EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006PC0168

Proposta emendata għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri kriminali bil-għan li jiżguraw li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jkunu mħarsa

/* KUMM/2006/0168 finali - COD 2005/0127 */

52006PC0168

Proposta emendata għal direttiva tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri kriminali bil-għan li jiżguraw li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jkunu mħarsa /* KUMM/2006/0168 finali - COD 2005/0127 */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, il-26.4.2006

COM(2006) 168 finali

2005/0127 (COD)

Proposta emendata għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar miżuri kriminali bil-għan li jiżguraw li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jkunu mħarsa

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Motivazzjoni tal-proposta

Din il-proposta għal Direttiva temenda l-proposta għal Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-miżuri kriminali li għandhom l-għan li jiżguraw id-drittijiet tal-proprjetà intelletwali (2005/0127 COD). Din timplimenta l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Novembru 2005 COM(2005) 583 finali dwar il-konsegwenzi tas-sentenza tal-Qorti tat-13.9.05 (C-176/03 il-Kummissjoni/il-Kunsill). Fil-fatt, minn din is-sentenza jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali neċessarji għall-implimentazzjoni effettiva tal-liġi komunitarja ġejjin mit-TKE. Il-Komunikazzjoni tispeċifika li fir-rigward tal-proposti pendenti, il-Kummissjoni se tintroduċi, sakemm ikun meħtieġ, l-emendi neċessarji fil-proposti tagħha. Din issemmi espressament l-abbozz ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-miżuri kriminali li jiżguraw li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jkunu mħarsa u l-proposta għal Deċiżjoni qafas tal-Kunsill dwar it-tisħiħ kriminali għall-ġlieda kontra r-reati marbuti mal-proprjetà intellettwali (COM(2005) 276 finali). B’konsegwenza ta’ dan, il-proposta għal Deċiżjoni qafas kienet irtirata u ġiet imfassla proposta li temenda l-proposta għal Direttiva dwar il-miżuri kriminali.

Id-dispożizzjonijiet dwar il-livell ta’ sanzjonijiet u s-setgħat mifruxa ta’ konfiska li jinsabu fl-abbozz ta’ Deċiżjoni qafas issa saru jagħmlu ħaġa waħda mill-abbozz il-ġdid ta’ Direttiva.

Id-dispożizzjonijiet biss li kienu jinsabu fid-Deċiżjoni qafas fl-Artikolu 5 dwar il-kompetenza u l-koordinazzjoni tal-proċeduri ma reġgħux ġew stipulati fl-abbozz il-ġdid. Fil-fatt, il-Kummissjoni tikkunsidra metodu orizzontali f’din il-kwistjoni fil-qafas tal-Green Paper tagħha dwar il-kunflitti ta’ kompetenza u l-prinċipju ne bis in idem fil-qafas tal-proċeduri kriminali li kien adottat fit-23.12.2005[1]. F’dan il-kuntest, ma tikkunsidrax bħala indispensabbli li tipprevedi sistema speċifika biex il-proprjetà intellettwali tkun imħarsa.

Il-falsifikazzjoni u l-piraterija, u b’mod ġenerali, ir-reati marbuta mal-proprjetà intellettwali, huma fenomeni li dejjem qegħdin jikbru li llum il-ġurnata għandhom dimensjoni internazzjonali, minħabba li jippreżentaw theddida serja għall-ekonomiji nazzjonali u l-Istati. Id-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali ta’ sanzjonjiet, minbarra li huma ta’ ħsara għat-tħaddim xieraq tas-suq intern, jagħmlu l-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija aktar diffiċli. Minbarra l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali li jġibu magħhom, il-falsifikazzjoni u l-piraterija jqajmu wkoll problemi ta’ protezzjoni tal-konsumatur, speċjalment fejn jidħlu s-saħħa u s-sigurtà. L-użu ta' l-Internet li kull ma' jmur dejjem jiżdied, iwassal għat-tqassim immedjat ta’ prodotti ta’ piraterija madwar id-dinja. Fl-aħħarnett, dan il-fenomenu qed jidher li hu aktar u aktar marbut mal-kriminalità organizzata. Għalhekk, il-ġlieda kontra dan il-fenomenu huwa ta’ importanza prinċipali għall-Komunità. Fil-fatt, il-falsifikazzjoni u l-piraterija saru attivitajiet ta’ qligħ bl-istesss mod bħal attivitajiet kriminali oħra organizzati fuq skala kbira bħat-traffikar illegali tad-droga. Jistgħu jinkisbu profitti għoljin mingħajr ir-riskju ta’ sanzjonijiet legali importanti. Huwa meħtieġ li jiżdiedu aktar dispożizzjonijiet mad-Direttiva 2004/48/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali biex il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija tissaħħaħ u tittejjeb. Minbarra l-miżuri amministrattivi u ċivili, il-proċeduri u r-rimedji stipulati fid-Direttiva 2004/48/KE, is-sanzjonijiet kriminali jikkonsistu wkoll, fejn ikun xieraq, f’metodi sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jkunu rrispettati[2].

