EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008DC0113

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar industriji bbażati fuq il-foresti innovattivi u sostenibbli fl-EU - Kontribut għall-istrateġija tat-Tkabbir u l-impjiegi ta’ l-UE {SEC(2008) 262}

/* KUMM/2008/0113 finali */

52008DC0113

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar industriji bbażati fuq il-foresti innovattivi u sostenibbli fl-EU - Kontribut għall-istrateġija tat-Tkabbir u l-impjiegi ta’ l-UE {SEC(2008) 262} /* KUMM/2008/0113 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 27.2.2008

KUMM(2008) 113 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar industriji bbażati fuq il-foresti innovattivi u sostenibbli fl-EU Kontribut għall-Istrateġija tat-Tkabbir u l-Impjiegi ta’ l-UE {SEC(2008) 262}

WERREJ

1. Daħla 3

2. Sfidi ġodda għall-Industriji bbażati fuq il-Foresti ta' l-UE 3

3. Approċċ integrat biex titjieb il-kompetittività sostenibbli ta' l-industriji bbażatifuq il-foresti ta' l-UE 7

3.1. Għanijiet Ġenerali 7

3.2. Azzjonijiet biex titjieb il-kompetittività ta' l-industriji bbażati fuq il-Foresti ta'l-UE 7

1. DAħLA

L-industriji li jipproduċu polpa, karta, karti għall-ippakkjar u l-industriji tax-xogħol ta' l-injam bħal stabbilimenti fejn jisserraw l-injam il-kbir u panewijiet b'bażi ta' injam għandhom elementi komuni fil-materja prima ewlenija tagħhom: l-injam jew karti rkuprati u injam. Għalhekk jiġi applikat il-kunċett ta' "industriji bbażati fuq il-foresti". Dan jinkludi wkoll setturi speċjalizzati bħas-sufri u l-industrija ta' l-istampar. Fil-katina ta' valur mill-foresta sal-prodotti fl-użu aħħari tagħhom, il-kompetittività tal-fażijiet intermedji ta' produzzjoni hija ta' ġid għall-fażijiet l-oħra fil-proċess ta' produzzjoni. Bħala eżempju, produzzjoni forestali kompetittiva ttejjeb il-kompetittività ta' l-industriji ta' l-injam u l-karta.

L-industriji bbażati fuq il-foresti, b'valur ta' produzzjoni ta' € 365 biljun, u valur miżjud ta' madwar € 120 biljun għandhom aktar minn 3miljun post tax-xogħol fi 344 000 intrapriża. Ħafna partijiet minn dawn l-industriji għandhom rwol essenzjali fiż-żamma ta' l-impjieg sostenibbli fiż-żoni rurali.

L-industriji bbażati fuq il-foresti fl-UE huma ġeneralment kompetittivi u ta' rendiment tekniku u kummerċjali tajjeb ħafna. Is-setturi tal-popla u l-karta, tax-xogħol ta' l-injam u ta' l-istampar huma fuq quddiem fid-dinja f'ħafna oqsma. Madankollu, is-settur għandu quddiemu għadd ta' sfidi, b'mod partikolari għal dak li huwa aċċess għall-materja prima, il-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass ta' l-effett serra, l-innovazzjoni, il-kummerċ u l-informazzjoni tal-prodotti bbażati fuq il-foresti. Barra minn hekk, għas-setturi tax-xogħol fl-injam u l-istampar, id-dimensjoni ta' l-IŻM (Industrija Żgħira u ta' daqs Medju) hija rilevanti ħafna.

Din il-Komunikazzjoni dwar il-kompetittività, l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà ta' l-industriji bbażati fuq il-foresti hija pass ieħor 'il quddiem fl-implimentazzjoni ta' l-istrateġija politika industrijali ta' l-UE deskritta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' Ottubru 2005[1], li tħabbar bosta inizjattivi settorjali, fosthom komunikazzjoni dwar dawn l-industriji.

Il-miżuri proposti huma komplementari għall-Pjan ta' Azzjoni għall-Foresti[2], li l-Kummissjoni adottat f'Ġunju 2006, u l-objettiv tagħha li titjieb il-kompetittività fuq il-medda t-twila tas-settur ibbażat fuq il-foresti. Dawn kienu s-suġġett ta' konsultazzjoni pubblika u ġew riveduti mill-Kumitat Konsultattiv għall-Politika tal-Komunità dwar il-Forestrija u l-Industriji bbażati fuq il-Foresti.

2. SFIDI ġODDA GħALL-INDUSTRIJI BBAżATI FUQ IL-FORESTI TA' L-UE

a) Aċċess għall-materja prima

Billi l-industriji bbażati fuq il-foresta jużaw kwantitajiet kbar ta' injam, id-disponibilità tiegħu bi prezz kompetittiv huwa fattur determinanti għar-rendiment tagħhom. L-injam huwa l-ogħla spiża għal ħafna minn dawn l-industriji. Fil-produzzjoni tal-karta aktar minn 30% ta' l-ispejjeż totali ġejjin mill-injam; fl-industrija ta' l-isserrar minn 65 sa 70%. Għalhekk, huwa importanti ħafna li l-provvista domestika tinġieb 'il quddiem u jiġu evitati restrizzjonijiet fl-importazzjoni ta' l-injam.

