EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007DC0248

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u lill-Kumitat tar-reġjuni - Dwar l-emigrazzjoni ċirkolari u l-partenarjati ta' mobbiltà bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi

/* KUMM/2007/0248 finali */

52007DC0248

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat ekonomiku u soċjali ewropew u lill-Kumitat tar-reġjuni - Dwar l-emigrazzjoni ċirkolari u l-partenarjati ta' mobbiltà bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi /* KUMM/2007/0248 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 16.5.2007

KUMM(2007) 248 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Dwar l-emigrazzjoni ċirkolari u l-partenarjati ta' mobbiltà bejnl-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Dwar l-emigrazzjoni ċirkolari u l-partenarjati ta' mobbiltà bejnl-Unjoni Ewropea u pajjiżi terzi

I. Introduzzjoni

Il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet adottati f'Diċembru ta' l-2006, iddikjara li "Filwaqt li jiġu rrispettati l-kompetenzi ta' l-Istati Membri f'dan il-qasam, ser tingħata kunsiderazzjoni dwar kif opportunitajiet ta' emigrazzjoni legali jistgħu jiġu inkorporati fl-oqsma ta' politika esterna ta' l-Unjoni sabiex jiġi żviluppat parternarjat ibbilanċjat ma' pajjiżi terzi adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi li għandhom l-Istati Membri ta' l-UE fis-suq tax-xogħol; ser jiġu esplorati l-mezzi għall-iffaċilitar ta' l-emigrazzjoni ċirkolari u temporanja; il-Kummissjoni hija mistidena sabiex tressaq proposti ddetaljati dwar kif l-aħjar torganizza u tinforma dwar id-diversi suriet ta' moviment legali bejn l-UE u pajjiżi terzi sa Ġunju ta' l-2007."

L-għan ta' din il-Komunikazzjoni hu li twieġeb għal din it-talba. Imsejsa fuq il-politika eżistenti u l-qafas ta' kooperazzjoni, din tfittex li tidentifika strateġiji ġodda għat-titjib tal-ġestjoni tal-movimenti legali tal-persuni bejn l-UE u pajjiżi terzi filwaqt li lesta biex tagħmel sforzi sinifikanti fil-ġlieda kontra l-emigrazzjoni illegali. Barra minn hekk, tistħarreġ modi ġodda għall-iffaċilitar ta' l-emigrazzjoni, li ser jgħinu lill-Istati Membri ta' l-UE jindirizzaw il-ħtiġijiet tagħhom ta' xogħol filwaqt li tutilizza l-impatti pożittivi potenzjali ta' l-emigrazzjoni fuq l-iżvilupp u twieġeb għall-ħtiġijiet tal-pajjiżi ta' l-oriġini f'termini ta' trasferimenti ta' kapaċitajiet u ta' mitigazzjoni ta' l-impatt tal- "brain drain" .

Tibni fuq inizjattivi preċedenti tal-Kummissjoni, partikolarment il-Komunikazzjoni dwar l-Emigrazzjoni u l-Iżvilupp[1] u l-Pjan Politiku dwar l-emigrazzjoni legali[2], barra mill-isforzi mġedda għall-ġlieda ta' l-immigrazzjoni illegali[3], partikolarment permezz ta' azzjoni msaħħa kontra l-impjiegi illegali u speċjalment kontra min jimpjega ħaddiema li jkunu emigranti illegali. Għandha l-għan ukoll li tespandi u tagħti sostanza operattiva lis-Strateġija Globali ta' l-UE dwar l-emigrazzjoni, kif enfasizzat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2005 u Diċembru 2006 u fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar 'l-Istrateġija Globali dwar l-emigrazzjoni sena wara'[4] u dwar "L-Applikazzjoni ta' l-Istrateġija Globali dwar l-emigrazzjoni fuq ir-reġjuni tal-Lvant u tax-Xlokk ġirien ta' l-Unjoni Ewropea"[5].

II. L-iżvilupp ta' partenarjati ta' mobbiltà

Il-proposti għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta' moviment legali ta' persuni bejn l-UE u pajjiżi terzi għandhom ovvjament ikunu msejsa fuq il-qafas eżistenti għall-moviment legali tal-persuni lejn l-UE, li tinsab imfissra fil-qosor fl-Anness I.

Il-Komunikazzjoni dwar 'l-Istrateġija Globali dwar l-emigrazzjoni sena wara' ddikjarat partikolament li "ladarba ntlaħqu ċerti kundizzjonijiet, bħall-kooperazzjoni dwar l-emigrazzjoni illegali u l-mekkaniżmi effettivi għad-dħul mill-ġdid, l-għan jista' jkun li jintlaħaq ftehim dwar pakketti ta' mobbiltà ma' għadd ta' pajjiżi terzi interessati li jippermettu liċ-ċittadini tagħhom aċċess aħjar lejn l-UE. Teżisti l-ħtieġa ċara sabiex id-diversi suriet ta' moviment legali bejn l-UE u pajjiżi terzi jiġu organizzati aħjar. Il-pakketti ta' mobbiltà jipprovdu l-qafas ġenerali għall-ġestjoni ta' dawn il-movimenti u jqarrbu l-possibbiltajiet mogġtija mill-Istati Membri u l-Komunità Ewropea, filwaqt li jirrispettaw b'mod sħiħ it-tqassim tal-kompetenzi kif previst fit-Trattat'.

Għalhekk l-UE teħtieġ tara kif dawn il-pakketti – li skond il-Kummissjoni għandhom jissejħu "partenarjati ta' mobbiltà" – jistgħu jitħejjew u, flimkien ma' l-Istati Membri interessati, jiġu nnegozjati mill-EC mal-pajjiżi terzi li jimpenjaw ruħhom li jikkoperaw b'mod attiv ma' l-UE dwar il-flussi ta' emigrazzjoni, inkluża l-ġlieda kontra l-emigrazzjoni illegali, u li huma interessati li jiżguraw aċċess aħjar għat-territorju ta' l-UE liċ-ċittadini tagħhom.

Dan il-kapitolu jittratta kemm in-natura legali u s-sura tal-partenarjati ta' mobbiltà kif ukoll il-kontenuti possibbi tagħhom.

A. In-natura legali u s-sura tal-partenarjati ta' mobbilità

Il-partenarjati ta' mobbiltà ser neċessarjament ikollhom natura legali kumplessa, billi jinvolvu sensiela ta' komponenti, li xi wħud minnhom jaqgħu taħt kompetenza tal-Kummissjoni filwaqt li oħrajn taħt il-kompetenza ta' l-Istati Membri.. L-UE teħtieġ tiżgura li jkun jista' jitħejja partenarjat koerenti b'mod mgħaġġel, filwaqt li tiġi rrispettata d-diviżjoni tas-setgħat bejn il-KE u l-Istati Membri u li tiġi żgurata l-konsistenza mal-qafas legali u politiku eżistenti għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi kkonċernati, mal-Komunità u ma' l-Istati Membri rilevanti.

L-innegozjar ta' kwalunkwe partenarjat jkun jeħtieġ li jiġi msejjes fuq linji gwida politiċi ċari mill-Kunsill, abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, kull partenarjat ta' mobbiltà għandu jipprevedi mekkaniżmu ta' segwitu, bl-ikbar użu possibbli ta' l-oqfsa eżistenti għad-djalogu bejn l-awtoritajiet tal-pajjiż in kwistjoni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri interessati (eż. is-sottokumitati tematiċi jew il-gruppi ta' ħidma stabbiliti skond il-ftehimiet rilevanti). L-implimentazzjoni tal-partenarjati ta' mobbiltà jistgħu, fejn xieraq, jiġu appoġġjati mit-Timijiet ta' Appoġġ dwar l-Emigrazzjoni (MISTs)[6].

B. Il-kontenuti tal-partenarjati ta' mobbiltà

Il-partenarjati ta' mobbiltà ser jenħtieġu jikkunisdraw l-istat attwali tar-relazzjonijiet ta' l-UE mal-pajjiżi terzi kkonċernati kif ukoll l-istrateġija ġenerali lejhom fir-relazzjonijiet esterni ta' l-UE. Dawn jitħejjew skond l-ispeċifiċitajiet ta' kull pajjiż terz rilevanti, skond l-ambizzjonijiet tal-pajjiż ikkonċernat u ta' l-UE, u skond il-livell ta' l-impenji li l-pajjiż terz ikun lest li jidħol għalihom f'termini ta' azzjoni kontra l-emigrazzjoni illegali u l-iffaċilitar ta' l-integrazzjoni mill-ġdid ta' min jirritorna lura, inkluż sforzi sabiex dawn ta' l-aħħar jingħataw opportunitajiet ta' xogħol. L-istruttura preċiża tal-partenarjati ta' mobbiltà għandha tkun informata minn profili ta' emigrazzjoni, fejn dawn ikunu disponibbli. Huwa impossibbli li jiġu elenkati l-komponenti kollha possibbli ta' partenarjati ta' mobbilità hawnhekk, billi dan ser jiddpendi fuq is-sitwazzjoni speċifika. Barra minn hekk, id-dimensjonijiet li l-Istati Membri interessati jkunu jridu jressqu dwar il-partenarjati ta' mobbiltà jkunu influwenzati mill-oqfsa legali tagħhom stess (partikolarment dwar id-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi) u minn restrizzjonijiet politiċi u prijoritarji. Madankollu, partenarjat ta' mobbiltà tipiku jista' jinkludi xi komponenti, jew il-komponenti kollha, imsemmija f'din it-taqsima, li l-ewwel tittratta l-impenji mistennija mill-pajjiżi terzi kkonċernati u wara l-impenji li għandhom jingħataw mill-KE u mill-Istati Membri parteċipanti:

(1) L-impenji mistennija mill-pajjiżi terżi kkonċernati.

L-impenji mistennija mill-pajjiżi terzi kkonċernati għall-ġlieda kontra l-emigrazzjoni illegali tvarja minn każ għal ieħor, skond, inter alia, il-qafas legali fis-seħħ, imma tista' tinkludi, per eżempju:

- Impenn sabiex effettivament jingħata aċċess mill-ġdid liċ-ċittadini tagħhom stess u għall-kooperazzjoni sabiex jiġu identifikati bis-sħiħ;

- Impenn addizzjonali għad-dħul mill-ġdid, taħt ċirkostanzi ddefiniti b'mod ċar, ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr pajjiż li jaslu fl-UE mit-territorju tal-pajjiż ikkonċernat, fejn xieraq fil-qafas ta' ftehim tal-KE dwar id-dħul mill-ġdid.

- Ininzjattivi li jiskoraġixxu l-emigrazzjoni illegali permezz ta' kampanji ta' informazzjoni mmirati;

- Sforzi għal titjib fil-kontroll tal-fruntieri u/jew il-ġestjoni, appoġġjata kif xieraq minn kooperazzjoni operattiva ma' l-Istati Membri u/jew FRONTEX;

- Sforzi għal titjib fis-sigurtà tad-dokumenti ta' l-ivvjaġġar kontra l-frodi jew l-iffalsifikar, fejn xieraq permezz ta' bijometriċi, u, fejn rilevanti, is-sigurtà tad-dokumenti użati bħala bażi għall-ħruġ tagħhom (eż. dokumenti nazzjonali ta' l-identifikazzjoni);

- Impenn favur il-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni ma' l-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri ta' l-UE bil-għan li tittejjeb il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' ġestjoni tal-fruntieri u b'hekk jittnaqqsu r-riskji tas-sigurtà marbuta ma' movimenti internazzjonali tal-persuni;

- Miżuri u inizjattivi speċifiċi għall-ġlieda serja kontra t-traffikar ta' l-emigranti u t-traffikar tal-bnedmin, skond il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa kontra t-Traffikar tal-Bnedmin, il-Protokolli rilevanti mal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-kriminalità transkonfinali organizzata u/jew oqfsa reġjonali rilevanti bħall-pjan ta' Azzjoni ta' Ouagadougou bejn l-Afrika u l-UE dwar il-ġlieda kontra t-traffikar ta' bnedmin.

- Impenji għall-promozzjoni ta' impjegar produttiv u xogħol deċenti, u b'mod iktar ġenerali għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-qafas ekonomiku u soċjali, għandhom isiru minn naħa tal-pajjiżi terzi kkonċernati billi dawn jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis ta' l-inċentivi ta' l-emigrazzjoni illegali.

