EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0244

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020

/* KUMM/2011/0244 finali */

52011DC0244

/* KUMM/2011/0244 finali */ KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020


I NTRODUZZJONI

Il-bijodiversità, jiġifieri l-varjetà straordinarja ta' ekosistemi, speċi u ġeni li jinsabu madwarna, hija l-assigurazzjoni fuq ħajjitna: tagħtina l-ikel, ilma frisk u arja nadifa, kenn u mediċina, u ttaffi d-diżastri naturali, il-pesti u l-mard u tikkontribwixxi għar-regolazzjoni l-klima. Il-bijodiversità hija wkoll il-kapital naturali tagħna, li huwa sors ta' servizzi tal-ekosistema li jsaħħu l-ekonomija tagħna. It-taħsir u t-telf tagħha jqiegħdu fil-periklu l-provvediment ta' dawn is-servizzi: nitilfu l-ispeċi u l-ħabitats flimkien mal-għana u l-impjiegi li nieħdu min-natura, u nqiegħdu fil-periklu l-bennessri tagħna stess. Dan, flimkien mat-tibdil fil-klima, jagħmel it-telf tal-bijodiversità l-aktar theddida kritika għall-ambjent fuq livell dinji hekk kif it-tnejn huma marbuta ferm ma' xulxin. Filwaqt li l-bijodiversità tagħti kontribuzzjoni ewlenija fir-rigward tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih huma essenzjali wkoll l-ilħiq il-mira taż-'2 gradi' flimkien ma' miżuri xierqa ta' adattament għat-tnaqqis tal-impatt ta' effetti inevitabbli tat-tibdil fil-klima sabiex jiġi evitat it-telf tal-bijodiversità.

Ir-rati attwali tal-estinzjoni tal-ispeċi għaddejjin issir b’ritmu li qatt ma kien daqshekk mgħaġġel. L-ispeċi qed jintilfu b'rata ta' 100 sa 1,000 darba aktar mgħaġġla mir-rata naturali, u dan l-aktar minħabba l-attivitajiet tal-bniedem: skont il-FAO, 60 % tal-ekosistemi fid-dinja huma ddeġradati jew użati b'mod mhux sostenibbli; 75 % tal-istokkijiet tal-ħut huma sfruttati żżejjed jew naqsu b'mod sinifikanti u 75 % tad-diversità ġenetika tal-għelejjel fid-dinja ntilfet mill-1990 ‘l hawn. Madwar 13-il miljun ettaru f'foresti tropikali jitneħħa kull sena[1] u 20 % tas-sikka tal-qroll dinjija diġà għebet, filwaqt li 95 % se tkun qiegħda fir-riskju ta' qerda jew ħsara estrema sal-2050 jekk it-tibdil fil-klima mhux se jonqos[2].

Fl-UE, huma biss 17 % tal-ħabitats u l-ispeċi u 11 % tal-ekosistemi ewlenin protetti mil-leġiżlazzjoni tal-UE li jinsabu fi stat tajjeb[3]. Dan minkejja l-azzjoni li ttieħdet kontra t-telf wiggle ittal-bijodiversità, b'mod partikolari minn mindu ġiet stabbilita il-mira UE 2010 għall-bijodiversità fl-2001. Il-benefiċċji ta' dawn l-azzjonijiet ingħelbu mill-pressjonijiet kontinwi u dejjem jikbru fuq il-bijodiversità fl-Ewropa: it-tibdil fl-użu tal-art, l-isfruttament tal-bijodiversità u l-komponenti tagħha, il-firxa ta' speċi aljeni invażivi, it-tniġġis u t-tibdil fil-klima kollha jew baqgħu kostanti jew qed jiżdiedu. Raġunijiet indiretti, bħat-tkabbir fil-popolazzjoni, għarfien limitat dwar il-bijodiversità u l-fatt li l-valur ekonomiku li għandha l-bijodiversità mhux qed jiġi rifless fit-teħid ta' deċiżjonijiet qed ikollhom ukoll impatt qawwi fuq il-bijodiversità.

Din l-istrateġija għandha l-għan li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità u wkoll li tħaffef it-tranżizzjoni min-naħa tal-UE lejn ekonomija ekoloġika u li tuża r-riżorsi b'effiċjenza. Hija parti integrali mill-Istrateġija Ewropa 2020[4] u b'mod partikolari mill-inizjattiva ewlenija tal-Ewropa dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi[5].

SISIEN ġODDA GħALL-POLITIKA TAL-BIJODIVERSITÀ TAL-UE

MANDAT DOPPJU GħALL-AZZJONI

Il-mandat tal-UE

F'Marzu tal-2010, il-mexxejja tal-UE rrikonoxxew li l-mira tal-bijodiversità għall-2010 mhux se tintlaħaq, minkejja s-suċċessi kbar li kien hemm bħat-twaqqif ta' Natura 2000, l-akbar netwerk ta' żoni protetti fid-dinja. Għaldaqstant appoġġaw il-viżjoni għat-tul u l-mira ewlenija ambizzjuża li l-Kummissjoni pproponiet fil-Komunikazzjoni tagħha 'Alternattiva għal viżjoni Ewropea u mira għall-bijodiversità wara l-2010'[6].

Viżjoni 2050

Sal-2050, il-bijodiversità tal-Unjoni Ewropea u s-servizzi tal-ekosistema li tipprovdi - il-kapital naturali tagħha – ikunu protetti, valorizzati u rriġenerati kif xieraq minħabba l-valur intrinsiku tal-bijodiversità u l-kontribuzzjoni essenzjali tagħhom għall-benessri tal-bniedem u l-prosperità ekonomika, u biex b'hekk jiġu evitati l-bidliet katastrofiċi kkawżati mit-telf tal-bijodiversità.

Mira ewlenija 2020

Jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema fl-UE sal-2020 u jiġu rriġenerati kemm jista' jkun, filwaqt li tiżdied il-kontribuzzjoni tal-UE biex jiġi evitat telf globali tal-biodiversità.

Il-mandat dinji

L-għaxar Konferenza tal-Partijiet (CoP10) fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD), li saret f'Nagoya fl-2010, wasslet għall-adozzjoni tal-Pjan Strateġiku dinji għall-bijodiversità 2011-2020[7], il-Protokoll Nagoya dwar Aċċess għar-Riżorsi Ġenetiċi u l-Kondiviżjoni Ġusta u Ekwa tal-Benefiċċji li jirriżultaw mill-Użu tagħhom (Protokoll ABS) [8] u strateġija biex jiġu mmobilizzati r-riżorsi għall-bijodiversità dinjija.

L-istrateġija għall-bijodiversità tal-UE 2020 twieġeb għaż-żewġ mandati, u b'hekk tqiegħed l-UE fit-triq it-tajba sabiex tilħaq il-miri tagħha stess għall-bijodiversità u l-impenji li ħadet fuq livell dinji.

NAGħTU VALUR LILL-ASSI NATURALI TAGħNA BIEX NIġġENERAW DIVERSI BENEFIċċJI

Il-mira tal-bijodiversità tal-UE 2020 tintrifed mill-għarfien tal-fatt li, minbarra l-valur intrinsiku tagħha, il-bijodiversità u s-servizzi li tipprovdi għandhom valur ekonomiku sinifikanti li qajla jiġi sfruttat fis-swieq. Minħabba li ma tingħatax prezz u mhijiex riflessa fil-kontijiet tas-soċjetà, il-bijodiversità spiss tkun vittma ta' dikjarazzjonijiet li jikkompetu ma' xulxin dwar in-natura u l-użu tagħha. Il-proġett internazzjonali sponsorjat mill-Kummissjoni dwar l-Ekonomija tal-Ekosistemi u l-Bijodiversità (TEEB) jirrakomanda li l-valur ekonomiku tal-bijodiversità jiġi inkluż fil-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet u rifless fis-sistemi tal-kontabilità u r-rappurtar[9]. F'Nagoya, din ir-rakomandazzjoni ġiet inkluża fil-mira dinjija u hija parti mill-bosta azzjonijiet ewlenin ta' din l-istrateġija.

