EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010XC1216(01)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida dwar it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li jużaw denominazzjonijiet protetti ta' oriġini (DPO) u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) bħala ingredjenti

OJ C 341, 16.12.2010, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/3


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Linji gwida dwar it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li jużaw denominazzjonijiet protetti ta' oriġini (DPO) u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) bħala ingredjenti

2010/C 341/03

1.   INTRODUZZJONI

1.1.   Sfond

L-Unjoni Ewropea ilha mill-1992 tiżviluppa politika speċifika dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (1). Il-metodi tat-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li għandhom jiġu kkunsinnjati bħala tali lill-konsumatur aħħari kif ukoll il-metodi ta' pubbliċità marbuta ma' dawn il-prodotti huma koperti bid-Direttiva dwar it-Tikkettar (2).

Il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna denominazzjonijiet protetti ta' oriġini (DPO) u indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) tistipula, inter alia, li d-denominazzjonijiet irreġistrati għandhom ikunu protetti kontra kwalunkwe użu kummerċjali, kemm dirett kif ukoll indirett, fir-rigward ta' prodotti mhux koperti mir-reġistrazzjoni safejn dawk il-prodotti huma komparabbli mal-prodott irreġistrat taħt dik l-indikazzjoni ġeografika u safejn tali użu jisfrutta r-reputazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata (3). Fl-istess waqt, id-Direttiva dwar it-Tikkettar tirrikjedi li t-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel u l-pubbliċità relatata ma jistgħux ikunu tali li jqarrqu bil-konsumatur, b'mod partikolari, fir-rigward tal-karatteristiċi, l-identità, il-kwalitajiet u l-kompożizzjoni tal-oġġetti tal-ikel ikkonċernat (4).

F'dan l-isfond, jekk l-inklużjoni ta' prodott li jibbenefika minn DPO jew IĠP f'oġġett tal-ikel tista', naturalment, tipprovdi vantaġġ sinifikanti għal dawn il-prodotti ta' kwalità, għandu, xorta waħda, jiġi żgurat li kwalunkwe referenza għal tali inklużjoni fit-tikkettar ta' oġġett tal-ikel issir f'bona fide u ma għandhiex tqarraq bil-konsumatur.

1.2.   Linji gwida

Fil-Komunikazzjoni tagħha fuq il-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli (COM(2009) 234), il-Kummissjoni impenjat ruħha li tistabbilixxi linji gwida rigward it-tikkettar u l-pubbliċità għal prodotti pproċessati li jużaw indikazzjonijiet ġeografiċi bħala ingredjenti.

Dawn il-linji gwida ġew imfassla biex juru d-dispożizzjonijiet legali li japplikaw fir-rigward ta' din il-kwistjoni u biex jgħinu lill-operaturi ekonomiċi jistabbilixxu l-livell ta' flessibbiltà disponibbli. B'mod partikolari, għandhom l-għan li jesponu l-fehma tal-Kummissjoni dwar:

il-kundizzjonijiet għall-użu ta' denominazzjonijiet irreġistrati bħal DPO u IĠP fit-tikkettar, fil-preżentazzjoni u fil-pubbliċità tal-oġġetti tal-ikel li jinkludu tali denominazzjonijiet bħala ingredjenti;

il-prattiki tajbin li jiżguraw li d-denominazzjonijiet li ġew irreġistrati bħala DPO jew IĠP li jintużaw bħala ingredjenti f'oġġetti tal-ikel, ma jintużawx b'mod abbużiv li jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tal-prodott li jibbenefika minn tali denominazzjonijiet, jew li jqarrqu bil-konsumaturi rigward il-kompożizzjoni tal-prodott aħħari.

L-applikazzjoni ta' dawn il-linji gwida hija volontarja.

L-eżempji msemmija f'dawn il-linji gwida huma pprovduti, esklussivament, għal finijiet illustrattivi u ma jirreflettux sitwazzjonijiet jew każijiet imressqa lill-Kummissjoni għal attenzjoni tagħha.