L-injam, materja prima bażika għall-industriji bbażati fuq il-foresti, jiġġedded permezz ta' tħawwil mill-ġdid u ta' tnissil naturali fil-foresti. Hemm potenzjal li tiżdied il-provvista ta' l-injam domestiku permezz tal-qafas ta' treġija sostenibbli tal-foresti[3]. Is-swieq ta' l-injam jeħtieġ li jaħdmu b'mod effiċjenti u l-provvista għandha tiżdied permezz ta' sehem attiv, is-sidien tal-foresti inklużi. Fl-istess waqt, huwa importanti li jiġi ffaċilitat il-kummerċ fil-materja prima ta' l-injam, billi l-importazzjonijiet ta' virguni jikkostitwixxu madwar 10% tal-provvista totali ta' l-injam lill-industriji ta' l-UE bbażati fuq il-foresti.

Bil-pressjoni dejjem tiżdied fuq il-materja prima, l-użu tal-materja prima rkuprata qed jiżdied kontinwament. Illum, madwar nofs il-produzzjoni tal-karta ta' l-UE hija bbażata fuq karta rkuprata, li jfisser tkabbir ta' 25% mill-1998. L-irkupru u r-riċiklaġġ tal-karta, marbut ma' aktar effiċjenza fl-ipproċessar, ġabu żieda sostanzjali fil-produzzjoni mingħajr l-użu ta' aktar injam ġdid. Is-sħubija ta' l-industriji ta' manifattura, konverżjoni u riċiklaġġ tal-karta, pubblikaturi, stampaturi u produtturi ta' linka u kolla[4] għandha l-għan li żżid aktar ir-rata ta' riċiklaġġ ta' karta u ttejjeb il-kwalità tal-karta rkuprata u r-riċiklabbiltà tagħha. Il-ġbir aktar effiċjenti bil-promozzjoni ta' l-awtoritajiet pubbliċi se jsaħħaħ ukoll l-iżvilupp ta' attivitajiet ekonomikament aktar effiċjenti u ta' ġid għall-ambjent, u jikkontribwixxi fit-tisħiħ tal-kompetittività ta' l-UE f'dan il-qasam. Bosta panewijiet ta' l-injam, b'mod partikolari l-particleboard u l-fibreboard ta' densità medja jistgħu jiġu prodotti minn injam irkuprat. Madankollu, l-injam ma jiġix irkuprat daqs il-karti, minħabba l-użu tiegħu fit-tul u r-rimi aktar imxerred tiegħu.

Barra minn hekk, il-kompetizzjoni dejjem tiżdied għall-injam bħala materja prima trid titqies f'kuntesti ta' politika differenti, bħall-injam għall-enerġija li tiġġedded, ħtiġijiet ta' bijodiversità, ir-rikreazzjoni u funzjonijiet oħra soċjali. Il-ħtieġa li dejjem qed tiżdied għall-enerġija li tiġġedded tissokta żżid il-kompetizzjoni għall-injam, speċjalment fis-setturi tal-panewijiet u l-polpa ta' l-injam. Il-ħtieġa li dejjem qed tiżdied mhux dejjem issib żieda fil-provvista li tikkorrispondi, u dan iwassal għal prezzijiet ogħla. Fi tweġiba lill-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2007, il-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta' Jannar 2008 dwar il-promozzjoni ta' l-enerġiji li jiġġeddu[5] tindirizza din il-kwistjoni. Hija tagħraf bis-sħiħ li l-bijomassa ma tintużax biss għall-produzzjoni ta' l-enerġiji li jiġġeddu, iżda wkoll għal skopijiet oħra u tagħmel sejħa lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex iqiesu l-użi differenti fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali tagħhom u l-monitoraġġ u l-irrappurtar ġenerali.

Il-qtugħ illegali ta' siġar u l-ipproċessar marbut miegħu u l-kummerċ fi prodotti ta' l-injam jimminaw l-industriji bbażati fuq il-foresti leġittimi u l-għajxien ta' bosta billi joħolqu problemi ambjentali u soċjali filwaqt li jwaqqgħu l-prezzijiet u joħolqu dehra fqira tas-settur. Il-Pjan ta' Azzjoni ta' l-ILFGK (Infurzar tal-Liġi dwar il-Foresti, Governanza u Kummerċ) ta' l-UE jindirizza dawn il-preokkupazzjonijiet permezz ta' miżuri sekondarji ta' provvista u domanda.

b) L-impatt tal-politika dwar it-tibdil fil-klima

Politika sostenibbli u effiċjenti għall-foresti ttejjeb il-kontribut tal-foresti fit-tnaqqis tal-gassijiet li jikkawżaw l-effett serra. Barra minn hekk, il-prodotti mill-karti u l-injam jipprovdu ħażna addizzjonali għall-karbonju li jonqos minħabba l-foresti u aktar riċiklaġġ ta' karti u injam, aktar mill-mili ta' l-art bl-iskart, iżid l-kapaċità tal-prodotti ta' l-injam li jassorbu l-karbonju.

