EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0396

Munikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Komunitarja għad-dijossini, l-furani u l-bifenili poliklorurati (COM(2001) 593) – It-tieni Rapport ta' progress {SEG(2007) 955}

/* KUMM/2007/0396 finali */

52007DC0396

Munikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Komunitarja għad-dijossini, l-furani u l-bifenili poliklorurati (COM(2001) 593) – It-tieni Rapport ta' progress {SEG(2007) 955} /* KUMM/2007/0396 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 10.7.2007

KUMM(2007) 396 finali

MUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Komunitarja għad-dijossini, l-furani u l-bifenili poliklorurati (COM(2001) 593) – It-tieni rapport ta' progress {SEG(2007) 955}

MUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

Dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Komunitarja għad-dijossini, l-furani u l-bifenili poliklorurati (COM(2001) 593) – It-tieni rapport ta' progress

Il-kuntest

Id-dijossini, l-furani u l-bifenili poliklorurati (PCDD, PCDF u PCBs) huma grupp ta' sustanzi kimiċi tossiċi li jippersistu fl-ambjent, jibbijoakkumulaw permezz tal-katina alimentari u hemm riskju li jikkawżaw effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Jistgħu jikkawżaw dannu fis-sistema immunitarja, fis-sistema nervuża, fis-sistema endokrinu u fil-funzjonijiet riproduttivi u hemm anke suspett li jikkawżaw il-kanċer. Il-feti u t-trabi tat-twelid huma l-aktar sensittivi jekk jiġu esposti. Hemm tħassib konsiderevoli mil-lat pubbliku, politiku u xjentifiku dwar l-effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent f'każ ta' esponiment fit-tul għal anke għall-iżgħar ammonti tad-dijossini, l-furani u l-PCBs.

Tul l-aħħar għoxrin sena, diġà nkiseb tnaqqis ġenerali fil-livelli tad-dijossini, l-furani u l-PCBs fl-ambjent u fil-bniedem, b'mod partikolari permezz tal-kontroll fis-sorsi ta' l-emissjonijiet industrijali, bħall-inċinerazzjoni ta' l-iskart. Madankollu huwa xieraq li, fid-dawl tal-persistenza ta' dawn is-sustanzi kimiċi, il-ħidma għat-tnaqqis fl-emissjonijiet antropoġeniċi fl-ambjent, bil-għan li jkomplu jitnaqqsu u, fejn ikun fattibbli, jiġu eliminati għal kollox. Barra dan, il-livelli fl-għalf u fl-ikel għandu jkompli jitnaqqas sabiex jitnaqqas l-esponiment tal-bniedem.

Biex jonqos il-konsum mill-bniedem, huwa importanti li jitnaqsu l-livelli fil-katina alimentari għax il-konsum ta' l-ikel huwa l-aktar mod importanti għall-esponiment tal-bniedem. Il-kontaminazzjoni fil-katina alimentari hija kkawżata mill-kontaminazzjoni ambjentali. Id-dijossini li joħorġu fl-arja jistgħu pereżempju jiddepożitaw ruħhom fuq il-pjanti jew fl-ilma u jiġu akkumulati mill-annimali u mill-ħut meta jieklu, b'hekk jidħlu fil-katina alimentari. Għalhekk hemm bżonn li jittieħdu miżuri biex inaqsu l-preżenza tad-dijossini, l-furani u l-PCBs kemm għall-ambjent u anke għall-ikel u l-għalf.

Fl-24 ta' Ottubru 2001 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li tistabbilixxi Strateġija Komunitarja għad-dijossini, l-furani u l-PCBs[1] (l-Istrateġija għad-Dijossini). L-Istrateġija għad-Dijossini tikkonsisti f'żewġ partijiet: parti li fiha azzjonijiet biex titnaqqas il-preżenza tad-dijossini, l-furani u l-PCBs fl- ambjent u parti li fiha l-azzjonijiet biex tonqos il-preżenza tagħhom fl-għalf u fl-ikel .

Fit-12 ta' Diċembru 2001, il-Kunsill "Ambjent" adotta Konklużjonijiet dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li jappoġġaw l-Istrateġija tad-Dijossini tal-Kummissjoni u jitolbu lill-Kummissjoni biex tirraporta lura dwar l-implimentazzjoni sa l-aħħar ta' l-2003 u minn dakinhar 'il quddiem kull tliet snin. Fit-13 ta' April 2004, ġie adottat l-ewwel rapport ta' progress li jkopri l-perjodu 2002-2003[2].

