EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007XC1115(01)

Avviż mill-Kummissjoni — Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata Għajnuna mill-Istat inkompatibbli li ngħatat kontra l-liġi

OJ C 272, 15.11.2007, p. 4–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 272/4


AVVIŻ MILL-KUMMISSJONI

Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata Għajnuna mill-Istat inkompatibbli li ngħatat kontra l-liġi

(2007/C 272/05)

1.   INTRODUZZJONI

1.

Fl-2005, il-Kummissjoni ppreżentat il-programm tagħha għar-riforma fl-Għajnuna mill-Istat fil-Pjan ta' Azzjoni tagħha dwar l-Għajnuna mill-Istat (1). Il-programm ta' riforma ser itejjeb l-effettività, it-trasparenza u l-kredibilità tas-sistema ta' l-Għajnuna mill-Istat ta' l-UE. Fil-qalba tal-Pjan ta' Azzjoni hemm il-prinċipju ta' “Għajnuna mill-Istat li hija inqas fl-ammont u hija mmirata aħjar”. L-għan ewlieni huwa li l-Istati Membri jiġu mħeġġa biex inaqqsu l-livell totali tagħhom ta' għajnuna filwaqt li r-riżorsi ta' l-għajnuna mill-Istat jiġu indirizzati lejn għanijiet b'interess Komunitarju ċar. Biex jintlaħaq dan l-għan, il-Kummissjoni hija kommessa li tkompli tadotta metodu strett lejn l-aktar tipi ta' għajnuna li joħolqu tfixkil, b'mod partikolari lejn għajnuna illegali u inkompatibbli.

2.

Fl-aħħar snin, il-Kummissjoni wriet li hija ppreparata li tieħu pożizzjoni soda kontra l-għajnuna illegali. Mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (2) (“Ir-Regolament Proċedurali”), hija ordnat lill-Istati Membri b'mod sistematiku biex jirkupraw kull għajnuna illegali misjuba inkompatibbli mas-suq komuni, sakemm ma qisetx li dan imur kontra prinċipju tal-liġi Komunitarja. Mis-sena 2000, adottat 110 deċiżjoni ta' rkupru bħal dawn.

3.

Huwa essenzjali għall-integrità tas-sistema ta' l-għajnuna mill-Istat li dawn id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex jirkupraw għajnuna mill-Istat (minn issa l quddiem “deċiżjonijiet ta' rkupru”) jiġu infurzati b'mod effettiv u immedjat. L-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni fl-aħħar snin turi li hemm raġuni għal tħassib reali f'dan l-aspett. L-esperjenza turi li pratikament m'hemmx każ wieħed li fih sar l-irkupru sat-terminu ffissat fid-deċiżjoni ta' rkupru. Edizzjonijiet reċenti tat-Tabella ta' l-Għajnuna mill-Istat juru wkoll li 45 % tad-deċiżjonijiet kollha ta' rkupru adottati fl-2000-2001 kienu għadhom ma ġewx implimentati sa Ġunju 2006.

4.

Fl-2004, il-Kummissjoni ordnat studju komparattiv dwar l-infurzar tal-politika ta' l-għajnuna mill-Istat ta' l-UE fi Stati Membri differenti (minn issa 'l quddiem msejjaħ l-“Istudju ta' Infurzar”) (3). Wieħed mill-għanijiet ta' l-istudju kien li tiġi evalwata l-effettività tal-proċeduri u prattiċi ta' rkupru f'għadd ta' Stati Membri. L-awturi ta' l-Istudju sabu li “t-tul eċċessiv tal-proċeduri ta' rkupru hija tema rikorrenti fir-rapporti tal-pajjiżi kollha”. Huma rrikonoxxew li l-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet ta' rkupru kienet tjiebet xi ftit fl-aħħar snin, imma kkonkludew li l-irkupru ta' għajnuna illegali u inkompatibbli għadu jiffaċċja numru ta' ostakoli f'ħafna mill-Istati Membri eżaminati.

5.

Fil-Pjan ta' Azzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa għal infurzar effettiv tad-deċiżjonijiet ta' rkupru. Jidher ċar li l-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet bħal dawn hija responsabbiltà li tinqasam bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri u ser teħtieġ sforzi konsiderevoli minnhom it-tnejn biex tkun suċċess.

6.

L-għan ta' din il-komunikazzjoni huwa li tiġi spjegata l-politika tal-Kummissjoni biex ikunu implimentati d-deċiżjonijiet ta' rkupru. M'hijiex ser teżamina l-konsegwenzi li l-qrati nazzjonali jistgħu jiġbdu fil-każ li ma jiġux irrispettati n-notifika u l-obbligu ta' waqfien ta' l-Artikolu 88(3) KE. Il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm ħtieġa li jiġu ċċarati l-miżuri li biħsiebha tieħu biex tiffaċilita t-twettiq tad-deċiżjonijiet ta' rkupru u biex tistipula azzjonijiet li jistgħu jieħdu l-Istati Membri biex jassiguraw li jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli u l-prinċipji stabbiliti mill-korp tal-ligi Ewropea u, b'mod partikolari, l-każistika tal-qrati tal-Komunità. Għal dan il-għan, l-avviż l-ewwelnett ser ifakkar l-għan ta' l-irkupru u l-prinċipji bażiċi ta' l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' rkupru. Imbagħad ser tippreżenta l-implikazzjonijiet prattiċi ta' dawn il-prinċipji bażiċi għal kull wieħed mill-atturi involuti fil-proċess ta' rkupru.

2.   IL-PRINĊIPJI TAL-POLITIKA TA' RKUPRU

2.1.   Storja qasira tal-politika ta' rkupru

7.

L-Artikolu 88(3) KE jiddikjara li “il-Kummissjoni għandha tkun infurmata fi żmien xieraq biex tkun tista' tissottometti l-kummenti tagħha, dwar xi pjanijiet biex tagħti jew tbiddel l-għajnuna. […] L-Istat Membru kkonċernat m'għandux iqiegħed il-miżuri proposti tiegħu fis-seħħ sakemm din il-proċedura tirriżulta f'deċiżjoni finali.”

8.

F'każijiet fejn l-Istati Membri ma jinnotifikawx lill-Kummissjoni bil-pjanijiet tagħhom għall-għoti jew tibdil ta' l-għajnuna qabel ma din l-għajnuna tidħol fis-seħħ, l-għajnuna tkun kontra l-liġi Komunitarja miż-żmien meta tkun ingħatat.

9.

Fis-“sentenza Kohlegesetz” (4) tagħha ta' l-1973, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) ikkonfermat għall-ewwel darba li l-Kummissjoni kellha l-poter li tordna l-irkupru ta' għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli. Il-Qorti ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet kompetenti biex tiddeċiedi li Stat Membru għandu jibdel jew jabolixxi għajnuna mill-Istat li kienet inkompatibbli mas-suq komuni. Għandha għaldaqstant tkun ukoll intitolata li teżiġi ħlas lura ta' din l-għajnuna. Fuq il-bażi ta' din is-sentenza u l-każistika sussegwenti (5), il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri f'Komunikazzjoni ppubblikata fl-1983 li kienet iddeċidiet li tuża l-miżuri kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tassigura li l-obbligi ta' l-Istati Membri skond l-Artikolu 88(3) KE jiġu osservati, inkluż ir-rekwiżit li l-Istati Membri jirkupraw għajnuna inkompatibbli mogħtija illegalment mingħand min ikun irċeviha (6).

10.

Fit-tieni nofs tas-snin tmenin u fis-snin disgħin, il-Kummissjoni bdiet tordna l-irkupru ta' għajnuna illegali u inkompatibbli b'mod aktar sistematiku. Fl-1999, ġew inklużi regoli bażiċi ta' proċedura fir-Regolament Proċedurali. Dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni oħra ġew inklużi fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (7) (“ir-Regolament ta' implimentazzjoni”).

11.

L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Proċedurali jikkonferma l-każistika stabbilita tal-Qrati tal-Komunità (8) u jistabbilixxi obbligu għall-Kummissjoni li tordna l-irkupru ta' għajnuna illegali u inkompatibbli sakemm dan ma jkunx kontra prinċipju ġenerali tal-liġi. Dan l-Artikolu jipprovdi wkoll li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jirkupra l-għajnuna illegali li tinstab li hija inkompatibbli. L-Artikolu 14(2) jistabbilixxi li l-għajnuna trid tiġi rkuprata, inklużi l-interessi mid-data meta l-għajnuna illegali kienet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data effettiva ta' l-irkupru tagħha. Ir-Regolament ta' Implimentazjoni jelabora l-metodi li għandhom jintużaw għall-kalkolu ta' l-interessi ta' rkupru. Fl-aħħarnett, l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Proċedurali jiddikjara li “l-irkupru għandu jseħħ mingħajr dewmien u skond il-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru kkonċernat, sakemm dan iħalli li jsir twettiq immedjat u effettiv tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni”.

12.

F'għadd ta' sentenzi reċenti, l-ECJ kompliet tiċċara l-ambitu u l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Proċedurali, u b'hekk enfasizzat il-ħtieġa għat-twettiq immedjat u effettiv tad-deċiżjonijiet ta' rkupru (9). Barra minn hekk, il-Kummissjoni bdiet ukoll tapplika l-każistika Deggendorf (10) b'mod iktar sistematiku. Din il-każistika tippermetti lill-Kummissjoni, jekk ċerti kundizzjonijiet jiġu sodisfatti, li tordna lill-Istati Membri jissospendu l-ħlas ta' għajnuna ġdida kompatibbli lil kumpanija sakemm dik il-kumpanija tħallas lura għajnuna antika illegali u inkompatibbli li hija suġġetta għal deċiżjoni ta' rkupru.

2.2.   L-Għanijiet u l-prinċipji tal-politika ta' rkupru

2.2.1.   L-għan ta' l-irkupru

13.

