EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IP0128

Għanijiet strateġiċi u rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018 Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 5 ta’ Mejju 2010 dwar l-objettivi strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tal-UE tat-trasport marittimu sal-2018 (2009/2095(INI))

OJ C 81E, 15.3.2011, p. 10–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 81/10


L-Erbgħa, 5 ta’ Mejju 2010
Għanijiet strateġiċi u rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018

P7_TA(2010)0128

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar l-objettivi strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tal-UE tat-trasport marittimu sal-2018 (2009/2095(INI))

2011/C 81 E/03

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Jannar 2009 dwar l-iskopijiet strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018 (COM(2009)0008) (“komunikazzjoni dwar il-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018”),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2007 dwar politika marittima integrata għall-Unjoni Ewropea (COM(2007)0575),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0114/2010),

A.

billi s-sidien tal-bastimenti Ewropej jagħtu kontribut importanti lill-ekonomija Ewropea imma jridu jikkompetu f'ambjent dinji,

B.

billi l-miżuri strutturali u integrati biex jiġi ppreservat u żviluppat is-settur marittimu li qed ikollu suċċess kbir fl-Ewropa huma importanti u għandhom isaħħu l-kompetittività tat-trasport marittimu u s-setturi relatati, filwaqt li jintegraw ir-rekwiżiti tal-iżvilupp sostenibbli u l-kompetizzjoni ġusta,

C.

billi hija neċessità assoluta li ż-żgħażagħ jinġibdu lejn karrieri marittimi u jinżammu fihom, u l-livell tat-taħriġ għall-professjonisti marittimi fl-Ewropa jeħtieġ li jittejjeb permezz tar-reviżjoni li jmiss tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istandards tat-Taħriġ, iċ-Ċertifikazzjoni u s-Sorveljanza tal-Baħħara (Konvenzjoni STCW),

D.

billi t-tibdil fil-klima huwa l-akbar sfida għall-oqsma kollha tal-politiki Ewropej fis-seklu 21,

E.

billi t-trasport marittimu huwa mod ta’ trasport relattivament sod f'dak li jikkonċerna l-ambjent, li madankollu għandu ħafna potenzjal biex isir iktar nadif milli diġà hu; billi għandu jiġi involut, permezz ta’ tnaqqis gradwali fil-marka tal-karbonju tal-bastimenti u tal-infrastrutturi tal-portijiet, fl-isforzi biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima,

F.

billi s-sikurezza hija tal-akbar importanza għall-portijiet, għas-sidien tal-bastimenti u għall-baħħara fuq il-bastiment u fuq l-art; billi l-miżuri tas-sikurezza għandhom iqisu l-protezzjoni tal-ambjent kostali u tal-baħar kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-portijiet u fuq il-bastimenti;

G.

billi għadhom qed iseħħu attakki kriminali fuq il-bastimenti tas-sajd u dawk kummerċjali Ewropej u fuq il-vapuri tal-passiġġieri fil-Golf ta’ Aden, lil hinn mill-kosta tas-Somalja u f'ibħra internazzjonali,

H.

billi l-industrija marittima Ewropea hija waħda mill-aqwa fid-dinja, il-vantaġġ tagħha għandu jiġi ssalvagwardjat fit-tul u dan jista' biss iseħħ permezz tal-innovazzjoni,

I.

billi jeħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet fil-livell amministrattiv it-tajjeb, li jfisser fil-livell dinji, meta possibbli, u fil-livell Ewropew, meta meħtieġ,

Ħarsa ġenerali

1.

Jilqa’ l-komunikazzjoni dwar il-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018;

2.

Jenfasizza l-importanza tas-settur tat-trasport marittimu għall-ekonomija Ewropea, mhux biss bħala trasportatur tal-passiġġieri, tal-materja prima, tal-merkanzija u tal-prodotti tal-enerġija, imma wkoll bħala l-qalba ta’ grupp usa’ ta’ attivitajiet marittimi bħall-industrija navali, il-loġistika, ir-riċerka, it-turiżmu, is-sajd u l-akkwakultura u l-edukazzjoni;

3.

