EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0689

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea {KUMM(2006) 690 finali} {KUMM(2006) 691 finali}

/* KUMM/2006/0689 finali */

52006DC0689

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea {KUMM(2006) 690 finali} {KUMM(2006) 691 finali} /* KUMM/2006/0689 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 14.11.2006

KUMM(2006) 689 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea

{KUMM(2006) 690 finali}{KUMM(2006) 691 finali}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Reviżjoni strateġika ta' Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea

Taqsira eżekuttiva

Il-liġijiet u r-regolamenti huma fundamentali biex jiżguraw suq ġust u kompetittiv, il-ħarsien taċ-ċittadin u l-protezzjoni effettiva tas-saħħa pubblika u l-ambjent. Regolamentazzjoni Aħjar hi dwar kif isir dan f'modi li jimmassimizzaw il-benefiċċji filwaqt li jimminimizzaw l-ispejjeż. Regolamentazzjoni Aħjar tista' żżid il-produttività u x-xogħol b'mod sinifikattiv biex għalhekk tikkontribwixxi fit-tkabbir u l-impjiegi. Fl-Ewropa, l-ambjent regolatorju hu żviluppat kemm mill-Unjoni kif ukoll mill-Istati Membri f'kuntest internazzjonali – Regolamentazzjoni Aħjar għalhekk hi responsabbiltà konġunta.

Din ir-Reviżjoni Strateġika, akkumpanjata minn dokumenti separati dwar is-simplifikazzjoni u l-ispejjeż amministrattivi, tanalizza l-progress miksub u tfassal strateġija ta' l-isfidi ewlenin li ġejjin.

Regolamentazzjoni Aħjar tkopri t-tfassil tal-politika, mill-konċepiment inizjali tagħha sa l-implimentazzjoni u l-infurzar li jibda bl-applikazzjoni bir-reqqa tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Fl-iżvilupp tal-politika, il-konsultazzjoni estensiva issa tiggarantixxi li l-fehmiet ta' l-imsieħba jkunu kkunsidrati b'mod sistematiku. Kienu ppreparati aktar minn 160 valutazzjoni ta' l-impatt f'konformità mal-linji ta' gwida komprensivi biex jinfurmaw u jiffaċilitaw id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Qed jitkejlu wkoll l-ispejjeż amministrattivi. Il-Kummissjoni eżaminat il-proposti li kienu pendenti meta bdiet xogħlha uffiċjalment fl-2004 u rtirat 68 u huma previsti li jkunu rtirati 10 oħra sa l-2007.

Il-liġijiet li huma diġà fil-kotba ta' l-istatut interessaw l-aktar liċ-ċittadini u n-negozji. Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni varat programm ta' simplifikazzjoni ewlieni għall-2005-2008 b'aktar minn 100 inizjattivi. Sa tmiem l-2006, xi 50 proposta se jkunu adottati. Aktar minn 20 minn dawn huma pendenti fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Hemm bżonn li dawn il-proposti jingħataw prijorità akbar.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iffirmaw il-Ftehim Interistituzzjonali dwar Leġiżlazzjoni Aħjar u qed jieħdu l-passi biex japplikaw Regolamentazzjoni Aħjar fil-prattika (p.e. twettiq ta' ftit valutazzjonijiet ta' l-impatt dwar emendi importanti fil-proposti tal-Kummissjoni). Hemm aktar x'jista' jsir.

Il-progress kien aċċellerat b'mod sinifikattiv fuq il-livell ta' l-Istati Membri sa mill-adozzjoni tal-Linji ta' Gwida għat-Tkabbir u l-Impjiegi - b'19-il Stat Membru jintroduċi jew wasal biex jiżviluppa Strateġija għal Regolamentazzjoni Aħjar u 17-il Stat Membru kejjel jew qiegħad ikejjel l-ispejjeż amministrattivi. Diversi ffissaw miri globali biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi. Il-valutazzjonijiet ta' l-impatt qed isiru b'mod aktar mifrux, minkejja li ta' sikwit huma parzjali. Disa' Stati Membri għandhom programmi ta' simplifikazzjoni, u tmienja għandhom inizjattivi ad hoc ta' simplifikazzjoni. Il-konsultazzjoni hija obbligatorja f'disa' Stati Membri biss.

