EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011DC0184

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1608/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill il-Kunsill dwar l-istatistika xjentifika u teknoloġika

/* KUMM/2011/0184 finali */

52011DC0184

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1608/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill il-Kunsill dwar l-istatistika xjentifika u teknoloġika /* KUMM/2011/0184 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 11.4.2011

KUMM(2011) 184 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1608/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill il-Kunsill dwar l-istatistika xjentifika u teknoloġika

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1608/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill il-Kunsill dwar l-istatistika xjentifika u teknoloġika

SOMMARJU EŻEKUTTIV

L-istatistika uffiċjali dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni (l-istatistika tal-STI) fl-Unjoni Ewropea hija bbażata l-biċċa l-kbira fuq id-Deċiżjoni Nru 1608/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2003 li tirrigwarda l-produzzjoni u l-iżvilupp tal-istatistika Komunitarja dwar ix-xjenza u t-teknoloġija[1]. F'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, din id-Deċiżjoni ġiet implimentata mill-Eurostat permezz ta' miżuri leġiżlattivi u ġbir volontarju tad-dejta u permezz tal-produzzjoni statistika tal-Eurostat innifsu.

Dan ir-rapport jevalwa l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet individwali statistiċi mniżżla fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni. Dawn l-azzjonijiet jimmiraw li jistabbilixxu sistema statistika ta' informazzjoni fuq ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni biex jappoġġjaw u jimmonitorjaw l-politiki tal-UE.

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2004 u Nru 1450/2004 li jimplimentaw id-Deċiżjoni 1608/2003/KE jirrigwardaw żewġ ġabriet ta' dejta li huma regolarment imwettqa fi ħdan is-Sistema Statistika Ewropea (SSE) mill-awtoritajiet tal-istatistika tal-Istati Membri. Kemm l-istatistika tal-iżvilupp u r-riċerka (R&D) kif ukoll dik tal-innovazzjoni miġbura skont dawn iż-żewġ Regolamenti ta' implimentazzjoni saru dejta ta' referenza rikonoxxuta u kkwotata estensivament fil-monitoraġġ tal-politika tal-UE fil-qasam tax-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni (STI).

Flimkien mad-dejta tal-iżvilupp u r-riċerka, l-ewwel Regolament jiddiskrivi wkoll xogħol ta' statistika li jkopri oqsma oħra tal-Istatistika dwar ix-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni (STI), bħar-riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija, l-industriji li jużaw teknoloġija avvanzata u s-servizzi bbażati fuq l-għarfien, u l-privattivi. L-istatistika f'dawn l-oqsma hija prodotta direttament mill-Eurostat billi jintużaw id-dejta u l-istatistika mis-sors eżistenti (esterni jew interni għall-Eurostat). Dan huwa kkumplimentat mill-ġabra tad-dejta volontarja fi ħdan l-SSE dwar il-karrieri ta' detenturi ta' dottorat.

Il-kwalità tad-dejta statistika saret aktar essenzjali minħabba l-orjentazzjoni politika u l-monitoraġġ u b'mod partikolari l-fatt li l-miri ta' politika huma stabbiliti permezz ta' informazzjoni statistika. L-istrateġija Ewropa 2020, bħall-predeċessur tagħha l-istrateġija ta' Lisbona, stabbiliet mira preċiża għall-intensità tar-Riċerka u l-Iżvilupp (R&D) (infiq ta' 3 % tal-PGD tal-UE fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp sal-2020) u għalhekk huwa ta' importanza kbira li l-kwalità tal-kejl tkun u tibqa' ta livell għoli.

L-adozzjoni tar-Regolamenti ta' hawn fuq li jimplimentaw id-Deċiżjoni Nru 1608/2003/KE stabilizzat il-kwalitá tad-dejta dwar ix-Xjenza, it-Teknoloġija, u l-Innovazzjoni (STI). Dan ġie segwit minn titjib gradwali u kontinwu u monitoraġġ mill-qrib tal-kwalità. Il-qbil u l-implimentazzjoni tal-istandards u l-metodoloġija internazzjonali u d-diskussjoni kostanti dwar ir-rilevanza tagħhom fil-qafas ta' kejl dinamiku jimmiraw li jżommu l-istatistika aġġornata u ta' kwalità mill-aqwa.

F'xogħol ta' żvilupp ulterjuri dwar l-istatistika tal-STI kemm il-prioritajiet stabbiliti mill-ħtiġijiet ta' politika kif ukoll l-iżvilupp tal-SSE sħiħa se jitqiesu. Minħabba l-prioritajiet diġà stabbiliti bl-istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattiva ewlenija tagħha l-Unjoni tal-Innovazzjoni, se jitfittex li jinstab bilanċ bejn xogħol u azzjonijiet ġodda biex tittejjeb iktar l-istatistika tal-STI eżistenti.

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1608/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsillli tirrigwarda l-produzzjoni u l-iżvilupp tal-istatistika Komunitarja dwar ix-xjenza u t-teknoloġija

1. DAĦLA

Dan ir-rapport jikkonċerna l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1608/2003/KE tat-22 ta' Lulju 2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tirrigwarda l-produzzjoni u l-iżvilupp tal-istatistika Komunitarja dwar ix-xjenza u t-teknoloġija (minn hawn 'il quddiem: id-Deċiżjoni).

Dan huwa it-tieni rapport li l-Kummissjoni hija meħtieġa tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni. L-ewwel rapport ġie adottat fl-14 ta' Diċembru 2007[2].

