Help Print this page 
Title and reference
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport dwar il-progress tal-politika marittima integrata tal-UE {SEC(2009) 1343}

/* KUMM/2009/0540 finali */
Multilingual display
Text

52009DC0540

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport dwar il-progress tal-politika marittima integrata tal-UE {SEC(2009) 1343} /* KUMM/2009/0540 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.10.2009

KUMM(2009)540 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

RAPPORT DWAR IL-PROGRESS TAL-POLITIKA MARITTIMA INTEGRATA TAL-UE

{SEC(2009) 1343}

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

RAPPORT DWAR IL-PROGRESS TAL-POLITIKA MARITTIMA INTEGRATA TAL-UE

1. D AĦLA

IL-POLITIKA MARITTIMA INTEGRATA (IMP) STABBILIET LILHA NNIFISHA BħALA APPROċċ ġDID LI JTEJJEB L-AħJAR żVILUPP TAL-ATTIVITAJIET KOLLHA LI GħANDHOM X'JAQSMU MAL-BAħAR B'MOD SOSTENIBBLI. IKKONFERMAT IL-VIżJONI LI, BILLI TGħAQQAD FLIMKIEN POLITIKI DWAR IL-BAħAR U L-OċEANI, L-EWROPA TISTA' TISLET MINNHOM RIżULTATI FERM OGħLA B'ħAFNA INQAS IMPATT FUQ L-AMBJENT. L-ISTITUZZJONIJIET TAL-UE, L-ISTATI MEMBRI U R-REġJUNI STABBILIXXEW STRUTTURI TA' GOVERNANZA SABIEX JIżGURAW LI POLITIKI RELATATI MAL-IBħRA MA JIBQGħUX JIġU żVILUPPATI F'IżOLAZZJONI U JQISU L-KONNESSJONIJIET U S-SINERġIJI MA' żONI OħRA TA' POLITIKA. IL-PARTIJIET INTERESSATI KKONFERMAW L-INTERESS KONSIDEREVOLI MURI MATUL IL-PROċESS WIESA' TA' KONSULTAZZJONI TAL-2006-07, LI STABBILIXXA L-IMP BħALA POLITIKA TAL-UNJONI EWROPEA, LI B'MOD PARTIKOLARI HIJA XPRUNATA MINN ISFEL GħAL FUQ. GħODOD transsettorjali bħall-ippjanar spazjali marittimu, is-sorveljanza integrata jew l-għarfien tal-baħar irreġistraw progress tanġibbli u għandhom iwasslu għal titjib sostanzjali fil-mod kif nieħdu ħsieb il-ġestjoni tal-oċeani tagħna. Il-politiki settorjali tal-UE relatati mal-ibħra u l-kosti tagħna, bħall-politika tas-sajd, tat-trasport, tal-ambjent, tal-enerġija, tal-industrija u tar-riċerka, kollha ħadu passi sostanzjali lejn id-direzzjoni ta' integrazzjoni u konsistenza akbar. Il-Kummissjoni wkoll għamlet l-ewwel passi sabiex timplimenta l-IMP fuq bażi reġjonali. Fil-qosor, l-IMP tal-UE qed tibdel il-mod kif l-Ewropej iħarsu lejn l-ibħra u l-oċeani tagħhom u tenniet għal darb’oħra l-importanza strateġika tal-ibħra u r-reġjuni kostali tal-kontinent.

Meta l-Kunsill Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2007[1], approva l-IMP tal-UE u l-Blue Paper[2], huwa talab lill-Kummissjoni sabiex fi żmien sentejn tirraporta dwar il-kisbiet tal-politika. Din il-Komunikazzjoni tiġbor flimkien dawn il-kisbiet u tfassal id-direzzjoni għall-fażi li jmiss tal-IMP. Tenfasizza wkoll kif it-tfassil ta' politika magħquda flimkien lejn l-ibħra, is-setturi marittimi u ż-żoni kostali tagħna jista' jikkontribwixxi sabiex nindirizzaw l-isfidi li nħolqu mill-kriżi ekonomika globali attwali u mill-bżonn sabiex tittieħed azzjoni deċiżiva kontra t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali. Il-Blue Paper ta' Ottubru 2007 stipulat Pjan ta' Azzjoni ambizzjuż. Tinkludi metodi ta' ħidma ġodda, għodod transsettorjali u medda wiesgħa ta' azzjonijiet speċifiċi li jimmirraw sabiex itejbu l-ekonomija marittima, jipproteġu u jirrestawraw l-ambjent tal-baħar, isaħħu r-riċerka u l-innovazzjoni, irawmu l-iżvilupp fir-reġjuni kostali u l-aktar imbegħda, jipprovdu rwol ta' tmexxija fil-kwistjonijiet internazzjonali marittimi u jgħollu l-viżibbiltà tad-dimensjoni marittima tal-Ewropa.

Essenzjalment il-qafas mgħoti mill-IMP ifittex li (u diġà beda) jikseb erba' għanijiet:

- Jippromwovi l-integrazzjoni ta' strutturi ta' governanza billi jagħmilhom aktar inklussivi u kooperattivi;

- Jibni l-bażi tal-għarfien u l-għodod transsettorjali meħtieġa sabiex jagħmel possibbli l-implimentazzjoni ta' politiki integrati;

- Itejjeb il-kwalità ta' politiki settorjali, permezz ta' tfittxija attiva għal sinerġiji u koerenza akbar fost is-setturi;

- Permezz tal-implimentazzjoni tat-tliet punti t'hawn fuq, iqis l-ispeċifiċitajiet tal-ibħra reġjonali madwar l-Ewropa, permezz ta' soluzzjoni magħmula apposta.

L-implimentazzjoni tal-pjan ta' Azzjoni mxiet 'il quddiem b'mod tajjeb: Mill-65 azzjoni fil-pjan, ġew varati jew tlestew 56 (ħafna minnhom fil-forma ta' atti tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill). Ittieħdu diversi inizjattivi dwar 9 azzjonijiet, għalkemm ma ġew adottati l-ebda dokumenti formali. Wara l-ewwel fażi, il-Kummissjoni u l-Istati Membri issa qed jiffukaw l-isforzi fuq il-l-implimentazzjoni effettiva fuq l-art, b'attivitajiet addizzjonali fiż-żoni kollha ta' politika rilevanti fejn hu meħtieġ.