Jenfasizza li l-politika marittima tal-UE għandha tqis il-fatt li l-industrija tat-trasport marittimu tħabbat wiċċha ma’ kompetizzjoni mhux biss fl-Unjoni imma wkoll, u fuq kollox, globalment; jenfasizza wkoll l-importanza tat-tkabbir tat-trasport marittimu, bħala parti mis-settur usa' tat-trasport, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha;

4.

Jittama li l-politiki marittimi tal-UE se jkunu imfassla, minn issa 'l quddiem, fil-qafas ta’ “baħar uniku Ewropew” u, konsegwentament, jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa politika tat-trasport marittimu Ewropea bħala parti minn żona marittima komuni;

Is-suq

5.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tiġġieled kontra l-abbużi tal-bnadar ta’ konvenjenza;

6.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex jinkoraġġixxu l-użu tal-bnadar tagħhom u biex jappoġġjaw il-gruppi marittimi tagħhom fuq l-art, pereżempju billi jipprovdu faċilitajiet fiskali bħas-sistema tat-taxxa tat-tunnellaġġ għall-bastimenti kif ukoll faċilitajiet fiskali għall-baħħara u s-sidien tal-bastimenti;

7.

Iqis li, bħal kull settur ieħor ekonomiku, is-settur marittimu għandu bħala kwstjoni ta’ prinċipju jiġi rregolat skont ir-regoli tal-għajnuna statali, għalkemm l-għajnuna statali tista' tkun permessa eċċezzjonalment għal każijiet speċifiċi sakemm din tingħata fuq bażi temporanja u b'mod trasparenti u li jkun jista' jinftiehem;

8.

Iqis li l-linji gwida dwar l-għajnuna statali għat-tbaħħir, li jiskadu fl-2011, għandhom jinżammu u jiġu estiżi, peress li kkontribwew b'mod sostanzjali għaż-żamma tal-kompetittività internazzjonali tas-settur tat-tbaħħir Ewropew, għall-kapaċità tiegħu li jegħleb b'suċċess il-kompetizzjoni li ta’ spiss tkun inġusta minn pajjiżi terzi, u għaż-żamma tal-pożizzjoni ewlenija tiegħu globalment, u għaldaqstant għenu biex jiġu appoġġjati l-ekonomiji tal-Istati Membri;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta r-regoli l-ġodda mwegħda dwar l-għajnuna statali għat-trasport marittimu fl-2010, u jqis barra minn hekk li l-Kummissjoni għandha tippreżenta l-linji gwida dwar l-għajnuna statali lill-portijiet malajr kemm jista' jkun;

10.

Jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-għajnuna statali għandha tintuża b'mod esklużiv biex tappoġġja s-setturi marittimi Ewropej li impenjaw ruħhom li jirrispettaw l-istandards soċjali, il-promozzjoni tal-impjiegi u t-taħriġ tal-persunal fl-Ewropa, u biex tiġi żgurata l-kompetittività globali tas-settur tat-tbaħħir Ewropew;

11.

Jistieden lill-Istati Membri biex jiffirmaw, jirratifikaw u jimplimentaw malajr il-Konvenzjoni tan-NU dwar Kuntratti għall-Ġarr Internazzjonali ta’ Merkanzija Kompletament jew Parzjalment bil-Baħar, magħrufa bħala r-“Regoli ta’ Rotterdam”, li tistabbilixxi s-sistema l-ġdida ta’ responsabilità marittima;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis aktar it-trasport marittimu u l-istrutturi tiegħu li huma bbażati fuq l-art matul ir-reviżjoni li daqt se ssir tal-linji gwida Komunitarji għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, b'mod partikolari l-konnessjoni multimodali tal-portijiet Ewropej mat-territorju intern;

13.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar il-formalitajiet tar-rappurtar għal bastimenti li jaslu fi jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità (COM(2009)0011), bl-iskop li jiġu ssimplifikati, jitnaqqsu u jiġu eliminati l-proċeduri amministrattivi għat-tbaħħir fuq distanzi qosra fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja t-tbaħħir fuq distanzi qosra bil-ħsieb li jiżdiedu b'mod sostanzjali l-kapaċitajiet ta’ rendiment tat-trasport marittimu fl-Unjoni;

L-aspetti soċjali

14.