F’Ġunju tal-2010, il-Kunsill Ewropew adotta l-istrateġija tal-Ewropa 2020 għall-impjiegi u għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv[3]. Ikkonferma wkoll il-miri ewlenin tal-UE, fosthom waħda għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp (R&D), b'mod partikolari bil-għan li jitkabbru l-livelli kkumbinati tal-investiment pubbliku u privat f'dan is-settur għal 3 % tal-prodott domestiku gross (PDG).

Barra minn hekk , fil-Komunikazzjoni tagħha tas-6 ta' Ottubru 2010[4], il-Kummissjoni pproponiet indikatur li jirrifletti l-intensitá tal-R&D u l-innovazzjoni u, l-monitoraġġ tal-progress kumplessiv tal-prestazzjoni fl-innovazzjoni, tabella ta' valutazzjoni annwali tal-Unjoni tar-Riċerka u Innovazzjoni[5].

Il-Kunsill Kompetittività talab ukoll għal ħidma biex jiġi identifikat sett ta' indikaturi limitat u konsistenti li jservi ta' għodda operattiva skont l-għanijiet u l-istrateġiji politiċi tal-Kunsill biex jimmonitorja l-progress lejn l-kisba sħiħa taż-Żona Ewropea tar-Riċerka[6] ("suq uniku" Ewropew għar-riċerka u l-innovazzjoni, fejn ir-riċerkaturi, l-ideat u l-għarfien jiċċirkulaw b'mod liberu).

Ir-rapport iqis kif is-sistema ta' informazzjoni statistika dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni ġiet implimentata biex tappoġġja u timmonitorja l-politiki tal-UE. L-ewwel parti tar-rapport tiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni. Wara dan isegwu l-kapitoli dwar il-kwalità tad-dejta, l-ispejjeż u l-piż statistiku. L-aħħar kapitolu tar-rapport iħares 'il quddiem lejn l-azzjonijiet strateġiċi li għandhom jittieħdu fis-snin li ġejjin.

2. L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-ISTRATEĠIJA

2.1 L-Implimentazzjoni mill-Kummissjoni

F'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, id-Deċiżjoni 1608/2003/KE ġiet implimentata mill-Eurostat permezz ta' miżuri leġiżlattivi u kollezzjonijiet volontarji tad-dejta u permezz tal-produzzjoni statistika tal-Eurostat innifisu.

Fuq kollox, hemm żewġ Regolamenti ta' implimentazzjoni fis-seħħ:

L-Artikolu 2(1) u (2) tad-Deċiżjoni

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 753/2004 tat-22 ta' April 2004 li jimplimenta d-Deċiżjoni Nru 1608/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istatistika dwar ix-xjenza u t-teknoloġija[7], li tikkonċentra partikolarment fuq l-istatistika tal-R&D. Dan ir-Regolament ikopri wkoll l-istatistika dwar riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija ("l-statistika tal-HRST"), l-istatistika dwar l-industriji li jużaw teknoloġija avvanzata u s-servizzi bbażati fuq l-għarfien, l-istatistika dwar il-privattivi u statistika oħra tal-STI (mingħajr, madankollu, ma jassenja ħidmiet diretti lill-Istati Membri).

L-Artikolu 2(2) (innovazzjoni) tad-Deċiżjoni

ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1450/2004 tat-13 ta' Awwissu 2004 li jimplimenta d-Deċiżjoni Nru 1608/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-produzzjoni u l-iżvilupp tal-istatistika tal-Komunità dwar l-innovazzjoni[8];

Kemm l-istatistika tal-R&D kif ukoll dik tal-innovazzjoni miġbura permezz ta' dawn iż-żewġ Regolamenti ta' implimentazzjoni ssarfu f'dejta ta' referenza rrikonoxxuta u kkwotata b'mod wiesa' fil-monitoraġġ tal-politika tal-UE.

Il-kisbiet ewlenin fl-oqsma varji tal-istatistika tal-STI kienu:

2.1.1 L-istatistika tal-R&D (inkluża l-istatistika dwar l-approprjazzjonijiet tal-baġit jew l-ispejjeż allokati għall-R&D, magħrufa bħala l-istatistika tal-GBAORD )

L-istatistika tal-R&D tkejjel ir-rendiment tal-R&D fl-Ewropa. In-nefqa fuq l-R&D u l-istaff tal-R&D mill-perspettiva tal-impriża jew istituzzjoni li twettaq attivitajiet tal-R&D huma kkompilati f'bosta dimensjonijiet u analiżijiet. Din l-istatistika hija bbażata fuq il-'Manwal Frascati' u se tintuża fost l-oħrajn biex jiġu kkompilati indikaturi ta' intensità tal-investiment fl-R&D pubbliku u privat għall-Istrateġija Ewropa 2020. S'issa intużat biex tikkompilaw l-indikatur tal-Kunsill ta' Lisbona u Barċellona fuq l-intensità tal-R&D.

Kisbiet ewlenin:

Volum ikbar ta' produzzjoni tad-dejta u kwalità tad-dejta u armonizzazzjoni tal-kwestjonarju dwar il-ġbir tad-dejta u s-serje ta' żmien mal-OECD;

Ftehim milħuq dwar it-trattament ta' ‘R&D iffinanzjati minn barra’;

Ingħata bidu għal kejl ta' riċerka kkordinata transnazzjonalment fl-Ewropa (GBAORD u atturi transnazzjonali fl-R&D pubbliċi)

It-titjib fil-kwalità u l-armonizzazzjoni tad-dejta permezz ta' rappurtar stabbilit ta' kwalità u tnedija għal azzjonijiet ta' titjib fuq din il-bażi ta' rappurtar.