Bid-dħul fis-seħħ tal-ftehim TRIPS kien hemm bidu ta’ armonizazzjoni li jistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi dwar kif jistgħu jiġu rrispettati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li għandhom x’jaqsmu mal-kummerċ. Dawn il-metodi jinkludu l-implimentazzjoni ta’ proċeduri u sanzjonijiet kriminali, iżda għad hemm ħafna differenzi fis-sitwazzjoni ġuridika tal-Komunità, u dawn ma jħallux lid-detenturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jibbenefikaw mill-istess livell ta’ protezzjoni kullimkien madwar it-territorju tal-Komunità. Fir-rigward tas-sanzjonijiet kriminali, jeżistu differenzi konsiderevoli, partikolarment fejn jidħol il-livell mistenni ta’ pieni mill-leġiżlazzjoni nazzjonali.

F’termini ta’ l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali, għandu jkun enfasizzat li din l-inizjattiva għandha l-għan dirett li timplimenta l-Artikolu 17, paragrafu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li tistipula li "l-proprjetà intellettwali għandha tkun protetta"; dan tagħmlu billi tarmonizza l-liġijiet waqt li tirrispetta t-tradizzjonijiet u s-sistemi ġuridiċi differenti ta’ l-Istati Membri u d-drittijiet fundamentali l-oħra u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta. In-natura tal-pieni għandha tiġi magħżula skond is-serjetà ta’ l-imġieba illegali differenti, bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49, paragrafu 3 tal-Karta li jistipola li l-ħruxija tal-pieni m’għandhiex tkun sproporzjonata fir-rigward tar-reat.

Meta wieħed jikkunsidra li dan il-għan jista’ jintlaħaq aħjar fuq livell komunitarju, il-Komunità tista’ tieħu miżuri b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat.

Il-kontenut tal-proposta

Artikolu 1

Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-għan u l-ambitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Dawn huma miżuri kriminali meħtieġa biex jiġi mħares ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Bħalma sar fid-Direttiva 2004/48/KE dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-espressjoni “drittijiet tal-proprjetà intellettwali” għandha tkopri d-drittijiet kollha tal-proprjetà intellettwali. Bħalma sar fl-Artikolu 17 paragrafu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea li jistipula li “l-proprjetà intellettwali għandha tiġi protetta”, fl-ambitu ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni kriminali hija orizzontali.

It-test huwa applikabbli għal kull reat marbut mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali stipulat fil-leġiżlazzjoni komunitarja u/jew fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Istati Membri, bħad-Direttiva 2004/48/KE. Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni 2005/295/KE dwar l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/48/KE tistabbilixxi lista ta’ dawn id-drittijiet[3] li l-għan tagħhom hu li jġibu ċertezza ġuridika akbar fl-ambitu ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet iktar ħarxa stipulati fl-Istati Membri.

Artikolu 2

Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-kunċett ta’ persuna legali għall-għanijiet tad-Direttiva.