L-ECJ iddikjarat f'għadd ta' okkażjonijiet li l-għan ta' l-ikrupru huwa biex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel l-għoti ta' l-għajnuna. Dan huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li l-livell uniformi fis-suq intern jinżamm, skond l-Artikolu 3 (g) tat-Trattat tal-KE. F'dan il-kuntest, l-ECJ enfasizzat li l-irkupru ta' għajnuna illegali u inkompatibbli m'hijiex penalità (11), imma hija l-konsegwenza loġika tas-sejba hija illegali (12). Ma jistax għalhekk jitqies bħala sproporzjonat għall-għanijiet tat-Trattat rigward l-Għajnuna mill-Istat (13).

14.

Skond l-ECJ, l-“istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel, jinkiseb meta l-għajnuna illegali u inkompatibbli titħallas lura minn min irċeviha li b'hekk jitlef il-vantaġġ li kellu fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u s-sitwazzjoni kif kienet qabel l-għoti ta' l-għajnuna terġa' għal li kienet” (14). Biex jiġu eliminati l-vantaġġi finanzjarji kollha relatati ma' l-għajnuna illegali, l-interessi jridu jiġu rkuprati fuq is-somom li ngħataw illegalment. Dan l-interess irid ikun ekwivalenti għall-vantaġġ finanzjarju li joħroġ mid-disponibilità tal-fondi in kwistjoni, mingħajr ħlas, matul perjodu stabbilit (15).

15.

Barra minn hekk, l-ECJ insistiet li biex deċiżjoni ta' rkupru tal-Kummissjoni tiġi eżegwita kollha kemm hi, l-azzjonijiet ta' l-Istat Membru għandhom jipproduċu effetti konkreti rigward l-irkupru (16) u li l-irkupru għandu jkun immedjat (17). Biex l-irkupru jilħaq l-għan tiegħu, huwa essenzjali li l-ħlas lura ta' l-għajnuna jseħħ mingħajr dewmien.

2.2.2.   L-obbligu ta' rkupru ta' għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli u l-eċċezzjonijiet għal dan l-obbligu

16.

L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Proċedurali jispeċifika li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju”.

17.

Ir-Regolament Proċedurali jimponi żewġ limiti fuq il-poter tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru ta' għajnuna illegali u inkompatibbli. L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Proċedurali jipprovdi li l-Kummissjoni m'għandhiex tirrikjedi l-irkupru ta' l-għajnuna jekk dan ikun kontra prinċipju ġenerali tal-liġi. Il-prinċipji ġenerali tal-liġi invokati l-aktar f'dan il-kuntest huma l-prinċipji tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittima (18) u taċ-ċertezza legali (19). Huwa importanti li wieħed jinnota li l-ECJ tat interpretazzjoni restrittiva ħafna ta' dawn il-prinċipji fil-kuntest ta' l-irkupru. L-Artikolu 15 tar-Regolament Proċedurali jiddikjara li l-poteri tal-Kummissjoni li tirkupra l-għajnuna għandhom ikunu suġġetti għall-perjodu ta' limitazzjoni ta' 10 snin (l-hekk imsejjaħ “perjodu ta' preskrizzjoni”). Il-perjodu ta' limitazzjoni għandu jibda dakinhar li l-għajnuna illegali tingħata lill-benefiċjarju bħala għajnuna individwali jew bħala għajnuna f'forma ta' skema ta' għajnuna. Kull azzjoni meħuda mill-Kummissjoni (20) jew minn Stat Membru, li jaġixxi skond it-talba tal-Kummissjoni, dwar l-għajnuna illegali, għandha tinterrompi l-perjodu ta' limitazzjoni.

18.

Skond l-Artikolu 249 tat-Trattat tal-KE, id-deċiżjonijiet jorbtu fl-intier tagħhom lil dawk li lilhom huma indirizzati. Għalhekk, l-Istat Membru li lilu tkun indirizzata deċiżjoni ta' rkupru huwa obbligat li jeżegwixxi din id-deċiżjoni (21). L-ECJ irrikonoxxiet eċċezzjoni waħda biss għal dan l-obbligu għal Stat Membru biex jimplimenta deċiżjoni ta' rkupru indirizzata lilu, jiġifieri l-eżistenza ta' ċirkostanzi eċċezzjonali li jagħmluha assolutament impossibbli għall-Istat Membru li jeżegwixxi d-deċiżjoni kif suppost (22).

19.

Skond il-Qrati Komunitarji, l-impossibilità assoluta tista' madankollu ma tkunx sempliċement supposta. L-Istat Membru għandu juri li pprova, in bona fede, jirkupra l-għajnuna illegali u għandu jikkoopera mal-Kummissjoni skond l-Artikolu 10 tat-Trattat tal-KE, biex jegħleb id-diffikultajiet li jiffaċċja (23).

20.

Eżami tal-każistika turi li l-Qrati Komunitarji interpretaw il-kunċett ta' “impossibilità assoluta” b'mod restrittiv ħafna. Il-Qrati kkonfermaw f'għadd ta' okkażjonijiet li Stat Membru ma jistax jeċċepixxi rekwiżiti tal-liġi nazzjonali tiegħu, bħal m'huma r-regoli nazzjonali ta' preskrizzjoni (24) jew in-nuqqas ta' titolu ta' rkupru skond il-liġi nazzjonali (25), biex jiġġustifika l-falliment tiegħu li jikkonforma ruħu mad-deċiżjoni ta' rkupru (26). Bl-istess mod, l-ECJ ddeċidiet li l-obbligu ta' rkupru mhuwiex effettwat minn ċirkostanzi marbuta mas-sitwazzjoni ekonomika tal-benefiċjarju. Iċċarat li l-fatt li kumpanija tkun f'diffikultajiet finanzjarji m'huwiex prova li l-irkupru huwa impossibbli (27). F'ċirkostanzi bħal dawn, il-qorti enfasizzat li n-nuqqas totali ta' xi assi li jistgħu jiġu rkuprati huwa l-uniku mod li għandu Stat Membru li juri l-impossibilità assoluta li jirkupra l-għajnuna (28). F'għadd ta' każijiet, l-Istat Membru argumenta li ma setax jeżegwixxi d-deċiżjoni ta' rkupru, minħabba d-diffikultajiet amministrattivi jew tekniċi involuti (per eżempju l-għadd kbir ħafna ta' benefiċjarji involuti). Il-Qorti konsistentement irrifjutat li taċċetta li diffikultajiet bħal dawn jikkostitwixxu impossibilità assoluta ta' rkupru (29). Fl-aħħarnett, il-biża' ta' diffikultajiet interni li ma jistgħux jintgħelbu ma tistax tiġġustifika falliment minn Stat Membru li jonora l-obbligi tiegħu skond il-Liġi Komunitarja (30).

2.2.3.   L-użu ta' proċeduri nazzjonali u l-ħtieġa ta' eżekuzzjoni immedjata u effettiva

21.

L-Artikolu 14(3) tar-Regolament Proċedurali jispeċifika li “l-irkupru għandu jseħħ mingħajr dewmien u skond il-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-eżekuzzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni”.

22.

Jekk l-Istati Membri huma liberi li jagħżlu, skond il-liġi nazzjonali tagħhom, l-mezzi li bihom jimplimentaw deċiżjonijiet ta' rkupru, il-miżuri magħżula għandhom jagħtu effett sħiħ lid-deċiżjoni ta' rkupru. Jeħtieġ għalhekk li l-miżuri nazzjonali meħuda mill-Istati Membri iwasslu għall-eżekuzzjoni effettiva u immedjata tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

23.

Fis-sentenza tagħha dwar l-Olympic Airways (31), l-ECJ enfasizzat li l-miżuri ta' implimentazzjoni meħuda mill-Istat Membru għandhom ikunu effettivi u jipproduċu riżultat konkret f'dak li jirrigwarda l-irkupru. L-azzjonijiet meħuda mill-Istat Membru għandhom iwasslu biex isir l-irkupru ta' l-ammonti ta' flus li għandu jagħti l-benefiċjarju. Fis-sentenza riċenti tagħha fil-kawża Scott (32), l-ECJ ikkonfermat dik il-linja u enfasizzat li proċeduri nazzjonali li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Proċedurali għandhom jitħallew mhux applikati. Caħdet, b'mod partikolari, l-argument ta' l-Istat Membru li kien ħa l-passi kollha disponibbli fis-sistema nazzjonali tiegħu u insistiet li dawn il-miżuri għandhom iwasslu wkoll biex ikun hemm riżultat konkret f'dak li jirrigwarda l-irkupru, u dan, fit-terminu stabbilit mill-Kummissjoni.

24.

L-Artikolu 14(3) tar-Regolament Proċedurali jeżiġi li d-deċiżjonijiet ta' rkupru jiġu implimentati b'mod li huwa kemm effettiv kif ukoll immedjat. Fil-kawża Scott, l-ECJ enfasizzat l-importanza tad-dimensjoni taż-żmien fil-proċess ta' rkupru. Il-Qorti speċifikat li l-applikazzjoni ta' proċeduri nazzjonali m'għandhiex timpedixxi li terġa' tiġi stabbilita kompetizzjoni effettiva billi twaqqaf it-twettiq immedjat u effettiv tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Proċeduri nazzjonali, li jżommu milli terġa' tiġi stabbilita b'mod immedjat is-sitwazzjoni ta' qabel u li jtawlu l-vantaġġ mill-kompetizzjoni inġusta minħabba għajnuna illegali u inkompatibbli, ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Proċedurali.

25.