Il-Blue Paper u l-Pjan ta' Azzjoni tfasslu fi klima ekonimika radikalment differenti. Il-kriżi affettwat ukoll l-ekonomija marittima f'termini ta' anqas dħul u tatha imbuttatura 'l isfel. Lil hinn mill-kisbiet li ntlaħqu s'issa, dan id-dokument għalhekk jimmarka wkoll fejn se tenħtieġ aktar azzjoni sabiex niżblukkaw il-potenzjal ovvju tal-oċeani, tal-ibħra u tar-reġjuni kostali tagħna, kif ukoll sabiex nindirizzaw il-problemi ekonomiċi li s-setturi marittimi qed iħabbtu wiċċhom magħhom.

2. GOVERNANZA MARITTIMA U INVOLVIMENT MILL-PARTIJIET INTERESSATI

Il-Blue Paper ippromwoviet reviżjoni kbira tal-approċċ tagħna lejn il-governanza tal-ibħra u l-oċeani fil-livelli kollha ta' gvern: l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u r-reġjuni. L-atturi politiċi b'mod ġenerali rreaġixxew tajjeb ħafna għal dan l-approċċ: sentejn wara, ittieħdu passi mal-Unjoni kollha sabiex tingħeleb in-natura kumpartimentalizzata ta' diversi politiki relatati mal-baħar, jiġu involuti l-partijiet interessati b'mod aktar wiesa', u jiġu identifikati sinerġiji ta' politika.

2.1. Istituzzjonijiet tal-UE

Il-Kummissjoni ħadet diversi passi lejn l-integrazzjoni tat-tfassil tal-politika marittima tagħha. Grupp Direzzjonali ta' Kummissarji ilu jopera mill-2005 u iddibatta l-inizjattivi kollha ta' politika inklużi fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Blue Paper. Ġew stabbiliti strutturi għal laqgħat regolari bejn id-Direttorati Ġenerali involuti sabiex jiġu identifikati sinerġiji u jitneħħew l-inkonsistenzi possibbli bejn il-politiki. Barra minn hekk, il-Kummissjoni organizzat mill-ġdid is-servizzi tagħha u espandiet il-mandat tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd tagħha sabiex tiżgura koordinazzjoni ġenerali tal-politika u tiżviluppa għodod transsettorjali fejn hu meħtieġ, kif ukoll sabiex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet reġjonali.

Il-Kunsill wera impenn qawwi lejn l-IMP. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta' Diċembru 2008[3] mhux biss irrikonoxxa in-natura transsettorjali tal-IMP billi ddiskutiha fil-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni, iżda wkoll "(j)irriafferma l-fatt li approċċ integrat tal-kwistjonijiet maritimi fil-fatt huwa objettiv prinċipali, b'kont meħud tal-ħtieġa li jissaħħu s-sinerġiji, il-koerenza u l-valur miżjud tal-azzjonijiet settorjali mwettqa mill-Unjoni Ewropea, billi tintegrahom f'viżjoni globali tal-ibħra, tal-oċeani u tax-xtut tagħhom, b'kont meħud tal-ispeċifiċitajiet reġjonali (...)."

F'termini istituzzjonali, l-involviment attiv tal-Kunsill u tal-Istati Membri huwa żgurat kemm fil-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali kif ukoll fil-gruppi ta' kuntatt għall-IMP tal-Istati Membri. Dawn il-gruppi jiggarantixxu li l-kompetenza eżistenti fl-amministrazzjonijiet nazzjonali hija użata kollha, li l-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istati Membri u tar-reġjuni kostali jingħataw attenzjoni sħiħa, u li l-kunsens politiku iseħħ bl-akbar trasparenza u impatt.

L-appoġġ għal u l-kopertura tal-politika marittima fil-Parlament Ewropew kienu pożittivi ħafna[4]. Madankollu, il-kwistjonijiet dwar il-politika marittima xorta għadhom jiġu diskussi separatament minn għadd ta' kumitati u strutturi.

Il-Kumitat tar-Reġjuni pprovda impetu utli għall-IMP. Il-Kummissjoni b'mod partikolari ħadet nota tal-opinjoni tiegħu dwar il-Blue Paper[5] li fiha input importanti għal ħidma futura. Il-"Pakkett Marittimu u Kostali"[6], l-opinjoni reċenti tal-Kumitat, huwa eżempju siewi ta' kif interessi diversi jistgħu jingħaqdu flimkien b'mod koerenti, kumplimentari u sinerġetiku.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħareġ opinjoni li kienet tappoġġa l-IMP b'mod partikolari fl-14 ta' April 2008[7].

2.2. Stati Membri

Fiż-żmien meta kienet qed titfassal il-Green Paper, kienu jeżistu biss ftit inizjattivi għal approċċi integrati fl-Istati Membri. Żewġ pajjiżi, Franza u l-Olanda, irrapurtaw li għandhom struttura amministrattiva fis-seħħ sabiex torganizza l-koordinazzjoni tal-politika għall-kwistjonijiet relatati mal-baħar. Il-Portugall diġà kien beda ħidma konkreta lejn strateġija għall-oċeani.

Minn dak iż-żmien sar progress sostanzjali u aktar Stati Membri ħadu inizjattivi lejn l-integrazzjoni tal-politika marittima u qegħdin dejjem aktar jaqsmu bejniethom l-aqwa prattika fl-approċċi lejn politika marittima integrata. Dawn huma totalment konformi mal-linji gwida ppubblikati mill-Kummissjoni f'Ġunju 2008[8] u jikkonċernaw tibdil fl-organizzazzjoni u/jew l-iżvilupp ta' strateġiji integrati fuq medda ta’ żmien itwal għall-iżvilupp sostenibbli ta' setturi marittimi u reġjuni kostali.

Eżempji importanti huma in-"Nationaal Waterplan" Olandiż, il-"Grenelle de la Mer" Franċiż, l-"Entwicklungsplan Meer" Ġermaniż, l-att Żvediż dwar politika marittima koerenti, il-pjan ta' politika marittima interdipartimentali Pollakk u l-Att dwar il-Baħar tar-Renju Unit.

