EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0316

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill- - Il- Finanzi Pubbliċi fl-EMU - 2007: Niżguraw l-effikaċja tal-parti preventiva tal-PST {SEC(2007) 776}

/* KUMM/2007/0316 finali */

52007DC0316

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill- - Il- Finanzi Pubbliċi fl-EMU - 2007: Niżguraw l-effikaċja tal-parti preventiva tal-PST {SEC(2007) 776} /* KUMM/2007/0316 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 13.6.2007

KUMM(2007) 316 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONILILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-

Il-Finanzi Pubbliċi fl-EMU - 2007:Niżguraw l-effikaċja tal-parti preventiva tal-PST{SEC(2007) 776}

I. INTRODUZZJONI

Is-sorveljanza u koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u finanzjarji ta' l-Istati Membri hija rekwiżit tat-Trattat. Il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST) jiżviluppa d-dispożizzjonijiet tat-Trattat f'serje ta' regoli, prinċipji u proċeduri li huma aċċettati mill-partijiet kollha u li jikkontribwixxu għat-tifsil, sorveljanza u koordinazzjoni tal-politiki finanzjarji ta' l-Istati Membri ta' l-UE. Il-PST jinkludi parti preventiva u parti korrettiva. Il-funzjonament tiegħu jiddependi fuq jekk l-iżbilanċi humiex meqjusa bħala eċċessivi jew le. Fl-ewwel każ, il-proċedura għal żbilanċi eċċessivi tipprevidi miżuri korrettivi, rakkomandazzjonijiet u sanzjonijiet li jkunu ġew definiti minn qabel u kodifikati, u li jservu ta' deterrent. Il-funzjonament fl-ambitu tal-parti preventiva tal-PST, li l-għanijiet tagħha huma li ma jkunx hemm żbilanċi eċċessivi u li tiżgura l-koordinazzjoni fiskali u ekonomika fl-UE, huwa differenti. Il-parti preventiva – għalkemm, għall-parti korrettiva, tiddependi fuq taħlita ta' regoli numeriċi u proċedurali – tiffoka l-aktar fuq l-ippjanar għal perjodu ta' żmien medju, l-appoġġ u pressjoni magħmula mill-Istati l-oħra u l-iskambju ta' l-aħjar prassi. Biex tiffunzjona b'mod effikaċi, teħtieġ li l-partijiet kollha jkunu fehmu l-isfidi tal-politika ekonomika u fiskali fl-UE, u li jkun hemm impenn politiku qawwi biex dawn jiġu indirizzati.

Wieħed mill-għanijiet ċentrali tal-Kummissjoni u tal-Kunsill fir-riforma ta' l-2005 tal-PST kien li ssaħħaħ id-dimensjoni preventiva tal-Patt. Dan intlaħaq bir-rinforzament tal-prinċipji ekonomiċi tar-regoli u bl-għażla ta' politiki li jippermettu l-istabbiltà awtomatika tal-produzzjoni, jiżguraw is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u jtejbulhom il-kwalità u l-effiċjenza. Il-PST rivedut ma għadux jirrikjedi li l-Istat Membri jimmiraw għal qagħda fiskali uniformi viċin il-bilanċ fuq perjodu ta' żmien medju. Bil-kontra, ġew stipulati għanijiet fuq perjodu ta' żmien medju (MTOs) divrenzjati għal kull Stat Membru, b'kunsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-pajjiż ikkonċernat. Ir-riforma tal-PST introduċiet dispożizzjonijiet sabiex tiżgura li l-politiki fiskali jibqgħu simetriċi għat-tul taż-żmien taċ-ċiklu u li l-konsolidazzjoni fiskali tkompli għaddejja fis-snin ta' wara li sseħħ il-korrezzjoni ta' l-iżbilanċi eċċessivi. B'mod partikolari, ir-riforma speċifikat li bħala l-livell ta' riferiment, l-Istati Membri fiż-żona ta' l-ewro jew parteċipanti fl-ERM-II għandhom isegwu aġġustament strutturali annwali ta' 0.5 fil-mija tal-GPD. Finalment, ir-riforma eliminat id-diżinċentivi għat-teħid ta' riformi strutturali u għamlet aktar enfasi fuq id-dejn u sostenibbiltà fit-tul fis-sorveljanza finanzjarja.

Din il-Komunikazzjoni tirrevedi l-iżviluppi finanzjarji reċenti u l-funzjonament tal-qafas fiskali ta' l-UE. Tenfasizza l-implimentazzjoni bla xkiel ta' proċeduri għal żbilanċi eċċessivi ta' dan l-aħħar, iżda tinnota wkoll xi devjazzjonijiet mir-regoli tal-politika tal-parti preventiva tal-PST. Hekk kif ħafna mill-pajjiżi ta' l-UE għandhom kemm irregolaw jew waslu biex jirregolaw l-iżbilanċ eċċessiv tagħhom, l-isfida t'issa pjuttost hija li jaħtfu din l-opportunità li qed joffrulhom il-kundizzjonijiet ċikliċi favorevoli attwali sabiex joqorbu lejn l-MTOs malajr. Għalhekk, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet tal-PST kif rivedut jiġu applikati b'mod effettiv u li xi aspetti tar-riforma tal-PST ta' l-2005 jkomplu jiġu żviluppati.

