli fejn jispeċifika n-natura tan-nuqqas ta’ konformità.

            Iż-żmien jibda jiddekorri minn meta l-merkanzija tiġi pprovduta jew minn meta x-           xerrej jiskopri   jew jista’ jkun mistenni li skopra n-nuqqas ta’ konformità, liema    minnhom tiġi l-aktar tard.

2. Ix-xerrej jitlef id-dritt li jinvoka n-nuqqas ta’ konformità jekk ix-xerrej ma jinnotifikax lill-bejjiegħ bin-nuqqas ta’ konformità fi żmien sentejn miż-żmien meta l-merkanzija ġiet effettivament mgħoddija lix-xerrej skont il-kuntratt.

3. Fejn il-partijiet ikunu ftiehmu li l-merkanzija trid tibqa’ adattata għal fini partikolari jew għall-fini ordinarju tagħha matul perjodu fiss ta’ żmien, il-perjodu sabiex tingħata notifika taħt il-paragrafu 2 ma jiskadix qabel it-tmiem tal-perjodu miftiehem.

4. Il-paragrafu 2 ma japplikax fir-rigward tal-pretensjonijiet jew tad-drittijiet ta’ parti terza msemmija fl-Artikolu 102.

5. Ix-xerrej ma għandux għalfejn jinnotifika lill-bejjiegħ li mhux il-merkanzija kollha ġiet ikkonsenjata jekk ix-xerrej għandu għal xiex jemmen li l-merkanzija li fadal se tiġi kkonsenjata.

6. Il-bejjiegħ mhuwiex intitolat jinvoka dan l-Artikolu jekk in-nuqqas ta' konformità jkun relatat ma’ fatti li l-bejjiegħ kien jaf jew seta’ jkun mistenni li kien jaf u li l-bejjiegħ naqas milli jiżvela lix-xerrej.

Kapitolu 12        Obbligi tax-xerrej

Taqsima 1        Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 123 Obbligi prinċipali tax-xerrej

1. Ix-xerrej irid:

(a) iħallas il-prezz;

(b) jieħu l-kunsinna tal-merkanzija jew tal-kontenut diġitali; u

(c) jieħu f’idejh id-dokumenti li jirrappreżentaw jew li jkunu relatati mal-merkanzija jew id-dokumenti relatati mal-kontenut diġitali kif jista’ jkun mitlub mill-kuntratt.

2. Il-punt (a) tal-paragrafu 1 ma japplikax għal kuntratti għall-fornitura ta’ kontenut diġitali fejn il-kontenut diġitali ma jiġix ipprovdut inkambju għall-ħlas ta’ prezz.

Taqsima 2        Ħlas tal-prezz

Artikolu 124 Mezzi ta’ ħlas

1. Il-ħlas għandu jsir bil-mezzi ta’ ħlas indikati mill-kundizzjonijiet kuntrattwali jew, jekk ma jkun hemm ebda indikazzjoni, bi kwalunkwe mezzi użati fil-perkors normali tan-negozju fil-post tal-ħlas, fejn titqies in-natura tat-tranżazzjoni.

2. Bejjiegħ li jaċċetta ċekk jew ordni oħra għal ħlas jew wegħda ta’ ħlas jiġi preżunt li jagħmel dan biss bil-kundizzjoni li dan se jiġi onorat. Il-bejjiegħ jista’ jinforza l-obbligu oriġinali tal-ħlas jekk l-ordni jew il-wegħda ma jiġux onorati.

3. L-obbligu oriġinali tax-xerrej jiġi estint jekk il-bejjiegħ jaċċetta wegħda ta’ ħlas mingħand parti terza li magħha l-bejjiegħ ikollu arranġament pre-eżistenti sabiex jaċċetta l-wegħda tal-parti terza bħala mezz ta’ ħlas.

4. F’kuntratt bejn kummerċjant u konsumatur, il-konsumatur ma jkunx responsabbli, fir-rigward tal-użu ta’ mezz partikolari ta’ ħlas, għal miżati li jaqbżu l-ispiża mħallsa mill-kummerċjant għall-użu ta’ tali mezzi.

Artikolu 125 Post tal-ħlas

1. Fejn il-post tal-ħlas ma jistax jiġi ddeterminat b’mod ieħor dan huwa l-post tan-negozju tal-bejjiegħ fiż-żmien meta ġie konkluż il-kuntratt.

2. Jekk il-bejjiegħ ikollu aktar minn post wieħed tan-negozju, il-post tal-ħlas huwa l-post tan-negozju tal-bejjiegħ li jkollu l-eqreb relazzjoni mal-obbligu tal-ħlas.

Artikolu 126 Żmien tal-ħlas

1. Il-ħlas tal-prezz ikun dovut fil-mument tal-kunsinna.

2. Il-bejjiegħ jista’ jirrifjuta offerta ta’ ħlas qabel ma jkun dovut il-ħlas jekk ikollu interess leġittimu li jagħmel dan.

Artikolu 127 Ħlas minn parti terza

1. Xerrej jista’ jafda l-ħlas f’idejn persuna oħra. Xerrej li jafda l-ħlas f’idejn persuna oħra jibqa’ responsabbli mill-ħlas.

2. Il-bejjiegħ ma jistax jirrifjuta l-ħlas minn parti terza jekk::

(a) il-parti terza taġixxi bil-kunsens tax-xerrej; jew

(b) il-parti terza jkollha interess leġittimu li tħallas u x-xerrej ikun naqas         milli jħallas jew jidher ċar li x-xerrej mhuwiex se jħallas fiż-żmien meta jkun dovut dak il-ħlas.

3. Il-ħlas minn parti terza skont il-paragrafi 1 jew 2 jeħles lix-xerrej mir-responsabbiltà fil-konfront tal-bejjiegħ.

4. Fejn il-bejjiegħ jaċċetta ħlas minn parti terza f'ċirkustanzi mhux koperti mill-paragrafi 1 u 2 ix-xerrej huwa meħlus mir-responsabbiltà fil-konfront tal-bejjiegħ iżda l-bejjiegħ huwa responsabbli lejn ix-xerrej għal kull telf ikkawżat b'dik l-aċċettazzjoni.

Artikolu 128 Imputazzjoni tal-ħlas

1. Meta xerrej ikun mitlub jagħmel diversi ħlasijiet lill-bejjiegħ u l-ħlas li jkun sar ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-ħlasijiet kollha kemm huma, ix-xerrej jista' fil-mument tal-ħlas jinnotifika lill-bejjiegħ dwar l-obbligu li għalih il-ħlas għandu jiġi imputat.

2. Jekk ix-xerrej ma jagħmilx notifika skont il-paragrafu 1, il-bejjiegħ jista’, billi jinnotifika lix-xerrej fi żmien raġonevoli, jimputa l-ħlas għal wieħed mill-obbligi.

3. Imputazzjoni taħt il-paragrafu 2 ma tkunx effettiva jekk din tkun għal obbligu li għadu mhuwiex dovut jew huwa kkontestat.

4. Fl-assenza ta’ imputazzjoni effettiva minn kwalunkwe waħda mill-partijiet, il-ħlas jiġi imputat għal dak l-obbligu li jissodisfa wieħed mill-kritejri li ġejjin fis-sekwenza indikata:

(a) l-obbligu li huwa dovut jew li huwa dovut l-ewwel wieħed;

(b) l-obbligu li għalih il-bejjiegħ ma għandu l-ebda garanzija jew l-inqas garanzija;

(c) l-obbligu li huwa tal-aktar piż għax-xerrej;

(d) l-obbligu li jirriżulta l-ewwel.

Jekk l-ebda wieħed minn dawk il-kriterji ma japplika, il-ħlas jiġi imputat b’mod proporzjonat għall-obbligi kollha.

5. Il-ħlas jista’ jiġi imputat taħt il-paragrafu 2, 3 jew 4 għal obbligu li mhuwiex infurzabbli minħabba preskrizzjoni biss jekk ma jkun hemm l-ebda obbligu ieħor li għalih jista’ jiġi imputat il-ħlas skont dawk il-paragrafi.

6. B’relazzjoni għal kwalunkwe obbligu waħdieni, ħlas mix-xerrej għandu jiġi imputat, l-ewwel nett, għall-ispejjeż, it-tieni għall-imgħax, u t-tielet nett, għall-kapital, sakemm il-bejjiegħ ma jagħmilx imputazzjoni differenti.

Taqsima 3        Teħid tal-kunsinna

Artikolu 129 Teħid tal-kunsinna

Ix-xerrej jissodisfa l-obbligu li jieħu l-kunsinna billi:

(a)          jagħmel l-atti kollha li jistgħu jkunu mistennija sabiex il-bejjiegħ ikun jista’ jwettaq l-obbligu li jagħmel il-kunsinna; u         

(b)          jieħu f’idejh il-merkanzija, jew id-dokumenti li jirrappreżentaw il-merkanzija jew il-kontenut diġitali, kif ikun mitlub mill-kuntratt.

Artikolu 130 Kunsinna bikrija u kunsinna ta’ kwantità ħażina

1. Jekk il-bejjiegħ jikkunsinna l-merkanzija jew jipprovdi l-kontenut diġitali qabel iż-żmien iffissat, ix-xerrej irid jieħu l-kunsinna sakemm ix-xerrej ma jkollux interess leġittimu li jirrifjuta li jagħmel dan.

2. Jekk il-bejjiegħ jikkonsenja kwantità ta’ merkanzija jew kontenut diġitali inqas minn dik ipprovduta fil-kuntratt, ix-xerrej irid jieħu l-kunsinna sakemm ix-xerrej ma jkollux interess leġittimu li jirrifjuta li jagħmel dan.

3. Jekk il-bejjiegħ jikkonsenja kwantità ta' merkanzija jew kontenut diġitali ikbar minn dik ipprovduta mill-kuntratt, ix-xerrej jista’ jżomm jew jirrifjuta l-kwantità żejda.