L-Irlanda, il-Portugall, u s-Slovenja wkoll ħadu passi lejn din id-direzzjoni. Ġew irrappurtati attivitajiet relatati mill-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Italja, il-Greċja u Spanja.

2.3. Reġjuni

Ir-reġjuni kostali ilhom sħab sħaħ fl-IMP sa mill-bidu nett. Huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jidentifikaw x'jeħtieġ għall-implimentazzjoni tal-politika lokalment u fuq il-livell ta' kull baċir tal-baħar. Urew ukoll kapaċità kbira għal ħidma mal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom kif ukoll ma' reġjuni minn Stati Membri oħra sabiex jippromwovu soluzzjonijiet integrati għal kwistjonijiet relatati mal-baħar. Il-Konferenza tar-Reġjuni Marittimi Periferali (CPMR), li tiġbor flimkien madwar 160 reġjun Ewropew, issegwi mill-qrib il-progress tal-Pjan ta' Azzjoni permezz ta' ħidma regolari fil-laqgħat tal-grupp ta' ħidma “Aquamarina”, li ġie mwaqqaf sabiex jippromwovi l-azzjonijiet tal-IMP fuq livell reġjonali.

Ta' min jenfażizza tliet inizjattivi kbar f'dan il-kuntest:

- L-ewwel pjanijiet ta' azzjoni reġjonali dwar il-Politika Marittima Integrata – il-Pjan Marittimu Asturia[9] u l-Pjan ta' Azzjoni Marittima ta’ Schleswig-Holstein[10].

- Il-karta tal-kosta ta’ Bretagne tad-29 ta' April 2009[11].

- L-atlas "Channel Spaces – A world within Europe"[12], minn Arc Manche ta' Novembru 2008, huwa l-aqwa eżempju ta' prattika fid-dokumentazzjoni ta' relazzjonijiet marittimi tranżnazzjonali.

Il-Kummissjoni hija konxja ta' reġjuni oħra li qed isegwu prattiki integrati innovattivi dwar il-governanza kostali u tal-baħar u tappoġġjahom b'mod sħiħ.

2.4. Partijiet Interessati

Wara r-rispons qawwi għall-proċess ta' konsultazzjoni mwettaq fl-2006, il-partijiet interessati kienu strumentali fl-istabbiliment tal-Politika Marittima Integrata għall-UE. L-atturi reġjonali, kummerċjali u tal-għaqdiet mhux governattivi (NGO) kienu l-ewwel li appoġġjaw bis-sħiħ il-ħtieġa sabiex il-politiki tal-UE li jaffettwaw l-ibħra, is-setturi marittimi u r-reġjuni kostali jingħaqdu flimkien. Il-kontribuzzjonijiet tagħhom pprovdew il-bażi għal kunċetti u għodod innovattivi.

Is-CPMR imsemmija aktar qabel, il-Forum tal-Industriji Marittimi[13] (MIF), li attwalment jirrappreżenta 25 assoċjazzjoni tal-kummerċ, u n-Netwerk Ewropew ta' Raggruppamenti Marittimi[14], kienu attivi fl-appoġġ tagħhom lejn l-IMP tal-UE. NGOs ambjentali kbar ukoll qed jipparteċipaw b'mod attiv fil-proċess tal-IMP.

Il-konferenza għall-partijiet interessati fil-Jum Marittimu Ewropew stabbiliet lilha nfisha bħala l-avveniment annwali fejn iseħħu skambji bi produttività għolja bejn kostitwenzi differenti[15]. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa aktar involviment tal-partijiet interessati f'dan l-avveniment. Fl-istess ħin, il-partijiet interessati se jkunu mħeġġa jerġgħu jorganizzaw avvenimenti ddeċentralizzati madwar il-Jum Marittimu Ewropew fl-20 ta' Mejju, u b'hekk jirriflettu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali għall-IMP.

Kien hemm sinjali reċenti u inkoraġġanti ħafna li l-partijiet interessati fl-IMP qed jistabbilixxu strutturi aktar permanenti ta' skambju tagħhom stess. Filwaqt li l-komunità tar-riċerka, l-organizzazzjonijiet reġjonali, l-industriji marittimi u l-NGOs ambjentali tradizzjonalment għandhom il-mezzi individwali tagħhom sabiex jitkellmu mal-istituzzjonijiet tal-UE, id-djalogu pubbliku bejn il-gruppi ta' interess differenti kien l-eċċezzjoni. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-appoġġ tagħha lejn l-organizzazzjoni awtonoma tal-partijiet interessati fis-setturi.

3. GĦODOD TRANSSETTORJALI

Il-Blue Paper identifikat il-ħtieġa għal għodod transsettorjali sabiex isaħħu l-IMP, bħal: ippjanar spazjali marittimu, sorveljanza integrata, u l-bini ta' bażi tal-għarfien tal-baħar. L-iżvilupp ta' dawn it-tliet għodod għamel progress tajjeb u l-ewwel riżultati importanti jistgħu jiġu rrappurtati.

3.1 Ippjanar Spazjali Marittimu (MSP) u Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali (ICZM)

Iż-żieda fl-attivitajiet fl-ibħra tal-Ewropa wasslet għal żieda fil-kompetizzjoni għall-ispazju limitat tal-baħar. L-MSP hija strument ewlieni sabiex ikun hemm bilanċ bejn l-interessi settorjali u sabiex jinkiseb użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar bl-approċċ ekosistemiku bħala l-prinċipju li jirfed. Huwa proċess li jipprovdi qafas tal-ippjanar stabbli, affidabbli u orjentat lill-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet interessati sabiex jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom u jrendu l-aħjar użu tal-ispazju tal-baħar għall-benefiċċju tal-iżvilupp ekonomiku u tal-ambjent tal-baħar.

Il-Kummissjoni adottat il-"Pjan ta’ Tmexxija għall-Ippjanar Spazjali Marittimu: Il-ksib ta' Prinċipji Komuni fl-UE" fl-2008[16]. Jistipula 10 prinċipji ewlenin u jfittex li jiddiskuti l-iżvilupp ta' approċċ komuni bejn l-Istati Membri sabiex iħeġġeġ l-implimentazzjoni tal-MSP fuq livell nazzjonali u tal-UE.

