EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52007DC0147
Report from the Commission to the Council on the application of the system of cross-compliance (under Article 8 of Council Regulation (EC) No 1782/2003 establishing common rules for direct support schemes under the common agricultural policy and establishing certain support schemes for farmers)
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tas-sistema tal-kundizzjonalità (skond l-Artikolu 8 tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa)
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tas-sistema tal-kundizzjonalità (skond l-Artikolu 8 tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa)
/* KUMM/2007/0147 finali */
Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tas-sistema tal-kundizzjonalità (skond l-Artikolu 8 tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa) /* KUMM/2007/0147 finali */
[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ | Brussel 29.3.2007 KUMM(2007) 147 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tas-sistema tal-kundizzjonalità (skond l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa) RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tas-sistema tal-kundizzjonalità (skond l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa) 1. INTRODUZZJONI Is-sistema tal-kundizzjonalità ( cross-compliance ) hija element ewlieni tar-riforma ta' l-2003 tal-politika agrikola komuni (PAK). Il-kundizzjonalità toħloq rabta bejn il-ħlas sħiħ ta' l-appoġġ u bejn il-konformità ma' ċerti regoli li jirrigwardaw l-art agrikola, il-produzzjoni agrikola, u l-attività fl-oqsma ta' l-ambjent, tas-saħħa pubblika, ta' l-annimali u tal-pjanti, tal-benesseri ta' l-annimali u kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin. Din ir-rabta tesprimiha f'termini konkreti l-possibilità li, jekk ma jitħarsux ir-regoli, jiġu mnaqqsa kompletament jew parzjalment ċerti ħlasijiet agrikoli mill-UE. It-tnaqqis għandu jkun ibbażat fuq il-gravità, id-daqs, il-permanenza, ir-ripetizzjoni u l-intenzjonalità tan-nuqqas ta' konformità. Il-kundizzjonalità għandha żewġ għanijiet. L-ewwel huwa li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' l-agrikoltura sostenibbli. Dan jinkiseb billi l-bidwi jħares ir-regoli dwar l-aspetti rilevanti tal-kundizzjonalità. It-tieni għan huwa li l-PAK issir aktar kompatibbli ma' l-aspettativi tas-soċjetà ġenerali. Qed issir dejjem aktar popolari l-fehma li l-ħlasijiet agrikoli m'għandhomx jibqgħu jingħataw lil bdiewa li jonqsu milli jirrispettaw ir-regoli bażiċi f'ċerti oqsma importanti tal-politika pubblika. Il-Kummissjoni hija konvinta li jekk niksbu dawn iż-żewġ għanijiet inkunu qed ngħinu biex jiġi garantit il-futur tal-PAK. L-Istati Membri issa jridu japplikaw din is-sistema għall-ħlasijiet diretti kollha – diżakkopjati jew akkopjati – taħt l-ewwel pilastru tal-PAK[1]. Għandhom ukoll japplikawha għal tmien miżuri tat-tieni pilastru tal-PAK[2]. Il-fażi tal-bidu qajmet diskussjoni dwar għadd ta' kwistjonijiet u s-sensittività ta' dan is-suġġett fiha nfisha tindika li l-kundizzjonalità mhix biss kwistjoni ta' preżentazzjoni. Dan għandu jitqies bħala żvilupp pożittiv, peress li l-kundizzjonalità għandha twassal għat-titjib tas-sostenibbiltà tal-PAK u l-livell ta' appoġġ tal-pubbliku għal din il-politika. Għalhekk m'hemm l-ebda argument biex dan il-kunċett jiddgħajjef. Minflok, għandu jsir kull sforz sabiex tittejjeb l-aċċettazzjoni tiegħu minn kull min hu involut – għall-benefiċċju ta' kulħadd. Peress li l-bdiewa huma fil-qalba tas-sistema u l-aċċettazzjoni tagħhom tal-kundizzjonalità hija ċentrali għas-suċċess tagħha, huwa importanti li wieħed jara l-affarijiet mill-perspettiva tagħhom. Il-kundizzjonalità tista' fil-fatt tirrappreżenta sfida għaliex kemm-il darba tirriżulta