Għalkemm l-azzjoni sabiex ikun imwaqqaf it-telf tal-bijodiversità iġġib magħha l-ispejjeż[10], it-telf tal-bijodiversità nnifisha hija spiża għas-soċjetà kollha, b'mod partikolari għall-atturi ekonomiċi fl-oqsma li jiddependu direttament mis-servizzi tal-ekosistemi. Pereżempju, id-dakkir tal-insetti fl-UE għandu valur ekonomiku stmat għal EUR 15-il biljun fis-sena[11]. It-tnaqqis kontinwu ta' naħal u insetti oħra li jdakkru[12] jista' jkollu konsegwenzi serji fuq il-bdiewa Ewropej u s-settur tan-negozju agrikolu[13]. Is-settur privat huwa konxju dejjem iżjed minn dawn ir-riskji. Bosta negozji fl-Ewropa u lil hinn qiegħdin jivverifikaw id-dipendenza tagħhom fuq il-bijodiversità filwaqt li jintegraw il-miri fir-rigward tal-użu tar-riżorsi naturali fl-istrateġiji korporattivi[14].

L-għoti ta' valur lill-potenzjal tan-natura se jikkontribwixxi għal numru ta' għanijiet strateġiċi tal-UE:

- Ekonomija aktar effiċjenti fir-riżorsi: L-impronta ekoloġiku tal-UE bħalissa qiegħda d-doppju tal-kapaċità bijoloġika tagħha[15]. L-UE tista' ttejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi fl-ekonomija tagħha u tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq ir-riżorsi naturali minn barra l-Ewropa billi żżomm u ttejjeb il-bażi ta' riżorsi naturali tagħha u tuża r-riżorsi b'mod sostenibbli.

- Ekonomija aktar reżiljenti għall-klima u b'livell baxx tal-emissjonijiet tal-karbonju: Approċċi bbażati fuq l-ekosistema fir-rigward tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għlaih jistgħu joffru alternattivi kosteffiċjenti sa soluzzjonijiet teknoloġiċi filwaqt li jipprovdu diversi benefiċċji lil hinn miż-żamma tal-bijodiversità.

- Fuq quddiem fir-riċerka u l-innovazzjoni: Il-progress f'bosta xjenzi applikati jiddependi fuq id-disponibbiltà tal-assi naturali fuq perjodu twil ta' żmien u fuq id-diversità tagħhom. Id-diversità ġenetika, pereżempju, hija sors prinċipali ta' innovazzjoni għall-industriji tal-mediċina u tal-kożmetika, filwaqt li l-potenzjal għall-innovazzjoni li għandhom ir-restawr tal-ekosistemi u l-infrastrutturi ekoloġiċi[16] fil-biċċa l-kbira mhuwiex qed jiġi sfruttat.

- Ħiliet, impjiegi u opportunitajiet ta' negozju ġodda: L-innovazzjoni bbażata fuq in-natura, flimkien mal-azzjoni għar-restawr tal-ekosistemi u ż-żamma tal-bijodiversità jistgħu joħolqu ħiliet, impjiegi u opportunitajiet ta' negozju ġodda. It-TEEB jistima li l-opportunitajiet għan-negozju dinji li jiġu mill-investimenti fil-bijodiversità jistgħu jilħqu l-valur ta' USD 2 triljuni sa USD 6 triljuni sal-2050.

NIBNU FUQ DAK LI DIġÀ NAFU DWAR IL-BIJODIVERSITÀ

Sar progress tajjeb fit-titjib tal-għarfien tagħna dwar il-bijodiversità sabiex il-politika tkun sostnuta minn dejta xjentifika u informazzjoni aġġornati. Dan issa jrid isir konformi mal-qafas ta' politika 2020.

Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent sabiex sal-2012 tiżviluppa qafas integrat għall-monitoraġġ, il-valutazzjoni u r-rappurtar dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija. L-obbligi ta' monitoraġġ, rappurtar u reviżjoni fuq livelli nazzjonali, tal-UE u wkoll dawk dinjija se jittejbu u jitqabblu kemm jista' jkun mar-rekwiżiti li jaqgħu taħt leġiżlazzjoni ambjentali oħra, bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Ix-xenarju bażi tal-bijodiversità tal-UE 2010 flimkien mal-indikaturi aġġornati dwar il-bijodiversità fl-UE[17] se jkunu komponenti ewlenin ta' dan il-qafas, li se jitratta wkoll dejta u informazzjoni oħra, bħal dik prodotta mis-Sistema dwar l-Informazzjoni Ambjentali Kondiviża u mill-Monitoraġġ Dinji tal-Ambjent u s-Sigurtà, miċ-Ċentru ta' Dejta dwar il-Foresti Ewropej u mil-LUCAS (Land Use Cover Area Frame Survey). Il-portal tal-internet tas-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni dwar il-Bijodiversità (BISE) se jkun il-pjattaforma prinċipali għall-kondiviżjoni tad-dejta u l-informazzjoni.

Din l-istrateġija tinkludi azzjoni speċifika li ttejjeb il-monitoraġġ u r-rappurtar. L-integrazzjoni tal-monitoraġġ u r-rappurtar dwar il-bijodiversità fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura, il-Politika Agrikola Komuni (PAK), il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u, safejn ikun vjabbli, il-Politika tal-Koeżjoni, għandhom jgħinu fl-evalwar tal-impatti ta' dawn il-politiki fuq il-bijodiversità.

Il-Kummissjoni se tkompli xogħolha biex timla l-lakuni ewlenin li hemm fir-riċerka, inkluż dawk li hemm fir-rigward tat-tfassil u l-valutazzjoni tal-benefiċċji li tista' tipprovdi l-ekosistema fl-Ewropa u li se jgħinu fit-titjib tal-għarfien tagħna dwar ir-rabtiet li hemm bejn il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima, flimkien mar-rwol li għandha l-bijodiversità tal-ħamrija fl-għoti tal-benefiċċji ewlenin li jistgħu jipprovdu l-ekosistemi, bħall-qbid tal-karbonju u l-provvista tal-ikel. Il-finanzjament tar-riċerka skont il-Qafas Strateġiku Komuni l-ġdid jista' jikkontribwixxi aktar sabiex jimla dawn l-ispazji vojta identifikati fl-għarfien tagħna u jsostni l-politika.

Fl-aħħar nett, l-UE se tibqa' involuta mill-qrib filwaqt li tagħti kontribuzzjoni attiva fil-pjattaforma ġdida intergovernattiva għall-politika tax-xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES), b'mod partikolari fix-xogħol dwar il-valutazzjonijiet reġjonali, li għalih jista' jkun jinħtieġ mekkaniżmu fuq livell tal-UE li jsaħħaħ l-interfaċċja tal-politika tax-xjenza.

QAFAS GĦALL-AZZJONI GĦALL-GĦAXAR SNIN LI ĠEJJIN

L-istrateġija għall-bijodiversità 2020 tinkludi sitt miri li jagħtu appoġġ lil xulxin u li huma interdipendenti, liema miri jwieġbu għall-għanijiet tal-mira ewlenija tal-2020. Huma se jgħinu wkoll biex jieqaf it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi, filwaqt li kull wieħed ifittex li jindirizza kwistjoni speċifika: il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u servizzi relatati tal-ekosistema (miri 1 u 2), it-titjib tal-kontribuzzjoni pożittiva tal-agrikoltura u l-forestrija u t-tnaqqis ta' pressjonijiet ewlenin fuq il-bijodiversità fl-UE (miri 3, 4 u 5) u ż-żieda tal-kontribuzzjoni tal-UE għall-bijodiversità dinjija (mira 6). Kull mira tinqasam f’pakkett ta' azzjonijiet imfassla sabiex iwieġbu għall-isfidi speċifiċi indirizzati mill-mira. L-azzjonijiet speċifiċi huma stipulati fl-Anness għal din il-Komunikazzjoni, u se jkunu soġġetti għal iktar valutazzjonijiet tal-impatt fejn ikun meħtieġ[18].

IL-ħARSIEN U R-RESTAWR TAN-NATURA

L-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar l-Għasafar u d-Direttiva dwar il-Ħabitats (jiġifieri li jintlaħaq stat tajjeb ta' konservazzjoni tal-ħabitats u l-ispeċi li huma importanti fuq il-livell Ewropew u wkoll li jkun hemm popolazzjonijiet suffiċjenti ta' speċi ta' għasafar selvaġġi naturali) hija kritika biex jiġi evitat aktar telf u biex tiġi rrestawarata l-bijodiversità fl-UE. Mira li tkun marbuta bil-ħin u kkwantifikata taċċellera l-implimentazzjoni tad-Direttivi u t-twettiq tal-għanijiet stabbiliti fihom.