2.1.2. Statistika Ewropea dwar l-innovazzjoni

L-istħarriġiet dwar l-innovazzjoni fil-Komunità jkejlu r-rendiment tal-impriżi fl-innovazzjoni fl-Ewropa. Jipprovdu indikaturi dwar attivitajiet ta' innovazzjoni, it-tipi differenti ta' innovazzjoni, in-nefqa fuq l-innovazzjoni, l-effetti jew il-kooperazzjoni fl-innovazzjoni. Dawn l-istħarriġiet huma l-uniku sors armonizzat għall-kejl tal-innovazzjoni fl-Ewropa u lil hinn minnha. Huma bbażati fuq l-hekk imsejjeħ "Manwal ta' Oslo".

Kisbiet ewlenin:

Pubblikazzjoni tal-Manwal ta' Oslo 2005 tal-Eurostat/OECD 2005 li jkopri wkoll l-innovazzjoni organizzattiva u ta' tqegħid fis-suq;

Tħejjija għal diversi sessjonijiet tal-istħarriġ Komunitarju dwar l-innovazzjoni bi kwestjonarju ta' stħarriġ u metodoloġija armonizzati fosthom moduli ad hoc li jkopru l-ekoinnovazzjonjiet u l-kreattività u l-ħiliet (rispettivament għall-2008 u l-2010);

Il-ftuħ u l-estensjoni tal-aċċess għall-mikrodejta tas-CIS permezz taċ-Ċentru SAFE tal-Eurostat u permezz ta' rilaxxi ta' CD-Roms għal użu usa' ta' riċerka.

Artikolu 2(2) (HRST, privattivi u statistika dwar teknoloġija avvanzata) tad-Deċiżjoni

2.1.3 Statistika dwar ir-riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija, l-industriji li jużaw teknoloġija avvanzata u servizzi bbażati fuq l-għarfien u l-istatistika dwar il-privattivi

Abbażi tal-‘Manwal Canberra’, l-istatistika tal-HRST tkejjel dawk mill-forza tax-xogħol li għandhom livell terzjarju ta' edukazzjoni fix-xjenza u t-teknoloġija jew li huma impjegati f'xogħol fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija. L-istatistika dwar it-teknoloġija avvanzata u l-għarfien tissorvelja s-setturi tal-ekonomija li huma kkaratterizzati minn intensità ta' għarfien speċifiku (pereżempju s-settur farmaċewtiku, tal-kompjuters, tat-telekomunikazzjoni, tal-inġenji tal-ajru, tal-R&D). Dawn iż-żewġ settijiet ta' statistika huma prodotti mill-Eurostat permezz ta' dejta statistika eżistenti minn stħarriġiet oħra u kompilazzjonijiet ta' dejta ta' statistika fil-Eurostat. L-istatistika tal-privattivi ġeneralment tintuża bħala indikatur tal-produzzjoni relatat max-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni u dawn l-indikaturi huma prodotti fil-Eurostat fuq il-bażi ta' dejta amministrattiva ġejja mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi jew uffiċċji oħra maġġuri tal-privattivi. Tqabbil mad-dinja kollha ta' attivitajiet ta' privattivi jippermetti l-evalwazzjoni tal-kapaċità innovattiva tal-ekonomiji rispettivi.

Kisbiet ewlenin:

• Flimkien mal-OECD u l-Istitut għall-Istatistika (Institute for Statistics - UIS) tal-UNESCO u fuq il-bażi tal-ħtiġijiet kbar tal-utent, it-tħejjija u l-implimentazzjoni mifruxa ta' ġbir ta' dejta dirett b'mod volontarju għal "l-istatistika dwar il-karrieri tad-detenturi ta' dottorat" ("Statistika tas-CDH"), il-monitoraġġ tad-detenturi ta' dottorat residenti, inklużi il-karatteristiċi personali tagħhom, il-perkors edukattiv u professjonali tagħhom, il-mobilità internazzjonali, eċċ.

- It-tkomplija u t-tisħiħ tal-produzzjoni regolari tal-HRST u tal-istatistika dwar it-teknoloġija avvanzata fuq il-bażi ta' sorsi ta' dejta eżistenti;.

L-evalwazzjoni tal-klassifikazzjonijiet ta' bażi u l-fattibilità tagħhom għall-għoti ta' informazzjoni dwar (l-attivitajiet) tal-ekonomija bbażata fuq għarfien intensiv;

Flimkien ma' istituzzjonijiet internazzjonali oħra (bħall-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, — l-EPO, l-Organizzazzjoni Dinjija għall-Proprjetà Intellettwali — WIPO, l-Uffiċċju tal-Privattivi u l-Marki Kummerċjali tal-Istati Uniti, l-USPTO, l-Uffiċċju tal-Privattivi tal-Ġappun — il-JPO, il-Fondazzjoni Nazzjonali tax-Xjenza tal-Istati Uniti — l-NSF, jew l-OECD), it-twaqqif u aktar titjib tal-EPO PATSTAT, il-bażi armonizzata tad-dejta mhux ipproċessata li tkopri, fost l-oħrajn, l-applikazzjonijiet għal privattivi mal-EPO u l-privattivi mogħtija mill-USPTO.

Il-kontribuzzjoni għal u r-reviżjoni ta' dik li saret fl-2009 tal-Manwal tal-Privattivi tal-OECD f'kooperazzjoni mal-utenti maġġuri msemmija hawn fuq tad-dejta u l-istatistika tal-privattivi;

It-titjib u l-applikazzjoni ta' dan il-metodu tal-Eurostat għall-armonizzazzjoni tal-ismijiet tal-applikanti għall-privattivi jippermettu l-produzzjoni ta' statistika addizzjonali dwar il-privattivi, pereżempju l-proporzjonijiet tal-konċentrazzjoni ta' privattivi, u għall-assenjazzjonital-applikanti għall-privattivi lis-setturi istituzzjonali. Fl-2006, l-ewwel verżjoni taż-żewġ metodi ġiet applikata lill-ismijiet tal-applikanti mal-EPO u l-USPTO u dawn iż-żewġ metodi ġew aġġornati fl-2009 fuq il-bażi tal-ismijiet kollha tal-applikanti fl-EPO PATSTAT;

Sa mill-2005 'l quddiem, l-isforzi sinifikanti li saru fit-trattament tad-dejta u l-iżviluppi metodoloġiċi ppermettew espansjoni ta' indikaturi tal-privattivi pereżempju, fit-teknoloġija avvanzata, fil-bijoteknoloġija, fis-sjieda barranija, koprivattivar intra-UE u internazzjonali, il-permessi tal-privattivi, it-teknoloġiji tal-enerġija.