Fl-istess waqt, il-politika ta' l-UE dwar it-tibdil fil-klima għandha impatt importanti fuq il-produzzjoni tal-polpa, il-karta u xi panewijiet ta' l-injam bħala konsegwenza tal-proċessi tagħhom ta' enerġija intensiva. Il-karburant u l-elettriku jirrappreżentaw bejn 13 u 18% ta' l-ispiża ta' manifattura tal-polpa u l-karta fl-UE. Il-fabbriki tal-karta huma konsumaturi kbar ta' l-enerġija, iżda l-fabbriki tal-polpa kimika jistgħu jkunu produtturi netti ta' enerġija. Madwar nofs l-enerġija primarja użata minn dawn l-industriji tiġi prodotta mill-bijomassa ta' l-injam. Fl-istabbilimenti ta' l-isserrar ta' l-injam u fil-produzzjoni tal-panewijiet ta' l-injam hemm ukoll awto-suffiċjenza ta' enerġija għolja f'dik li hija sħana, għalkemm l-elettriku ta' sikwit jiġi minn fornituri esterni. Bil-maqlub, il-produzzjoni tal-polpa u tal-karta b'mod mekkaniku tiddependi ħafna fuq l-elettriku u l-gass estern. Iż-żieda reċenti fil-prezzijiet ta' dawn kellha impatt sinifikanti fuq dawn l-industriji.

Fost ir-raġunijiet għal-livelli ogħla ta' prezzijiet hemm l-ispejjeż ogħla ta' karburant primarju, il-ħtieġa li jsir kontribut fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' gass ta' l-effett serra u l-iżvilupp ta' għejjun ta' enerġija li tiġġedded[6]. L-ispejjeż għolja huma sfida għall-kompetittività ta' l-industrija u jsaħħu l-ħtieġa għall-politika ta' aktar liberalizzazzjoni tas-suq u effiċjenza ta' enerġija, biex l-Ewropa tkun pajjiż aħjar għall-investiment fis-settur. It-tielet pakkett ta' enerġija[7] minn Settembru 2007 għal suq kompetittiv u effiċjenti ta' l-elettriku u l-gass fl-UE huwa kontribut importanti.

Bħala produtturi kbar tas-CO2 l-industriji bbażati fuq il-foresti se jinħtieġu jagħmlu kontribut ewlieni fit-taffija tat-tibdil tal-klima. Dawn l-industriji jridu jiksbu rendiment ambjentali għoli u effiċjenza enerġetika mingħajr ma jitilfu fil-kompetittività. Mhux fl-interess ta' l-Unjoni Ewropea li fil-ġejjieni l-produzzjoni tersaq lejn pajjiżi li għandhom limiti ta' emissjonijiet inqas stretti ("tnixxija ta' karbonju") għaliex dan iġib konsegwenzi negattivi ambjentali u ekonomiċi. Għal din ir-raġuni, il-pakkett tal-Kummissjoni ta' azzjoni dwar il-klima u l-enerġija li tiġġedded tat-23 ta' Jannar 2008[8] tagħraf u tindirizza l-qagħda speċifika ta' l-industriji ta' enerġija intensiva. Il-pakkett jistabbilixxi kriterji ċari għall-identifikazzjoni ta' l-industriji ta' enerġija intensiva li huma miftuħa għar-riskju ta' tnixxija ta' karbonju. Il-Kummissjoni se tiddetermina s-setturi jew sottosetturi li jaqgħu fi ħdan din il-kategorija; għandhom jingħatawlhom konċessjonijiet b'xejn sa 100 fil-mija jekk titqies teknika aktar effiċjenti. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tevalwa jekk l-industriji bbażati fuq il-foresti jikkwalifikawx għal trattament bħal dan. Fid-dawl tan-negozjati internazzjonali ta' ftehim globali dwar it-tibdil fil-klima għall-perjodu ta' wara l-2012, il-Kummissjoni se tevalwa aktar il-qagħda ta' l-industriji ta' enerġija intensiva u tista' tipproponi aġġustamenti b'mod partikolari f'termini ta' allokazzjoni jew inklużjoni ħielsa ta' prodotti importati fl-Iskema ta' Skambju ta' Emissjonijiet tal-Komunità.

Ftehimiet settorjali bbażati fuq kondizzjonijiet speċifiċi għall-industrija jistgħu jistimulaw azzjoni fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet fil-livell internazzjonali. Dawn il-ftehimiet settorjali għandhom iwasslu għal tnaqqis ta' emissjonijiet globali tal-kobor meħtieġ biex jiġi indirizzat b'mod effettiv it-tibdil fil-klima, u għandhom ikunu kontrollabbli, verifikabbli u soġġetti għal arranġamenti obbligatorji ta' infurzar.