Dawn it-tip ta' miżuri għandhom jiġu implimentati b'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali tal-persuni in kwistjoni, inklużi d-drittijiet speċifiċi ta' persuni li jistgħu jeħtieġu ħarsien internazzjonali. Il-pajjiżi terzi jistgħu jgawdu minn għajnuna finanzjarja u/jew teknika speċifika mogħtija mill-KE u/jew mill-Istati Membri parteċipanti, per eżempju għall-iffaċilitar ta' l-integrazzjoni mill-ġdid kemm ekonomika kif ukoll soċjali ta' l-emigranti li jirritornaw.

(2) L-impenji minn naħa tal-KE u ta' l-Istati Membri parteċipanti

Hawnhekk ukoll l-impenji speċifiċi jiddependu miċ-ċirkostanzi, iżda jinkludu wkoll, per eżempju, xi komponenti, jew il-komponenti kollha, li ġejjin:

(a) Opportunitajiet imtejba għall-emigrazzjoni legali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi

Il-partenarjati ta' mobbiltà jiffaċilitaw l-emigrazzjoni taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi lejn l-Istati Membri ta' l-UE interessati. Ikunu jkopru esklussivament l-emigrazzjoni ekonomika jew jestendu għal suriet oħra ta' emigrazzjoni legali, bħall-emigrazzjoni għal studji jew suriet oħra ta' taħriġ. Il-mekkaniżmi għall-iffaċilitar ta' l-immigrazzjoni ekonomika għandha tkun imsejsa fuq il-ħtiġijiet ta' l-Istati Membri interessati, kif ivvalutat minnhom, fir-rispett sħiħ tal-prinċipju tal-preferenza Komunitarja għaċ-ċittadini ta' l-UE. Dan jinkludi partikolarment id-dispożizzjonijiet ta' l-Atti ta' l-Adeżjoni ta' l-2003 u l-2005 li jimponu l-obbligu fuq l-Istati Membri li japplikaw miżuri transkonfinali dwar il-moviment ħieles tal-ħaddiema sabiex jagħtu preferenza liċ-ċittadini ta' l-UE kkonċernati fuq iċ-ċittadini ta pajjiżi terzi. Għalhekk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-partenarjati ta' mobbiltà għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva ta' dan il-prinċipju. Barra minn hekk, għandhom jiġu kkunsidrati l-ftehimiet internazzjonali, attwali jew ġejjiena, bejn l-UE u l-pajjiż terz in kwistjoni, li jiffaċilitaw il-moviment temporanju ta' persuni naturali meta dan ikun marbut ma' kummerċ f'servizzi jew f'investiment.

Soġġetti għal dawn ir-restrizzjonijiet, l-apsetti preferenzjali ta' partenarjati ta' mobbiltà dwar l-emigrazzjoni legali jistgħu jieħdu żewġ suriet ewlenin.

- Il-partenarjati ta' mobbiltà jistgħu jinkludu offerta kkonsolidata minn għadd ta' Stati Membri, fuq bażi volontarja, għall-iffaċilitar ta' l-aċċess tas-swieq tax-xogħol tagħhom għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz in kwistjoni. F'termini politiċi, dawn l-offerti individwali jistgħu jinqasmu sabiex titressaq offerta kkonsolidata ta' l-UE lill-pajjiż terz in kwistjoni. Dawn l-offerti nazzjonali jistgħu, per eżempju, jieħdu s-sura ta' kwoti ta' impjiegi riżervati għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz in kwistjoni, jew strumenti prattiċi sabiex jgħinu fit-tqabbil ta' l-offerti ta' impjiegi fl-Istat Membru in kwistjoni ma' min ifittex xogħol fil-pajjiż terz ikkonċernat. L-offerti li għandhom jinqasmu għandhom jirrispettaw il-proċeduri eżistenti tad-dħul;

- Il-partenarjati ta' mobbiltà jistgħu jinkludu wkoll it-trattament privileġġat taċ-ċittadini in kwistjoni, f'dak li għandu x'jaqsam mal-kundizzjonijiet tad-dħul ta' ċerti kategoriji ta' emigranti[7], Madankollu dan il-ftehim m' għandu jkollu l-ebda preġudizzju għall-prinċipju tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni fl-Artikolu 12 tat-Trattat kif ukoll fl-applikazzjoni uniformi tal-liġi Komunitarja.

(b) L-għajnuna sabiex pajjiżi terzi jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom li jamministraw il-flussi migratorji legali.

L-għajnuna finanzjarja u/jew teknika f'oqsma marbuta mal-ġestjoni tal-flussi migratorji legali tista' tikkumplimenta l-elementi l-oħra ta' partenarjat ta' mobbiltà. Din l-għajnuna tista' tingħata mill-KE – partikolarment fil-qafas tal-programm tematiku dwar l-emigrazzjoni u l-kenn - u/jew mill-Istati Membri li jipparteċipaw f'partenarjat partikolari u mhux neċessarjament limitata għall-ġestjoni tal-flussi migratorji lejn l-UE iżda estiża wkoll għall-flussi migratorji intrareġjonali, li huma importanti ħafna f'bosta partijiet taddinja li għadhom qed jiżviluppaw. Fejn xieraq, din tista' tieħu s-sura ta' arranġamenti ta' ġemellaġġ ma' istituzzjonijiet simili fl-Istati Membri ta' l-UE (servizzi ta' impjegar, aġenziji tas-sejbien tax-xogħol, eċċ.).

L-għotja ta' dawn is-suriet ta' għajnuna mhux ser tkun riżervata esklussivament għall-pajjiżi li jipparteċipaw f'partenarjati ta' mobbiltà. Madankollu, tista' tingħata wkoll bħala każ ta' prijorità lil dawn il-pajjiżi fil-qafas tal-programm tematiku dwar l-emigrazzjoni u l-kenn politiku. Partikolarment, din tista’ tinkludi:

- tingħata informazzjoni dwar il-ħtiġijiet fis-suq tax-xogħol ta' l-Istati Membri ta' l-UE u dwar il-kundizzjonijiet sabiex wieħed jemigra f'dawn il-pajjiżi;

- sforzi addizzjonali għall-appoġġ tal-mobbiltà ta' l-istudenti, riċerkaturi, professjonisti żgħażagħ u dawk involuti f'organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ mill-pajjiż in kwistjoni;

- taħriġ lingwistiku u tekniku ta' qabel it-tluq lil persuni f'perspettivi konkreti ta' impjieg f'pajjiż barrani; kif ukoll

- servizzi ta' tqabbil ta' l-impjiegi, li jgħinu fit-tqabbil tal-postijiet ta' xogħol battala fl-UE ma' min qed ifittex impjieg mill-pajjiżi in kwistjoni, li jkunu jibbenefikaw minn rabtiet diretti ta' l-IT mas-sistema ta' l-UE bħall-portal ta' mobbiltà tal-EURES. F'pajjiżi fejn l-istituzzjonijiet li jamministraw is-suq tax-xogħol domestiku ma jkunux daqstant żviluppati, din wisq probabbli jkollha tiġi kkumplimentata bl-iżvilupp effettiv ta' servizzi ta' intermedjazzjoni ta' l-impjiegi transkonfinali. Għalhekk tista' tingħata għajnuna teknika għat-titjib ta' l-effiċjenza tas-suq tax-xogħol;

- skemi li jiffaċilitaw l-integrazzjoni mill-ġdid kemm ekonomika u soċjali ta' l-emigranti li jirritornaw;

- sforzi, li jinkludu mekkaniżmu ta' kooperazzjoni, għall-iffaċilitar tat-trasferiment ta' flus ta' l-emigranti lura lejn pajjiżhom.

Il-KE diġà akkwistat ċerta esperjenza fl-għoti ta' din its-sura ta' assistenza lil pajjiżi terzi (Ara l-Anness II għal ħarsa ġenerali ta' proġetti mgħoddija, attwali jew ippjanti f'dawn l-oqsma), u l-Kummissjoni tipprevedi li testendiha fuq bażi iktar sistematika għal pajjiżi terzi oħra. Il-proġett MEDA għall-appoġġ ta' l-Aġenzija Nazzjonali Marokkina għall-Impjiegi u l-Kapaċitajiet (ANAPEC) u ċ-Ċentru ta' Informazzjoni u Ġestjoni ta' l-Emigrazzjoni li l-KE qed tgħin biex jiġi stabbilit fil-Mali sabiex iwettaq xi ħidmiet imsemmija iktar 'il fuq iservu ta' mudelli għal inizjattivi simili.

(c) Miżuri li jindirizzaw ir-riskju ta' brain drain u li jippromwovu l-emigrazzjoni ċirkolari jew l-emigrazzjoni ta' ritorn

Il-partenarjati ta' mobbiltà jistgħu jinkludu, fuq talba tal-pajjiż terz ikkonċernat, miżuri li jgħinu sabiex jiġi indirizzat ir-riskju tal- brain drain . Wieħed mill-ewwel risponsi jista' jkun li l-partenarjati ta' mobbiltà jitħejjew għall-pajjiż partikolari. B'hekk, partenarjat ta' mobbiltà jista', bi ftehim komuni, ma joffrix trattament preferenzjali lil emigranti minn setturi li qegħdin taħt pressjoni. Jistgħu jinkludu wkoll mekkaniżmi li jiffaċilitaw l-emigrazzjoni ċirkolari, li għandha l-kwalità li ttaffi il- brain drain . Barra minn hekk, bħala parti minn partenarjat ta' mobbiltà, il-pajjiż terz ikkonċernat, il-KE u l-Istati Membri interessati jistgħu jiftiehmu dwar miżuri li jinċentivaw ir-ritorn ta' emigranti temporanji jew staġunali u jrawmu emigrazzjoni ċirkolari effettiva. Dawn l-inċentivi jistgħu jgħinu lill-pajjiżi ta' l-oriġini jarmaw il-kapaċitajiet u suriet oħra ta' kapital soċjali ta' emigranti li jirritornaw u dawk ċirkolari u jtaffu l-impatt tal- brain drain . Fil-Kapitolu III hemm elenkati eżempji tal-miżuri li jista' jintlaħaq ftehim dwarhom sabiex tiġi ffaċilitata l-emigrazzjoni ċirkolari

(d) It-titjib u/jew l-iffaċilitar tal-proċeduri għall-ħruġ ta' viżi għal żjajjar qosra lil ċittadini tal-pajjiż terz.

Fil-proċess tan-negozjar ta' partenarjat ta' mobbiltà jista' jkun xieraq li jiġi inkluż titjib speċifiku għall-pajjiż fil-qasam tal-politika tal-viża għal żjajjar qosra, flimkien mat-titjib ġenerali diġà propost mill-Kummissjoni (ara l-Anness I). Dan it-titjib jista' jiġi kkunsidrat fuq żewġ livelli differenti:

(i) L-organizzazzjoni aħjar tas-servizzi konsulari ta' l-Istati Membri ta' l-UE fil-pajjiż ikkonċernat.

Ħafna drabi l-applikanti ta' viżi għal żjajjar qosra fl-UE f'pajjiżi terzi jħabbtu wiċċhom diffikultajiet prattiċi, li jvarjaw min-nuqqas ta' konsulati ta' l-Istati Membri fil-lokal sa kjus twal ħafna, jew dewmien eżaġerat – sa diversi xhur – bejn it-talba għal appuntament sabiex titressaq l-applikazzjoni tal-viża u l-appuntament innifsu. F'każi estremi, l-applikanti jista' jkollhom bżonn jivvjaġġaw lejn pajjiż ġar sabiex jitfgħu applikazzjoni u jkunu jeħtieġu jakkwistaw viża għal żjara qasira mill-Istat fejn jinstab il-konsulat qabel ma japplikaw għall-viża għaż-żjara ppjanata.

Ħafna tweġibiet possibbli għal dawn id-diffikultajiet jistgħu jiġu previsti fil-qafas ta' partenarjat ta' mobbiltà:

- L-Istati Membri parteċipanti bil-partenarjat ta' mobbiltà jistgħu jimpenjaw ruħhom mal-pajjiż terz rilevanti sabiex jinkiseb titjib prattiku fil-proċeduri ta' l-applikazzoni bħal pereżempju ħinijiet itwal ta' ftuħ, żieda fir-riżorsi umani, eċċ.