4. Jekk ix-xerrej iżomm il-kwantità żejda, din titqies bħala li ġiet ipprovduta skont il-kuntratt u trid tiġi mħallsa skont ir-rata kuntrattwali.

5. F’kuntratt ta’ bejgħ lil konsumatur, il-paragrafu 4 ma japplikax jekk ix-xerrej raġonevolment jemmen li l-bejjiegħ ikkunsinna l-kwantità żejda intenzjonalment u mingħajr żball, billi kien jaf li din ma kinitx ġiet ordnata.

6. Dan l-Artikolu ma japplikax għal kuntratti għall-fornitura ta’ kontenut diġitali fejn il-kontenut diġitali ma jiġix ipprovdut inkambju għall-ħlas ta’ prezz.

Kapitolu 13        Rimedji tal-bejjiegħ

Taqsima 1        Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 131 Rimedji tal-bejjiegħ b’mod ġenerali

1. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mix-xerrej, il-bejjiegħ jista’ jeżerċita kwalunkwe wieħed mir-rimedji li ġejjin:

(a) jeżiġi t-twettiq skont it-Taqsima 2 ta’ dan il-Kapitolu;

(b) jissospendi t-twettiq tiegħu stess skont it-Taqsima 3 ta’ dan il-Kapitolu;

(c) jittermina l-kuntratt skont it-Taqsima 4 ta’ dan il-Kapitolu; u

(d) jitlob l-imgħax fuq il-prezz jew id-danni taħt il-Kapitolu 16.

2. Jekk in-nuqqas ta’ twettiq tax-xerrej ikun skużata, il-bejjiegħ jista’ jirrikorri għal kwalunkwe wieħed mir-rimedji msemmija fil-paragrafu 1 ħlief li jeżiġi t-twettiq u d-danni.

3. Il-bejjiegħ ma jista’ jirrikorri għall-ebda wieħed mir-rimedji msemmija fil-paragrafu 1 sa fejn il-bejjiegħ ikun ikkawża n-nuqqas ta’ twettiq tax-xerrej.

4. Ir-rimedji li ma jkunux inkompatibbli jistgħu jiġu akkumulati.

Taqsima 2        Twettiq ta’ obbligi mitlub

Artikolu 132 Twettiq tal-obbligi tax-xerrej mitlub

1. Il-bejjiegħ huwa intitolat jirkupra l-ħlas tal-prezz meta jkun dovut, u li jeżiġi t-twettiq ta’ kwalunkwe obbligu ieħor li daħal għalih ix-xerrej.

2. Fejn ix-xerrej ma jkunx għadu ħa f’idejh il-merkanzija jew il-kontenut diġitali u jidher ċar li x-xerej mhux se jkun lest li jirċievi l-kunsinna, il-bejjiegħ madankollu jista’ jeżiġi li x-xerrej jieħu l-kunsinna u jista’ jirkupra l-prezz, sakemm il-bejjiegħ ma setax għamel tranżazzjoni sostituta raġonevoli mingħajr sforz jew spiża sinifikanti.

Taqsima 3        Sospensjoni tat-twettiq tal-obbligi tal-bejjiegħ

Artikolu 133 Dritt ta’ sospensjoni tat-twettiq ta’ obbligi

1. Bejjiegħ li għandu jwettaq l-obbligi tiegħu fl-istess żmien bħal jew wara li x-xerrej iwettaq l-obbligi tiegħu għandu dritt li jissospendi t-twettiq tal-obbligi tiegħu sakemm ix-xerrej ikun offra li jwettaq l-obbligi tiegħu jew ikun wettaqhom.

2. Bejjiegħ li għandu jwettaq l-obbligi tiegħu qabel ma x-xerrej iwettaq l-obbligi tiegħu u li raġonevolment jemmen li mhuwiex se jwettaq l-obbligi tiegħu meta x-xerrej ikun wasallu ż-żmien biex jagħmel dan jista’ jissospendi t-twettiq tal-obbligi tiegħu sakemm jibqa’ raġonevolment jemmen dan. Madankollu, id-dritt li jissospendi t-twettiq tal-obbligi jintilef jekk ix-xerrej jagħti assigurazzjoni adegwata li se jwettaq l-obbligi dovuti jew jipprovdi garanzija adegwata.

3. It-twettiq tal-obbligi li jista’ jiġi sospiż taħt dan l-Artikolu huwa t-twettiq sħiħ jew parzjali sal-punt ġustifikat min-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi. Fejn l-obbligi tax-xerrej għandhom jitwettqu f’partijiet separati jew huma diviżibbli mod ieħor, il-bejjiegħ jista’ jissospendi t-twettiq tal-obbligi biss fir-rigward ta’ dik il-parti li ma tkunx ġiet imwettqa, sakemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi tax-xerrej ma jkunx tali li jiġġustifika s-sospensjoni tat-twettiq tal-obbligi tal-bejjiegħ fl-intier tiegħu.

Taqsima 4        Terminazzjoni

Artikolu 134 Terminazzjoni minħabba nuqqas fundamentali ta’ twettiq ta’ obbligi

Bejjiegħ jista' jittermina l-kuntratt skont it-tifsira tal-Artikolu 8 jekk in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tax-xerrej skont il-kuntratt ikun fundamentali skont it-tifsira tal-Artikolu 87(2).

Artikolu 135 Terminazzjoni minħabba dewmien wara notifika li tiffissa żmien addizzjonali għat-twettiq ta’ obbligi

1. Bejjiegħ jista’ jittermina kuntratt f’każ ta’ dewmien fit-twettiq ta’ obbligi li ma jkunx minnu nnifsu fundamentali jekk il-bejjiegħ, permezz ta’ notifika, jiffissa perjodu ta’ żmien addizzjonali ta’ tul raġoenvoli għat-twettiq tal-obbligi u x-xerrej ma jwettaqx l-obbligi tiegħu f’dak il-perjodu.

2. Il-perjodu jitqies li huwa ta’ tul raġonevoli jekk ix-xerrej ma joġġezzjonax għalih mingħajr dewmien żejjed. Fir-relazzjonijiet bejn kummerċjant u konsumatur, iż-żmien addizzjonali għat-twettiq tal-obbligi m’għandux jispiċċa qabel il-perjodu ta’ 30 jum msemmi fl-Artikolu 167(2).

3. Fejn in-notifika tipprovdi għal terminazzjoni awtomatika jekk ix-xerrej ma jwettaqx l-obbligi tiegħu fil-perjodu ffissat min-notifika, it-terminazzjoni tidħol fis-seħħ wara li jiskadi dak il-perjodu mingħajr notifika ulterjuri.

4. F’kuntratt ta’ bejgħ lil konsumatur, il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Artikolu 136 Terminazzjoni fil-każ ta' nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi antiċipat

Bejjiegħ jista’ jittermina l-kuntratt qabel ma jkun dovut it-twettiq tal-obbligi jekk ix-xerrej ikun iddikjara, jew ikun ċar b’xi mod ieħor, li mhux se jkun hemm twettiq ta’ obbligi, u jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi jkun fundamentali.

Artikolu 137 Kamp ta' applikazzjoni tad-dritt għat-terminazzjoni

1.         Fejn l-obbligi tax-xerrej skont il-kuntratt għandhom jitwettqu f’partijiet separati jew       jekk huma diviżibbli b’mod ieħor, jekk ikun hemm raġuni għat-terminazzjoni skont   din it-Taqsima ta’ parti li tikkorrispondi għal parti diviżibbli tal-obbligi tal-bejjiegħ, il-   bejjiegħ jista’ jittermina biss fir-rigward ta’ dik il-parti.

2.         Il-paragrafu 1 ma japplikax jekk in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi jkun fundamentali        b’relazzjoni mal-kuntratt fl-intier tiegħu.

3.         Fejn l-obbligi tax-xerrej skont il-kuntratt ma għandhomx jitwettqu f’partijiet separati,      il-bejjiegħ jista’ jittermina biss jekk in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi jkun fundamentali       b’relazzjoni mal-kuntratt fl-intier tiegħu.

Artikolu 138 Notifika ta’ terminazzjoni

Dritt għat-terminazzjoni tal-kuntratt taħt din it-Taqsima jiġi eżerċitat permezz ta’ notifika lix-xerrej.

Artikolu 139 Telf tad-dritt għat-terminazzjoni

1. Fejn it-twettiq tal-obbligi ġie offrut tard jew it-twettiq tal-obbligi offrut b’xi mod ieħor mhuwiex konformi mal-kuntratt, il-bejjiegħ jitlef id-dritt għat-terminazzjoni taħt din it-Taqsima sakemm ma tingħatax notifika ta’ terminazzjoni fi żmien raġonevoli minn meta l-bejjiegħ sar jew seta’ jkun mistenni li sar konxju mill-offerta jew min-nuqqas ta’ konformità.

2. Bejjiegħ jitlef id-dritt għat-terminazzjoni permezz ta’ notifika taħt l-Artikolu 136 sakemm il-bejjiegħ ma jagħtix notifika ta’ terminazzjoni fi żmien raġonevoli wara li rriżulta d-dritt.

3. Fejn ix-xerrej ma ħallasx il-prezz jew b’xi mod ieħor li huwa fundamentali ma wettaqx l-obbligi tiegħu, il-bejjiegħ iżomm id-dritt għat-terminazzjoni.

Kapitolu 14        Trasferiment tar-riskju

Taqsima 1        Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 140 Effett tat-trasferiment tar-riskju

It-telf ta’ jew il-ħsara lill-merkanzija jew lill-kontenut diġitali wara li r-riskju ġie ttrasferit lix-xerrej ma jeħlisx lix-xerrej mill-obbligu li jħallas il-prezz, sakemm it-telf jew il-ħsara ma jkunux dovuti għal att jew għal omissjoni tal-bejjiegħ.