Jilqa’ l-inizjattivi tal-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jagħmlu x-xogħlijiet marittimi aktar attraenti għaż-żgħazagħ tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jingħata tagħlim tul il-ħajja u taħriġ mill-ġdid għall-baħħara fil-livelli kollha, kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-bastimenti, bil-ħsieb li jissaħħu l-kwalifiki u l-ħiliet professjonali tal-ħaddiema; jirrakkomanda wkoll li fl-iskejjel tingħata iktar informazzjoni dwar is-settur u li jkun hemm iktar apprendistati disponibbli;

15.

Jistieden lill-Istati Membri, fl-ambitu ta’ konvenzjonijiet internazzjonali bħall-Konvenzjoni STCW u l-Konvenzjoni tax-Xogħol Marittimu tal-2006 tal-ILO, biex itejbu u jimmodernizzaw il-programmi eżistenti ta’ taħriġ bil-ħsieb li jkun hemm aktar żvilupp kwalitattiv tal-kulleġġi marittimi;

16.

Jenfasizza li l-baħħara minn pajjiżi terzi għandhom jikkonformaw ma’ rekwiżiti sodisfaċenti ta’ taħriġ f'konformità mal-Konvenzjoni STCW u jistieden lis-sidien tal-bastimenti u lill-ispettorati nazzjonali biex dan jiggarantixxuh u jinfurzawh, fejn ikun meħtieġ bl-assistenza tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA); itenni t-talba tiegħu għal ratifika rapida mill-Istati Membri tal-Konvenzjoni tax-Xogħol Marittimu tal-2006 tal-ILO u adozzjoni bikrija tal-proposta tal-Kummissjoni, fuq il-bażi tal-ftehim industrijali, biex jiġu inkorporati elementi ewlenin tal-Konvenzjoni fil-liġi tal-UE;

17.

Jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-użu tal-baħħara tal-UE fil-flotti tagħhom u biex joħolqu biżżejjed faċilitajiet biex jipprevjenu l-migrazzjoni tal-baħħara 'l barra mill-Unjoni;

18.

Jilqa' s-suġġeriment tal-Kummissjoni li l-Istati Membri għandhom jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet marittimi Ewropej, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jarmonizzaw il-kurrikuli u l-iskemi ta’ taħriġ rispettivi tagħhom biex jiġu promossi u żviluppati livelli għoljin ta’ kwalifiki u ħiliet avvanzati fost il-baħħara tal-UE;

19.

Jenfasizza li d-dimensjoni soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-baħħara tal-UE huma marbutin mill-qrib mal-kompetittività tal-flotta Ewropea, u li hu meħtieġ li tiġi ffaċilitata l-mobilità tal-ħaddiema fl-industriji marittimi fl-Ewropa kollha u li jiġi żgurat suq intern li jiffunzjona b'mod sħiħ mingħajr ostakoli u mingħajr restrizzjonijiet mhux ġustifikati fuq il-provvista tas-servizzi;

20.

Jinkoraġġixxi l-iskambju tal-prattiki tajbin fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjiegi u l-istandards soċjali, kif ukoll titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien fuq il-bastimenti, b'mod partikolari permezz tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, aċċess aħjar għall-kura tas-saħħa, standards aħjar ta’ sikurezza u taħriġ biex il-baħħara jkunu jistgħu jaffaċċjaw ir-riskji inerenti fl-impjiegi tagħhom;

21.