B'dan il-għan, din il-Komunikazzjoni tfassal proposti konkreti abbażi ta' l-aħjar prassi fil-pajjiżi ta' l-UE. Dawn il-proposti huma totalment konformi ma' l-ispirtu tal-ftehim politiku tar-riforma tal-PST ta' l-2005, u kollha jistgħu jiġu applikati fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni attwali. Dawn il-proposti jipprovaw isaħħu l-kredibbiltà u l-approprjazzjoni nazzjonali tal-miri għal perjidu ta' żmien medju inklużi fil-Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza, u jipproponu li s-sorveljanza tal-politika fiskali għandha titqiegħed f'perspettiva ekonomika usa', b'konformità ma' l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona għall-Impjiegi u t-Tkabbir.

II. L-IżVILUPPI FINANZJARJI REċENTI JINDIKAW LI JEħTIEġ LI JITTIEħDU MIżURI BIEX IKUN żGURAT IL-FUNZJONAMENT EFFETTIV TAL-PARTI PREVENTIVA TAL-PST

It-titjib fil-finanzi pubbliċi jkompli

Fl-2006, il-qagħda finanzjarja fl-UE u fiż-żona ewro kompliet titjieb. Fl-isfond ta' kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli – fl-2006, it-tkabbir reali tal-PGD fl-UE laħaq it-3.0%, li hu ogħla milli kien fl-2005 (1.7%) – l-iżbilanċ pubbliku ta' l-UE tnaqqas minn 2.4% tal-PGD fl-2005 għal 1.7% tal-PGD fl-2006. Kemm fl-UE kif ukoll fiż-żona ewro, il-proporzjon tad-dejn wera l-ewwel tnaqqis mill-2002 'il hawn. Barra minn hekk, it-titjib fil-qagħda finanzjarja ġenerali reġa' wera titjib fis-sena ta' wara permezz ta' tnaqqis sinifikanti fl-iżbilanċ strutturali (0.9 punti perċentwali tal-PGD), jiġifieri fl-iżbilanċ pubbliku nett minn fatturi ċikliċi u minn miżuri ta' darba u temporanji. Skond kalkoli li saru mill-Kummissjoni, l-iżbilanċ strutturali fl-UE ġie mnaqqas minn kważi 3% tal-PGD fl-2004 sa taħt il-1½% tal-PGD fl-2006.

It-tnaqqis fl-iżbilanċ pubbliku fl-2006 seħħ l-aktar bħala konsegwenza ta' xi żviluppi pożittivi sostanzjali u mhux mistennija fid-dħul mit-taxxi. Huwa stmat li ż-żieda akbar milli kienet ippjanata fid-dħul pubbliku tat kontribut għal titjib fil-bilanċ pubbliku b'madwar punt perċentwali tal-PGD meta mqabbla mal-pjanijiet imfassla mill-Istati Membri fl-aġġornamenti tal-Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza (SCPs) li saru fl-aħħar ta' Novembru 2005. Iżda sadanittant, f'għadd ta' pajjiżi ta' l-UE, anke l-infiq pubbliku żdied b'mod aktar imgħaġġel milli kien ippjanat. Dawn l-iżviluppi ħolqu dubju dwar jekk it-titjib li kien qed iseħħ fil-finanzi pubbliċi kienx ta' natura permanenti.

Ma nirrepetux l-iżbalji tal-passat

Id-differenza fil-kompożizzjoni ta' l-aġġustament fiskali meta mqabbla ma kif kien ippjanat tipproponi li f'xi każijiet, id-dħul mit-taxxi mhux mistenni, li jista' jkun ta' natura temporanja, ġie użat, sa ċertu punt, sabiex jiffinanzja żidiet fl-infiq pubbliku. Dan l-iżvilupp jindika r-riskju li qed isseħħ ripetizzjoni ta' żbalji ta' politika li saru fil-passat. Il-konfigurazzjoni attwali ta' tkabbir ekonomiku rapidu u dħul mit-taxxa akbar milli mistenni tixbaħ il-qagħda li kienet teżisti għall-ħabta tas-sena 2000, meta kienu saru żbalji fl-għażla ta' politika. Fis-snin 1999-2001, diversi Stati Membri naqsu milli japprofittaw mill-kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli sabiex jiksbu finanzi pubbliċi sodi. Maż-żmien, meta mbagħad iċ-ċiklu beda fażi inqas favorevoli, dawn l-Istati sabu ruħhom f'qagħda skomda.

Illum jeżisti kunsens bejn l-ekonomisti u dawk li jfasslu l-politika, li l-imġiba fiskali mhux f'lokha li seħħet fi żminijiet ekonomiċi tajbin kienet il-kawża tad-diffikultajiet - li nħassu fl-ewwel nofs ta' dan id-deċennju - fil-ħarsien tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Peress li ħafna mill-pajjiżi ta' l-UE rregolaw (jew waslu biex jirregolaw) l-iżbilanċi eċċessivi tagħhom, huwa essenzjali li jinżamm il-momentum ta' konsolidazzjoni fiskali fix-xejra ta' titjib ekonomiku attwali. L-opportunità li qed joffri dan it-titjib għandha tintuża sabiex il-proporzjon tad-dejn pubbliku fil-pajjiżi ta' l-UE jieħu xejra dejjiema ta' tnaqqis.