Artikolu 141 Identifikazzjoni tal-merkanzija jew tal-kontenut diġitali mal-kuntratt

Ir-riskju ma jiġix ittrasferit lix-xerrej sakemm il-merkanzija jew il-kontenut diġitali ma jiġux identifikati b’mod ċar bħala l-merkanzija jew il-kontenut diġitali li għandhom jiġu pprovduti skont il-kuntratt, irrispettivament minn jekk hux bil-ftehim inizjali, b’notifika mogħtija lix-xerrej jew b’xi mod ieħor.

Taqsima 2        Trasferiment tar-riskju f’kuntratti ta’ bejgħ lil konsumatur

Artikolu 142 Trasferiment tar-riskju f’kuntratti ta’ bejgħ lil konsumatur

1. F’kuntratt ta’ bejgħ lil konsumatur, ir-riskju jiġi trasferit meta l-konsumatur jew parti terza magħżula mill-konsumatur, li ma tkunx it-trasportatur, ikun kiseb il-pussess fiżiku tal-merkanzija jew il-mezz tanġibbli li fuqu jkun ipprovdut il-kontenut diġitali.

2. F’kuntratt għall-fornitura ta’ kontenut diġitali li ma ġiex ipprovdut fuq mezz tanġibbli, ir-riskju jiġi trasferit meta l-konsumatur jew parti terza magħżula mill-konsumatur għal dan il-għan ikun kiseb il-kontroll tal-kontenut diġitali.

3. Ħlief fejn il-kuntratt ikun kuntratt mill-bogħod jew barra mill-post tan-negozju, il-paragrafi 1 u 2 ma japplikawx fejn il-konsumatur jonqos milli jwettaq l-obbligu li jieħu f’idejh il-merkanzija jew il-kontenut diġitali u n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ma jkunx skużat taħt l-Artikolu 88. F’dan il-każ, ir-riskju jiġi ttrasferit fiż-żmien meta l-konsumatur jew il-parti terza magħżula mill-konsumatur, ikun kiseb il-pussess fiżiku tal-merkanzija jew kiseb il-kontroll tal-kontenut diġitali li kieku twettaq l-obbligu li jeħodhom f’idejh.

4. Fejn il-konsumatur jagħmel arranġamenti għat-trasport tal-merkanzija jew tal-kontenut diġitali pprovduti fuq mezz tanġibbli u dik l-għażla ma kinitx offruta mill-kummerċjant, ir-riskju jiġi ttrasferit meta l-merkanzija jew il-kontenut diġitali pprovdut fuq mezz tanġibbli jgħaddu għand it-trasportatur, bla ħsara għad-drittijiet tal-konsumatur kontra t-trasportatur.

5. Il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Taqsima 3        Trasferiment tar-riskju f’kuntratti bejn kummerċjanti

Artikolu 143 Żmien meta r-riskju jiġi ttrasferit

1. F’kuntratt bejn kummerċjanti, ir-riskju jiġi ttrasferit meta x-xerrej jieħu l-kunsinna tal-merkanzija jew tal-kontenut diġitali jew tad-dokumenti li jirrappreżentaw il-merkanzija.

2. Il-paragrafu 1 huwa soġġett għall-Artikoli 144, 145 u 146.

Artikolu 144 Merkanzija mqiegħda għad-dispożizzjoni tax-xerrej

1. Jekk il-merkanzija jew il-kontenut diġitali jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tax-xerrej u x-xerrej ikun konxju minn dan, ir-riskju jiġi ttrasferit lix-xerrej fiż-żmien meta l-merkanzija jew il-kontenut diġitali suppost li ttieħdu, sakemm ix-xerrej ma kienx intitolat li jissospendi t-teħid tal-kunsinna skont l-Artikolu 113.

2. Jekk il-merkanzija jew il-kontenut diġitali jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tax-xerrej f’post ieħor għajr il-post tan-negozju tal-bejjiegħ, ir-riskju jiġi ttrasferit meta tkun dovuta l-kunsinna u x-xerrej ikun konxju mill-fatt li l-merkanzija jew il-kontenut diġitali tqiegħdu għad-dispożizzjoni tax-xerrej f’dak il-post.

Artikolu 145 Trasport tal-merkanzija

1. Dan l-Artikolu japplika għal kuntratt ta’ bejgħ li jinvolvi t-trasport ta' merkanzija.

2. Jekk il-bejjiegħ ma jkunx marbut li jgħaddi l-merkanzija f’post partikolari, ir-riskju jiġi ttrasferit lix-xerrej meta l-merkanzija tgħaddi għand l-ewwel trasportatur biex tiġi trażmessa lix-xerrej skont il-kuntratt.

3. Jekk il-bejjiegħ ikun marbut li jgħaddi l-merkanzija lil trasportatur f’post partikolari, ir-riskju ma jiġix ittrasferit lix-xerrej sakemm il-merkanzija ma tgħaddix għand it-trasportatur f’dak il-post.

4. Il-fatt li l-bejjiegħ ikun awtorizzat iżomm id-dokumenti li jikkontrollaw id-disponiment tal-merkanzija ma jaffettwax it-trasferiment tar-riskju.

Artikolu 146 Merkanzija mibjugħa fi tranżitu

1. Dan l-Artikolu japplika għal kuntratt ta’ bejgħ li jinvolvi merkanzija mibjugħa fi tranżitu.

2. Ir-riskju jiġi ttrasferit lix-xerrej miż-żmien meta l-merkanzija tgħaddi għand l-ewwel trasportatur. Madankollu, jekk iċ-ċirkustanzi jindikaw dan, ir-riskju jiġi ttrasferit lix-xerrej meta l-kuntratt jiġi konkluż.

3. Jekk fiż-żmien meta ġie konkluż il-kuntratt, il-bejjiegħ kien jaf jew seta’ jkun mistenni li kien jaf li l-merkanzija ntilfet jew saritilha l-ħsara u ma żvelax dan lix-xerrej, it-telf jew il-ħsara jkunu b’riskju għall-bejjiegħ.

Parti V   Obbligi u rimedji tal-partijiet f’kuntratt ta’ servizzi relatati

Kapitolu 15        Obbligi u rimedji tal-partijiet

Taqsima 1        Applikazzjoni ta’ ċerti regoli ġenerali dwar il-kuntratti ta’ bejgħ

Artikolu 147 Applikazzjoni ta’ ċerti regoli ġenerali dwar il-kuntratti ta’ bejgħ

1. Għall-finijiet ta’ din il-Parti japplikaw ir-regoli fil-Kapitolu 9.

2. Meta kuntratt ta’ bejgħ jew kuntratt għall-fornitura tal-kontenut diġitali jiġi tterminat kwalunkwe kuntratt ta’ servizzi relatati jiġi tterminat ukoll.

Taqsima 2        Obbligi tal-fornitur ta’ servizzi

Artikolu 148 Obbligu li jinkiseb riżultat u obbligu ta’ attenzjoni u ta’ ħila

1. Il-fornitur ta’ servizzi jrid jikseb kwalunkwe riżultat speċifiku mitlub mill-kuntratt.

2. Fl-assenza ta’ kwalunkwe obbligu kuntrattwali espliċitu jew impliċitu biex jinkiseb riżultat speċifiku, il-fornitur ta’ servizzi jrid iwettaq is-servizz relatat b’dik l-attenzjoni u b’dik il-ħila li fornitur raġonevoli ta’ servizzi jeżerċita u f’konformità ma’ kwalunkwe regola legali statutorja jew vinkolanti oħra li tkun applikabbli għas-servizz relatat.

3. Fid-determinazzjoni tal-attenzjoni u tal-ħila raġonevoli mitluba mill-fornitur ta’ servizzi, għandhom jitqiesu, fost l-oħrajn:

(a) in-natura, id-daqs, il-frekwenza u l-prevedibbiltà tar-riskji involuti fit-twettiq tas-servizz relatat għall-klijent;

(b) jekk tkun saret ħsara, l-ispejjeż ta’ kwalunkwe prekawzjoni li kieku kienet timpedixxi dik il-ħsara jew ħsara simili milli tiġri; u

(c) iż-żmien disponibbli għat-twettiq tas-servizz relatat.

4. Fejn f'kuntratt bejn kummerċjant u konsumatur is-servizz relatat jinkludi installazzjoni tal-merkanzija, l-installazzjoni trid issir b'tali mod li l-merkanzija installata tkun konformi mal-kuntratt kif meħtieġ mill-Artikolu 101.

5. Fir-relazzjonijiet bejn kummerċjant u konsumatur, il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni tal-paragrafu 2 jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Artikolu 149 Obbligu biex jiġu evitati danni

Il-fornitur ta’ servizzi jrid jieħu prekawzjonijiet raġonevoli sabiex jimpedixxi li jsir kwalunkwe dannu lill-merkanzija jew lill-kontenut diġitali, jew korriment fiżiku jew kwalunkwe telf ieħor jew danni oħrajn matul jew bħala konsegwenza tat-twettiq tas-servizz relatat.

Artikolu 150 Twettiq ta’ obbligi minn parti terza

1. Fornitur ta' servizzi jista’ jafda t-twettiq tal-obbligi f’idejn persuna oħra, sakemm ma jkunx mitlub li t-twettiq tal-obbligi jsir personalment mill-fornitur ta’ servizzi.

2. Fornitur ta’ servizzi li jafda t-twettiq tal-obbligi f’idejn persuna oħra jibqa’ responsabbli għat-twettiq.

3. Fir-relazzjonijiet bejn kummerċjant u konsumatur, il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni tal-paragrafu 2 jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Artikolu 151 Obbligu li tiġi pprovduta fattura

Meta għas-servizz relatat ikun pagabbli prezz separat, u l-prezz ma jkunx somma waħda miftiehma fiż-żmien meta ġie konkluż il-kuntratt, il-fornitur ta’ servizzi jrid jipprovdi lill-klijent b’fattura li tispjega, b’mod ċar u li jinftiehem, kif il-prezz ġie kkalkolat.