Jenfasizza li l-ispezzjonijiet għandhom ikunu speċifiċi u bbażati fuq ir-riskju u m’għandhom jiġġeneraw ebda pressjoni regolatorja superfluwa fuq l-industrija;

22.

Jittama li l-kapaċità tal-iżviluppi teknoloġiċi li jikkumpensaw għad-disponibilità dejjem tonqos ta’ baħħara se tiġi investigata, iżda jwissi kontra l-introduzzjoni għaġġelija żżejjed ta’ teknoloġija li tkun għadha ma ġietx ipprovata;

23.

Jistieden lill-awtoritajiet tal-portijiet marittimi biex itejbu l-faċilitajiet għall-baħħara fuq il-bastimenti li jkunu qed jistennew ankrati f'rada, inklużi faċilitajiet għat-trasportazzjoni aktar faċli mill-bastimenti għax-xatt u viċe versa;

L-ambjent

24.

Jirrikonoxxi li jrid isir progress konsiderevoli fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ossidi tal-kubrit u l-ossidji tan-nitroġenu, partikuli (PM10) u CO2, u li dan huwa neċessarju fil-qafas tal-għanijiet tal-protezzjoni tal-klima tal-UE; jenfasizza li s-settur jista' jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-emissjonijiet li jagħmlu l-ħsara u t-tibdil fil-klima u li l-investimenti pubbliċi u privati fir-riċerka u l-iżvilupp se jkunu ta’ interess partikolari f'dan ir-rigward;

25.

Jenfasizza li t-tnaqqis tal-emissjonijiet irid ikun hemm qbil dwaru malajr u jiġi implimentat b'forza vinkolanti permezz tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) biex jiġu limitati d-differenzi fil-kundizzjonijiet kompetittivi, iżda li dan m'għandux iwaqqaf lill-Unjoni milli tieħu inizjattivi bl-għan li jkun hemm aktar tnaqqis mill-flotot tal-Istati Membri tagħha, biex b'hekk jiġu inkoraġġiti l-kontinenti l-oħrajn biex isiru kompetittivi f'dan il-qasam; jiġbed l-attenzjoni hawnhekk għad-differenzi kbar bejn it-trasport bil-baħar fuq distanzi qosra u fuq distanzi twal, xi ħaġa li trid tiġi kkunsidrata meta jintlaħqu l-ftehimiet fl-IMO;

26.

Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu iktar użu – meta jkun possibbli flimkien mal-pajjiżi ġirien – mill-għażla li jagħżlu żoni marittimi ta’ kontroll tal-emissjonijiet, b'mod partikolari għall-ossidi tan-nitroġenu; jenfasizza li t-twaqqif ta’ aktar żoni marittimi ta’ kontroll tal-emissjonijiet m'għandux iwassal għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fl-Ewropa;

27.

Jappoġġja miżuri li jinkoraġġixxu bidliet modali lejn trasport marittimu bil-ħsieb li tittaffa l-konġestjoni f'toroq ewlenin; jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri biex joħolqu pjattaformi tal-loġistika fil-portijiet, li huma essenzjali biex tiġi żviluppata l-intermodalità u tissaħħaħ il-koeżjoni territorjali; jenfasizza li r-regoli internazzjonali u tal-UE m'għandhomx ifixklu l-isforzi magħmula mill-awtoritajiet nazzjonali f'dan ir-rigward; jittama li jara l-introduzzjoni rapida u estensiva, fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran, ta’ “awtostradi tal-baħar”, li għandu jgħin biex jitnaqqsu kemm it-tniġġis kif ukoll il-konġestjoni fin-netwerks fuq l-art;

28.