f'ġabra ta' regoli pjuttost vasta, fejn qabel dawn ir-regoli kienu jiġu implimentati independentement minn xulxin iżda issa huma miġbura f'lista waħda li tinkorpora oqsma differenti bħalma huma l-ambjent, is-saħħa pubblika u s-saħħa u l-benesseri ta' l-annimali. L-element kruċjali, il-possibbiltà ta' ħlasijiet imnaqqsa, ukoll jagħti lok għal tħassib. Għall-amministrazzjonijiet nazzjonali, l-introduzzjoni tal-kundizzjonalità ukoll kienet sfida. B'mod partikolari, dawn kellhom jiddefinixxu fid-dettall u jikkomunikaw lill-bdiewa b'mod li jinftiehem, ir-rekwiżiti u l-istandards li għandhom jiġu sodisfatti, sabiex titwaqqaf sistema ta' ġestjoni, kontroll u tnaqqis u sabiex tiġi assigurata l-koordinazzjoni fluwida bejn il-korpi kollha involuti. Huwa importanti li wieħed jiddistingwi bejn il-kwistjonijiet li jirriżultaw mill-qafas Komunitarju u dawk marbuta ma' l-implimentazzjoni nazzjonali ta' dan il-qafas. F'dan ir-rigward, wieħed għandu jinnota li s-sussidjarjetà hija wieħed mill-prinċipji li fuqhom jissejjes il-kundizzjonalità. Il-qafas ta' l-UE jipprovdi li r-rekwiżiti u l-istandards għandhom jindirizzaw ir-riskji u r-restrizzjonijiet lokali, u dan ifisser li jkunu differenti bejn Stat Membru jew reġjun u ieħor. Il-qafas ta' l-UE jinkoraġixxi wkoll l-użu mxerred ta' sistemi nazzjonali ta' ġestjoni li kienu jeżistu qabel, li jfisser li l-organizzazzjoni ta' sistemi ta' kontroll ukoll tkun differenti bejn Stat Membri u ieħor. Fl-istess ħin, madankollu, teżisti l-ħtieġa li niżguraw kundizzjonijiet ġusti madwar l-UE fir-rigward tal-kundizzjonalità għall-bdiewa. Dan jiġi żgurat permezz ta' qafas komuni li jrid jibqa' mandatorju, fir-rigward kemm tad-definizzjoni tar-rekwiżiti u l-istandards li l-bdiew għandhom jissodisfaw u s-sistema ta' ġestjoni, kontroll u tnaqqis. Is-sejbien tal-bilanċ xieraq bejn il-qafas komuni ta' l-UE, minn naħa, u sitwazzjonijiet lokali speċifiċi, min-naħa l-oħra, huwa waħda mill-aktar sfidi importanti quddiem is-sistema. Il-Kummissjoni hija konxja minn dawn il-punti sensittivi min-naħa ta' dawk ikkonċernati u dan ir-rapport għalhekk l-aktar li se jikkonċentra fuq il-proponiment ta' soluzzjonijiet immedjati għall-problemi li ġew identifikati s'issa. Il-Kummissjoni qed tiffinanzja għadd ta' studji dwar l-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità mill-Istati Membri. Dawn għadhom għaddejjin, u għadhom ma ntlaħqu l-ebda konklużjonijiet definiti s'issa. Huwa għalhekk kmieni wisq biex wieħed jikkontempla tibdil fl-ambitu tal-kundizzjonalità, iżda dawn jissemmew fil-kuntestt ta' "l-eżami tas-saħħa". 2. Kundizzjonalità kif definita fuq il-livell ta' l-UE L-ambitu tal-kundizzjonalità (ir-regoli li għandu jikkonforma magħhom il-bidwi) jinkludi żewġ komponenti: Ir-"rekwiżiti ta' ġestjoni statutorji" (SMRs) u "kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba" (GAEC). Il-GAEC jinkludi żewġ tipi ta' elementi: il-konformità tal-bdiewa ma' ġabra ta' standards marbuta ma' erba' kwistjonijiet, u obbligu sabiex l-Istat Membru jżomm il-proporzjon taż-żona agrikola tiegħu bħala mergħa permanenti. - L-introduzzjoni ta' SMRs taħt il-kundizzjonalità ma toħloqx obbligi ġodda għall-bdiewa, peress li l-leġiżlazzjoni kkonċernata u r-regoli ta' infurzar eżistew b'mod indipendenti għal ċertu żmien qabel u tnaqqisiet tal-kundizzjonalità japplikaw mingħajr preġudizzju għas-sistema indipendenti ta' penali stabbilita mil-leġiżlazzjoni speċifika. Tista', madankollu tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-implimentazzjoni mtejba ta' din il-leġiżlazzjoni, b'mod partikolari permezz tat-tqajjim tal-kuxjenza fost il-bdiewa. 