F'dan il-kuntest, huwa importanti li jitfakkar li azzjoni għall-annullament ta' deċiżjoni ta' rkupru skond l-Artikolu 230 tat-Trattat tal-KE m'għandhiex effett ta' sospensjoni. Fil-kuntest ta' azzjoni ta' dan it-tip, il-benefiċjarju ta' l-għajnuna jista' madankollu japplika għas-sospensjoni tat-twettiq tad-deċiżjoni ta' rkupru skond l-Artikolu 242 tat-Trattat tal-KE. Applikazzjonijiet għas-sospensjoni, għandhom jiddikjaraw iċ-ċirkostanzi li jagħtu lok għall-urġenza u għandhom jinkludu eċċezzjonijiet ta' fatti u liġi li jistabbilixxu każ prima facie għall-miżuri provviżorji. L-ECJ u s-CFI jistgħu imbagħad, jekk jikkunsidraw li ċ-ċirkostanzi jirrikjedu hekk, jordnaw li l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni tiġi sospiża.

2.2.4.   Il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali

26.

L-Artikolu 10 tat-Trattat jobbliga lill-Istati Membri jiffaċilitaw it-twettiq tal-ħidmiet tal-Komunità u jimponi doveri reċiproki ta' kooperazzjoni fuq l-istituzzjonijiet ta' l-UE u l-Istati Membri, biex jinkisbu l-għanijiet tat-Trattat.

27.

Fil-kuntest ta' l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' rkupru, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri għandhom għalhekk jikkooperaw biex jiksbu l-għan li jerġgħu jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet kompetittivi fis-suq intern.

28.

Jekk Stat Membru jiltaqa' ma' diffikultajiet mhux previsti jew mhux prevedibbli fit-twettiq tad-deċiżjoni ta' rkupru fil-limitu ta' żmien stabbilit jew jara li hemm konsegwenzi mħollija barra mill-Kummissjoni, għandu jissottometti dawk il-problemi għall-konsiderazzjoni tal-Kummissjoni, flimkien ma' proposti għal emendi xierqa (33). F'każ bħal dan, il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat għandhom jaħdmu flimkien in bona fede biex jegħlbu d-diffikultajiet filwaqt li josservaw b'mod sħiħ id-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-KE (34). Bl-istess mod il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali jeżiġi li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha li tippermettilha tistabbilixxi li l-mezzi magħżula jikkostitwixxu implimentazzjoni emendata tad-deċiżjoni (35).

29.

Li l-Kummissjoni tiġi nfurmata bid-diffikultajiet tekniċi u legali involvuti fl-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta' rkupru madankollu ma jeħlisx lill-Istati Membri mid-dover li jieħdu l-passi possibbli kollha meħtieġa biex jirkupraw l-għajnuna mill-impriża in kwistjoni u li jipproponu lill-Kummissjoni kull arranġament xieraq biex id-deċiżjoni tkun implimentata (36).

3.   L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-POLITIKA TA' RKUPRU

30.

Kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri għandhom rwol essenzjali fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' rkupru u jistgħu jikkontribwixxu għall-infurzar effettiv tal-politika ta' rkupru.

3.1.   Ir-rwol tal-Kummissjoni

31.

Id-deċiżjoni ta' rkupru tal-Kummissjoni timponi obbligu ta' rkupru fuq il-Membru Stat ikkonċernat. Tobbliga lill-Istat Membru kkonċernat li jirkupra ċertu ammont ta' għajnuna minn benefiċjarju jew numru ta' benefiċjarji f'perjodu stabbilit ta' żmien. L-esperjenza turi li l-ħeffa li biha deċiżjoni ta' rkupru titwettaq hija effettwata bil-grad ta' preċiżjoni jew il-kompletezza ta' dik id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni għalhekk ser tkompli bl-isforzi tagħha biex tassigura li deċiżjonijiet ta' rkupru jipprovdu indikazzjoni ċara ta' l-ammont(i) ta' għajnuna li trid tkun irkuprata, l-impriża(i) li għandhom jagħtu u li fih għandu jseħħ l-irkupru.

L-identifikazzjoni ta' l-impriżi li għandha tinġabar l-għajnuna minghandhom

32.

L-għajnuna illegali u inkompatibbli għandha tiġi rkuprata mill-impriżi li effettivament bbenefikaw minnha (37). Il-Kummissjoni ser tkompli bil-prassi attwali tagħha li tidentifika fid-deċiżjonijiet tagħha ta' rkupru, fejn possibbli, l-identità ta' l-impriża(i) li mingħandha(hom) trid tiġi rkuprata l-għajnuna. Jekk, fl-istadju ta' l-implimentazzjoni, jidher li l-għajnuna ġiet trasferita lil entitajiet oħra, l-Istat Membru jista' jkollu jestendi l-irkupru biex ikopri l-benefiċjarji effettivi kollha biex jassigura li l-obbligu ta' rkupru ma jinkisirx.

33.

Il-Qrati Komunitarji taw xi gwida dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jinżammu biex l-obbligu ta' rkupru jiġi estiż għall-kumpaniji oħra minbarra l-benefiċjarju oriġinali li rċieva l-għajnuna illegali u inkompatibbli. Skond l-ECJ, trasferiment ta' vantaġġ indebitu jista' jsir meta l-assi tal-benefiċjarju oriġinali jiġu trasferiti lil terzi bi prezz orħos mill-valur tagħhom tas-suq kultant lil kumpanija aventi kawża mwaqqfa biex jiġi evitat l-ordni ta' rkupru. Jekk il-Kummissjoni tista' turi li l-assi inbiegħu bi prezz orħos mill-valur tagħhom tas-suq, speċjalment lil kumpanija aventi kawża mwaqqfa biex jiġi evitat l-ordni ta' rkupru, l-ECJ tikkonsidra li l-ordni ta' rkupru tista' tiġi estiża lil dik it-terza persuna (38). Każijiet tipiċi ta' ċirkumvenzjoni huma każijiet fejn it-trasferiment ma jirriflettix xi loġika ekonomika għajr l-invalidazzjoni ta' l-ordni ta' rkupru (39).

34.

Rigward it-trasferiment ta' ishma ta' kumpanija li għandha tħallas lura għajnuna illegali u inkompatibbli (negozju ta' ishma), l-ECJ iddeċidiet (40) li l-bejgħ ta' ishma f'kumpanija bħal din lil terzi persuni ma jaffettwax l-obbligu tal-benefiċjarju li jħallas lura din l-għajnuna (41). Meta jista' jiġi stabbilit li x-xerrej ta' l-ishma ħallas il-prezz tas-suq għall-ishma ta' dik il-kumpanija, ma jistax jitqies li bbenefika minn vantaġġ li jista' jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (42).

35.

Meta tadotta deċiżjoni ta' rkupru dwar skemi ta' għajnuna, il-Kummissjoni normalment ma tkunx f'pożizzjoni li tidentifika, fid-deċiżjoni nfisha, l-impriżi kollha li rċevew għajnuna illegali u inkompatibbli. Dan għandu jsir fil-bidu tal-proċess ta' implimentazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat, li għandu jeżamina s-sitwazzjoni individwali ta' kull impriża kkonċernata (43).

Deċiżjoni dwar l-ammont li għandu jiġi rkuprat

36.

L-għan ta' l-irkupru jintlaħaq “meta l-għajnuna in kwistjoni, flimkien fejn xieraq ma' l-interessi, titħallas lura minn min irċeviha jew, fi kliem ieħor, mill-impriżi li bbenefikaw minnha. Bil-ħlas lura ta' l-għajnuna, min irċeviha jitlef il-vantaġġ li gawda minnu fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u terġa' għal dak li kienet is-sitwazzjoni qabel il-ħlas ta' l-għajnuna” (44).

37.

Kif għamlet fil-passat, il-Kummissjoni ser tidentifika b'mod ċar il-miżuri ta' għajnuna illegali u inkompatibbli li huma soġġetti għall-irkupru fid-deċiżjonijiet tagħha ta' rkupru. Meta jkollha d-data neċessarja għad-dispozizzjoni tagħha, il-Kummissjoni ser tipprova wkoll tikkwantifika l-ammont preċiż ta' għajnuna li trid titħallas lura. Jidher ċar, madankollu, li l-Kummissjoni ma tistax u mhijiex legalment obbligata li tiffissa l-ammont eżatt li għandu jitħallas lura. Huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi informazzjoni li tippermetti lill-Istat Membru jiddetermina l-ammont, mingħajr wisq diffikultà (45).

38.

Fil-każ ta' skema ta' għajnuna illegali u inkompatibbli, il-Kummissjoni ma tistax tikkwantifika l-ammont ta' għajnuna inkompatibbli li għandha titħallas lura minn kull benefiċjarju. Dan ikun jeħtieġ analiżi dettaljata minn kull Stat Membru ta' l-għajnuna mogħtija f'kull każ individwali fuq il-bażi ta' l-iskema in kwistjoni. Il-Kummissjoni għalhekk tindika fid-deċiżjoni tagħha li l-Istati Membri għandhom jirkupraw l-għajnuna kollha, sakemm din ma ngħatatx lill-proġett speċifiku, li, fi żmien l-għotja, issodisfa l-kundizzjonijiet kollha ta' eżenzjoni tar-regolamenti dwar l-eżenzjonijiet skond il-kategoriji jew fi skema ta' għajnuna approvata mill-Kummissjoni.

39.

Skond l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Proċedurali, l-għajnuna li trid tiġi rkuprata skond deċiżjoni ta' rkupru għandha tinkludi l-interessi f'livell xieraq li għandu jiġi ffissat mill-Kummissjoni. L-imgħax għandu jitħallas mid-data meta l-għajnuna illegali kienet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data meta tinġabar lura (46). Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni jistabbilixxi li r-rata ta' interessi għandha tapplika fuq bażi komposta sad-data ta' l-irkupru ta' l-għajnuna.

Skeda għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni

40.

Fil-passat, id-deċiżjonijiet ta' rkupru tal-Kummissjoni kienu jispeċifikaw terminu wieħed ta' xahrejn, li fih l-Istat Membru kkonċernat kellu jikkomunika lill-Kummissjoni, il-miżuri li kien ħa biex jikkonforma ruħu mad-deċiżjoni meħuda. Il-Qorti rrikonoxxiet li dan it-terminu għandu jitqies ukoll bħala t-terminu għat-twettiq tad-deċiżjoni nfisha tal-Kummissjoni (47).