Din il-Komunikazzjoni hija t-tieni rapport ta' progress li jpoġġi fil-qosor l-attivitajiet li ttieħdu mill-Kummissjoni fuq il-perjodu 2004-2006 fl-oqsma ta' l-ambjent u l-ikel u l-għalf. Hija ssuplimentata b'Anness li fih deskrizzjonijiet aktar dettaljati u tekniċi dwar l-iżviluppi fiż-żoni differenti (SEC(2007) 955).

L-attivitajiet li twettqu fil-qasam ambjentali

Id-dijossini, l-furani u l-PCBs jiġu indirizzati taħt diversi oqsma politiċi ambjentali. Qasam ta' importanza partikolari għall-perjodu ta' skrutinju huwa l-implimentazzjoni ta' żewġ konvenzjonijiet internazzjonali dwar inkwinanti organiċi persistenti (POPs).

Bħal POPs oħra, id-dijossini, l-furani u l-PCBs jaqsmu konfini internazzjonali u huma ta' riskju għall-ambjent u is-saħħa tal-bniedem madwar id-dinja kollha. Dan it-tħassib globali huwa rifless fil-Konvenzjoni ta' Stokkolma tal-UNEP dwar il-inkwinanti organiċi persistenti, li fi Frar 2005 l-Komunità saret parti minnha, kif ukoll fil-Protokoll ta' l-1998 dwar il-POBs taħt il-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar it-Tniġġis ta' l-Arja Transkonfinali fuq Distanza Twila.

Biex l-UE timplimenta bis-sħiħ l-obbligi taż-żewġ strumenti internazzjonali, ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 dwar il-inkwinanti organiċi persistenti[3] ġie adottat fl-2004. L-adozzjoni tikkostitwixxi kisba prinċipali għat-tnaqqis tad-dijossini, il-furani u l-PCBs. Ir-Regolament jeħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw inventarji nazzjonali dwar ir-rilaxxi tad-dijossini, il-furani u l-PCBs u jidentifikaw miżuri biex jindirizzawhom. Ġew żviluppati jew se jiġu żviluppati fil-futur qarib, Pjanijiet Nazzjonali ta' Implimentazzjoni. Għalhekk ir-Regolament tal-POP jiżgura li informazzjoni aħjar dwar ir-rilaxxi nazzjonali tad-dijossini, il-furani u l-PCBs se ssir disponibbli u li qed jiġu definiti l-miżuri nazzjonali biex jindirizzawhom.

Il-Kummissjoni żviluppat ukoll Pjan Komunitarju ta' Implimentazzjoni[4], li jistabbilixxi l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-livell ta' l-UE. Għall-għan ta' dan il-pjan, saret evalwazzjoni tal-prijoritajiet sabiex tiddefinixxi l-azzjonijiet biex jindirizzaw POPs li ġew rilaxxati mingħajr ħsieb, li jinkludu d-dijossini, il-furani u l-PCBs. Il-Pjan ta' Implimentazzjoni, b'mod partikolari jsostni li s-sorsi industrijali għandhom ikomplu jiġu indirizzati fil-qafas ġuridiku preżenti, li jinkludi d-Direttiva ta' l-IPPC[5] u d-Direttiva ta' l-Inċinerazzjoni ta' l-Iskart[6]. Sorsi domestiċi, bħat-tisħin residenzjali bl-injam u l-faħam, qed isiru dejjem aktar importanti u l-Kummissjoni se tikkontribwixxi biex tindirizzahom billi tippromwovi l-iskambju ta' l-esperjenza u l-informazzjoni bejn il-partijiet prinċipali u l-Istati Membri.

Minbarra dan l-iżvilupp ġenerali, il-progress rigward l-azzjonijiet ta' l-Istrateġija tad-Dijossini għall-ambjent matul il-perjodu 2004-2006 sar f'għadd ta' oqsma speċifiċi:

Fil-qasam ta' l- emissjonijiet industrijali kompla x-xogħol biex jiġu identifikati l-Aħjar Metodi ta' Teknika Disponibbli (BAT) għall-prevenzjoni u l-kontroll tat-tniġġis, u sa l-aħħar ta' l-2006 ġew finalizzati l-aħħar sitta minn serje ta' 32 BREF (Dokumenti ta' Referenza BAT). Għal xi BREFs adottati qabel, diġà bdiet reviżjoni biex tqis l-iżviluppi ġodda inklużi fis-setturi tas-siment u l-ġir, ta' l-għaġna tal-karta u l-karta u tal-ħadid u ta' l-azzar.