- Fl-istess ħin, huma jistgħu jiftiehmu sabiex itejbu l-kooperazzjoni konsulari lokali. Id-Delegazzjonijiet tal-Kummissjoni f'pajjiżi terzi li jipparteċipaw f'partenarjat ta' mobbiltà jista' jkollhom rwol utli għat-trawwim ta' din il-kooperazzjoni;

- L-Istati Membri jistgħu jagħmlu iktar użu mill-flessibiltà fl- acquis Komunitarju eżistenti (l-istruzzjonijiet konsulari komuni emendati), li jipprovdi, per eżempju, li viża għal iktar minn dħul wieħed valida għal perjodu twil (sa ħames snin) tista' tinħareġ lil persuni b'bona fide li jeħtieġu jivvjaġġaw ta' spiss. F'każi individwali, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-applikanti tal-viża mill-ħlas tal-viża. eċċ. Li jsir iktar użu minn din il-flessibiltà tista' tkun parti mill-offerta ta' Stati Membri interessati li jikkontribwixxu għal partenarjat ta' mobbiltà partikolari;

- Din il-kooperazzjoni mtejba tista' twassal biex bosta Stati Membri jiftħu ċentru komuni għall-applikazzjoni tal-viża f'pajjiż terz partikolari, kif previst fil-proposta tal-Kummissjoni għall-emenda ta' l-istruzzjonijiet konsulari komuni (attwalment qed jiġu analizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill). Tista' saħansitra tingħata prijorità sabiex jiġu stabbiliti ċentri komuni ta' l-applikazzjonijiet – eliġibbli għall-iffinanzjar taħt il-Fond tal-Fruntieri Esterni – f'pajjiżi terzi li jipparteċipaw f'partenarjati ta' mobbiltà.

(ii) Ftehimiet ta' l-iffaċilitar tal-viża għal kategoriji speċifiċi ta' nies

Jista' jsir titjib iktar sistematiku għall-proċedura tal-ħruġ tal-viżi fis-sura ta' ftehimiet ta' l-iffaċilitar tal-viża għal kategoriji speċifiċi ta' nies, li jiġi nnegozzjat bejn il-KE u l-pajjiż terz li juri r-rieda li jipparteċipa f'partenarjat ta' mobbiltà. Il-vantaġġ ta' dawn il-ftehimiet huwa li jiġu stabbiliti drittijiet u obbligi ċari għall-applikanti tal-viża. Fil-waqt li fissret il-partenarjat ta' mobbiltà, l-"istrateġija komuni dwar il-faċilitazzjoni tal-viża" miftiehma fuq il-livell ta' Coreper għandha tikkunsidra u tista' tiġi riveduta fid-dawl tal-potenzjal li jista' jinkiseb bl-iżvilupp tal-partenarjati ta' mobbiltà.

III. L-emigrazzjoni ċirkolari

A. Introduzzjoni

L-istedina mill-Kunsill Ewropew sabiex jiġu esplorati metodi dwar l-iffaċilitar ta' l-emigrazzjoni ċirkolari ġejja fl-isfond tax-xejriet dejjem jinbidlu ta' l-emigrazzjoni madwar id-dinja u l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea toffri alternattiva kredibbli għall-immigrazzjoni illegali. L-emigrazzjoni ċirkolari qed tiġi dejjem iktar rikonoxxuta bħala s-sura ewlenija ta' emigrazzjoni li, jekk tiġi amministrata sew, tista' tgħin il-provvista internazzjonali, u d-domanda, għax-xogħol, u b'hekk tikkontribwixxi għal allokazzjoni iktar effiċjenti tar-riżorsi disponibbli u għal tkabbir ekonomiku.

Madankollu, l-emigrazzjoni ċirkolari toħloq ukoll ċerti sfidi: jekk ma tiġix imfassla u ġestita b'mod xieraq, l-emigrazzjoni li tkun intiża sabiex tkun waħda ċirkolari tista' faċilment issir waħda permanenti, u b'hekk, l-għan tagħha ma jintlaħaqx.

Dan il-kapitolu jagħti ħarsa ġenerali lejn għadd ta' kwistjonijiet li jeħtieġ jiġu kkunsidrati mill-UE u l-Istati Mrmbri sabiex jiġu esplorati l-aħjar metodi għall-iffaċilitar ta' l-emigrazzjoni ċirkolari. L-ewwel nett, hija meħtieġa definizzjoni komuni tal-kunċett ta' emigrazzjoni ċirkolari. Teżisti wkoll il-ħtieġa li jiġu identifikati s- suriet differenti ta' l-emigrazzjoni ċirkolari li jistgħu jkunu l-iktar rilevanti għall-Unjoni Ewropea u għall-Istati Membri tagħha. Tista' ssir distinzjoni bejn, fuq in-naħa l-waħda, id-dħul fis-seħħ tal- qafas leġiżlattiv li jiffaċilita l-emigrazzjoni ċirkolari u, fuq in-naħa l-oħra, il-possibbiltà ta' l-iżvilupp ta' skemi ta' emigrazzjoni ċirkolari . Dawn l-iskemi jippermettu lill-emigranti sabiex jidħlu fl-UE biex jaħdmu, jistudjaw jew iwettqu attivitajiet oħrajn għal perjodu stipulat ta' żmien. Fl-aħħar nett, huwa importanti li jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet u s-salvagwardi li għandhom jiddaħħlu fis-seħħ sabiex jiġi żgurat li l-emigrazzjoni tkun verament ċirkolari.

B. Id-definizzjoni u s-suriet ta' emigrazzjoni ċirkolari

L-Unjoni Ewropea għandha tkun ċara dwar is-sura ta' emigrazzjoni ċirkolari li tixtieq tiffaċilita. L-emigrazzjoni ċirkolari tista' tiġi ddefinita bħala sura ta' emigrazzjoni li hija ġestita b'mod li jippermetti element ta' mobbiltà legali bejn żewġ pajjiżi.

Iż-żewġ suriet ewlenin ta' emigrazzjoni ċirkolari li jistgħu jkunu l-iktar rilevanti fil-kuntest ta' l-UE huma:

(1) L-emigrazzjoni ċirkolari ta' ċittadini ta' pajjiż terz residenti fl-UE

Din l-emigrazzjoni ċirkolari tagħti l-opportunità lin-nies sabiex iwettqu attività (kummerċjali, professjonali, volontarja jew xorta oħra) fil-pajjiżi ta' l-oriġini tagħhom filwaqt li jżommu r-residenza ewlenija tagħhom f'wieħed mill-Istati Membri. Din tkopri diversi gruppi, per eżempju:

- Negozjanti li jaħdmu fl-UE u li jixtiequ jibdew attività fil-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom (jew f'pajjiż terz ieħor); kif ukoll

- Tobba, professuri jew professjonisti oħra li jridu jappoġġjaw lill-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom billi jwettqu parti mill-attivita professjonali tagħhom hemmhekk.

(2) L-emigrazzjoni ċirkolari ta' persuni residenti f'pajjiż terz

L-emigrazzjoni ċirkolari tista' toħloq opportunità lil persuni residenti f'pajjiż terz sabiex jidħlu temporanjament fl-UE għal xogħol, studju, taħriġ jew taħlita ta' dawn, bil-kundizzjoni li, fi tmiem il-perjodu taż-żjajra tagħhom, jerġgħu jistabbilixxu r-residenza ewlenija u l-attività ewlenija tagħhom fil-pajjiż ta' l-oriġini. Iċ-ċikolarità tista' tittejjeb billi l-emigranti jingħataw il-possibbltà, ladarba jirritornaw, li jżommu xi sura ta' mobbiltà privileġġata lejn u mill-Istati Membri fejn kienu joqogħdu preċedentement, per eżempju fis-sura ta' proċeduri simplifikati ta' dħul/dħul mill-ġdid.

Din il-kategorija tkopri firxa wiesa' ta' sitwazzjonijiet, li tinkludi kategoriji kollha ta' emigranti, inklużi:

- Ċittadini ta' pajjiżi terzi li jixtiequ jaħdmu temporanjament fl-UE, per eżempju f'impjieg staġunali;

- Ċittadini ta' pajjiżi terzi li jixtequ jistudjaw jew jitħarrġu fl-Ewropa qabel ma' jirritornaw lejn pajjiżhom;

- Ċittadini ta' pajjiżi terzi li, wara li jlestu l-istudji tagħhom, jixtiequ impjieg fl-UE (bħal per eżempju apprentisti) biex jakkwistaw l-esperjenza professjonali li diffiċilment jistgħu jiksbu f'pajjiżhom, qabel jirritornaw;

- Riċerkaturi minn pajjiżi terzi li jixtiequ jagħmlu proġett ta' riċerka fl-UE;

- Ċittadini ta' pajjiżi terzi, li jixtiequ jipparteċipaw fi skambji interkulturali u f'attivitajiet oħra fil-qasam kulturali, taċ-ċittadinanza attiva, l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ (bħal per eżempju, korsijiet ta' taħriġ, seminars, attivitajiet, żjajjar għal studju);

- Iċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li jixtequ jwettqu servizz volontarju mhux imħallas għall-ilħuq ta' għanijiet ta' interess ġenerali fl-UE.

C. Id-dħul fis-seħħ ta' qafas leġiżlattiv ta' l-UE li jippromwovi l-emigrazzjoni ċirkolari

Il-liġijiet dwar l-immigrazzjoni fis-seħħ f''għadd ta' Stati Membri diġà jinkludu regoli li jippromwovu element ta' ċirkolarità billi jippermettu kategoriji ta' ċittadini ta' pajjiż terz residenti b'mod legali, jew għallinqas uħud minnhom, sabiex jitilqu mill-pajjiż għal perjodi stipulati ta' żmien mingħajr ma jitilfu l-istatus legali tagħhom, għalkemm il-prerekwiżiti u s-sitwazzjonijiet koperti jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Madankollu l-emigrazzjoni ċirkolari ta' ċerti kategoriji ta' persuni tista' tiġi ffaċilitata ulterjorment permezz ta' l-armonizzazzjoni leġiżlattiva xierqa.

Il-miżuri li jħeġġu l-emigrazzjoni ċirkolari jistgħu, partikolarment, jiġu introdotti f'xi strumenti leġiżlattivi ġejjiena diġà mħabbra fil-Pjan ta' Politika dwar l-emigrazzjoni legali, partikolarment:

- Il-proposta għal Direttiva dwar id-dħul ta' emigranti ta' kapaċità kbira:

- Il-miżuri li jrawmu ċ-ċirkolarità, filwaqt li huma soġġetti għal analiżi ulterjuri, jistgħu jiffokaw fuq proċeduri ta' ffaċilitar ulterjuri tad-dħul għal persuni li diġà kienu residenti legalment fl-UE għal ċertu tul ta' żmien (għal xogħol bi kwalifikazzjoni għolja, studju jew suriet oħra ta' taħriġ);

- Il-proposta għal Direttiva dwar id-dħul ta' emigranti staġunali:

- il-miżura ewlenija għat-trawwim taċ-ċirkolarità tkun l-introduzzjoni ta' permessi multijannwali ta' residenza/xogħol lil emigranti staġunali, li jippermettulhom jirritornaw lura għal għadd ta' snin konsekuttivi biex iwettqu xogħol staġunali.

- Il-proposta għal Direttiva dwar id-dħul ta' apprentisti mħallsa:

- il-possibbiltà lil ċittadini ta' pajjiż terz sabiex jiġu fl-Ewropa għal perjodu ta' taħriġ għandha tikkontribwixxi għat-trawwim ta' ċirkolazzjoni ta' l-mħuħ u għat-trasferiment ta' kapaċitajiet u għarfien. Sabiex tittejjeb iċ-ċirkolarità, il-proposta tista' tipprevedi l-possibbiltà li dawk li kienu apprentisti jirritornaw għal perjodi limitati għal taħriġ ulterjuri fejn xieraq sabiex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom.

Il-Kummissjoni ser tirrefletti ulterjorment jekk proposta dwar l-introduzzjoni ta' proċeduri armonizzati ta' dħul biex kategoriji oħra ta' emigranti legali jibbenefikaw mill-emigrazzjoni ċirkolari.

Barra minn hekk, fiż-żmien dovut il-Kummissjoni tista' tikkunsidra li tipproponi aġġustamenti fuq numru ta' strumenti leġiżlattivi eżistenti sabiex tippromwovi emigrazzjoni ċirkolari, notevolment b'konformità mal-linji li ġejjin:

- Id-Direttiva 2003/109/KE dwar l-istatus ta' residenti għal tul twil ta' żmien:

- Attwalment id-Direttiva tistipula li, bħala regola, l-istatus ta' residenti għal tul twil ta' żmien ser jitħassar fil-każ ta' assenza ta' iktar minn 12-il xahar konsekuttiv mit-territorju tal-Komunità. Dan il-perjodu jista' jiġi estiż għal sentejn jew tliet snin.

