EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0313

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

/* KUMM/2009/0313 finali */

52009DC0313




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 2.7.2009

KUMM(2009) 313 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONILILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1. INTRODUZZJONI

Fl-10 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni adottat ir-rapport tagħha[1] dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE[2] li ppreżenta ħarsa ġenerali komprensiva lejn kif id-Direttiva qed tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali u kif qed tiġi applikata fil-ħajja ta' kuljum.

Ir-rapport wasal għall-konklużjoni li t-traspożizzjoni ġenerali tad-Direttiva kienet pjuttost diżappuntanti, speċjalment fejn jidħol il-Kapitolu VI (li jistabbilixxi d-dritt tal-Istati Membri li jirrestrinġu d-dritt ta' ċittadini tal-UE u l-membri tal-familji tagħhom abbażi ta' politika pubblika jew sigurtà pubblika) kif ukoll l-Artikolu 35 (li jawtorizza lill-Istati Membri li jadottaw miżuri biex ma jħallux li jsir l-abbuż u l-frodi, bħal fil-każ ta' żwiġijiet ta' konvenjenza).

Il-Kummissjoni fir-rapport tagħha ħabbret l-intenzjoni tagħha li toffri informazzjoni u assistenza sew lill-Istati Membri kif ukoll liċ-ċittadini tal-UE billi toħroġ linji-gwida fl-ewwel nofs tal-2009 dwar il-kwistjonijiet identifikati bħala problematiċi fit-traspożizzjoni jew l-applikazzjoni. Din l-intenzjoni ntlaqgħet tajjeb mill-Kunsill[3] u mill-Parlament Ewropew[4]. Il-linji-gwida jiddikjaraw il-veduti tal-Kummissjoni u huma mingħajr ħsara għall-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja (“il-Qorti”) u l-iżvilupp tagħha.

Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tipprovdi gwida xierqa lill-Istati Membri dwar kif għandha tiġi applikata tajjeb id-Direttiva 2004/38/KE tad-29 ta' April 2004 dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu b'mod ħieles fit-territorju tal-Istati Membri; bil-għan ikun li jinkiseb titjib tassew għaċ-ċittadini kollha tal-UE, u biex l-UE issir żona ta’ sigurtà, libertà u ġustizzja.

Ir-rapport jidentifika wkoll problemi li spiss jinqalgħu dwar id-dritt ta’ dħul u ta’ reżidenza ta’ membri tal-familji ta’ ċittadini tal-UE li jkunu ċittadini ta’ pajjiż terz, u dwar ir-rekwiżiti li mal-applikazzjonijiet għal reżidenza jiġu ppreżentati dokumenti addizzjonali mhux previsti fid-Direttiva. Il-Kummissjoni ħabbret fir-rapport li hija se żżid l-isforzi tagħha biex tiżgura li d-Direttiva tkun trasposta u implimentata kif suppost. Sabiex jinkiseb dan il-għan, il-Kummissjoni se tkompli tinforma liċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva, b'mod partikolari billi tqassam gwida ssimplifikata għal ċittadini tal-UE u billi tagħmel użu aħjar mill-Internet. Barra minn dan, il-Kummissjoni se jkollha laqgħat bilaterali mal-Istati Membri biex tiddiskuti kwistjonijiet ta' implimentazzjoni u applikazzjoni u se tuża l-poteri kollha li għandha skont it-Trattat.

Illum aktar minn 8 miljun ċittadin tal-Unjoni ħadu vantaġġ mid-dritt tagħhom li jmorru u jirresjedu liberament u issa jgħixu fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni. Il-moviment liberu taċ-ċittadini jikkostitwixxi wieħed mil-libertajiet fundamentali tas-suq intern u huwa fil-qalba tal-proġett Ewropew. Id-Direttiva 2004/38/KE kkodifikat u ġeddet l-istrumenti Komunitarji eżistenti sabiex tissimplifika u ssaħħaħ id-dritt ta' moviment u residenza liberi għal ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom. Bħala kumment ġenerali, il-Kummissjoni tfakkar li d-Direttiva għandha tiġi interpretata u applikata skont id-drittijiet fundamentali[5], b'mod partikolari d-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, tad-drittijiet tat-tfal u tad-dritt għal rimedju effettiv kif garantit fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) u kif rifless fil-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali.

Il-libertà tal-moviment tal-persuni hija waħda mill-pedamenti tal-UE. Għaldaqstant, id-derogi minn dak il-prinċipju għandhom jingħataw interpretazzjoni dejqa[6]. Madankollu, id-dritt tal-libertà tal-moviment fi ħdan l-UE mhux wieħed mingħajr limitu u jġorr miegħu obbligi min-naħa ta' dawk li jgawdu minnu, ħaġa li timplika li dawn għandhom jobdu l-liġijiet tal-pajjiż li qed jospitahom.

2. ĊITTADINI TAL-UE U L-MEMBRI TAL-FAMILJA TAGħHOM LI JKUNU ċITTADINI TA’ PAJJIż TERZ − DħUL U REżIDENZA

Id-Direttiva[7] tapplika biss għal ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu lejn, jew jirresjedu fi, Stat Membru barra minn dak li tiegħu huma ċittadini, u għall-membri tal-familja tagħhom li jkunu, jew jingħaqdu, magħhom.

T., ċittadina minn pajjiż terz, ilha tirresjedi fl-Istat Membru ospitanti għal xi żmien. Hija trid li magħha jingħaqad żewġha, ċittadin ta’ pajjiż terz. Peress li m’hemm l-ebda ċittadin tal-UE involut, il-koppja ma tistax tibbenefika mid-drittijiet skont id-Direttiva u hu għal kollox f'idejn l-Istat Membru kkonċernat li jistabbilixxi regoli dwar id-dritt ta' konjuġi minn pajjiżi terzi li jingħaqdu ma’ ċittadini oħra minn pajjiżi terzi, b'mod li jieħdu f'kunsiderazzjoni strumenti oħra tal-liġi Komunitarja, jekk ikun xieraq.

Iċ-ċittadini tal-UE li jirresjedu fl-Istati Membri taċ-ċittadinanza tagħhom normalment ma jibbenefikawx mid-drittijiet mogħtija mil-liġi Komunitarja dwar il-moviment ħieles tal-persuni u l-membri tal-familja tagħhom li jkunu ċittadini ta' pajjiż terz, jibqgħu jiġu koperti mir-regoli nazzjonali dwar l-immigrazzjoni. Madankollu, ċittadini tal-UE li jirritornaw lejn l-Istat Membru tagħhom wara li jkunu għexu fi Stat Membru ieħor[8] u f’ċerti ċirkostanzi anki dawk iċ-ċittadini tal-UE li kienu eżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ moviment liberu fi Stat Membru ieħor mingħajr ma rresjedew hemm[9] (pereżempju billi pprovdew servizzi fi Stat Membru ieħor mingħajr ma għexu hemm) jibbenefikaw ukoll mir-regoli dwar il-moviment liberu tal-persuni .

P. jirresjedi fl-Istat Membru tiegħu. Hu kuntent hemm u qatt ma’ għex fi Stat Membru ieħor. Meta jkun irid iġib lil martu, li hi ċittadina ta’ pajjiż terz, il-koppja ma tistax tgawdi mid-drittijiet skont id-Direttiva u hu għal kollox f’idejn l-Istat Membru kkonċernat li jistabbilixi regoli dwar id-dritt ta' konjuġi minn pajjiżi terzi li jingħaqdu ma' dawk li huma ċittadini tal-istess Stat.

Ħaddiema tal-fruntiera huma koperti mil-liġi Komunitarja fiż-żewġ pajjiżi (bħala ħaddiem migrant fl-Istat Membru fejn huwa impjegat u bħala persuna awtosuffiċjenti fl-Istat Membru ta’ reżidenza).

2.1. Membri tal-familja u benefiċjarji oħra

2.1.1. Konjuġi u msieħba

Żwiġijiet li jsiru b’mod validu, ikun fejn ikun fid-dinja, għandhom, bħala prinċipju, jingħataw għarfien għall-iskop tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Żwieġ sfurzat , li fih parti waħda jew iż-żewġ partijiet, jidħlu fiż-żwieġ mingħajr il-kunsens tiegħu jew tagħha, jew kontra l-volontà tiegħu jew tagħha, mhux imħares bil-liġi internazzjonali[10] jew b’dik tal-Komunità. Għandha ssir distinzjoni bejn żwiġijiet sfurzati u żwiġijiet arranġati , fejn iż-żewġ partijiet ikunu taw il-kunsens sħiħ u ħieles tagħhom għaż-żwieġ, għalkemm parti terza tkun ħadet rwol ewlieni fl-għażla tas-sieħeb jew sieħba, u minn żwiġijiet ta’ konvenjenza, kif definiti fis-Sezzjoni 4.2 aktar 'l isfel.