Illum u dejjem aktar fil-ġejjieni, l-industriji bbażati fuq il-foresti se jkollhom rwol importanti bħala fornituri ta' sħana u elettriku kif ukoll bħala produtturi ta' bijokarburanti bbażati fuq l-injam, filwaqt li jikkontribwixxu għal użu aktar effiċjenti ta' l-injam kemm għall-enerġija kif ukoll għall-prodotti tal-foresta. Il-bijokarburanti jistgħu jiġu prodotti flimkien ma' sustanzi kimiċi li ġejjin mill-injam u prodotti oħra fil-kunċett ta' bijoraffineriji. Il-ħidma tal-Forza tax-Xogħol tal-Bijoraffinerija tal-Pjattaforma bbażata fuq il-Foresti hija importanti għad-definizzjoni tal-proġetti ewlenin meħtieġa f'dan il-qasam. L-industrija għandha l-esperjenza, it-teknoloġija u l-katina ta' provvista meħtieġa biex tagħti sehemha fis-soluzzjoni ta' l-enerġija li tiġġedded.

c) L-innovazzjoni u r-Riċerka u l-Iżvilupp

Aktar investimenti fl-RŻT (Riċerka u Żvilupp Teknoloġiku) u l-użu innovattiv ta' l-għarfien espert tekniku u kummerċjali huma elementi meħtieġa biex tiġi żviluppata aktar il-kompetittività ta' dawn l-industriji.

Il-Pjattaforma Teknoloġika tas-Settur ibbażat fuq il-Foresti (PTF) hija strument importanti għall-koordinazzjoni ta' l-isforzi ta' riċerka mill-industrija, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri u għandu jkollha rwol sinifikanti fit-tisħiħ tal-kapaċità innovattiva tas-settur. Il-PTF żviluppat Aġenda ta' Riċerka Strateġika li għandha l-għan li żżid il-kompetittività ta' l-UE bl-iżvilupp ta' prodotti u servizzi innovattivi kif ukoll bit-titjib ta' l-effiċjenza tal-materja prima u l-enerġija.

L-industriji tal-polpa, karti u injam għamlu kisbiet mill-iżviluppi teknoloġiċi fl-industrija tal-kimika. Sinerġija simili teżisti wkoll fi ħdan il-makkinarju u l-industriji tal-polpa u l-karti. Relazzjonijiet ta' vantaġġ bħal dawn marbuta kollha ma xulxin m'għandhomx jintilfu.

d) Kummerċ u kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi

Il-biċċa 'l kbira tal-partijiet ta' l-industriji bbażati fuq il-foresti jiffaċċjaw kompetizzjoni internazzjonali . L-għadd ta' produtturi ta' polpa, karti u panewijiet, ta' sidien ta' stabbilimenti għall-isserrar ta' l-injam u ta' stampaturi li jikkompetu fis-suq globali qed jiżdied sewwa. Il-katina bbażata fuq il-foresti ilha tadatta ruħha għal din is-sitwazzjoni billi tikkonċentra fuq it-titjib tal-produttività u l-investimenti fl-iżvilupp tal-prodott, l-innovazzjoni u r-riċerka. Ħafna mill-istabbilimenti ta' l-UE għandhom rwol globali.

Madankollu, il-prodotti ta' l-injam u l-karta ta' l-UE għadhom s'issa mingħajr kundizzjonijiet indaqs bħala aċċess għas-swieq ta' pajjiżi terzi minħabba tariffi għoljin u ostakli mhux tariffarji applikati minn xi msieħba kummerċjali.

e) Komunikazzjoni u tagħrif

Id-domanda għall-karta għall-istampar u l-ippakkjar ilha għal żmien twil tiżdied u hija marbuta mat-tkabbir fid-dħul per capita. F'bosta swieq l-industriji tal-karta u l-istamperiji għandhom quddiemhom kompetizzjoni mill-mezzi elettroniċi fost l-oħrajn li dejjem tiżdied, li twassal għal kapaċità żejda. Il-prodotti stampati u dawk elettroniċi jistgħu wkoll jikkumplimentaw lil xulxin. Il-karti għall-ippakkjar għandhom kompetizzjoni dejjem tiżdied, l-aktar mill-plastik.

Id-domanda għall-prodotti ta' l-injam per capita hija ħafna iktar baxxa fl-UE milli fl-Amerika ta' Fuq jew il-Ġappun, l-aktar minħabba li d-djar b'qafas ta' l-injam huma anqas prevalenti . Madankollu, hemm skop għal tkabbir f'dan il-qasam lilhinn mir-reġjuni tradizzjonali.

Hemm ħtieġa ġenerali ta' titjib fit-tagħrif dwar il-foresti u l-industriji bbażati fuq il-foresti u dwar il-kwalitajiet ta' prodotti tal-foresta. Il-professjonisti li jużaw l-injam kif ukoll il-konsumaturi jeħtieġu tagħrif dwar il-karatteristiċi ekonomiċi, tekniċi u ambjentali ta' l-injam li huwa materja prima li tiġġedded, li tista' tiġi riċiklata u hija ta' benefiċċju għall-klima.

3. APPROċċ INTEGRAT BIEX TITJIEB IL-KOMPETITTIVITÀ SOSTENIBBLI TA' L-INDUSTRIJI BBAżATI FUQ IL-FORESTI TA' L-UE

3.1 Għanijiet Ġenerali

Fi ħdan il-Politika Industrijali ta' l-UE u l-Istrateġija ta' Żvilupp Sostenibbli tagħha, li għandhom l-għan li joħolqu kondizzjonijiet qafas aħjar għall-industriji ta' manifattura, l-industriji bbażati fuq il-foresti iservu ta' eżempju ta' settur li jimxi id f'id ma' l-evoluzzjoni ta' l-istrateġiji politiċi ta' l-UE. Dawn l-industriji kull ma jmur qed isiru iżjed moderni u jużaw tajjeb l-għarfien u l-innovazzjoni biex isaħħu s-sostenibbiltà tagħhom filwaqt li jilqgħu l-isfidi tal-kompetittività.