Mira 1

It-twaqqif tad-deterjorament fl-istat tal-ispeċijiet u l-ħabitats kollha koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura, u t-titjib sinifikanti u li jista' jiġi kkalkulat fl-istat tagħhom sabiex, sal-2020, imqabbel mal-valutazzjonijiet ta' bħalissa: (i) ikun hemm żieda ta' 100 % fil-valutazzjonijiet tal-ħabitats u żieda ta' 50 % fil-valutazzjoni tal-ispeċijiet skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats li juru titjib fl-istati ta' konservazzjoni; u (ii) ikun hemm żieda ta' 50 % fil-valutazzjoni tal-ispeċijiet skont id-Direttiva dwar l-Għasafar li juru stat aktar sikur jew imtejjeb.

Iż-żAMMA U T-TITJIB TAL-EKOSISTEMI U TAS-SERVIZZI TAGħHOM

Fl-UE, bosta ekosistemi u s-servizzi tagħhom ġew iddegradati u dan l-aktar minħabba l-frammentazzjoni tal-art. Kważi 30 % tat-territorju tal-UE huwa moderatament frammentat jew frammentat ħafna. Il-mira 2 tiffoka fuq iż-żamma u t-titjib fis-servizzi tal-ekosistemi u r-restawr ta' ekosistemi ddegradati permezz tal-inklużjoni ta' infrastruttura ekoloġika waqt l-ippjanar tal-ispazji. Dan se jikkontribwixxi għall-għanijiet ta' tkabbir sostenibbli li għandha l-UE[19] u għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, filwaqt li ssir promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, territorjali u soċjali u tal-ħarsien tal-wirt kulturali tal-UE. Se jiżgura wkoll konnettività funzjonali aħjar bejn l-ekosistemi fiż-żoni tan-Natura 2000 u bejniethom u fil-kampanja b'mod ġenerali. Mira 2 tinvolvi l-mira dinjija li sar qbil dwarha mill-Istati Membri tal-UE u l-UE fin-Nagoya sabiex 15 % tal-ekosistemi degradati jiġu rrestawrati sal-2020.

Mira 2

Sal-2020, l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom għandhom jinżammu u jitjiebu billi tiġi stabbilita infrastruttura ekoloġika u billi jiġu restawrati mill-inqas 15 % tal-ekosistemi degradati.

TIġI żGURATA S-SOSTENIBBILTÀ TAL-AGRIKOLTURA, IL-FORESTRIJA U S-SAJD

L-UE diġà għamlet sforzi biex tintegra l-bijodiversità fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki oħrajn. Madankollu, minħabba l-benefiċċji li jġibu magħhom il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi f'bosta oqsma, dawn l-isforzi għadhom mhux biżżejjed. Din l-istrateġija tfittex li tttejjeb l-integrazzjoni f'setturi ewlenin, b'mod partikolari permezz ta' miri u azzjoni li jtejbu l-kontribuzzjoni pożittiva li jagħtu l-oqsma tal-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd lill-ħarsien tal-bijodiversità u l-użu sostenibbli[20].

Fir-rigward tal-agrikoltura, strumenti eżistenti li jaqgħu taħt il-PAK se jkunu qed jikkontribwixxu għal din il-mira kif ukoll għall-Miri 1 u 2. Ir-riforma li ġejja tal-PAK u l-PKS kif ukoll il-Qafas Finanzjarju Multiannwali ġdid jippreżentaw opportunitajiet għal titjib fis-sinerġiji u għat-tkabbir tal-koerenza bejn l-għanijiet għall-ħarsien tal-bijodiversità u l-għanijiet ta' dawn il-politiki u ta' oħrajn.

Mira 3*

A) L-agrikoltura: Sal-2020, għandhom jitkattru kemm jista' jkun iż-żoni agrikoli f'mergħat, art li tista' tinħadem u għelejjel permanenti, li jkunu kopruti minn miżuri relatati mal-bijodiversità fil-qafas tal-PAK, bil-għan li tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-bijodiversità u li jsir titjib li jista' jitkejjel (*) fl-istatus ta´ konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats li jiddependu jew ikunu milquta mill-agrikoltura, kif ukoll titjib fl-għoti ta' servizzi ekosistemiċi, imqabbel max-xenarju bażi EU2010, u b'hekk isir kontribut lejn it-titjib tal-ġestjoni sostenibbli.

B) Il-foresti: L-implimentazzjoni sal-2020 ta’ Pjanijiet ta’ Ġestjoni tal-Foresti jew ta’ strumenti ekwivalenti, skont il-Ġestjoni Sostenibbli tal-Foresti (ĠSF)[21], għall-foresti kollha ta’ proprjetà pubblika kif ukoll il-foresti li jisbqu ċertu daqs** (kif għandu jiġi ddefinit mill-Istati Membri jew mir-reġjuni, u kkomunikat fil-Programmi ta’ Żvilupp Rurali tagħhom), li jirċievi fondi fil-qafas tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp Rurali, bil-għan li jsir titjib li jista' jitkejjel (*) fl-istatus ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats li jiddependu jew jintlaqtu mill-forestrija, kif ukoll titjib fl-għoti ta’ servizzi marbutin mal-ekosistema, imqabbel max-xenarju bażi EU2010.

(*) Għaż-żewġ miri, it-titjib għandu jitkejjel skont il-miri kkwantifikati ta' titjib għall-istatus ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats ta' interess għall-UE, stipulati fil-Mira 1, kif ukoll għar-restawr ta' ekosistemi degradati skont il-Mira 2.

(**) Għal proprjetajiet ta' foresti iżgħar, l-Istati Membri jistgħu joffru inċentivi addizzjonali biex iħeġġu l-adozzjoni tal Pjanijiet ta' Ġestjoni jew strumenti ekwivalenti bi qbil mal-ĠSF.

Mira 4:

Is-Sajd: Li jintlaħaq l-ogħla rendiment sostenibbli (MSY)[22] sal-2015. Li tintlaħaq distribuzzjoni tal-popolazzjoni fuq il-bażi tal-età u tad-daqs li tkun xhieda ta' stokk b'saħħtu, u dan permezz ta' ġestjoni tas-sajd li ma tħallix impatti negattivi sinifikanti fuq stokkijiet, speċi u ekosistemi oħrajn, biex b'hekk tgħin sabiex sal-2020 jintlaħaq Stat Ambjentali Tajjeb, hekk kif meħtieġ skont id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima.

IL-ġLIEDA KONTRA SPEċIJIET EżOTIċI INVAżIVI

L-ispeċijiet eżotiċi invażivi (IAS) huma ta' theddida sinifikanti għall-bijodiversità fl-UE u huwa probabbli li din it-theddida tiżdied fil-futur sakemm ma titteħidx azzjoni soda fil-livelli kollha biex jiġu kkontrollati l-introduzzjoni u l-istabbilment ta' dawn l-ispeċi u jkunu indirizzati dawk li diġà ġew introdotti[23]. Kull sena, l-IAS jikkawżaw madwar EUR 12.5 biljun f'dannu fl-UE. Għalkemm l-isfidi li jippreżentaw l-IAS huma komuni għal bosta Stati Membri, bl-eċċezzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-użu ta' speċi eżotiċi jew li ma jeżistux lokalment fl-akkwakultura, bħalissa ma hemm l-ebda politika tal-UE apposta u komprensiva biex tindirizza dawn l-isfidi. L-istrateġija tipproponi li dan in-nuqqas jimtela bi strument leġiżlattiv apposta tal-UE li jindirizza sfidi kbar fir-rigward ta', fost oħrajn, mogħdijiet tal-IAS, detezzjoni bikrija u rispons, trażżin u ġestjoni tal-IAS.

Mira 5:

Sal-2020, l-Ispeċi Eżotiċi Invażivi u l-mogħdijiet tagħhom għandhom jiġu identifikati u mogħtija prijorità, speċi prijoritarji għandhom jiġu kkontrollati jew imneħħija, u l-mogħdijiet għandhom ikunu ġestiti b'mod li jimpedixxu l-introduzzjoni u l-istabbiliment ta' IAS ġodda.

L-INDIRIZZAR TAL-KRIżI DINJIJA TAL-BIJODIVERSITÀ

L-UE ntrabtet li tilħaq il-miri u l-għanijiet internazzjonali tal-bijodiversità għall-2020, mifthiema fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika. Dan jirrikjedi teħid ta' azzjoni fl-UE, iżda wkoll f'livell dinji billi l-UE tgawdi minn benefiċċji sinifikanti tal-bijodiversità dinjija u fl-istess ħin hija responsabbli għal xi telf u degradazzjoni li jseħħu lil hinn mill-fruntieri tagħha, l-aktar minħabba l-mudelli insostenibbli tal-konsum tagħha.