Artikolu 3

Dan huwa Artikolu li jobbliga lill-Istati Membri biex jikkonsidraw kull reat intenzjonat marbut mad-dritt tal-proprjetà intellettwali bħala reat kriminali ladarba dan isir fuq livell kummerċjali. It-test ikopri wkoll l-attentat, il-kompliċità u l-inċitament. Il-kriterju ta’ livell kummerċjali ġie msellef mill-Artikolu 61 tal-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (il-Ftehim TRIPS) konkluż fil-15 ta’ April 1994 li jgħaqqad il-membri kollha ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. L-Artikolu 61 tal-Ftehim TRIPS jobbliga lill-Istati Membri biex “jipprovdu għal proċeduri kriminali u għal pieni applikabbli, għall-inqas għall-atti deliberati ta’ falsifikazzjoni ta’ ditti tal-fabbrika jew tal-kummerċ jew ta’ piraterija li tikser id-dritt ta’ l-awtur fuq livell kummerċjali. Is-sanzjonijiet għandhom jinkludu l-priġunerija u/jew multi suffiċjenti biex ikunu disswasivi u jkunu konsistenti mal-livell ta’ pieni applikati għad-delitti ta’ l-istess serjetà. Fil-każijiet fejn hu xieraq, is-sanzjonijiet possibbli għandhom jinkludu wkoll il-qabda, il-konfiska u l-qerda tal-merkanziji konċernati u tal-materjal u l-istrumenti kollha li jkunu ntużaw biex isir id-delitt. Il-Membri jkunu jistgħu jipprovdu għall-proċeduri kriminali u għall-pieni applikabbli għal atti oħrajn li jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, partikolarment meta dawn jitwettqu apposta u fuq skala kummerċjali."

Ir-reat għandu jkun intenzjonat, jiġifieri l-att għandu jkun sar apposta, kemm jekk huwa reat marbut mal-proprjetà intellettwali, attentat, kompliċità jew inċitament. Dan ma jikkompromettix sistemi ta’ responsabbiltà speċifika li ġew stabbiliti, bħas-sistema ta’ responsabbiltà ta' dawk li jipprovdu s-servizz ta' l-Internet stipulati fl-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE dwar il-kummerċ elettroniku[4].

Artikolu 4

Dan l-Artikolu jikkonċerna n-natura tas-sanzjonijiet: minbarra l-priġunerija tal-persuna fiżiċi, it-test jistipula firxa ta’ sanzjonijiet li jistgħu jkunu applikati kemm għall-persuni fiżiċi kif ukoll legali: dawn huma multi, il-konfiska ta’ oġġetti tal-persuna kkundannata, kemm jekk huma merkanziji kontenzjużi kif ukoll materjal jew għodod oħra li jkunu ntużaw speċifikament għall-fabbrikazzjoni u d-distribuzzjoni tal-merkanzija konċernata. Sanzjonijiet oħra huma provduti għall-każijiet speċifiċi: il-qerda tal-merkanziji kontenzjużi kif ukoll ta’ l-oġġetti li jkunu ntużaw speċifikament għall-fabbrikazzjoni tal-merkanziji fil-kwistjoni, l-għeluq totali jew parzjali, definittiv jew temporanju, ta’ l-istabbiliment jew tal-ħanut li jkun serva speċifikament biex jitwettaq ir-reat. Isiru wkoll dispożizzjonijiet għall-projbizzjoni fuq attivitajiet kummerċjali b’mod permanenti jew temporanju, it-tqegħid taħt sorveljanza ġudizzjarja jew l-għeluq ġudizzjarju u l-projbizzjoni għall-aċċess ta’ l-għajnuna u s-sussidji pubbliċi. Fl-aħħarnett, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji hija provduta. Din il-possibilità tistabbilixxi element ta’ dissważjoni u tista’ sservi wkoll bħala mezz ta’ informazzjoni kemm għal dawk li għandhom id-dritt kif ukoll għall-pubbliku ġenerali.

Artikolu 5

Dan l-Artikolu huwa dwar il-livell ta’ sanzjonijiet: ir-reati għandhom iġorru magħhom piena massima ta’ mill-inqas erba’ snin ta’ priġunerija meta dawn jitwettqu f'organizzazzjoni kriminali. L-istess prinċipju japplika meta dan ir-reat iwassal għal riskju fuq is-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni. Ġie magħżul limitu ta’ 4 snin ta’ priġunerija għaliex ġeneralment jikkorrispondi għall-kriterju użat biex jiġi identifikat reat serju. Huwa l-limitu magħżul fl-azzjoni komuni 98/733/JHA u fil-proposta għal qafas ta’ deċiżjoni dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata [COM(2005) 6 finali)] u fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità transnazzjonali organizzata. Għall-persuni fiżiċi jew legali responsabbli mir-reati msemmija fl-Artikolu 3, is-sanzjonijiet jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali ta’ massimu ta’ mill-inqas € 100 000 għall-każijiet barra minn dawk li huma l-aktar serji u massimu ta’ mhux inqas minn € 300 000 għall-każijiet ta’ reati mwettqa f’organizzazzjoni kriminali u dawk li jwasslu għal riskju ta’ saħħa jew sigurtà fuq il-persuni. Fejn ir-riskju huwa meqjus li jkun preżenti, huwa possibbli li l-fatt jittieħed fiċ-ċirkustanza anki jekk il-prodott perikoluż ma jkunx għadu wassal għal riżultat perikoluż.