L-istampa li toħroġ hija inkoraġġanti: Kien hemm progress kbir, kemm fuq il-livell Ewropew kif ukoll fuq il-livell nazzjonali. Iżda l-iżvilupp tar-Regolamentazzjoni Aħjar hu proċess u mhux xi avveniment, u jibqgħu sfidi ewlenin. Il-Kummissjoni tidentifika l-prijoritajiet għall-partijiet differenti kif ġej:

Il-Kummissjoni Ewropea:

- Programm ta’ simplifikazzjoni aġġornat, maħsub biex jiġġenera benefiċċji tanġibbli, b’mod partikolari billi jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi integrati fil-programm leġiżlattiv u ta' ħidma tal-Kummissjoni Għall-2007, hemm ippjanati 47 inizjattiva[1];

- Skrutinju rinfurzat tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt permezz tal-ħolqien ta' Bord ta' Valutazzjoni ta' l-Impatt indipendenti taħt l-awtorità tal-President;

- Tisħiħ ta' l-infurzar tal-liġi Komunitarja.

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew :

- Aktar valutazzjonijiet sistematiċi ta' l-impatt ta' emendi ewlenin fil-proposti tal-Kummissjoni;

- Prijorità għolja lill-proposti ta' simplifikazzjoni pendenti, lill-kodifikazzjoni u titħassar leġiżlazzjoni obsoleta.

L-Istati Membri:

- Żvilupp u infurzar ta' mekkaniżmi ta' konsultazzjoni, fejn m'hemmx;

- Eżami aktar sistematiku ta' l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali permezz ta' linji ta' gwida u riżorsi adegwati, u aktar trasparenza fir-riżultati;

- Żvilupp ta' programmi ta' simplifikazzjoni, fejn m'hemmx;

- Applikazzjoni aħjar tal-liġi Komunitarja.

L-UE u l-Istati Membri:

Il-Kummissjoni tipproponi li tvara strateġija ambizzjuża biex tnaqqas il-piżijiet amministrattivi. Ġaladarba l-piżijiet amministrattivi joriġinaw kemm mil-leġiżlazzjoni Ewropea kif ukoll mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007 jiffissa mira konġunta ta' 25% biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi li trid tintlaħaq sa l-2012.

Sadanittant l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjonijiet simili fuq il-livell nazzjonali u għandhom jissodisfaw impenji ċari ta' tnaqqis tal-piż amministrattiv matul il-perjodu. Progress f'dawn l-isforzi għandu jkun irrappurtat fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma u se jkunu valutati fil-kuntest tar-Rapporti ta' Progress Annwali lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa.

****

I. IL-PROGRAMM TA' REGOLAMENTAZZJONI AĦJAR

L-Unjoni Ewropea għandha l-għan li trawwem ambjent regolatorju li jipproteġi ċ-ċittadini fil-waqt li jappoġġa lin-ngeozji Ewropej biex jikkompetu b'mod aktar effettiv u biex ikunu aktar innovattivi f'ambjent globali kompetittiv ħafna.Ħafna mil-leġiżlazzjoni Ewropea kienet żviluppata biex tara li s-suq uniku jaħdem. Tkopri oqsma politiċi oħrajn fejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni qablu fuq politika komuni (eżempju, l-agrikoltura, is-sajd, il-kummerċ, id-dwana) jew dwar il-valur miżjud ta' l-azzjoni fuq il-livell Ewropew (eżempju, l-ambjent, is-saħħa u l-protezzjoni tal-konsumatur). Din il-politika għandha bżonn regoli maqbula li jkunu applikati b'mod konsistenti. Il-leġiżlazzjoni f’livell Ewropew naqqset ħafna burokrazija. Regola komuni waħda li tapplika fl-Istati Membri kollha hija iktar faċli u iktar effiċjenti minn xibka kumplessa ta’ regoli differenti fuq il-livell nazzjonali u reġjonali. Il-leġiżlazzjoni Ewropea kienet effettiva fit-tneħħija ta' ostakli ta' ħsara għall-kompetizzjoni u regoli nazzjonali konfliġġenti.