- Id-Direttiva 2004/114/KE dwar id-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal skopijiet ta' studju, skambji ta' studenti, taħriġ mhux imħallas jew servizzi volontarji u d-Direttiva 2005/71/KE dwar id-dħul ta' riċerkaturi:

- Emenda possibbli tista' tkun l-introduzzjoni ta' permessi ta' residenza għal iktar minn dħul wieħed li lid-detentur jippermettulu assenzi għal perjodi twal mingħajr ma jitlef id-dritt ta' residenza tiegħu jew tagħha[8].

- Possibbiltà oħra tkun li l-klawsoli fakultattivi ta' dawn id-Direttivi, li jippermettu lill-Istati Membri sabiex jipprovdu proċeduri ta' dħul simplifikati jew mgħaġġla lil persuni li jkunu ħadmu preċedentement bħala riċerkaturi jew studjaw fl-UE, fi dritt sabiex dawn il-persuni jkollhom aċċess għal proċeduri mgħaġġla, sakemm wara l-iskadenza tal-permess tagħhom huma jkunu rritornaw lura lejn pajjiżhom.

- Fl-aħħar nett, jista' jkun possibbli li dawn iż-żewġ Direttivi jintrabtu billi ċ-ċittadini li m'humiex ċittadini ta' l-UE li preċedentement ikunu daħlu bħala studenti u li, wara li jtemmu l-istudji, jirritornaw lejn il-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom, jingħataw dħul iktar faċli bħala riċerkaturi (b'inqas kundizzjonijiet mehmuża). Dan il-kunċett jista' jiġi estiż sabiex tippermetti lill-istudenti li japplikaw għad-dħul bħala riċerkaturi waqt li jkunu għadhom jrrisjedu fl-Istat Membru fejn jistudjaw, sakemm l-applikazzjoni titressaq qabel ma jiskadi l-permess għall-istudju tagħhom.

D. L-iżgurar ta' ċirkolarità migratorja effettiva

Jeħtieġu li jiġu inklużi kundizzjonijiet u salvagwardji prattiċi sabiex jiġi żgurat li l-emigrazzjoni ċirkolari tilħaq l-għanijiet tagħha u ġġib benefiċċji dejjiema. Il-Kummissjoni bi ħsiebha tniedi dibattitu abbażi ta' din il-Komunikazzjoni, notevolment ma' l-Istati Membri dwar il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi żgurata ċirkolarità migratorja effettiva.

(1) Inċentivi għall-promozzjoni taċ-ċirkolarità

Għadd ta' inċentivi jistgħu jiġu integrati fl-istrumenti ta' politika ta' l-UE għall-promozzjoni taċ-ċirkolarità, per eżempju:

- Il-prospett ta' opportunitajiet ġejjiena għall-mobbiltà legali lejn l-UE: il-wegħda ta' mobbiltà kontinwa jekk jiġu rrispettati r-regoli u l-kundizzjonijet ser tnaqqas b'mod sinifikanti t-tentazzjoni li ma jiġux irrispettati l-iskadenzi. Il-firxa ta' għażliet li ser jingħataw għandhom jiġu esplorati u probabbilment ser ivarjaw minn kategorija waħda ta' emigranti għal oħra, bl-idea ġenerali tkun li l-emigranti b'bona fide jiġu ppremjati. Jistgħu jiġu kkunsidrati l-inċentivi msemmija iktar 'il fuq (permessi ta' residenza/xogħol ta' iktar minn dħul wieħed li jippermettu r-ritorn temporanju lejn il-pajjiż ta' l-oriġini; proċeduri 'mgħaġġlin' ta' dħul simplifikati lil emigranti li diġà kienu residenti fl-UE għal ċertu tul ta' żmien u rritornaw volontarjmanet lejn pajjiżhom fi tmiem il-permess tagħhom; eċċ.).

- Li l-integrazzjoni mill-ġdid ta' l-emigranti li jirritornaw lejn pajjiżhom tkun kemm jista' jkun mingħajr tfixkil (partikolarment professjonalment): din tista' tinkludi għajnuna fit-tiftix ta' l-impjieg u/jew għajnuna biex il-migranti li jirritornaw jistabbilixxu negozji fil-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom; għajnuna lil pajjiżi ta' l-oriġini fir-rikonoxximent tal-kapaċitajiet informali miksuba minn min jirritorna waqt iż-żjara tagħhom barra minn pajjiżhom. primjum ta' integrazzjoni mill-ġdid, kontijiet ta' tfaddil b'aġevolamenti tat-taxxa fil-pajjiż ta' l-emigrant, programmi speċjali ta' housing , għajnuna sabiex ir-riċerkaturi jkunu jistgħu jkomplu proġett ta' riċerka ġewwa pajjiżhom, jew - fil-każ ta' studenti - it-tkomplija ta' boroż ta' studju għal numru ta' snin wara r-ritorn. Il-Komunità u/jew l-Istati Membri interessati jistgħu jifthiemu dwar dawn il-miżuri ta' għajnuna, notevolment bħala parti mill-partenarjati ta' mobbiltà msemmija fil-Kapitolu II.

(2) L-iżgurar ta' ritorn effettiv

Waħda mill-kundizzjonijiet ewlenin hija li l-emigranti jirritornaw lejn pajjiżhom wara li jiskadilhom il-permess ta' residenza. Għandu jimtela' inventarju tal-miżuri kollha li jiżguraw jew jippromwovu r-ritorn. Miżura minnhom li tista' tiġi kkunsidrata wkoll, u li tista' tiġi integrata fil-qafas leġiżlattiv huwa r-rekwiżit ta' impenn bil-miktub mill-emigranti sabiex jirritornaw volontarjmanet lejn il-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom ladarba jiskadilhom il-kuntratt. Fil-każ li l-emigranti jibqgħu illegalment fit-territorju ta' l-UE minflok jirritornaw volontarjament wara li jiskadilhom il-permess, għandhom jidħlu mill-ġdid fil-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom. Dan jista' jinkiseb iktar faċilment fejn hemm fis-seħħ arranġamenti ta' dħul mill-ġdid bejn il-KE jew l-Istat Membru kkonċċernat u l-pajjiż ta' l-oriġini.

(3) Il-monitoraġġ ta' l-emigrazzjoni ċirkolari

L-iskemi ta' emigrazzjoni ċirkolari jeħtieġu monitoraġġ attent, kemm fir-rigward tat-tħejjija kif ukoll ta' l-implimentazzjoni prattika sabiex jiġi żgurat li dawn jilħqu ż-żewġ għanijiet li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol fl-UE u li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-pajjiżi ta' l-oriġini u li l-emigrazzjoni ċirkolari ma ssirx waħda permanenti. Għandu jiġi żviluppat sett ta' kriterju għall-monitoraġġ ta' l-operat ta' dawn l-iskemi. Barra minn hekk, il-valutazzjoni ta' l-implimentazzjoni tad-direttivi rilevanti tal-KE għandhom jinkludu valutazzjoni tal-kontribut tagħhom għall-emigrazzjoni ċirkolari.

(4) It-tnaqqis tar-riskju ta' brain drain

Għadd ta' pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp qed ibatu minn flussi kbar ta' ħruġ ta' kategoriji speċifiċi ta' emigranti, normalment b'kapaċitajiet medji jew kbar. Jekk dawn il-flussi ta' ħruġ huma kkonċentrati f'żoni kruċjali għall-iżvilupp, bħall-edukazzjoni jew il-kura tas-saħħa, jista' jkollhom effetti detrimentali fuq il-kapaċità tal-pajjiż li jagħti servizzi essenzjali lill-popolazzjoni tiegħu. Fl-istess ħin, ir-riskju tal- brain drain mhux universali u għandu jiġi bbilanċjat ma' l-impatt pożittiv possibbli li jista' jkollha l-emigrazzjoni fuq l-iżvilupp tal-pajjiżi ta' l-oriġini.

Sa ċeru punt, l-emigrazzjoni ċirkolari tista' tillimita r-riskju ta' brain drain fuq terminu twil ta' żmien, madankollu huma meħtieġa miżuri ulterjuri li jilqgħu għal dawn ir-riskji[9].

L-azzjonijiet speċifiċi sabiex tiġi indirizzata l- brain drain għandhom jitħejjew partikolarment għas-sitwazzjoni fil-pajjiż ikkonċernat. Dawn jistgħu jinkludu: impenji mill-Istati Membri ta' l-UE sabiex ma jimpjegawx attivament fis-setturi indikati bħala taħt pressjoni minn dak il-pajjiż; mekkaniżmi sabiex l-emigranti li jirritornaw lejn il-pajjiż terz in kwistjoni isibuha iktar faċli jaqsmu l-ħajja ta' xogħol tagħhom bejn iż-żewġ pajjiżi. jew appoġġ Komunitarju u/jew ta' l-Istati Membri sabiex jgħinu lill-pajjiż imsieħeb joħloq opportunitajiet professjonali attraenti biżżejjed fuq bażi lokali, speċjalment għal dawk b'kapaċitajiet kbar, bħala alternattiva għall-emigrazzjoni. (5) Il-partenarjat ma' pajjiżi terzi

Id-djalogu u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi – kemm fl-oqsma ta' l-emigrazzjoni kif ukoll f'dawk marbuta m'oqsma bħall-impjiegi, il-politika soċjali u l-edukazzjoni/t-taħriġ – huma essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-emigrazzjoni ċirkolari taħdem tajjeb u hija ta' benefiċċju reċiproku. Permezz ta' l-użu, kull fejn huwa possibbli, ta' l-oqfsa istituzzjonali fis-seħħ għad-djalogu u l-kooperazzjoni, ser jitniedu konsultazzjonijiet ma' għadd ta' pajjiżi terzi li jistgħu jkunu interessati fil-promozzjoni tal-migrazzjoni ċirkolari, possibbilment bħala parti minn partenarjati ta' mobbiltà. Fl-iżvilupp tal-politika, għandhom jiġu kkunsidrati l-interssi tal-pajjiżi terzi, b'enfasi speċjali fuq ir-riskju tal- brain drain (għalkemm jekk l-emigrazzjoni ċirkolari tkun ġestita sew, fil-prinċipju, għandha tillimita dak ir-riskju) u l-miżuri possibbli biex jiġu evitati dawn ir-riskji. Il-pajjiżi terzi għandhom jiġu inkoraġġiati jdaħħlu fis-seħħ arranaġamenti legali u amministrattivi għall-iffaċilitar ta' l-emigrazzjoni ċirkolari. Il-pajjiżi għandhom partikolarment jikkommettu ruħhom sabiex itejbu s-servizzi ta' l-impjegar u tat-tqabbil ta' l-impjiegi, kif ukoll it-taħriġ vokazzjonali u tal-lingwa jew il-kapaċità tal-previżjoni tal-ħtiġijiet u l-provvista tal-kapaċitajiet filwaqt li jipprovdu informazzjoni dwar il-ħtiġijiet ta' impjiegi barra minn pajjiżhom. Il-pajjiżi msieħba jistgħu jiġu megħjuna billi l-emigranti li jirritornaw ikunu awtorizzati biex jikkontribwixxu b'mod effettiv għas-soċjetajiet ta' pajjiżhom. Il-pajjiżi msieħba jistgħu wkoll jintalbu jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-emigrazzjoni irregolari, fit-traffikar tal-bnedmin u li jipprovdu garanziji ta' ritorn li kull ċittadin tagħhom li jipparteċipa fl-iskemi ta' emigrazzjoni ċirkolari, u jiddaħħlu, fil-pajjiż ta' l-oriġini tagħhom wara li l-kuntratt tagħhom jiskadi jew jintemm. Il-pajjiżi msieħba għandhom ifittxu li jtejbu l-inċentivi tar-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid, inkluż permess ta' miżuri attivi għall-promozzjoni ta' l-impjegar produttiv u tax-xogħol diċenti.