Jappoġġja fil-prinċipju l-emendi għall-Anness VI tal-Konvenzjoni MARPOL biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ossidi tal-kubrit u tal-ossidi tan-nitroġenu mill-bastimenti, adottati mill-IMO f'Ottubru 2008; huwa mħasseb, madankollu, dwar ċaqliq possibbli mit-trasport fuq distanza qasira bil-baħar lura għal trasport fit-toroq, konsegwenza tal-introduzzjoni tal-limitu ta’ 0.1 % ta’ kubrit, prevista mill-2015, fiż-żoni ta’ kontroll ta’ emissjonijiet tal-kubrit fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tippreżenta valutazzjoni rilevanti tal-impatt lill-Parlament malajr kemm jista' jkun u l-aktar tard sal-aħħar tal-2010;

29.

Iqis li l-modi kollha tat-trasport, inkluż it-trasport marittimu, għandhom jinternalizzaw b'mod gradwali l-ispejjeż esterni tagħhom; jemmen li l-introduzzjoni ta’ dan il-prinċipju se tiġġenera fondi li sussegwentament ikunu jistgħu jintużaw primarjament għall-isforzi biex titħeġġeġ l-innovazzjoni;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu wkoll fuq strumenti alternattivi bħall-introduzzjoni ta’ taxxa fuq il-fjuwils tal-bunker, preferibbilment immirata lejn il-kwalità u r-rendiment ambjentali tal-fjuwils, jew il-kunċett ta’ portijiet ekoloġiċi, fejn bastimenti nodfa jiġu trattati iktar malajr u/jew iħallsu taxxi mnaqqsa tal-port;

31.

Jistieden lill-Istati Membri biex jaħdmu fl-IMO biex jistabbilixxu u jimplimentaw standards ambjentali xierqa u globalment applikabbli;

32.

Jinnota f'dan ir-rigward l-avvanzi fit-teknoloġija tat-tbaħħir fl-ilmijiet interni li ppermettew li jitnaqqsu b'mod sostanzjali l-emissjonijiet mill-magni ta’ bastimenti eżistenti u l-użu possibbli ta’ gass naturali likwidu bħala fjuwil; jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga jekk dawn it-tekniki jistgħux jintużaw ukoll f'bastimenti li jbaħħru u kif tista' titħaffef l-implimentazzjoni tagħhom;

33.

Jiddispjaċih mill-fatt li s-Samit ta’ Kopenħagen dwar il-Klima ma rnexxielu jasal għal ebda konklużjoni fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet minn bastimenti li jbaħħru, imma jisħaq fuq il-fatt li għandhom jitkomplew l-isforzi intensivi, kemm fil-proċess ta’ wara Kyoto, kif ukoll fl-IMO, sabiex jintlaħaq ftehim dwar miżuri dinjija biex jinkiseb tnaqqis bħal dan; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-IMO tingħata mandat għan-negozjati internazzjonali li jmiss dwar il-klima, b'miri kwantifikabbli ta’ tnaqqis għat-trasport marittimu;

34.

Jistieden lill-Unjoni biex tmexxi dan il-proċess fil-livell globali, l-iktar fl-IMO, bil-ħsieb li jitnaqqsu l-emissjonijiet mis-settur marittimu;

35.

Jisħaq fuq l-importanza ta’ faċilitajiet tekniċi interoperabbli għall-provvista tal-elettriku mill-art għall-bastimenti fil-portijiet Ewropej, li jistgħu jnaqqsu t-tniġġis b’mod konsiderevoli; jistieden lill-Kummissjoni biex taċċerta f'liema portijiet dawn il-faċilitajiet jistgħu jintużaw b'mod effiċjenti;

36.

Jenfasizza li, bħala parti mill-politika tagħha ta’ riċerka u żvilupp, il-Kummissjoni għandha tagħti prijorità lill-innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tar-rinnovabbli għall-użu fuq il-bastimenti, bħat-teknoloġiji tax-xemx u tar-riħ;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-potenzjal għat-tnaqqis u l-monitoraġġ tat-tniġġis permezz tal-użu ta’ teknoloġiji intelliġenti fis-settur tat-trasport, l-iktar Galileo;

38.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi operazzjonijiet tal-portijiet u tad-dwana li ma jużawx karti u li titħaffef il-kooperazzjoni fil-portijiet bejn id-diversi fornituri tas-servizzi u l-konsumaturi permezz tal-użu ta’ sistemi u netwerks ta’ trasport intelliġenti bħas-SafeSeaNet u l-e-Custom, bil-ħsieb li jitħaffu l-operazzjonijiet tal-portijiet u jitnaqqas it-tniġġis;

Is-sikurezza

39.