F'Settembru 2006, ġiet adottata Strateġija Tematika dwar il-ħarsien tal- ħamrija . Din tinkludi proposta għal qafas ta' Direttiva li tirrikjedi li l-Istati Membri jipprevjenu l-kontaminazzjoni tal-ħamrija, biex jagħmlu inventarju dwar is-siti kontaminati u biex jitranġaw is-siti identifikati. Għall- iskart , ir-Regolament tal-POP jistipula li l-kontaminazzjoni tal-POP għandha tinqered jew tiġi trasformata b'mod irriversibbli f''sustanzi oħra. Hemm xi derogi minn din ir-regola ġenerali, u fl-2006 u l-2007 ġew adottati żewġ Regolamenti[7] li jiddefinixxu l-valuri ta' limitu għad-dijossini, il-furani u l-PCBs dwar l-applikazzjoni ta' tali derogi.

Fil-qafas ta' l- aċċess pubbliku għal data dwar l-emissjonijiet industrijali, f'Jannar 2006 ġie adottat reġistru Ewropew disponibbli pubblikament dwar l-Inkwinanti (E-PRTR)[8]. Imqabbel mar-reġistru preżenti (EPER), għandu livelli ta' rappurtaġġ aktar baxxi għad-dijossini u l-furani u jinkludi r-rapputaġġ dwar il-PCBs.

Matul il-perjodu 2002-2005, twettqu żewġ studji prinċipali sabiex jipprovdu informazzjoni komprensiva dwar id-dijossini, il-furani u l-PCBs fl-UE-10. Ir-riżultati ġew diskussi fi grupp ta' ħidma organizzat fi Brussell fi Frar 2005 li matulu l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u aktar attenzjoni għas-sorsi domestiċi żgħar ġew identifikati bħala prijoritajiet għax-xogħol futur[9].

L-attivitajiet li twettqu fil-qasam ta' l-għalf u l-ikel

L-Istrateġija tad-Dijossina tiddeskrivi strateġija integrata għal-leġiżlazzjoni dwar l-għalf u l-ikel biex tnaqqas il-preżenza tad-dijossini, l-furani u l-PCBs fil-katina alimentari kollha. Din l-istrateġija integrata tikkonsisti fi tliet pilastri:

1. It-twaqqif ta' livelli massimi stretti iżda fattibbli fl-għalf u l-ikel li jqisu r-riżultati miksuba bit-tnaqqis tal-preżenza tad-dijossini fl-ambjent.

2. It-twaqqif tal-livelli ta' azzjoni biex titqanqal l-azzjoni meta l-livelli fl-għalf jew l-ikel jinsabu li jkunu b'mod ċar 'il fuq mil-livell ta' l-isfond. Il-livelli ta' azzjoni għandhom funzjoni ta' twissija bikrija.

3. It-twaqqif ta' livelli ta' mira li għandhom jinkisbu tul iż-żmien sabiex l-esponiment tal-maġġoranza mill-popolazzjoni Ewropea fi ħdan il-limiti rakkomandati mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel.

Matul il-perjodu taħt skrutinju, il-leġiżlazzjoni dwar il- livelli massimi fl-għalf u fl-ikel ġiet aġġornata biex tinkludi wkoll PCBs li jixbhu lid-dijossini billi ġew stabbiliti livelli massimi għat-total tad-dijossini, l-furani u PCBs li jixbħu lid-dijossini[10]. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr xkiel, il-livelli massimi preżenti għad-dijossini u l-furani, flimkien mal-livelli massimi ġodda proposti għat-total tad-dijossini, l-furani u PCBs li jixbħu lid-dijossini, se jinżammu għal perjodu temporanju.

Peress li s-sorsi tad-dijossini u l-PCBs li jixbhu lid-dijossini huma differenti, il-pjanijiet ta' azzjoni stabbiliti għad-dijossini u l-furani fl-2002 ġew miżmuma u fl-2006 ġew stabbiliti livelli ta' azzjoni separati għall-PCBs li jixbhu lid-dijossini, simultanjament mat-twaqqif ta' livelli massimi għat-total tad-dijossini, l-furani u PCBs li jixbhu lid-dijossini[11].

Il-leġiżlazzjoni dwar il-metodoloġija analitika u l-monitoraġġ ta' l-għalf u l-ikel ġiet riveduta u aġġornata fid-dawl ta' l-inklużjoni ta' PCBs li jixbhu d-dijossini fil-livelli stabbiliti u biex tqis l-esperjenzi[12].