(6) Ftehimiet bilaterali għall-promozzjoni tas-sigurtà ta' l-emigrazzjoni ċirkolari

Barra mill-qafas u l-politika ta' l-UE, ftehimiet bilaterali bejn il-pajjiżi li jibagħtu l-emigranti u l-Istati Membri ta' l-UE interessati – fir-rispett sħiħ tal-kompetenzi Komuntarji – jistgħu jkunu mezzi utli għat-trawwim u l-iffaċilitar ta' l-emigrazzjoni ċirkolari. Jistgħu jgħinu d-domanda u l-provvista tat-tqabbil ta' l-impjiegi, speċjalment fil-każ ta' partenarjati bejn is-servizzi rilevanti ta' l-impjegar u l-aġenziji tas-suq tax-xogħol fuq iż-żewġ naħat, biex b'hekk ikun jista' jingħata rispons immedjat għall-ħtiġijiet tax-xogħol ta' l-Istati Membri ta' l-UE ikkonċernati. Dawn il-ftehimiet jistgħu jiffaċilitaw ħafna l-operat ta' xi inċentivi flessibbli għall-emigrazzjoni ċirkolari, per eżempju boroż ta' studju għal studenti 'ċirkolari', apprentisti jew għal persuni li jipparteċipaw fi skambji interkulturali taż-żgħażagħ. Fl-aħħar nett, il-ftehimiet bilaterali jistgħu jgħinu sabiex jiġi żgurat li l-iskemi ta' emigrazzjoni ċirkolari jagħtu prijorità lil dawk is-setturi ta' l-ikbar rilevanza lill-pajjiżi ta' l-oriġini u jgħinu jtaffu kull brain drain possibbli. Ir-rabta bejn il-qafas ta' l-UE u l-ftehimiet bilaterali tista' tiġġenera sinerġiji li jkunu ta' benefiċċji għal dawk kollha ikkonċernati u jeħtieġ li ssir diskussjoni f'iktar dettall dwarhom.

IV. Konklużjoni: Il-passi li jmiss

Il-kwistjoni ta' l-iffaċilitar tal-movimenti legali tal-persuni bejn pajjiżi terzi u l-UE, u partikolarment l-emigrazzjoni ċirkolari, hija waħda importanti u kumplessa. Jekk indirizzata sew, tista' tikkontribwixxi sabiex tirrispondi għall-ħtiġijiet tax-xogħol fl-UE, u tgħin lill-pajjiżi ta' l-oriġini jieħdu vantaġġ mill-benefiċċji u jillimitaw l-impatt negattiv ta' l-emigrazzjoni, filwaqt li jneħħu jew inaqqsu ħafna mill-inċentivi ta' l-imigrazzjoni illegali.

Sabiex jiġi żviluppat il-kunċett ta' l-emigrazzjoni ċirkolari u l-applikazzjoni prattika tiegħu, il-Kummissjoni bi ħsiebha, bħala l-ewwel pass, tniedi proċess ta' konsultazzjoni abbażi ta' din il-Komunikazzjoni biex tiġbor il-fehmiet u l-esperjenzi ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji l-oħra, ta' l-Istati Membri u tal-partijiet interessati rilevanti. Dan il-proċess ta' konsultazzjoni jista' jdum mill-inqas tliet xhur. Il-kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati jistgħu jolqtu oqsma ta' kompetenza ta' l-UE u jistgħu jeħtieġu aġġustamenti fuq il-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar id-dħul ta' ċerti kategoriji ta' emigranti. Jistgħu jolqtu wkoll oqsma ta' kompetenza nazzjonali, per eżempju fejn għandhom x'jaqsmu deċiżjonijiet dwar id-dħul ta' migranti individwali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bi ħsiebha jkollha kuntatti esploratorji ma numru limitat ta' pajjiżi potenzjalment interessati fil- partenarjati ta' mobbiltà u li lesti jimpenjaw ruħhom permezz ta' kooperazzjoni attiva ma' l-UE dwar il-ġestjoni tal-flussi migratorji, inkluża l-ġlieda kontra l-emigrazzjoni illegali f'partenarjati ma' l-UE, notevolment fil-qasam tad-dħul mill-ġdid u r-ritorn.

F'dan il-kuntest, l-isforzi għat-tħejjija ta' politiki effettivi għat-trawwim ta' l-emigrazzjoni ċirkolari u għall-iżvilupp ta' partenarjati ta' mobbiltà jitolbu għal iktar koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri sabiex jiżguraw sinerġija massima bejn l-attivitajiet fuq iż-żewġ livelli u sabiex jiġi evitat li l-ebda wieħed minnhom ma affettwa l-kompetenzi ta' l-ieħor. Sabiex tinġabar iktar esperjenza, jista' jingħata appoġġ finanzjarju għal skemi pilota mħejjija speċifikament għat-trawwim ta' l-emigrazzjoni ċirkolari f'oqsma jew okkupazzjonijiet ta' interess kemm lill-pajjiżi ta' l-oriġini kif ukoll lill-Istati Membri.

Il-Kummissjoni bi ħsiebha tintegra dawn il-kwistjonijiet fid-djalogu politiku u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi - notevolment dawk li huma jew li ser ikunu koperti mill-Istrateġija Globali dwar l-emigrazzjoni - fil-qasam ta' l-emigrazzjoni u f'oqsma relatati. Tispera wkoll li dawn l-orjentazzjonijiet jikkontribwixxu għad-dibattitu globali dwar il-ġestjoni aħjar ta' l-emigrazzjoni internazzjonali, u notevolment għal diskussjonijiet fi ħdan il-qafas tal-Forum Globali dwar l-Emigrazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp.

ANNESS I

IL-QAFAS LEGALI KOMUNITARJU EŻISTENTI dwar il-movimenti tal-persuni lejn l-UE

A. Il-Qafas dwar l-emigrazzjoni legali.

Mill-1999, l-UE progressivament żviluppat politika komuni dwar l-immigrazzjoni legali. Sa issa ġew adottati tliet Direttivi li jirregolaw id-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fuq livell Komunitarju.

Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom f'wieħed mill-Istati Membri huma koperti mid-Direttiva 2004/114/KE . Wara d-dħul, huma jingħataw aċċess limitat għas-suq tax-xogħol bħala mezz ta' appoġġ għall-istudji tagħhom flimkien mal-possibbiltà li jkomplu l-istudji tagħhom fi Stat Membru ieħor. L-Istati Membri jistgħu japplikaw din l-iskema għal persuni fuq servizz volontarju, apprentisti mhux imħallsa u studenti.

Fl-aħħar nett id-Direttiva 2005/71/KE dwar il-proċeduri għall-ammissjoni ta' riċerkaturi ta' pajjiżi terzi lill-Istati Membri tipprovdi skema flessibbli sabiex tħajjar dan il-grupp ta' emigranti lejn il-Komunità. Ir-riċerkaturi ta' pajjiżi terzi li jidħlu fi Stat Membru taħt id-Direttiva għandhom il-possibbiltà li jgħallmu u jkomplu l-proġett tagħhom ta' riċerka fi Stat Membru ieħor mingħajr permess tax-xogħol.

Il-kundizzjonijiet għad-dħul stabbiliti minn dawn id-Direttivi normalment jinkludu riżorsi suffiċjenti, assigurazzjoni tas-saħħa kif ukoll in-nuqqas ta' theddida għas-saħħa pubblika, sigurtà, eċċ. Id-Direttivi kollha jinkludu regoli ċari dwar l-irtirar tad-dritt tar-residenza.

Minbarra l-iskemi ta' dħul, iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu għal perjodi itwal fi Stat Membru jibbenefikaw mid- Direttiva 2001/109/KE, li tobbliga lill-Istati Membri sabiex jagħtu l-istatus ta' residenti fuq terminu twil ta' żmien liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jilħqu l-kundizzjonijiet ta' riżorsi suffiċjenti u assigurazzjoni tas-saħħa u li jirrisjedu legalment fit-territorju għal mhux inqas minn ħames snin. L-istatus ta' resident fuq perjodu twil ta' żmien joffri lista twila ta' drittijiet soċjoekonomiċi inkluża l-mobbiltà intrakomunitarja taħt ċerti kundizzjoniet. Barra minn hekk, ir-residenti fuq terminu twil ta' żmien jikkwalifikaw għal ħarsien iktar kontra t-tkeċċija.

Barra minn hekk, il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u t-Turkija – għalkemm ma jagħti l-ebda dritt ta' ċaqliċ lejn Stat Membru ta' l-UE, jew bejn l-Istati Membri ta' l-UE, għall-impjieg - jagħti liċ-ċittadini Torok l-aċċess miftuħ tas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti wara erba' snin ta' xogħol legali. Jistipula wkoll li l-Istati Membri li jiddeċiedu li jimpjegaw ħaddiema oħra li m'humiex ċittadini Komunitarji, għandhom kemm jista' jkun jippruvaw jagħtu prijorità lil ħaddiema Torok.

Fl-aħħar nett, iċ-ċittadini ta' pajjiżi li huma membri tal-familja ta' ħaddiema emigranti ċittadini ta' l-UE jgawdu ċerti drittijiet idderivati taħt id-Direttiva 2004/38/KE. Dawn jinkludu d-dritt għall-aċċess miftuħ għall-impjiegi u d-dritt li jkunu residenti mal-ħaddiema emigranti fl-Istat Membru ospitanti. Barra minn hekk, wara li jirrisjedu mal-ħaddiem emigranti għal perjodu kontinwu ta' ħames snin huma jistgħu jieħdu l-istatus ta' residenti permanenti.

Il-Pjan ta' Politika ta' l-2005 dwar l-emigrazzjoni jistabbilixxi linji wiesa' għall-iżvilupp ulterjuri ta' politika komuni Ewropea dwar l- immigrazzjoni għal xogħol , partikolarment dik legali, li hija komponent importanti ta' l-oqsma politiċi Ewropej sabiex jiġu kkumpensati l-effetti negattivi tat-tixjiħ demografiku u jaqdi l-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tas-swieq tax-xogħol. F'dan il-kuntest, bil-mira li jinġiebu l-professjonisti meħtieġa biex tiġi sostnuta l-kompetittività ta' l-UE, f'Settembru ta' l-2007 l-Kummissjoni ser tressaq proposta għal direttiva dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza għal ħaddiema b'kapaċitajiet kbar minn pajjiżi terzi. Ser jitressqu tliet proposti oħra mmirati għall-iffaċilitar ta' l-emigrazzjoni ċirkolari u temporanja li jindirizzaw il-ħaddiema staġunali u l-apprentisti mħallsa (it-tnejn li huma fil-ħarifa ta' l-2008), u trasferimenti intra-azjendali (2009). Fl-istess ħin hemm il-ħtieġa li jiġi pprovdut status legali komuni u ta' sigurtà għall-immigranti ħaddiema kollha li jirrisjedu fl-UE li għadhom ma jilħqux il-kundizzjonijiet biex jakkwistaw status ta' residenti fiq terminu twil ta' żmien. għal dan il-għan ser titressaq proposta f'Settembru ta' l-2007.

B. Ftehimiet kummerċjali internazzjoni li jilliberalizzaw l-għotja ta' servizzi u l-istabbiliment

Fil-kuntest tal-politika kummerċjali tagħha l-Komunità Ewropea daħlet f'għadd ta' ftehimiet internazzjonali li jiffaċilitaw il-moviment temporanju ta' persuni naturali relatati mal-kummerċ f'servizzi u investiment. Saru impenji kemm fuq livell multilaterali (WTO) kif ukoll fuq dak bilaterali (fil-kuntest ta' ftehimiet ta' arranġamenti ta' kummerċ ħieles). Karatteristika fundamentali ta' dawn l-impenji hija li l-benefiċjarji ma jistgħux jidħlu fis-suq tax-xogħol ta' l-UE u għandhom jakkwistaw kuntratt ta' servizzi qabel ma japplikaw biex jidħlu fit-territorju ta' Stat Membru ta' l-UE. Dawn l-impenji huma marbuta mad-dritt li jwettqu attività ekonomika partikolari u ma jkoprux il-viża jew kundizzjonijiet oħra ta' dħul, żjara jew xogħol.

C. Qafas għal movimenti għal perjodu qasir ta' żmien: il-politika komuni dwar il-viża ta' Schengen

Fi ħdan il-qafas tal-kooperazzjoni ta' Schengen, bħala waħda mill-miżuri ta' sostenn meħtieġa sabiex tiġi stabbilita żona mingħajr fruntieri interni fejn jiġi żgurat il-moviment ħieles tal-persuni, ġiet żviluppata politika komuni dwar il-viża għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi – għal żjajjar ta' tliet xhur kull perjodu ta' sitt xhur, li partikolarment tipprovdi għar rikonoxximent reċiproku tal-viżi għal żjajjar qosra maħruġa abbażi ta' proċeduri u kundizzjonijiet komuni.

Fil-qalba ta' din il-politika komuni hemm ir-regolament tal-Kunsill nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom jeħtieġu viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni (il-"lista negattiva") u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dan ir-rekwiżit (il-"lista pożittiva"). Iż-żewġ listi huma ddeterminati minn valutazzjoni maħsuba u każ b'każ ta' varjetà ta' kriterji li huma marbuta, inter alia, ma' l-immigrazzjoni illegali, il-politika pubblika u s-sigurtà, u r-relazzjonijiet esterni ta' l-UE, kif ukoll b'kunsiderazzjoni ta' l-implikazzjonijiet tal-koerenza reġjonali u r-reċiproċità.