L-Artikolu 2(2) (statistika disaggregata skont is-sess) tad-Deċiżjoni

Varjabbli tal-persunal tal-ġbir tad-dejta tal-R&D, l-istatistika tal-HRST u s-CDH volontarja joffru analiżi skont is-sess fejn jixraq. Dan iffaċilita sew il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni fuq ir-rwol tan-nisa fix-xjenza – ix-"She Figures" — fl-2006 u l-2009.

L-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni

Ix-xogħol metodoloġiku kompla f'kooperazzjoni mill-qrib ma' sħab internazzjonali oħra, b'mod partikolari l-OECD. Dan wassal, fost affarijiet oħra, għal manwali ġodda u riveduti kif imsemmi hawn fuq, għodda tal-ġbir tad-dejta razzjonalizzati u proċessi tal-ġbir tad-dejta tal-R&D u tas-CDH. L-istandards u l-klassifikazzjonijiet ġew aġġornati biex jikkonformaw mal-klassifikazzjonijiet sottostanti riveduti (attività ekonomika, klassifikazzjoni tal-prodott, objettivi soċjoekonomiċi).

L-Artikolu 2(5) tad-Deċiżjoni

Il-mezz ewlieni għat-tixrid tad-dejta ddettaljata dwar l-STI u d-dokumentazzjoni relatata hija d-dejtabejż ta' statistika bbażata fuq il-web tal-Eurostat, li jista' jinkiseb l-aċċess għaliha mingħajr ħlas. It-tixrid tad-dejtabejż huwa appoġġjat minn għadd ta' pubblikazzjonijiet ta' statistika u Stqarrijiet għall-Istampa. Barra minn hekk, is-sejbiet ewlenin huma kkwotati fis-servizz tal-web tal-Eurostat: "Statistics Explained". Minbarra minn dawn ir-riżultati ta' statistika, il-Eurostat beda joffri aċċess għar-riċerka għal mikrodejta tas-CIS permezz taċ-Ċentru SAFE u permezz tar-rilaxxi ta' CD-Roms. Dan ikkontribwixxa sew għar-riċerka ta' innovazzjoni internazzjonali fil-Kummissjoni u lil hin minnha. Il-Kummissjoni tqassam ukoll id-dejta tal-STI f'bosta rapporti ta' politika (b'mod partikolari dawk relatati mal-istrateġija Ewropa 2020 u l-predeċessur tagħha).

2.2. L-implimentazzjoni tal-istatistika tal-STI fl-Istati Membri

Din it-taqsima tiddeskrivi fil-qosor il-miżuri meħuda fl-Istati Membri fir-rigward tal-istatistika tal-STI miġbura direttament minnhom: l-istatistika tal-R&D/GBAORD, l-istatistika dwar l-istħarriġ tal-innovazzjoni fil-Komunità u l-istatistika volontarja tas-CDH. Għall-oqsma l-oħra, jintużaw sorsi ta' dejta eżistenti oħra li mhumiex inklużi fl-istħarriġiet tal-STI li jridu jitwettqu mill-Istati Membri.

Statistika tal-R&D/GBAORD

Biex jilħqu r-rekwiżiti tar-Regolament Nru 753/2004, bosta pajjiżi adottaw il-kwestjonarji nazzjonali tagħhom u l-ġbir tad-dejta mill-2002/2003 'l quddiem. Kif imsemmi fl-ewwel rapport, għadd ta' pajjiżi kellhom problemi bit-trażmissjoni tad-dejta dwar l-R&D u l-GBAORD għall-ewwel sentejn obbligatorji ta' referenza (l-2003 u l-2004), b'referenza speċjali għall-kompletezza tad-dejta u l-ilħiq tal-iskadenzi imposti mir-Regolament tal-Kummissjoni ta' hawn fuq. Sussegwentement, id-disponnibilità tad-dejta u l-konformità mal-iskadenzi tjiebu b'mod konsiderevoli.

Il-monitoraġġ sistematiku tal-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar l-istatistika b'kollox irriżulta f'sitt notifiki ta' "nonkonformità" lill-Istati Membri għal dejta relatata mas-snin ta' referenza 2006-2008. S'issa l-problemi ta' kopertura u d-dewmien fit-twassil tad-dejta l-biċċa l-kbira ġew illimitati għal okkorrenzi mhux sistematiċi fis-sistemi nazzjonali ta' produzzjoni tad-dejta (problemi aċċidentali, nuqqas temporanju ta' riżorsi, tfassil mill-ġdid maġġuri tal-produzzjoni). It-trażmissjoni tal-varjabbli tal-R&D mitluba fuq bażi volontarja baqgħet madankollu mhux kompluta.