L-10 prinċipji ewlenin tqiesu xierqa, komprensivi u bażi importanti għall-iżvilupp ta' MSP fuq livell Ewropew minn partijiet interessati mis-setturi marittimi kollha rilevanti f'diskuzzjonijiet organizzati mill-Kummissjoni matul l-2009[17]. Il-Kummissjoni nediet ukoll żewġ azzjonijiet ta' tħejjija fil-Baħar Baltiku (bħala parti mill-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku) u l-Baħar tat-Tramuntana/il-Grigal tal-Atlantiku, li jimmiraw lejn l-iżvilupp tal-aspetti ta' kooperazzjoni transkonfinali tal-MSP, kif ukoll lejn studju dwar il-potenzjal ta' ppjanar spazjali marittimu fil-Baħar Mediterran u l-benefiċċji ekonomiċi ta' MSP.

Wara r-rakkomandazzjoni fil-Blue Paper tal-Kummissjoni sabiex tkun stabbilita sistema ta' skambju tal-aqwa prattiki fl-iżvilupp ta' Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali (ICZM), fl-2009 l-Kummissjoni nediet proġett ta' appoġġ sabiex tistimula l-qsim tal-aqwa prattika u tippromwovi l-implimentazzjoni effettiva tal-ICZM[18]. Fl-aħħar tal-2008, il-Kunsill iffirma l-Protokoll dwar il-Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali skont il-Konvenzjoni ta' Barċellona.

3.2 Integrazzjoni tas-sorveljanza marittima

L-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima għandha ssarraf f'operazzjonijiet aktar effikaċi fuq il-baħar u tnaqqas il-kostijiet operattivi. L-iffrankar potenzjali fuq livell tal-UE huwa sinifikanti meta titqies il-ħtieġa dejjem tikber sabiex ikunu misjuba, segwiti, interċettati u kkontrollati attivitajiet illegali fuq il-baħar kif ukoll sabiex jiġu evitati diżgrazzji fuq il-baħar, jinstabu l-iskariki illegali taż-żejt fil-baħar, jiġu mmonitorjati l-attivitajiet tas-sajd u jiġi protett l-ambjent.

Sa issa il-Kummissjoni pproduċiet ħarsiet ġenerali ddettaljati tal-inizjattivi differenti nazzjonali, reġjonali u Ewropej dwar l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima[19], lestiet studju dwar l-aspetti legali u regolatorji tal-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima u wettqet eżerċizzju ta’ rendikont flimkien mal-Aġenżija Ewropea għad-Difiża u l-Persunal Militari tal-UE b'risposta għal talba mill-Kunsill tad-Difiża[20]. Nediet ukoll żewġ sejħiet għall-proposti, li flimkien jgħoddu EUR 5.7 miljun[21], għal proġetti piloti għall-integrazzjoni tas-sorveljanza li jippromwovu kooperazzjoni aktar fil-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali fil-Mediterran u fil-baċir tal-Baħar tat-Tramuntana.

Dawn l-azzjonijiet saħħew b'mod konsiderevoli l-koordinazzjoni interna fi ħdan is-servizzi tal-Kummissjoni u mal-Istati Membri dwar dan is-suġġett sensittiv. Il-Komunikazzjoni: "Lejn l-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima fl-Unjoni Ewropea"[22] tibni fuq ix-xogħol li sar s'issa u tistipula l-prinċipji ta' gwida għall-istabbiliment ta' ambjent komuni għall-qsim tal-informazzjoni għad-dominju marittimu tal-UE, abbażi ta' kapaċitajiet eżistenti u ġodda ta' sorveljanza inklużi servizzi GMES ta' qabel il-bidu tal-operazzjoni. Se jkun hemm il-ħtieġa li tiġi stabbilita konsultazzjoni estensiva bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex dawn il-prinċipji jinbidlu f'politika.

3.3 Bini ta' bażi tal-għarfien dwar il-baħar.

Ma jistax ikun hemm politika tal-baħar mingħajr dejta u għarfien xieraq dwar l-ibħra u l-kosti tal-Ewropa. Sa issa l-għarfien dwar il-baħar għadu mferrex sew u mhux effettiv f'termini ta' kost. In-Netwerk Ewropew tal-Osservazzjoni u d-Dejta Marittimi (EMODNET), kif imħabbra fil-Blue Paper, għandha l-għan li tnaqqas l-inċertezza fl-għarfien tal-ibħra kif ukoll l-ispejjeż operattivi għal dawk li jużaw id-dejta tal-baħar. Għandhom jiġu vvalutati databases u programmi ta' osservazzjoni eżistenti f'termini ta' kopertura, riżoluzzjoni u frekwenza tal-ġbir tad-dejta. Dejta li ġejja minn sorsi differenti għandhom jiġu kkompilati b'mod komprensiv u kompatibbli, u jkunu aċċessibbli bħala għodda għal governanza aħjar. Għaddejjin azzjonijiet sostanzjali ta' tħejjija sabiex jinġabru saffi ta' dejta għall-idrografija, il-ġeoloġija, il-bijoloġija u l-kimika fuq il-livell tal-baċir tal-baħar. Permezz tas-servizz statistiku tagħha, il-Kummissjoni ġabret dejta soċjoekonomika dwar il-baċir tal-baħar u identifikat numru ta' sfidi analitiċi.

Il-proġett Atlas Ewropew tal-Baħar għandu l-għan li jqajjem kuxjenza pubblika dwar il-kwistjonijiet marittimi.