Minħabba d-dipendenza tagħhom mill-materja prima, ir-rwol li għandhom fit-taffija tat-tibdil fil-klima u l-provvista ta' l-enerġija u l-intensità għolja ta' enerġija tagħhom, il-pakkett integrat ta' enerġija u tibdil fil-klima tat-23 ta' Jannar 2008 tal-Kummissjoni għandu rilevanza diretta għal dawn l-industriji.

Għalhekk, l-objettivi politiċi li ġejjin jiżguraw approċċ koerenti għat-tisħiħ tal-kompetittività ta' l-industriji bbażati fuq il-foresti, filwaqt li jintegraw l-objettivi dwar it-tibdil fil-klima u l-enerġija fl-istrateġija industrijali tas-settur:

- utilizzazzjoni tal-kompetenzi f'setturi relatati, u issoktar ta' appoġġ għal innovazzjoni ta' livell għoli u l-RŻT.

- kontribut għall-provvista ta' enerġija sostenibbli u promozzjoni ta' treġija sostenibbli tal-foresti.

- Promozzjoni ta' provvista ta' materja prima sostenibbli filwaqt li tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta.

- Aktar titjib ta' effiċjenza ta' riżorsi fl-użu ta' materja prima.

- Iffaċilitar tas-sehem sħiħ ta' l-industriji bbażati fuq il-foresti fis-swieq għal għejjun ta' enerġija li tiġġedded u, forniment ta' sħana, elettriku u bijo-karburanti mill-injam.

3.2 Azzjonijiet biex titjieb il-kompetittività ta' l-industriji bbażati fuq il-Foresti ta' l-UE

a) Aċċess għall-materja prima

- Provvista sostenibbli ta' injam bħala materja prima lill-industriji bbażati fuq il-foresti għandha tiġi ffaċilitata, filwaqt li l-provvista tkun aktar qrib id-domanda. Il-provvista ta' l-injam bħala materja prima għall-industrija kif ukoll għas-settur ta' l-enerġija tista' tittejjeb permezz ta' politika ta' treġija sostenibbli u attiva tal-foresti. Ir-relazzjonijiet loġistiċi bejn is-sidien ta' foresti u l-industrija jeħtieġ li jitjiebu biex il-provvista tikber.

- Id-differenza possibbli bejn il-provvista u d-domanda tista' tittaffa jekk l-erja totali tal-foresta u l-volum ta' injam jistgħu jiżdiedu aktar permezz ta' tisġir, tisġir mill-ġdid u aktar mobilizzazzjoni.

- Għandu jiġi mħeġġeġ aktar żvilupp tas-suq għall-karta u l-injam irkuprati, inkluż aktar twessigħ tas-sehem ta' l-industrija, bl-għan li jiżdied l-użu tal-karta u ta' l-injam irkuprati.

- L-Istati Membri u l-industrija għandhom jippromwovu soluzzjonijiet b'infiq effettiv b'sistemi separati ta' ġbir għall-prodotti tal-karta u l-injam.

- Huwa importanti li jitħeġġeġ aktar impenn minn naħa ta' l-industrija biex jonqos il-qtugħ illegali u l-kummerċ fil-prodotti ta' l-injam illegali marbut miegħu[9]. It-treġija sostenibbli tal-foresti għandha tkun imħeġġa aktar, pereżempju bl-użu ta' skema ta' ċertifikazzjoni ta' treġija tal-foresta jew oħrajn ekwivalenti u proċeduri integrati ta' katina ta' kustodja li jippermettu lill-konsumaturi jiddiskriminaw b'mod pożittiv favur il-prodotti minn għejjun legali u sostenibbli.

- L-użu ta' riżorsi tal-foresta għal għanijiet differenti għandu jkun ibbilanċjat. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-promozzjoni ta' l-enerġiji li jiġġeddu[10] għalhekk tagħraf bis-sħiħ li l-bijomassa ma tintużax biss għall-produzzjoni ta' enerġiji li jiġġeddu, iżda wkoll għal għanijiet oħra u għalhekk tagħmel sejħa lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex iqiesu l-użi differenti fil-pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni u l-monitoraġġ u l-irrappurtar ġenerali.