L-Istatistika dwar l-innovazzjoni fl-Ewropa :

L-istħarriġiet Komunitarji dwar l-innovazzjoni saru parti mill-infrastruttura standard statistika fl-Istati Membri li jsegwu r-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1450/2004. L-istħarriġ Komunitarju dwar l-innovazzjoni tal-2004 kien ikkunsidrat bħala anqas ta' piż u aktar faċli biex jiġi implimentat fuq livell nazzjonali. Fl-istħarriġ għall-2006 sar xogħol volontarju biex jiffaċilita l-użu sħiħ tad-definizzjoni ta' innovazzjoni fil-Manwal ta' Oslo u finalment, l-istħarriġ tal-2008 kopra kemm innovazzjonijiet teknoloġiċi (proċess u prodott) kif ukoll dawk mhux teknoloġiċi (organizzazzjonali u ta' kummerċjalizzazzjoni) b'mod indaqs fuq bażi obbligatorja.

Minbarra Stat Membru wieħed l-ebda nuqqas ta' konformità notevoli ma ġie identifikat. Id-dejta tabulari għall-2006 u l-2008 twasslet fil-ħin u f'forma kompluta minn kważi l-Istati Membri kollha. It-twassil ippermetta t-tixrid tad-dejta tal-UE fil-waqt għar-rapport maġġuri tal-Kummissjoni dwar l-innovazzjoni. Madankollu, l-Eurostat mhux qed tirċievi is-settijiet nazzjonali tal-mikrodejta kollha jew il-varjabbli meħtieġa billi dawn it-trażmissjonijiet baqgħu volontarji.

L-istatistika dwar l-iżvilupp tal-karriera tad-detenturi ta' dottorat ("Statistika tas-CDH")

Fuq il-bażi ta' ħtiġijiet aktar qawwija tal-utenti, il-produzzjoni usa' tal-istatistika tas-CDH bdiet fl-2006 u l-2007 f'aktar minn 20 Stat Membru fuq bażi volontarja. F'dan il-kuntest, il-pajjiżi bdew jaħdmu fuq l-użu ta' sorsi u reġistri ta' dejta amministrattiva nazzjonali, billi jibnu oqfsa ta' kampjun nazzjonali li jkopru d-detenturi residenti kollha ta' dottorat, jikkalkolaw id-daqs tal-kampjun, ifasslu l-kwestjonarji nazzjonali ta' stħarriġ u jiżviluppaw tekniki ta' ġbir ta' dejta. Dan ix-xogħol tkompla bl-istħarriġ ekwivalenti tal-2009, l-ittestjar tal-istabilità tal-kunċetti, definizzjonijiet u sistemi tal-produzzjoni tad-dejta. Se ssir evalwazzjoni usa' tal-produzzjoni tal-istatistika tas-CDH wara li jsiru disponibbli r-riżultati minn dan l-istħarriġ fl-2011.

3. IL-KWALITÀ TAD-DEJTA

L-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni

Il-qafas għall-kwalità tad-dejta tal-istatistika tal-STI huwa l-Kodiċi ta' Prassi tal-Istatistika Ewropea[9] li jkopri 15-il prinċipju ewlieni. Bosta prinċipji jirrelataw għall-kuntesti istituzzjonali ġenerali tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u tal-organizzazzjonijiet tagħhom (indipendenza professjonali jew adegwatezza tar-riżorsi) li jikkontribwixxu għall-kwalità kumplessiva tal-istatistika Ewropea, filwaqt li xi prinċipji (bħall-metodoloġija soda permezz tal-manwali) huma stabbiliti internazzjonalment, evalwati b'mod komuni u kostanti u disponibbli għal kulħadd. Diversi prinċipji ta' kwalità li huma relatati direttament għall-istħarriġiet tal-STI huma koperti u mmonitorjati permezz ta' rappurtaġġ ta' kwalità regolari (jiġifieri, preċiżjoni, koerenza u komparabilità).

Il-Eurostat ilu jiġbor rapporti nazzjonali ta' kwalità dwar l-istatistika tal-R&D u GBAORD mill-2007 u għal kull sensiela biennali tal-istħarriġ Komunitarju tal-innovazzjoni mill-2004. Rappurtar ta' kwalità dwar l-istatistika volontarja CDH ġie inkluż fid-dispożizzjoni tal-metadejta nazzjonali fiż-żewġ sensiliet tal-ġbir tad-dejta.

Xi wħud mill-kwistjonijiet ta' kwalità tal-istatistika li jitfaċċaw f'bosta oqsma huma enfasizzati hawn taħt.

L-Istatistika tal-R&D: Ir-rakkomandazzjonijiet dwar il-kompilazzjoni tad-dejta magħmula fil-Manwal Frascati tal-OECD ġew ġeneralment osservati. Il-kwalità tal-istatistika tal-R&D Ewropea tjiebet bl-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 753/2004. L-utenti tad-dejta ma qajmux kritika dwar ir-rilevanza, il-preċiżjoni, jew il-komparabilità tad-dejta. Madankollu, huwa mixtieq ukoll titjib relatat mal-kopertura u mal-kejl.

L-Istatistika dwar l-innovazzjoni Ewropea: Is-settijiet tad-dejta nazzjonali tjiebu wkoll fil-kompletezza, il-komparabilità u t-twassil fiż-żmien propizju bis-saħħa ta' kwestjonarji iqsar u iktar ċari, proċess ta' produzzjoni u implimentazzjoni aħjar f'livell nazzjonali u familjarità aħjar mal-kunċetti ta' innovazzjoni min-naħa ta' dawk li wieġbu. L-utenti sabu li d-dejta kienet rilevanti ħafna u staqsew għal komparabilità u preċiżjoni anki aħjar għall-varjabbli numeriċi. Kwestjonarju ta' mudell armonizzat imħejji f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1450/2004 huwa meqjus li għamel kontribut pożittiv għall-komparabilità tar-riżultati.