Żviluppi reċenti jindikaw li hu meħtieġ funzjonament aħjar tal-parti preventiva

Sena ilu, fil-valutazzjoni bikrija tagħha tar-riforma tal-PST, il-Kummissjoni nnotat li r-riforma kienet tejbet il-funzjonament tal-proċedura għal żbilanċi eċċessivi. L-iżviluppi reċenti kkonfermaw din l-opinjoni. Pajjiżi li kellhom żbilanċi eċċessivi użaw – kif kien jaqbel - l-iskadenzi għall-aġġustament ta' l-żbilanċi eċċessivi kif stabbiliti fl-ambitu tal-PST kif riformat, u għamlu sforzi strutturali sinifikanti sabiex jirregolaw il-qagħda ta' defiċit eċċessiv. Fl-2006, dawn il-pajjiżi tejbu l-bilanċ strutturali pubbliku tagħhom b'medja ta' madwar punt perċentwali tal-PGD. Il-pjanijiet finanzjarji ta' dawn il-pajjiżi huma fil-biċċa l-kbira konsistenti ma' l-għan li jirregolaw l-iżbilanċi eċċessivi fiż-żmien speċifikat mill-Kunsill. Filwaqt li fl-2004 kien hemm sa għaxar pajjiżi li kellhom żbilanċi ta' aktar minn 3% tal-PGD, fl-2008 (skond l-SCPs l-aktar reċenti), l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka biss ser ikunu għadhom f'din il-qagħda.

Madankollu, xorta għad hemm xi dubji dwar il-funzjonament tal-parti preventiva tal-PST. Din l-opinjoni hija bbażata fuq l-esperjenzi tal-passat u t-tbassir għall-futur. Fl-2006, l-isforzi għall-konsolidazzjoni fiskali ta' xi pajjiżi, li għadhom ma kisbux l-għanijiet tagħhom għall-perjodu ta' żmien medju, ma kienux biżżejjed, meta wieħed iqis li bħalissa l-kundizzjonijiet ċikliċi qed jitjiebu. Barra minn hekk, il-pjanijiet fiskali huma kemmxejn diżappuntanti. F'għadd ta' pajjiżi membri taż-żona ewro u ta' l-ERM-II, it-titjib previst fil-bilanċ strutturali għas-sena 2007 u s-snin ta' wara ma jilħaqx il-livell ta' riferiment (0.5% tal-PGD) tal-SGP kif rivedut, li jmur kontra dak li l-Kummissjoni rrakkomandat dan l-aħħar,[1]u minkejja l-kundizzjonijiet ekonomiċi li jiġġustifikaw li t-titjib kellu jmur 'il hinn minn dan il-livell[2] Skond it-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni li sar fir-rebbiegħa ta' l-2007, ibbażat fuq l-ipotesi li ma jkunx hemm tibdil fil-politika, sa l-2008, għaxra biss mis-sebgħa u għoxrin pajjiż ta' l-UE ser ikunu kisbu l-għan tagħhom għal perjodu ta' żmien medju, wara sentejn konsekuttivi ta' tkabbir akbar min-normal.

III. PARTI PREVENTIVA AKTAR EFFETTIVA SABIEX JIġI żGURAT IL-PROGRESS LEJN FINANZI PUBBLIċI SOSTENIBBLI

Il-parti preventiva tal-PST hija bbażata fuq monitoraġġ u sorveljanza regolari tal-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri. Għal dan il-għan, il-pajjiżi ta' l-UE kull sena jissottomettu Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza (SCPs) li fihom jippreżentaw il-previżjonijiet finanzjarji tagħhom għat-tliet jew erba' snin ta' wara. L-Istati Membri li għadhom ma kisbux l-għan finanzjarju tagħhom fuq medda ta' żmien medju (MTO – Medium Term Objective ) jippreżentaw il-proċedura ta' aġġustament għall-ksib ta' dan il-għan fis-SCP tagħhom. Mbagħad, il-Kummissjoni tivvaluta dawn il-programmi u l-Kunsill jagħti Opinjoni għal kull wieħed minnhom.

Kif muri hawn fuq, il-pjanijiet fiskali mfassla mill-Istati Membri fis-SCPs tagħhom mhux dejjem ikunu jaqblu mal-parti preventiva tal-PST, notevolment fl-aġġustamenti annwali. Barra minn hekk, fil-passat, għadd ta' pajjiżi tal-UE sabuha diffiċli biex jilħqu l-miri finanzjarji multiannwali tagħhom. Fil-biċċa l-kbira, dawn id-diffikultajiet kienu nqalgħu minħabba nfiq żejjed rikorrenti[3] It-titjib fir-riżultati miksuba fl-aħħar sentejn fir-rigward ta' lħiq ta' miri finanzjarji huwa dovut l-aktar għaż-żieda mhux mistennija fid-dħul pubbliku.