L-Istati Membri mhumiex obbligati li jagħtu għarfien lil żwiġijiet poligami , li jkunu saru skont il-liġi f'pajjiż terz, u li jistgħu jkunu f'kunflitt mal-ordni legali ta' dak il-pajjiż stess[11]. Dan bla ħsara għall-obbligu li tittieħdet kunsiderazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal minn dawn iż-żwiġijiet.

Id-Direttiva għandha tkun applikata skont il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni mnaqqax (jew minqux?) b’mod partikolari fl-Artikolu 21 tal-Karta tal-UE.

Sħab li magħhom ċittadin tal-UE jkollu relazzjoni għat-tul de facto , li dwarha jkun hemm il-provi, huma koperti mill-Artikolu 3(2)(b). Persuni li jakkwistaw drittijiet skont id-Direttiva grazzi għall-istat tagħhom ta’ sħab għat-tul jistgħu jintalbu jippreżentaw provi ddokumentati li huma sħab ta’ ċittadini tal-UE u li r-relazzjoni hi għat-tul. Il-provi jistgħu jinkisbu permezz ta' kull mezz xieraq.

L-obbligu ta’ relazzjoni għat-tul għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-għan tad-Direttiva li tinżamm l-għaqda tal-familja f'sens wiesa'[12]. Ir-regoli nazzjonali dwar kemm hi għat-tul ir-relazzjoni jistgħu jirreferu għal żmien minimu bħala kriterju dwar jekk relazzjoni tistax titqies bħala waħda għat-tul. Madankollu, f’dan il-każ, ir-regoli nazzjonali jkunu jridu jkunu tali li jipprevedu li aspetti relevanti oħra (bħal pereżempju self bejn tnejn biex tinxtara dar) jitqiesu wkoll. Kull ċaħda ta’ dħul jew reżidenza għandha tkun iġġustifikata bis-sħiħ bil-miktub, u tkun soġġetta għall-appell.

2.1.2. Il-membri tal-familja f’linja diretta

Bla ħsara għal kwistjonijiet marbuta mal-għarfien ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali, il-kunċett ta’ qraba diretti f’linji dixxendenti u axxendenti jestendi għal relazzjonijiet adottivi[13] jew minuri li jkunu fil-kustodja ta’ gwardjan legali permanenti. Tfal iffosterjati u ġenituri ta’ tfal iffosterjati li jkollhom kustodja temporanja jista’ jkollhom drittijiet skont id-Direttiva, skont kemm ikunu qawwija r-rabtiet fil-każ partikolari. Ma hemm l-ebda restrizzjoni fejn jidħol il-grad ta’ qrubija. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jitolbu l-provi tar-relazzjoni familjari li tagħha jintalab għarfien.

Meta jkunu qed jimplimentaw id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom dejjem jaġixxu fl-aħjar interessi tat-tfal , kif stipulat fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989.

2.1.3. Membri oħra tal-familja

L-Artikolu 3(2)(a) ma jistipula l-ebda restrizzjoni fuq il-grad ta’ qrubija meta jirreferi għal ‘ membri oħra tal-familja ’.

2.1.4. Membri dipendenti tal-familja

Skont il-każistika[14] tal-Qorti, l-istat ta' membru tal-familja ‘ dipendenti ’ huwa r-riżultat ta’ sitwazzjoni fattwali kkaratterizzata mill-fatt li ċ-ċittadin/a tal-UE jew martu/żewġha i/tkun qed ittih sostenn materjali [15] . L-istat ta’ membri tal-familja dipendenti ma jippresupponix dritt ta' manteniment. Ma hemmx il-bżonn li jiġi eżaminat jekk il-membri tal-familja kkonċernati jkunux fit-teorija kapaċi li jmantnu lilhom infushom, pereżempju billi jkollhom impjieg bi ħlas.

Sabiex jiġi determinat jekk membri tal-familja jkunux dipendenti, għandu jiġi evalwat f'kull każ individwali jekk, meta jitqiesu l-kundizzjonijiet soċjali u finanzjarji tagħhom, dawn ikollhomx bżonn ta' sostenn materjali sabiex ikunu mħarsa l-bżonnijiet essenzjali tagħhom fil-pajjiż tagħhom ta’ oriġini jew il-pajjiż li minnu jkunu ġew fil-mument meta jkunu applikaw biex jingħaqdu maċ-ċittadin tal-UE (jiġifieri mhux fl-Istai Membru ospitanti fejn jgħix iċ-ċittadin tal-UE). Fis-sentenzi tagħha dwar il-kunċett tad-dipendenza, il-Qorti ma rreferietx għal xi livell ta’ għixien biex tiġi stabbilita l-ħtieġa ta' sostenn finanzjarju minn ċittadin tal-UE[16].

Id-Direttiva ma tistipulax xi rekwiżit fejn jidħol tul minimu ta' dipendenza jew l-ammont ta' sostenn materjali mogħti, sakemm id-dipendenza tkun ġenwina u ta' natura strutturali.

Membri tal-familja dipendenti huma obbligati li jippreżentaw provi ddokumentati tad-dipendenza tagħhom. Il-provi jistgħu jinġabru b’kull mezz xieraq, kif ikkonfermat mill-Qorti[17]. Meta l-membri tal-familja kkonċernati jkunu jistgħu jipprovdu provi tad-dipendenza tagħhom b'mezzi oħra barra minn dokument ta' ċertifikazzjoni maħruġ mill-awtorità relevanti tal-pajjiż ta' oriġini jew tal-pajjiż li minnu l-membri tal-familja jkunu qed jaslu, l-Istat Membru ospitant ma jkunx jista' jiċħad li jagħraf drittijiethom. Madankollu, is-sempliċi intenzjoni ta’ ċittadin tal-UE li jsostni l-membru tal-familja kkonċernat mhux biżżejjed fih innifsu biex tiġi stabbilita l-eżistenza tad-dipendenza.

Skont l-Artikolu 3(2), l-Istati Membri għandhom ċertu livell ta’ diskrezzjoni meta jfasslu kriterji li jridu jittieħdu f’kunsiderazzjoni meta jiddeċiedu jekk jagħtux id-drittijiet skont id-Direttiva lil “ membri tal-familja dipendenti oħra ”. Madankollu, l-Istati Membri ma jgawdux libertà bla limitu fit-tfassil ta’ dawn il-kriterji. Sabiex titħares l-għaqda tal-familja f'sens wiesa', il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tipprovdi għal eżaminazzjoni bir-reqqa taċ-ċirkostanzi personali relevanti tal-applikanti kkonċernati, billi tittieħed f'kunsiderazzjoni r-relazzjoni tagħhom maċ-ċittadin tal-UE jew xi ċirkostanzi oħra, bħad-dipendenza finanzjarja jew fiżika tagħhom, kif stipulat mill-Inċiż 6.

Kull deċiżjoni negattiva hija soġġetta għas-salvagwardji kollha materjali u proċedurali tad-Direttiva. Trid tkun ġustifikata bis-sħiħ bil-miktub u soġġetta għall-appell.

2.2. Dħul u residenza ta' membri tal-familja minn pajjiżi terzi

2.2.1. Viżi ta’dħul

Kif stipulat mill-Artikolu 5(2), l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li membri tal-familja ġejjin minn pajjiżi terzi li jkunu se jmorru joqogħdu għand, jew jingħaqdu ma’, ċittadin tal-UE li għalihom tapplika d-Direttiva, ikollhom viża ta’ dħul. Dawn il-membri tal-familja għandhom mhux biss id-dritt li jidħlu fit-territorju tal-Istat Membru, iżda wkoll id-dritt li jiksbu viża ta' dħul [18] . Dan jagħżilhom minn ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi, li m’għandhomx dan id-dritt.

Membri tal-familja minn pajjiżi terzi għandha tinħarġilhom mill-aktar fis u abbażi ta’ proċedura mħaffa viża ta’ dħul għal żjara qasira, li tkun mingħajr ħlas. B’analoġija mal-Artikolu 23 tal-Kodici tal-Viża[19], il-Kummissjoni tqis li dewmien ta’ aktar minn erba’ ġimgħat mhux aċċetabbli. L-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jiggwidaw lill-membri tal-familja dwar liema tip ta' viża għandhom huma japplikaw għaliha, u ma jistgħux jeżiġu minnhom biex japplikaw għal viża ta' żjara twila, jew ta’ residenza, jew ta’ riunifikazzjoni tal-familja. L-Istati Membri għandhom jagħtu lil dawn il-membri tal-familja kull faċilità biex jiksbu l-viżi meħtieġa. L-Istati Membri jistgħu jużaw linji tat-telefon apposta, jew is-servizzi ta’ kumpanija esterna biex jagħmlu l-appuntamenti, iżda għandhom joffru l-possibbiltà ta’ aċċess dirett għall-konsulat lill-membri tal-familja minn pajjiż terz.