Japprezza l-adozzjoni tat-Tielet Pakkett għas-Sikurezza Marittima, u jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw malajr dan il-pakkett;

40.

Jirrakkomanda kontrolli stretti fuq il-bini tal-bastimenti, inkluża l-kwalità tal-azzar użat u fuq id-disinn u l-manutenzjoni tal-bastimenti, kif previst inter alia fil-leġiżlazzjoni emendata dwar is-soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni;

41.

Jappoġġa l-bidla tad-direzzjoni tal-affarijiet fil-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Kontroll Statali tal-Portijiet, li tinvolvi li l-ispezzjonijiet regolari jiġu sostitwiti bi spezzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju, sabiex preċiżament dawk il-bastimenti li juru diversi nuqqasijiet jiġu indirizzati b’mod effettiv;

42.

Jistieden lill-Istati Membri u lis-sidien tal-bastimenti biex ifittxu li jitqiegħdu fil-“lista l-bajda” tal-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Pariġi; jistieden lis-Slovakkja, b'mod partikolari, biex tagħmel aktar sforz f'dan ir-rigward;

43.

Jitlob lill-ispettorati nazzjonali u lil awtoritajiet nazzjonali oħra biex jikkooperaw aktar mill-qrib fl-iskambju tad-data dwar bastimenti u t-tagħbija tagħhom, sabiex inaqqsu l-pressjoni regolatorja imma jżidu l-effikaċja tal-ispezzjonijiet; jitlob li tiddaħħal b'mod rapidu sistema ta’ ġestjoni ta’ informazzjoni integrata permezz tal-użu u t-titjib tar-riżorsi li diġà huma disponibbli, speċjalment is-SafeSeaNet; jistieden lill-Kummissjoni biex tibda tħaddem malajr kemm jista' jkun sistema ta’ sorveljanza transsettorjali u transkonfinali mal-UE kollha;

44.

Huwa konxju mill-periklu tal-piraterija fil-baħar miftuħ, l-iktar fiż-żona tal-Qarn tal-Afrika u l-ilmijiet lil hinn mill-kosta tas-somalja, u jistieden lis-sidien tal-bastimenti biex jikkooperaw ma’ inizjattivi governattivi biex jipproteġuhom mill-piraterija, bħall-ewwel operazzjoni navali li rnexxiet tal-UE, l-Atalanta; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-kooperazzjoni bejniethom u fin-Nazzjonijiet Uniti biex jipproteġu lill-baħħara, lis-sajjieda u lill-passiġġieri kif ukoll lill-flotta;

45.

Jinnota li l-approċċ globali fil-ġlieda kontra l-piraterija ma jistax jiġi limitat għal forza navali internazzjonali iżda għandu jkun parti minn pjan komprensiv li jkollu l-għan li jippromwovi l-paċi u l-iżvilupp fiż-żona kkonċernata; huwa konxju, ukoll, mill-ħtieġa ta’ implimentazzjoni sħiħa u korretta mill-bastimenti tal-miżuri ta’ awtoprotezzjoni adottati mill-organizzazzjonijiet tat-tbaħħir, permezz tal-Aħjar Prattiki ta’ Ġestjoni approvati mill-IMO;

Kwistjonijiet varji

46.

Jenfasizza li t-tbaħħir hu industrija dinjija u li l-ftehimiet għandhom preferibilment isiru fuq skala dinjija; iqis li l-forum l-aktar xieraq għal dan huwa l-IMO; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu iktar sforz biex jirratifikaw u jimplimentaw malajr il-konvenzjonijiet tal-IMO li ffirmaw;

47.