Il-kunċett tar-riskju fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-persuni jikkonċerna l-każ meta l-prodott falsifikat impoġġi fis-suq jesponi direttament lil ħaddieħor għal riskju ta’ mard jew inċident.

Artikolu 6

Dan l-Artikolu jipprevedi l-konfiska totali jew parzjali ta’ l-oġġetti ta’ persuna kkundannata għar-reati mwettqa fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 5. Dan jirreferi għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni qafas 2005/212/JAI ta’ l-24 ta’ Frar 2005 dwar il-konfiska ta' prodotti, strumenti u oġġetti li għandhom x'jaqsmu mar-reat[5].

Artikolu 7

Id-Deċiżjoni qafas tat-13 ta’ Ġunju 2002, tipprovdi l-qafas neċessarju għat-twaqqif meħtieġ ta’ gruppi konġunti ta’ investigazzjoni. Biex jiffaċilitaw l-investigazzjonijiet kriminali dwar ir-reati li jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-Istati Membri għandhom jippermettu lid-detenturi tad-dritt tal-proprjetà intellettwali kkonċernati jew lir-rappreżentati tagħhom kif ukoll lill-esperti biex jassistu fl-investigazzjonijiet immexxija minn dawn il-gruppi. Fil-fatt, l-investigazzjonijiet huma diffiċli biex jitmexxew f’dan il-qasam u ħafna drabi huwa essenzjali li jkun hemm il-parteċipazzjoni attiva tal-vittmi, tar-rappreżentanti tad-detenturi tad-dritt tal-proprjetà intellettwali jew ta' l-esperti biex jintlaħqu l-konklużjonijiet, partikolarment biex ikun ipprovat li l-prodotti jkunu ġew iffalsifikati. Il-vittmi jew ir-rappreżentanti tagħhom jistgħu għalhekk jindikaw malajr f’każ ta’ dubju jekk il-prodotti misjuba fil-qafas ta’ l-investigazzjoni jkunux tassew iffalsifikati. Dan jikkonsisti f'li tkun faċilitata t-tiftixa tal-prova tar-reati marbuta mal-proprjetà intellettwali fil-qafas tal-gruppi konġunti ta’ investigazzjoni. Dwar dan, l-Istati Membri għandhom libertà ta’ azzjoni kbira biżżejjed.

Artikolu 8

Dan l-Artikolu għandu l-għan li jara li l-investigazzjonijiet jew il-proċeduri kriminali dwar ir-reati fil-qasam tal-falsifikazzjoni u l-piraterija ma jiddependux mid-dikjarazzjoni jew mill-akkuża li tkun ġejja mill-vittma tar-reat, għall-inqas jekk il-fatti jkunu mwettqa fuq it-territorju ta’ l-Istat Membru. Miżura ta’ din ix-xorta hija meħtieġa biex l-investigazzjonijiet dwar ir-reati fi kwistjonijiet ta’ proprjetà intellettwali jkunu jistgħu jseħħu f’kundizzjonijiet tajbin. Fil-fatt, ħafna drabi jiġri li stokkijiet ta’ prodotti suspettati li jkunu ffalsifikati jinstabu iżda xi drabi jkun diffiċli li jkun ikkuntattjat jew identifikat malajr id-detentur tad-drittijiet fis-suq intern. L-intrapriżi li jisfaw vittmi jistgħu jinstabu fi kwalunkwe punt tat-territorju tal-Komunità u jistgħu jkunu intrapriżi żgħar jew ta’ daqs medju u mhux biss intrapriżi kbar li jikkummerċjalizzaw prodotti magħrufin. Ikun ta’ dannu għall-investigazzjonijiet li jkun rikjest ilment bil-quddiem mill-vittma. Ir-reati marbuta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ħafna drabi jitwettqu mingħajr ma d-detentur ikun konxju mid-dritt u n-nuqqas ta’ ilment f’dan il-qasam ma jkunx tradott bħala negliġenza min-naħa tal-vittma.