Peress li d-dritt li tinħarġilhom il-viża ġej mir-rabta familjari ma' ċittadin tal-UE, l-Istati Membri jistgħu biss jeżiġu l-preżentazzjoni ta' passaport validu u prova tar-rabta familjari[20] (kif ukoll tad-dipendenza, raġunijiet serji ta' saħħa, tisħib għat-tul, fejn ikun applikabbli). Ma jistgħu jintalbu l-ebda dokumenti oħra, bħal ma hi prova ta' akkomodazzjoni, ta' riżorsi suffiċjenti, ittra ta' stedina jew biljett tar-ritorn.

L-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu l-integrazzjoni ta’ ċittadini tal-UE u tal-membri tal-familja tagħhom minn pajjiż terz billi joffru korsijiet tal-lingwa, u korsijiet oħra b’xi għan partikolari, fuq bażi voluntarja[21]. Ma jista’ jkun hemm l-ebda konsegwenza marbuta mal-fatt li wieħed ma jkunx irid jattendihom.

Karti ta’ reżidenza maħruġa skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva lil membru tal-familja ta' ċittadin tal-UE li jirresjedi fl-Istat Membru ospitanti , inklużi dawk maħruġa minn Stati Membri oħra, jeżentaw lill-detenturi tagħhom mill-obbligu tal-viża meta jivvjaġġaw flimkien maċ-ċittadin tal-UE jew jingħaqdu miegħu jew magħha fl-Istat Membru ospitanti.

Karti ta’ reżidenza li ma jkunux inħarġu skont id-Direttiva jistgħu jeżentu lid-detentur mill-obblgu tal-viża skont ir-regoli ta' Schengen[22].

2.2.2. Karti ta' residenza

Kif stipulat fl-Artikolu 10(1), id-dritt ta' residenza ta' membri tal-familja minn pajjiżi terzi huwa ppruvat bil-ħruġ ta' dokument li jissejjaħ "Karta ta' residenza ta' membru tal-familja ta' ċittadin tal-Unjoni". Id-denominazzjoni ta’ din il-karta ta’ residenza m’għandhiex tiddevja mill-kliem preskritt mid-Direttiva peress li titoli differenti jkunu jagħmulha materjalment impossibbli li l-karta ta' residenza tkun magħrufa fi Stati Membri oħra bħala karta li d-detentur tagħha jkun eżenti mill-obbligu tal-viża skont l-Artikolu 5(2).

Il-format tal-karta tar-residenza mhux stabbilit, b’mod li l-Istati Membri jistgħu jagħtuha l-format li jidhrilhom[23]. Madankollu, il-karta ta’ residenza trid tinħareġ bħala dokument separat u mhux bħala sticker li jeħel mal-passaport, peress li dan jista' jwassal għal limitu fuq il-validità tal-karta, ħaġa li tkun tikser l-Artikolu 11(1).

Il-karta ta’ residenza trid tinħareġ fi żmien sitt xhur mid-data tal-applikazzjoni. L-iskadenza trid tkun interpretata fid-dawl tal-Artikolu 10 tat-Trattat tal-KE u l-perjodu massimu ta’ sitt xhur hu ġġustifikat biss fil-każ fejn l-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni tkun tinvoli kunsiderazzjonijiet ta’ natura ta’ politika pubblika[24].

Il-lista ta’ dokumenti [25] għandha tiġi ppreżentata mal-applikazzjoni għal karta ta’ residenza hija eżawrijenti, kif ikkonfermat fl-Inċiż 14. Ma jistgħu jintalbu l-ebda dokumenti addizzjonali.

L-Istati Membri jistgħu jeżiġu li d-dokumenti jiġu tradotti, insinwati jew legalizzati meta l-awtorità nazzjonali kkonċernata ma tkunx tista' tifhem il-lingwa li biha d-dokument partikolari jkun miktub, jew ikollha suspett dwar l-awtentiċità tal-awtorità li tkun ħariġitu.

2.3. Residenza ta’ ċittadini tal-UE għal aktar minn tliet xhur

Iċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt ta' residenza fl-Istat Membru ospitanti jekk huma jkunu ekonomikament attivi hemmhekk. Studenti u ċittadini tal-UE li mhumiex ekonomikament attivi għandu jkollhom riżorsi suffiċjenti għalihom kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom sabiex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta' assitenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu ta’ reżidenza tagħhom u għandhom ikunu koperti minn assikurazzjoni komprensiva tas-saħħa.

Il-lista ta’ dokumenti li għandha tiġi ppreżentata mal-applikazzjoni ta’ residenza hija eżawrijenti. Ma jistgħu jintalbu l-ebda dokumenti addizzjonali.

2.3.1. Riżorsi suffiċjenti

Il-kunċett ta’ ‘riżorsi suffiċjenti’ għandu jkun interpretat fid-dawl tal-għan tad-Direttiva, jiġifieri dak li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu, sakemm il-benefiċjarji tad-dritt ta’ reżidenza ma jsirux ta’ piż mhux raġjonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istati Membru ospitanti.

L-ewwel pass sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riżorsi suffiċjenti għandu jkun li jiġi stabbilit jekk iċ-ċittadin tal-UE (kif ukoll il-membri tal-familja li bis-saħħa tiegħu jakkwistaw id-dritt ta' residenza) ikunu jilħqu l-kriterji nazzjonali biex jikkwalifikaw għall- benefiċċju bażiku ta' assistenza soċjali.

Iċ-ċittadini tal-UE jkollhom riżorsi suffiċjenti meta l-livell tar-riżorsi tagħhom ikun ogħla mil-limitu li taħtu jingħata benefiċċju minimu ta’ sussistenza mill-Istat Membru. Fejn dan il-kriterju ma jkunx applikabbli, għandha tittieħed f’kunsiderazzjoni l-pensjoni minima ta’ sigurtà soċjali.

L-Artikolu 8(4) jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jistabbilixxu ammont fiss biex jitqies bħala “riżorsi suffiċjenti”, la direttament u lanqas indirettament, li taħtu jista’ jiġi awtomatikament rifjutat id-dritt ta’ residenza. L-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jieħdu f’kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali tal-individwu kkonċernat. Għandhom jkunu aċċettati riżorsi minn terza persuna[26].

L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, fejn ikun hemm bżonn, jagħmlu verifiki dwar l-eżistenza tar-riżorsi, dawr kemm dawn ikunu legali, dwar kemm huma, u dwar kemm huma disponibbli. Mhemmx bżonn li r-riżorsi jkunu dħul perjodiku, u jistgħu jkunu fil-forma ta’ kapital akkumulat. Il-provi dwar riżorsi suffiċjenti ma jistgħux ikunu limitati[27].

Meta jiġu biex jaraw jekk individwu li r-riżorsi tiegħu ma jistgħux aktar jitqiesu bħala suffiċjenti u li jkun qed ingħata l-benefiċċju minimu ta’ sussistenza jkun, jew ikun sar ta’ piz mhux raġjonevoli, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom iwettqu test ta’ proporzjonalità. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw, pereżempju, skema bbażata fuq il-punti li sservi ta' indikazzjoni. L-Inċiż 16 tad-Direttiva 2004/38 tipprovdi għal tliet settijiet ta’ kriterji għal dan il-għan:

(1) it-tul

- Għal kemm żmien qiegħed jingħata l-benefiċċju?

- Il-prospettivi: huwa probabbli li ċ-ċittadin tal-UE joħroġ mix-xibka tal-assistenza dalwaqt?

- Kemm kien ilu jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti?

(2) is-sitwazzjoni personali

- X’inhu l-livell ta’ konnessjoni taċ-ċittadin/a tal-UE u tal-membri tal-familja tiegħu/tagħha mas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti?

- Hemm xi kunsiderazzjonijiet fejn jidħlu età, stat ta’ saħħa, sitwazzjoni familjari u ekonomika, li jridu jittieħdu f’kunsiderazzjoni?

(3) l-ammont

- L-ammont totali tal-għajnuna mogħtija?

- Iċ-ċittadin tal-UE għandu storja ta’ dipendenza qawwija fuq l-assistenza soċjali?

- Iċ-ċittadin tal-UE għandu storja ta’ kontribuzzjoni għall-iffinanzjar tal-assistsenza soċjali fl-Istat Membru ospitanti?

Sakemm il-benefiċjarji tad-dritt ta’ reżidenza ma jsirux ta’ piż mhux raġjonevoli fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali tal-Istat Membru ospitanti, huma ma jistgħux jitkeċċew għal din ir-raġuni[28].

Huwa biss id-dħul ta' benefiċċji ta' assistenza soċjali li jista' jiġi kkunsidrat relevanti biex jiġi determinat jekk il-persuna kkonċernata hix ta’ piż fuq is-sistema ta’ assistenza soċjali.

2.3.2. Assikurazzjoni għall-Mard

Kull assikurazzjoni, privata jew pubblika, li ssir fl-Istat Membru ospitanti jew x'imkien ieħor, hija fil-prinċipju aċċettabbli, sakemm din tkun tagħti kopertura komprensiva u ma tkunx toħloq piż fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti. Fil-protezzjoni tal-finanzi pubbliċi tagħhom, filwaqt li jeżaminaw kemm hija komprensiva l-assikurazzjoni, l-Istati Membri għandhom jaġixxu skont il-limiti imposti mil-liġi tal-Komunità u skont il-prinċipju tal-proporzjonalità[29].