Artikolu 152 Obbligu ta’ twissija dwar spiża mhux mistennija jew mhux ekonomika

1. Il-fornitur ta’ servizzi jrid iwissi lill-klijent u jfittex il-kunsens tal-klijent biex jipproċedi jekk:

(a) l-ispiża tas-servizz relatat tkun ikbar minn kif il-fornitur ta’ servizzi diġà indika lill-klijent; jew

(b) is-servizz relatat jiġi jqum aktar mill-valur tal-merkanzija jew tal-kontenut diġitali wara li s-servizz relatat ikun ġie pprovdut, sa fejn dan ikun magħruf mill-fornitur ta’ servizzi.

2. Fornitur ta’ servizzi li ma jiksibx il-kunsens tal-klijent skont il-paragrafu 1 mhuwiex intitolat għal prezz li jeċċedi l-ispiża diġà indikata, jew, skont il-każ, il-valur tal-merkanzija jew tal-kontenut diġitali wara li jkun ġie pprovdut is-servizz relatat.

Taqsima 3        Obbligi tal-klijent

Artikolu 153 Ħlas tal-prezz

1. Il-klijent irid iħallas kwalunkwe prezz li jkun pagabbli għas-servizz relatat skont il-kuntratt.

2. Il-prezz ikun pagabbli meta s-servizz relatat ikun ikkompletat u l-għan tas-servizz relatat ikun disponibbli għall-klijent.

Artikolu 154 Provvista ta’ aċċess

Fejn ikun meħtieġ li l-fornitur ta’ servizzi jikseb aċċess għall-bini tal-klijent sabiex iwettaq is-servizz relatat, il-klijent irid jipprovdi tali aċċess f’sigħat raġonevoli.

Taqsima 4        Rimedji

Artikolu 155 Rimedji tal-klijent

1. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mill-fornitur ta’ servizzi, il-klijent għandu, bl-adattamenti stabbiliti f’dan l-Artikolu, l-istess rimedji previsti għax-xerrej fil-Kapitolu 11, jiġifieri li:

(a) jeżiġi l-eżekuzzjoni speċifika;

(b) jissospendi t-twettiq tiegħu stess;

(c) jittermina l-kuntratt;

(d) inaqqas il-prezz; u

(e) jitlob id-danni.

2. Bla ħsara għall-paragrafu 3, ir-rimedji tal-klijent huma soġġetti għad-dritt ta’ ssanar tal-fornitur ta’ servizzi, irrispettivament minn jekk il-klijent ikunx konsumatur jew le.

3. Fil-każ ta’ installazzjoni inkorretta taħt kuntratt ta’ bejgħ lil konsumatur kif msemmi fl-Artikolu 101, ir-rimedji tal-konsumatur mhumiex soġġetti għad-dritt ta’ ssanar tal-fornitur ta’ servizzi.

4. Il-klijent, jekk ikun konsumatur, għandu d-dritt li jittermina l-kuntratt għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità fis-servizz relatat ipprovdut sakemm in-nuqqas ta’ konformità ma jkunx insinifikanti.

5. Il-Kapitolu 11 japplika bl-adattamenti neċessarji, b’mod partikolari:

(a) b’relazzjoni għad-dritt ta’ ssanar tal-fornitur ta’ servizzi, f’kuntratti bejn kummerċjant u konsumatur, il-perjodu raġonevoli taħt l-Artikolu 109(5) m’għandux jeċċedi 30 jum;

(b) b’relazzjoni għar-rimedjar ta’ twettiq ta’ obbligi li ma jkunx konformi, l-Artikoli 111 u 112 ma japplikawx; u

(c) l-Artikolu 156 japplika minflok l-Artikolu 122.

Artikolu 156 Rekwiżit ta' notifika ta’ nuqqas ta’ konformità f’kuntratti ta' servizzi relatati bejn kummerċjanti

1. F’kuntratt ta' servizzi relatati bejn kummerċjanti, il-klijent jista’ jinvoka n-nuqqas ta’ konformità biss jekk il-klijent jinnotifika lill-fornitur ta’ servizzi fi żmien raġonevoli fejn jispeċifika n-natura tan-nuqqas ta’ konformità.

Iż-żmien jibda jiddekorri minn meta s-servizz relatat ikun ikkompletat jew meta l-klijent jiskopri jew jista’ jkun mistenni li skopra n-nuqqas ta’ konformità, liema minnhom tiġi l-aktar tard.

2. Il-fornitur ta’ servizzi mhuwiex intitolat li jinvoka dan l-Artikolu jekk in-nuqqas ta’ konformità jkun relatat ma’ fatti li l-fornitur ta’ servizzi kien jaf jew seta’ jkun mistenni li kien jaf u li l-fornitur ta’ servizzi ma żvelax lill-klijent.

Artikolu 157 Rimedji tal-fornitur ta’ servizzi

1. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi mill-klijent, il-fornitur ta’ servizzi għandu, bl-adattament stabbiliti fil-paragrafu 2, l-istess rimedji previsti għall-bejjiegħ fil-Kapitolu 13, jiġifieri li:

(a) jeżiġi t-twettiq tal-obbligi;

(b) jissospendi t-twettiq tiegħu stess;

(c) jittermina l-kuntratt; u

(d) jitlob l-imgħax fuq il-prezz jew id-danni.

2. Il-Kapitolu 13 japplika bl-adattamenti neċessarji. B'mod partikolari l-Artikolu 158 japplika minflok l-Artikolu 132(2).

Artikolu 158 Dritt tal-klijent li jirrifjuta t-twettiq

1. Fi kwalunkwe ħin, il-klijent jista’ jinnotifika lill-fornitur ta’ servizzi li t-twettiq jew it-twettiq ulterjuri tas-servizz relatat ma għadux meħtieġ aktar.

2. Fejn tingħata notifika taħt il-paragrafu 1:

(a) il-fornitur ta’ servizzi ma jibqax ikollu aktar id-dritt jew l-obbligu li jipprovdi s-servizz relatat; u

(b) il-klijent, jekk ma jkun hemm l-ebda raġuni ta' terminazzjoni taħt kwalunkwe dispożizzjoni oħra, jibqa’ obbligat li jħallas il-prezz bit-tnaqqis tal-ispejjeż li l-fornitur ta’ servizzi jkun iffranka jew li seta’ jkun mistenni li ffranka billi ma kellux jikkompleta t-twettiq.

3. Fir-relazzjonijiet bejn kummerċjant u konsumatur, il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Parti VI  Danni u imgħax

Kapitolu 16        Danni u imgħax

Taqsima 1        Danni

Artikolu 159  Dritt għad-danni

1. Kreditur huwa intitolat għad-danni għal telf ikkawżat min-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mid-debitur, sakemm in-nuqqas ta’ twettiq ma jkunx skużat.

2. It-telf li għalih ikunu jistgħu jiġu rkuprati d-danni jinkludi t-telf futur li jkun mistenni li jġarrab id-debitur.

Artikolu 160 Kejl ġenerali tad-danni

Il-kejl ġenerali tad-danni għat-telf ikkawżat minn nuqqas ta’ twettiq ta' obbligu huwa somma li tqiegħed lill-kreditur fil-pożizzjoni li l-kreditur kien ikun fiha li kieku l-obbligu twettaq b’mod xieraq, jew meta dan ma jkunx possibbli, f'pożizzjoni li tkun kemm jista' jkun qrib ta’ dik il-pożizzjoni. Tali danni jkopru t-telf li l-kreditur ġarrab u l-qligħ li minnu ġie mċaħħad il-kreditur.

Artikolu 161 Prevedibbiltà tat-telf

Id-debitur huwa responsabbli biss għat-telf li d-debitur ippreveda jew li seta’ jkun mistenni li ppreveda fiż-żmien meta ġie konkluż il-kuntratt bħala riżultat tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi.

Artikolu 162 Telf attribwibbli lill-kreditur

Id-debitur mhuwiex responsabbli għat-telf imġarrab mill-kreditur sa fejn il-kreditur ikkontribwixxa għan-nuqqas tat-twettiq ta’ obbligi jew għall-effetti ta’ tali nuqqas ta’ twettiq.

Artikolu 163 Tnaqqis tat-telf

1. Id-debitur mhuwiex responsabbli għat-telf imġarrab mill-kreditur sa fejn il-kreditur seta’ naqqas it-telf billi ħa passi raġonevoli.

2. Il-kreditur huwa intitolat li jirkupra kwalunkwe spiża li jkun raġonevolment ġarrab sabiex ipprova jnaqqas it-telf.

Artikolu 164 Tranżazzjoni sostituta

Kreditur li jkun ittermina kuntratt b’mod sħiħ jew parzjali u jkun għamel tranżazzjoni sostituta fi żmien raġonevoli u b’mod raġonevoli jista’, sa fejn ikun intitolat għad-danni, jirkupra d-differenza bejn il-valur ta’ dak li kien ikun pagabbli skont il-kuntratt itterminat u l-valur ta’ dak li huwa pagabbli skont it-tranżazzjoni sostituta, kif ukoll id-danni għal kwalunkwe telf ulterjuri.

Artikolu 165 Prezz kurrenti

Fejn il-kreditur ikun ittermina l-kuntratt imma ma jkunx għamel tranżazzjoni sostituta imma jkun hemm prezz kurrenti għat-twettiq tal-obbligi, il-kreditur jista’, sa fejn ikun intitolat għad-danni, jirkupra d-differenza bejn il-prezz tal-kuntratt u l-prezz kurrenti fiż-żmien tat-terminazzjoni kif ukoll id-danni għal kwalunkwe telf ulterjuri.