4. AZZJONIJIET EWLENIN FIL-POLITIKI SETTORJALI

Il-Pjan ta' Azzjoni ipprovda għal azzjonijiet settorjali fiż-żoni kollha ta' politika relatati mal-ibħra, kemm jekk huma tat-trasport kif ukoll tal-ambjent, tal-enerġija, tal-industrija, tal-impjiegi, tar-riċerka, tas-sajd, tar-relazzjonijiet esterni jew oħrajn. Ingħatat attenzjoni speċjali lejn l-adozzjoni ta' approċċ integrat, il-ħidma lejn rabta mil-qrib bejn il-politiki varji, l-identifikazzjoni ta' sinerġiji u t-tnaqqis tal-inkonsistenzi bejn is-setturi. Fil-każ ta' ċerti politiki settorjali, ittieħdu inizjattivi importanti b'fokus integrat b'mod prominenti. L-implimentazzjoni tagħhom se tkun direttament rilevanti fis-snin li ġejjin għall-iżvilupp ta' approċċi transsettorjali fi ħdan il-qafas wiesa' tal-IMP. Għandhom jiġu enfasizzati żewġ każijiet importanti:

L-Istrateġija għar-Riċerka tal-Baħar u dik Marittima[23] hija l-ewwel strateġija Ewropea li tippromwovi r-riċerka fil-baħar. Din l-istrateġija hija azzjoni pijuniera għall-implimentazzjoni taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, li tippromwovi l-eċċellenza xjentifika u l-iżvilupp ta' innovazzjonijiet avvanzati u ġodda kemm permezz ta' integrazzjoni aħjar tal-isforzi eżistenti tar-riċerka kif ukoll permezz tal-iżvilupp ta' kapaċitajiet ġodda fi ħdan ambitu multidixxiplinari tax-xjenzi. Din l-istrateġija integrata tar-riċerka se tgħin fis-servizz mogħti lil setturi ewlenin tal-ekonomija marittima, f'medda li tibda mill-enerġija permezz tat-traffiku marittimu u tal-bijoteknoloġiji blu ġodda, u li tibqa' sejra sal-għanijiet tal-politika ambjentali tal-UE.

Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina[24] [tal-Baħar], li tikkostitwixxi l-pilastru ambjentali tal-IMP, tirrikjedi li l-Istati Membri jiksbu status ambjentali tajjeb fl-ilmijiet tal-baħar tagħhom sal-2020, u b'hekk tipproteġi l-bażi tar-riżorsi li fuqha jiddependu l-attivitajiet ekonomiċi u soċjali relatati mal-baħar. L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva se tibbenefika minn żvilupp ulterjuri ta' għodod transsettorjali tal-IMP, bħall-ippjanar spazjali tal-baħar u l-EMODNET, filwaqt li min-naħa tagħha, l-azzjonijiet varji meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha, bħall-analiżi soċjoekonomika tal-attivitajiet tal-bniedem relatati mal-baħar, mistennija fl-2012 u regolarment minn dakinhar, se jenfasizzaw l-iżvilupp ulterjuri tal-IMP. B'rabta mill-qrib mal-MSFD, il-Politika Komuni tas-Sajd ukoll integrat l-approċċ ekosistemu bħala l-prinċipju ewlieni. Għall-komuni globali, l-UE ħadet it-tmexxija fit-tfassil tal-politika fuq livell globali u adottat Regolament dwar il-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar vulnerabbli f’ibħra internazzjonali mill-impatti ħżiena tal-irkaptu tas-sajd tal-qiegħ[25].

Barra minn hekk, lil hinn minn dawn l-iżviluppi integrati fi ħdan xi politiki settorjali, il-Kummissjoni irnexxhiela ttejjeb il-koordinazzjoni u tiżviluppa approċċ aktar strateġiku kullimkien lejn it-tfassil tal-politika settorjali, li mistenni jkollu impatt pożittiv dejjiem, u li se jkompli jiġi żviluppat aktar.

Għalhekk, fit-13 ta' Novembru 2008, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar Enerġija mir-Riħ Lil hinn mix-Xtut[26], li tidentifika l-isfidi li jridu jiġu miġġielda sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-Ewropa għall-enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut. Punt ewlieni hawnhekk huwa l-kontribuzzjoni li l-ippjanar spazjali marittimu se jagħmel lejn l-iżvilupp sostenibbli tal-enerġija lil hinn mix-xtut.

Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-Politika Marittima Integrata tat-8 ta' Diċembru 2008, il-Kunsill laqa' b'entużjażmu din il-Komunikazzjoni bħala kontribut importanti lejn il-Politika Marittima Integrata, filwaqt li ddikjara li hemm bżonn ta' aktar ħidma għal enerġija li tiġġedded lil hinn mix-xtut li mhijiex ġejja mir-riħ, inklużi sorsi mill-mewġ, mill-marea, mill-kurrenti u minn sorsi bbażati fuq differenzi termiċi.[27].

Il-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni tal-UE fil-perjodu 2007-2013 jappoġġa programmi importanti b'dimensjoni marittima ċara, pereżempju fil-Gżejjer Griegi u fil-Baħar Baltiku. Barra minn hekk, il-politika ta' koeżjoni tappoġġa programmi għar-Reġjuni ta’ barra nett kollha, b'opportunitajiet sinifikanti ta' finanzjament għal azzjonijiet relatati mal-marittimu.

L-Istrateġija tat-Trasport Marittimu tal-2009-2018[28] tippreżenta l-għanijiet ewlenin għas-sistema Ewropea tat-trasport marittimu għas-snin li ġejjin. Tidentifika oqsma ewlenin fejn azzjoni mill-UE se ssaħħaħ il-kompetittività tas-settur filwaqt li tippromwovi traffiku marittimu ta' kwalità u ttejjeb il-prestazzjoni tas-sikurezza, soċjali u ambjentali.

F'dan il-kuntest hija ta' importanza partikolari l-Komunikazzjoni u l-pjan ta’ azzjoni bil-ħsieb li tiġi stabbilita żona Ewropea tat-trasport marittimu mingħajr konfini[29]. Il-miżuri ppreżentati, l-aktar fiż-żona tad-dwana u tal-ispezzjonijiet sanitarji, jeħtieġu grad għoli ta' kooperazzjoni transsettorjali. Se jissimplifikaw u jħaffu l-proċeduri amminstrattivi għat-trasport fuq il-baħar bejn portijiet li jinsabu fl-UE u se jestendu s-Suq Intern għal trasport marittimu fi ħdan l-UE. Dan għandu jkun ta' imbuttatura għat-traffiku marittimu fuq distanzi qosra fl-Ewropa u joħloq opportunitajiet ġodda ta' tkabbir u impjiegi.

Sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-baħrin, ġew inkorporati elementi mill-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006 fil-liġi Komunitarja[30]. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll dwar valutazzjoni mill-ġdid tal-esklużjoni tal-ħaddiema marittimi minn partijiet tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar ix-xogħol u dik soċjali.

L-IMP żiedet ukoll b'mod ċar il-koordinazzjoni f'ħafna politiki tal-UE oħra rilevanti, inklużi dawk dwar is-sikurezza tan-navigazzjoni u l-portijiet; il-promozzjoni ta' raggruppamenti marittimi; l-appoġġ għas-settur tal-bini tal-vapuri u tat-tagħmir tal-baħar tal-Ewropa kif żviluppat fil-proċess LeaderSHIP 2015; l-iżvilupp ta' turiżmu kostali u marittimu sostenibbli; jew l-istrateġija dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima.

Inizjattivi settorjali oħra relatati mal-baħar immexxija mill-Kummissjoni, kif ukoll għadd ta' dokumenti tal-Kumissjoni, li mhumiex relatati direttament mal-baħar imma madankollu fihom dimensjoni marittima ċara, huma indikati fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li qed jakkumpanja dan ir-Rapport dwar il-Progress[31].

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni għalhekk mhux biss iffukat fuq l-iżvilupp ta' azzjonijiet transsettorjali u settorjali li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli tar-reġjuni kostali u s-setturi marittimi. Tat ukoll attenzjoni prijoritarja lill-implimentazzjoni ta' approċċ aktar stateġiku u integrat lejn it-tfassil tal-politika settorjali relatata mal-baħar li mistennija jkollha impatt pożittiv dejjiem, u se tkompli tkun żviluppata aktar.

5. STRATEĠIJI REĠJONALI

Il-baċiri tal-ibħra tal-Ewropa huma differenti b'mod straordinarju. L-ekosistemi u l-ekonomiji tagħhom ġew iffurmati minn influwenzi ġeografiċi, klimatiċi, storiċi, politiċi u umani diversi ħafna. Filwaqt li l-prinċipji wesgħin li tenfasizza l-IMP huma l-istess kullimkien, l-implimentazzjoni tal-politika tirrikjedi li dawn jinbidlu fi strateġiji mmirati u f'miżuri speċifiċi adattati għall-ispeċifiċitajiet ta' kull baċir tal-baħar. Għalhekk, il-Kummissjoni adottat b'entużjażmu approċċ orjentat lejn il-baċir tal-baħar għall-implimentazzjoni tal-IMP li l-premessa fundamentali tiegħu hija li kull reġjun tal-baħar huwa uniku u jeħtieġ attenzjoni individwali fil-bilanċ tal-użi tiegħu b'mod sostenibbli. Bl-istess mod, l-ispeċifiċitajiet ambjentali tal-ibħra varji tal-Ewropa wkoll huma element ewlieni fid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina [tal-baħar] (MFSD) li tirrikonoxxi reġjuni differenti tal-baħar.

It-tisħiħ tal-kooperazzjoni fi ħdan dawn ir-reġjuni tal-baħar huwa għalhekk element importanti għall-bini ta' implimentazzjoni tal-politika ta' suċċess tal-IMP.

Sa issa, ġew ippreżentati approċċi mill-Kummissjoni għall-Artiku u l-Baħar Mediterran, u tnediet strateġija għall-Baħar Baltiku.

Għalhekk, il-Komunikazzjoni dwar "L-Unjoni Ewropea u r-Reġjun tal-Artiku"[32] tippreżenta proposti speċifiċi sabiex l-Artiku flimkien mal-popolazzjoni tiegħu ikun protett u ppreservat, tippromwovi l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi u ttejjeb il-governanza multilaterali. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li ttejjeb l-input tagħha fil-Kunsill Artiku u ssaħħaħ id-Djalogu mal-Istati Artiċi u l-partijiet interessati relatati.

F'Ġunju 2009, il-Kummissjoni pproponiet l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku[33]. Din hija l-ewwel strateġija makroreġjonali tal-UE, li tindirizza sfidi ambjentali, kwistjonijiet relatati mal-enerġija u t-trasport, il-potenzjal għat-tkabbir ekonomiku kif ukoll kwistjonjiet ta' sikurezza u sigurtà. Bid-dimensjoni marittima b'saħħitha tagħha u bl-approċċ integrat tagħha, l-Istrateġija tikkostitwixxi pass inizjali importanti lejn l-implimentazzjoni reġjonali tal-IMP fil-Baltiku. Se tgħin sabiex jintlaqgħu l-isfidi fir-reġjun mhux biss permezz ta' koordinazzjoni interna aktar b'saħħitha fi ħdan l-Istati Membri, iżda wkoll permezz ta' netwerks transkonfinali u kooperazzjoni tajba mar-Russja.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Mediterran[34] tissuġġerixxi modi kif nistgħu nimxu 'l quddiem lejn l-istabbiliment ta' politika marittima integrata fil-kuntest politiku kumpless tar-reġjun. Bħala baħar nofsu magħluq minn kosti b'popolazzjoni ta' densità għolja ħafna, il-Mediterran jista' jkun ġestit biss permezz ta' aktar djalogu u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE li jinsabu fil-Mediterran kif ukoll Stati kostali li mhumiex fl-UE. Il-Komunikazzjoni tissuġġerixxi alternattivi sabiex tittejjeb il-governanza tal-affarijiet marittimi u sabiex ikun żgurat l-involviment akbar tal-Istati kostali fil-ġestjoni tal-ispazju tal-baħar.

6. PERSPETTIVA U VIŻJONI GĦALL-ĠEJJIENI

L-aħħar sentejn ikkonfermaw l-IMP bħala politika li tipprometti ħafna li tipprovdi kontribuzzjoni sinifikanti għat-tkabbir, l-impjiegi u s-sostenibbiltà ambjentali għaż-żoni kostali tal-Ewropa u lil hinn minnhom. Minkejja li milhiex fis-seħħ, din il-politika ġdida tal-UE diġà biddlet il-mod li bih l-Ewropa tittratta l-assi marittimi u kostali tagħha.