L-iżvilupp ta' liġijiet ta' l-UE kien progressiv, proċess li dejjem jikber filwaqt li jiżdiedu regoli ġodda fuq il-bażi eżistenti. F'ħafna oqsma politiċi maturi, wasal iż-żmien li tingħata ħarsa lejn din il-ġabra ta' leġiżlazzjoni biex wieħed jara jekk tistax tkun simplifikata – biex jitħaffu l-piżijiet fuq l-operaturi u ċ-ċittadini u biex ikun żgurat li hi ċara, aġġornata, effiċjenti u faċli biex tintuża. Hemm bżonn li l-liġijiet jinżammu taħt reviżjoni kontinwa u adattati biex ilaħħqu ma' l-iżviluppi teknoloġiċi u s-swieq globali.

Din il-Kummmissjoni għandha l-prijorità ewlenija li tissimplifika u ttejjeb l-ambjent regolatorju. Abbażi ta' inizjattivi preċedenti, varat programm ta' 'Regolamentazzjoni Aħjar' fl-2005 biex twettaq inizjattvi ta' kwalità u biex timmodernizza u tissimplifika leġiżlazzjoni eżistenti. Dan il-programm japplika fl-istadji kollha taċ-ċiklu politiku:

( Għal-leġiżlazzjoni eżistenti, qed isiru sforzi biex ikun ssimplifikat l- acquis permezz tat-tekniċi leġiżlattivi bħalma huma r-riformulazzjoni, it-tħassir, il-kodifikazzjoni jew ir-reviżjoni. Modi biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi qed ikunu eżaminati. Qiegħda tingħata prijorità biex ikun żgurat li l-liġijiet ikunu implimentati b'mod korrett u fil-ħin.

( Għal proposti ġodda, ġiet stabbilita sistema komprensiva għall-valutazzjonijiet ta' l-impatt – ekonomiċi, soċjali u ambjentali – u għall-konsultazzjoni mal-partijiet interessati[2], biex b’hekk tittejjeb il-kwalita tat-tħejjija u l-koerenza tal-qasam ta’ politika. Qiegħda tingħata attenzjoni biex ikun żgurat li l-proposti jkunu proporzjonati għall-problema in kwistjoni u li kwalunkwe azzjoni tittieħed fuq il-livell korrett biex tkun rispettata s-sussidjarjetà.

( Il-Kummissjoni qiegħda teżamina wkoll proposti pendenti quddiem il-koleġiżlatur, biex tara jekk id-dewmien fl-adozzjoni hux minħabba l-kwalità u r-relevanza tal-proposti u għalhekk jekk għandhomx ikunu rtirati.

Dawn l-azzjonijiet jirrinforzaw b'mod reċiproku. Qabel ma jkunu ssimplifikati l-liġijiet, l-impatti huma eżaminati u modi biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi jkunu eżaminati. Duplikazzjonijiet u inkonsistenzi jinstabu u jkunu korretti. Il-kwistjonijiet ta' implimentazzjoni qed ikunu kkunsidrati aktar bir-reqqa fit-tfassil tal-politika u l-liġijiet kif ukoll fir-reviżjoni tagħhom u l-emendi possibbli. Dan l-eżerċizzju hu dwar it-twettiq ta' regolamentazzjoni ta' kwalità għolja bl-aħjar mod possibbli, mhux deregolamentazzjoni.

Ir-Regolamentazzjoni Aħjar hija responsabbiltà maqsuma. Il-Kummissjoni għandha tissottometti proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-liġijiet ta' l-UE huma trasposti fil-liġi nazzjonali mill-gvernijiet nazzjonali u l-parlamenti u ta' sikwit huma applikati fuq il-livell reġjonali u lokali. Hemm ir-riskju li l-liġijiet jiġu "msebbħa" b'mod progressiv matul din il-katina mill-konċepiment sa l-implimentazzjoni. Ir-responsabbiltà għar-regolamentazzjoni tajba hi għalhekk waħda maqsuma. Il-Kummissjoni tistrieħ fuq il-kooperazzjoni mill-qrib ta' l-Istituzzjonijiet Ewropej l-oħra, l-Istat Membru u l-amministrazzjonijiet lokali biex jinkisbu l-miri ta' Regolamentazzjoni Aħjar. Fil-Ftehim Interistituzzjonali ta' l-2003 dwar Tfassil tal-Liġijiet Aħjar, flimkien ma ftehimiet supplimentarji oħra, l-istituzzjonijiet kitbu f'karta kif jistgħu jaħdmu flimkien biex jilleġizlaw aħjar.