Taqsima 2: L-imgħax fuq ħlasijiet tardivi: dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 166 Imgħax fuq ħlasijiet tardivi

1. Fejn ikun hemm dewmien fil-ħlas ta’ somma ta’ flus, il-kreditur huwa intitolat, mingħajr ma jkun hemm għalfejn tingħata notifika, għall-imgħax fuq dik is-somma miż-żmien meta jkun dovut il-ħlas saż-żmien tal-ħlas bir-rata speċifikata fil-paragrafu 2.

2. Ir-rata tal-imgħax għal dewmien fil-ħlas hija:

(a) meta r-residenza abitwali tal-kreditur hija fi Stat Membru li qiegħed jipparteċipa fit-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja jew fi Stat terz ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-aktar operazzjoni ta’ rifinanzjament prinċipali reċenti tiegħu mwettqa qabel l-ewwel jum kalendarju tas-semestru inkwistjoni, jew ir-rata tal-imgħax marġinali li tirriżulta mill-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti b’rata varjabbli għall-aktar operazzjonijiet ta’ rifinanzjament prinċipali reċenti tal-Bank Ċentrali Ewropew biż-żieda ta' żewġ punti perċentwali;

(b) meta r-residenza abitwali tal-kreditur tkun fi Stat Membru li l-munita tiegħu ma tkunx l-ewro, ir-rata ekwivalenti stabbilita mill-bank ċentrali nazzjonali ta' dak l-Istat Membru, biż-żieda ta' żewġ punti perċentwali.

3. Il-kreditur jista’ jirkupra d-danni għal kwalunkwe telf ulterjuri.

Artikolu 167 Imgħax meta d-debitur ikun konsumatur

1. Meta d-debitur ikun konsumatur, l-imgħax għad-dewmien fil-ħlas ikun dovut bir-rata prevista fl-Artikolu 166 biss meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi ma jkunx skużat.

2. L-imgħax ma jibdiex jiddekorri qabel 30 jum wara li l-kreditur ikun innotifika lid-debitur fejn speċifika l-obbligu li jitħallas l-imgħax u r-rata tiegħu. In-notifika tista’ tingħata qabel id-data meta jkun dovut il-ħlas.

3. Kundizzjoni kuntrattwali li tiffissa rata ta’ imgħax ogħla minn dik prevista fl-Artikolu 166, jew żmien li minnu jibda jiddekorri l-imgħax aktar kmieni miż-żmien speċifikat fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma huwiex vinkolanti sa fejn dan ikun inġust skont l-Artikolu 83.

4. L-imgħax għal dewmien fil-ħlas ma jistax jiġi miżjud mal-kapital sabiex jipproduċi imgħax.

5. Il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Taqsima 3        Ħlasijiet tardivi mill-kummerċjanti

Artikolu 168 Rata tal-imgħax u d-dovuti

1. Fejn kummerċjant iħallas tardivament prezz dovut skont kuntratt għall-kunsinna ta’ merkanzija, għall-fornitura ta’ kontenut diġitali jew għall-fornitura ta’ servizzi relatati mingħajr ma jkun skużat skont l-Artikolu 88, l-imgħax ikun dovut bir-rata speċifikata fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

2. L-imgħax bir-rata speċifikata fil-paragrafu 5 jibda jiddekorri l-għada tad-data jew ta’ tmiem il-perjodu għall-ħlas previst fil-kuntratt. Jekk ma jkun hemm l-ebda data jew perjodu ta’ din ix-xorta, l-imgħax b’dik ir-rata jibda jiddekorri:

(a) 30 jum wara d-data meta d-debitur jirċievi l-fattura jew talba ekwivalenti għal ħlas; jew

(b) 30 jum wara d-data meta jirċievi l-merkanzija, il-kontenut diġitali jew is-servizzi relatati, jekk id-data prevista fil-punt (a) tkun aktar kmieni jew inċerta, jew jekk ikun inċert jekk id-debitur irċeviex fattura jew talba ekwivalenti għal ħlas.

3. Fejn il-konformità tal-merkanzija, tal-kontenut diġitali jew tas-servizzi relatati mal-kuntratt għandha tiġi aċċertata permezz ta’ aċċettazzjoni jew ta’ eżami, il-perjodu ta’ 30 jum previst fil-punt (b) tal-paragrafu 2 jibda fid-data tal-aċċettazzjoni jew fid-data meta l-proċedura ta’ eżami tiġi ffinalizzata. It-tul massimu tal-proċedura ta’ eżami ma jistax jeċċedi 30 jum kalendarju mid-data tal-kunsinna tal-merkanzija, tal-fornitura tal-kontenut diġitali jew tal-fornitura tas-servizzi relatati, sakemm il-partijiet ma jiftiehmux espressament mod ieħor u dak il-ftehim ma jkunx inġust skont l-Artikolu 170.

4. Il-perjodu għall-ħlas iddeterminat taħt il-paragrafu 2 ma jistax jeċċedi 60 jum, sakemm il-partijiet ma jiftiehmux espressament mod ieħor u dak il-ftehim ma jkunx inġust skont l-Artikolu 170.

5. Ir-rata tal-imgħax għal dewmien fil-ħlas hija:

(a) meta r-residenza abitwali tal-kreditur hija fi Stat Membru li qiegħed jipparteċipa fit-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja jew fi Stat terz, ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-aktar operazzjoni ta’ rifinanzjament prinċipali reċenti tiegħu mwettqa qabel l-ewwel jum kalendarju tas-semestru inkwistjoni jew ir-rata tal-imgħax marġinali li tirriżulta mill-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti b’rata varjabbli għall-aktar operazzjonijiet ta’ rifinanzjament prinċipali reċenti tal-Bank Ċentrali Ewropew, biż-żieda ta' tmien punti perċentwali;

(b) meta r-residenza abitwali tal-kreditur tkun Fi Stat Membru li l-munita tiegħu ma tkunx l-ewro, ir-rata ekwivalenti stabbilita mill-bank ċentrali nazzjonali ta' dak l-Istat Membru, biż-żieda ta' żewġ punti perċentwali.

6. Il-kreditur jista’ jirkupra d-danni għal kwalunkwe telf ulterjuri.

Artikolu 169 Kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru

1. Fejn l-imgħax ikun pagabbli skont l-Artikolu 168, il-kreditur huwa intitolat li jikseb mingħand id-debitur, bħala minimu, somma fissa ta’ EUR 40 jew is-somma ekwivalenti fil-munita miftiehma għall-prezz tal-kuntratt bħala kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru tal-kreditur.

2. Il-kreditur huwa intitolat li jikseb mingħand id-debitur kumpens raġonevoli għal kwalunkwe spiża tal-irkupru li teċċedi s-somma fissa msemmija fil-paragrafu 1 u li jkun ġarrab minħabba l-ħlas tardiv tad-debitur.

Artikolu 170 Kundizzjonijiet kuntrattwali inġusti relatati mal-imgħax għal ħlas tardiv

1. Kundizzjoni kuntrattwali relatata mad-data jew mal-perjodu għall-ħlas, mar-rata tal-imgħax għal ħlas tardiv jew mal-kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru mhijiex vinkolanti sa fejn il-kundizzjoni tkun inġusta. Kundizzjoni tkun inġusta jekk tiddevja gravement mill-prattika kummerċjali tajba, għall-kuntrarju tal-bona fidi u n-negozjar ġust, meta wieħed iqis iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, inkluża n-natura tal-merkanzija, tal-kontenut diġitali jew tas-servizz relatat.

2. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, kundizzjoni kuntrattwali li tipprovdi għal żmien jew perjodu għall-ħlas jew rata ta’ imgħax inqas favorevoli għall-kreditur miż-żmien, il-perjodu jew ir-rata speċifikati fl-Artikoli 167 jew 168, jew kundizzjoni li tipprovdi għal ammont ta’ kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru inqas mill-ammont speċifikat fl-Artikolu 169 huwa preżunt li hija inġusta.

3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, kundizzjoni kuntrattwali li teskludi l-imgħax għal ħlas tardiv jew kumpens għall-ispejjeż tal-irkupru hija dejjem inġusta.

Artikolu 171 Natura mandatorja

Il-partijiet ma jistgħux jeskludu l-applikazzjoni ta’ din it-Taqsima jew jidderogaw mill-effetti tagħha jew ivarjawhom.

Parti VII Restituzzjoni

Kapitolu 17 Restituzzjoni

Artikolu 172 Restituzzjoni mal-annullament jew mat-terminazzjoni

1. Fejn kuntratt jiġi annullat jew itterminat minn kwalunkwe waħda mill-partijiet, kull parti hija obbligata tirritorna dak li dik il-parti (“il-benefiċjarju”) tkun irċeviet mingħand il-parti l-oħra.

2. L-obbligu li jiġi rritornat dak li ġie riċevut jinkludi kwalunkwe frott naturali u legali derivat minn dak li ġie riċevut.

3. Mat-terminazzjoni tal-kuntratt li jitwettaq f’porzjonijiet jew f’partijiet, ir-ritorn ta’ dak li ġie riċevut mhuwiex mitlub b’relazzjoni għal kwalunkwe porzjon jew parti fejn l-obbligi fuq iż-żewġ naħat ġew imwettqa b’mod sħiħ, jew fejn il-prezz għal dak li sar jibqa’ pagabbli skont l-Artikolu 8(2), ħlief jekk in-natura tal-kuntratt tkun tali li dak it-twettiq parzjali ma jkollu l-ebda valur għal waħda mill-partijiet.