Azzjonijiet 1. L-Istati Membri, l-industrija u s-sidien ta' foresti huma mħeġġa, fi ħdan il-qafas tal-programmi nazzjonali tal-foresti u miżuri simili u konformi mal-Pjan ta' Azzjoni għall-Foresti, jiffaċilitaw u jġibu 'l quddiem it-tisġir, it-tisġir mill-ġdid u t-treġija sostenibbli tal-foresti u attiva sabiex jagħtu sehemhom fit-taffija tat-tibdil fil-klima u r-ritorn tal-bijodiversità filwaqt li jżidu l-provvista ta' l-injam. 2. F'koordinazzjoni mal-grupp ta' ħidma ad hoc tal-Kumitat Permanenti għall-Forestrija dwar il-mobilizzazzjoni, il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Forestrija u l-Industriji bbażati fuq il-Foresti barra l-mobilizzazzjoni se jesploraw soluzzjonijiet addizzjonali għad-differenza possibbli ta' provvista u domanda għall-injam. 3. Il-Kumitat Konsultattiv dawr il-Politika tal-Komunità għall-Forestrija u l-industriji bbażati fuq il-foresti se jsegwi l-iżvilupp tas-swieq u s-sistemi ta' ġbir għall-karta rkuprata biex jipprovdi pariri biex jiġu promossi u estiżi sistemi ta' ġbir ta' kwalità tajba u ta' nfiq effettiv. 4. Sabiex jogħla l-livell ta' rkupru għall-prodotti ta' l-injam, il-Kummissjoni se tniedi studju li jidentifika soluzzjonijiet biex jitjiebu l-proċeduri ta' ġbir u li jħeġġu l-irkupru fost il-konsumaturi u l-produtturi. 5. Se tiġi organizzata Konferenza mill-Kumitat Konsultattiv dwar il-Forestrija u l-industriji li fiha jieħdu sehem l-industriji bbażati fuq il-foresti, l-importaturi ta' l-injam u d-distributuri tal-prodotti bbażati fuq il-foresti u partijiet oħra interessati sabiex jiġu żviluppati miżuri dwar is-settur privat bħal kodiċjiet ta' kondotta biex jiġi eskluż il-kummerċ u l-użu ta' injam u prodotti maħsuda b'mod illegali, b'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni FLEGT. 6. L-industriji bbażati fuq il-foresti u s-sidien tal-foresti huma mħeġġa jieħdu inizjattivi li jgħinu fil-prevenzjoni tal-qtugħ illegali tas-siġar u jġibu 'l quddiem it-treġija sostenibbli tal-foresti. L-inizjattivi tagħhom fl-oqsma taċ-ċertifikazzjoni u skemi ekwivalenti, kif ukoll l-użu tat-tikketti huma mħeġġa. 7. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jiċċaraw l-applikazzjoni tad-Direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi għall-prodotti mill-injam u l-karta permezz ta' skambju ta' ideat u esperjenzi rigward il-kriterji nazzjonali tal-kuntratti pubbliċi għall-injam legali u sostenibbli. 8. L-Istati Membri u l-Kummissjoni huma mitluba jqiesu l-użi differenti tal-bijomassa meta jiżviluppaw il-pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni u fil-kuntest ta' monitoraġġ u rappurtar ġenerali dwar enerġiji li jiġġeddu. |

b) Il-politika dwar it-tibdil fil-klima u l-leġiżlazzjoni ambjentali

- Il-foresti u l-industriji bbażati fuq il-foresti għandhom rwol strateġiku fit-taffija tat-tibdil fil-klima li għandu jissaħħaħ.

- Il-ħażna tal-karbonju fil-prodotti ta' l-injam maħsuda tista' testendi l-benefiċċji tal-qbid tal-karbonju pprovdut mill-foresti; għalhekk ir-rwol tagħhom fit-taffija tat-tibdil fil-klima għandu għalhekk jiġu żviluppat.

- L-effetti tal-politika dwar it-tibdil fil-klima u s-sistema ta' skambju ta' emissjonijiet fuq xi partijiet ta' l-industrija tal-polpa u l-karta huma importanti. Politika bħal din tista' tistimula l-innovazzjoni u twassal il-messaġġi ekonomiċi meħtieġa biex tinkiseb ekonomija ta' karbonju baxx u sostenibbli bl-aktar infiq effettiv, filwaqt li jiġi pprovdut inċentiv lill-pajjiżi l-oħra kbar li jniġġsu biex iwaqqfu miżuri ambizzjużi ta' tnaqqis ta' emissjoni mill-2012, ukoll. Il-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta' Jannar dwar reviżjoni ta' l-Iskema ta' Skambju ta' Emissjonijiet ta' l-UE tipprovdi għall-miżuri meħtieġa, li issa jeħtieġ li jitħejjew.

- Il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Komunità li tapplika għall-industriji bbażati fuq il-foresti għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' l-użu attiv sostenibbli tar-riżorsi tal-foresta u l-proċessi ta' produzzjoni, ibbażati fuq l-Aqwa Teknika Disponibbli, filwaqt li jitħalla wisa' għal soluzzjonijiet flessibbli.

- Id-Direttiva dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll Integrati tat-Tniġġis (PKIT) u d-Dokumenti ta' Referenza kellhom rwol importanti fl-iżvilupp ta' miżuri ta' prevenzjoni u kontroll ta' emissjonijiet fl-industriji bbażati fuq il-foresti. Implimentazzjoni konsistenti ta' din id-Direttiva mill-Istati Membri hija element importanti għall-produzzjoni sostenibbli fl-UE. Fil-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, it-tlaqqigħ tal-PKIT u d-Direttivi marbuta mas-settur, "L-Aqwa Teknika Disponibbli" u "Teknika Emerġenti", kruċjali biex is-sostenibbiltà u l-kompetittività jiġu rikonċiljati, jissaħħaħ.