14 mit-18-il att Komunitarju elenkati bħala SMRs huma Direttivi li, fin-natura tagħhom stess, iħallu f'idejn l-Istati Membri l-mezzi li għandhom jiġu applikati sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fihom. Sa ċertu punt, dan jinfluwenza wkoll l-infurzar tagħhom permezz tal-kundizzjonalità. - Meta l-kundizzjonalità daħlet fis-seħħ, l-istandards GAEC, fihom infushom, kienu ġodda għallinqas għal dawk il-bdiewa li ma kellhomx, bħala benefiċjarji tal-miżuri agrikoli ta' l-iżvilupp rurali jew ta' ħlasijiet għal żoni żvantaġġatti, preċedentement jużaw prassi tajba tal-biedja. L-Istati Membri jridu jiddefinixxu r-rekwiżiti minimi għall-istandards kollha abbażi tal-qafas imwaqqaf bl-Anness IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003, minbarra dawk li mhumiex rilevanti għall-kuntest nazzjonali. Minn stħarriġ ta' l-Istati Membri, is-servizzi tal-Kummissjoni huma konxji dwar ċerti problemi bid-definizzjoni u l-livell tar-rekwiżiti minimi mill-Istati Membri. Dawn il-problemi se jissegwew flimkien ma' l-Istati Membri u se jkollhom jinstabu s-soluzzjonijiet. 3. OSSERVAZZJONIJIET DWAR L-APPLIKAZZJONI TAS-SISTEMA TAL-KUNDIZZJONALITÀ 3.1. Sinteżi tad- data dwar l-applikazzjoni tas-sistema Id-diskussjonijiet imqanqla dwar il-kundizzjonalità mhumiex l-unika indikazzjoni li, minkejja l-limitazzjonijiet imsemmija hawn fuq, is-sistema fil-fatt qed tiġi implimentata fil-prattika. Il-Kummissjoni wkoll ikkonfermat dan minn data dwar kontrolli u tnaqqisiet li rċeviet minn 23 Stat Membru. Dawn id- data (għall-2005) jistgħu jitqassmu hekk: - spezzjonijiet fuq il-post (240 898 b'kollox) saru fuq 4.92% tal-bdiewa affetwati mill-kundizzjonalità. Ir-rata għall-Istati Membri li japplikaw il-kundizzjonalità sħiħa (4.4%) toħroġ mir-rata speċifika ta' kontroll għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem bovini (5 jew 10% ta' l-istabbilimenti). Ir-rata għall-Istati Membri koperti bl-iskema ta' ħlas għal żona waħda (SAPS) (5.7%), li japplikaw biss il-GAECs, tirriżulta mill-fatt li fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri saru spezzjonijiet konġunti għall-kundizzjonalità u l-eliġibbiltà; - it-tnaqqisiet ġew applikati għal 11.9% tal-bdiewa soġġetti għal spezzjonijiet fuq il-post: din ir-rata hija ogħla għal Stati Membri li japplikaw il-kundizzjonalità sħiħa (16.4%) milli għall-Istati Membri l-oħra (6.1%) peress li dawn ta' l-aħħar kellhom biss jivverifikaw il-konformità mal-GAEC. Madwar l-UE, it-tnaqqisiet totali li ġew applikati ammontaw għal €9.84 miljun; - fi Stati Membri li japplikaw il-kundizzjonalità[3] sħiħa, il-parti l-kbira (71%) skoprew każijiet ta' nuqqas ta' konformità marbuta ma' l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem bovini, filwaqt li l-każijiet li jibqa' fil-biċċa l-kbira jikkonċernaw il-GAEC (13%) u d-Direttiva dwar in-Nitrati (10%); - il-biċċa l-kbira tat-tnaqqisiet (68% kumplessivament – sa 98% f'ċerti Stati Membri) ġew applikati fil-livell minimu ta' 1% tal-ħlasijiet diretti. Madwar 14% ġew applikati f'livell ta' 3% u 12% f'livell ta' 5%. 3.2 . Kwistjonijiet imqajma mill-Istati Membri Kmieni fl-2006, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-Istati Membri kellhom skambju ta' fehmiet dwar il-kundizzjonalità (abbażi tal-kwestjonarju dwar is-suġġett) fil-qafas tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Ħlasijiet Diretti. L-Istati Membri spjegaw kwistjonijiet li kienu qamu fl-ewwel sena ta' l-implimentazzjoni, li fil-qosor tista' tingħata hekk: - Ġenerali. Il-ġestjoni tas-sistema ġeneralment inħasset li timponi piżijiet żejda. Kien diffiċli li jiġu determinati l-elementi prattiċi li għandhom jikkonformaw magħhom il-bdiewa u li għalhekk għandhom jiġu kontrollati. Mhux dejjem kien ħafif li r-regoli ġodda jiġu komunikati lill-bdiewa. L-informazzjoni storika wkoll, kienet nieqsa. - Kif laqgħuha l-bdiewa. Il-ħolqien ta' kuxjenza fost il-bdiewa kien imxekkel mill-volum u n-natura teknika ta' l-informazzjoni dwar