Artikolu 173 Ħlas għall-valur monetarju

1. Fejn dak li ġie riċevut, inklużi l-frottijiet fejn dan ikun rilevanti, ma jistax jiġi ritornat, jew, fil-każ ta’ kontenut diġitali irrispettivament minn jekk ġiex ipprovdut jew le fuq mezz tanġibbli, il-benefiċjarju jrid iħallas il-valur monetarju tiegħu. Fejn ir-ritorn huwa possibbli imma jikkawża sforz jew spiża irraġonevoli, il-benefiċjarju jista’ jagħżel li jħallas il-valur monetarju, sakemm dan ma jagħmilx ħsara lill-interessi patrimonjali tal-parti l-oħra.

2. Il-valur monetarju tal-merkanzija huwa l-valur li kieku kien ikollha fid-data meta għandu jsir il-ħlas tal-valur monetarju li kieku l-merkanzija nżammet mill-benefiċjarju mingħajr qerda jew ħsara sa dik id-data.

3. Fejn kuntratt ta’ servizzi relatati jiġi annullat jew itterminat mill-klijent wara li s-servizz relatat ikun twettaq jew twettaq parzjalment, il-valur monetarju ta’ dak li ġie riċevut huwa l-ammont li l-klijent iffranka billi rċieva s-servizz relatat.

4. Fil-każ ta’ kontenut diġitali, il-valur monetarju ta’ dak li ġie riċevut huwa l-ammont li l-klijent iffranka billi uża l-kontenut diġitali.

5. Fejn il-benefiċjarju jkun kiseb sostitut fi flus jew in natura inkambju għal merkanzija jew għal kontenut diġitali meta l-benefiċjarju kien jaf jew seta’ jkun mistenni li kien jaf bir-raġuni għall-annullament jew għat-terminazzjoni, il-parti l-oħra tista’ tagħżel li titlob is-sostitut jew il-valur monetarju tas-sostitut. Benefiċjarju li kiseb sostitut fi flus jew in natura inkambju għal merkanzija jew għal kontenut diġitali meta l-benefiċjarju ma kienx jaf u ma setax ikun mistenni li jkun jaf bir-raġuni għall-annullament jew għat-terminazzjoni jista’ jagħżel li jirritorna l-valur monetarju tas-sostitut jew is-sostitut.

6. Fil-każ ta’ kontenut diġitali li ma jiġix fornut bi ħlas ta’ prezz, ma ssir l-ebda restituzzjoni.

Artikolu 174 Ħlas għall-użu u l-imgħax fuq il-flus riċevuti

1. Benefiċjarju li għamel użu mill-merkanzija jrid iħallas lill-parti l-oħra l-valur monetarju ta’ dak l-użu għal kwalunkwe perjodu fejn:

(a) il-benefiċjarju kkawża r-raġuni għall-annullament jew għat-terminazzjoni;

(b) il-benefiċjarju, qabel ma beda dak il-perjodu, kien konxju mir-raġuni għall-        annullament jew għat-terminazzjoni; jew

(c) fid-dawl tan-natura tal-merkanzija, tan-natura u tal-ammont tal-użu u tad-disponibbiltà ta’ rimedji għajr it-terminazzjoni, ikun inekwu li l-benefiċjarju jitħalla jagħmel użu mingħajr ħlas tal-merkanzija għal dak il-perjodu.

2. Benefiċjarju li jkun obbligat jirritorna l-flus irid iħallas l-imgħax bir-rata stipulata fl-Artikolu 166, fejn:

(a) il-parti l-oħra tkun obbligata tħallas għall-użu; jew

(b) il-benefiċjarju ikun il-kawża għaliex il-kuntratt ikun ġie annullat minħabba frodi, theddid jew influwenza indebita.

3. Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, benefiċjarju mhuwa obbligat iħallas għall-użu tal-merkanzija riċevuta jew l-imgħax fuq il-flus riċevuti fl-ebda ċirkustanza għajr iċ-ċirkustanzi stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 175 Kumpens għal nefqa

1. Fejn benefiċjarju jkun ġarrab nefqa fuq il-merkanzija jew il-kontenut diġitali, il-benefiċjarju huwa intitolat għal kumpens sa fejn dik in-nefqa kienet ta’ benefiċċju għall-parti l-oħra bil-kundizzjoni li n-nefqa saret meta l-benefiċjarju ma kienx jaf u ma setax ikun mistenni li jkun jaf bir-raġuni għall-annullament jew għat-terminazzjoni.

2. Benefiċjarju li kien jaf jew li seta’ jkun mistenni li kien jaf bir-raġuni għall-annullament jew għat-terminazzjoni huwa intitolat għal kumpens biss għan-nefqa li kienet meħtieġa sabiex ikunu protetti l-merkanzija jew il-kontenut diġitali ħalli ma jintilfux jew ma jonqsilhomx il-valur, bil-kundizzjoni li l-benefiċjarju ma kellu l-ebda opportunità li jistaqsi għal parir mingħand il-parti l-oħra.

Artikolu 176 Modifika ekwa

Kwalunkwe obbligu ta’ ritorn jew ta’ ħlas taħt dan il-Kapitolu jista’ jiġi mmodifikat sa fejn it-twettiq tiegħu jkun ferm inekwu meta jitqies, b’mod partikolari, jekk il-parti ma kkawżatx jew ma kellhiex għarfien tar-raġuni għall-annullament jew għat-terminazzjoni.

Artikolu 177 Natura mandatorja

Fir-relazzjonijiet bejn kummerċjant u konsumatur il-partijiet ma jistgħux, għad-detriment tal-konsumatur, jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan il-Kapitolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

Parti VIII       Preskrizzjoni

Kapitolu 18        Preskrizzjoni

Taqsima 1 Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 178 Drittijiet soġġetti għal preskrizzjoni

Id-dritt li jiġi infurzat it-twettiq ta’ obbligu, u kwalunkwe dritt anċillari għal tali dritt, huwa soġġett għal preskrizzjoni bl-iskadenza ta’ perjodu ta’ żmien skont dan il-Kapitolu.

Taqsima 2 Perjodi ta’ preskrizzjoni u l-bidu tagħhom

Artikolu 179 Perjodi ta’ preskrizzjoni

1. Il-perjodu l-qasir ta' preskrizzjoni huwa ta’ sentejn.

2. Il-perjodu t-twil ta' preskrizzjoni huwa ta’ għaxar snin jew, fil-każ ta’ dritt għad-danni minħabba korrimenti personali, ta’ tletin sena.

Artikolu 180 Bidu

1. Il-perjodu l-qasir ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri miż-żmien meta l-kreditur sar jew seta’ jkun mistenni li sar konxju mill-fatti li b’riżultat tagħhom id-dritt jista’ jiġi eżerċitat.

2. Il-perjodu t-twil ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri miż-żmien meta d-debitur irid iwettaq l-obbligu, jew fil-każ ta’ dritt għad-danni, miż-żmien tal-att li ta lok għad-dritt.

3. Fejn id-debitur għandu obbligu kontinwu sabiex jagħmel jew joqgħod lura milli jagħmel xi ħaġa, il-kreditur jitqies li għandu dritt separat b’relazzjoni għal kull nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu.

Taqsima 3 Estensjoni tal-perjodi ta’ preskrizzjoni

Artikolu 181  Sospensjoni f’każ ta’ proċedimenti ġudizzjarji u proċedimenti ta’ xorta oħra

1. Id-dekorrenza taż-żewġ perjodi ta’ preskrizzjoni tiġi sospiża miż-żmien meta jinbdew il-proċedimenti ġudizzjarji sabiex jiġi asserit id-dritt.

2. Is-sospensjoni ddum sakemm tittieħed deċiżjoni finali, jew sakemm il-każ jiġi riżolt b’xi mod ieħor. Fejn il-proċedimenti jintemmu fi żmien l-aħħar sitt xhur tal-perjodu ta’ preskrizzjoni mingħajr deċiżjoni fuq il-mertu, il-perjodu ta’ preskrizzjoni ma jiskadix qabel ma jkunu għaddew sitt xhur wara ż-żmien meta jkunu ġew fi tmiemhom il-proċedimenti.

3. Il-paragrafi 1 u 2 japplikaw, b’adattamenti xierqa, għall-proċedimenti ta’ arbitraġġ, għall-proċedimenti ta’ medjazzjoni, għall-proċediment fejn kwistjoni bejn żewġ partijiet tiġi rrinvijata quddiem parti terza għal deċiżjoni vinkolanti u għall-proċedimenti l-oħra kollha li jinbdew bil-għan li tinkiseb deċiżjoni relatata mad-dritt jew sabiex tkun evitata insolvenza.

4. Medjazzjoni tfisser proċess strutturat, irrispettivament mill-isem li jingħata jew minn kif jissejjaħ, fejn żewġ partijiet jew aktar f’tilwima jipprovaw waħidhom, fuq bażi volontarja, jilħqu ftehim għar-riżoluzzjoni tat-tilwima tagħhom bl-assistenza ta’ medjatur. Dan il-proċess jista’ jinbeda mill-partijiet jew jiġi ssuġġerit jew ordnat minn qorti jew ikun preskritt bil-liġi nazzjonali. Il-medjazzjoni tintemm bi ftehim tal-partijiet jew b’dikjarazzjoni tal-medjatur jew ta’ waħda mill-partijiet.

Artikolu 182 Posponiment tal-iskadenza fil-każ ta’ negozjati

Jekk il-partijiet jinnegozjaw dwar id-dritt jew dwar iċ-ċirkustanzi li minnhom tista’ tirriżulta talba relatata mad-dritt, l-ebda perjodu ta’ preskrizzjoni ma jiskadi qabel ma tkun għaddiet sena mill-aħħar komunikazzjoni li saret fin-negozjati jew minn meta waħda mill-partijiet ikkomunikat lill-oħra li hija ma tixtieqx tkompli bin-negozjati.