Il-Konvenzjoni li timplimenta l-ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 dwar it-tneħħija gradwali tal-verifiki fuq il-fruntieri komuni (l-Artikolu 8 et sq.) tistabbilixxi l-prinċipji bażiċi tal-politika komuni dwar il-viża, inkluż ir-rikonoxximent reċiproku ta' viżi għal żjajjar qosra, u tiddefinixxi kemm il-kundizzjonijiet għad-dħul b' ħarsa lejn żjara qasira taċ-ċttadini ta' pajjiżi terzi li huma eżenti mill-obbligu tal-viża, u għall-moviment fiż-żona Schengen miċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi eżenti mill-obbligu tal-viża, jew soġġetti għal dan l-obbligu. L-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni (CCI) u sensiela ta' deċiżjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv ta' Schengen u tal-Kunsill jinkludu regoli ddettaljati dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-ħruġ ta' viżi għal żjajjar qosra.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta' Mejju 1985 stabbilixxa format uniformi għall-viżi għal żjajjar qosra.

Il-politika komuni dwar il-viża hija implimentata bis-sħiħ mill-Istati Membru u l-pajjiżi assoċjati li jagħmlu parti miż-żona ta' Schengen mingħajr fruntieri interni. L-Istati Membru li ssieħbu ma' l-UE fl-2004 u fl-2007 japplikaw biss ir-Regolament tal-Kunsill Nru 539/2001 u l-format uniformi tal-viżi.

Ċerti nuqqasijiet fl- acquis ta' Schengen attwali għandhom jiġu rrikonoxxuti: dispożizzjonijiet ambigwi, nuqqas ta' armonizzazzjoni ta' diversi aspetti, eċċ. Għalhekk, skond il-Programm ta' l-Aja, il-Kummissjoni ressqet proposta li tfassal mill-ġdid l- acquis ta' Schengen kollu dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-ħruġ ta' viżi. Ladarba jiġi adottat, il-Kodiċi dwar il-Viża propost ser iwassal għal titjib sinifikanti għall-applikanti kollha tal-viżi, tkun xi tkun iċ-ċittadinanza, bħall-obbligu li jingħataw ir-raġunijiet għal kwalunkwe rifjut ta' viża u li tingħata l-possibbiltà ta' appell, l-armonizzazzjoni ta' ċerti forom, definizzjoni iktar preċiża ta' dokumenti sostantivi, eċċ. Il-ħtieġa li l-applikanti tal-viża jingħataw iktar informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom hija indirizzata fil-Kodiċi dwar il-Viża, li jibni fuq il-kooperazzjoni bejn il-konsulati lokali.

ANNESS II

Eżempji ta' proġetti ffinanzjati mill-UE li jiffaċilitaw il-ġestjoni ta' l-emigrazzjoni legaliflussi f'pajjiżi terzi u l-emigrazzjoni ċirkolari [10]

1. Proġetti għall-iffaċilitar tal-ġestjoni ordnata tal-flussi migratorji legali, inkluż l–għoti ta' informazzjoni dwar il-possibbiltajiet u t-toroq għall-emigrazzjoni legali

a. L-enfasi ewlenina dwar l-emigrazzjoni lejn l-UE

Isem il-Proġett | Il-Promozzjoni ta' l-emigrazzjoni legali fil-Balkani tal-Punent permezz tat-twaqqif ta' ċentri ta' servizz reġjonali ta' l- emigranti li jipprovdu informazzjoni u servizzi relatati ma' l-emigrazzjoni" 2003/HLWG/051) |

Post | Il-Balkani tal-Punent |

Perjodu ta' Implementazzjoni | Diċembru 2004 - Ġunju 2006 |

L-Imsieħeb fl-Implimentazzjoni | L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Emigrazzjoni (IOM) |

Baġit/Kontribuzzjoni tal-KE | Għotja ta' € 815.119,64,EU: € 652.095,71 |

Programm ta' Ffinanzjar | B7-667 |

DĠ Responsabbli | JLS |

Għanijiet | Dan il-proġett reġjonali kellu l-għan li jippromwovi l-flussi migratorji ordnati u relatati mas-sensibilizzazzjoni permess tat-twaqqif ta' l-ewwel netwerks reġjonali taċ-Ċentri tas-Servizzi ta' l-Emigranti (MSCs) fil-Balkani tal-Punent. L-ispirazzjoni ta' dan il-proġett kien l-MSC tta' Tirana, li ilu jopera b'suċċess mill-2003. L-MSCs kollha stabbiliti u l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni tal-pubbliku huma fis-seħħ. Il-websajt www.migrantinfonet.com hija operattiva. Bosta eluf ta' persuni ingħataw pariri u serviz ta' konsulenza fis-6 MSCs (Tirana, Skopje, Prishtina, Belgrad, Żagreb u Sarajevo). Il-ġbir ta' profili u ta' data tnedew fil-bidu ta' l-2006, kif ukoll fuljetti u brochures dwar ir-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid. |

Isem il-Proġett | Programm ta' ġestjoni integrali ta' l-immigrazzjoni staġunali (2005/103564) |

Post | Il-Marokk - Spanja |

Perjodu ta' Implementazzjoni | Jannar 2006 - Ġunju 2008 |

L-Imsieħeb fl-Implimentazzjoni | Il-Muniċipalità ta' Cartaya |

Baġit/Kontribuzzjoni tal-KE | € 1.495.000 / €1.196.000 |

Programm ta' Ffinanzjar | AENEAS 2004 |

DĠ Responsabbli | EuropeAid |

Deskrizzjoni | Il-proġett ser jimplimenta sistema għall-ġestjoni ta' l-emigrazzjoni staġunali ta' ħaddiema Marokkini lejn grupp ta' muniċipalitajiet agrikoli fi Spanja li kull sena jeħtieġu għadd ikbar ta' ħaddiema barranin għall-kultivazzjoni tal-frawli u tal-frott taċ-ċitru. L-għanijiet huma l-iżvilupp ta' l-immigrazzjoni legali għal impjiegi temporanji bejn iż-żewġ reġjuni kkonċernati, flimkien ma' sistema ta' ġestjoni ġenerali għall-istadji kollha tar-relazzjoni bejn l-impjegat u min iħaddmu u diversi servizzi pijunieri għall-ħaddiema u għall-prevenzjoni ta' prattiċi illegali li jinkoraġixxu flussi klandestini u sabiex jiggarantixxu r-ritorn wara l-istaġun. L-attivitajiet jinkludu l-funzjonament ta' żewġ "Ċentri ta' ħaddiema Staġunali" f' Benslimane u Cartaya, il-funzjonament ta' server ta' l-Internet għall-komunikazzjoni bejn iż-żewġ ċentri u l-ħolqien ta' NGO għas-sostenibbiltà tal-programm. |

Isem il-Proġett | Strateġija integrata għall-promozzjoni ta' l-emigrazzjoni legali permezz tal-bini nazzjonali ta' kapaċità |

Post | In-Nofsinhar tal-Kawkasu |

Perjodu ta' Implementazzjoni | Jannar 2006 - Diċembru 2007 |

L-Imsieħeb fl-Implimentazzjoni | L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Emigrazzjoni - IOM |

Baġit/Kontribuzzjoni tal-KE | € 971.747,- / € 777.397,- |

Programm ta' Ffinanzjar | AENEAS 2004 |

DĠ Responsabbli | EuropeAid |

Deskrizzjoni | L-għan tal-proġett huwa l-prevenzjoni ta' l-emigrazzjoni irregolari, l-iffaċilitar tad-diskussjonijiet dwar il-konklużjoni ta' ftehimiet bilaterali dwar id-dħul mill-ġdid, il-possibbiltà ta' integrazzjoni mill-ġdid, il-promozzjoni ta' l-emigrazzjoni legali f'kull pajjiż tan-Nofsinhar tal-Kawkasu u bilateralment ma' Stati Membri ta' l-UE li jilqgħu, permezz tad-djalogu u l-bini tal-kapaċità. |

Isem il-Proġett | MESURE – Emigrazzjonijiet b'Sigurtà (2006/120-093) |

Post | it-Tuniżija – l-Italja |

Perjodu ta' Implementazzjoni | Diċembru 2006 - Mejju 2009 |

L-Imsieħeb fl-Implimentazzjoni | L-Assoċjazzjoni għall-Kooperazzjoni Transreġjonali, Lokali u Ewropea |

Baġit/Kontribuzzjoni tal-KE | € 1.718.465,95 / €1.374.772,76 |

Programm ta' Ffinanzjar | AENEAS 2005 |

DĠ Responsabbli | EuropeAid |

Deskrizzjoni | L-għan ewlieni ta' dan il-proġett hiwa li jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' l-emigrazzjoni legali, skond ir-realtajiet demografiċi, ekonomiċi u soċjali fil-pajjiżi ta' l-oriġini u l-pajjiż ospitanti u għall-proviżjoni ta' informazzjoni aħjar lill-popolazzjoni dwar il-vantaġġi ta' l-emigrazzjoni legali u l-konsegwenzi ta' l-emigrazzjoni illegali. L-għan speċifiku huwa l-iżvilupp u t-titjib tal-kapċitajiet u l-possibbiltajiet tal-benefiċjarji finali sabiex jemigraw lejn l-Italja b'mod legali u b'sikurezza. IL-MIŻURA – L-Emigrazzjonijiet b'Sigurtà għandu l-għan li, partikolarment, jgħin fil-ġestjoni tal-flussi migratorji lejn l-Italja permezz ta' l-identifikar u l-iżvilupp ta' strateġiji fit-Tuniżija li, minn naħa l-waħda, jiskoraġixxu l-emigrazzjoni illegali u, fuq in-naħa l-oħra, jinkoraġixxu l-emigrazzjoni legali mir-reġjun tal-Magreb. |

Isem il-Proġett | L-iskambju ta' l-għarfien għal ħajja aħjar ta' emigrazzjoni (2006/120-199) |

Post | L-Eġittu – il-Marokk – l-Italja |

Perjodu ta' Implementazzjoni | Diċembru 2006 - Mejju 2008 |

L-Imsieħeb fl-Implimentazzjoni | Id-Direttorat Ġenerali għall-Emigrazzjoni – Il-Ministeru tax-Xogħol u l-Politika Soċjali – ir-Repubblika Taljana |

Baġit/Kontribuzzjoni tal-KE | € 649.166,50 / € 519.333,20 |

Programm ta' Ffinanzjar | AENEAS 2005 |

DĠ Responsabbli | EuropeAid |

Deskrizzjoni | L-għan ġenerali tal-proġett huwa t-titjib tas-sistema ta' l-emigrazzjoni legali għal skopijiet ta' xogħol bejn pajjiżi ta' l-Afrika ta' Fuq – l-Eġittu u l-Marokk – u l-Italja Il-proġett għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet ta' ġestjoni ta' l-emigrazzjoni ta' ħaddiema, permezz tal-ħolqien ta' qafas multilaterali stabbli, attivitajiet ta' taħriġ li jindirizzaw lill-uffiċjali pubbliċi kif ukoll attività ta' konsulenza dwar l-istrutturi ta' implimentazzjoni. L-attivitajiet tal-proġett ser jiżviluppaw fi tliet fażijiet: L-naliżi fil-prattika u d-definizzjoni ta' pjan ta' ħidma: Il-Kumitat tat-Tmexxija; Taħriġ, konsulenza u taħriġ intern ta' l-ICT; u t-tixrid ta' listi ta' ħaddiema barranin fis-suq tax-xogħol Taljan. |

Isem il-Proġett | L-emigrazzjoni temporanja u ċirkolari ta' ħaddiema (TCLM) bejn il-Kolombja u Spanja: Mudell għall-konsolidazzjoni u ta' replikazzjoni (2006/120-237) |

Post | Spanja u l-Kolombja |

Perjodu ta' Implementazzjoni | Jannar 2007 - Diċembru 2008 |

L-Imsieħeb fl-Implimentazzjoni | IOM - L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Emigrazzjoni |