Permezz ta' din l-istrateġija, sforzi mmirati se jippruvaw inaqqsu l-pressjoni fuq il-bijodiversità li ġejja mill-UE filwaqt li jagħtu l-kontribuzzjoni tagħhom biex l-ekonomija ssir aktar ekoloġika, f'konformità mal-prijoritajiet tal-UE għall-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2012. Jekk trid tkompli tkun fuq quddiem fil-politika internazzjonali dwar il-bijodiversità, l-UE se jkollha bżonn twettaq l-impenji speċifiċi li ħadet fis-COP10 fir-rigward tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi u timplimenta l-Protokoll ta' Nagoya dwar l-ABS.

Mira 6:

Sal-2020, l-UE għandha żżid il-kontribuzzjoni tagħha biex tnaqqas it-telf tal-bijodiversità fuq livell dinji.

KONTRIBUZZJONIJIET MINN POLITIKI U INIZJATTIVI AMBJENTALI OħRAJN

Filwaqt li din l-istrateġija sservi bħala l-mutur prinċipali li bih l-azzjoni tal-UE tindirizza t-telf tal-bijodiversità u tiffoka l-azzjoni fejn l-UE għandu l-aktar valur miżjud u qawwa, l-ilħiq tal-mira għall-2020 se jkun jeħtieġ implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti tal-UE, kif ukoll azzjoni fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

Bosta inizjattivi ta' politika eżistenti jew ippjanati se jappoġġaw l-għanijiet tal-bijodiversità. Pereżempju, it-tibdil fil-klima, li joħloq pressjoni sinifikanti u dejjem tikber fuq il-bijodiversità u li se jbiddel il-ħabitats u l-ekosistemi, huwa indirizzat permezz ta' pakkett ta' politika komprensiv tal-UE adottat fl-2009. Se jkun essenzjali li tintlaħaq il-mira taż-2 gradi fir-rigward tat-tisħin tal-atmosfera sabiex ma jiġi impedit itelf tal-bijodiversità. Il-Kummissjoni tippjana li tippreżenta strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima sal-2013.

L-UE għandha leġiżlazzjoni sostanzjali li teħtieġ il-kisba ta' stat ekoloġiku tajjeb għall-ilma sal-2015[24] u għall-ekosistemi marittimi sal-2020[25], u li tindirizza t-tniġġis minn diversi sorsi filwaqt li tirregola s-sustanzi kimiċi u l-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Il-Kummissjoni qed tqis hijiex meħtieġa azzjoni addizzjonali li permezz tagħha jiġi indirizzat it-tniġġis min-nitroġenu u l-fosfati u ċerta sustanzi li jniġġsu l-arja , filwaqt li l-Istati Membri qed jikkunsidraw proposta tal-Kummissjoni għal direttiva ta' qafas li tipproteġi l-ħamrija u li hija meħtieġa biex tippermetti li l-UE tilħaq l-għanijiet tal-bijodiversità. Fl-aħħar nett, il-muturi indiretti li jwasslu għat-telf fil-bijodiversità huma parzjalment indirizzati permezz ta' din l-istrateġija, inkluż permezz ta' azzjoni biex titnaqqas l-impronta ekoloġika tal-UE, u parzjalment permezz ta' inizjattivi oħra bħala parti mill-inizjattiva ewlenija "Ewropa effiċjenti fir-riżorsi".

AĦNA LKOLL PARTI MINNHA

SħUBIJIET GħALL-BIJODIVERSITÀ

Il-ksib tal-miri tal-bijodiversità tal-UE u dawk dinjija għall-2020 jeħtieġu ingaġġ u impenn sħiħ min-naħa ta’ varjetà kbira ta’ partijiet interessati. Sabiex dan jiġi żgurat, se jiġu estiżi u mħeġġa numru ta’ sħubijiet ewlenin bħala appoġġ għal din l-istrateġija:

- Il-Kummissjoni stabilixxiet Pjattaforma tan-Negozju u l-Bijodiversità tal-UE , li bħalissa qed iġġib flimkien negozji minn sitt setturi differenti (agrikoltura, industriji estrattivi, finanzi, provvista tal-ikel, forestrija u turiżmu) sabiex jaqsmu bejniethom l-esperjenzi tagħhom flimkien mal-aħjar prattiki. Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa l-Pjattaforma sabiex tħeġġeġ kooperazzjoni akbar bejn in-negozji fl-Ewropa, inkluż l-SMEs, u rabtiet mal-inizjattivi nazzjonali u dinjija.

- Il-Kummissjoni se tkompli taħdem ma’ sħab oħrajn sabiex tippubbliċizza u timplimenta r-rakomandazzjonijiet tat-TEEB fuq il-livell tal-UE u tappoġġa x-xogħol li jitratta l-għoti ta’ valur lill-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi f’pajjiżi li qiegħdin jiżviluppaw.

- Il-Kummissjoni se tkompli tħeġġeġ aktar il-kollaborazzjoni bejn ir-riċerkaturi u l-partijiet interessati oħrajn li huma involuti fl-ippjanar tal-ispazju u l-ġestjoni tal-użu tal-art fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-bijodiversità fil-livelli kollha, u b'hekk tiżgura konsistenza mar-rakomandazzjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Aġenda Territorjali Ewropea.

- Is-sehem attiv tas- soċjetà ċivili se jkun imħeġġeġ fil-livelli kollha ta' implimentazzjoni. Pereżempju, l-inizjattivi fir-rigward tax-xjenza taċ-ċittadini, huma mezz ta’ valur li permezz tiegħu tinġabar dejta ta' kwalità għolja filwaqt li jimmobilizzaw liċ-ċittadini lejn is-sehem f'attivitajiet ta' konservazzjoni tal-bijodiversità.

- Permezz tal-inizjattiva BEST (Bijodiversità u Servizzi tal-Ekosistema f'Territorji 'il barra mill-Ewropa) il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jaħdmu mal- aktar reġjuni mbiegħda u mal- pajjiżi u territorji lil hinn mill-Unjoni, li fihom wieħed isib aktar speċi endemiċi milli fil-kontinent Ewropew kollu, biex iħeġġu l-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-użu sostenibbli.

- L-UE se tappoġġa wkoll l-isforzi kontinwi li qed isiru għat-titjib fil-kollaborazzjoni, sinerġiji u l-iffissar ta’ prijoritajiet komuni bejn il-Konvenzjonijiet relatati mal-bijodiversità (CBD, CITES, Konvenzjoni dwar l-Ispeċi Migratorji, Konvenzjoni Ramsar dwar l-Art Mistagħdra u l-Konvenzjoni Dinjija dwar il-Wirt). L-UE se tħeġġeġ ukoll kooperazzjoni mtejba bejn is-CBD, il-Konvenzjoni dwar it-Tibdil fil-Klima u dik dwar id-Deżertifikazzjoni sabiex minn dawn joħorġu benefiċċji reċiproċi.

- L-UE se ssaħħaħ id-djalogu u l-kooperazzjoni tagħha dwar il-bijodiversità ma’ sħab ewlenin , partikularment ma' pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali, biex dawn jiżviluppaw u jaġġustaw il-politiki tagħhom b’mod li jilħqu l-miri tal-bijodiversità għall-2020. Il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali huma mistiedna jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-istrateġija u jibdew jiżviluppaw jew jaġġustaw il-politiki tagħhom lejn l-għan tal-ksib tal-miri tal-2020 tal-UE u globali dwar il-bijodiversità.

Dawn is-sħubijiet jgħinu sabiex jiżdied l-għarfien dwar il-bijodiversità, liema għarfien għadu baxx fl-UE[26]. Il-Kampanja tal-Kummissjoni għall-2010 ‘Bijodiversità: Aħna lkoll parti minnha’ se tkun segwita minn kampanja speċifika li tiffoka fuq in-netwerk Natura 2000.

NIMMOBILIZZAW IR-RIżORSI BIEX NAPPOġġAW IL-BIJODIVERSITÀ U S-SERVIZZI TAL-EKOSISTEMA

Il-ksib tal-għanijiet ta’ din l-istrateġija u l-iżgurar tal-fatt li l-UE tilħaq l-impenji tagħha fuq livell dinji fir-rigward tal-bijodiversità jiddependi fuq id-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji. Fil-perjodu kurrenti tal-ipprogrammar u mingħajr ma jiġi antiċipat l-eżitu tan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jaħdmu biex:

- jiżguraw l-użu u d-distribuzzjoni aħjar tal-fondi eżistenti għall-bijodiversità. Skont il-perjodu kurrenti tal-ipprogrammar , EUR 105 biljun mill-Politika ta' Koeżjoni mistennija jintużaw għal attivitajiet relatati mal-ambjent u l-klima, inkluż il-protezzjoni tal-bijodiversità u tan-natura[27]. Madankollu, l-użu tal-fondi għall-bijodiversità huwa anqas minn dak għal kategoriji oħra ta’ nfiq[28].