L-Istatistika tas-CDH Il-ġbir tad-dejta dwar is-CHD fl-2006, kien l-ewwel tentattiv ta' ġbir ta' dejta fuq skala kbira dwar id-detenturi ta' dottorat. Ta' sfida partikolari kienet li jinstabu s-sorsi għall-ikkampjunar rappreżentattiv li jħalli wkoll li jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' mobilità internazzjonali.

Statistika oħra tal-STI: Għall-oqsma l-oħra t-titjib fil-kwalità jiddependi l-biċċa l-kbira fuq il-progress li jsir bid-dejta mis-sors. Sar progress konsiderevoli f'dan ir-rigward permezz tad-dejta mill-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE, l-istatistika tal-Kummerċ jew permezz tal-PATSTAT. Il-klassifikazzjonijiet li ntużaw ġew aġġornati f'konformità mal-attività ekonomika rriveduta u l-klassifikazzjonijiet tal-prodott.

4. SPEJJEŻ U PIŻ

Il-Eurostat ikejjel l-ispejjeż u l-piż imposti mill-istatistika dwar in-negozju f'għadd ta' oqsma tal-istatistika. Skont l-analiżi globali l-iktar riċenti tal-piż ta' rispons fl-Istati Membri mnedija f'Ġunju 2009, l-istatistika tal-STI (R&D u l-istatistika tal-innovazzjoni) tinstab fl-għaxar post f'termini ta' piż fuq l-intrapriżi li wieġbu fost is-16-l-istatistika tan-negozju koperta. Il-piż annwali tal-istatistika tal-STI jinbidel xi ftit, billi dan jirrifletti n-natura biennali tal-istatistika dwar l-innovazzjoni.

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1608/2003/KE saru tentattivi biex tinġabar dejta fuq in-nefqa u l-piż tal-ġabriet tad-dejta relatati. Intalbu miżuri preċiżi fir-rappurtar tal-kwalità regolari iżda dawn kienu kemxejn diffiċli biex jinkisbu, partikolarment b'mod armonizzat li jippermetti tqabbil jew evalwazzjoni tal-ispejjeż globali. Bosta Stati Membri enfasizzaw li mhux se jkun possibbli li n-nefqa tal-istħarriġiet dwar l-R&D u l-Innovazzjoni u tal-kompilazzjonijiet tad-dejta tiġi separata, kemm minn negozji oħra jew minn statistika relatata jew minn attivitajiet simili bbażati biss fuq ħtiġijiet nazzjonali. Meta tkun disponibbli d-dejta, il-metodoloġiji li jintużaw għar-rapportaġġ ukoll ikunu differenti fost l-Istati Membri u fi ħdan l-Istati Membri bejn l-istituzzjonijiet li qed imexxu, u għalhekk l-informazzjoni ma tippermettix tqabbil veru u affidabbli jew pubblikazzjoni tal-istimi tal-ispejjeż individwali.

Suġġett għar-reservazzjonijiet ta' hawn fuq, il-piż medju mkejjel bil-ħin mqatta' biex jiimtela' l-kwestjonarju tas-settur tal-intrapriża R&D għall-perjodu ta' referenza 2007 jvarja bejn 0.7 sigħat għal 4 sigħat fost it-13-il Stat Membru fejn id-dejta hija disponibbli (bl-eċċezzjoni ta' sitt sigħat irrappurtati minn Stat Membru wieħed). L-iktar ħin tipiku meħud kien ta' sagħtejn. Hija disponibbli ħafna inqas dejta minn setturi ekonomiċi oħra minkejja l-perjodi ta' ħin mqatta' biex jimtela l-kwestjonarju tal-R&D fis-settur tal-gvern u l-edukazzjoni għolja jidhru ħafna itwal minn dawk fis-settur tal-intrapriża, minkejja li huma relattivament qrib xulxin.

Fir-rigward tal-istħarriġ Komunitarju dwar l-innovazzjoni, l-informazzjoni inkluża fir-rapportaġġ dwar il-kwalità mis-sensiliet ta' stħarriġ tal-2006 u l-2008 turi li l-ħin mqatta' biex jimtela l-kwestjonarju tal-innovazzjoni varja bejn 0.45 u 4.5 sigħat (b'valur estrem ta' 6 sigħat). Il-ħin tipiku kien ta' 1.7 sigħat u sagħtejn rispettivament, u għalhekk qrib il-piż tal-istħarriġ dwar l-R&D. Evidenza dgħajfa wara d-dejta disponibbli mill-Istati Membri individwali miż-żewġ sensiliet turi li l-piż tar-rispons mkejjel mill-ħin meħud ma żdiedx bejn l-2006 u l-2008. Bl-istess mod, l-ispejjeż għall-awtoritajiet tal-istatistika baqgħu relattivament stabbli mill-2006 sal-2008. Sfortunatament, id-dejta tal-ispejjeż baqgħet koperta relattivament ħażin, u b'hekk ma kienx possibbli li ssir analiżi ulterjuri,

Tnedew bosta sejħiet għal proposti ta' għotjiet fil-baġit tal-Kummissjoni għall-2006 u l-2009 għall-ikkofinanzjar tal-partijiet mhux obbligatorji tal-ġbir tad-dejta dwar l-R&D u s-CIS jew għall-istudju tal-fattibilità tal-iżvilupp ta' indikaturi ġodda jew l-iffinanzjar tal-istħarriġiet dwar is-CDH. L-impenji totali għall-2006 kienu ta' EUR 676 782 għas-CIS u EUR 373 311 għas-CDH, b'għaxar u seba' Stati Membri u pajjiżi taż-ŻEE jipparteċipaw rispettivament.. Kollox ma' kollox, l-impenji tal-2009 kienu ta' EUR 163 457 għall-R&D, EUR 713 475 għas-CIS u EUR 898 610 għas-CDH, bil-parteċipazzjoni ta' tmienja, 16 u 13-il Stat Membru u pajjiż taż-ŻEE rispettivament.