Wara tliet snin ta' deliberazzjonijiet intensi, huwa fundamentali li jinżamm dan il-momentum sabiex ikunu indirizzati l-isfidi essenzjali fuq żmien medju u twil tal-protezzjoni tal-ambjent u t-tkabbir u l-benessri ekonomiku. L-impatt doppju tat-tibdil fil-klima u l-kriżi ekonomika jinħass b'mod partikolari mid-dinja marittima: l-oċeani jixprunaw il-klima tagħna u l-industriji marittimi xprunaw il-globalizzazzjoni u l-prosperità. Għalhekk, huwa importanti li niżblukkaw il-potenzjal ekonomiku tal-Ewropa marittima, inrendu aħjar l-azzjoni tal-gvern dwar l-ibħra u nesploraw aktar is-sinerġiji li jippermettu t-tisħiħ reċiproku tat-tkabbir ekonomiku u tal-istabbiltà ambjentali.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li dawn l-għanijiet se jinkisbu bl-aqwa mod permezz tat-tagħqid flimkien tal-progress f'sitt direzzjonijiet strateġiċi.

Il-governanza marittima integrata trid tissaħħaħ aktar. Hemm il-ħtieġa li l-progress reġistrat matul l-aħħar snin jinbidel fi strutturi effettivi ta' integrazzjoni fuq il-livelli kollha ta' gvern. L-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u r-reġjuni kostali għandhom responsabbiltà partikolari sabiex jiżguraw l-integrazzjoni tal-politika mill-bidu u jadottaw aġendi koerenti u magħquda flimkien għall-affarijiet marittimi sabiex tiġi miġġielda dejjem aktar il-prevalenza ta' ħsibijiet settorjali u iżolati ta' politika. L-involviment tal-partijiet interessati fit-tfassil tal-politika marittima għandu jkun dejjem aktar permanenti fil-preżenza tiegħu ġewwa l-istrutturi ta' governanza. Dan għandu wkoll iwassal għal djalogu aktar intens bejn l-UE, il-Gvernijiet tal-Istati Membri u r-reġjuni kostali, li ħafna drabi għandhom l-għarfien espert ewlieni meħtieġ għal approċċ integrat lejn l-Affarijiet Marittimi. Għal din ir-raġuni wkoll, għandu jkun appoġġat it-tiswir ta' pjattaforma transsettorjali għal djalogu mal-partijiet interessati dwar affarijiet marittimi.

Għodod transsettorjali ta' politika huma tal-akbar importanza sabiex jittejbu l-iżvilupp ekonomiku, il-monitoraġġ ambjentali, is-sikurezza, is-sigurtà u l-infurzar tal-liġi fl-oċeani u fl-ibħra tal-Ewropa. B'mod partikolari, l-ippjanar spazjali marittimu, flimkien ma' għarfien akbar tal-baħar, jista' jiżblokka investiment ekonomiku konsiderevoli u jtejjeb b'mod drastiku l-mod li bih nieħdu ħsieb il-ġestjoni tal-ispazji marittimi tagħna, u b'hekk nippreservaw l-ekosistemi tagħhom. Għandu jsir strument prattiku fuq il-livelli kollha rilevanti ta' governanza, inkluż mal-mekkaniżmi rilevanti sabiex jiżguraw teħid tad-deċizjoni konġunt dwar investimenti transkonfinali. L-integrazzjoni tas-sorveljanza marittima għandha l-potenzjal li ssawwar differenza fil-mod kif l-awtoritajiet nazzjonali jwettqu għanijiet ewlenin tal-politika bħall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, is-salvagwardja tat-traffiku kummerċjali bil-baħar u l-protezzjoni ta' riżorsi naturali. L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jkollhom ikomplu jaħdmu flimkien fuq dawn l-aspetti sabiex il-proċessi li nbdew fl-aħħar sentejn jagħtu l-frott mistenni minnhom.

Id- definizzjoni tal-limiti ta' sostenibbiltà ta' attivitajiet tal-bniedem li għandhom impatt fuq l-ambjent tal-baħar fis-snin li ġejjin, fil-qafas tal-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina [tal-Baħar], se tipprovdi kjarezza u tiddisinja pjattaforma għall-iżvilupp b'suċċess tal-attivitajiet marittimi kollha, b'attenzjoni xierqa lejn l-impatti kumulattivi tagħhom. B'hekk l-implimentazzjoni tad-Direttiva se tibqa' għan ewlieni tal-IMP, li għandha tiżviluppa wkoll il-kooperazzjoni meħtieġa bejn is-setturi u s-servizzi rilevanti kollha għal dan il-għan, inkluż inter alia bejn ix-xjenza tal-baħar u l-politika tal-ambjent tal-baħar.

Strateġiji dwar il-baċir tal-baħar huma l-aktar ħaġa importanti lejn l-implimentazzjoni b'suċċess tal-IMP. Dan huwa fejn il-prijoritajiet u l-għodod tal-politika jistgħu jiġu adattati għall-kuntesti ġeografiċi, ekonomiċi u politiċi speċifiċi ta' kull reġjun marittimu kbir. Il-kooperazzjoni ma' u bejn l-Istati Membri u r-reġjuni li jaqsmu baċir tal-baħar hija element kruċjali ta' suċċess u, fejn hu meħtieġ, din għandha tkun akkumpanjata minn djalogu xieraq ma' pajjiżi terzi li jaqsmu baċir tal-baħar mal-UE. L-azzjoni fuq il-livell ta' baċiri sekondarji wkoll jista' jkun utli fl-istabbiliment ta' eżempji posittivi u l-aqwa prattiċi.

Id- dimensjoni internazzjonali tal-IMP [35] se teħtieġ ukoll aktar attenzjoni, kif spjegat mill-Komunikazzjoni ddedikata u ppubblikata flimkien ma' dan ir-rapport. L-Ewropa għandha tieħu rwol ewlieni fit-titjib tal-governanza marittima globali, hekk kif għamlet fil-kwistjoni tal-piraterija jew fir-rigward tal-prattiki qerrieda tas-sajd. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li ssaħħaħ id-djalogu ma' għadd limitat ta' sħab marittimi kbar kif ukoll il-parteċipazzjoni tagħha fil-fora internazzjonali u l-proċessi informali.