- jirrazzjonalizzaw ir-riżorsi disponibbli u jimmassimizzaw il-kobenefiċċji ta’ diversi sorsi ta’ finanzjament , inkluż finanzjament għall-agrikoltura u żvilupp rurali, sajd, politika reġjonali u tibdil fil-klima. Fil-fatt, l-investiment fil-bijodiversità jista’ jħalli l-frott tiegħu b’iżjed minn mod wieħed u joffri tweġiba kosteffiċjenti għall-kriżi tat-tibdil tal-klima. L-inklużjoni tal-għanijiet tal-bijodiversità għandha titqies bħala parti mill-Qafas Strateġiku Komuni li qed jiġi kkunsidrat mill-Kummissjoni sabiex tingħata prijorità lill-finanzjament skont il-ħames strumenti ta' finanzjament li jaqgħu taħt il-politiki rurali, reġjonali, soċjali u tas-sajd.

- jiddiversifikaw u jżidu diversi sorsi ta’ finanzjament. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jħeġġu l-iżvilupp u l-użu ta’ mekkaniżmi innovattivi ta’ finanzjament, inkluż l-istrumenti bbażati fuq is-suq. Ħlasijiet għall-iskemi tas-Servizzi tal-Ekosistemi għandhom jippremjaw lil dawk il-prodotti pubbliċi u privati minn ekosistemi agrikoli, tal-foresti u marittimi. Se jiġu pprovduti inċentivi li jiġbdu aktar lejhom investiment mis-settur privat fl-infrastruttura ekoloġika hekk kif il-potenzjal ta’ kumpens tal-bijodiversità se jiġu investigati bħala mod biex jinkiseb approċċ ta' “l-ebda telf nett”. Il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment qegħdin jesploraw l-ambitu għall-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi għall-isfidi tal-bijodiversità, inkluż permezz ta' Sħubijiet bejn il-Pubbliku u l-Privat, kif ukoll it-twaqqif possibbli ta' faċilità għall-finanzjament marbut mal-bijodiversità.

Żewġ rekwiżiti ta’ finanzjament jispikkaw b’mod partikolari. L-ewwel wieħed huwa dwar il-bżonn għall-finanzjament xieraq sabiex jiġi implimentat b’mod sħiħ in-Netwerk Natura 2000, fejn il-finanzjament tal-Istat Membru għandu jkun l-istess bħal finanzjament mill-UE[29]. (ikkalkolat għal total ta’ madwar EUR 5.8 biljun fis-sena). Dan jista’ jitlob li l-Istati Membri jiżviluppaw ippjanar multiannwali għal Natura 2000, li hu konsistenti mal-oqsfa ta’ azzjoni prijorizzata mitluba skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats.

It-tieni jwieġeb għall-impenn tas-CoP10 li r-riżorsi finanzjarji jiżdiedu b’mod sostanzjali mis-sorsi kollha biex issir implimentazzjoni effettiva tal-eżiti ta' Nagoya. Diskussjonijiet dwar il-miri ta’ finanzjament fis-CoP-11 għandhom jirrikonoxxu l-bżonn taż-żieda fil-finanzjament pubbliku, iżda wkoll il-potenzjal ta' mekkaniżmi finanzjarji innovattivi. Il-flussi finanzjarji (riżorsi proprji u sorsi innovattivi) li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet identifikati għandhom ikunu stabbiliti fl-istrateġiji u l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali dwar il-bijodiversità.

Dawn l-impenji jistgħu jitwettqu b’mod dirett permezz ta’ finanzjament addizzjonali apposta għall-bijodiversità u b’mod indirett permezz tal-iżgurar tas-sinerġiji ma’ sorsi ta’ finanzjament rilevanti oħrajn, bħall-finanzjament tal-klima (eż. Dħul mill-ETS, REDD+) u sorsi innovattivi ta' finanzjament oħrajn, bħal fondi ġġenerati permezz tal-Protokoll ta' Nagoya dwar l-ABS. Ir-riforma ta' sussidji li jagħmlu l-ħsara, f'konformità mal-Istrateġija 2020 u l-mira dinjija tas-CBD, se tkun ukoll ta' benefiċċju għall-bijodiversità.

STRATEġIJA TA’ IMPLIMENTAZZJONI KOMUNI GħALL-UE

Jinħtieġ li l-miri kondiviżi bejn l-UE u s-CBD ikunu segwiti permezz ta’ taħlita ta’ azzjonijiet fuq livelli subnazzjonali, nazzjonali u dak tal-UE. Għaldaqstant se tkun meħtieġa koordinazzjoni mill-qrib sabiex jiġi traċċat il-progress li jsir lejn il-ksib tal-miri, inkluż dawk indirizzati permezz ta’ miżuri ta’ politika 'l barra mill-ambitu ta’ din l-istrateġija, u biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-azzjoni tal-UE u tal-Istat Membru. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se taħdem biex tiżviluppa qafas komuni ta’ implimentazzjoni li jinvolvi wkoll atturi, setturi u istituzzjonijiet ewlenin oħrajn u wkoll ibbażat fuq l-aħjar prattika, u li tistabbilixxi r-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ kull wieħed minnhom biex is-suċċess ikun żgurat.

Il-Kummissjoni se tappoġġa u tikkumplimenta l-isforzi tal-Istati Membri billi ssaħħaħ l-leġiżlazzjoni ambjentali, timla l-ispazji vojta li hemm fil-politika billi tipproponi inizjattivi ġodda, tipprovdi linji gwida, finanzjament, u tieħu ħsieb ir-riċerka u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattika.

SEGWITU

Din l-istrateġija tipprovdi qafas ta’ azzjoni li jippermetti li l-UE tilħaq il-mira tagħha għall-bijodiversità għall-2020 u tqiegħdha fit-triq it-tajba biex tikseb il-viżjoni għall-2050. Se tkun suġġetta għal reviżjoni ta’ nofs it-terminu fil-bidu tal-2014, biex b'hekk ir-riżultati jkunu jistgħu jintużaw fit-tħejjijiet tal-ħames Rapport Nazzjonali tal-UE hekk kif mitlub skont is-CBD. Il-miri u l-miżuri se jiġu kkunsidrati mill-ġdid hekk kif informazzjoni ġdida se ssir disponibbli u jsir progress fuq l-għanijiet stabbiliti fl-istrateġija.

Minħabba li ħafna mill-azzjonijiet li ttieħdu llum għall-ħarsien tal-bijodiversità u għat-titjib tal-assi naturali tagħna se jieħdu fit-tul biex iġibu magħhom titjib reali, hemm bżonn li l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija tibda issa biex l-UE tkun tista’ tilħaq il-mira prinċipali tagħha għall-2020.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jappoġġaw il-miri u l-azzjonijiet stabbiliti fl-Anness.

ANNESS

MIRA 1: L-IMPLIMENTAZZJONI SħIħA TAD-DIRETTIVA DWAR L-GħASAFAR U D-DIRETTIVA DWAR IL-ĦABITATS

It-twaqqif tad-deterjorament fl-istat tal-ispeċijiet u l-ħabitats kollha koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura, u t-titjib sinifikanti u li jista' jitkejjel tal-istatus tagħhom sabiex, sal-2020, imqabbel mal-valutazzjonijiet ta' bħalissa: (i) issir żieda ta' 100 % fil-valutazzjonijiet tal-ħabitats u żieda ta' 50 % fil-valutazzjoni tal-ispeċijiet skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats li juru titjib fl-istatus ta' konservazzjoni; u (ii) issir żieda ta' 50 % fil-valutazzjonijiet tal-ispeċijiet skont id-Direttiva dwar l-Għasafar li juru stat aktar sikur jew imtejjeb.

Azzjoni 1: Tlestija tal-istabbilment tan-netwerk Natura 2000 u l-garanzija ta' ġestjoni tajba

1a) L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jiggarantixxu li l-fażi biex tiġi stabbilita Natura 2000, inkluż fl-ambjent marittimu, se tkun kompluta fil-maġġoranza tagħha sal-2012.

1b) L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jkomplu jintegraw il-protezzjoni tal-ispeċi u tal-ħabitats u r-rekwiżiti ta’ ġestjoni f’politiki ewlenin dwar l-art u l-użu tal-ilma, it-tnejn li huma fiż-żoni tan-Natura 2000 u lil hinn minnhom.