Jirrikonoxxi bis-sħiħ, barra minn hekk, l-irwol tal-Unjoni fit-traspożizzjoni ta’ regoli internazzjonali fil-liġi tal-UE u fl-implimentazzjoni tal-politika marittima u l-appoġġ tagħha, pereżempju mill-EMSA;

48.

Jenfasizza l-ħtieġa li titħaffef il-modernizzazzjoni u l-espansjoni tal-kapaċitajiet tal-infrastruttura tal-portijiet qabel iż-żieda mistennija fil-volum tal-merkanzija trasportata bil-baħar; jirrimarka li dan se jeħtieġ investimenti kbar, li se jkollhom jikkonformaw ma’ regoli trasparenti u ġusti ta’ finanzjament biex tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta bejn il-portijiet Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-qafas regolatorju jkun koerenti f'dan ir-rigward;

49.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-komunikazzjoni tagħha dwar il-politika tat-trasport marittimu sal-2018 u din ir-riżoluzzjoni bħala l-bażi għar-reviżjoni li daqt se sseħħ tal-White Paper dwar it-Trasport;

50.

Jitlob li jkun hemm politika li tippromwovi l-konnessjonijiet bejn il-portijiet u ż-żoni li jinsabu 'l ġewwa (portijiet nixfin u pjattaformi ta’ loġistika) f'reġjuni li jbatu mill-konġestjoni u li din il-politika tiġi inkorporata fir-reviżjoni tat-TEN-T;

51.

Jenfasizza l-importanza ekonomika u strateġika tal-bini tal-bastimenti, li jagħmilha possibbli li jiġu żviluppati u użati teknoloġiji ġodda applikabbli għall-bastimenti u li jiġu ppreservati ħiliet Ewropej kruċjali li huma meħtieġa biex jinbnew ġenerazzjonijiet ġodda ta’ bastimenti; jitlob li jittieħdu miżuri ta’ appoġġ għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, u t-taħriġ, bil-ħsieb li tiġi żviluppata industrija Ewropea tal-bini tal-bastimenti kompetittiva u innovattiva;

52.

Jitlob li fil-proġetti ta’ modernizzazzjoni u estensjoni tal-portijiet ikun obbligatorju li t-terminals tal-passiġġieri u l-vapuri l-ġodda tal-passiġġieri jiġu mgħammra b'faċilitajiet għal persuni b'mobilità mnaqqsa;

53.

Jilqa' l-inizjattiva li tiġi żviluppata kampanja biex jiġu promossi l-aħjar prattiki fost l-operaturi tat-trasport tal-passiġġieri u tal-vapuri tal-kruċieri fir-rigward tad-drittijiet tal-passiġġieri;

54.

Jistieden lill-Kummissjoni biex matul ir-reviżjoni attwali tat-TEN-T tqis ir-rakkomandazzjonijiet għall-politika tat-trasport marittimu tal-UE sal-2018, l-iktar dawk li jikkonċernaw l-integrazzjoni effiċjenti tal-“awtostradi tal-baħar” u t-trasport fil-mogħdijiet tal-ilma interni, kif ukoll in-netwerk ta’ portijiet ta’ interess Ewropew bħala punti ta’ integrazzjoni;

55.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tabbozza strateġija kumparabbli għat-trasport bil-mogħdijiet tal-ilma interni fl-Ewropa u biex tikkoordinaha mal-istrateġija preżenti, biex jiġi promoss l-iżvilupp ta’ katina tat-trasport ottimizzata li torbot it-trasport marittimu tal-merkanzija u t-trasport tal-prodotti fil-mogħdijiet tal-ilma interni;

56.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq mingħajr dewmien il-pjan direzzjonali mwiegħed tagħha, b'mod li tipprovdi d-dettalji essenzjali biex tissupplimenta l-komunikazzjoni tagħha;

*

* *

57.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


Top