Artikolu 9

Dan l-Artikolu jikkonċerna l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva fil-liġi interna ta’ l-Istati Membri. Iż-żmien ta’ skadenza ta’ tmintax-il xahar għat-traspożizzjoni tfassal fuq il-mudell ta’ Direttivi oħrajn.

Artikolu 10

Dan l-Artikolu jistipola li d-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali, b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 254, pargrafu 1, tat-Trattat tal-KE.

Artikolu 11

Dan l-Artikolu jistipola li din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

2005/0127 (COD)

Proposta emendata għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar miżuri kriminali bil-għan li jiżguraw li d-drittijiet tal-proprjetà intelletwali jkunu mħarsa

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[6],

wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[7],

Wara li kkunisdraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[8],

Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat[9],

(1) Il- Green Paper dwar il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija fis-suq intern ippreżentata mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Ottubru 1998 tinnota li l-falsifikazzjoni u l-piraterija saru fenomeni internazzjonali li għandhom riperkussjonijiet importanti fuq il-pjan ekonomiku u soċjali u f'termini ta' protezzjoni tal-konsumatur, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mas-saħħa u s-sigurtà pubblika. Ġie mfassal pjan ta’ azzjoni bħala parti mis-segwitu tal- Green Paper u ġie inkluż fil-Komunikazzjoni dwar l-istess suġġett li l-Kummissjoni indirizzat lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali fit-30 ta’ Novembru 2000.

(2) Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-20 u l-21 ta’ Marzu 2003, stieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex itejbu l-isfruttament tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali billi jieħdu miżuri kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija.

(3)(1) Fuq livell internazzjonali, l-Istati Membri u l-Komunità, għall-kwistjonijiet ta’ kompetenza tagħhom, huma marbutin bil-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li għandhom x’jaqsmu mal-kummerċ (il-Ftehim TRIPS), approvat mill-Komunità fil-qafas ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, bid-Deċiżjoni 94/800/KE tal-Kunsill[10]. Il-Ftehim TRIPS fih, b’mod partikolari, numru ta’ dispożizzjonijiet kriminali li jiffurmaw standards komuni applikabbli fuq livell internazzjonali iżda d-differenzi bejn l-Istati Membri għadhom kbar wisq biex il-ġlieda kontra r-reati tal-proprjetà intellettwali tkun effettiva, partikolarment fil-każijiet l-aktar serji. Dan inaqqas il-fiduċja fost il-gruppi ekonomiċi fis-suq intern u jwassal għal tnaqqis ta’ investimenti fl-innovazzjoni u l-kreazzjoni.

(4) Il-Kummissjoni adottat ukoll, f’Novembru 2004, Strateġija għall-Infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali għall-pajjiżi terzi.

(5)(2) Id-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali[11] tipprovdi miżuri, proċeduri u rimedji ta’ natura ċivili u amministrattiva. Huma meħtieġa għadd ta’ dispożizzjonijiet kriminali li huma biżżejjed disswasivi u applikabbli fuq it-territorju tal-Komunità biex din id-Direttiva tkun imsaħħa. L-armonizzazzjoni ta’ ċertu dispożizzjonijiet kriminali hija meħtieġa sabiex ikun hemm il-ġlieda effikaċi kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija fi ħdan is-suq intern. Il-leġiżlatur komunitarju huwa kompetenti biex jieħu l-miżuri kriminali meħtieġa biex jiggarantixxi l-effettività sħiħa ta’ l-istandards li jilleġiżla fi kwistjonijiet tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali.