il-kundizzjonalità. Il-bdiewa xi kultant kellhom iħabbtu wiċċhom ma' obbligi ġodda. Kienu wkoll taħt l-impressjoni li kienu ffaċċati bit-theddida ta' "sanzjoni doppja": waħda taħt il-kundizzjonalità u oħra taħt il-leġiżlazzjoni speċifika. - Organizzazzjoni tas-sistema. Xi kultant huwa diffiċli li l-użu tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll tiġi rrikonċiljata mad-dispożizzjonijiet ġuridiċi ta' l-UE. Restrizzjonijiet u problemi qamu minn deċiżjonijiet li kienu għamlu l-Istati Membri fir-rigward ta' l-organizzazzjoni tal-kontroll, eż. iżżejjed jew ftit wisq awtoritajiet kompetenti ta' kontroll. - Ir-rata ta' kampjunar u kontroll. Il-popolazzjoni soġġetta għall-kontrolli saret magħrufa tard wisq sabiex setgħu jsiru l-verifiki ta' ċerti rekwiżiti. Ġie propost li għandhom jiġu speċifikati r-regoli għal għażla aleatorja possibbli. Ir-rata ta' kontroll għandha tkun ogħla taħt ċerti ċirkostanzi (l-istess popolazzjoni koperta minn diversi awtoritajiet ta' kontroll b'rata ta' 1% kull wieħed, japplikaw rati speċifiċi ta' kontroll, eż. bovini, eċċ.). B'mod partikolari, ir-rati speċifiċi ta' kontroll li għandhom jiġu applikati taħt il-leġiżlazzjoni settorjali jistgħu joħolqu problemi ta' organizzazzjoni. - Spezzjonijiet fuq il-post u rappurtaġġ. Ir-regoli ma kinux ċari biżżejjed fir-rigward tal-ħin xieraq sabiex isiru l-ispezzjonijiet fuq il-post, x'għandu jiġi vverifikat matul l-ispezzjoni u l-għadd ta' spezzjonijiet meħtieġa. Inħass li l-ispezzjonijiet kienu twal wisq, speċjalment jekk il-farm ikun maqsum f'diversi siti, u jinvolvu l-parteċipazzjoni tal-bidwi. Ċerti rekwiżiti kienu diffiċli li jiġu vverifikati. Ir-rapporti tal-kontrolli kienu twal u mhux dejjem faċli biex wieħed jifhimhom. - Kalkolu tat-tnaqqis . L-għadd u l-firxa tar-rekwiżiti fissret li l-kalkolu tat-tnaqqis kien diffiċli u l-bdiewa sabuha diffiċli biex jifhmuh. Kien diffiċli li jiġu ddefiniti l-prinċipji ta' "gravità", "miżura", "permanenza", "ripetizzjoni" u l-"intenzjonalità" kumplessiva. Inħass ukoll li l-applikazzjoni ta' "ripetizzjoni" kienet ukoll awtomatika wisq. Kien hemm riskji ta' diskrepanzi bejn l-Istati Membri. Fil-prattika, ftit kien hemm ħtieġa għall-eżenzjoni ta' każijiet minuri ta' nuqqas ta' konformità mit-tnaqqis, u minħabba f'hekk, dawk ikkonċernati inqas kienu disposti li jilqgħu s-sistema. 3.3. Il-valutazzjoni inizzjali tal-verifiki magħmula mill-Kummissjoni Fl-2005 u l-2006, is-servizzi tal-Kumissjoni għamlu 13-il verifika dwar l-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità mill-Istati Membri. Is-sejbiet ewlenin huma: - Informazzjoni mogħtija lill-bdiewa. L-informazzjoni ngħatat lill-bdiewa permezz ta' fuljetti, materjal fuq l-internet u sessjonijiet ta' taħriġ. Il-kwistjonijiet koperti inkludew obbligi tal-kundizzjonalità, kontrolli u l-kalkolu tat-tnaqqis (l-informazzjoni dwar dan ta' l-aħħar xi drabi kienet pjuttost ġenerika). Din l-informazzjoni xi kultant ingħatatilhom tard wisq. - Nominazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' kontroll. Għadd żgħir ta' Stati Membri nnominaw l-Aġenzija li Tħallas bħala l-unika awtorità kompetenti ta' kontroll (CCA) għall-kundizzjonalità. Fil-każijiet l-oħra, l-Aġenzija li Tħallas is-soltu jkollha rwol ta' koordinatriċi. L-involviment tal-korpi speċjalizzati ta' kontroll jiżgura livell għoli ta' għarfien espert iżda joħloq problemi ta' koordinament. Instab ukoll li s-CCAs xi drabi jiddelegaw l-ispezzjonijiet fuq il-post lil korpi oħra (pubbliċi jew privati). - L-għażla tal-kampjun ta' kontroll u l-analiżi tar-riskju. Qamu diffikultajiet fejn il-popolazzjoni koperta mis-CCA tkun żgħira wisq biex tippermetti analiżi tar-riskju kif suppost, u fejn is-CCA tkun responsabbli sabiex tivverifika l-konformità mal-ħafna rekwiżiti. F'ħafna każijiet, ftit kriterji speċifiċi