1c) L-Istati Membri se jiżguraw li l-pjanijiet ta’ ġestjoni jew strumenti ekwivalenti li jistabbilixxu l-miżuri ta' konservazzjoni u restawr jiġu żviluppati u implimentati f'waqthom għas-siti kollha tan-Natura 2000.

1d) Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, sal-2012 se tistabbilixxi proċess biex tħeġġeġ il-kondiviżjoni tal-esperjenzi, prattika tajba u kollaborazzjoni transkonfinali fil-ġestjoni tan-Natura 2000, fl-oqsfa bijoġeografiċi stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Abitati.

Azzjoni 2: Garanzija ta’ finanzjament xieraq għas-siti tan-Natura 2000

2) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jipprovdu l-fondi u l-inċentivi meħtieġa għal Natura 2000, fosthom permezz ta’ strumenti ta’ finanzjament tal-UE, skont il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss. Il-Kummissjoni se tippreżenta l-fehmiet tagħha fl-2011 dwar il-mod li bih Natura 2000 se tkun iffinanzjata skont il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss.

Azzjoni 3: Żieda tal-għarfien u s-sehem tal-parti interessata u titjib fl-infurzar

3a) Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se tiżviluppa u tvara kampanja ta’ komunikazzjoni importanti ħafna dwar Natura 2000 sal-2013.

3b) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jtejbu l-kooperazzjoni ma’ setturi prinċipali u se jkomplu jiżviluppaw dokumenti ta’ gwida biex itejbu l-fehim tar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni dwar in-natura tal-UE u l-valur li għandha fil-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku.

3c) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jiffaċilitaw l-infurzar tad-direttivi dwar in-natura billi jipprovdu programmi ta’ taħriġ speċifiċi dwar Natura 2000 għall-imħallfin u l-prosekuturi pubbliċi, u billi jiżviluppaw kapaċitajiet aħjar għal promozzjoni tal-konformità.

Azzjoni 4: It-titjib u s-simplifikazzjoni tal-monitoraġġ u r-rappurtar

4a) Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, sal-2012 se tiżviluppa sistema ta' rappurtar ġdida tal-UE dwar l-għasafar, tiżviluppa aktar is-sistema ta’ rappurtar skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats u ttejjeb ir-ritmu, l-aċċessibilità u r-rilevanza tad-dejta tan-netwerk Natura 2000.

4b) Il-Kummissjoni se toħloq għodda tal-ICT apposta bħala parti mis-Sistema ta’ Informazzjoni għall-Ewropa dwar il-Bijodiversità sabiex ittejjeb id-disponibbiltà u l-użu tad-dejta sal-2012.

MIRA 2: Iż-żAMMA U T-TITJIB TAL-EKOSISTEMI U TAS-SERVIZZI TAGħHOM

Sal-2020, l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom jinżammu u jitjiebu billi tiġi stabbilita infrastruttura ekoloġika u billi jiġu rrestawrati mill-inqas 15 % tal-ekosistemi degradati.

Azzjoni 5: Titjib fl-għerf fir-rigward tal-ekosistemi u s-servizzi tagħhom fl-UE

5) L-Istati Membri, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, se jfasslu u jivvalutaw l-istat tal-ekosistemi u s-servizzi tagħhom fit-territorju nazzjonali tagħhom sal-2014, jivvalutaw il-valur ekonomiku ta’ servizzi bħal dawn u jippromwovu l-integrazzjoni ta’ dawn il-valuri fil-kontabbiltà u s-sistema ta’ rappurtar fuq livell tal-UE u dak nazzjonali sal-2020.

Azzjoni 6: Iffissar ta' prijoritajiet sabiex ikun hemm mill-ġdid tħeġġiġ tal-użu tal-infrastruttura ekoloġika

6a) Sal-2014, l-Istati Membri, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, se jiżviluppaw qafas strateġiku li jiffissa l-prijoritajiet għar-restawr tal-ekosistema fuq livell subnazzjonali, nazzjonali u dak tal-UE.

6b) Il-Kummissjoni se tiżviluppa Strateġija għall-Infrastruttura Ekoloġika sal-2012 sabiex tħeġġeġ l-użu tal-infrastruttura ekoloġika fl-UE f'żoni urbani u rurali, dan ukoll permezz ta' inċentivi li jħeġġu investimenti bil-quddiem fil-proġetti tal-infrastruttura ekoloġika u ż-żamma tas-servizzi tal-ekosistemi, pereżempju permezz ta' użu aħjar u iktar immirat tal-finanzjamenti u l-Isħubijiet bejn il-Pubbliku u l-Privat.

Azzjoni 7: Garanzija tal-ebda telf nett tal-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistemi

7a) B’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tiżviluppa, sal-2014, metodoloġija għall-valutazzjoni tal-impatt ta’ proġetti, pjanijiet u programmi marbutin mal-bijodiversità ffinanzjati mill-UE.

7b) Il-Kummissjoni se twettaq aktar xogħol bil-għan li sal-2015 tipproponi inizjattiva li permezz tagħha tiggarantixxi li ma jkunx hemm telf nett tal-ekosistemi u tas-servizzi tagħhom (eż. permezz ta' kumpens jew skemi ta' tpaċija).

MIRA 3: ŻIEDA TAL-KONTRIBUZZJONI TAL-AGRIKOLTURA U L-FORESTRIJA GħAż-żAMMA U T-TITJIB TAL-BIJODIVERSITÀ

3A) L-agrikoltura: Sal-2020, għandhom jitkattru kemm jista' jkun iż-żoni agrikoli f'mergħat, art li tista' tinħadem u għelejjel permanenti, li jkunu kopruti minn miżuri relatati mal-bijodiversità fil-qafas tal-PAK, bil-għan li tiġi żgurata l-konservazzjoni tal-bijodiversità u li jsir titjib li jista' jitkejjel (*) fl-istatus ta´ konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats li jiddependu jew ikunu milquta mill-agrikoltura, kif ukoll titjib fl-għoti ta' servizzi ekosistemiċi, imqabbel max-xenarju bażi EU2010, u b'hekk isir kontribut lejn it-titjib tal-ġestjoni sostenibbli.

3B) Il-foresti: L-implimentazzjoni sal-2020 ta’ Pjanijiet ta’ Ġestjoni tal-Foresti jew ta’ strumenti ekwivalenti, skont il-Ġestjoni Sostenibbli tal-Foresti (ĠSF) [30], għall-foresti kollha ta’ proprjetà pubblika kif ukoll il-foresti li jisbqu ċertu daqs** (kif għandu jiġi ddefinit mill-Istati Membri jew mir-reġjuni, u kkomunikat fil-Programmi ta’ Żvilupp Rurali tagħhom), li jirċievi fondi fil-qafas tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp Rurali, bil-għan li jsir titjib li jista' jitkejjel (*) fl-istatus ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats li jiddependu jew jintlaqtu mill-forestrija, kif ukoll titjib fl-għoti ta’ servizzi marbutin mal-ekosistema, imqabbel max-xenarju bażi EU2010.

(*) Għaż-żewġ miri, it-titjib għandu jitkejjel skont il-miri kkwantifikati ta' titjib għall-istatus ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats ta' interess għall-UE, stipulati fil-Mira 1, kif ukoll għar-restawr ta' ekosistemi degradati skont il-Mira 2.

(**) Għal proprjetajiet ta' foresti iżgħar, l-Istati Membri jistgħu joffru inċentivi addizzjonali biex iħeġġu l-adozzjoni tal Pjanijiet ta' Ġestjoni jew strumenti ekwivalenti bi qbil mal-ĠSF.

Azzjoni 8: Titjib tal-pagamenti diretti għall-prodotti pubbliċi ambjentali fil-Politika Agrikola Komuni tal-UE

8a) Il-Kummissjoni se tipproponi li l-pagamenti diretti tal-PAK jippremjaw l-għoti ta’ prodotti pubbliċi ambjentali li jmorru lil hinn mill-kundizzjonalità (eż mergħa permanenti, kopertura tal-ħaxix, tinwib, twarrib ekoloġiku tal-art, Natura 2000).

8b) Il-Kummissjoni se tipproponi li ttejjeb u tissimplifika l-istandards ta’ kundizzjonalità tal-GAEC (Kundizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajba), u wkoll tikkunsidra li fl-ambitu tal-kundizzjonalità żżid id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma meta din id-Direttiva tkun ġiet implimentata u l-obbligi operattivi għall-bdiewa jkunu ġew identifikati sabiex ikun hemm titjib fl-istat tal-ekosistemi akkwatiċi f'żoni rurali.