Il-pensjonanti jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ assikurazzjoni għall-mard komprensiva jekk ikunu intitolati għal kura tas-saħħa f'isem l-Istat Membru li jħallsilhom il-pensjoni[30].

Il-Karta Ewropea tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa toffri kopertura komprensiva bħal din meta ċ-ċittadin tal-UE kkonċernat ma jmexxix ir-residenza fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 lejn l-Istat Membru ospitanti u jkollu l-intenzjoni li jmur lura, pereż. studji jew ippustjar lejn Stat Membru ieħor.

3. RESTRIZZJONIJIET TAD-DRITT TA’ ċAQLIEQ U RESIDENZA LIBERA FUQ IL-BAżI TA’ POLITIKA PUBBLIKA JEW TA’ SIGURTÀ PUBBLIKA

DIN IS-SEZZJONI TIBNI FUQ IL-KOMUNIKAZZJONI TAL-1999 [31] dwar il-miżuri speċjali dwar il-moviment u r-reżidenza ta’ ċittadini tal-UE li jkunu ġġustifikati abbażi ta' politika pubblika, ta' sigurtà pubblika jew inkella ta' saħħa pubblika. Il-kontenut tal-Komunikazzjoni tal-1999 għadu ġeneralment validu, anki jekk jirreferu għad-Direttiva 64/221, li flokha daħlet id-Direttiva 2004/38. L-iskop ta’ din is-sezzjoni huwa li jiġi aġġornat ( jew biex jaġġorna l-) il-kontenut tal-Komunikazzjoni tal-1999 fid-dawl tal-każistika reċenti tal-Qorti u sabiex jiġu ċċarati ċerti kwistjonijiet imqajjma matul il-proċess tal-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Il-libertà tal-moviment tal-persuni hija waħda mill-pedamenti tal-UE. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet li jagħtu dik il-libertà jridu jingħataw interpretazzjoni wiesgħa , filwaqt li d-derogi minn dak il-prinċipju għandhom jiġu interpretati b'mod dejjaq[32].

3.1. Politka pubblika u sigurtà pubblika

L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment ta’ ċittadini tal-UE abbażi ta’ politika pubblika jew ta' sigurtà pubblika. Il-Kapitolu VI tad-Direttiva japplika għal kull azzjoni meħuda abbażi ta’ politika pubblika jew sigurtà pubblika li taffettwa d-dritt ta’ persuni li jaqgħu taħt id-Direttiva li jidħlu u li jirresjedu b’libertà fl-Istati Membru ospitanti taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat[33].

L-Istati Membri jżommu l-libertà li jiddeterminaw ir-rekwiżiti ta’ politika pubblika u ta’ sigurtà pubblika skont il-ħtiġijiet tagħhom, li jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor minn żmien għall-ieħor. Madankollu, meta jagħmlu hekk fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Direttiva, għandhom jinterpertaw dawn ir-rekwiżiti b’mod dejjaq[34].

Huwa kruċjali li l-Istati Membri jiddefinixxu b’mod ċar l-interessi protetti tas-soċjetà u jagħmlu distinzjoni ċara bejn politika pubblika u sigurtà pubblika. Din tal-aħħar ma tistax tiġi estiża għal miżuri li għandhom jiġu koperti minn tal-ewwel.

Is-sigurtà pubblika hija ġeneralment interpretata bħala li tkopri sew is-sigurtà interna kif ukoll esterna[35] fil-linji tal-preservazzjoni tal-integrità tat-territorju ta’ Stat Membru u tal-istituzzjonijiet tiegħu. Il-politika pubblika hija ġeneralment interpretata fuq il-linji tal-prevenzjoni ta' tħarbit tal-ordni soċjali.

Ċittadini tal-UE jistgħu jitkeċċew biss minħabba mġieba li tista' tiġi kkastigata bil-liġi tal-Istat Membru ospitanti jew fil-każi fejn ikunu ttieħdu miżuri oħra ġenwini u effettivi maħsuba biex tiġi miġġielda imġieba bħal din, kif ikkonfermat mill-każistika[36] tal-Qorti.

F’kull każ, in-nuqqas ta’ konformità mal-obbligu ta’ reġistrazzjoni mhux ta’ natura tali li fih innifsu hu ta' theddida għall-politika pubblika u s-sigurtà soċjali u ma jistax għalhekk minnu nnifsu jiġġustifika t-tkeċċija ta' persuna[37].

3.2. L-imġieba personali u t-theddida

Jistgħu jittieħdu miżuri restrittivi biss fuq il-bażi ta' każ b'każ meta l-imġieba personali ta' individwu tkun tirrappreżenta theddida ġenwina, preżenti u daqstant serja li tkun taffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti[38]. Il-miżuri restrittivi ma jistgħux jiġu bbażati biss fuq kunsiderazzjonijiet marbuta mal-protezzjoni tal-politika pubblika jew tas-sigurtà pubblika promossi minn Stat Membru ieħor[39].

Il-liġi tal-Komuinità teskudi l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fuq bażi preventiva ġenerali [40] . Il-miżuri restrittivi jridu jkunu bbażati fuq theddida konkreta u ma jistgħux jiġu ġġustifikati sempliċement b’riskju ġenerali[41]. Il-miżuri restrittivi bħala riżultat ta' sentenza kriminali ma jistgħux ikunu awtomatiċi u jridu jieħdu kont tal-imġieba personali ta' min jagħmel l-offiża u tat-theddida li hija tirrappreżenta għar-rekwiżiti ta' politika pubblika[42]. Ma jistgħux jinġiebu raġunijiet li mhumiex ta’ mġieba personali ta’ individwu. Tkeċċijiet awtomatiċi mhumiex permessi b’din id-Direttiva[43].

L-individwi jista’ jkollhom id-drittijiet tagħhom ristretti biss jekk l-imġieba personali tagħhom tkun tirrappreżenta theddida , jiġifieri tindika l-probabbiltà ta’ ħsara serja għar-rekwiżiti ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika.

Theddida li hija biss presunta ma titqiesx ġenwina. It-theddida trid tkun preżenti. L-imġieba passata tista’ titqies biss meta jkun hemm il-probabbiltà ta’ ripetizzjoni tal-offiża[44]. It-theddida trid tkun teżisti fil-mument meta tkun adottata l-miżura restrittiva mill-awtoritajiet nazzjonali jew inkella meta tkun eżaminata mill-qrati[45]. Is-sospensjoni ta’ sentenza tikkostitwixxi fattur importanti fl-evalwazzjoni tat-theddida peress li tindika li l-individwu kkonċernat m’għadux jitqies bħala periklu reali.

Is-sħubija preżenti f’organizzazzjoni tista’ tittieħed f’kunsiderazzjoni meta l-individwu kkonċernat jipparteċipa fl-attivitajiet tal-organizzazzjoni u jidentifika ruħu mal-għanijiet jew il-pjanijiet tagħha[46]. L-Istati Membri m'għandhomx għalfejn jikkriminalizzaw jew jipprojbixxu l-attivitajiet ta' organizzazzjoni biex ikunu f'pożizzjoni li jirrestrinġu d-drittijiet skont id-Direttiva, sakemm ikun hemm xi miżuri amministrattivi biex jilqgħu għall-attivitajiet ta’ dik l-organizzazzjoni. Rabtiet tal-passat[47] ma jistgħux, b’mod ġenerali, jikkostitwixxu theddida preżenti.

Sentenza kriminali preċedenti tista’ tittieħed f’kunsiderazzjoni, iżda biss safejn iċ-ċirkostanzi li jkunu wasslu għal dik is-sentenza jkunu xhieda ta' imġieba personali li tikkostitwixxi theddida preżenti għar-rekwiżiti ta' politika pubblika[48]. L-awtoritajiet għandhom jibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq evalwazzjoni tal-imġieba futura tal-individwu kkonċernat. L-għadd u x-xorta ta’ sentenzi ta’ qabel għandhom jifformaw element sinifikanti f’din l-evalwazzjoni u għandu jittieħed kont partikolari tas-serjetà u l-frekwenza tar-reati kommessi. Filwaqt li l-periklu li terġa tinkiser il-liġi huwa ta' importanza konsiderevoli, mhux biżżejjed il-possibbiltà remota ta' reati ġodda[49].

A. u I. skontaw sentenza ta’ sentejn ħabs minħabba serq. L-awtoritajiet jaraw jekk l-imġieba personali taż-żewġt aħwa bniet hix ta’ theddida, jiġifieri jekk hux probabbli li jkun hemm ħsara ġdida u serja għall-politika pubblika.

Din kienet l-ewwel darba li A. ġiet ikkundannata. Fil-ħabs ġabet ruħha tajjeb. Mindu ħarġet mill-ħabs sabet taħdem. L-awtoritajiet ma jaraw li hemm xejn fl-imġieba tagħha li hu ta' theddida ġenwina, preżenti u biżżejjed serja.