Azzjonijiet 9. Il-vantaġġi u l-isfidi tal-proposti li tiġi inkluża l-ħażna tal-karbonju fil-prodotti ta' l-injam maħżuna bħala element supplimentari fin-negozjati internazzjonali li jirrigwardaw il-politika dwar it-tibdil fil-klima lilhinn mill-2012 se jiġu miflija. 10. Il-Kummissjoni se tifli, flimkien mal-partijiet interessati u pajjiżi terzi, ir-rwol tal-ftehimiet settorjali li għandhom iwasslu għal tnaqqis globali ta' emissjonijiet tal-kobor meħtieġ biex jiġi indirizzat b'mod effettiv it-tibdil fil-klima, u dan għandu jkun kontrollabbli, verifikabbli u suġġett għal arranġamenti obbligatorji ta' infurzar. Dan se jinkludi metodoloġiji bl-aqwa prassi għal dak li huwa ġbir ta' data u indikaturi ta' rendiment ewlenin. 11. Il-Kummissjoni se tħejji l-miżuri mfassla fil-pakkett tagħha ta' azzjoni dwar il-klima u l-enerġija li tiġġedded tat-23 ta' Jannar 2008 dwar l-industriji ta' enerġija intensiva, b'mod partikolari d-determinazzjoni ta' setturi u sottosetturi kkonċernati bit-tnixxija tal-karbonju u ta' l-allokazzjoni adatta. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tevalwa jekk l-industriji bbażati fuq il-foresti jikkwalifikawx għal trattament bħal dan. Fid-dawl tan-negozjati internazzjonali ta' ftehim globali dwar it-tibdil fil-klima għall-perjodu ta' wara l-2012, il-Kummissjoni se tevalwa aktar il-qagħda ta' l-industriji ta' enerġija intensiva u tista' tipproponi aġġustamenti b'mod partikolari f'termini ta' allokazzjoni jew inklużjoni ħielsa ta' prodotti importati fl-Iskema ta' Skambju ta' Emissjonijiet tal-Komunità. 12. Fir-reviżjoni tal-Kummissjoni tad-Dokument ta' Referenza dwar il-polpa u l-karta, l-industrija se tiġi mistiedna tikkontribwixxi fl-iskambju ta' informazzjoni. Għandha ssir attenzjoni biex jiġu identifikati soluzzjonijiet tekniċi flessibbli u tiġi ffaċilitata implimetazzjoni konsistenti mill-Istati Membri. |

c) L-innovazzjoni u r-Riċerka u l-Iżvilupp

- Il-livell ta' għarfien, innovazzjoni u RŻT fi ħdan l-industriji bbażati fuq il-foresti għandu jitjieb kif ukoll it-tagħrif dwar il-karatteristiċi tal-prodotti ta' l-injam.

- L-Aġenda ta' Riċerka Strateġika tal-Pjattaforma Teknoloġika tas-Settur ibbażat fuq il-Foresti tintegra approċċ koerenti għal prijoritajiet ta' riċerka li jkopru l-ħoloq kollha tal-katina ta' valur mill-injam u l-materja prima sekondarja għall-manifattura fl-industriji tal-polpa u l-karta u dawk tax-xogħol fl-injam.

- Is-settur jista' jibbenefika minn approċċi marbuta kollha flimkien li jiffaċilitaw kooperazzjoni mill-qrib bejn l-impriżi, il-komunitajiet tar-riċerkaturi u l-konsumaturi aħħarija, filwaqt li joffru pjattaforma biex jiġu megħluba l-limitazzjonijiet fir-riżorsi minħabba l-istruttura frammentata ta' l-industrija u li jikkontribwixxu biex jitjieb il-potenzjal ta' tkabbir u innovazzjoni ta' l-Impriżi Żgħar u ta’ daqs Medju (IŻM).

- Il-potenzjal ta' tkabbir u ta' aktar impjiegi ta' dawn l-industriji jipprovdi opportunitajiet partikolari għall-iżvilupp tar-reġjuni inqas żviluppati, rurali u periferiċi ta' l-UE fejn ta' sikwit jinsabu kkonċentrati bosta ħiliet speċjalizzati u marbuta ma’ xulxin.

Azzjonijiet 13. L-Istati Membri u l-industrija għandhom jikkunsidraw l-Aġenda ta' Riċerka Strateġika fil-programmi tagħhom ta' l-RŻT u jipprovdu b'mod xieraq għall-edukazzjoni u t-taħriġ fis-settur ibbażat fuq il-foresti. 14. L-industriji bbażati fuq il-foresti se jkollhom opportunitajiet fi ħdan is-7 Programm ta' Qafas ta' l-UE. B'mod partikolari, il-metodi għall-produzzjoni ta' bijokarburanti u sustanzi kimiċi li għandhom bażi bioloġika mill-injam u għal aktar effiċjenza bl-użu ta' fibri ġodda u rkuprati u injam solidu se jiġu mħeġġa, kif ukoll l-iżvilupp ta' proċessi u prodotti għall-ippakkjar, l-istampar u l-kostruzzjoni. 15. L-Istati Membri u r-reġjuni huma mħeġġa jadottaw u jiżviluppaw il-kunċett ta' "cluster" biex itejbu s-sinerġiji kompetittivi preżenti u joħolqu oħrajn ġodda fil-katina ta' valur tal-foresti, speċjalment għall-Impriżi Żgħar u ta’ daqs Medju (IŻM). Il-Programm ta' Kompetittività u Innovazzjoni dwar il-kooperazzjoni transnazzjonali aggregata u l-iżvilupp ta' strateġiji aggregati fuq livell settorjali jista' jagħti l-appoġġ tiegħu għal dan. 16. L-appoġġ għall-Politika ta' Koeżjoni matul 2007-2013 se jgħin fit-titjib tal-kompetittività u s-sostenibbiltà tas-settur, b'mod partikolari fl-aktar reġjuni żvantaġġati ta' l-UE. Fost l-attivitajiet ta' appoġġ se jkun hemm pereżempju l-investimenti fl-iżvilupp ta' teknoloġiji għal enerġija li tiġġedded jew it-titjib tal-RŻT u l-kapaċitajiet ta' innovazzjoni. |