Baġit/Kontribuzzjoni tal-KE | € 625.046,85 / € 500.037,48 |

Programm ta' Ffinanzjar | AENEAS 2005 |

DĠ Responsabbli | EuropeAid |

Deskrizzjoni | Il-proġett għandu l-għan li jipprovdi lill-Spanja u 'l-Kolombja b'mudell ikkonsolidat, imtejjeb u li jista' jiġi rreplikat sabiex tiġi rregolata l-emigrazzjoni ta' ħaddiema temporanji. Il-proġett irid jikkonsolida u jirreplika mudell ta' emigrazzjoni temporanja u ċirkolari ta' ħaddiema (TCLM) li jiffaċilita l-emigrazzjoni regolari ta' ħaddiema Kolombjani lejn il-Katalonja u partijiet oħra ta' Spanja. Oriġinarjament dan il-mudell inbeda mill-Pagesos Union u l-fondazzjoni tagħha “Fundación Agricultores Solidaris (FAS), fl-2001. L-ewwel programm kien suċċess, u involva 1,200 emigrant minn għadd ta' komunitajiet rurali Kolombjani u 600 bidwi u kooperattivi Katalan fi Spanja. L-azzjoni attwali hija intiża sabiex iżżid l-impatt pożittiv tal-mudell kurrenti u ttejjeb is-sostenibbiltà u t-tkabbir permezz ta': 1) tiġġenera għarfien imtejjeb tas-sitwazzjoni ta' l-emigrazzjoni fil-pajjiżi li jibagħtu u li jilqgħu u b'hekk bażi imtejba għal azzjonijiet li jiżguraw proċessi ta' emigrazzjoni dinjtuża; 2) l-appoġġ għall-iżvilupp ta' politiki ġodda u l-proviżjoni ta' bini ta' kapaċitajiet li għar-regolazzjoni tal-flussi migratorji u l-prevenzjoni ta' l-emigrazzjoni irregolari lejn l-Ewropa, u 3) l-introduzzjoni ta' elementi ġodda bħall-appoġġ u l-bini ta' kapaċità sabiex jiġi stabbiliti sistemi li ser jipprovdu lill-emigranti kolombjani b'taħriġ qabel it-tluq u jippermettulhom aċċess għal servizzi soċjali u produttivi meta jirritornaw, u b'hekk issir il-promozzjoni ta' proċessi ta' żvilupp sostenibbli u l-ġenerazzjoni miżjueda ta' tkabbir kemm fil-pajjiż ta' l-oriġini kif ukoll fil-pajjż ospitanti. L-azzjoni ser tinkludi attivitajiet immirati lejn l-ottimizzar ta' l-użu tal-flus li jintbagħtu lura għall-promozzjoni għal żvilupp soċjoekonomiku u kundizzjonijiet taħ ħajja mtejba. |

Isem il-Proġett | Il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin permezz tal-parteċipazzjoni tal-familji vittmi ta' l-emigrazzjoni irregolari, tal-kunsilli ta' assoċjazzjoni tas-soċjetà ċivili u ta' l-istituzzjonijiet lokali (2006/120-280) |

Post | Il-Marokk, l-Italja, Spanja |

Perjodu ta' Implementazzjoni | Marzu 2007 - Frar 2010 |

L-Imsieħeb fl-Implimentazzjoni | Movimento Laici America Latina Onlus |

Baġit/Kontribuzzjoni tal-KE | € 1.081.779,95 / € 865.423,96 |

Programm ta' Ffinanzjar | AENEAS 2005 |

DĠ Responsabbli | EuropeAid |

Deskrizzjoni | Il-proġett jorbot l-intervent tiegħu l-iktar mas-soċjetà ċivili u ma' l-istituzzjoniet tar-reġjuni ta' Chaouia Ouardigha and Tadla Azilal, ir-reġjuni ewlenin ta' l-oriġini ta' l-emigrazzjoni irregolari lejn l-Italja u Spanja, ibbażat fuq tliet komponenti ewlenin: 1. Il-ħolien ta' programm ta' viġilanza komunitarja mill-familji u l-vittmi tat-traġedja ta' l-emigrazzjoni irregolari u ta' ċentru sabiex jisma' u jipprovdi għajnuna ta' emerġenza lill-udjenza tal-programm; 2. It-tisħiħ ta' assoċjazzjonijiet taż-żgħażagħ fiż-żewġ reġjuni mmirati permezz ta' attivitajiet ta' taħriġ u mobilizzazzjoni soċjali; 3. Il-ħolqien ta' sistema ta' kooperazzjoni bejm l-amministrazzjonijiet lolali u ċ-ċnetri ta' promozzjoni tax-xogħol b'ħarsa lejn it-trawwim tal-kooperazzjoni ekonomika bejn tliet reġjuni Taljani fil-mira tal-programm (Veneto, Piedmont, Emilia Romagna), reġjun Spanjol (Andalusia) u r-reġjuni ta' Chaouia Ouardigha u Tadla Azilal. |

Isem il-Proġett | Appoġġ għall-moviment tal-persuni (MED/2003/5725) |

Post | Il-Marokk |

Perjodu ta' Implementazzjoni | Jannar 2005 - Diċembru 2008 |

L-Imsieħeb fl-Implimentazzjoni | L-Aġenzija Nazzjonali dwar ix-Xogħol |

Baġit/Kontribuzzjoni tal-KE | € 7.736.000 / € 5.000.000,- |

Programm ta' Ffinanzjar | MEDA |

DĠ Responsabbli | Del Marokk |

Deskrizzjoni | L-għan speċifiku tal-proġett huwa t-tisħiħ istituzzjonali ta' l-istrutturi rilevanti ta' l-Aġenzija Nazzjonali għall-Promozzjoni tax-Xogħol u l-Kapaċitajiet (ANAPEC) L-ewwel riżultati mistennija huma: 1 It-tisħiħ u l-ispeċjalizzazzjoni ta' l-ANAPEC permezz: Il-ħolqien ta' Diviżjoni internazzjonali (DI) fi ħdan l-ANAPEC u uffiċju fi Brussell. Il-ħolqien ta' 4 aġenziji reġjonali speċjalizzati fi kwistjonijiet internazzjonali u l-ħolqien ta' 'spazji' internazzjonali f'1- aġenziji ulterjuri. Ir-rikonoxximent ta' l-ANAPEC bħala l-imsieħeb Marokkin uffiċjali fit-trattament ta' offerti ta' xogħol mill-Ewropa. Rwol iktar importanti ta' l-ANAPEC fl-intermedjazzjoni internazzjonali. It-twettiq ta' studju dwar il-kundizzjonijiet għal ritorn volontarju vijabbli għall-Marokkini li jirrisjedu barra minn pajjiżhom. Il-ħolqien ta' servizz ta' appoġġ lil min jirritorna. 2. It-taħriġ ta' emigranti potenzjali permezta': It-twettiq ta' programm ta' sensibilizzazzjoni dwar l-emigrazzjoni legali għall-popolazzjoni Il-ħolqien u t-twaqqif ta' programm ta' taħriġ bażiku għall-emigranti potenzjali adattat għall-ambjent tax-xogħol fl-UE. Il-ħolqien u t-twaqqif ta' moduli ta' taħriġ tekniku adattati għall-ħtiġijiet tan-negozji Ewropej. It-titjib tal-proċess ta' rikonoxximent ta' kwalifiki ta' l-applikanti fl-UE. 3. Informazzjoni/Dokumentazzjoni Il-ħolqien ta' ċentru ta' materjal u dokumetnazzjoni virtwali dwar it-toroq ta' l-emigrazzjoni legali lejn l-UE. |

Isem il-Proġett | Il-bini tal-kapaċità tal-ġestjoni ta' l-Emigrazzjoni: L-Ukrajna (2004/096-462 ) |

Post | L-Ukrajna |

Perjodu ta' Implementazzjoni | Marzu 2005 - Diċembru 2007 |

L-Imsieħeb fl-Implimentazzjoni | IOM - Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Emigrazzjoni |

Baġit/Kontribuzzjoni tal-KE | € 4.204.672,-/ €3.781.505,- |

Programm ta' Ffinanzjar | TACIS |

DĠ/Del Responsabbli | DEL Ukrajna |

Deskrizzjoni | Il-proġett huwa mmirat lejn it-titjib tal-kapaċità tal-Gvern ta' l-Ukrajna (GoU) li jamministra l-flussi migratorji u jikkontrolla l-moviment illegali ta' l-emigranti lejn u mit-territorju ta' l-Ukrajna. Il-proġett ser jikseb dan billi jindirizza l-ħtiġijiet fit-tliet komponenti maġġuri ta' emigrazzjoni. Dan il-proġett ifittex li jiżviluppa s-sistema ta' ġestjoni ta' l-emigrazzjoni fl-Ukrajna billi jwettaq varji azzjonijiet ta' bini ta' kapaċità, jiġifieri valutazzjoni tas-sitwazzjoni migratorja, l-iżvilupp ta' l-aħjar prattiċi, ibbażati fuq standards u konvenzjonijiet internazzjonali, ir-rinovazzjoni ta' ċentri ta' l-akkomodazzjoni għall-emigranti miżmuma u l-bidu ta' programm ta' ritorn volontarju kif ukoll il-ħolqien ta' erba' punti ta' informazzjoni għall-emigranti potenzjali. |

b. Enfasi ewlenija fuq l-emigrazzjoni minn Nofsinhar għal Nofisnhar (South-South Migration)

Isem il-Proġett | Il-ġestjoni ta' l-emigrazzjoni tal-ħaddiema bħala strument ta' żvilupp (2002/HLWG/41) |

Post | Afrika |

Perjodu ta' Implementazzjoni | Marzu 2004 - Frar 2006 |

L-Imsieħeb fl-Implimentazzjoni | ILO(Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol |

Baġit/Kontribuzzjoni tal-KE | € 1.957.011,16 / € 1.442.407,16 |

Programm ta' Ffinanzjar | HLWG – B7-667 |

DĠ Responsabbli | DG JLS |

Deskrizzjoni | Fil-kuntest tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Afrika, dan il-proġett implimentat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) ippromwova l-adozzjoni ta' oqfsa ta' politika ġodda u mekaniżmi għall-ġestjoni tal-ħaddiema bħala striment ta' żvilupp. Kellu l-għan li jippromwovi d-djalogu soċjali u jqajjem kuxjenza fost il-partijiet interessati dwar kwistjonijiet ta' emigrazzjoni reġjonali ta' ħaddiema i jtejjeb il-kooperazzjoni bejn l-Ewropa u r-reġjuni Afrikani kkonċernati. Il-proġett ipprovda forum sabiex imsieħba reġjonali jimpenjaw ruħhom f'attivitjiet importanti dwar l-emigrazzjoni tal-ħaddiema, bl-għajnuna ta' l-esperjenza ta' l-ILO. Ġew organizzati seminars f'kull reġjun, per eżempju dwar il-bini tal-kapaċità u d-djalogu soċjali, u żewġ settijiet ta' studji - dwar is-sitwazzjonijiet ta' l-emigrazzjoni tal-ħaddiema u dwar il-leġiżlazzjonijiet rilevanti - twettqu fi 13-il pajjiż. Il-pubblikazzjoni ta' l-istudji f'pajjiżi differenti ġiet segwita minn kampanji ta' promozzjoni. |

Isem il-Proġett | Programm Asjatiku tat-Tmexxoka tal-Migrazzjoni tal-Ħaddiema (2005/103503) |

Post | Il-pajjiżi ta' reġjun ta' Meking, iċ-Ċina, il-Korea, il-Ġappun u l-pajjiżi tan-Nofisinhar ta' l-Asja |

Perjodu ta' Implementazzjoni | Jannar 2006 - Diċembru 2008 |

L-Imsieħeb fl-Implimentazzjoni | ILO |

L-imsieħba | UNIFEM |

Baġit/Kontribuzzjoni tal-KE | € 2.447.840 / € 1.955.335 |

Programm ta' Ffinanzjar | AENEAS 2004 |

DĠ Responsabbli | EuropeAid |

Deskrizzjoni | L-għan tal-proġett huwa l-promozzjoni ta' djalogu u kooperazzjoni attivi għat-titjib tal-ġestjoni ta' l-emigrazzjoni ta' ħaddiema bbażata fuq l-ugwaljanza u d-drittijiet fost il-pajjiżi fir-reġjun Asjatiku, u b'hekk it-tnaqqis ta' l-esplojtazzjoni u t-trattament abbużiv tal-ħaddiema emigranti. Il-ħolqien tad-djalogu u tal-kooperazzjoni għandu jikkonċerna lill-Gvernijiet u 'l-immsieħba soċjali tagħhom, jiġifieri l-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u tal-ħaddiema, kif ukoll avukati/intermedjarji nazzjonali u reġjonali u organizzazzjonijiet mis-soċjetà ċivili. Il-proġett għandu jikkontribwixxi għall-adozzjoni ta' politiki xierqa u d-dħul fis-seħħ ta' liġijiet li jagħtu s-setgħa, it-taħriġ ta' amministraturi ta' l-impjiegi, it-titjib ta' sistemi ta' l-informazzjoni għal teħid ta' deċiżjonijiet, u l-promozzjoni ta' ftehimiet bilaterali u konsultazzjoni regolari fost il-pajjiżi tar-reġjun. Il-proġett ser jitwettaq mill-ILO b'kollaborazzjoni mal-Fond ta' Żvilupp għan-Nisa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNIFEM). |