Dawn il-linji gwida ma għandhomx jitqiesu bħala interpretazzjoni legalment ristrettiva tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-DPO u l-IĠP jew id-Direttiva dwar it-Tikkettar. Fil-fatt, interpretazzjoni tali ta' din il-leġiżlazzjoni hija biss kompetenza esklussiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; barra dan, il-kwistjoni dwar jekk it-tikkettar ta' ċerti prodotti jistax iqarraq bix-xerrej jew bil-konsumatur jew id-deċiżjoni dwar il-karatteristika potenzjalment qarrieqa ta' isem kummerċjali huma esklussivament kompetenza tal-qrati nazzjonali (5).

Dawn il-linji gwida jistgħu jkunu soġġetti għal reviżjoni.

2.   RAKKOMANDAZZJONIJIET

Fid-dawl ta' dak imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni tixtieq tfassal sensiela ta' rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw il-modi ta' użu ta' denominazzjoni rreġistrata bħala DPO jew IĠP u r-referenzi, abbrevjazzjonijiet u simboli rilevanti tal-Unjoni Ewropea fit-tikkettar tal-prodotti li jibbenefikaw minn tali denominazzjoni kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet marbuta mad-denominazzjonijiet irreġistrati bħala DPO jew IĠP inklużi bħala ingredjenti fl-oġġetti tal-ikel.

2.1.   Rakkomandazzjonijiet dwar l-użu ta' denominazzjoni rreġistrata

1.

Skont il-Kummissjoni, denominazzjoni rreġistrata bħala DPO jew IĠP tistà tkun inkluża, b'mod leġittimu, fil-lista ta' ingredjenti ta' oġġett tal-ikel.

2.

Il-Kummissjoni hija wkoll tal-fehma li denominazzjoni rreġistrata bħala DPO jew IĠP tista' tissemma bħala parti minn jew qrib l-isem kummerċjali ta' oġġett tal-ikel li jinkludi prodotti li jibbenefikaw minn denominazzjoni rreġistrata, kif ukoll fit-tikkettar, il-preżentazzjoni u l-pubbliċità ta' dan l-oġġett tal-ikel, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin.

L-oġġetti tal-ikel ma għandhomx jinkludu l-ebda “ingredjent komparabbli” ieħor, jiġifieri, l-ebda ingredjent ieħor ma jista' jieħu post, kemm parzjalment kif ukoll kompletament, ingredjent li jibbenefika minn DPO jew IĠP. Bħala eżempju, mhux ristrettiv, tal-kunċett ta' “ingredjent komparabbli”, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ġobon bil-vini blu (magħruf aħjar bħala “Ġobon tat-tip blù”) jista' jkun komparabbli mar-“Roquefort”.

Minbarra dan, dan l-ingredjent għandu jintuża wkoll f'kwantità suffiċjenti sabiex jagħti l-karatteristika essenzjali lill-oġġett tal-ikel ikkonċernat. Madankollu, minħabba l-firxa wiesgħa ta' każijiet potenzjali, il-Kummissjoni mhijiex f'pożizzjoni li tissuġġerixxi perċentwali minimu li jista' jiġi applikat b'mod uniformi. Pereżempju, l-inklużjoni ta' ammont minimu ta' ħwar li jibbenefika minn DPO jew IĠP f'oġġett tal-ikel, jekk xieraq, għandha tkun suffiċjenti biex tagħti l-karatteristika essenzjali lill-oġġett tal-ikel ikkonċernat. Min-naħa l-oħra, l-inklużjoni ta' ammont minimu ta' laħam li jibbenefika minn DPO jew IĠP f'oġġett tal-ikel ma tkunx, a priori, suffiċjenti biex tagħti l-karatteristika essenzjali lill-oġġett tal-ikel ikkonċernat.