Fil-każ ta' I., din kienet diġà r-raba’ kundanna tagħha. Is-serjetà tar-reati tagħha kibret minn darba għall-oħra. L-imġieba tagħha fil-ħabs kienet ferm ’il bogħod milli tkun eżemplari u ż-żewġ talbiet li ressqet biex tinħeles kienu ġew miċħuda. F’anqas minn ġimgħatejn inqabdet tippjana serqa oħra. L-awtoritajiet jikkonkludu li l-imġieba ta’ I. hija theddida għall-politika pubblika.

F'ċerti ċirkostanzi, il-kriminalità żgħira persistenti tista' tkun ta' theddida għall-politika pubblika, minkejja l-fatt li kull reat, meħud waħdu, ma jkunx biżżejjed biex ikun ta' theddida daqstant serja kif definit hawn fuq. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom juru li l-imġieba personali tal-individwu kkonċernat tkun ta' theddida għar-rekwiżiti tal-politika pubblika[50]. Meta jkunu qed jeżaminaw l-eżistenza tat-theddida għall-politika pubblika f’dawn il-każijiet, l-awtoritajiet jistgħu b’mod partikolari jieħdu f’kunsiderazzjoni l-fatturi li ġejjin:

- in-natura tar-reati;

- kemm-il darba saru;

- il-ħsara u d-danni li kkawżaw.

L-eżistenza ta’ sensiela ta’ sentenzi, fiha nfisha, mhix biżżejjed.

3.3. Evalwazzjoni tal-proporzjonalità

Il-Kapitolu VI tad-Direttiva ma jistax jitqies bħala li jimponi prekundizzjoni għall-akkwist u l-manteniment tad-dritt tad-dħul u tar-reżidenza, iżda li jipprovdi b'mod esklussiv il-possibbiltà li jiġi ristrett, fejn ikun ġustifikabbli, l-eżerċizzju tad-dritt li ġej dirett mit-Trattat[51].

Darba li l-awtoritajiet ikunu stabbilew li l-imġieba personali tal-individwu tkun ta' theddida li tkun serja biżżejjed li tiġġustifika miżura restrittiva, huma għandhom iwettqu valutazzjoni ta’ proporzjonalità biex jiddeċiedu jekk il-persuna kkonċernata jistax jinċaħdilha d-dħul jew tiġi mkeċċija abbażi ta' politika pubblika jew sigurtà pubblika.

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jidentifikaw interessi protetti. Huwa fid-dawl ta’ dawn l-interessi li għandhom jagħmlu analiżi tal- karatteristiċi tat-theddida. Jistgħu jitqiesu l-fatturi li ġejjin:

- il-grad ta' periklu soċjali li jkun ġej mill-preżenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju ta' dak l-Istat Membru;

- in-natura tal-attivitajiet li joffendu, kemm-il darba saru, il-periklu kumulattiv u l-ħsara kkawżata;

- iż-żmien li jkun għadda minn mindu jkunu twettqu l-atti u l-imġieba tal-persuna kkonċernata (Nota: anki l-imġieba tajba l-ħabs u l-possibbiltà ta’ ħelsien b’kundizzjoni tista' tittieħed f’kunsiderazzjoni).

Is-sitwazzjoni personali u familjari tal-individwu kkonċernat għandha tiġi mgħarbla bir-reqqa bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk il-miżura li jkun hemm il-ħsieb li tittieħed tkunx xierqa u ma tkunx tmur lil hinn minn dak li jkun strettament meħtieġ biex jinkiseb l-għan mixtieq, u jekk hemmx miżuri anqas ristrettivi biex jintlaħaq dak il-għan. Il-fatturi li ġejjin, imfissra f’lista indikattiva fl-Artikolu 28(1), għandha tittieħed f'kunsiderazzjoni[52]:

- l-impatt tat-tkeċċija fuq il-ħajja ekonomika, personali u familjari tal-individwi (inkluż fuq membri oħra tal-familja li altrimenti jkollhom id-dritt li jibqgħu fl-Istat Membru ospitanti);

- il-livell ta’ serjetà tad-diffikultajiet li mart/żewġ il-persuna u t-tfal tagħhom jista’ jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom fil-pajjiż ta’ oriġini tal-persuna kkonċernata;

- is-saħħa tar-rabtiet (qraba, żjarat, ħiliet lingwistiċi) − jew nuqqas ta' rabtiet − mal-Istat Membru ta' oriġini u mal-Istat Membru ospitanti (pereżempju, il-persuna kkonċernata twieldet fl-Istat Membru ospitanti jew tkun għexet hemm sa minn età żgħira);

- it-tul ta’ żmien ta’ reżidenza fl-Istat Membru ospitanti (is-sitwazzjoni ta’ turist hi differenti mis-sitwazzjoni ta’ xi ħadd li jkun għex għal ħafna snin fl-Istat Membru ospitanti);

- l-età u l-istat ta’ saħħa.

3.4. Protezzjoni aħjar kontra l-esplusjoni

Iċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom li jkunu reżidenti permanenti (wara ħames snin) fl-Istati Membru ospitanti jistgħu jitkeċċew biss minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew sigurtà pubblika. Iċ-ċittadini tal-UE li jkunu ilhom aktar minn għaxar snin u t-tfal jistgħu jitkeċċew biss minħabba raġunijiet ta’ sigurtà pubblika li ma jistgħux jitwarrbu (mhux raġunijiet ta’ politika pubblika). Għandu jkun hemm distinzjoni ċara bejn raġunijiet normali, ‘serji’ u ‘li ma jistgħux jitwarrbu’ li minħabba fihom tkun tista’ tittieħed deċiżjoni ta' tkeċċija.

Bħala regola, l-Istati Membri mhumiex obbligati li jikkunsidraw iż-żmien li realment ġie skontat fil-ħabs meta jikkalkulaw il-perjodu ta’ reżidenza skont l-Artikolu 28 meta ma jkunux inbnew konnessjonijiet mal-Istat Membru ospitanti.

3.5. Urġenza

Skont l-Artikolu 30(3), iż-żmien allokat biex wieħed iħalli t-territorju għandu jkun ta' mill-anqas xahar, ħlief f'każijiet ta’ urġenza li jkunu ssostanzjati kif xieraq. Il-ġustifikazzjoni ta’ tkeċċija urġenti trid tkun ġenwina u proporzjonata[53]. Meta jkunu qed jevalwaw il-ħtieġa li jnaqqsu dan il-perjodu f’każijiet ta’ urġenza, l-awtoritajiet iridu jieħdu f'kunsiderazzjoni l-impatt ta' tkeċċija immedjata jew urġenti fuq il-ħajja personali u familjari tal-persuna kkonċernata (pereż.il-ħtieġa li jagħti avviż ta' tmiem ix-xogħol, itemm kirja, il-ħtieġa li jara kif se jieħu l-affarijiet personali tiegħu lejn fejn se jmur joqgħod, l-edukazzjoni tat-tfal, eċċ.) L-adozzjoni ta’ miżura ta’ tkeċċija minħabba raġunijiet li ma jistgħux jiġu evitati, jew raġunijiet serji, ma jfissirx neċessarjament li jkun hemm l-urġenza. L-evalwazzjoni tal-urġenza trid tkun issostanzjata b'mod ċar u b'mod separat.

3.6. Salvagwardji proċedurali

Il-persuna kkonċernata għandha dejjem tkun notifikata b’kull miżura meħuda minħabba raġuni ta' politika pubblika jew sigurtà pubblika, kif meħtieġ mill-Artikolu 30.

Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu mmotivati u jkun fihom ir-raġunijiet kollha speċifiċi, fattwali u legali li minħabba fihom ikunu ttieħdu b’mod li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tieħu passi effettivi biex taħseb għad-difiża tagħha[54] u l-qrati nazzjonali jistgħu jistħarrġu l-każ skont id-dritt għal rimedju effettiv, li huwa prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità kif riflessa fl-Artikolu 47 tal-Karta tal-UE. F'dan is-sens, jistgħu jintużaw formoli biex jiġu nnotifikati d-deċiżjonijiet iżda dawn għandu dejjem ikollhom spazju fejn titniżżel il-ġustifikazzjoni sħiħa tar-raġunijiet li minħabba fihom tkun ittieħdet id-deċiżjoni (is-sempliċi indikazzjoni ta' għażla waħda jew aktar sempliċement billi tiġi mmarkata kaxxa mhix aċċettabbli).