tar-riskju jintużaw ukoll jekk l-informazzjoni tkun disponibbli. Finalment, l-eżistenza tar-rati differenti ta' kontroll taħt il-kundizzjonalità qajmet ċerti diffikultajiet. - Elementi ta' l-ispezzjoni fuq il-post u rappurtaġġ. Id-diffikultajiet ewlenin li nstabu fir-rigward ta' l-ispezzjonijiet kienu bl-SMR 2 (ilma ta' taħt l-art), SMR 1 u 5 (għasafar selvaġġi u ħabitat), SMR 4 (nitrati), u SMR 6 u 8a (identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-bhejjem) għan-nagħaġ, mogħoż u ħnieżer. Instabu problemi fl-armonizzazzjoni tar-rapporti, id-deskrizzjoni tan-natura u l-profondità ta' l-ispezzjonijiet li saru, u l-valutazzjoni tal-każi ta' nuqqas ta' konformità li nstabu. - Applikazzjoni tat-tnaqqis. Ċerti Stati Membri diġà kienu stabilixxew livelli ta' tnaqqis, b'hekk ma ħallew l-ebda lok għal evalwazzjoni mill-kontrollur, filwaqt li Stati Membri oħra jipprovdu biss linji ta' gwida sabiex jiġi kkalkulat it-tnaqqis. Ċerti matriċi x'aktarx li qatt ma huma se jwasslu għal tnaqqis ta' aktar minn 1%. Barra minn hekk, f'ħafna Stati Membri spezzjonati, każijiet minuri ta' nuqqas ta' konformità huma eżentati mit-tnaqqis. Finalment, każijiet ta' nuqqas ta' konformità li nqabdu, li jkunu barra l-kampjun ta' kontroll ta' 1% mhux dejjem jiġu segwiti. Dawn is-sejbiet se jiġu vvalutati fil-qafas tal-proċedura għall-approvazzjoni tal-kontijiet għall-infiq ta' l-EAGF. 4. TITJIB TAS-SISTEMA 4.1. L-iżvilupp u s-simplifikar tas-sistema ta' ġestjoni, kontroll u tnaqqis Kwistjonijiet marbuta mas-sistemi ta' ġestjoni, kontroll u tnaqqis ġew identifikati abbażi ta' l-informazzjoni deskritta hawn fuq. Is-servizzi tal-Kummissjoni diġà ħadu inizjattivi sabiex jgħinu lill-Istati Membri jimplimentaw il-kundizzjonalità, u mill-2005, inħarġu seba' dokumenti ta' gwida. Organizzaw ukoll skambji li jippermettu lill-Istati Membri jaqsmu bejniethom "l-aqwa prassi" u jqabblu l-esperjenzi tagħhom bl-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità. Il-Kummissjoni se tkompli tinkoraġixxi diskussjonijiet bħal dawn, speċjalment dwar: - l-użu possibbli ta' punti ta' konġestjoni għall-kontrolli, eż. it-twettiq ta' kontrolli fuq il-livell ta' fabbriki tal-ħalib jew biċċeriji, li jwassal għal anqas piż fuq l-ispezzjonijiet fil-farms, - is-sistemi ta' tnaqqis (eż. l-applikazzjoni tas-sistemi tal-punti), - l-informazzjoni pprovduta lill-bdiewa, - il-fatt li ċerti bdiewa qegħdin f'riskju akbar ta' tnaqqis minn oħrajn. Il-Kummissjoni lesta tieħu azzjoni ulterjuri mingħajr dewmien biex tindirizza mistoqsijiet pendenti li jistgħu jissolvew fuq il-livell ta' l-UE. F'dan ir-rigward, il-kwistjonijiet li ġejjin se jiġu indirizzati f'diskussjonijiet fil-livell tal-Kunsill jew il-Kummissjoni. 4.1.1. Tolleranza għal każijiet minuri ta' nuqqas ta' konformità, ir-regola de minimis ġdida F'ċerti każijiet in-nuqqasijiet ta' konformità li jinstabu waqt spezzjonijiet jistgħu ma jiġġustifikawx tnaqqis taħt il-kundizzjonalità[4]. Madankollu, ir-regoli attwali ma jipprovdux espliċitament għal xi marġini ta' diskrezzjoni għat-trattament ta' dan it-tip ta' kontravenzjonijiet minuri. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-Istati Membri għandhom ikunu permessi biex ma jkomplux isegwu każijiet li ma jwasslux għat-tnaqqis ta' 3% kif previst fil-każ ta' negliġenza, li f'ċerti każijiet jista' jitnaqqas għal minimu ta' 1%. Madankollu, f'dawn il-każijiet, għandha tintbagħat ittra ta' twissija lill-bidwi, fejn ikun indikat li azzjoni ta' rimedju tkun meħtieġa. Dawn il-każijiet se jissegwew u se jitqiesu fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ripetut. Sabiex jiġi ddeterminat il-marġni tat-tolleranza għall-iskopijiet ta' implimentazzjoni ta' eżenzjonijiet bħal dawn, ġeneralizzazzjoni tas-sistema tal-punti, li diġà tapplika f'xi Stati Membri tista' tiġi