41.

Il-Qorti kkonkludiet ukoll li l-kuntatti u n-negozjati bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru, fil-kuntest tat-twettiq tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ma setgħux iħollu lill-Istat Membru mid-dover li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex iwettaq id-deċiżjoni fit-terminu preskritt (48).

42.

Il-Kummissjoni tagħraf li, fil-maġġoranzja tal-każijiet, it-terminu ta' xahrejn għat-twettiq tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni huwa qasir wisq. Għaldaqstant, hija ddeċidiet li testendi t-terminu għat-twettiq ta' deċiżjonijiet ta' rkupru għal erba' xhur. Minn issa 'l quddiem, il-Kummissjoni se tispeċifika żewġ termini għad-deċiżjonijiet tagħha:

terminu inizjali ta' xahrejn wara d-dħul tad-deċiżjoni fis-seħħ, li matulu l-Istat Membru jrid jinforma lill-Kummissjoni bil-miżuri ppjanati jew meħuda;

it-tieni terminu ta' erba' xhur wara d-dħul tad-deċiżjoni fis-seħħ, li matulu d-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun twettqet.

43.

Jekk Stat Membru jiltaqa' ma' diffikultajiet serji li jżommuh milli jirrispetta xi wieħed minn dawn it-termini, għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dawn id-diffikultajiet, u jagħti ġustifikazzjoni xierqa. Il-Kummissjoni tista' f'dak il-każ ittawwal it-terminu skond il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali (49).

3.2.   Ir-rwol ta' l-Istati Membri: l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' rkupru

3.2.1.   Min hu responsabbli għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta' rkupru?

44.

L-Istat Membru huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta' rkupru. L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Proċedurali jipprovdi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju.

45.

F'dan il-kuntest, huwa importanti li wieħed iżomm f'moħħu li l-ECJ fakkret f'diversi okkażjonijiet li deċiżjoni tal-Kummissjoni indirizzata lil Stat Membru torbot lill-organi kollha ta' dak l-Istati, inklużi l-Qrati ta' dak l-Istat (50). Dan jimplika li kull organu ta' l-Istat Membru involut fl-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta' rkupru għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassigura l-applikazzjoni immedjata u effettiva ta' deċiżjoni bħal din.

46.

Il-liġi tal-Komunità ma tispeċifikax liema organu ta' l-Istat Membru għandu jkun inkarigat mill-implimentazzjoni prattika tad-deċiżjoni ta' rkupru. Hija s-sistema legali nazzjonali ta' kull Stat Membru li għandha taħtar l-entitajiet li jkunu responsabbli għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta' rkupru. L-awturi ta' l-Istudju ta' Infurzar jinnutaw li “prinċipju komuni fil-pajjiżi kollha eżaminati huwa li l-irkupru jrid isir mill-awtorità li tat l-għajnuna. Dan iwassal għall-involviment ta' varjetà ta' entitajiet ċentrali, reġjonali u lokali, fil-proċess ta' rkupru (51)”. Jispeċifikaw ukoll li xi Stati Membri inkarigaw entità ċentrali waħda biex tikkontrolla u tmexxi l-proċess ta' rkupru. Din l-entità normalment għandha kuntatt kostanti mal-Kummissjoni. L-awturi ta' l-Istudju ta' Infurzar jikkonkludu li l-eżistenza ta' entità ċentrali bħal din tidher li tikkontribwixxi għal implimentazzjoni iktar effettiva tad-deċiżjonijiet ta' rkupru.

3.2.2.   L-Implimentazzjoni ta' l-obbligu ta' rkupru

47.

L-Artikolu 14(3) tar-Regolament Proċedurali jobbliga l-Istat Membru biex jibda l-proċeduri ta' rkupru mingħajr dewmien. Kif imsemmi fit-taqsima 3.1 hawn fuq, id-deċiżjoni ta' rkupru ser tispeċifika t-terminu li fih l-Istat Membru għandu jissottometti informazzjoni preċiża dwar il-miżuri li ħa u li ppjana biex iwettaq id-deċiżjoni. B'mod partikolari, l-Istat Membru jkun meħtieġ jipprovdi informazzjoni sħiħa dwar l-identità tal-benefiċjarji ta' l-għajnuna illegali u inkompatibbli, l-ammont ta' għajnuna involuta u l-proċedura nazzjonali applikata biex jinkiseb l-irkupru. Barra minn hekk, l-Istat Membru jkun meħtieġ jipprovdi dokumentazzjoni li turi li nnotifika lill-benefiċjarju bl-obbligu tiegħu li jħallas lura l-għajnuna li rċieva.

L-identifikazzjoni tal-benefiċjarju ta' l-għajnuna u l-ammont li jrid jitħallas lura

48.

Id-deċiżjoni ta' rkupru ma jkunx dejjem fiha informazzjoni sħiħa dwar l-identità tal-benefiċjarji, u lanqas fuq l-ammonti ta' għajnuna li jridu jitħallsu lura. F'każijiet bħal dawn, l-Istat Membru għandu jidentifika mingħajr dewmien l-impriżi kkonċernati bid-deċiżjoni u jikkwantifika l-ammont preċiż ta' l-għajnuna li jrid jitħallas lura minn kull wieħed minnhom.

49.

Fil-każ ta' skema ta' għajnuna illegali u inkompatibbli, l-Istat Membru jkun meħtieġ jagħmel analiżi dettaljata ta' kull għajnuna individwali mogħtija fuq il-bażi ta' l-iskema kkonċernata. Biex jikkwantifika l-ammont preċiż ta' l-għajnuna li għandha tkun irkuprata minn kull benefiċjarju individwali, ikun irid jiddetermina safejn l-għajnuna tkun ingħatat għal proġett speċifiku, li, meta ssir l-għotja, kien jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha fir-regolamenti dwar l-eżenzjonijiet skond il-kategorija jew fl-iskema ta' għajnuna approvata mill-Kummissjoni. F'każijiet bħal dawn, l-Istat Membru jista' japplika wkoll il-kriterji sostantivi de minimis applikabbli fiż-żmien meta ngħatat l-għajnuna illegali u inkompatibbli li tkun is-suġġett tad-deċiżjoni ta' rkupru.

50.

L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jqisu l-inċidenza tas-sistema tat-taxxa biex jiddeterminaw l-ammont li jrid jitħallas lura. Meta benefiċjarju ta' għajnuna illegali u inkompatibbli jkun ħallas it-taxxa fuq l-għajnuna li rċieva, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, skond ir-regoli nazzjonali tagħhom tat-taxxa, iqisu l-ammont tat-taxxa mħallsa qabel billi jirkupraw biss l-ammont nett li l-benefiċjarju jkun irċieva (52). F'każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet nazzjonali jeħtieġ li jassiguraw li l-benefiċjarju ma jkunx jista' jgawdi minn tnaqqis ieħor mit-taxxa billi jiddikjara li l-ħlas lura naqqas id-dħul taxxabbli tiegħu, peress li dan ikun ifisser li l-ammont nett ta' l-irkupru jkun inqas mill-ammont nett li jkun inizjalment irċieva.

Il-proċedura ta' rkupru applikabbli

51.

L-awturi ta' l-Istudju ta' Infurzar jipprovdu provi sostanzjali tal-fatt li l-proċeduri ta' rkupru jvarjaw b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. L-Istudju juri wkoll li, anki fi ħdan Stat Membru wieħed, jistgħu jiġu applikati diversi proċeduri fl-irkupru ta' għajnuna illegali u inkompatibbli. Fil-parti l-kbira ta' l-Istati Membri, il-proċedura ta' rkupru applikabbli hija normalment determinata min-natura tal-miżura li fuqha hija bbażata l-għotja ta' l-għajnuna. Proċeduri amministrattivi, globalment, għandhom tendenza li jkunu aktar effiċjenti minn proċeduri ċivili, għaliex l-ordnijiet amministrattivi ta' rkupru huma jew jistgħu jiġu infurzati b'mod immedjat (53).

52.

Il-liġi Komunitarja ma tispeċifikax liema proċedura għandu japplika l-Istat Membru biex iwettaq deċiżjoni ta' rkupru. Madankollu, l-Istati Membru għandhom ikunu jafu li l-għażla u l-applikazzjoni ta' proċedura nazzjonali hija soġġetta għall-kundizzjoni li proċedura bħal din tippermetti għat-twettiq immedjat u effettiv tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Dan jimplika li l-awtoritajiet responsabbli għandhom jikkunsidraw sew il-firxa sħiħa ta' strumenti ta' rkupru disponibbli fil-liġi nazzjonali u jagħżlu l-proċedura li l-aktar tista' twassal għat-twettiq immedjat tad-deċiżjoni (54). Għandhom jużaw proċeduri rapidi fejn possibbli skond il-liġi nazzjonali. Skond il-prinċipju ta' ekwivalenza u effettività, dawn il-proċeduri m'għandhomx ikunu anqas vantaġġużi minn dawk li jmexxu azzjonijiet domestiċi simili, u m'għandhomx jagħmluha prattikament impossibbli jew diffiċli wisq li jiġu eżerċitati d-drittijiet mogħtija mil-liġi Komunitarja (55).

53.

B'mod aktar ġenerali, l-Istati Membri m'għandhom ikunu jistgħu jagħmlu ebda ostakolu biex titwettaq deċiżjoni ta' rkupru tal-Kummissjoni (56). Għalhekk, l-awtoritajiet ta' Stat Membru huma obbligati li jwarrbu kull dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali, li tista' tfixkel it-twettiq immedjat tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (57).

In-notifika u l-infurzar ta' ordnijiet ta' rkupru

54.