4. ABBUż U FRODI

Fkaż ta’ abbuż wieħed ma jistax iserraħ fuq il-liġi tal-Komunità [55] . L-Artikolu 35 jippermetti lill-Istati Membri jieħdu miżuri effettivi u neċessarji fil-ġlieda kontra l-abbuż u l-frodi f'oqsma li jaqgħu fi ħdan l-ambitu materjali tal-liġi tal-Komunità dwar il-moviment liberu tal-persuni billi jirrifjutaw, jitterminaw jew jirtiraw kull dritt mogħti bid-Direttiva fil-każ ta' abbuż minn drittijiet jew minħabba frodi, bħal fil-każ ta' żwiġijiet ta’ konvenjenza. Kull miżura bħal din trid tkun proporzjonata u soġġetta għal salvagwardji proċedurali pprovduti fid-Direttiva[56].

Il-liġi tal-Komunità tippromwovi l-mobbiltà ta’ ċittadini tal-UE u tipproteġi lil dawk li jkunu għamlu użu minnha [57] . Ma jkun hemm l-ebda abbuż meta ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom jiksbu d-dritt ta' reżidenza skont il-liġi tal-Komunità fi Stat Membru barra minn dak tan-nazzjonalità taċ-ċittadin tal-UE peress li jkunu qed jibbenefikaw minn vantaġġ inerenti fl-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu protett bit-Trattat[58], irrispettivament minn x’inhu l-iskop taċ-ċaqlieq tagħhom lejn dak l-Istat[59]. Bl-istess raġunar, il-liġi tal-Komunità tipproteġi liċ-ċittadini tal-UE li jirritornaw lejn pajjiżhom wara li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment ħieles.

4.1. Il-kunċetti ta’ abbuż u ta’ frodi

4.1.1. Frodi

Għall-iskopijiet tad-Direttiva, wieħed jista' jiddefinixxi frodi bħala l-qerq intenzjonat jew pjan magħmula biex jinkiseb id-dritt ta' moviment u reżidenza liberi (skont id-Direttiva. Fil-kuntest tad-Direttiva, il-frodi x'aktarx li jkun limitat għall-falsifikazzjoni ta' dokumenti jew rappreżentazzjoni falza ta' fatt materjali konness mal-kundizzjonijiet tad-dritt ta’ reżidenza. Persuni li jkun inħarġilhom dokument ta’ reżidenza biss bħala riżultat ta’ imġieba frawdolenti li dwarha jkunu nstabu ħatja jista’ jkollhom id-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva miċħuda, itterminati, jew irtirati[60].

4.1.2. Abbuż

Għall-iskopijiet tad-Direttiva, l-abbuż jista’ jiġi ddefinit bħala imġieba artifiċjali li ssir biss bl-iskop li jinkiseb id-dritt ta' moviment u reżidenza liberi skont il-liġi tal-Komunità li, għalkemm formalment ikun josserva l-kundizzjonijiet imfissra mir-regoli tal-Komunità, ma jkunx konformi ma' dawk ir-regoli[61].

4.2. Żwiġijiet ta’ konvenjenza

L-Inċiż 28 jiddefinixxi ż-żwiġijiet ta’ konvenjenza għall-iskop tad-Direttiva bħala żwiġijiet magħmula biss sabiex ikun jista’ jitgawda d-dritt tal-moviment u reżidenza liberi skont id-Direttiva li altrimenti ma jkunx jista’ jinkiseb. Żwieġ ma jistax jitqies bħala ta’ konvenjenza sempliċement għaliex bih jinkiseb vantaġġ fejn tidħol l-immigrazzjoni, jew tabilħaqq xi vantaġġ ieħor, ikun x’ikun. Il-kwalità tar-relazzjoni hija immaterjali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 35.

Id-definizzjoni ta’ żwieġ ta’ konvenjenza tista’ tiġi estiża b’analoġija għal forom oħra ta’ relazzjonijiet li jsiru biss għall-iskop tat-tgawdija tad-dritt tal-moviment u reżidenza liberi, bħal ma huma s-sħubija (reġistrata) ta’ konvenjenza, l-adozzjoni falza, jew meta ċittadin tal-UE jiddikjara li jkun il-missier ta’ wild minn pajjiż terz sabiex ikun jista’ jgħaddi n-nazzjonalità u d-dritt tar-reżidenza lill-wild u lill-omm, meta jaf li hu mhux il-missier u m'għandux l-intenzjoni li jieħu f'idejh id-dmirijiet tal-ġenitur.

Il-miżuri meħuda mill-Istati Membri fil-ġlieda kontra ż-żwiġijiet ta’ konvenjenza ma jistgħux ikunu tali li jtellfu lil ċittadini tal-UE u lill-membri tal-familji tagħhom milli jagħmlu użu mid-dritt tagħhom ta' moviment ħieles jew inkella li jkunu jtellfuhom mit-tgawdija tad-drittijiet leġittimi tagħhom. Huma m’għandhomx jimminaw l-effettività tal-liġi Komunitarja jew jiddiskriminaw fuq il-bażi ta’ nazzjonalità.

Meta jkunu qed jinterpretaw il-kunċett ta’ abbuż fil-kuntest tad-Direttiva, trid tingħata attenzjoni lill-istatus ta' ċittadin tal-UE. Skont il-prinċipju tas-supremazija tal-liġi tal-Komunità, l-evalwazzjoni dwar jekk il-liġi tal-Komunità tkunx ġiet abbużata trid issir fi ħdan il-qafas tal-liġi tal-Komunità, u mhux skont il-liġijiet nazzjonali tal-migrazzjoni. Id-Direttiva ma tipprojbix lill-Istati Membri milli jinvestigaw każijiet individwali fejn ikun hemm suspett fondat sewwa ta’ abbuż. Madankollu, il-liġi tal-Komunità tipprojbixxi l-verifiki sistematiċi[62]. L-Istati Membri jistgħu joqogħdu fuq l-analiżi u l-esperjenza li tkun saret qabel li turi korrelazzjoni ċara bejn każijiet ippruvati ta' abbuż u ċerti karatteristiċi ta' dawn il-każijiet.

Sabiex ma jinħolqux piżijiet u ostakoli żejda, huwa possibbli li jiġu identifikati sett ta’ kriterji indikattivi li jindikaw li ma jkunx hemm probabbiltà ta’ abbuż tad-drittijiet Komunitarji:

- il-miżżewweġ/a minn pajjiż terz ma jkollu/ha l-ebda problema għall-kisba tad-dritt ta’ reżidenza bil-ħila tiegħu/tagħha waħedha, jew i/tkun diġà j/tgħix legalment fl-Istat Membru taċ-ċittadin tal-UE sa minn qabel;

- il-koppja tkun ilha f’relazzjoni għal żmien twil;

- il-koppja jkollha domiċilju/dar għal żmien twil[63];

- il-koppja jkollha diġà impenn serju għat-tul legali/finanzjarju b'responsabbiltajiet maqsuma (self fuq dar, eċċ);

- iż-żwieġ ikun ilu għal żmien twil.

L-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu sett ta' kriterji indikattivi li jindikaw il-possibbiltà li jkun hemm abbuż mid-drittijiet mogħtija bid-Direttiva għall-iskop biss ta' ksur tal-liġijiet tal-immigrazzjoni nazzjonali. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu b’mod partikolari jieħdu f’kunsiderazzjoni l-fatturi li ġejjin:

- il-koppja qatt ma tkun iltaqgħet qabel iż-żwieġ;

- il-membri tal-koppja jkunu inkonsistenti dwar id-dettalji personali rispettivi tagħhom, dwar iċ-ċirkostanzi ta' kif iltaqgħu l-ewwel darba jew dwar informazzjoni oħra personali importanti dwarhom;

- il-membri tal-koppja ma jkunux jitkellmu lingwa li jifhmuha huma t-tnejn;

- prova ta’ somma flus jew ta’ rigali li jkunu ngħataw sabiex ikun jista’ jsir iż-żwieġ (bl-eċċezzjoni ta’ flus u rigali mogħtija fil-forma ta’ dota f’kulturi fejn dan issoltu jsir);

- l-istorja fil-passat ta' wieħed jew waħda mill-konjuġi, jew tat-tnejn li huma, fejn hemm provi ta' żwiġijiet ta' konvenjenza li saru qabel jew forom oħra ta' abbuż u frodi sabiex ikun akkwistat id-dritt ta' reżidenza;

- l-iżvilupp ta’ ħajja familjari biss wara li tkun adottata l-ordni ta’ tkeċċija;

- il-koppja tiddivorzja ftit wara li ċ-ċittadin ikkonċernat tal-pajjiż terz ikun akkwista d-dritt ta’ reżidenza.

Dawn il-kriterji ta' hawn fuq jistgħu jwasslu biex tinfetaħ investigazzjoni, mingħajr ma jkun hemm indikazzjonijiet awtomatiċi minn riżultati jew investigazzjonijiet sussegwenti. L-Istati Membri ma jistgħux joqogħdu fuq attribut wieħed biss; trid tingħata l-attenzjoni xierqa liċ-ċirkostanzi kollha tal-każ individwali. L-investigazzjoni tista’ tinvolvi intervista separata ma’ kull wieħed/waħda miż-żewġ miżżewġin (mill-miżżewġin).