Fl-aħħar, il-perċentwali tal-inklużjoni ta' ingredjent li jibbenefika minn DPO u IĠP għandu, idealment, jiġi indikat bħala parti jew qrib l-isem kummerċjali tal-oġġett tal-ikel, jew inkella fuq il-lista tal-ingredjenti direttament relatati mal-ingredjent ikkonċernat.

3.

Ladarba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (2), il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-referenzi, abbrevjazzjonijiet (6) u simboli tal-Unjoni Ewropea li jakkumpanjaw id-denominazzjoni rreġistrata ma għandhomx jintużaw ħlief fit-tikkettar, jew bħala parti mill-isem kummerċjali jew qrib tiegħu jew fil-lista tal-ingredjenti, sakemm tkun ċara li l-oġġett tal-ikel innifsu mhuwiex DPO jew IĠP. Fin-nuqqas ta' dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan iwassal għal sfruttar żejjed tar-reputazzjoni tad-DPO jew l-IĠP li jista' jwassal sabiex jiġi mqarraq il-konsumatur. Pereżempju, fil-każ ta' ismijiet kummerċjali “Pizza Roquefort” jew “Pizza magħmula bir-Roquefort DPO”, il-Kummissjoni mhijiex tal-fehma li dawn l-ismijiet qegħdin f'kunflitt ma' xulxin. Min-naħa l-oħra, l-isem kummerċjali “Pizza Roquefort DPO” ma jkunx irrakkomandat peress li isem kummerċjali bħal dan jista' jagħti l-impressjoni li l-pizza nnifisha tibbenefika minn DPO.

4.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li jekk ġie inkluż ingredjent komparabbli ma' ingredjent li jibbenefika minn DPO/IĠP fl-oġġett tal-ikel, l-isem irreġistrat bħal DPO jew IĠP għandu jidher biss fil-lista tal-ingredjenti, u l-metodi biex isir dan għandhom ikunu simili għal ingredjenti oħra msemmija. B'mod partikolari, ikun xieraq li jintużaw karattri identiċi, f'termini ta' tipa, daqs, kulur, eċċ.

2.2.   Rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw l-ispeċifikazzjonijiet marbuta mad-denominazzjonijiet irreġistrati bħala DPO jew IĠP inklużi bħala ingredjenti fl-oġġetti tal-ikel

Skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet marbuta mal-użu ta' denominazzjoni rreġistrata bħala DPO jew IĠP fit-tikkettar ta' oġġetti tal-ikel oħra ma għandhomx jiġu inklużi, fil-prinċipju, fl-ispeċifikazzjonijiet ta' dik id-denominazzjoni, il-konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni min-naħa tal-operaturi ekonomiċi għandha tikkostitwixxi garanzija adegwata. L-oġġetti tal-ikel jistgħu, fuq bażi eċċezzjonali, jiġu elenkati jekk permezz ta' dan tiġi solvuta diffikultà speċifika li ġiet identifikata b'mod ċar u sakemm tikkettar ta' dan it-tip ikun oġġettiv, proporzjonali u mhux diskriminatorju. Fi kwalunkwe każ, kwalunkwe dispożizzjoni elenkata fl-ispeċifikazzjonijiet ma għandhiex tkun intenzjonata li timmodifika l-leġiżlazzjoni fis-seħħ.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12) kif ukoll ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1898/2006 tal-14 ta' Diċembru 2006 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (ĠU L 369, 23.12.2006, p. 1).

(2)  Id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 Marzu 2000 fuq l-approssimazzjoni ta' liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta' oġġetti tal-ikel (ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29).

(3)  Hekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 13(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006.

(4)  Hekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2000/13/KE.

(5)  F'dan ir-rigward, hekk jogħġbok, irreferi għas-sentenza tal-Qorti 2009 f'Severi, C-446/07, Ġabra. p. I-8041, punt 60.

(6)  Dan fil-każ tar-referenzi “denominazzjoni protetta ta' oriġini” jew “indikazzjoni ġeografika protetta” kif ukoll l-abbrevjazzjonijiet DPO u IĠP.


Top