Meta jkunu ġew determinati l-benefiċjarju, l-ammont li jrid jitħallas lura u l-proċedura applikabbli, l-ordnijiet ta' rkupru għandhom jintbagħtu lill-benefiċjarji ta' l-għajnuna illegali u inkompatibbli mingħajr dewmien u fit-terminu preskritt mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-awtoritajiet responsabbli li jwettqu l-irkupru għandhom jassiguraw li dawn l-ordnijiet ta' rkupru jiġu infurzati u li l-irkupru jitlesta fit-terminu speċifikat fid-deċiżjoni. Meta benefiċjarju ma jonorax l-ordni ta' rkupru, l-Istati Memrbi għandhom ifittxu li jseħħ infurzar immedjat ta' l-irkupru skond il-liġi nazzjonali.

3.2.3   Kawżi quddiem il-qrati nazzjonali

55.

L-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet ta' rkupru tista' twassal għal kawżi fil-qrati nazzjonali. Għalkemm hemm differenzi sinifikanti ħafna fit-tradizzjonijiet ġudizzjarji u s-sistemi ta' l-Istati Membri, jistgħu jiġu identifikati żewġ kategoriji ewlenin ta' kawżi relatati ma' rkurpu: kawżi miġjuba mill-awtorità ta' rkupru għal digriet tal-qorti biex iġegħlu benefiċjarju, li jkun qiegħed jirrifjuta, biex iħallas lura l-għajnuna illegali u inkompatibbli u kawżi miġjuba minn benefiċjarji li jkunu qegħdin jikkontestaw ordni ta' rkupru.

56.

L-analiżi li saret fil-kuntest ta' l-Istudju ta' Infurzar tipprovdi evidenza li t-twettiq ta' deċiżjoni ta' rkupru tista' tiddewwem għal ħafna snin meta l-miżuri nazzjonali meħuda għall-implimentazzjoni ta' deċiżjoni ta' rkupru jiġu kkontestati fil-qorti. Dan huwa aktar il-każ meta d-deċiżjoni ta' rkupru stess tiġi kkontestata quddiem il-qrati tal-Komunità u meta l-imħallfin nazzjonali jintalbu jissospendu l-implimentazzjoni tal-miżuri nazzjonali sakemm il-Qrati tal-Komunità jiddeċiedu fuq il-validità tad-deċiżjoni ta' rkupru.

57.

L-ECJ iddeċidiet li l-benefiċjarju ta' għajnuna li bla dubju seta' jikkontesta deċiżjoni ta' rkupru tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 230(KE) quddiem Qorti Ewropea ma jistax jikkontesta aktar il-validità tad-deċiżjoni fi proċedimenti quddiem qorti nazzjonali fuq il-bażi li d-deċiżjoni kienet illegali (58). B'riżultat ta' dan, il-benefiċjarju ta' għajnuna li seta' talab eżenzjoni provviżorja quddiem il-Qrati tal-Komunità skond l-Artikoli 242 u 243 KE u m'għamilx hekk, ma jistax jitlob għal sospensjoni tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali biex jimplimentaw dik id-deċiżjoni minħabba raġunijiet marbuta mal-validità tad-deċiżjoni. Il-kwistjoni hija riservata għall-Qrati tal-Komunità (59).

58.

Min-naħa l-oħra, f'każijiet fejn m'huwiex ċar li azzjoni għall-annullament miġjuba kontra d-deċiżjoni kkontestata mill-benefiċjarju ta' l-għajnuna setgħet tkun ammissibbli, għandha tiġi offruta protezzjoni legali xierqa lill-benefiċjarju ta' l-għajnuna. Fil-każ li l-benefiċjarju ta' l-għajnuna jikkontesta l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni fil-proċedimenti quddiem il-qorti nazzjonali fuq il-bażi li deċiżjoni ta' rkupru bħal din kienet illegali, l-imħallef nazzjonali għandu jitlob deċiżjoni preliminari dwar il-validità ta' deċiżjoni bħal din lill-ECJ skond l-Artikolu 234 (KE) (60).

59.

Fil-każ li benefiċjarju jitlob ukoll eżenzjoni provviżorja mill-miżuri nazzjonali adottati biex tiġi implimentata deċiżjoni ta' rkupru minħabba illegalità allegata tad-deċiżjoni ta' rkupru tal-Kummissjoni, l-imħallef nazzjonali għandu jevalwa jekk il-każ quddiemu jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ECJ fil-kawżi Zuckerfabrik (61) u Atlanta (62). Skond każistika stabbilita, tista' tiġi ordnata eżenzjoni provviżorja mill-qorti nazzjonali biss fil-każ li:

(1)

il-qorti jkollha dubji serji dwar il-validità ta' l-att tal-Komunità u, jekk il-validità ta' l-att ikkontestat ma tressqitx diġà quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija stess tirrefera l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja;

(2)

hemm każ ta' urġenza, minħabba li l-eżenzjoni provviżorja hija meħtieġa biex tiġi evitata ħsara serja u irreparabbli lill-parti li qed titlob l-eżenzjoni;

(3)

il-qorti tqis l-interess tal-Komunità; kif ukoll

(4)

fl-evalwazzjoni ta' dawn il-kundizzjonijiet kollha, tirrispetta kull deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti tal-Prim'Istanza dwar il-legalità ta' l-att Komunitarju jew dwar applikazzjoni għal miżuri provviżorji biex ikun hemm eżenzjoni provviżorja simili fil-livell Komunitarju (63).

3.2.4.   Il-każ speċifiku ta' benefiċjarji falluti

60.

Bħala osservazzjoni preliminari, huwa importanti li jitfakkar li l-ECJ dejjem qalet li l-fatt li benefiċjarju huwa fallut jew suġġett għal proċedimenti fallimentari m'għandu ebda effett fuq l-obbligu li jħallas lura l-għajnuna illegali u inkompatibbli (64).

61.

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet li jinvolvu benefiċjarju ta' għajnuna fallut, mhuwiex ser ikun possibbli li jitħallas lura l-ammont sħiħ ta' għajnuna illegali u inkompatibbli (inklużi l-interessi), minħabba li l-assi tal-benefiċjarju mhux ser ikunu biżżejjed biex jissodisfaw it-talbiet kollha tal-kredituri. Għalhekk, mhuwiex possibbli li terġa' tiġi stabbilita kompletament is-sitwazzjoni ex ante bil-mod tradizzjonali. Minħabba li l-għan aħħari ta' l-irkupru huwa biex jispiċċa d-distorsjoni fil-kompetizzjoni, l-ECJ iddikjarat li l-likwidazzjoni tal-benefiċjarju tista' titqies bħala għażla aċċettabbli għall-irkupru f'każijiet bħal dawn (65). Għalhekk il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li deċiżjoni li tordna lil Stat Membru biex jirkupra għajnuna illegali u inkompatibbli minn benefiċjarju fallut tista' għalhekk titqies li twettqet kif suppost jew meta jsir l-irkupru sħiħ jew, fil-każ ta' rkupru parzjali, meta l-kumpanija tiġi likwidata u l-assi tagħha jinbiegħu skond il-kundizzjonijiet tas-suq.

62.

Meta jimplimentaw deċiżjonijiet ta' rkupru dwar benefiċjarji falluti, l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri għandhom jassiguraw li jitqies kif dovut l-interess Komunitarju matul il-proċeduri ta' insolvenza u, b'mod partikolari, il-ħtieġa li tintemm immedjatament id-distorsjoni fil-kompetizzjoni kkawżata mill-għoti ta' għajnuna illegali u inkompatibbli.

63.

Madankollu, l-esperjenza tal-Kummissjoni wriet li s-sempliċi reġistrazzjoni ta' pretensjonijiet fi proċedimenti ta' falliment tista' mhux dejjem tkun biżżejjed biex tiżgura l-implimentazzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjonijiet ta' rkupru tal-Kummissjoni. L-applikazzjoni ta' xi dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali dwar il-falliment jistgħu jippreġudikaw l-effett ta' deċiżjonijiet ta' rkupru billi jħallu lill-kumpanija tkompli topera minkejja n-nuqqas ta' rkupru sħiħ u billi b'hekk iħallu d-distorsjoni fil-kompetizzjoni tissokta. Fuq il-bażi ta' l-esperjenza tagħha f'każijiet ta' rkupru minn benefiċjarji insolventi, il-Kummissjoni tqis li hemm ħtieġa li l-obbligi ta' l-Istati Membri fl-istadji varji tal-proċedimenti ta' falliment jiġu definiti.

64.

L-Istat Membru għandu immedjatament jirreġistra l-pretensjonijiet tiegħu fil-proċedimenti fallimentari (66). Skond il-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja l-irkupru għandu jsir skond ir-regoli nazzjonali tal-falliment (67). Id-dejn li għandu jiġi rkuprat għandu jitħallas lura bis-saħħa ta' l-istatus li jingħatalu mil-liġi nazzjonali.

65.

Fil-passat, kien hemm każijiet meta l-amministratur fallimentarju rrifjuta li jirreġistra pretensjoni ta' rkupru fi proċedimenti ta' falliment minħabba t-tip ta' għajnuna illegali u inkompatibbli li ngħatat (per eżempju meta l-għajnuna tkun ingħatat bħala injezzjoni ta' kapital). Il-Kummissjoni tqis lil din is-sitwazzjoni bħala waħda problematika, b'mod partikolari jekk dan ir-rifjut iċaħħad lill-awtoritajiet responsabbli għat-twettiq tad-deċiżjoni ta' rkupru minn kull mezz biex jiżguraw li jitqies kif dovut l-interess Komunitarju matul il-proċedimenti ta' insolvenza. Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Istat Membru għandu jikkontesa r-rifjut ta' l-amministratur ta' l-insolvenza li jirreġisra l-pretensjonijiet tiegħu (68).

66.