Isem il-Proġett | Lejn partenarjati sostenibbli għat-tmexxija effettiva ta' l-emigrazzjoni tal-ħaddiema fil-Federazzjoni Russa, il-Kawkasu u l-Asja Ċentrali (2006/120-072) |

Post | Il-Federazzjoni Russa, l-Armenja, il-Kazakhstan, il-Kyrgyzstan u t-Tajikistan |

Perjodu ta' Implementazzjoni | Diċembru 2006 - Diċembru 2009 |

L-Imsieħeb fl-Implimentazzjoni | ILO – L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol |

Baġit/Kontribuzzjoni tal-KE | € 2.433.508 / € 1.945.105 |

Programm ta' Ffinanzjar | AENEAS 2005 |

DĠ Responsabbli | EuropeAid |

Deskrizzjoni | Il-proġett joffri strateġija sostenibbli, parteċipattiva u ġusta għat-tmexxija ta' l-emigrazzjoni tal-ħaddiema fil-pajjiżi studjati. Jiffoka fuq kwistjonijiet ewlenin ta' l-emigrazzjoni tal-ħaddiema li, sal-lum, ma tantx ingħataw attenzjoni f'dwan il-pajjiżi, li qed javvanzaw b'mod mgħaġġel fuq l-aġendi politiċi t'hemmhekk u li huma essenzjali għall-istabbiltà għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u ġust. Hemm ħames għanijiet speċifiċi: (1) għall-iżvilupp ta' metodi prattiċi għall-valutazzjoni u t-tbassir tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol sabiex titejjeb it-tmexxija ta' l-emigrazzjoni; (2) għall-promozzjoni ta' xogħol diċenti u titejjeb il-protezzjoni tad-drittijieit tal-ħaddiema emigranti; (3) għall-iżvilupp ta' sistema ta' regolarizzazzjoni mistħoqqa u l-introduzzjoni ta' politiki u proċeduri ta' regolarizzazzjoni; (4) għall-kontribuzzjoni lejn l-użu produttiv tar-riżorsi umani tar-reġjun permezz ta' l-iżvilupp ta' sistemi għall-portabbiltà tal-kwalifiki u t-tnaqqis ta' l-ostakoli burokratiċi għall-impjegar; u (5) sabiex jiġi żviluppati politiki li jtejbu l-impatt pożittiv ta' l-emigrazzjoni fuq l-iżvilupp fil-pajjiżi ta' l-oriġini |

Isem il-Proġett | Ċentru ta' l-infomrazzjoni u l-ġestjoni ta' l-emigrazzjoni |

Post | Il-Mali |

Perjodu ta' Implementazzjoni | Għadu mhux stabbilit |

L-Imsieħeb fl-Implimentazzjoni | Għadu mhux stabbilit |

Baġit/Kontribuzzjoni tal-KE | Għadu mhux stabbilit |

Programm ta' Ffinanzjar | EDF |

DĠ Responsabbli | Del Mali |

Deskrizzjoni | Il-proġett propost huwa direttament immirat għall-implimentazzjoni tad-Dikjrarzzjoni konġunta Mali – ECOWAS – Franza – Spanja ta' Frar 2007, fis-segwitu tal-Konferenza Ministerjali Tripli bejn l-UE u l-Afrika dwar l-emigrazzjoni u l-iżvilupp. Matul il-laqgħa ta' livell għoli f'Bamako, "il-Partijiet ftiehmu li jappoġġaw il-ħolqien, minn naħa tal-Mali, taċ-Ċentru ta' l-Infomrazzjoni u l-Ġestjoni ta' l-Emigrazzjoni". L-għan ġenerali huwa d-definizzjoni u l-implimentazzjoni, minn naħa tal-Mali, ta' politika migratorja adattata għall-politiki u dinamiċi reġjonali u Ewropej. L-għan speċifiċi huwa l-ħolqien taċ-Ċentru ta' l-Infomrazzjoni u l-Ġestjoni ta' l-Emigrazzjoni li ser jimplimenta u jikkoordina l-elementi varji tal-politika migratorja tal-Mali. Ir-riżultati mistennija huma (i) id-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' strateġija ta' informazzjoni u komunikazzjoni dwar il-kundizzjonijiet legali għall-emigrazzjoni u l-prevenzjoni ta' l-emigrazzjoni irregolari, (ii) id-dħul fis-seħħ ta' mekkaniżmu għall-ilqugħ, l-orjentar u l-akkumpanjament ta' emigranti potenzjali (iii) id-dħul fis-seħħ ta' servizz ta' lqugħ, orjentar u akkumpanjament għal min jirritorna (iv) l-użu produttiv tal-kapital uman, finanzjarju u tekniku tad-diaspora (v) l-għarfien u l-analiżi tal-flussi migratorji ta' rilevanza fil-Mali (vi) il-koordinazzjoni tad-diversi strutturi ta' ġerarkiċi sabiex ikunu jistgħu jmexxu il-komponenti msemmija iktar 'il fuq b'mod xieraq. |

2. Proġetti għall-iffaċilitar ta' l-emigrazzjoni ċirkolari għall-emigranti residenti fl-UE

Isem il-Proġett | Programm għall-appoġġ ta' l-imprendituri ta' oriġini Marokkina fl-Ewropa sabiex jistabbiixxu attivitajiet ekonomiċi sostenibbli fil-Marokk (2001/HLWG/119) |

Post | Il-Marokk |

Perjodu ta' Implementazzjoni | Diċembru 2001 - Jannar 2004 |

L-Imsieħeb fl-Implimentazzjoni | Stichting Intent |

Baġit/Kontribuzzjoni tal-KE | € 553.073,00 / € 448.291 |

Programm ta' Ffinanzjar | B7-667 - HLWG |

DĠ Responsabbli | JLS |

Deskrizzjoni | Dan il-proġett ippromwova inizjattivi privati li jwasslu għall-ħolqien u l-iżvilupp ta' impriżi ta' daqs zgħir u medju minn imprendituri Marokkini li jgħixu fl-UE. Kellu l-għan li jgħin lil imprendituri emigranti sabiex jistabbilixxu kumpaniji fil-pajjiż ta' l-oriġini tagġhom permezz tat-tisħiħ ta' pedament li jipprovdi sett ta' servizzi lill-imprendituri ġodda. Il-proġett ippermetta l-ħolqien ta' infrastruttura iktar permanenti għall-għajnuna ta' imprendituri emigranti li jixtiequ jistabbilixxu SMEs. Il-materjal ta' taħriġ u d-dokumenti ta' informazzjoni għall-programm ġew żviluppati f'diversi ilsna. Dan il-programm kiseb kredibbiltà fil-komunità Marokkina permezz tal-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet Marokkini fl-Olanda u l-Belġju. |

Isem il-Proġett | Programm ta' kożvilupp fil-Marokk (2001/HLWG/117) |

Post | Il-Marokk |

Perjodu ta' Implementazzjoni | Mejju 2003 - Mejju 2007 |

L-Imsieħeb fl-Implimentazzjoni | Agence Française de Développement (AFD), |

Baġit/Kontribuzzjoni tal-KE | € 3.810.000 / € 1.500.000 |

Programm ta' Ffinanzjar | B7-667 - HLWG |

DĠ Responsabbli | JLS |

Deskrizzjoni | L-għan tal-proġett huwa li jgħin lir-residenti Marokkini flUE sabiex jinvestu fil-komunità ta' l-oriġini tagħhom. Jiffoka iktar fuq l-iżvilupp ta' strutturi ekonomiċi milli fuq il-kooperazzjoni ma' lawtoritajiet amministrattivi u ta' l-emigrazzjoni. Il-proġett jgħin sabiex impriżi ta' daqs żgħir u medju jiġu stabbiliti fil-Marokk u l-iżvilupp tat-turiżmu rurali. |

Isem il-Proġett | L-emigrant Marokkin fl-Italja bħala aġent ta' żvilupp u innovazzjni fil-komunità ta' l-oriġini tiegħu/tagħha: Proġett pilota fil-Provinċa tat-Tramuntana tal-Marokk (2002/HLWG/023) |

Post | Il-Marokk |

Perjodu ta' Implementazzjoni | Mejju 2003 – April 2005 |

L-Imsieħeb fl-Implimentazzjoni | Cooperazione Internazionale (COOPI), |

Baġit/Kontribuzzjoni tal-KE | € 1.084.906,17 / € 867.924,94 |

Programm ta' Ffinanzjar | B7-667 |

DĠ Responsabbli | JLS |

Għanijiet | L-għan ta' dan il-proġett COPI kienet it-tfassil ta' strateġija ta' żvilupp tar-reġjuni ta'l-oriġini ta' l-emigranti. L-enfasi kienet fuq l-importanza ta' l-emigranti bħala aġenti ta' żvilupp fir-reġjuni ta' l-oriġini tagħhom. Ġiet organizzata pool ta' emigrazzjoni permezz ta' studji u riċerka mwettqa, kif ukoll database u relazzjonijiet ma' partijiet interessati fl-Italja u fil-Marokk. L-għan ewlieni tal-proġett kien rapport dwar il-moviemtni migratorji mill-Marokk u l-konsegwenzi tagġhom fuq l-iżvilupp tal-pajjiż, kif ukoll l-aħjar kundizzjonijiet sabiex l-emigrant ikun aġent ta' żvilupp għall-Marokk. Il-Linji Gwida għal pjan ta' azzjoni ġew imħejjija minn dan ir-rapport. Ġew organizzati konfernezi internazjoni dwar l-emigrazzjoni u l-iżvilupp bil-ħsieb li l-udjenza tkun waħda mifruxa mal-Mediterran. F'dak li għandu x'jaqsam mat-twettiq tal-proġett pilota, ġew stabbiliti attivitajiet ta' taħriġ fl-Italja u fil-komunità ta' l-oriġini ta' l-emigranti, bil-parteċipazzjoni tagġhom bħala medjaturi u għalliema. It-taħriġ iffoka fuq il-ħolqien u l-ġestjoni ta' kumpanija. |

[1] L-Emigrazzjoni u l-Iżvilupp: xi orjentazzjonijiet konkreti (COM (2005) 390 finali ta' l- 1.9.2005)

[2] COM(2005) 669 finali tal-21.12.2005.

[3] Il-Komunikazzjoni dwar il-prijoritajiet Politiċi fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali ta' ċittadini minn pajjiżi terzi (COM (2006) 402 finali tad-19.7.0 2006).

[4] "L-Istrateġija Globali dwar l-Emigrazzjoni sena wara: Lejn politika komprensiva dwar l-emigrazzjoni Ewropea" (COM (2006) 735 finali tat-30.11.2006)

[5] Għandhom jiddaħħlu r-referenzi

[6] Kif propost fil-Komunikazzjoni dwar 'L-Istrateġija Globali dwar l-emigrazzjoni sena wara'.

[7] Soġġetti għall-Atti ta' l-Adeżjoni ta' l-2003 u l-2005, il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u t-Turkija li jistipulaw li l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lil ħaddiema Torok, u l-prinċipju tal-preferenza Komunitarja.

[8] Dan jagħti d-dritt lid-detentur sabiex jirrisjedi u (fejn rilevanti) jaħdem fl-UE għal perjodu stipulat li jista' jinqasam f'diversi perjodi separati minn perjodi ta' ritorn lejn il-pajjiż ta' l-oriġini.

[9] Għal diskussjoni iktar fid-dettal tad-dibattitu dwar il- brain drain , ara l-Komunikazzjoni dwar l-Emigrazzjoni u l-Iżvilupp tal-Kummissjoni. Din il-Komunikazzjoni, kif ukoll il-Komunikazzjoni dwar "L-Istrateġija ta' l-UE dwar il-Kriżi fir-Riżorsi Umani għas-Saħħa fil-Pajjiżi fil-fażi ta' Żvilupp' (COM (2005) 642 finali) jinkludi xi tweġibiet prattiċi għall-isfidi tal- brain drain . Wieħed mill-għanijiet ta' l-aġġornament regolari tal-profili tal-migrazzjoni hija l-identifikazzjoni, għall-pajjiżi rilevanti fil-fażi ta' żvilupp, l-oqsma u l-okkupazzjonijiet milquta mill- brain drain .

[10] Uħud minn dawn il-proġetti jindirizzaw ukoll kwistjonijiet oħra, bħall-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin.

Top