Dwar il-PCBs li ma jixbhux lid-dijossini, l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà Alimentari wettqet valutazzjoni dwar ir-riskji għas-saħħa tal-pubbliku u dik ta' l-annimali dwar il-preżenza ta' PCBs li ma jixbhux lid-dijossini fl-għalf u fl-ikel[13]. Waqt li jqisu l-konklużjonijiet ta' din il-valutazzjoni tar-riskju, qed isiru d-diskussjonijiet dwar il-possibiltà li jitwaqqfu livelli regolatorji għal-PCBs li ma jixbhux lid-dijossini fl-għalf u fl-ikel.

L-attivitajiet ta' riċerka

Biex jimtlew xi wħud mil-lakuni fl-għarfien preżenti, id-dijossini, il-furani u l-PCPs, flimkien ma' sustanzi oħra, ġew indirizzati f'għadd ta' proġetti ta' riċerka ffinanzjati taħt is-Sitt Programm ta' Qafas ta' Riċerka li jiffoka fuq l-effetti tas-saħħa, il-kontaminazzjoni tal-katina alimentari u l-aspetti ambjentali. Saret ukoll riċerka miċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka dwar dawn is-sustanzi fl-oqsma tal-ħamrija, l-ilma, l-arja ambjentali u l-emissjonijiet.

[1] COM (2001) 593 finali.

[2] COM (2004) 240 finali.

[3] Ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE, ĠU L158, 30.4.2004.

[4] SEC(2007) 341.

[5] Id-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE ta' l-24 ta' Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26.

[6] Id-Direttiva 2000/76/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-4 ta' Diċembru 2000 dwar l-inċinerazzjoni ta' l-iskart ĠU L 332, 28.12.2000, p. 91.

[7] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1195/2006 tat-18 ta' Lulju 2006 li jemenda l-Anness IV mar-Regolament (KE) Nru 850/2004 dwar inkwinanti organiċi persistenti ĠU L217, 8.8.2006, p. 1, u r-Regolament (KE) Nru 172/2007 tas-16 ta' Frar 2007 li jemenda l-Anness V mar-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar inkwinanti organiċi persistenti, ĠU L55, 23.2.2007, p. 1.

[8] Ir-Regolament (KE) Nru 166/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2006 dwar il-ħolqien ta' Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta' Inkwinanti, ĠU L33, 4.2.2006, p.1.

[9] Ir-rapporti dwar l-istudju u d-dokumenti tal-grupp ta' ħidma jinstabu fuq: http://ec.europa.eu/environment/dioxin/index.htm#enlarged_eu

[10] Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/13/KE tat-3 ta’ Frar 2006 li temenda l-Annessi I u II tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew 2002/32/KE u tal-Kunsill dwar sustanzi mhux mixtieqa fl-għalf ta’ l-annimali fir-rigward ta’ dijossini u PCBs li jixbhu lid-dijossini (ĠU L32, 4.2.2006, p. 44) għall-għalf; u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 199/2006 tat-3 ta' Frar 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 466/2001 li jistabilixxi livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti ta' l-ikel fir-rigward tad-dijossini u l-PCBs li jixbhu lid-dijossini (ĠU L32, 4.2.2006) għall-ikel. Dawn ta' l-aħħar ssostitwixxa r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tat-19 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-ikel. (ĠU L364, 20.12.2006, p. 5)

[11] Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjon 2006/88/KE tas-6 ta' Frar 2006 dwar it-tnaqqis tal-preżenza tad-dijossini il-furani u l-PCBs fl-oġġetti ta' l-għalf u l-oġġetti ta' l-ikel (ĠU L42, 14.2.2006, p. 26).

[12] ĠU L364, 20.12.2006, p.32. Ir-Regolament li jissostitwixxi d-Direttiva 2002/69/KE tas-26 ta' Ġunju 2002 li tistabbilixxi l-metodi għat-teħid ta' kampjuni u l-metodi ta' l-analiżi għall-kontroll uffiċjali tad-dijossini u d-determinazzjoni ta' PCBs li jixbhu d-dijossini fl-oġġetti ta' l-ikel (ĠU L209, 6.8.2002, p.5).

[13] www.efsa.europa.eu/etc/medialib/efsa/science/contam/contam_opinions/1229.Par.0003.File.dat/contam_op_ej284_ndl-pcb_en1.pdf

Top