L-implimentazzjoni tal-IMP, fil-kuntest attwali ta' tnaqqis fil-pass ekonomiku, għandha tpoġġi fokus imġedded fuq it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, l-impjiegi u l-innovazzjoni. Għalhekk, fil-futur, l-UE għandha tesplora sinerġiji bejn il-Politika Ewropea dwar l-Enerġija u l-IMP, tippromwovi l-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-baħar, tinkludi forom rinnovabbli ta' enerġija u l-użu akbar tal-baħar għat-trasport tal-enerġija permezz ta' pajpijiet, sistemi taħt il-baħar u bastimenti. Bl-istess mod, se jkun hemm ukoll il-ħtieġa ta' rabta akbar tal-Politika tal-UE dwar it-Tibdil fil-Klima mal-IMP, permezz tal-iżvilupp ta' strateġija għall-adattament għat-tibdil fil-klima f'żoni kostali u marittimi, immirata lejn il-protezzjoni tal-infrastruttura kostali u l-preservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar. Bħala parti mid-dibattitu li qed jiżviluppa dwar il-koeżjoni territorjali, se jkun importanti li jiġi żgurat li ż-żoni marittimi u kostali jitqiesu b'mod sħiħ.

L-UE se jkollha wkoll tippromwovi trasport marittimu aħjar sabiex tinkoraġixxi l-komodalità, timplimenta l-kunċett tal-Awtostradi tal-Baħar, u sabiex ittejjeb il-programm tal-UE għat-tbaħħir fuq distanzi qosra. Se jkun meħtieġ li jinstabu modi u mezzi għal stimulazzjoni akbar fl-impjiegi u l-investiment marittimu fit-traffiku fuq il-baħar bil-bandiera tal-UE dejjem immirati lejn l-iżvilupp ekonomiku ta' attivitajiet marittimi, filwaqt li tinżamm id-determinazzjoni lejn l-avvanz tal-idea ta' bastimenti nodfa. Tabilħaqq, appoġġ għall-innovazzjoni u r-riċerka lejn bastimenti b'emissjonjiet baxxi jew saħansitra xejn se jkompli jkun parti kbira mir-reazzjoni tal-Komunità għas-settur strateġikament importanti tal-bini tal-vapuri. B'dan il-mod l-UE tista' tipprovdi lit-tarzni Ewropej u lill-industrija tat-tagħmir tal-baħar b'vantaġġ teknoloġiku kompetittiv fuq reġjuni oħra tad-dinja, u se trendi t-trasport marittimu, b'mod partikolari matul il-kosti tal-Ewropa, aktar sikur u sostenibbli.

Finalment, il-Kummissjoni qed teżamina l-ħtiġijiet ta' finanzjament futuri li azzjonijiet relatati mal-IMP jista' jkollhom bżonn bħala parti mir-riflessjoni ġenerali dwar il-perspettiva finanzjarja li jmiss.

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb tipproduċi dokument ta' politika fl-2010 li jagħti dettajli dwar proġetti u inizjattivi mmirati lejn aktar żvilupp tas-sitt direzzjonijiet strateġiċi t'hawn fuq, wara konsultazzjonijiet ma' partijiet interessati.

[1] 16616/1/07 REV 1

[2] Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea - COM (2007) 575 finali, 10.10.2007

u SEC(2007) 1278, 10.10.2007.

[3] 16503/1/08 REV 1

[4] Mhux l-anqas permezz tar-rapport mill-mejjet Willi Piecyk, MEP. A6-0163/2008 (Kumitat dwar it-Trasport u t-Turiżmu)

[5] CoR 22/2008 finali, adottat fis-9 ta' April 2008.

[6] CoR 416/2008 finali, adottat fis-17 ta' Ġunju 2009.

[7] ĠU 2008/C 211/07

[8] COM (2008) 395 finali ta’ 26.06.2008

[9] Ara "inforegio panorma", Nru. 23 ta' Settembru 2007, ISSN 1608-389X

[10] Landesinitiative Zukunft Meer, ara http://www.schleswig-holstein.de

[11] Charte des espaces côtiers Bretons, ara http://www.bretagne.fr/

[12] Espace Manche : un monde en Europe, ara http://www.arcmanche.com

[13] Ara http://www.mif-eu.org

[14] http://www.european-network-of-maritime-clusters.eu/

[15] Id-dokumentazzjoni kollha tal-EMD 2009 tinstab hawn: http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/maritimeday/index_en.html

[16] COM (2008) 791 finali ta’ 25.11.2008

[17] http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/spatial_planning_en.html#6

[18] http://ec.europa.eu/environment/iczm/ourcoast.htm

[19] SEC(2008) 2337

[20] COSDP 949, PESC 1366

[21] Sejħiet għal proposti MARE/2008/13 u 2009/04

[22] COM(2009) 538 finali tal-14.10.2009 u SEC(2009) 1341

[23] COM (2008) 534 finali tat-3.9.2008

[24] Id-Direttiva 2008/56/KE tat-17 ta' Ġunju 2008

[25] Ir-Regolament (KE) Nru 734/2008, ĠU L 201/8, 30.7.2008

[26] COM (2008) 768 finali tat-13.11.2008

[27] Il-Punt 8 tad-Dokument tal-Kunsill 16503/1/08 Rev 1 tal-5.12.2008

[28] COM (2009) 8 finali, 21.1.2009.

[29] COM (2009) 10 finali, 21.1.2009.

[30] Id-Direttiva 2009/13/KE

[31] SEC(2009) 1343

[32] COM (2008) 763 finali ta’ 20.11.2008

[33] COM(2009) 248 finali u SEC(2009) 712 tal-10.06.2009

[34] "Lejn Politika Marittima Integrata għal governanza aħjar fil-Mediterran", COM(2009) 466 finali tal-11.09.2009.

[35] "L-iżvilupp tad-dimensjoni internazzjonali tal-Politika Marittima Integrata tal-Unjoni Ewropea", COM (2009) 536 finali tal-14.10.2009

Top