Biex tiżgura l-implimentazzjoni immedjata u effettiva tad-deċiżjoni ta' rkupru tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni hija ta' l-opinjoni li l-awtoritajiet responsabbli għat-twettiq tad-deċiżjoni ta' rkupru għandhom ukoll jappellaw kull deċiżjoni mill-amministratur fallimentarju jew mill-qorti fallimernarja li tippermetti li titkompla l-attività tal-benefiċjarju fallut lil hinn mit-termini stabbiliti fid-deċiżjoni ta' rkupru. Bl-istess mod, il-qrati nazzjonali, meta affaċċjati b'talba bħal din, għandhom iqisu totalment l-interess Komunitarju u, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jiġi assigurat li t-twettiq tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni jkun immedjat u li d-distorsjoni fil-kompetizzjoni kkawżata mill-għajnuna illegali u inkompatibbli tintemm kemm jista' jkun malajr. Il-Kummissjoni tikkunsidra li huma, għalhekk, m'għandhomx jippermettu t-tkomplija ta' l-attività ta' benefiċjarju fallut fin-nuqqas ta' rkupru sħiħ.

67.

Fil-każ li pjan ta' kontinwazzjoni jiġi propost lill-kumitat tal-kredituri li jimplika kontinwazzjoni ta' l-attività tal-benefiċjarju, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għat-twettiq jistgħu biss jappoġġjaw dan il-pjan jekk jassigura li l-għajnuna titħallas lura kollha kemm hi fit-termini previsti fid-deċiżjoni ta' rkupru tal-Kummissjoni. B'mod partikolari, l-Istat Membru ma jistax jirrinunzja għal parti mit-talba tiegħu ta' rkupru, u lanqas ma jista' jaċċetta xi soluzzjoni oħra li ma tirriżultax fit-tmiem immedjat ta' l-attività tal-benefiċjarju. Fl-assenza ta' ħlas lura sħiħ u immedjat ta' l-għajnuna illegali u inkompatibbli, l-awtoritajiet responsabbli għat-twettiq għandhom jieħdu l-miżuri kollha disponibbli biex jopponu l-adozzjoni ta' pjan ta' kontinwazzjoni u għandhom jinsistu fuq it-tmiem ta' l-attività tal-benefiċjarju fit-terminu stabbilit fid-deċiżjoni ta' rkupru.

68.

Fil-każ ta' likwidazzjoni, u sakemm l-għajnuna ma tkunx għadha tħallset kollha lura, l-Istat Membru għandu jopponi kull trasferiment ta' assi li ma jsirx skond il-kundizzjonijiet tas-suq u/jew li huwa organizzat biex jevita d-deċiżjoni ta' rkupru. Biex jinkiseb “trasferiment korrett ta' assi”, l-Istat Membru għandu jassigura li l-vantaġġ inġust maħluq mill-għajnuna ma jiġix trasferit lix-xerrej ta' l-assi. Dan jista' jiġri jekk l-assi tal-benefiċjarju oriġinali ta' l-għajnuna jiġu trasferiti lil terza persuna bi prezz orħos mill-valur tagħhom tas-suq jew lil kumpanija aventi kawża mwaqqfa biex tiġi evitata l-ordni ta' rkupru. F'każ bħal dan, l-ordni ta' rkupru jeħtieġ li tiġi estiża lil dik it-terza persuna (69).

4.   KONSEGWENZI TA' NUQQAS TA' IMPLIMENTAZZJONI TAD-DEĊIŻJONIJIET TA' RKUPRU TAL-KUMMISSJONI

69.

Stat Membru huwa meqjus li kkonforma mad-deċiżjoni ta' rkupru meta l-għajnuna kollha titħallas lura fit-terminu preskritt jew, fil-każ ta' benefiċjarju fallut, meta l-kumpanija tkun likwidata skond il-kundizzjonijiet tas-suq.

70.

Il-Kummissjoni tista' taċċetta wkoll, f'każijiet li jkunu debitament iġġustifikati, implimentazzjoni provviżorja tad-deċiżjoni, meta tkun suġġetta għal proċedimenti quddiem il-qrati nazzjonali jew Komunitarji (per eżempju l-ħlas ta' l-ammont sħiħ ta' l-għajnuna illegali u inkompatibbli f'kont ibblukkat (70)). L-Istat Membru għandu jassigura li l-kumpanija ma tibqax tgawdi mill-vantaġġ marbut ma' l-għajnuna illegali u inkompatibbli (71). L-Istat Membru għandu jissottometti, għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, ġustifikazzjoni għall-adozzjoni ta' miżuri provviżorji bħal dawn u deskrizzjoni sħiħa tal-miżura provviżorja prevista.

71.

Fejn Stat Membru kkonċernat ma kkonformax ruħu mad-deċiżjoni ta' rkupru, u fejn ma setax juri l-eżistenza ta' impossibilità assoluta, il-Kummissjoni tista' tagħti bidu għal proċedimenti ta' ksur. Barra minn hekk, jekk ċerti kundizzjonijiet jiġu sodisfatti, tista' tobbliga lill-Istat Mebru kkonċernat biex jissospendi l-ħlas ta' għajnuna ġdida kompatibbli lill-benefiċjarju jew benefiċjarji kkonċernati bl-applikazzjoni tal-prinċipju Deggendorf.

4.1.   Proċeduri ta' Ksur

—   Azzjonijiet skond l-Artikolu 88(2) KE

72.

Jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax ruħu mad-deċiżjoni ta' rkupru fit-terminu preskritt u jekk ma setax juri l-impossibilità assoluta, il-Kummissjoni, kif diġà għamlet, jew xi Stat ieħor interessat, tista' tirreferi l-kwistjoni direttament lill-ECJ skond l-Artikolu 88(2) tat-Trattat. Il-Kummissjoni tista' mbagħad tqanqal argumenti dwar l-imġiba ta' l-organi eżekuttivi, leġiżlattivi jew ġudizzjarji ta' l-Istat Membru kkonċernat, minħabba li l-Istat Membru għandu jitqies fl-intier tiegħu (72).

—   Azzjonijiet skond l-Artikolu 228(2) KE

73.

Fil-każ li l-ECJ tikkundanna lill-Istat Membru talli ma kkonformax ruħu mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u jekk il-Kummissjoni tqis li l-Istat Membru kkonċernat ma kkonformax ruħu mas-sentenza ta' l-ECJ, il-Kummissjoni tista' tkompli tittratta l-kwistjoni skond l-Artikolu 228(2) tat-Trattat. F'każ bħal dan, wara li tagħti lill-Istat Membru l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu, il-Kummssjoni tagħti opinjoni motivata fejn tispeċifika l-punti li fuqhom l-Istat Membru kkonċernat ma kkonformax ruħu mas-sentenza ta' l-ECJ.

74.

Jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jieħux il-miżuri meħtieġa biex jikkonforma ruħu mas-sentenza ta' l-ECJ fit-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, il-Kummissjoni tista' mbagħad tirreferi l-kwistjoni lill-ECJ, skond l-Artikolu 228(2) tat-Trattat tal-KE. Il-Kummissjoni imbagħad titlob lill-ECJ biex timponi ħlas ta' multa fuq l-Istat Membru kkonċernat. Il-ħlas tal-multa jiġi ffissat skond il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 228 tat-Trattat tal-KE (73), u jiġi ikkalkulat fuq il-bażi ta' tliet kriterji: is-serjetà tal-ksur, it-tul tiegħu, u l-ħtieġa li jiġi assigurat li l-multa nfisha hija deterrent għal ksur ieħor. Skond l-istess komunikazzjoni l-Kummissjoni se titlob ukoll għal ħlas ta' somma sħiħa bħala penalità kontra l-kontinwazzjoni tal-ksur bejn l-ewwel sentenza ta' nuqqas ta' konformità u s-sentenza mogħtija skond l-Artikolu 228 tat-Trattat tal-KE. Minħabba l-fatt li n-nuqqas ta' implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta' rkupru tal-Kummissjoni jtawwal id-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-għoti ta' l-għajnuna illegali u inkompatibbli, il-Kummissjoni mhijiex ser taħsibha darbtejn biex tuża din il-possibilità jekk jidher neċessarju li jiġi assigurat ir-rispett tar-regoli ta' l-għajnuna mill-Istat.

4.2.   L-applikazzjoni tal-każistika Deggendorf

75.

Fis-sentenza tagħha fil-każ Deggendorf, is-CFI iddeċidiet li, “meta l-Kummissjoni tikkunsidra l-kompatibilità ta' għajnuna mill-Istat mas-suq komuni, hija għandha tqis il-fatturi kollha relevanti, inklużi, fejn relevanti, iċ-ċirkostanzi li tqisu diġà f'deċiżjoni preċedenti u l-obbligi li dik id-deċiżjoni preċedenti setgħet imponiet fuq Stat Membru. Għalhekk il-Kummissjoni għandha l-poter li tqis, l-ewwel, kull effett akkumulat ta' l-għajnuna […] antika u l-għajnuna […] ġdida u, t-tieni, il-fatt li l-għajnuna [l-antika] ddikjarata illegali […] ma tħallsitx lura” (74). Fl-applikazzjoni ta' din is-sentenza u biex tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni kontra l-interess komuni, il-Kummissjoni tista' tordna lil Stat Membru jissospendi l-ħlas ta' għajnuna ġdida kompatibbli lil impriża li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha għajnuna illegali u inkompatibbli suġġetta għal deċiżjoni preċedenti ta' rkupru, u dan sakemm l-Istat Membru jkun assigura ruħu li l-impriża kkonċernata ħallset lura l-għajnuna antika illegali u inkompatibbli.

76.