F'dan l-isfond, din it-taqsima tfassal għadd ta' proposti konkreti sabiex jiġi żgurat funzjonament aħjar tal-parti preventiva tal-PST, abbażi ta' prassi aħjar fil-pajjiżi ta' l-UE. Dawn il-proposti kollha jistgħu jiġu applikati fl-ambitu tal-leġiżlazzjoni attwali u huma totalment konformi ma' l-ispirtu tar-riforma tal-PDT ta' l-2005. Huma artikolati madwar erba' temi ewlenin:

(i) Il-kwistjonijiet dwar il-politika fiskali għandhom jitqiegħdu f'perspettiva ekonomika usa';

(ii) L-approprjazzjoni nazzjonali tal-miri finanzjarji għal tul ta' żmien medju stipulati fil-Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza għandha tiġi mtejba;

(iii) L-affidabilità u l-kredibilità tal-pjanijiet finanzjarji għal tul ta' żmien medju inklużi fis-SCPs għandhom jiġu msaħħa;

(iv) It-tqarrib lejn qagħdiet finanzjarji sostenibbli għal perjodu ta' żmien medju.

Il-kwistjonijiet dwar il-politika fiskali għandhom jitqiegħdu f'perspettiva ekonomika usa'

Il-benefiċji ta' politika fiskali soda jinftehmu aħjar jekk is-sorveljanza fiskali titqiegħed f'perspettiva ekonomika usa', notevolment fil-kuntest ta' l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona għall-Impjiegi u Tkabbir. Dan jeħtieġ li tingħata spjegazzjoni aktar ċara ta' kif il-pjanijiet finanzjarji fuq perjodu ta' żmien medju jikkontribwixxu għall-istabbiltà makrofinanzjarja u ta' kif it-tibdil previst fil-livell u struttura ta' l-infiq u tassazzjoni u f'miżuri oħra ta' politika ekonomika jkun ser jiffissa l-prijoritajiet u inċentivi korretti sabiex iħajru l-innovazzjoni u l-kompetittività u jsaħħu l-investiment privat u l-impjiegi.

Għall-fini ta' l-għan aħħari li fil-pajjiżi ta' l-UE jittrawwem it-tkabbir sostenibbli b'saħħtu li jwassal għall-ħolqien ta' impjiegi, il-valutazzjoni ta' l-iżviluppi fil-politika fiskali fil-kuntest tal-parti preventiva tal-PST tista' tieħu kunsiderazzjoni akbar tal-qagħda makroekonomika ġenerali tal-pajjiż ikkonċernat u tqis il-kwalità u l-kompożizzjoni ta' l-istrateġiji finanzjarji. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għar-riskji marbuta ma' l-iżviluppi li jseħħu fl-iżbilanċi interni u esterni, l-inflazzjoni u l-kompetittività, b'kunsiderazzjoni għall-fatt li jekk pajjiż ikunx membru taż-żona ewro jew le jista' jimplika effetti differenti. Pereżempju, għall-pajjiżi membri taż-żona ewro, ikun meħtieġ fokus akbar fuq aġġustamenti reali tar-rata ta' kambju jew, fil-każ ta' pajjiżi ta' konverġenza, dik il-konsiderazzjoni tista' tingħata lir-rwol tal-politika fiskali sabiex tappoġġja proċess ta' rkupru sostenibbli.

Id-diskussjonijiet dwar il-kwalità u l-effiċjenza ta' l-infiq pubbliku u dwar il-kontribut tagħhom għaż-żieda fit-tkabbir potenzjali għandhom ikunu aktar sistematiċi fil-valutazzjoni tal-pjanijiet finanzjarji għal perjodu ta' żmien medju li jissottomettu l-Istati Membri fis-SCPs tagħhom. L-iskarsezza tar-riżorsi pubbliċi, li tkompli tiżdied minħabba l-ħtieġa ta' nfiq pubbliku kawża ta' popolazzjoni ixjeħ u ta' kompetizzjoni fiskali akbar, tagħmel aktar neċessarju milli fil-passat li r-riżorsi pubbliċi jiġu allokati skond il-prijoritajiet u jintużaw b'mod effiċjenti, b'kunsiderazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li l-Kunsill adotta abbażi tal-linji ta' gwida integrati għall-impjiegi u tkabbir. Jekk jiġi żgurat li s-SCPs u l-valutazzjonijiet tagħhom jenfasizzaw b'mod ċar il-konsegwenzi għal perjodu ta' żmien medju tar-riformi strutturali, li jitolbu tibdil sinifikanti fil-livell u struttura ta' l-infiq pubbliku u tassazzjoni, dan ikun ta' kontribut għall-kisba ta' perċezzjoni aħjar ta' dawk ir-riformi u l-irwol tagħhom fl-ambitu ta' strateġija komprensiva. Għalhekk, is-SCPs għandhom jipprovdu tagħrif sistematiku dwar l-ispejjeż/iffrankar finanzjarju dirett tar-riformi ewlenin previsti fil-programmi nazzjonali ta' riforma.

Proposta Nru 1. Sabiex jinkisbu qagħdiet finanzjarji sostenibbli malajr ħafna u filwaqt li jittejjeb il-kontribut tal-politiki finanzjarji għat-tkabbir u żvilupp, kemm fis-SCPs kif ukoll fl-evalwazzjoni tagħhom mill-Kummissjoni, tista' tiġi msaħħa l-enfasi fuq il-kwalità u effiċjenza tal-finanzi pubbliċi. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu indikazzjonijiet aktar ċari dwar l-intenzjonijiet tal-politika tagħhom fir-rigward ta' tibdil fl-istruttura u/jew effiċjenza ta' l-infiq pubbliku u tassazzjoni u l-benefiċji mistennija f'termini ta' tkabbir u impjiegi. Dawn l-indikazzjonijiet jistgħu jenfasizzaw ir-rabtiet mal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma fl-ambitu ta' l-Istrateġija ta' Liżbona. Sabiex jippermettu l-iskambju ta' l-aħjar prassi, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll tagħrif dwar riformi ta' istituzzjonijiet finanzjarji li jkollhom l-għan li jtejbu l-kwalità u l-effiċjenza tal-finanzi pubbliċi – pereżempju l-introduzzjoni ta' tekniki finanzjarji abbażi tar-rendiment jew regoli fiskali li jiffavorixxu r-riallokazzjoni ta' l-infiq lejn prijoritajiet differenti.