Il-Programmi Multi-Benefiċjarji tal-Phare, għal bejn l-2004 u l-2006, għall-kooperazzjoni statistika u l-Programm Multi-Benefiċjarju għall-Faċilità tat-Tranżizzjoni, għall-2004 u l-2005, għall-integrazzjoni statistika ppermettew l-ikkofinanzjar tal-implimentazzjoni tal-istħarriġiet tal-R&D, is-CIS u s-CDH biss f'dawk l-Istati Membri li ngħaqdu mal-Unjoni mill-ħames tkabbir (2004) lil hinn. L-ammont totali li ngħata lill-benefiċjarji permezz ta' dawn l-azzjonijiet kien ta' EUR 219 631 għall-R&D, EUR 417 723 għas-CIS u EUR 426 042 għas-CDH rispettivament għal 11, 12 u disa' benefiċjarji.

5. AKTAR ŻVILUPP TAL-ISTATISTIKA TAL-STI

L-istatistika teħtieġ ċertu stabilità. Madankollu, fil-qasam tal-istatistika tal-STI il-fenomenu ta' interess huwa dinamiku min-natura tiegħu u ta' sikwit jinqalgħu ħtiġijiet mill-utenti ġodda. Ir-rispons għall-ħtiġijiet ġodda huwa ta' sfida partikolari fl-ambjent preżenti tas-Sistema Statistika Ewropea kif deskritt hawn taħt.

5.1 Bidliet fl-ambjent

5.1.1 Ħtiġijiet tal-utenti

L-interess politiku qawwi u kontinwu fl-R&D, l-innovazzjoni u l-ekonomija tal-għarfien kollox ma' kollox ifisser pressjoni kostanti fuq l-istatistika tal-STI. Ir-rekwiżiti tal-utenti bħal dejta iktar f'waqtha u ddettaljata bi kwalità mtejba ilhom magħrufa għal żmien twil u ħafna kwistjonijiet huma indirizzati b'għodod msaħħa bħar-rappurtar tal-kwalità, metodoloġija iktar preċiża jew il-qsim tal-prattiki tajba. L-internalizzazzjoni tal-R&D u l-espansjoni tal-attivitajiet tal-innovazzjoni għas-settur pubbliku huma eżempji ta' rekwiżiti ġodda għal monitoraġġ tal-istatistika, li l-fattibilità tiegħu qed tiġi investigata permezz ta' stħarriġiet pilot. Ħtiġijiet ġodda u ġġustifikati sew huma mistennija li jiġu indirizzati b'mod kostanti għall-istatistika tal-STI fl-futur.

5.1.2 Il-metodu ta' produzzjoni tal-istatistika tal-UE: viżjoni għad-deċennju li ġej

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-viżjoni għall-istatistika Ewropea[10] titlob għal approċċi iktar integrati, u iktar intelliġenti għall-produzzjoni tal-istatistika. Dan jinkludu l-integrazzjoni tal-għodod ta' statistika u iktar użu tas-sorsi amministrattivi u s-simplifikazzjoni u t-titjib tal-ambjent regolatorju tal-istatistika, bil-għan li tinkiseb dejta statistika iktar rikka u ta' natura li tħares 'il quddiem, li ttejjeb il-produttività u li tnaqqas il-piż tar-rispons.

5.1.3 Riżorsi skarsi u l-iffissar tal-prioritajiet

Ġie rrappurtat nuqqas ta' riżorsi mill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika f'kuntesti varji waqt is-snin riċenti, li jqajjem tħassib serju dwar l-abilità li jintlaħqu r-rekwiżiti statistiċi tal-ESS. L-issettjar tal-prioritajiet għalhekk qed isir iktar kruċjali minn qatt qabel u jikkonċerna kemm l-operazzjonijiet statistiċi eżistenti kif ukoll dawk ippjanati.

5.2 It-titjib u l-evalwazzjoni tal-istatistika tal-STI preżenti

L-istatistika eżistenti teħtieġ li tissodisfa r-rekwiżit li hija affidabbli u tajba għall-iskop. Bl-użu sħiħ tal-monitoraġġ ta' konformità regolari u l-ġbir sistematiku ta' rapporti dwar il-kwalità, il-ġbir ta' dejta eżistenti, dwar l-R&D u l-innovazzjoni b'mod partikolari, se jinżammu taħt sorveljanza kostanti u reviżjoni tal-kwalità. Bħalissa dan huwa iktar importanti billi l-istrateġija Ewropa 2020 se tkun mmonitorjata fost oħrajn permezz ta' indikaturi varjabbli tal-STI.

Din l-operazzjoni se tkun assistita mir-Reviżjoni Rolling fl-2011, li hija għodda biex twettaq valutazzjoni kumplessa f'sens usa' li tinvolvi evalwazzjoni mhux biss tad-dejta statistika prodotta iżda anki tal-proċess biex tipproduċiha, l-interazzjonijiet mal-fornituri tad-dejta u l-interazzjonijiet mal-utenti tad-dejta.