(6) Waqt li tkompli tibni fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar rispons tad-Dwana għall-falsifikazzjoni u l-piraterija adottata f’Ottubru 2005 [12] , il-Kunsill adotta Riżoluzzjoni fit-13 ta’ Marzu 2006, fejn jenfasizza li l-għanijiet ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona “jistgħu jintlaħqu biss permezz ta’ suq intern li jiffunzjona sew b’miżuri xierqa biex jinkuraġġixxu l-investiment f’ekonomija bbażata fuq l-għarfien u biex tkun rikonoxxuta t-theddida mit-tkattir serju tal-falsifikazzjoni u l-piraterija għall-ekonomija bbażata fuq l-għarfien ta’ l-Unjoni Ewropea u partikularment għas-saħħa u s-sigurtà (...)”.

(7) Ikun xieraq li l-livell tal-pieni għall-persuni fiżiċi u legali li jkunu wettqu reati ta’ din ix-xorta jew li kienu reponsabbli għalihom, ikunu armonizzati. L-armonizzazzjoni għandha tikkonċerna partikolarment is-sentenzi ta’ priġunerija, il-multi u l-konfiski.

(8) Għandhom jiġu provduti dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-investigazzjonijiet kriminali. L-Istati Membri għandhom jaraw li d-detenturi kkonċernati tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, jew ir-rappreżentanti tagħhom kif ukoll l-esperti jkunu jistgħu jassistu fl-investigazzjonijiet immexxija minn gruppi konġunti ta’ investigazzjoni.

(9) Sabiex l-investigazzjonijiet u l-proċeduri kriminali dwar ir-reat tal-proprjetà intellettwali jiġu faċilitati, dawn m’għandhomx jiddependu fuq id-Dikjarazzjoni jew l-akkuża li jkunu ġejjin mill-vittma tar-reat.

(10)(3) Din id-Direttiva ma taffettwax is-sistemi ta’ responsabbiltà ta’ dawk li jipprovdu s-servizz ta’ l-Internet stipulati fl-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE dwar il-kummerċ elettroniku[13].

(11)(4) Peress li l-għan ta' l-azzjoni proposta ma jistax ikun suffiċjentament milħuq mill-Istati Membri u jista' għalhekk ikun milħuq aħjar fuq livell komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif preskritt fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif preskritt f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan.

(12)(5) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tara li jkun hemm ir-rispett sħiħ lejn il-proprjetà intellettwali skond l-Artikolu 17, paragrafu 2 ta’ din il-Karta.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1 Għan u ambitu ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva tistabbilixxi l-miżuri kriminali meħtieġa biex jiġi mħares ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Dawn il-miżuri japplikaw għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali stipulati bil-leġiżlazzjoni komunitarja u/jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Istati Membri.

Artikolu 2Definizzjoni

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva “persuna legali” tfisser kull entità ġuridika li għandha dan l-istatut skond il-liġi nazzjonali applikabbli, bl-eċċezzjoni ta’ l-Istati u ta’ kull entità pubblika oħra li joperaw fil-qasam ta’ l-eżerċizzju tal-prerogattiva tagħhom tas-setgħa pubblika, kif ukoll l-organizzazzjonijiet pubbliċi internazzjonali.

Artikolu 3Reati

Kull reat intenzjonat tad-dritt tal-proprjetà intellettwali mwettaq fuq skala kummerċjali, kif ukoll attentat għal reat, kompliċità jew inċitament għal reat ta’ din ix-xorta għandu jitqies bħala reat kriminali mill-Istati Membri.

Artikolu 4 Natura tas-sanzjonijiet

1. Għar-reati msemmija fl-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jipprovdu dawn is-sanzjonijiet:

a) fir-rigward tal-persuni fiżiċi, sentenza ta’ kustodja;

b) fir-rigward ta’ persuni fiżiċi u legali:

i) multi,

ii) il-konfiska ta’ l-oġġetti, l-istrumenti u l-prodotti li ġejjin mir-reati jew ta’ oġġetti li l-valur tagħhom jikkorrispondi għal dawn il-prodotti.

2. Għar-reati msemmija fl-Artikolu 3, l-Istati Membri għandhom jipprovdu li dawn is-sanzjonijiet ikunu wkoll applikabbli fil-każijiet fejn ikun xieraq:

a) il-qerda ta’ l-oġġetti li jiksru d-dritt tal-proprjetà intellettwali;

b) l-għeluq totali jew parzjali, definittiv jew temporanju, ta’ l-istabbiliment li jkun intuża speċjalment biex isir ir-reat fil-kwistjoni;

c) il-projbizzjoni permanenti jew temporanja ta’ l-eżerċizzju ta’ attivitajiet kummerċjali;

d) it-tqegħid taħt kontroll ġudizzjarju;

e) ix-xoljiment ġudizzjarju;

f) il-projbizzjoni ta’ l-aċċess għall-għajnuna u s-sussidji pubbliċi;

g) il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.