Proposta Nru 2. Fil-valutazzjoni tal-politiki fiskali nazzjonali, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jagħtu kunsiderazzjoni akbar għall-qagħda makroekonomika ġenerali tal-pajjiż ikkonċernat. L-iżviluppi fi żbilanċi esterni, l-inflazzjoni u l-kompetittività għandhom jingħataw attenzjoni partikolari. L-għan għandu jkun li, fiż-żona ewro, jiġi żgurat funzjonament bla xkiel u aġġustament intern u li jkun hemm appoġġ għal proċess ta' rkupru sostenibbli fil-pajjiżi ta' konverġenza. Valutazzjoni ekonomika usa' għandha tiffaċilita evalwazzjoni aktar komprensiva ta' jekk l-ekonomija tkunx għaddejja minn "żminijiet tajbin" ta' l-implikazzjonijiet għall-imġiba tal-politika fiskali.

L-approprjazzjoni nazzjonali tal-miri finanzjarji għal perjodu ta' żmien medju stipulati fil-Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza għandha tiġi mtejba

Ir-riforma tal-PST ta' l-2005 għeniet ħafna biex titjieb l-approprjazzjoni nazzjonali tar-regoli fiskali ta' l-UE. It-tisħiħ tal-prinċipji ekonomiċi tar-regoli u l-introduzzjoni ta' għanijiet finanzjarji għal perjodu ta' żmien medju speċifiċi għall-pajjiż kienu passi importanti f'din id-direzzjoni.

Fil-kuntest tar-riforma tal-PST ta' l-2005, il-Kunsill stieden ukoll lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri biex jippreżentaw is-SCPs u l-opinjonijiet tal-Kunsill dwarhom, lill-parlamenti nazzjonali tagħhom. Fl-aħħar sentejn, ftit sar progress f'din il-kwistjoni. Skond stħarriġ reċenti li sar mill-Kummissjoni, fil-livell nazzjonali ma hemmx impenn politiku biżżejjed biex jintlaħqu l-miri finanzjarji għal perjodu ta' żmien medju kif stipulati fis-SCPs. Is-SCP huwa soġġett għall-vot parlamentari, jew huwa riżultat ta' xi dokument li jkun ħareġ mill-parlament nazzjonali, fi ftit biss mill-pajjiżi ta' l-UE. Barra minn hekk, filwaqt li s-SCPs jippreżentaw stimi finanzjarji għall-gvern ġenerali sħiħ, f'xi każijiet, qabel ma jsir l-iffissar tal-miri, ftit jew xejn ikun hemm koordinazzjoni ex-ante bejn id-diversi livelli ta' amministrazzjoni.

B'konsegwenza, fil-pajjiżi ta' l-UE, x'aktarx li r-rabta bejn il-pjanijiet finanzjarji multiannwali stipulati fis-SCPs u t-tħejjija tal-baġits annwali għas-snin ta' wara tkun relattivament dgħajfa. F'għadd ta' każijiet, l-istimi finanzjarji inklużi fis-SCPs huma indikattivi biss u qajla jiġu kkunsidrati fit-tħejjija ta' baġits annwali sussegwenti. Dan iwassal għall-ħtieġa ta' reviżjonijiet kbar biex tkun żgurata l-konsistenza bejn il-pjanijiet finanzjarji stipulati fis-SCPs u l-għanijiet stipulati fil-baġits annwali sussegwenti. Ġeneralment, il-qagħda attwali timplika li hemm differenza sinifikanti bejn dak li jkun mixtieq u r-realtà tat-tħejjija u status tas-SCPs fl-Istati Membri.

Għall-Istati Membri taż-żona ewro, it-tħejjija ta' dokument pubbliku komuni li jiġbor fil-qosor il-pjanijiet fiskali multiannwali sottomessi mill-Istati Membri taż-żona ewro kollha, jista' jkun ta' siwi għall-approprjazzjoni nazzjonali tal-koordinazzjoni tal-politika fiskali fl-ambitu tal-parti preventiva tal-PST. Dan il- Programm ta' Stabbiltà għaż-żona ewro għandu jenfasizza l-kontribut ta' kull Stat Membru għat-taħlita ta' politika taż-żona ewro. Il-Ministri ta' l-Eurogroup jistgħu jiddiskutu dan il-programm fi stadju bikri ta' l-eżerċizzju ta' sorveljanza, abbażi ta' evalwazzjoni mill-Kummissjoni, u b'hekk ikunu qed isaħħu l-istħarriġ tal-Programmi ta' Stabbiltà ta' l-Istati Membri taż-żona ewro.