II. IL-POGRESS SAL-LUM U L-ISFIDI LI ĠEJJIN

1. L-Immodernizzar tal-ġabra ta' leġiżlazzjoni eżistenti

Filwaqt li l-leġiżlazzjoni Ewropea fiha nnifisha tirrapreżenta s-simplifikazzjoni ("waħda ġewwa, 25 barra"), hu essenzjali, f'dinja li qed tinbidel malajr, li jkunu riveduti l-liġijiet, jinġiebu f'konformità, jitneħħew id-dupplikazzjonijiet u jittieħed vantaġġ tat-teknoloġija li qed tevolvi malajr.

Simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-Kummissjoni saħħet l-isforzi tagħha biex timmodernizza u tissimplifika l-leġiżlazzjoni ta' l-UE. Mill-100 proposta oriġinarjament ippjanati għall-2005-2008 fil-programm ta' simplifikazzjoni rolling [3], xi 50 se jkunu adottati sa tmiem l-2006. Dawn jinkludu proposti importanti għan-negozju bħalma hu dak dwar il-kodiċi tad-dwana li jiffaċilita l-iskambju tad- data , iġib f'konformità u jissimplifika l-proċeduri; wieħed dwar l-iskart li jiċċara d-definizzjonijiet u se jistimula s-suq tar-riċiklaġġ u wieħed dwar is-servizzi tal-ħlas li jissimplifika l-proċeduri.

Il-Kummissjoni issa aġġornat il-programm ta’ simplifikazzjoni kontinwu tagħha[4] li jipprevedi aktar inizjattivi, p.e. fl-agrikoltura, is-sajd, it-tikkettar u l-istatistika. Il-Kummissjoni qiegħda ssostni l-livell għoli ta' ambizzjoni, taġġusta l-qafas ta' żmien biex tippermetti l-preparazzjoni ta' kwalità (eżempju, il-valutazzjoni ta' l-impatt, il-konsultazzjoni u l-valutazzjoni ex-post tal-leġiżlazzjoni eżistenti).

Hekk kif simplifikazzjoni tfisser bidla u aġġustament, tinħtieġ konsultazzjoni fuq il-livell settorjali. Il-Kummissjoni qiegħda tikkonsulta b'mod attiv lil dawk l-aktar milquta, teżamina l-problemi u tfittex soluzzjonijiet prattiċi. Il-kuntest internazzjonali (eżempju, għall-kontabilità, l-appaltar pubbliku u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali) hu importanti.

Il-proposti ta' simplifikazzjoni għandhom bżonn jingħataw prijorità akbar mill-koleġiżlatur. Aktar minn 20 proposta ta' simplifikazzjoni huma bħalissa pendenti. Il-proċeduri biex jiffaċilitaw adozzjoni aktar f'waqtha tal-proposti ta' simplifikazjzoni għandhom ikunu kkunsidrati.

L-Istati Membri għandhom bżonn jiżviluppaw il-programmi ta' simplifikazzjoni nazzjonali tagħhom biex jiżguraw li l-vantaġġi ta' ambjent regolatorju Komunitarju eħfef ma jiġux ikkanċellati minn regoli nazzjonali ġodda. Ta' spiss hu fl-istadju ta' traspożizzjoni tad-direttivi fil-liġi nazzjonali li rfinaturi, mhux stipulati mil-liġi ta' l-UE, ikunu introdotti. Dawn, xi kultant misjuba bħala 'induratura tad-deheb' jistgħu jmorru lil hinn mill-ħtiġijiet iffissati mil-liġi Ewropea.

Tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi

Ħafna mill-ispejjeż ikkreati mil-leġiżlazzjoni għandhom x'jaqsmu ma' l-investiment (eżempju, l-installazzjoni ta' tagħmir ta' sigurtà) meħtieġ biex jikkonforma mal-liġi. Iżda hemm spejjeż oħrajn ta' natura amministrattiva, bħalma huma dawk sofferti biex ikunu sodisfatti l-ħtiġijiet ta' rappurtar. Dawn għandhom jitnaqqsu fejn dan hu possibbli mingħajr ma jkun kompromess is-suċċess ta' l-objettivi tal-leġiżlazzjoni. L-esperjenza ta' l-Istati Membri turi li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jagħmlu ħafna biex inaqqsu l-piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa tal-leġiżlazzjoni – benefiċċju ekonomiku minn din l-azzjoni hu stmat li jżid il-livell tal-PGD sa 1.5% tal-PGD jew sa € 150 biljun[5].