Artikolu 183 Posponiment tal-iskadenza f’każ ta’ inkapaċità

Jekk persuna soġġetta għal inkapaċità tkun mingħajr rappreżentant, l-ebda wieħed mill-perjodi ta' preskrizzjoni ta’ dritt li jkollha dik il-persuna ma jiskadi qabel ma tkun għaddiet sena wara li l-inkapaċità tkun ġiet fi tmiemha jew ikun inħatar rappreżentant.

Taqsima 4 Tiġdid tal-perjodu ta’ preskrizzjoni

Artikolu 184 Tiġdid b’rikonoxximent

Jekk id-debitur jirrikonoxxi d-dritt fil-konfront tal-kreditur, permezz ta’ ħlas parzjali, ħlas ta’ imgħax, l-għoti ta’ garanzija, tpaċija jew bi kwalunkwe mod ieħor, jibda jiddekorri perjodu qasir ta’ preskrizzjoni ġdid.

Taqsima 5 Effetti tal-preskrizzjoni

Artikolu 185 Effetti tal-preskrizzjoni

1. Wara l-iskadenza tal-perjodu rilevanti ta’ preskrizzjoni, id-debitur huwa intitolat li jirrifjuta t-twettiq tal-obbligu inkwistjoni u l-kreditur jitlef ir-rimedji kollha għan-nuqqas ta' twettiq ħlief għas-sospensjoni tat-twettiq.

2. Dak kollu li jkun tħallas jew ikun ġie ttrasferit mid-debitur fit-twettiq tal-obbligu inkwistjoni ma jistax jintalab lura sempliċement għaliex il-perjodu ta’ preskrizzjoni jkun skada fil-mument li jkun sar it-twettiq.

3. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għal dritt għall-ħlas tal-imgħax, u għal drittijiet oħrajn ta’ natura anċillari, jiskadi mhux aktar tard mill-perjodu għad-dritt prinċipali.

Taqsima 6 Modifika bi ftehim

Artikolu 186 Ftehimiet dwar il-preskrizzjoni

1. Ir-regoli ta’ dan il-Kapitolu jistgħu jiġu mmodifikati bi ftehim bejn il-partijiet, b’mod partikolari billi jew jitqassru jew jittawlu l-perjodi ta’ preskrizzjoni.

2. Il-perjodu l-qasir ta’ preskrizzjoni ma jistax jitnaqqas għal inqas minn sena jew jiġi estiż għal aktar minn għaxar snin.

3. Il-perjodu t-twil ta’ preskrizzjoni ma jistax jitnaqqas għal inqas minn sena jew jiġi estiż għal aktar minn tletin sena.

4. Il-partijiet ma jistgħux jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu jew jidderogaw mill-effetti tiegħu jew ivarjawhom.

5. F’kuntratt bejn kummerċjant u konsumatur, dan l-Artikolu ma jistax jiġi applikat għad-detriment tal-konsumatur.

Appendiċi 1

Struzzjonijiet dwar l-irtirar mudell

Id-dritt ta’ rtirar

Inti għandek id-dritt li tirtira minn dan il-kuntratt fi żmien 14-il jum mingħajr ma tagħti raġuni.

Il-perjodu tal-irtirar jiskadi wara 14-il jum mill-jum 1.

Sabiex teżerċita d-dritt ta’ rtirar, inti għandek tinformana (2) bid-deċiżjoni tiegħek li tirtira minn dan il-kuntratt permezz ta’ dikjarazzjoni ċara (pereżempju ittra mibgħuta bil-posta, bil-faks jew bil-posta elettronika). Inti tista’ tuża l-formola tal-irtirar mudell mehmuża, iżda dan mhuwiex obbligatorju. 3

Sabiex tiġi rispettata l-iskadenza tal-irtirar, huwa suffiċjenti li tibgħat il-komunikazzjoni tiegħek dwar l-eżeċizzju tad-dritt ta’ rtirar qabel ma jkun skada l-perjodu tal-irtirar.

Effetti tal-irtirar

Jekk tirtira minn dan il-kuntratt, aħna nirrimborżaw il-ħlasijiet kollha li nkunu rċevejna minn għandek inklużi l-ispejjeż tal-kunsinna (bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż supplimentari li jirriżultaw mill-għażla tiegħek ta’ tip ta’ kunsinna li ma tkunx l-irħas tip ta’ kunsinna standard offrut minna), mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn 14-il jum mill-jum meta niġu nfurmati dwar id-deċiżjoni tiegħek li tirtira minn dan il-kuntratt. Aħna se nwettqu tali rimborż billi nużaw l-istess mezz ta’ ħlas li użajt int għat-tranżazzjoni inizjali, sakemm ma tkunx ftiehemt espressament mod ieħor; fi kwalunkwe każ, inti ma tħallas xejn bħala riżultat ta’ tali rimborż. 4

5

6

Struzzjonijiet biex timla l-formola:

1            Daħħal wieħed mit-testi li ġejjin bjen il-virgoletti:

a)      fil-każ ta’ kuntratt ta’ servizz relatati jew kuntratt għall-provvista tal-ilma, gass jew elettriku, meta dawn ma jkunux għall-bejgħ f’volum limitat jew kwantità stabbilita, ta’ tisħin distrettwali jew ta’ kontenut diġitali li ma jiġux ipprovduti fuq mezz tanġibbli: “tal-konklużjoni tal-kuntratt.”;

b)      fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ: “fejn inti tikseb, jew parti terza differenti mit-trasportatur u indikata minnek tikseb, pussess fiżiku tal-merkanzija.”;

c)      fil-każ ta’ kuntratt relatat ma’ aktar minn prodott wieħed ordnati mill-konsumatur f’ordni waħda u kkunsinnati separatament: “fejn inti tikseb, jew parti terza differenti mit-trasportatur u indikata minnek tikseb, pussess fiżiku tal-aħħar prodott”;

d)      fil-każ ta’ kuntratt relatat mal-kunsinna ta’ oġġett tal-merkanzija li jikkonsisti f’aktar minn lott wieħed jew f’aktar minn biċċa waħda: “fejn inti tikseb, jew parti terza differenti mit-trasportatur u indikata minnek tikseb, pussess fiżiku tal-aħħar lott jew biċċa”;

e)      fil-każ ta’ kuntratt għal kunsinna regolari ta' merkanzija matul perjodu ta’ żmien definit: “fejn tikseb, jew parti terza differenti mit-trasportatur u indikata minnek tikseb, pussess fiżiku tal-ewwel oġġett tal-merkanzija.”

2            Daħħal ismek, l-indirizz ġeografiku u, jekk ikun disponibbli, in-numru tat-telefon, in-numru tal-fax u l-indirizz tal-posta elettronika tiegħek.

3            Jekk tagħti l-għażla lill-konsumatur li jimla u jissottometti elettronikament informazzjoni dwar l-irtirar tiegħu mill-kuntratt fuq il-websajt tiegħek, daħħal dan li ġej: "Inti tista’ wkoll timla u tissottometti elettronikament il-formola tal-irtirar mudell jew kwalunkwe dikjarazzjoni ċara oħra fuq il-websajt tagħna [daħħal l-indirizz tal-internet]. Jekk tuża din il-possibbiltà, aħna minnufih nikkomunikawlek konferma tal-irċevuta ta’ tali rtirar fuq mezz li jservi fit-tul (pereżempju bil-posta elettronika) mingħajr dewmien.”

4            Fil-każ ta’ kuntratt ta’ bejgħ fejn ma offrejtx li tiġbor il-merkanzija fil-każ ta’ rtirar daħħal dan li ġej: “Nistgħu nżommu r-rimborż sakemm ma nkunux irċevejna l-merkanzija lura, jew sakemm ma tkunx ipprovdejt evidenza li tkun bgħatt lura l-merkanzija, skont liema minnhom jiġi l-ewwel”.

5            Jekk il-konsumatur ikun irċieva merkanzija b’konnessjoni mal-kuntratt, daħħal dan li ġej:

a        daħħal:

– “Aħna se niġbru l-merkanzija.”; jew

– “Inti għandek tibgħat lura l-merkanzija jew tgħaddiha lilna jew lil ___________ [daħħal l-isem u l-indirizz ġeografiku, fejn applikabbli, tal-persuna awtorizzata minnek biex tirċievi l-merkanzija], mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn 14-il jum mill-jum meta tinformana dwar l-irtirar tiegħek minn dan il-kuntratt. L-iskadenza tiġi rispettata jekk tibgħat il-merkanzija lura qabel ma jkun skada l-perjodu ta’ 14-il jum.”

b       daħħal jew:

– “Aħna se nħallsu l-ispejjeż għar-ritorn tal-merkanzija.”; jew

– “Inti se jkollok tħallas l-ispejjeż diretti għar-ritorn tal-merkanzija.”; jew

– Jekk, fil-każ ta’ kuntratt mill-bogħod, inti ma toffrix li tħallas l-ispejjeż għar-ritorn tal-merkanzija u l-merkanzija, min-natura tagħha, ma tistax normalment tiġi rritornati bil-posta: “Inti se jkollok tħallas l-ispejjeż diretti għar-ritorn tal-merkanzija, _______EUR [daħħal l-ammont].”; jew jekk l-ispiża tar-ritorn tal-merkanija ma tistax tiġi kkalkulata b’mod raġonevoli minn qabel: “Inti se jkollok tħallas l-ispejjeż diretti għar-ritorn tal-merkanzija. L-ispiża hija stmata għal massimu ta’ madwar ________ EUR [daħħal l-ammont]”; jew

– Jekk, f’kuntratt barra mill-post tan-negozju, il-merkanzija, min-natura tagħha, ma tistax normalment tintbagħat lura bil-posta u tkun ġiet ikkunsinnata d-dar tal-konsumatur fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt: “Aħna se niġbru l-merkanzija u nħallsu l-ispejjeż.”

c        “Inti responsabbli biss għal kwalunkwe valur imnaqqas tal-merkanzija li jirriżulta mit-trattament differenti minn dak li huwa meħtieġ biex jiġu stabbiliti n-natura, l-karatteristiċi u l-funzjonament tal-merkanzija.”