S., ċittadina ta’ pajjiż terz, irċeviet l-ordni li titlaq fi żmien xahar peress li hija damet aktar milli kien permess fil-viża ta' turist li kellha. Wara ġimgħatejn hija żżewġet lil O., ċittadin tal-UE li kien għadu kif wasal fl-Istat Membru ospitanti. L-awtoritajiet jissuspettaw li ż-żwieġ seta’ sar biss sabiex tiġi evitata t-tkeċċija. Huma jikkuntattjaw lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ O. u jiskorpu li wara ż-żwieġ il-ħanut tal-familja tiegħu fl-aħħar seta’ jħallas dejn ta’ 5,000 EUR, li għal sentejn ma setax jitħallas.

Huma jitolbu lill-miżżewġin friski biex jiġu għal intervista, li matulha huma jiskopru li O. sadanittant diġà kien telaq mill-Istat Membru ospitanti sabiex imur lura lejn pajjiżu fix-xogħol li kien jagħmel, li l-koppja mhix kapaċi tikkomunika b'lingwa waħda u li huma kienu ltaqgħu l-ewwel darba ġimgħa qabel iż-żwieġ. Hemm indikazzjonijiet qawwija li l-koppja żżewġet bl-uniku skop li jinkisru l-liġijiet tal-immigrazzjoni nazzjonali.

L-oneru tal-prova jaqa' fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jkollhom l-għan li jirrestrinġu d-drittijiet skont id-Direttiva. L-awtoritajiet ikun jinħtiġilhom jibnu każ konvinċenti filwaqt li jirrispettaw is-salvagwardji materjali kollha deskritti fis-sezzjoni ta’ qabel. Meta jsir appell, ikun dmir il-qrati nazzjonali li jivverifikaw l-eżistenza ta’ abbuż f’każijiet individwali, li tiegħu jrid ikun hemm il-provi miksuba skont ir-regoli tal-liġijiet nazzjonali, sakemm l-effettività tal-liġi tal-Komunità ma’ tkunx b’hekk imminata[64].

L-investigazzjonijiet iridu jsiru skont id-drittijiet fundamentali , b’mod partikolari skont l-Artikoli 8 (id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata jew familjari) u 12 (id-dritt għaż-żwieġ) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Artikoli 7 u 9 tal-Karta tal-UE).

L-investigazzjoni li tkun għaddejja dwar każijiet suspetti ta’ żwiġijiet ta’ konvenjenza ma tistax tiġġustifika deroga mid-drittijiet ta’ membri tal-famija li jkunu ġejjin minn pajjiż terz skont id-Direttiva, bħal ma huma projbizzjoni mid-dritt tax-xogħol, iż-żamma tal-passaport jew dewmien fil-ħruġ ta' karta ta' reżidenza fi żmien sitt xhur mid-data tal-applikazzjoni. Dawn id-drittijiet jistgħu jiġu rtirati f’kull mument bħala riżultat ta’ investigazzjonijiet sussegwenti.

4.3. Forom oħra ta' abbuż

L-abbuż jista’ jsir ukoll meta ċittadini tal-UE, li ma jkunux jistgħu jkollhom magħhom il-membri tal-familja tagħhom li ġejjin minn pajjiż terz fl-Istat Membru ta' oriġini tagħhom minħabba li l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali tal-immigrazzjoni ma tħallix li dan isir, imorru jgħixu fi Stat Membru ieħor bl-iskop biss li jevadu, hekk kif jirritornaw lejn l-Istat Membru tagħhom, il-liġi nazzjonali li tkun ġabet fix-xejn l-isforzi tagħhom li jirrijunifikaw lill-familja tagħhom, filwaqt li jinvokaw id-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-Komunità.

Il-karatteristiċi li jiddefinixxu l-linja bejn użu ġenwin u użu abbusiv tal-liġi tal-Komunità għandhom ikunu bbażati fuq l-evalwazzjoni ta' jekk l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità fi Stat Membru li minnu ċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom jiġu lura kienx ġenwin u effettiv. F’każ bħal dan, ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom huma mħarsa mil-liġi Komunitarja dwar il-moviment liberu tal-persuni. Din l-evalwazzjoni tista’ ssir biss skont kull każ individwali. Jekk, f’każ konkret ta’ ritorn, l-użu ta’ drittijiet tal-Komunità jkun ġenwin u effettiv, l-Istat Membru ta’ oriġini m’għandux jitkixxef dwar ir-raġunijiet personali li jkunu wasslu għaċ-ċaqlieqa ta’ qabel.

Meta jkun hemm bżonn, l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu sett ta' kriterji indikattivi biex jevalwaw jekk ir-reżidenza fl-Istat Membru ospitanti kinitx ġenwina u effettiva. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu b’mod partikolari jieħdu f’kunsiderazzjoni l-fatturi li ġejjin:

- iċ-ċirkostanzi li fihom iċ-ċittadin tal-UE ikkonċernat ikun mar jgħix fl-Istat Membru ospitanti (okkażjonijiet preċedenti fejn ipprova jakkwista reżidenza għal konjuġi minn pajjiż terz skont il-liġi nazzjonali, offerta ta' impjieg fl-Istai Membru ospitanti, il-kapaċità li fiha ċ-ċittadin tal-UE jgħix fl-Istat Membru ospitanti);

- il-grad ta’ effettività u ta’ ġenwinità tar-reżidenza fl-Istat Membru ospitanti (ħsieb ta’, u reżidenza fattwali, fl-Istati Membru ospitanti, sforzi li saru biex dak li jkun jistabbilixxi ruħu fl-Istat Membru ospitanti, inkluż formalitajiet nazzjonali ta' reġistrazzjoni u l-kisba ta’ akkomondazzjoni, il-kitba tat-tfal f'istituzzjoni edukattiva);

- ċirkostanzi li fihom iċ-ċittadin tal-UE kkonċernat ikun mar jgħix x'imkien ieħor (ritorn immedjatament wara ż-żwieġ ma' ċittadin/a ta' pajjiż terz fi Stat Membru ieħor).

Dawn il-kriterji ta' hawn fuq jistgħu jwasslu biex tinfetaħ investigazzjoni, mingħajr ma jkun hemm indikazzjonijiet awtomatiċi minn riżultati jew investigazzjonijiet sussegwenti. Meta tkun qed issir l-evalwazzjoni dwar kemm l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment u ta’ reżidenza libera fi Stat Membru ieħor tal-UE kien ġenwin u effettiv, l-awtoritajiet nazzjonali m’għandhomx jistrieħu fuq attribut wieħed biss iżda jridu jagħtu każ kif imiss taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ individwali. Għandhom jevalwaw l-imġieba tal-persuni kkonċernati fid-dawl tal-għanijiet mixtieqa mil-liġi tal-Komnità u jaġixxu fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi[65].

J. jirritorna f’pajjiżu minn Stat Membru ma’ S., li hija martu minn pajjiż terz. S. ippruvat darbtejn, mingħajr suċċess, biex tikseb reżidenza fl-Istat Membru ta’ J. L-imsemmi J. kompla jaħdem mid-dar matul ir-reżidenza allegata tiegħu fi Stat Membru ieħor.

L-awtoritajiet ikkuntattjaw lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti u skoprew li J. irritorna f’pajjiżu wara biss tliet ġimgħat. Il-koppja qagħdet f’lukanda tat-turisti u ħallset għat-tliet ġimgħat ta’ akkomodazzjoni bil-quddiem. Meta jitqies dan kollu, J. u S. ma jibbenefikawx mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

Wieħed ma jistax jasal għall-konklużjoni li r-reżidenza fl-Istat Membru ospitanti mhix ġenwina u effettiva biss għaliex ċittadin tal-UE jżomm xi kuntatti mal-Istat Membru ta’ oriġini, aktar u aktar jekk l-istatus tiegħu fil-pajjiż ospitanti mhux stabbli (pereż. kuntratt ta’ xogħol għal perjodu limitat). Il-fatt innifsu li persuna konxjament tpoġġi lilha nnifisha f’sitwazzjoni li tagħtiha xi dritt ma jfissirx, fih innifsu, li jkun hemm biżżejjed raġuni biex wieħed jassumi li jkun sar abbuż[66].

Il-kunsiderazzjonijiet kollha relevanti mfissra hawn fuq dwar l-investigazzjonijiet, is-salvagwardji materjali u proċedurali, u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar iż-żwiġijiet ta’ konvenjenza japplikaw mutatis mutandis.

4.4. Miżuri u sanzjonijiet kontra l-abbuż u l-frodi

L-Artikolu 35 jippermetti lill-Istati Membri li jadottaw il-miżuri neċessarji fil-każ ta’ abbuż mid-drittijiet jew ta’ frodi. Dawn il-miżuri jistgħu jittieħdu f’kull ħin u jistgħu jinkludu:

- Iċ-ċaħda li jingħataw drittijiet skont il-liġi tal-Komunità dwar il-moviment liberu (jiġifieri li tinħareġ viża tad-dħul jew karta ta’ reżidenza) ;

- it-terminazzjoni jew l-irtirar ta’ drittijiet skont il-liġi tal-Komunità dwar il-moviment liberu (jiġifieri d-deċiżjoni biex tiġi tterminata l-validità ta’ karta ta’ reżidenza u biex titkeċċa l-persuna kkonċernata li tkun akkwistat id-drittijiet b'abbuż jew frodi).