Proposta Nru 3. L-Istati Membri għandhom jibbenifikaw (fir-rigward taż-żamma tagħhom mal-pjanijiet finanzjarji għal perjodu ta' żmien medju) jekk huma jiżguraw impenn aktar qawwi ta' l-entitajiet nazzjonali kollha involuti fl-amministrazzjoni tal-politika fiskali biex iħaddmu politiki li jkunu konsistenti mal-miri finanzjarji għal perjodu ta' żmien medju stipulati fis-SCPs. Għal dan il-għan, kif miftiehem fil-kuntest tar-riforma tal-PST ta' l-2005, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw il-parteċipazzjoni akbar tal- parlamenti nazzjonali fit-tħejjija tas-SCPs u fis-segwiment ta' l-Opinjonijiet tal-Kunsill. Preferibbilment, il-miri finanzjarji multiannwali għandhom jiġu stipulati wara koordinazzjoni xierqa bejn id-diversi livelli ta' amministrazzjoni.

Proposta Nru 4. Sabiex jiġu msaħħa l-approprjazzjoni nazzjonali tal-miri finanzjarji għal perjodi ta' żmien medju kif imfassla fis-SCPs u l-konsistenza bejn is-SCPs u l-baġits annwali sussegwenti, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li ma' l-oqfsa finanzjarji domestiċi tagħhom iżidu regoli fiskali multiannwali nazzjonali li jkunu konsistenti mal-miri tas-SCPs. Dan jista' jsir abbażi ta' l-esperjenzi pożittivi ta' xi Stati Membri, li fihom, l-oqfsa ta' nfiq multiannwali bbażati fuq ir-regoli jiżguraw żamma mill-qrib mal-pjanijiet finanzjarji għal żmien medju – notevolment mill-lat ta' nfiq – u konsistenza bejn dawn il-pjanijiet u l-baġits annwali sussegwenti .

L-affidabilità u l-kredibilità tal-pjanijiet finanzjarji għal-perjodu ta' żmien medju għandhom jiġu msaħħa

L-għan ewlieni tas-SCPs huwa li jrawwem koordinazzjoni tajba ta' politiki fiskali fl-UE, f'perspettiva multiannwali. F'xi Stati Membri ta' l-UE, is-SCPs jintużaw internament ukoll sabiex jestendu l-limitu ta' żmien għat-tħaddim tal-politika fiskali lil hinn miċ-ċiklu finanzjarju annwali. Jekk jibqa' jkun hemm devjazzjonijiet rikorrenti mill-pjanijiet finanzjarji għal perjodu ta' żmien medju, kif ġara fil-passat, il-kredibilità ta' l-istimi tista' tiddgħajjef tant li dawn ma jsiru jfissru xejn.

Qasam li jeħtieġ attenzjoni partikolari huwa t-tħejjija ta' tbassir makroekonomiku li jintuża għall-istimi finanzjarji, li min-naħa tagħhom jiddeterminaw l-ammont ta' riżorsi disponibbli f'perjodu ta' żmien medju għall-finanzjament tal-politiki. Fil-passat, l-istimi finanzjarji għal perjodu ta' żmien medju kultant kienu bbażati fuq tbassir makroekonomiku ottimist iż-żejjed, notevolment meta l-ekonomija kienet qed tikber. Madankollu, minn meta saret ir-riforma tal-PST, it-tendenza li fiż-żmien ta' tkabbir fl-ekonomija jsir tbassir li t-tkabbir fuq perjodu ta' żmien medju ser jiżdied, jidher li naqset sew. L-Istati Membri għandhom ikomplu jibbażaw l-istimi finanzjarji tagħhom fuq ipotesi realistiċi. Jistgħu jikkunsidraw ukoll l-użu ta' l-hekk imsejħa fatturi għaqlin bħal riservi finanzjarji ta' kontinġenza li jistgħu jintużaw f'kundizzjonijiet speċifiċi biss.

Titjib ieħor possibbli huwa aktar trasparenza dwar in-natura u d-daqs ta' l-isfidi fiskali li joħorġu mill-miri finanzjarji inklużi fis-SCPs. Notevolment, l-Istati Membri jistgħu jagħtu indikazzjonijiet aktar ċari – fis-SCPs – dwar jekk il-proċess previst għall-aggregati finanzjarji ewlenin ikunx jista' jsir mingħajr bdil fil-politika. Notevolment, jista' jiġi speċifikat ix-xenarju bażi ta' "l-istess politika". Il-PST, inkluż il- Kodiċi ta' Mġiba dwar il-Kontenut u Format tas-SCPs li jigwida lill-Istati Membri fit-tħejjija tas-SCPs, diġà jispeċifika li l-programmi għandhom jiddeskrivu l-miżuri finanzjarji u miżuri oħra ta' politika ekonomika li jkunu ser jittieħdu jew li huma proposti għall-kisba ta' l-għanijiet finanzjarji[4] Iżda fil-prattika, it-tagħrif dwar il-miżuri korrettivi previsti li ingħata fis-SCPs huwa relattivament ftit.