eżaminata. L-applikazzjoni ta' tnaqqis għal ammonti inizzjali baxxi ħafna wkoll tista' tidher bħala mhux ġustifikata u ta' piż żejjed għall-amministrazzjoni. Għalhekk regola de minimis għandha tiġi stabbilita li tippermetti eżenzjoni mill-applikazzjoni tat-tnaqqis taħt il-kundizzjonalità, li jaqgħu taħt il-limitu ta' madwar €50. Dan jeżenta minn tnaqqis immedjat ta' 1% lill-bdiewa li jirċievu inqas minn €5 000. Madankollu l-ittra ta' twissija u l-azzjoni ta' segwitu msemmija hawn fuq ukoll għandhom japplikaw f'dawn il-każijiet. Fiż-żewġ każijiet, l-azzjonijiet ta' rimedju għandhom jissegwew lil hinn mill-kampjun ta' kontroll tas-soltu ta' 1%. Madankollu, dan m'għandux iwassal għall-introduzzjoni ta' saff ieħor ta' kontroll. L-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli tkun mingħajr preġudizzju għall-infurzar tas-sanzjonijiet stabbiliti taħt il-leġiżlazzjoni speċifika. 4.1.2. L-armonizzazzjoni tar-rati ta' kontroll Fejn leġiżlazzjoni speċifika għal ċerti setturi tiffissa rata ta' kontroll minima, hija din ir-rata li għandha tiġi applikata minflok ir-rata minima ta' 1% stipulata għall-kundizzjonalità. Kif semmew ċerti Stati Membri, l-eżistenza ta' rati differenti ta' kontroll tista' tkun qed tagħmilha aktar diffiċli li jiġu organizzati kontrolli għall-kundizzjonalità. Il-Kummissjoni biħsiebha tintroduċi fir-Regolament rilevanti tal-Kummissjoni rata unika ta' kontroll b'minimu ta' 1% għal spezzjonijiet fuq il-post għall-kundizzjonalità. Barra minn hekk, kwalunkwe każijiet ta' nuqqas ta' konformità li jinstabu matul l-ispezzjonijiet fuq il-post skond il-leġiżlazzjoni settorjali jkollhom jiġu rrappurtati, u segwiti skond il-kundizzjonalità. Din ir-rata minima ta' kontroll ta' 1% hija mingħajr preġudizzju għall-ispezzjonijiet ta' segwitu fil-kuntest tat-tolleranza għal każijiet minuri ta' nuqqas ta' konformitajiet u r-regola de minimis. Taħt il-leġiżlazzjoni attwali tal-Kummissjoni, jekk spezzjonijiet fuq il-post jikxfu livell sinifikanti ta' nuqqas ta' konformità, jiżdied l-għadd ta' spezzjonijiet bħal dawn li jkollhom isiru matul il-perjodu ta' kontroll li jkun imiss. Dawn l-ispezzjonijiet ta' segwitu jikkonċernaw ir-rekwiżiti u l-istandards kollha li għalihom tkun responsabbli l-awtorità kompetenti ta' kontroll u, skond l-istruttura amministrattiiva ta' l-Istat Membru, ir-rata ta' kontroll miżjuda tista' tirrigwarda diversi oqsma tal-kundizzjonalità. Ikun preferibbli, madankollu, li wieħed jiffoka ż-żieda tal-kontrolli biss fuq iż-żona f'riskju. Il-Kummissjoni għalhekk biħsiebha tbiddel ir-regoli sabiex iż-żieda fir-rata ta' kontroll tkun limitata għall-qasam partikolari li fih kien instab livell għoli ta' nuqqas ta' konformità. 4.1.3. Avviż bil-quddiem dwar spezzjonijiet fuq il-post Ma hemm l-ebda provvediment fil-leġiżlazzjoni attwali dwar infurmar minn qabdel dwar spezzjonijiet fuq il-post għall-kundizzjonalità. Madankollu, fejn l-ispezzjonijiet konġunti jsiru għall-eliġibbiltà u l-kundizzjonalità, il-prinċipju ta' spezzjonijiet għal għarrieda għall-eliġibbiltà qiegħed limitazzjoni de facto fuq il-kontrolli għall-kundizzjonalità. Anqas strettezza fil-spezzjonijiet ta' l-eliġibbiltà taż-żoni ttejjeb il-koordinament tal-spezzjonijiet mingħajr ma thedded l-effettività tagħhom. Il-Kummissjoni għalhekk, għall-SPS, SAPS u l-kundizzjonalità (fosthom it-8 miżuri ta' żvilupp rurali), se toħloq possibbiltà li jingħata avviż dwar spezzjonijiet sa 14-il jum bil-quddiem, bil-kundizzjoni li l-għan ta' l-ispezzjonijiet ma jkunx mhedded. Il-possibilità li din ir-regoli tiġi estiża għal skemi oħra se tiġi eżaminata aktar. Madankollu, l-kontrolli fuq l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem (għall-eliġibbiltà jew għall-kundizzjonalità) u dwar il-konformità mal-liġi dwar l-ikel u l-għalf u r-regoli dwar is-saħħa u l-benesseri ta' l-annimali, fil-prinċipju se jibqgħu għal għarrieda minħabba r-rekwiżiti mandatorji tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE dwar is-saħħa ta' l-annimali. 