Il-Kummissjoni issa ilha tapplika l-hekk imsejjaħ prinċipju Deggendorf b'mod aktar sistematiku għal xi snin. Fil-prattika, matul l-investigazzjoni preliminari ta' miżura ġdida ta' għajnuna, il-Kummissjoni titlob impenn mill-Istat Membru biex jissospendi l-ħlas ta' għajnuna ġdida lil xi benefiċjarju li għad irid iħallas lura għajnuna illegali u inkompatibbli suġġetta għal deċiżjoni ta' rkupru preċedenti. Jekk l-Istat Membru ma jagħtix dan l-impenn u/jew fl-assenza ta' data ċara fuq il-miżuri ta' għajnuna involuti (75) li żżomm lill-Kummissjoni milli tivvaluta l-impatt globali ta' l-għajnuna antika u ġdida fuq il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ser tieħu deċiżjoni finali, suġġetta għal kundizzjonijiet fuq il-bażi ta' l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Proċedurali, li tirrikjedi lill-Istat Membru kkonċernat jissospendi l-ħlas ta' għajnuna antika u ġdida sakemm tkun sodisfatta li l-benefiċjarju kkonċernat ħallas lura l-għajnuna antika illegali u inkompatibbli, inklużi l-interessi ta' rkupru dovuti.

77.

Il-prinċipju Deggendorf sadattant ġie integrat fil-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat biex jiġu salvati u ristrutturati azjendi f'diffikultà (76) u f'Regolamenti ta' Eżenzjonijiet skond il-Kategorija reċenti (77). Il-Kummissjoni biħsiebha tintegra dan il-prinċipju fir-regoli u d-deċiżjonijiet kollha ta' għajuna mill-Istat li ġejjin.

78.

Fl-aħħarnett, il-Kummissjoni tilqa' l-inizjattiva ta' l-Italja li ddaħħal dispożizzjoni speċifika 'Deggendorf' fil-'Legge Finanziaria 2007' tagħha, li tipprovdi li benefiċjarji ta' miżuri ġodda ta' għajnuna mill-Istat għandhom jiddikjaraw li m'għandhomx għad-dispożizzjoni tagħhom xi għajuna mill-Istat llegali jew inkompatibbli (78).

5.   KONKLUŻJONI

79.

Iż-żamma ta' sistema ta' kompetizzjoni libera u mingħajr xkiel hija waħda mill-pilastri tal-Komunità Ewropea. Bħala parti mill-politika Ewropea ta' kompetizzjoni, id-dixxiplina fl-għajnuna mill-Istat hija essenzjali biex tassigura li s-suq intern jibqa' uniformi fis-setturi ekonomiċi kollha fl-Ewropa. F'din il-ħidma ewlenija, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà konġunta li jassiguraw l-infurzar xieraq tad-dixxiplina ta' l-għajnuna mill-Istat u b'mod partikolari tad-deċiżjonijiet ta' rkupru.

80.

Bil-ħruġ ta' din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni hija lesta li żżid l-għarfien tal-prinċipji tal-politika ta' rkupru definiti mill-Qrati tal-Komunità u tiċċara l-prattika tal-Kummissjoni dwar il-politika tagħha ta' rkupru. Il-Kummissjoni hija kommessa li tkun konformi ma' dawn il-prinċipji msemmija u tistieden lill-Istati Membri biex jitolbu parir meta jiffaċċjaw diffikultajiet fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' rkupru. Is-servizzi tal-Kummissjoni jibqgħu għad-dispożizzjoni ta' l-Istati Membri biex jipprovdu aktar gwida u assistenza jekk meħtieġa.

81.

Il-Kummissjoni tistenna li l-Istati Membri jonoraw il-prinċipji tal-politika ta' rkupru. Huwa biss bi sforz konġunt tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri li d-dixxiplina ta' l-għajnuna mill-Istat tkun assigurata u twassal għall-għan mixtieq, jiġifieri ż-żamma ta' kompetizzjoni mingħajr xkiel fi ħdan is-suq intern.


(1)  Pjan ta' Azzjoni għall-Għajnuna mill-Istat: Għajnuna mill-Istat li hija inqas u mmirata aħjar: programm għar-riforma ta' l-għajnuna mill-Istat 2005-2009.

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(3)  Studju dwar l-infurzar tal-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat f'livell nazzjonali, Studji dwar il-Kompetizzjoni nru 6, il-Lussemburgu, Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej:

http://ec.europa.eu/comm/competition/state_aid/overview/studies.html

(4)  Kawża C-70/72, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, [1973] Ġabra p. 813, punt 13.

(5)  Kawża 121/73, Markmann KG vs il-Ġermanja u Land of Schleswig-Holstein, [1973] Ġabra p. 01495, Kawża 122/73, Nordsee, Deutsche Hochseefischerei GmbH vs il-Ġermanja u Land Rheinland-Pfalz, [1973] Ġabra p. 01511, u Kawża 141/73, Fritz Lohrey vs il-Ġermanja u Land Hessen, [1973] Ġabra p. 1527.

(6)  ĠU C 318, 24.11.1983, p. 3.

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1.)

(8)  Kawża C-301/87, Franza vs il-Kummissjoni, [1990], Ġabra p. I-307.

(9)  Kawża C-415/03, il-Kummizzjoni vs il-Greċja, (“Olympic Airways”) [2005], Ġabra p. I-03875 u s-sentenza tal-5 ta' Ottubru 2006, kawża C-232/05, il-Kummissjoni vs Franza, (“Scott”), li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.

(10)  Kawża C-188/92, TWD Textilwerke Deggendorf GmbH vs il-Ġermanja, (“Deggendorf”) [1994], Ġabra p. I-00833.

(11)  Kawża C-75/97, il-Belġju vs il-Kummissjoni, [1990] Ġabra p. I — 03671, punt 65.

(12)  Kawża C-183/91 il-Kummissjoni vs il-Greċja [1993] Ġabra p. I-3131, punt 16.

(13)  Kawżi magħquda C-278/92, C-279/92 u C-280/92, Spanja vs il-Kummissjoni, [1994] Ġabra p. I-04103, punt 75.

(14)  Kawża C-348/93, il-Kummissjoni vs l-Italja [1993] Ġabra p. I-673, punt 27.

(15)  Kawża T-459/93, Siemens vs il-Kummissjoni [1995] Ġabra p. II-1675, punti 97 sa 101.

(16)  Kawża C-415/03, il-Kummissjoni vs il-Greċja, msemmija qabel fin-nota 9 ta' qiegħ il-paġna.

(17)  Kawża C-232/05, il-Kummissjoni vs Franza, msemmija qabel fin-nota 9 ta' qiegħ il-paġna.

(18)  Fuq il-prinċipju tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, jekk jogħġbok ara l-kawża C-24/95, Alcan, [1997], Ġabra p. I-1591, punt 25, kawża C-5/89, BUG-Alutechnik, [1990], Ġabra p. I-3437, punti 13 u 14. Għal eżempju fejn l-ECJ irrikonoxxiet l-eżistenza ta' aspettattivi leġittimi min-naħa tal-benefiċjarju, jekk jogħġbok ara l-kawża C-223/85, RSV, [1987], Ġabra p. 4617.

(19)  Dwar il-prinċipju taċ-ċertezza legali, jekk jogħġbok ara l-kawża T-115/94, Opel Austria GmbH vs il-Kunsill, [1997] Ġabra p. II-00039 u l-kawża C-372/97, l-Italja vs l-Kummissjoni, [2004] Ġabra p. I-3679, punti 116 sa 118, kawżi magħquda C-74/00P u C-75/00, P Falck u Acciaierie di Bolzano vs l-Kummissjoni [2002] Ġabra p. I-7869, punt 140. Ara wkoll il-kawża T-308/00, Saltzgitter vs l-Kummissjoni [2004], Ġabra p. II-01933, punt 166.

(20)  Għal interpretazzjoni ta' “kull azzjoni Komunitarja”, jekk jogħġbok ara l-kawża T-369/00, Département du Loiret vs il-Kummissjoni, [2003] Ġabra p. II-01789.

(21)  Kawża 94/87, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja [1989] Ġabra p. 175.

(22)  Kawża C-404/00, il-Kummissjoni vs Spanja, [1990] Ġabra p. I-6695.

(23)  Kawża C-280/95, il-Kummissjoni vs l-Italja, [1998] Ġabra p. I-259.

(24)  Kawża C-24/95, Alcan, [1997], Ġabra p. 1591, punti 34-37.

(25)  Kawża C-303/88, l-Italja vs il-Kummissjoni, [1991] Ġabra p. I-1433.

(26)  Kawża C-52/84, il-Kummissjoni vs il-Belġju, [1986] Ġabra p. 89, punt 9.

(27)  Kawża C-52/84, il-Kummissjoni vs il-Belġju, imsemmija qabel fin-nota 26 ta' qiegħ il-paġna, punt 14.

(28)  Kawża C-499/99, il-Kummissjoni vs Spanja, [2002] Ġabra p. I-06301.

(29)  Kawża C-280/95, il-Kummissjoni vs l-Italja, [imsemmija qabel fin-nota 23 ta' qiegħ il-paġna].

(30)  Kawża C-6/97 l-Italja vs il-Kummissjoni [1999] Ġabra p. I-2981, punt 34.

(31)  Kawża C-415/03, Il-Kummissjoni vs il-Greċja, imsemmija qabel fin-nota 9 ta' qiegħ il-paġna.

(32)  Kawża C-232/05, Il-Kummissjoni vs Franza, imsemmija qabel fin-nota 9 ta' qiegħ il-paġna.

(33)  Kawża C-404/00, Il-Kummissjoni vs Spanja, imsemmija qabel fin-nota 22 ta' qiegħ il-paġna.

(34)  Kawża C-94/87, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja [1989] Ġabra p. 175, punt 9, Kawża C-348/93, il-Kummissjoni vs l-Italja, imsemmija qabel fin-nota 14 f'qiegħ il-paġna, punt 17.

(35)  għal illustrazzjoni tal-proposti għall-implimentazzjoni ara l-kawża C-209/00, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja [2002] Ġabra p.I-11695.

(36)  Kawża 94/87, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja msemmija qabel fin-nota 34 ta' qiegħ il-paġna, punt 10.

(37)  Kawża Ċ-303/88, l-Italja vs il-Kummissjoni, [1991] Ġabra p. I-1433, punt 57; Kawża C-277/00, il-Ġermanja vs il-Kummissjoni (“SMI”) [2004] Ġabra p. I-3925, punt 75.