Fid-dawl tal-issettjar tal-ambjent diskuss iktar 'il fuq, il-kwistjonijiet li ġejjin b'mod partikolari se jiġu indirizzati bi prijorità għolja:

Statistika tal-R&D. Dan jinvolvi li jkun żgurat li d-dejta ta' bażi titkejjel mill-aġenti fl-R&D jew tal-inqas tiġi stmata meta meħtieġ, kemm jekk tkun magħrufa minn qabel u kemm jekk le, u tkopri s-setturi u s-subsetturi ekonomiċi kollha u d-daqsijiet kollha tal-unitajiet operattivi - u b'hekk tkopri t-totalità tal-R&D (nefqiet u persunal) fl-ekonomija fi żmien speċifiku. F'dan il-kuntest, se jiġi żviluppat sett bażiku ta' indikaturi biex jimmonitorja l-ERA. Dan jinkludi metodoloġija ta' statistika affidabbli biex titratta n-nuqqas ta' tweġibiet fl-istħarriġiet u l-indirizzar tal-kwistjonijiet tal-kejl tal-R&D, bil-għan li jiżdied il-livell tal-armonizzazzjoni internazzjonali.

L-Istatistika dwar l-innovazzjoni fl-Ewropa. Il-kwistjonijiet ta' kejl tal-innovazzjoni fil-kunċetti differenti tagħha jridu jiġu indirizzati. Dan ikopri b'mod partikolari l-varjabbli numeriċi, l-ispejjeż ta' innovazzjoni u l-fatturat mill-innovazzjoni. Barra minn hekk, se ssir valutazzjoni ta' jekk estensjoni tal-kopertura (għall-attivitajiet kummerċjali kollha, l-ekonomija sħiħa) iżżidx informazzjoni ġdida f'livell li jista' jkun iġġustifikat u huwa fattibbli metodoloġikament.

Fl-ispirtu tal-viżjoni għall-istatistika Ewropea, strateġija għall-użu ta' stħarriġ integrat dwar l-R&D u l-innovazzjoni se tkun evalwata u se ssir valutazzjoni ta' dak li jista' jkun l-impatt partikolarment fuq il-kwalità u l-komparabilità tad-dejta. Din l-evalwazzjoni se tipprova tinkludi l-infrastruttura statistika tal-ESS sħiħa.

L-Istatistika tas-CDH Fl-2011, se ssir evalwazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni tal-ġbir tad-dejta tas-CDH fl-2006 u l-2009 bil-ħsieb li jiġi evalwat il-futur ta' din il-kumpilazzjoni ta' dejta.

L-Istatistika dwar il-privattivi Użu aħjar tas-sors ta' bażi amministrattiv se jkun investigat, b'mod partikolari f'rabta ma' sorsi oħra eżistenti biex jiżdiedu informazzjoni u varjabbli ġodda. Se jsir użu sħiħ mill-metodoloġija mtejba għall-armonizzazzjoni tal-ismijiet .

Se jsir titjib fl-istatistika tal-STI eżistenti (bħal fix-xogħol il-ġdid) f'kooperazzjoni mill-qrib mal-OECD u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra li l-koordinazzjoni magħhom diġà ttejbet. Dan ikopri xogħol biex ikun hemm manwali metodoliġiċi internazzjonali riveduti.

5.3 Indikaturi ġodda, sorsi ta' dejta ġodda

Indikaturi ġodda u sorsi ta' dejta ġodda se jintalbu b'mod frekwenti mill-komunità tal-utenti. Ix-xogħol tal-iżvilupp li jmur lil hinn mis-sorsi ta' dejta eżistenti, inklużi indikaturi ġodda, sorsi ta' dejta ġodda u analiżi terġa' iktar iddettaljata tad-dejta eżistenti (billi tista' tinvolvi daqsijiet ikbar ta' kampjuni jew xogħol metodoloġiku), se jsir biss wara skrining u analiżi bir-reqqa. Dan jista' jikkonċerna xogħol fuq il-privattivi fit-teknoloġiji jew dejta fuq Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali oħra relatati mal-Isfidi tas-Soċjetà, Studji ta' fattibilità u stħarriġiet pilota se jiġu utilizzati wkoll f'dan il-kuntest.

5.4 L-aġġornament tal-qafas legali għall-istatistika tal-STI

L-adozzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 u d-diversi inizjattivi ewlenin tagħha flimkien mal-monitoraġġ taż-Żona Ewropea ta' Riċerka jitolbu għal ftehim fuq il-qafas ta' monitoraġġ tal-istatistika għall-politiki tal-UE stabbiliti. Huwa ta' importanza kbira li l-indikaturi li jintużaw għal dawk l-għanijiet jiġu bbażati fuq l-istatistika u l-varjabbli li huma fi produzzjoni statistika regolari fl-Istati Membri u koperti bil-leġiżlazzjoni statistika.

Il-Eurostat għalhekk jimmira li jirrevedi kemm ir-Regolament (KE) Nru 753/2004 kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 1450/2004 bil-għan li jiġu rriveduti, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari l-ħtiġijiet ta' monitoraġġ tal-politika l-iktar riċenti. Filwaqt li jsir dan ikun qed jintlaħaq bilanċ bejn l-istatistika eżistenti, ġdida u potenzjalment mhux kontinwata u r-raġunijiet fundamentali tal-leġiżlazzjoni u l-istħarriġiet integrati se jiġu investigati. L-enfasi se tibqa' fuq ir-rilevanza u l-kwalità tad-dejta. Leġiżlazzjoni ġdida se titqies b'reqqa partikolari.

[1] ĠU L 230, 16.9.2003, p.1.

[2] COM(2007) 801.

[3] CO EUR 9, CONCL 2.

[4] COM(2010) 546. il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Inizjattiva Ewlenija ta' Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni.

[5] COM(2010) 546.

[6] L-2945 laqgħa tal-Kunsill Kompetittività, Brussell, 29.5.2009.

[7] ĠU L 118, 23.4.2004, p. 23.

[8] ĠU L 267, 14.8.2004, p. 32.

[9] COM(2005) 217.

[10] COM(2009) 404. Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-metodu ta' produzzjoni tal-istatistika tal-UE : viżjoni għad-deċennju li ġej

Top