Azzjoni 9: Indirizzar aħjar tal-Iżvilupp Rurali għall-konservazzjoni tal-bijodiversità

9a) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jintegraw miri kwantifikati għall-bijodiversità fl-istrateġiji u fil-programmi għall-Iżvilupp Rurali, filwaqt li jadattaw l-azzjoni skont il-ħtiġijiet reġjonali u lokali.

9b) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jistabbilixxu mekkaniżmi biex jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni bejn il-bdiewa u l-operaturi tal-forestrija u biex ikun hemm kontinwità fil-karatteristiċi tal-pajsaġġ, protezzjoni tar-riżorsi ġenetiċi u mekkaniżmi oħra ta’ kooperazzjoni li jipproteġu l-bijodiversità.

Azzjoni 10: Konservazzjoni tad-diversità ġenetika tal-agrikoltura tal-Ewropa

10) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jħeġġu t-teħid ta’ miżuri agroambjentali li jappoġġaw id-diversità ġenetika fl-agrikoltura u jesploraw l-ambitu għall-iżvilupp ta’ strateġija għall-konservazzjoni tad-diversità ġenetika.

Azzjoni 11: Dawk li jieħdu ħsieb il-foresti mħeġġa jipproteġu u jtejbu l-bijodiversità tal-foresti

11a) L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jħeġġu l-adozzjoni ta' Pjanijiet ta’ Ġestjoni[31], fost oħrajn permezz tal-użu ta' miżuri għall-iżvilupp rurali[32] u l-programm LIFE+.

11b) L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jappoġġaw mekkaniżmi innovattivi (eż. Ħlasijiet għas-Servizzi tal-Ekosistemi) biex jiffinanzjaw iż-żamma u r-restawr tas-servizzi tal-ekosistema pprovduti mill-foresti b’diversi funzjonijiet.

Azzjoni 12: Integrazzjoni tal-miżuri għall-bijodiversità fil-pjanijiet ta' ġestjoni tal-foresti

12) L-Istati Membri se jiggarantixxu li l-pjanijiet ta’ ġestjoni għall-foresti jew strumenti ekwivalenti jkunu jinkludu fihom kemm jista’ jkun miżuri minn dawn li ġejjin:

- iż-żamma ta' livelli ottimi ta' injam niexef, filwaqt li jkunu kkunsidrati l-varjazzjonijiet reġjonali bħar-riskju ta' nar jew tifqigħa possibbli ta' insetti;

- il-konservazzjoni ta’ żoni fl-istat naturali tagħhom;

- miżuri bbażati fuq l-ekosistema li jżidu l-flessibbiltà tal-foresti kontra n-nar bħala parti mill-iskemi ta' prevenzjoni tan-nirien fil-foresti, skont l-attivitajiet li jsiru fis-Sistema ta' Informazzjoni Ewropea dwar in-Nirien fil-Foresti (EFFIS);

- miżuri speċifiċi żviluppati għas-siti tal-foresti tan-Natura 2000;

- il-garanzija li l-afforestazzjoni sseħħ skont il-Linji Gwida Pan-Ewropej għal-Livell Operazzjonali għall-ĠSF[33], b’mod partikolari fir-rigward tad-diversità tal-ispeċi u l-ħtiġijiet ta’ adattament għat-tibdil fil-klima.

MIRA 4: GARANZIJA TA’ UżU SOSTENIBBLI TA’ RIżORSI TAS-SAJD

Li jintlaħaq l-ogħla rendiment sostenibbli (MSY) sal-2015. Li tintlaħaq distribuzzjoni tal-popolazzjoni fuq il-bażi tal-età u tad-daqs li tkun xhieda ta' stokk b'saħħtu, u dan permezz ta' ġestjoni tas-sajd li ma tħallix impatti negattivi sinifikanti fuq stokkijiet, speċi u ekosistemi oħrajn, biex b'hekk tgħin sabiex sal-2020 jintlaħaq Stat Ambjentali Tajjeb, hekk kif meħtieġ skont id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija Marittima.

Azzjoni 13: Titjib fil-ġestjoni ta’ stokkijiet tal-qabdiet

13a) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jżommu u jerġgħu jqiegħdu mill-ġdid l-istokkijiet tal-ħut fil-livelli li jkunu jistgħu jipproduċu MSY fiż-żoni kollha li fihom joperaw il-flotot tal-ħut tal-UE, inkluż iż-żoni regolati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali ta’ Ġestjoni tas-Sajd, u l-ilmijiet tal-pajjiżi terzi li magħhom l-UE kkonkludiet il-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd.

13b) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jiżviluppaw u jimplimentaw skont il-pjanijiet ta' ġestjoni fuq tul ta' żmien tal-PKS bir-regoli dwar il-kontroll tal-ħsad ikunu bbażati fuq l-approċċ MSY. Dawn il-pjanijiet għandhom ikunu mfassla biex iwieġbu għal miri speċifiċi relatati maż-żmien u għandhom ikunu bbażati fuq pariri xjentifiċi u prinċipji tas-sostenibbiltà.

13c) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jżidu x-xogħol tagħhom b’mod sinifikanti biex jiġbru d-dejta bħala appoġġ għall-implimentazzjoni tal-MSY. Ladarba jintlaħaq dan il-għan, jista’ jkun hemm parir xjentifiku sabiex jiddaħħlu kunsiderazzjonijiet ekoloġiċi fid-definizzjoni tal-MSY sal-2020.

Azzjoni 14: L-eliminazzjoni ta’ impatti ħżiena fuq l-istokkijiet tal-ħut, speċijiet, ħabitats u ekosistemi

14a) L-UE se tfassal miżuri biex tnaqqas u tneħħi progressivament il-prattiki tar-rimi, biex jiġu evitati l-qabdiet inċidentali ta’ speċijiet mhux mixtieqa, u biex jitħarsu ekosistemi marittimi vulnerabbli skont il-leġiżlazzjoni tal-UE u l-obbligi internazzjonali.

14b) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jappoġġaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija Marittima, inkluż billi jkunu pprovduti inċentivi finanzjarji permezz ta’ strumenti finanzjari futuri għas-sajd u l-politika marittima għaż-żoni marittimi protetti (inklużi ż-żoni ta’ Natura 2000 u dawk stabbiliti permezz ta' ftehimiet internazzjonali jew reġjonali). Dan jista’ jinkludi r-restawr tal-ekosistemi marittima, l-adattament tal-attivitajiet ta’ sajd u l-promozzjoni tal-involviment tas-settur f’attivitajiet alternattivi, bħal pereżempju l-ekoturiżmu, il-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-bijodiversità marittima u l-ġlieda kontra l-iskart fil-baħar.

MIRA 5: IL-ġLIEDA KONTRA SPEċIJIET ALJENI INVAżIVI

Sal-2020, l-Ispeċijiet Eżotiċi Invażivi (IAS) u l-mogħdijiet tagħhom għandhom jiġu identifikati u mogħtija prijorità, speċi prijoritarji għandhom ikunu kkontrollati jew imneħħija, u l-mogħdijiet għandhom ikunu ġestiti b'mod li jimpedixxu l-introduzzjoni u l-istabbiliment ta' IAS ġodda.

Azzjoni 15: Tisħiħ tar-Reġimi dwar is-Saħħa tal-Pjanti u l-Annimali tal-UE

15) Il-Kummissjoni se tintegra aktar kwistjonijiet importanti dwar il-bijodiversità mar-reġimi dwar is-saħħa tal-Pjanti u l-Annimali sal-2012.

Azzjoni 16: Iffissar ta’ strument dedikat dwar l-Ispeċi Aljeni Invażivi

16) Il-Kummissjoni se timla l-ispazji vojta tal-politika fil-ġlieda kontra l-IAS permezz tal-iżvilupp ta’ strument leġiżlattiv apposta sal-2012.

MIRA 6: GħAJNUNA BIEX TIġI EVITATA T-TELFA TAL-BIJODIVERSITÀ FUQ LIVELL DINJI

Sal-2020, l-UE għandha żżid il-kontribuzzjoni tagħha biex tnaqqas it-telf tal-bijodiversità fuq livell dinji.