(38)  Kawża C-277/00, il-Ġermanja vs il-Kummissjoni, imsemmija qabel fin-nota 37 ta' qiegħ il-paġna.

(39)  Kawżi C-328/99 u C-399/00, l-Italja u SIM 2 Multimedia vs il-Kummissjoni. Għal eżempju ieħor ta' ċirkumvenzjoni ara l-kawża C-415/03, il-Kummissjoni vs il-Greċja, imsemmija qabel fin-nota 9 ta' qiegħ il-paġna.

(40)  Kawżi C-328/99 u C-399/00, l-Italja u SIM 2 Multimedia vs il-Kummissjoni [2003] Ġabra p. I-4035, punt 83.

(41)  Fil-każ ta' privatizzazzjoni ta' kumpanija li rċeviet l-għajnuna mill-Istat ddikjarata kompatibbli mill-Kummissjoni, l-Istat Membru jista' jintroduċi klawsola ta' responsabbiltà fil-ftehim ta' privatizzazzjoni biex tipproteġi x-xerrej tal-kumpanija mir-riskju li d-deċiżjoni inizjali tal-Kummissjoni li tapprova l-għajnuna tinbidel mill-Qrati tal-Komunità u tiġi sostitwita b'deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru ta' dik l-għajnuna mill-benefiċjarju. Klawsola bħal din tista' tagħti lok għall-aġġustament tal-prezz imħallas mix-xerrej għall-kumpanija privatizzata biex titqies b'mod xieraq ir-responsabbiltà ġdida ta' rkupru.

(42)  Kawża C-277/00, il-Ġermanja vs il-Kummissjoni, imsemmija qabel fin-nota 37 ta' qiegħ il-paġna, punt 80.

(43)  Kawża Ċ-310/99, l-Italja vs il-Kummissjoni, [2002] Ġabra p. I-2289, punt 91.

(44)  Kawża C-277/00, il-Ġermanja vs il-Kummissjoni, imsemmija qabel fin-nota 37 ta' qiegħ il-paġna, punti 74-76.

(45)  Kawża C-480/98, Spanja vs il-Kummissjoni [2000], Ġabra p. I-8717, punt 25 u l-kawżi magħquda C-67/85, C-68/85 u C-70/85, Kwekerij van der Kooy BV et vs il-Kummissjoni [1988], Ġabra p. 219.

(46)  ara f'dak il-kuntest, l-eċċezzjoni tal-kawża C-480/98, Spanja vs il-Kummissjoni, imsemmija qabel fin-nota 45 ta' qiegħ il-paġna, punti 36 et seq.

(47)  Kawża C-207/05, il-Kummissjoni vs l-Italja, [2006], Ġabra p. I-00070, punti 31-36; Ara wkoll Kawża C-378/98, il-Kummissjoni vs il-Belġju, [2001], Ġabra p. I-5107, punt 28 u l-kawża C-232/05, il-Kummissjoni vs Franza, imsemmija qabel fin-nota 9 ta' qiegħ il-paġna.

(48)  Kawża C-5/86, il-Kummissjoni vs il-Belġju, [1987] Ġabra p. 1773.

(49)  Kawża C-207/05, il-Kummissjoni vs l-Italja (2006), sentenza ta' l-1 ta' Ġunju 2006.

(50)  Kawża 249/85, Albako Margarinefabrik Maria von der Linde GmbH & Co. KG vs Bundesanstalt für landwirtschaftliche Marktordnung, [1987], Ġabra p. 02345.

(51)  Ara l-paġna 521 ta' l-Istudju.

(52)  Kawża T-459/93, Siemens vs il-Kummissjoni, (1995) Ġabra p. II-1675, punt 83. Jekk jogħġbok ara wkoll il-kawża C-148/04, Unicredito Spa vs Agenzia delle Entrate, Ufficio Genova I, [2005], Ġabra p. I-11137, punti 117-120.

(53)  Ara l-paġni 522 et seq ta' l-Istudju.

(54)  Minn dan il-lat, l-Istudju jenfasizza t-tentattiv riċenti mill-awtoritajiet Ġermaniżi biex jinfurzaw talba ta' rkupru fil-kawża Kvaerner Warnow Werft fejn l-għajnuna ngħatat permezz ta' ftehim legali privat. Meta l-benefiċjarju rrifjuta li jagħti lura l-għajnuna, l-awtorità kompetenti ddeċidiet li ma tieħux azzjoni quddiem il-qrati ċivili, iżda ħarġet att amministrattiv li jordna l-ħlas lura immedjat ta' l-għajnuna. Barra minn hekk, iddikjarat l-att bħala immedjatament eżekuttiv. L-Ogħla Qorti Amministrattiva ta' Berlin-Brandenburg iddeċidiet li l-awtorità kompetenti ma kinitx marbuta li tirkupra l-għajnuna bl-istess mod li fih ingħatat u qablet li l-“effet utile” tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni kien jeħtieġ li l-awtorità kompetenti titħalla tirkupra l-għajnuna permezz ta' att amministrattiv. Jekk is-sentenza tiġi kkonfermata f'aktar proċedimenti, wieħed jista' jistenna li, fil-ġejjieni, l-irkupru ta' l-għajnuna fil-Ġermanja ser ikun, fil-prinċipju, imwettaq skond ir-regoli amministrattivi.

(55)  Kawża C-13/01, Safalero, [2003], Ġabra p. I-8679, punti 49-50.

(56)  Kawża C-48/71, Il-Kummissjoni vs L-Italja, [1972] Ġabra p. I-00529.

(57)  Kawża C-232/05, Il-Kummissjoni vs Franza, imsemmija qabel fin-nota 9 ta' qiegħ il-paġna.

(58)  Kawża C-188/92, TWD Textilwerke Deggendorf GmbH vs il-Ġermanja, msemmija qabel fin-nota 10 ta' qiegħ il-paġna.

(59)  Kif affermat mill-ġdid fil-kawża C-232/05, Il-Kummissjoni vs Franza, imsemmija qabel fin-nota 9 ta' qiegħ il-paġna.

(60)  Kawża C-346/03, Atzeni et, [2006], paġna I-01875, punti 30-34.

(61)  Kawżi magħquda C-143/88 u C-92/89, Zuckerfabrik Süderdithmarschen A.G. et, [1991], Ġabra p. I-415, punti 23 et seq.

(62)  Kawża C-465/93, Atlanta Fruchthandelsgesellschaft mbH et, [1995], Ġabra p. I-3761, punt 51.

(63)  Kawża C-465/93, Atlanta Fruchthandelsgesellschaft mbH et, imsemmija qabel fin-nota 61 ta' qiegħ il-paġna, punt 51.

(64)  Kawża C-42/93, Spanja vs il-Kummissjoni (“Merco”) [1994], Ġabra p. I-4175.

(65)  Kawża C-52/84, il-Kummissjoni vs il-Belġju; [1986] Ġabra p. 9.

(66)  Kawża C-142/87, il-Kummissjoni vs il-Belġju; [1990] Ġabra p. I-959, punt 62.

(67)  Kawża C-142/87, ibid. Kawża C-499/99, il-Kummissjoni vs Spanja (“Magefesa”), [2002], Ġabra p. I-603, punti 28-44.

(68)  Ara, f'dan il-kuntest, is-sentenza ta' l-Awla Kummerċjali tal-Qorti ta' Amberg tat-23 ta' Lulju 2001 dwar l-għajnuna mogħtija mill-Ġermanja lil “Neue Maxhütte Stahlwerke GmbH” (Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/178/KEFA, ĠU L 53 tat-2.3.1996, p. 41. F'dik il-kawża, il-Qorti Ġermaniża ħassret ir-rifjut ta' amministratur fallimentarju li jirreġistra pretensjoni ta' rkupru li kienet tirriżulta minn għajnuna illegali u inkompatibbli mogħtija fil-forma ta' injezzjoni tal-kapital, għaliex din kienet tagħmel it-twettiq tad-deċiżjoni ta' rkupru impossibbli.

(69)  Kawża C-277/00, il-Ġermanja vs il-Kummissjoni, msemmija qabel fin-nota 37 ta' qiegħ il-paġna.

(70)  F'termini prattiċi, il-ħlas ta' l-ammont totali ta' l-għajnuna u l-interessi f'kont ibblukkat jista' jaqa' taħt kuntratt speċifiku, iffirmat mill-bank u mill-benefiċjarju, u li permezz tiegħu il-partijiet jaqblu li s-somma għandha titħallas favur parti jew oħra meta tintemm il-litigazzjoni.

(71)  Bil-kuntrarju ta' l-istabbiliment ta' kont ibblukkat, l-użu ta' garanziji bankarji ma jistax jitqies bħala miżuri provviżorja xierqa minħabba li l-ammont totali ta' l-għajnuna għadu għad-dispożizzjoni ta' min irċevih.

(72)  Kawża C-224/01, Köbler, [2003], Ġabra p. I-10239, punti 31-33, Kawża C-173/03, Traghetti del Mediterraneo, [2003], paġna I-05177, punti 30-33.

(73)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 228 tat-Trattat tal-KE — SEC/2005/1658 (ĠU C 126 tas-7.6.2007, p. 15).

(74)  Kawża T-244/93 u T-486/93, TWD Deggendorf Siemens vs il-Kummissjoni, [1995] Ġabra p. II-2265, punt 56.

(75)  per eżempju fil-każ ta' skemi illegali u inkompatibbli fejn l-ammont u l-benefiċjarji ma jkunux magħrufa mill-Kummissjoni.

(76)  ĠU C 244/2, 1.10.2004, punt 23.

(77)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1628/2006 ta' l-24 ta' Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna nazzjonali reġjonali ta' investiment, ĠU L 302, ta' l-1 ta' Novembru 2006, p. 29.

(78)  Legge 27 dicembre 2006, n. 296, art. 1223.


Top