4.1.4. Meta jsiru l-ispezzjonijiet fuq il-post u elementi oħra u rapporti Meta jsiru l-ispezzjonijiet fuq il-post mhux stipulat fil-leġiżlazzjoni attwali, u dan wassal għal għadd ta' mistoqsijiet mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni biħsieba tiċċara r-regoli sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jagħrfu li huma meħtieġa jidentifikaw il-perjodu tas-sena li fih jiġu vverifikati l-parti l-kbira ta' l-obbligi, jew dawk l-aktar rappreżentattivi. Il-parti l-kbira ta' l-spezzjonijiet se jsiru matul dan il-perjodu. L-obbligi li jifdal ikunu iċċekjati f'perjodi differenti matul is-sena, ġewwa l-kampjun regolari minimu ta' 1%. Barra minn hekk, il-Kummissjoni biħsiebha tagħmel it-tibdiliet meħtieġa sabiex tippermetti li jsiru spezzjonijiet fuq il-post (bħal kif inhu l-każ għall-verifiki ta' l-eliġibbiltà), li għandhom isiru biss fuq nofs il-ħbula tar-raba milli għall farm kollha kemm hi. Fl-aħħarnett, ir-regoli għandhom jiġu ċċarati sabiex jiġi żgurat li l-bidwi jirċievei r-rapport tal-kontroll sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-ispezzjonijiet. 4.1.5. Għażla tal-kampjun ta' kontroll Il-leġiżlazzjoni attwali dwar l-ispezzjonijiet fuq il-post ma tippermettix li l-farms jintagħżlu parzjalment fuq bażi aleatorji. Peress li l-kampjunar aleatorju nstab utli fil-kuntest ta' l-spezzjonijiet ta' l-eliġibbiltà, il-Kummissjoni biħsiebha temenda r-regoli sabiex tinkludi element aleatorju wkoll għall-kundizzjonalità. 4.1.6. Informazzjoni mtejba għall-bdiewa. Huwa essenzjali li l-bdiewa jkunu infurmati kif jixraq dwar ir-rekwiżiti speċifiċi, konkreti li għandhom jirrispettaw taħt il-kundizzjonalità. Il-Kummissjoni biħsiebha tiċċara r-regoli attwali fir-rigward ta' l-informazzjoni li l-Istati Membri huma obbligati jipprovdu lill-bdiewa. 4.1.7. Skeda għall-implimentazzjoni ta' rekwiżiti ġodda jew mibdula fl-ambitu attwali tal-kundizzjonalità L-esperjenza wriet li mhux dejjem faċli għall-bdiewa jimplimentaw rekwiżiti ġodda introdotti taħt il-kundizzjonalità . Dan tqies għar-rekwiżiti attwali b'fażi ta' introduzzjoni ta' 3 snin f'waħda mill-SMRs. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-prinċipju ta' l-introduzzjoni gradwali jinżamm billi tiġi stabbilita skeda realistika għall-inklużjoni ta' kwalunkwe rekwiżiti ġodda jew mibdula taħt il-kundizzjonalità . 4.2. Inqisu s-Sistemi Konsultattivi tal-Farms L-Istati Membri, sa l-1 ta' Jannar 2007, kellhom iwaqqfu sistema konsultattiva għall-farms (FAS) li tkopri għallinqas ir-rekwiżiti u l-instandards tal-kundizzjonalità . Is-servizzi tal-Kummissjoni jaraw din is-sistema konsultattiva bħala waħda fundamentali għat-titjib ta' l-aċċettazzjoni tal-kundizzjonalità mill-bdiewa. Tabilħaqq, għadd ta' problemi li rriżultaw mill-perjodu tal-bidu huma marbuta ma' diffikultajiet li l-bdiewa kellhom biex jifhmu u jimplimentaw obbligi tal- kundizzjonalità . Peress li bidwi li qed jingħata l-pariri x'aktarx li jifhem aħjar u għalhekk jikkonforma ma' l-obbligi tiegħu tal-kundizzjonalità , il-parteċipazzjoni tiegħu fl-FAS tista' titqies bħala fattur fl-analiżi tar-riskju. Il-Kummissjoni biħsiebha tiċċara r-regoli kif meħtieġ. 