Artikolu 5 Livell tas-sanzjonijiet

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jaraw li l-persuni fiżiċi responsabbli mir-reati msemmija fl-Artikolu 3 jkunu kkastigati b’sentenza ta’ massimu ta' mill-inqas 4 snin ta’ priġunerija, meta dawn ir-reati jkunu mwettqa fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali fis-sens tad-deċiżjoni qafas... dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata kif ukoll meta dawn ir-reati jkunu ta’ riskju għas-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni.

4. L-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jaraw li l-persuni fiżiċi jew legali responsabbli mir-reati msemmija fl-Artikolu 3 jkunu kkastigati b’sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u disswasivi. Dawn is-sanzjonijiet jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali:

a) ta’ massimu ta’ mill-inqas 100 000 euro għall-każijiet barra dawk l-aktar serji;

b) ta’ massimu ta’ mill-inqas 300 000 euro għall-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1

Artikolu 6 Setgħat imwessa’ ta’ konfiska

L-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu l-konfiska totali jew parzjali ta' l-oġġetti tal-persuni fiżiċi jew legali kkundannati b'konformità mad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni qafas 2005/212/JHA ta' l-24 ta' Frar 2005 dwar il-konfiska ta’ prodotti, strumenti u oġġetti marbuta mar-reat, għall-inqas meta r-reati jkunu mwettqa fil-qafas ta’ organizzazzjoni kriminali fis-sens tad-deċiżjoni qafas... dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata kif ukoll meta dawn ir-reati jwasslu għal riskju għas-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni.

Artikolu 7 Gruppi konġunti ta’ investigazzjoni

L-Istati Membri għandhom jaraw li d-detenturi kkonċernati tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew ir-rappreżentanti tagħhom kif ukoll l-esperti, ikunu jistgħu jassistu għall-investigazzjonijiet immexxija mill-gruppi konġunti ta’ investigazzjoni dwar ir-reati msemmija fl-Artikolu 3.

Artikolu 8 Il-ftuħ tal-proċedura

L-Istati Membri għandhom jaraw li l-possibilità li jinfetħu investigazzjonijiet jew proċeduri kriminali dwar ir-reati msemmija fl-Artikolu 3 ma tiddependix fuq id-dikjarazzjoni jew l-akkuża li tkun ġejja mill-vittma tar-reat, għall-inqas jekk il-fatti jkunu twettqu fuq it-territorju ta’ l-Istat Membru

Artikolu 59 Traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex isiru konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill- .... (tmintax-il xahar wara d-data ta’ adozzjoni ta’ din id-Direttiva). Għandhom fil-pront jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll skeda ta' korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandha tiġi mehmuża magħhom referenza bħal din dakinhar tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 610 Id-Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi ppubblikata fil- Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 711

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[1] COM(2005) 696 finali.

[2] Il-premessa 28 tal-preambolu tad-Direttiva 2004/48/KE tad-29 ta’ April 2004 tiddikjara li “minbarra l-miżuri ċivili u amministrattivi, il-proċeduri u r-rimedji stipulati taħt din id-Direttiva, is-sanzjonijiet kriminali huma wkoll, f’kazijiet fejn hu xieraq, metodi li jiżguraw li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jkunu rrispettati".

[3] ĠU L 94, tas-13.4.2005, p.37.

[4] ĠU L 178, tas-17.7.2000, p.1.

[5] ĠU L 68, tal-15.3.2005, p.49.

[6] ĠU C ta' , p. .

[7] ĠU C ta' , p. .

[8] ĠU C ta' , p. .

[9] ĠU C ta' , p. .

[10] ĠU L 336 tat-23.12.1994, p. 1.

[11] ĠU L 195 tat-2.6.2004, p. 16.

[12] COM(2005) 479 finali tal-11.10.2005.

[13] ĠU L 178, tas-17.7.2000, p.1.

Top