Il-liġi tal-Komunità bħalissa ma tipprovdix għal xi sanzjoni speċifika li l-Istati Membri jistgħu jieħdu fil-qafas tal-ġlieda kontra l-abbuż u l-frodi. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw sanzjonijiet skont il-liġi ċivili (pereż. l-ikkanċellar tal-effetti ta' żwieġ ta' konvenjenza ppruvat fuq id-dritt ta’ reżidenza), amministrattiva jew kriminali (multa jew priġunerija) , sakemm dawn is-sanzjonijiet ikunu effettivi, mhux diskriminatorji u proporzjonati.

[1] COM(2008) 840 finali

[2] Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu u jirrisjedu b'mod ħieles fit-territorju tal-Istati Membri.

[3] Il-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill ĠAI f’Novembru 2008 u Frar 2009.

[4] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ April 2009 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE (2008/218(INI))

[5] Il-Kawżi C-482/01 u C-493/01 Orfanopoulos and Oliveri (paras 97-98 ) u C-127/08 Metock (para 79)

[6] Il-kawżi 139/85 Kempf (para 13) u C-33/07 Jipa (para 23)

[7] Artikolu 3(1)

[8] Il-Kawża C-370/90 Singh u C-291/05 Eind .

[9] Il-Kawżi C-60/00 Carpenter

[10] Inter alia l-Artikolu 16(2) tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, jew l-Artikolu 16(1)(b) tal-Konvenzjoni għall-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa

[11] Każ quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Alilouch El Abasse v l-Olanda ( 6 ta’ Jannar 1992)

[12] Inċiż 6

[13] Tfal adottivi huma mħarsa għal kollox permezz tal-Artikolu 8 tal-ECHR (Kawżi fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem X v. Il-Belġju u l-Olanda (l-10 ta' Lulju 1975, X v Franza (il-5 ta' Ottubru 1982) kif ukoll X, Y u Z v ir-Renju Unit (it-22 ta' April, 1997).

[14] Il-kawżi 316/85 Lebon (para 22) u C-1/05 Jia (para 36-37)

[15] Ma titteħditx f’kunsiderazzjoni d-dependenza emozzjonali, ara AG Tizzano fil-kawża C-200/02 Zhu and Chen, para 84

[16] It-test ta’ dipendenza għandu b’mod ewlieni jkun ibbażat fuq jekk, fid-dawl taċ-ċirkostanzi personali tagħhom, il-mezzi finanzjarji tal-membri tal-familja jkunux jippermettulhom li jgħixu fil-livell minimu ta’ sussistenza fil-pajjiż ta' reżidenza normali tagħhom (AG Geelhoed in case C-1/05 Jia , para 96).

[17] Il-kawżi C-215/03 Oulane (para 53) u C-1/05 Jia (para 41)

[18] Il-Kawża C-503/03 Il-Kummissjoni v Spanja (para. 42)

[19] COM(2006) 403 finali/2

[20] L-Artikolu 8(5) u 10(2)

[21] Ara. L-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali u –Kumitat tar-Reġjuni, dwar il-multilingwiżmu: Ġid għall-Ewropa u impenn konġunt (COM (2008) 566).

[22] L-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) N° 562/2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera ( Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)

[23] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002 li jippreskrivi format uniformi għall-permessi ta' residenza għaċ-ċittadini ta' pajjiz terz ma japplikax għal membri tal-familha ta’ ċittadini tal-UE li jkunu qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu (L-Artikolu 5) u l-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen.

[24] COM(1999)372 (il-punt 3.2)

[25] Artikolu 10(2)

[26] Il-Kawża C-408/03 Il-Kummissjoni v il-Belġju (para. 40 u ta’ warajh)

[27] Il-Kawża C-424/03 Il-Kummissjoni v l-Italja (para. 37)

[28] Artikolu 14(3)

[29] Il-Kawża C-413/99 Baumbast (para. 89-94)

[30] L-Artikoli 27, 28 u 28a tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità. Mill-1 ta’ Marzu 2010, ir-Regolament (KE) Nru 883/04 se jieħu postu iżda se jibqgħu japplikaw l-istess prinċipji.

[31] COM(1999) 372

[32] Il-kawżi 139/85 Kempf (para 13) u C-33/07 Jip a (para 23)

[33] Il-Kawżi 36/75 Rutili (para. 8-21) u 30/77 Bouchereau (para. 6-24)

[34] Il-Kawżi 36/75 Rutili (para 27), 30/77 Bouchereau (para 33) u C-33/07 Jipa (para 23)

[35] Il-Kawżi C-423/98 Albor e (para 18 u ta’ warajh) u C-285/98 Kre il (para 15)

[36] Il-Kawżi 115/81 Adoui u Comuaille (para. 5-9) u C-268/99 Jany (para 61)

[37] Il-Kawża 48/75 Royer (para 51).

[38] Il-kriterji kollha huma kumulattivi.

[39] Il-Kawżi C-33/07 Jipa (para. 25) u C-503/03 Il-Kummissjoni v. Spanja (para 62).

[40] Il-Kawża 67/74 Bonsignore (para. 5-7)

[41] Il-prevenzjoni ġenerali f’ċirkustanzi speċifiċi, bħal fil-każ ta’ avvenimenti sportivi, hija koperta mill-Komunikazzjoni tal-1999 (ara. L-punt 3.3)

[42] Il-Kawżi C-348/96 Calfa (para 17-27) u 67/74 Bonsignore (para 5-7)

[43] Il-Kawża C-408/03 Il-Kummissjoni v. il-Belġju (para 68-72)

[44] Il-Kawża 30/77 Bouchereau (para. 25-30)

[45] Il-Kawżi C-482/01 u C-493/01 Orfanopoulos u Olivieri (para 82)

[46] Il-Kawża 41/74 van Duyn (para 17 u ta’ warajh)

[47] Ibid.

[48] Il-Kawżi C-482/01 u C-493/01 Orfanopoulos u Oliveri (paras 82 u 100 ) u C-50/06 Il-Kummissjoni v. l-Olanda (para 42-45)

[49] Pereżempju, il-periklu ta’ offiża mill-ġdid jista' jitqies bħala akbar fil-każ ta' dipendenza mid-droga jekk ikun hemm riskju ta' aktar reati kriminali oħra kommessi sabiex id-dipenenza tiġi fffinanzjata. AG Stix-Hackl fil-Kawżi konġunti iC-482/01 u C-493/01 Orfanopoulos u Oliveri

[50] Il-Kawża C-349/06 Polat (para 35)

[51] Il-Kawża 321/87 Il-Kummissjoni v. il-Belġju (para. 10)

[52] F’rabta mad-drittijiet fundamentali, ara l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kawzi Berrehab, Moustaquim, Beld joudi, Boujlifa, El Boujaidi u Dalia.

[53] AG Stix-Hackl fil-kawża C-441/02 Il-Kummissjoni v. il-Ġermanja

[54] Il-Kawża 36/75 Rutili (para. 37-39)

[55] Il-Kawżi 33/74 vanBinsbergen (para 13), C-370/90 Singh (para 24) u C-212/97 Centros (para 24-25)

[56] Il-Kawża C-127/08 Metock (para. 74-75)

[57] Il-Kawżi C-370/90 Smgh, C-291/05 Eind u C-60/00 Carpenter

[58] Il-Kawżi C-212/97 Centros (para. 27 ) u C-147/03 Il-Kummissjoni v. L-Awstrija (para 67-68)

[59] Il-kawżi C-109/01 Akrich (para 55) u C-1/ 05 Jia (para 31)

[60] Il-kawżi C-285/95 Kol (para 29) u C-63/99 Gloszczuk (para 75)

[61] Il-Kawżi C-110/99 Emsland-Stärke (para 52 u ta’ warajh) u C-212/97 Centros (para 25)

[62] Il-projbizzjoni tinkludi mhux biss verifiki fuq l-immigranti kollha, iżda wkoll verifiki fuq gruppi sħaħ ta' immigranti (pereż. dawk li jkollhom oriġini etnika partikolari).

[63] Il-liġi tal-Komunità ma titlobx mill-konjuġi li ġejjin minn pajjiż terz li jkunu jgħixu maċ-ċittadin tal-UE sabiex ikun jistgħu jikkwalifikaw għad-dritt ta' reżidenza − il-kawża 267/83 Diatta (para 15 u ta' warajh)

[64] Il-Kawżi C-110/99 Emsland-Stärke (para 54 ) u C-215/03 Oulane (para 56)

[65] Il-Kawża C-206/94 Brennet v Paletta (para. 25)

[66] Il-Kawża C-212/97 Centros (para 27)

Top