4.3. Inqisu s-sistemi ta' ċertifikazzjoni għall-ġesjtjoni tal-kundizzjonalità Għadd ta' bdiew bħalissa qed jieħdu sehem fi skemi ta' ċertifikazzjoni tal-kwalità li s-soltu jinvolvu għadd ta' verifiki mill-korp ta' ċertifikazzjoni. F'ċerti każijiet, spezzjonijiet fuq il-post għall-kundizzjonalità jitqiesu mill-bdiewa bħala piż amministrattiv ġdid li mhux meħtieġ għaliex ikopru l-istess elementi ta' ċerti standards li diġà jkunu ġew ċertifikati taħt l-iskemi privati. Jidher xieraq li nfittxu s-sinerġiji bejn skemi ta' ċertifikazzjoni u spezzjonijiet fuq il-post għall-kundizzjonalità , bil-kundizzjoni li l-iskemi taċ-ċertifikazzjoni jkunu approvati uffiċjalment u jkunu rilevanti għall-kundizzjonalità . Il-Kummissjoni għalhekk biħsiebha tadatta r-regoli sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jużaw id- data li tikkonċerna bdiewa ċertifikati għal skopijiet ta' analiżi tar-riskju għall-kampjun ta' bdiewa li jkunu se jiġu spezzjonati. 4.4. Simplifikazzjoni tar-"regola ta' 10 xhur" L-hekk-imsejħa "regola ta' 10 xhur" stipulata fl-Artikolu 44(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 irriżultat bħala waħda diffiċli biex jimplimentawha l-Istati Membri għandha impatt sproporzjonat fuq is-suq ta' l-artijiet. Din ir-regola – li tobbliga lill-bidwi jżomm fil-pussess tiegħu għal 10 xhur il-ħbula ta' art iddikjarati għall-attivazzjoni ta' l-allokazzjonijiet għall-iskema ta' ħlas uniku (SPS) – tqajjem għadd ta' problemi ta' ġestjoni. Se ssir proposta biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata kif suppost kemm għall-SPS kif ukoll għas-SAPS. Barra minn hekk, ir-responsabbiltà tat-trasferitur fil-konfront ta' l-obbligi tal-kundizzjonalità f'każijiet fejn l-art tiġi trasferita matul is-sena se tiġi ċċarata. 4.5. L-introduzzjoni gradwali ta' l-SMRs għall-Istati Membri li japplikaw is-SAPS Skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2006, l-Istati Membri li japplikaw is-SAPS se jkollhom jimplimentaw l-SMRs bħala parti mill-kundizzjonalità mill-2009. L-esperjenza bl-Istati Membri l-oħra wriet li t-twaqqif ta' dan l-element tal-kundizzjonalità ġie ffaċilitat minn perjodu ta' introduzzjoni gradwali ta' 3 snin. Proposta hija maħsuba sabiex l-istess perjodu ta' introduzzjoni gradwali ta' tliet snin jiġi applikat għall-Istati Membri li japplikaw is-SAPS. Dan il-perjodu jibda fl-2009 għall-Istati Membri kollha minbarra l-Bulgarija u r-Rumanija, li jibdew fl-2012. 5. Konklużjonijiet Fid-dawl ta' l-evalwazzjoni f'dan ir-rapport, il-Kummissjoni fl-2007 biħsiebha: a. tipprovdi aktar tagħrif dwar l-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità mill-Istati Membri. b. tagħmel proposta lill-Kunsill jew tressaq abbozz ta' regoli lill-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Ħlasijiet Diretti sabiex: - isir provvediment għall-introduzzjoni gradwali ta' l-SMRs għall-Istati Membri li japplikaw is-SAPS, - jiġu introdotti dispożizzjoni għas-simplifikazzjoni tar-"regola ta' 10 xhur," - isir titjib għat-tolleranza ta' każijiet minuri ta' nuqqas ta' konformità u tiġi introdotta regola de minimis ġdida, - jiġu armonizzati r-rati ta' kontroll - jiġi introdott avviż bil-quddiem dwar spezzjonijiet fuq il-post, fejn dan ikun possibbli, - jiġu kkjarifikat meta jsiru l-ispezzjonijiet fuq il-post u elementi oħra u rapporti, - Titjib ta' l-għażla tal-kampjun ta' kontroll, ukoll fir-rigward tal-FAS u s-sistemi ta' ċertifikazzjoni, - u tittejjeb l-informazzjoni pprovduta lill-bdiewa. [1] Ara l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003. [2] Ara l-Artikolu 51 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005. [3] Sabiex iċ-ċifri jibqgħu preċiżi, dan ma jinkludix Stati Membri li japplikaw biss il-GAEC. [4] Pereżempju, bhejjem miżmuma għal skopijiet agrikoli għandhom jiġu identifikati skond ir-regoli Komunitarji dwar is-saħħa ta' l-annimali. It-telf ta' tikketta tal-widnejn jew passaport tal-bhejjem bovini ma jfissirx sanzjoni awtomatika, sakemm il-bhejjem jibqgħu identifikabbli minn elementi oħra (tikketta oħra tal-widnejn jew reġistru ta' l-istabbiliment). F'dan il-każ l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux iqisuh bħala nuqqas ta' konformità li tista' twassal għal tnaqqis skond il-kundizzjonlità.