Proposta Nru 5. Sabiex jitjiebu l-affidibiltà u l-kredibilità tal-miri finanzjarji tagħhom għal perjodu ta' żmien medju, l-Istati Membri – fis-SCPs tagħhom - jistgħu jiċċaraw jekk il-miri finanzjarji għall-perjodu ta' żmien medju jistgħux jintlaħqu mingħajr tibdil fil-politika, jew jekk ikunux jeħtieġu l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' politika ġodda. Fil-kaz li jkunu meħtieġa miżuri ta' politika ġodda, importanti li s-SCPs jispeċifikaw id-differenza bejn il-miri finanzjarji ewlenin (il-bilanċ pubbliku, l-infiq pubbliku) u l-iżviluppi tal-finanzi pubbliċi mingħajr tibdil fil-politika, u jipprovdu deskrizzjoni kemm jista' jkun dettaljata tal-miżuri previsti biex titnaqqas id-differenza bejn ix-xejriet finanzjarji u l-għanijiet.

It-tqarrib lejn qagħdiet finanzjarji sostenibbli għal perjodu ta' żmien medju

L-għan ewlieni tal-politika fiskali fil-pajjiżi ta' l-UE huwa li dawn joqorbu lejn qagħda ekonomika li tkun konsistenti mas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ta' l-UE, l-isfida tas-sostenibbiltà titlob għal strateġija wiesgħa li tkun tinkludi konsolidazzjoni fiskali diskrezzjonali kif ukoll riformi strutturali. F'xi Stati Membri, jkun meħtieġ li jsiru għażliet importanti dwar liema aspetti ta' sostenibbiltà għandhom ikunu indirizzati permezz ta' konsolidazzjoni għal perjodu ta' żmien medju u liema aspetti għandhom ikunu indirizzati permezz ta' riformi fis-swieq tax-xogħol, pensjonijiet u sistemi tas-saħħa. L-għanijiet finanzjarji għal perjodu ta' żmien medju għandhom ikunu ambizzjużi biżżejjed sabiex jindirizzaw parti sinifikanti ta' l-isfida ta' sostenibbiltà.

It-tqarrib malajr lejn qagħdiet finanzjarji sodi jeħtieġ ukoll l-għarfien aħjar tal-kawżi tad-devjazzjonijiet - li seħħew fil-passat – mill-pjanijiet finanzjarji għal perjodu ta' żmien medju, sabiex fil-futur, dawn il-kawżi jiġu evitati. Għandu jsir enfasi akbar fuq il-monitoraġġ ta' pjanijiet finanzjarji tal-passat, fil-kuntest tal-valutazzjonijiet tas-SCPs mill-Kummissjoni u l-Kunsill. Meta wieħed iqis li s-soltu, l-Istati Membri jippjanaw il-konsolidazzjonijiet fiskali tagħhom abbażi ta' l-infiq u li d-devjazzjonijiet mill-pjanijiet għal perjodu ta' żmien medju jirriżultaw l-aktar minn infiq żejjed, it-tisħiħ tal-minitoraġġ għandu jagħmel enfasi speċifika fuq l-iżviluppi ta' l-infiq[5]

Għall-pajjiżi taż-żona ewro, il-konsistenza bejn il-miri finanzjarji għal perjodu ta' żmien medju li jkunu ġew iffissati minn qabel u l-baġits annwali, tista' tiġi immonitorjata fil-kuntest tar-Reviżjoni li ssir f'nofs il-mandat tal-Politiki Fiskali. Din ir-reviżjoni tikkonsisti f'diskussjoni annwali, li ssir fir-rebbiegħa, dwar politiki fiskali għas-sena ta' wara, li tipprova tiżgura li jkun hemm koordinazzjoni tajba tal-politiki fiskali nazzjonali fiż-żona ewro u li tipprovdi appoġġ bejn l-Istati għal politiki fiskali sodi fil-livell nazzjonali. Dan l-aħħar, l-Eurogroup iddeċieda li jibdel dan l-eżerċizzju f'dibattitu reali dwar il-politika strateġika, li jinżamm ftit qabel jittieħdu d-deċiżjonijiet kruċjali dwar il-pjanijiet finanzjarji għas-sena ta' wara fl-Istati Membri[6]

Proposta Nru 6. Kif miftiehem fil-kuntest tar-riforma tal-PST, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi biex ikomplu jiżviluppaw ir-rabtiet bejn il-politiki fiskali għal perjodu ta' żmien medju u d-dinamika finanzjarja għal perjodu ta' żmien twil. L-għanijiet finanzjarji għal perjodu medju (MTOs) speċifiċi għall-pajjiż għandhom jikkunsidraw aħjar l-isfidi ta' sostenibbiltà. L-iskop huwa li fejn ikun meħtieġ jiġu identifikati MTOs speċifiċi għall-pajjiż li jkunu aktar ambizzjużi u li jgħinu lill-Istati Membri sabiex itejbu s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi sostenzjalment.

Proposta Nru 7. Waqt il-valutazzjoni tas-SCPs, il-Kummissjoni għandha ssaħħaħ l-analiżi tagħha tar-riżultati miksuba fil-passat fir-rigward ta' lħiq ta' miri finanzjarji tas-SCPs ta' qabel, b'attenzjoni għall-iżviluppi fl-infiq pubbliku. Għall-pajjiżi taż-żona ewro, il-konsistenza bejn il-miri finanzjarji għal perjodu ta' żmien medju li jkunu ġew iffissati minn qabel - notevolment, il-miri ta' nfiq pubbliku - u l-baġits annwali, għandha tiġi immonitorjata wkoll bħala parti mir-Reviżjoni li ssir f'nofs il-mandat tal-Politiki Fiskali.