d) Kummerċ u kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi

- L-aċċess għall-materja prima u kondizzjonijiet ġusti għal kulħadd fil-kummerċ estern huma elementi essenzjali biex jiġi żgurat qafas u ambjent xierqa biex l-impriżi ta' l-UE jikkompetu fid-dinja.

- Il-progress dwar rekwiżiti minimi internazzjonali fl-oqsma tal-ħarsien ta' l-ambjent u s-saħħa & s-sigurtà jikkontribwixxi lejn qafas globali aktar ibbilanċjat għal min għandu rwol fl-Ewropa.

- L-istandardizzazzjoni tiffaċilita l-kummerċ tal-prodotti mill-injam u l-karti. Skond id-Direttiva dwar il-Prodotti għall-Kostruzzjoni[11] l-istandards armonizzati għall-prodotti Ewropej jippermettu valutazzjoni ġusta madwar l-UE kollha tar-rendiment tekniku tal-prodotti għall-kostruzzjoni, inklużi dawk ta' l-injam domestiku u dak impurtat.

- Il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi dwar l-istandards għall-prodotti ta' l-injam għall-kostruzzjoni hija wkoll importanti, speċjalment ma' dawk li d-domanda tagħhom għall-prodotti ta' l-injam ta' kwalità għolja qiegħda dejjem tikber. Għaldaqstant, il-pajjiżi terzi jistgħu wkoll jgħarrfu l-istandards Ewropej.

Azzjoni 17. Il-Kummissjoni se tissokta bl-isforzi tagħha biex twaqqaf u timplimenta strateġija ta' aċċess għas-suq li tkun koerenti ma' l-objettivi ta' tkabbir u ta' impjieg u ta' żvilupp sostenibbli, u se tiżgura li jkun hemm aċċess għall-materja prima internazzjonalment u se tagħti l-appoġġ tagħha għall-eliminazzjoni ta' l-ostakli tariffarji u mhux tariffarji. 18. Il-Kummissjoni se tniedi djalogu mal-partijiet terzi interessati biex tindirizza kwistjonijiet tekniċi, regolatorji u kwistjonijiet oħra relatati magħhom. |

e) Komunikazzjoni u tagħrif

- Il-komunikazzjoni u d-dehra jirrappreżentaw fatturi importanti li jikkontribwixxu għall-kompetittività ta' l-industriji bbażati fuq il-foresti. Il-livelli ta' għarfien dwar il-prodotti tal-foresta u l-industriji bbażati fuq il-foresti għandhom jitjiebu.

- Il-miżuri dwar il-komunikazzjoni appoġġjati u implimentati mis-settur ta' l-industrija huma essenzjali biex jiġu enfasizzati l-karatteristiċi tas-settur ibbażat fuq il-foresti.

- L-istituzzjonijiet tas-settur pubbliku, l-universitajiet u l-industrija jistgħu jagħtu sehemhom fl-analiżi ta' dawn l-industriji u fil-bini ta' l-għarfien dwarhom.

Azzjoni 19. L-Istati Membri, l-awtoritajiet regjonali, l-istituzzjonijiet akkademiċi u edukattivi se jiġu mistiedna jikkooperaw fi ħdan netwerks multinazzjonali biex jeżaminaw u jiżguraw segwitu tat-tibdil fuq medda twila ta' żmien fl-industriji bbażati fuq il-foresti. |

[1] COM(2005) 474 finali

[2] COM(2006) 302 finali

[3] kif iddefinit mill-Konferenza Ministerjali għall-Ħarsien tal-Foresti f’Riżoluzzjonijiet Ewropa minn Liżbona u Vjenna dwar it-Treġija Sostenibbli tal-Foresta

[4] Stqarrija Ewropea dwar l-Irkupru tal-Karti

[5] COM(2008) 19 finali

[6] COM(2006) 841 finali

[7] COM (2007)528, COM(2007)529, COM(2007)530, COM(2007)531, COM(2007)532.

[8] B'mod partikolari COM (2008) 16 finali

[9] Il-Manifatturi tal-Kartun għall-prodotti tax-Xorb f'Lulju 2007 adottaw Impenn biex jiksbu traċċabilità ta' 100% ta' l-injam kollu użat fil-manifattura tagħhom mad-dinja kollha.

[10] COM(2008) 19 finali

[11] Direttiva 89/106/KEE

Top