6            Fil-każ ta’ kuntratt għall-fornitura ta' servizzi relatati daħħal li ġej: “Jekk inti tlabt li jibda t-twettiq tas-servizzi relatati matul il-perjodu ta’ rtirar, inti għandek tħallasna ammont proporzjonali għal dak li ġie pprovdut qabel ma tkun infurmajtna dwar l-irtirar tiegħek minn dan il-kuntratt, meta mqabbel mal-kopertura sħiħa tal-kuntratt.”.

Appendiċi 2

Formola tal-irtirar mudell

(imla u rritorna din il-formola biss jekk inti tixtieq tirtira mill-kuntratt)

– Lil [hawnhekk għandhom jiddaħħlu mill-kummerċjant l-isem tal-kummerċjant, l-indirizz ġeografiku u, jekk disponibbli, in-numru tal-fax u l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu]:

– Jiena/Aħna* b’dan qed ninnotifikak/ninnotifikawk li Jiena/Aħna* qed nirtira/w mill-kuntratt ta’ bejgħ tal-merkanzija li ġejja*/għall-fornitura tal-kontenut diġitali/għall-fornitura tas-servizz relatat li ġej* tiegħi/tagħna*

– Li kien(u) ordnat(i) fi*/li wasal(waslu) fi*

– Isem il-konsumatur(i)

– L-indirizz tal-konsumatur(i)

– Il-firma tal-konsumatur(i) (fil-każ biss li din il-formola hija notifikata fuq karta)

– Data

*        Ħassar skont il-każ.

ANNESS II AVVIŻ TA’ INFORMAZZJONI STANDARD

Il-kuntratt li se tikkonkludi se jkun irregolat mil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, li hija sistema alternattiva ta’ liġi kuntrattwali nazzjonali disponibbli għall-konsumaturi f’sitwazzjonijiet transkonfinali. Dawn ir-regoli komuni huma identiċi fl-Unjoni Ewropea kollha, u ġew imfassla biex jipprovdu lill-konsumaturi protezzjoni ta’ livell għoli.

Dawn ir-regoli japplikaw biss jekk inti tagħti l-kunsens tiegħek biex il-kuntratt ikun irregolat mil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

Jista’ jkunukoll li inti dħalt għal kuntratt bil-telefon jew bi kwalunkwe mod ieħor (bħal permezz ta’ SMS) li ma ppermettiex li inti tirċievi dan l-avviż minn qabel. F’dan il-każ il-kuntratt jista’ jsir validu biss wara li tkun irċevejt dan l-avviż u tkun ikkonfermajt il-kunsens tiegħek.

Id-drittijiet ewlenin tiegħek huma deskritti hawn taħt.

IL-LIĠI KOMUNI EWROPEA DWAR IL-BEJGĦ: SOMMARJU TAD-DRITTIJIET EWLENIN TAL-KONSUMATUR

Id-drittijiet tiegħek qabel ma jiġi ffirmat il-kuntratt

Il-kummerċjant għandu jagħtik l-informazzjoni prinċipali dwar il-kuntratt, pereżempju dwar il-prodott u l-prezz tiegħu inklużi t-taxxi u t-tariffi kollha u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħu. L-informazzjoni għandha tkun aktar dettaljata meta inti tixtri xi ħaġa barra mill-ħanut tal-kummerċjant jew jekk ma tiltaqax mal-kummerċjant personalment, pereżempju jekk tixtri xi ħaġa onlajn jew bit-telefon. Int intitolat ghad-danni jekk din l-informazzjoni ma tkunx kompluta jew tkun inkorretta.

Id-drittijiet tiegħek wara li l-kuntratt jiġi ffirmat

F’ħafna każijiet, inti għandek 14-il jum biex tirtira mix-xiri jekk tkun xtrajt il-merkanzija barra mill-ħanut tal-kummerċjant jew jekk ma tkunx iltqajt mal-kummerċjant sal-ħin tax-xiri (pereżempju jekk tkun xtrajt xi ħaġa onlajn jew bit-telefon). Il-kummerċjant għandu jagħtik informazzjoni u Formola[23] tal-irtirar mudell. Jekk il-kummerċjant ma jkunx għamel hekk, inti tista’ tikkanċella l-kuntratt fi żmien sena.

X’tista’ tagħmel meta l-prodotti jkunu difettużi jew ma jiġux ikkonsenjati kif miftiehem? Int intitolat li tagħżel bejn: 1) li l-prodott jiġi kkonsenjat 2) mibdul jew 3) imsewwi. 4) Titlob għal tnaqqis fil-prezz. 5) Tista’ tikkanċella l-kuntratt, tirritorna l-prodott u tikseb rifużjoni, ħlief jekk id-difett ikun żgħir ħafna. 6) Tista’ titlob kumpens għat-telf tiegħek. Inti m’intix obbligat li tħallas il-prezz qabel ikollok il-prodott mingħajr difetti.

Jekk il-kummerċjant ma jkunx wettaq servizz relatat kif wiegħed fil-kuntratt, inti għandek drittijiet simili. Madankollu, wara li tkun ippreżentajt l-ilment tiegħek lill-kummerċjant, huwa normalment għandu d-dritt li l-ewwel jipprova jagħmel il-kompitu korrettament. Biss jekk il-kummerċjant jonqos mill-ġdid inti għandek għażla bejn 1) titlob lill-kummerċjant biex jerġa’ jipprovdi s-servizz relatat, 2) ma tħallasx il-prezz qabel jiġi pprovdut is-servizz relatat b’mod korrett, 3) titlob tnaqqis fil-prezz jew 4) titlob id-danni. 5) Tista’ wkoll tikkanċella l-kuntratt u tikseb rifużjoni, ħlief jekk in-nuqqas fil-fornitura tas-servizz relatat ikun żgħir ħafna. Perjodu biex titlob id-drittijiet tiegħek meta l-prodotti jkunu difettużi jew ma jiġux ikkonsenjati kif miftiehem: Għandek sentejn (2) biex titlob id-drittijiet tiegħek wara li inti tirrealizza jew imissek irrealizzajt li l-kummerċjant ma għamilx xi ħaġa kif miftiehem fil-kuntratt. Meta dawn il-problemi jibdew jidhru tard ħafna, l-aħħar mument possibbli biex inti tagħmel din it-talba huwa 10 snin minn meta l-kummerċjant kellu jikkonsenja l-merkanzija, iforni l-kontenut diġitali jew jipprovdi s-servizz relatat.

Protezzjoni kontra kundizzjonijiet inġusti: Il-kundizzjonijiet kuntrattwali standard tal-kummerċjant li huma inġusti mhumiex legalment vinkolanti għalik.

Din il-lista ta’ drittijiet hija biss sommarju u għalhekk mhix eżawrjenti, lanqas ma tinkludi d-dettalji kollha. Inti tista’ tikkonsulta t-test sħiħ tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ hawnhekk. Jekk jogħġbok aqra l-kuntratt tiegħek b’attenzjoni.

Fil-każ ta’ tilwima inti tista’ tkun tixtieq li titlob parir legali.

[1]               Ewrobarometru 320 tal-2011 dwar il-Liġi kuntrattwali Ewropea fit-tranżazzjonaijiet minn negozju għal negozju, p. 15 u l-Ewrobaromtru 321 tal-2011 Liġi kuntrattwali Ewropea fit-tranżazzjonaijiet tal-konsumatur, p. 19.

[2]               ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.

[3]               Ewrobarometru 320 tal-2011 dwar il-Liġi kuntrattwali Ewropea fit-tranżazzjonaijiet minn negozju għal negozju, p. 19 u l-Ewrobaromtru 321 tal-2011 Liġi kuntrattwali Ewropea fit-tranżazzjonaijiet tal-konsumatur, p. 15.

[4]               A. Turrini and T. Van Ypersele, Traders, courts and the border effect puzzle, Regional Science and Urban Economics, 40, 2010, p. 82: "L-analiżi tal-kummerċ internazzjonali madwar il-pajjiżi tal-OECD aħna nuru li l-ikkontrollar fuq fatturi speċifiċi, distanza, il-preżenza ta' fruntiera komuni u lingwa komuni […], sistemi legali simili għandhom impatt fuq il-kummerċ […]. Jekk żewġ pajjiżi jikkondividu oriġini komuni tas-sistema legali tagħhom, bħala medja huma juru flussi ta' kummerċ ta' 40% akbar."

[5]               COM (2001) 398, 11.7.2001.

[6]               COM(2010) 348 finali, 1.7.2010.

[7]               L-Att dwar is-Suq Uniku (COM (2011) 206 finali, paġna 19, 13.4.2011) u l-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali, Anness 1, rapport ta’ progress dwar l-Ewropa 2020 (COM (2011) 11 - A1/2, paġna 5, 12.1.2010) isemmu wkoll l-inizjattiva fil-liġi kuntrattwali Ewropea.

[8]               COM(2010) 245 finali, 26.8.2010, p. 13.

[9]               Eċċezzjonijiet huma r-Renju Unit, il-Portugall u Malta.

[10]             Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern , ĠU L 178, 17/7/2000, p. 1-16.

[11]             ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.

[12]             ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.

[13]             ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

[14]             ĠU L 105, 27.4.2010, p. 109.

[15]             Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Bini ta’ Fiduċja fil-Ġustizzja madwar l-UE: Dimensjoni Ġdida għal Taħriġ Ġudizzjarju Ewropew, COM (2011) 551 finali, 13.9.2011.

[16]             ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

[17]             ĠU C , , p. .

[18]             ĠU C , , p. .

[19]             ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.

[20]             ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.

[21]             ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

[22]             ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

[23]             Daħħal link hawnhekk.

Top