IV. KONKLUżJONI

Din il-Komunikazzjoni tirrevedi l-iżviluppi finanzjarji reċenti u l-funzjonament tal-qafas fiskali ta' l-UE. Hija tenfasizza t-titjib li qed isieħħ fil-qagħda finanzjarja u l-implimentazzjoni bla xkiel ta' proċeduri għal żbilanċi eċċessivi. Madankollu, il-Komunikazzjoni tindika wkoll it-tħassib tal-Kummissjoni fir-rigward ta l-implimentazzjoni tal-parti preventiva tal-PST. Dan it-tħassib huwa marbut l-aktar man-nuqqas ta' sforzi għall-konsolidazzjoni fiskali minn Stati Membri li għadhom ma laħqux l-MTOs tagħhom anke f'ambjent ta' kundizzjonijiet ċikliċi favorevoli. F'xi Stati Membri, iż-żieda mhux mistennija mid-dħul ta' taxxi tintuża parzjalment biex tagħmel tajjeb għal żidiet fl-infiq pubbliku. Dawn l-iżviluppi joħolqu dubji dwar jekk il-konsolidazzjoni fiskali li qed isseħħ bħalissa hix ta' natura permanenti.

F'dan l-isfond, u f'kuntest fejn il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ta' l-UE għandhom kemm irregolaw jew waslu biex jirregolaw l-iżbilanċi eċċessivi tagħhom, l-isfida hija li l-kundizzjonijiet ċikliċi favorevoli attwali jintużaw sabiex dawn l-Istati Membri joqorbu sew lejn l-MTOs.

Bil-ħsieb li l-effikaċja tal-parti preventiva tal-PST tiġi msaħħa, din il-Komunikazzjoni tfassal proposti konkreti għal dan il-għan, abbażi tar-riforma tal-PST ta' l-2005. Dawn il-proposti ser jiġu diskussi ma' l-Istati Membri fix-xhur li ġejjin. Huma jittrattaw mal-mod kif il-gvernijiet ifasslu u jimplimentaw l-istrateġiji finanzjarji tagħhom għal perjodu ta' żmien medju, u l-mod kif is-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politiki finanzjarji u ekonomiċi għandhom jiġu msaħħa fil-livell ta' l-UE sabiex jingħata appoġġ għall-kisba ta' politiki finanzjarji sostenibbli li jikkontribwixxu għal aktar tkabbir u impjiegi. L-esperjenzi reċenti ta' pajjiżi u x-xogħol empiriku wrew li l-implimentazzjoni ta' dawn il-proposti għandha tappoġġja b'mod effikaċi lill-isforzi ta' l-Istati Membri biex huma joqorbu aktar lejn qagħda fiskali sostenibbli filwaqt li jiġġeneraw aktar tkabbir u impjiegi.

[1] Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill speċifika għall-pajjiż ta' Marzu 2007 dwar Linji ta' Gwida Integrati għall-Impjiegi u t-Tkabbir indirizzata lill-Istati Membri taż-żona ewro: "l-Istati Membri taż-żona ewro qed jiġu rrakkomandati sabiex jużaw il-kundizzjonijiet ċikliċi favorevoli sabiex jipprovaw jiksbu konsolidazzjoni finanzjarja għall-għanijiet tagħhom għal perjodu ta' żmien medju b'konformità mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u b'hekk jipprovaw jiksbu aġġustament strutturali annwali ta' mill-anqas 0.5% tal-PGD bħala livell ta' riferiment."

[2] Il-PST, kif rivedut, jispeċifika li l-Istati Membri fiż-żona ewro u parteċipanti fl-ERM-II li għadhom ma kisbux l-MTOs tagħhom għandhom isegwu aġġustament annwali fil-bilanċ strutturali tagħhom ta' 0.5% tal-PGD bħala livel ta' riferiment. Fi żminijiet tajbin, l-isforz ta' aġġustament għandu jkun ogħla; fi żminijiet ħżiena, jista' jkun inqas.

[3] Għal analiżi dettaljata tal-kawżi tad-diffikultajiet sabiex jintlaħqu l-miri finanzjarji, ara l-edizjoni ta' l-2007 tar-rapport tal-Kummissjoni dwar il-"Finanzji Pubbliċi fl-EMU".

[4] Ara d-dokument "Speċifikazzjonijiet dwar l-Implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir Ekonomiku u l-Linji ta' Gwida dwar il-format u l-kontenut ta' Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza", approvat mill-Kunsill ECOFIN f'Settembru 2005.

[5] Ara r-rapport tal-Kummissjoni "Il-Finanzi Pubbliċi fl-EMU – fl-2007" għal analiżi dettalljata tal-kawżi tad-diffikultajiet sabiex jintlaħqu l-miri finanzjarji stipulati fis-SCPs.

[6] Fil-prattika, l-Istati Membri jipprovdu lil sħabhom u lill-Kummissjoni bit-tagħrif dwar l-intenzjonijiet tal-politika fiskali għas sena ta' wara. Abbażi ta' dan, issir diskussjoni li tivvaluta dawn l-intenzjonijiet, kemm għall-pajjiż ikkonċernat kif ukoll mill-perspettiva globali taż-żona ewro.

Top