Azzjoni 17: Tnaqqis ta’ kawżi indiretti li jwasslu għat-telf tal-bijodiversità

17a) Skont l-inizjattiva ewlenija tal-UE dwar l-effiċenzja tar-riżorsi, l-UE se tieħu miżuri (li jistgħu jinkludu miżuri marbuta mad-domanda u/jew mal-miżuri) sabiex jitnaqqsu l-impatti tal-bijodiversità fuq il-mudelli ta’ konsum tal-UE, b’mod partikolari għar-riżorsi li għandhom impatti negattivi sinifikanti fuq il-bijodiversità.

17b) Il-Kummissjoni se ttejjeb il-kontribuzzjoni li tagħti l-politika dwar il-kummerċ fir-rigward tal-ħarsien tal-bijodiversità u tindirizza l-impatti negattivi potenzjali billi tinkludiha sistematikament bħala parti min-negozjati u mid-djalogi mal-pajjiżi terzi, u dan billi tidentifika u tevalwa l-impatti li jista' jkun hemm fuq il-bijodiversità u li jirriżultaw mil-liberalizzazzjoni tan-negozju u l-investiment permezz ta' Valutazzjonijiet tal-Impatt ex ante dwar is-Sostenibbiltà tal-Kummerċ filwaqt li tfittex li fil-ftehimiet ġodda kollha dwar in-negozju tinkludi kapitlu dwar l-iżvilupp sostenibbli li jipprovdi għal dispożizzjonijiet ambjentali sostanzjali ta' importanza fil-kuntest tal-kummerċ, inkluż dwar il-miri għall-bijodiversità.

17c) Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u partijiet interessati ewlenin sabiex tipprovdi s-sinjali t-tajba tas-suq għall-konservazzjoni tal-bijodiversità, inkluż ix-xogħol imwettaq bi skop ta' riforma, ta’ twaqqif bil-ftit il-ftit u ta' eliminazzjoni ta' sussidji li jagħmlu ħsara kemm fuq livell tal-UE kemm dak tal-Istat Membru, u biex tipprovdi inċentivi pożittivi għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-użu sostenibbli.

Azzjoni 18: Mobilizzazzjoni ta’ riżorsi oħrajn għall-konservazzjoni tal-bijodiversità fuq livell dinji

18a) Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jagħtu l-kontribut dovut tagħhom fl-isforzi internazzjonali biex iżidu b’mod sinifikanti r-riżorsi għall-bijodiversità dinjija bħala parti mill-proċess internazzjonali mmirat lejn il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-finanzjament għall-bijodiversità u lejn l-adozzjoni ta’ miri għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi għall-bijodiversità fis-CBD CoP11 fl-2012[34].

18b) Il-Kummissjoni se ttejjeb l-effettività tal-finanzjament tal-UE għall-bijodiversità dinjija billi, fost oħrajn, tappoġġa l-valutazzjonijiet tal-kapital naturali fil-pajjiżi benefiċjarji u l-iżvilupp u/jew l-aġġornament tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Bijodiversità u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni, u billi ttejjeb il-koordinazzjoni fl-UE u mal-kontributuri ewlenin fl-implimentazzjoni ta' assistenza/proġetti tal-bijodiversità u li mhumiex fl-UE.

Azzjoni 19: Kooperazzjoni fl-UE għal żvilupp tal- mingħajr ħsara għall-bijodiversità

19) Il-Kummissjoni se tkompli tanalizza b’mod sistematiku l-azzjoni tagħha ta’ kooperazzjoni fl-iżvilupp sabiex tnaqqas kemm tista’ l-impatt negattiv negattiv fuq il-bijodiversità filwaqt li twettaq Valutazzjonijiet Ambjentali Strateġiċi u/jew Valutazzjonijiet dwar l-Impatt Ambjentali għal azzjonijiet li probabbilment ikollhom effetti sinifikanti fuq il-bijodiversità.

Azzjoni 20: Regolazzjoni tal-aċċess għar-riżorsi ġenetiċi u l-kondiviżjoni ġusta u ekwa tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tagħhom

20) Il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni biex timplimenta l-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess għar-Riżorsi Ġenetiċi u l-Kondiviżjoni Ġusta u Ekwa tal-Benefiċċji li jirriżultaw mill-Użu tagħhom fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, sabiex l-UE tkun tista' tirratifika l-Protokoll malli jista' jkun, u mhux iktar tard mill-2015, kif inhu mitlub mill-mira dinjija.

[1] FAO, 2010.

[2] Il-proġett 'Reefs at Risk Revisited', World Resources Institute, 2011.

[3] http://www.eea.europa.eu/publications/eu-2010-biodiversity-baseline/.

[4] COM(2010) 2020.

[5] COM(2011) 21.

[6] COM(2010) 4.

[7] Il-Pjan Strateġiku dinji 2011-2020 jinkludi l-viżjoni 2050, il-missjoni 2020 u l-20 mira.

[8] Fil-11 ta' Frar 2011, il-Kummissjoni ressqet proposta lill-Kunsill għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll ta’ Nagoya.

[9] http://www.teebweb.org.

[10] Hekk kif stabbilit fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja d-dokument.

[11] Gallai et al, 2009.

[12] Il-popolazzjonijiet tal-friefet ( Grassland butterfly ) niżlu b'iktar minn 70 % mill-1990 ‘l hawn.

[13] Huwa stmat li aktar minn 80 % tal-għelejjel tal-UE jiddependu, tal-inqas parzjalment, fuq id-dakkir tal-insetti (‘Il-Mortalità tan-Naħal u s-Sorveljanza tan-Naħal fl-Ewropa’, 2009).

[14] ‘State of Green Business 2011’ (L-Istat tan-Negozju Ekoloġiku 2011), GreenBiz Group.

[15] http://www.eea.europa.eu/data-and-maps/indicators/ecological-footprint-of-european-countries.

[16] Hekk kif deskritt f'COM(2009) 147 u COM(2011) 17.

[17] http://biodiversity.europa.eu/topics/sebi-indicators. Indikaturi oħra rilevanti jinkludu l-iżvilupp sostenibbli tal-UE u l-indikaturi agroambjentali.

[18] L-impatt li jista' jkollhom il-miri u l-miżuri tqies fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja d-dokument. Id-dokument jindika wkoll, fil-p. 81-82, azzjonijiet li għalihom tinħtieġ aktar valutazzjoni tal-impatt.

[19] COM(2011) 17 finali.

[20] L-agrikoltura u l-foresti jkopru 72 % tal-art tal-UE. Iż-żamma u t-titjib fil-bijodiversità tal-foresti jikkostitwixxu għan iddikjarat fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Foresti tal-UE tal-2006 (traduzzjoni mhux uffiċjali) - COM(2006) 302.

[21] Kif definit f'SEC(2006) 748.

[22] Fis-Samit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar fl-2002, l-UE ffirmat biex ikun hemm il-mira li jintlaħqu l-ogħla livelli ta' rendiment sostenibbli sal-2015 u l-mira ġdida fir-rigward tas-sajd għall-2020, li kienet adottata fil-Konvenzjoni fuq il-Bijodiversità Bijoloġika CoP10.

[23] IEEP, 2010.

[24] Id-Direttiva 2000/60/KE.

[25] Id-Direttiva 2008/56/KE.

[26] http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_290_en.pdf.

[27] COM(2011) 17.

[28] COM(2010) 110. Sa tmiem Settembru 2009, l-użu tal-fondi allokati għall-bijodiversità kien inqas minn dak ta' kategoriji oħra ta' nfiq. F'dak iż-żmien, l-użu tal-fondi għaż-żewġ kategoriji marbutin direttament mal-bijodiversità (“promozzjoni tal-bijodiversità u tan-natura” u “promozzjoni tal-assi naturali”) kien ta’ 18,1 % u 22 % rispettivament, imqabbel mal-medja ta’ 27,1 % għall-finanzjament kollu tal-politika ta' koeżjoni. L-Istati Membri huma mitluba jissottomettu ċ-ċifri aġġornati sa tmiem Ġunju 2011, u d-dejta konsolidata għandha tkun disponibbli fis-sajf.

[29] Kif meħtieġ skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats.

[30] Kif definit f'SEC(2006) 748.

[31] Il-ĠSF teħtieġ użu akbar tal-pjanijiet ta’ ġestjoni jew strumenti ekwivalenti. 23 Stat Membru diġà għandhom aktar minn 60 % tal-foresti tagħhom li qed jużaw tali pjanijiet.

[32] Hekk kif stabbilit permezz tar-Regolament tal-Kunsill 1698 (2005).

[33] http://www.foresteurope.org.

[34] Hekk kif stabbilit fid-Deċiżjoni X/3 ta’ CoP10.

Top