Il-Kummissjoni żviluppat metodoloġija komuni biex teżamina l-ispejjeż amministrattivi u tapplika dan fl-eżamijiet ta' impatt ex-ante tagħha stess għal-leġiżlazzjoni l-ġdida.

Issa l-prijorità hija li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi imposti mil-leġiżlazzjoni eżistenti. Flimkien ma' l-Istati Membri, il-Kummissjoni qiegħda taħdem biex tiżviluppa approċċ għal kejl konġunt tal-piżijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti fl-UE. Il-kwistjonijiet li l-Kummissjoni qiegħda teżamina (eżempju, il-komparabilità tal-miżuri, l-identifikazzjoni ta' l-oriġini ta' l-obbligi, il-miri tat-tnaqqis u l-qsim tal-piż, eċċ.) u l-lezzjonijiet miksuba mill-proġett pilota huma ffissati f'aktar dettal fid-Dokument ta' Ħidma tal-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni qiegħda tħares ukoll lejn kif l-aħjar tiffissa l-miri ta' tnaqqis kwantitattivi għall-ġabra eżistenti ta' leġiżlazzjoni. Stati Membri diversi diġà wettqu din il-miżura u kkonkludew li tnaqqis ta' 25% tal-piż amministrattiv hu ambizzjuż imma fattibbli. L-esperjenza f'xi Stati Membri tissuġġerixxi li dawn il-miri ħadmu tajjeb billi pprovdew qafas u ġġeneraw l-urġenza u l-momentum neċessarji. Dawn il-miri għandhom ikunu differenzjati skond fejn jeżistu l-piżijiet. F'ċerti oqsma (eżempju, l-agrikoltura u d-dwana) l-azzjonijiet meħuda fuq il-livell Ewropew jistgħu jnaqqsu l-piżijiet; f'oħrajn, l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri se jikkontribwixxu b'mod aktar sinifikattiv lejn it-tnaqqis tal-piżijiet. L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jkollhom bżonn li jaqblu fuq kejl bażiku ġenerali f'oqsma prijoritarji u l-miri tat-tnaqqis, maqsumin bejn il-Komunità u l-Istati Membri fil-funzjoni ta' l-oriġini tal-piżijiet amministrattivi.

Il-Kummissjoni se tippreżenta Pjan ta' Azzjoni għall-Kejl ta' l-Ispiża Amministrattiva u t-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi kmieni fl-2007. Il-Pjan ta' Azzjoni se jipproponi azzjonijiet immedjati kif ukoll approċċ aktar fit-tul ikkoordinat għall-kejl u l-miri tat-tnaqqis konġunti ta' l-UE u l-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tistieden lill-istituzzjonijiet biex jikkonsidraw proċedura ta' approvazzjoni mgħaġġla għall-azzjonijiet immedjati.

Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007 se jintalab japprova:

- mira ġenerali ta' tnaqqis konġunta ta' 25% għall-piżijiet amministrattivi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u ta' l-UE biex tintlaħaq sa l-2012 kif ukoll miri intermedjari possibbli. Din hi responsabbiltà maqsuma u għalhekk teħtieġ sforz konġunt min-naħa ta' l-Istituzzjonijiet Ewropej u kif ukoll mill-Istati Membri;

- oqsma prijoritarji għall-azzjoni u fuq il-livell Ewropew u nazzjonali, kemm immedjat kif ukoll fit-tul;

- l-eżerċizzju tal-kejl u l-metodoloġija.

Kodifikazzjoni u t-tħassir ta' leġiżlazzjoni obsolita

Il-liġi Ewropea żviluppat b'mod progressiv, bil-liġijiet ikunu emendati matul iż-żmien. Dawn l-emendi ma kienux integrati lura b'mod sistematiku fil-liġi oriġinali. Il-kodifikazzjoni huwa l-proċess li jgħaqqad flimkien id-dispożizzjonijiet ta' l-atti eżistenti ma' l-emendi kollha tagħhom f'liġi waħda. Dan jikkontribwixxi għat-tnaqqis fil-volum tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE, jipprovdi testi aktar trasparenti u legalment ċari li jgħinu lill-SMEs b'mod partikulari u jiffaċilitaw l-infurzar. Il-programm ta' kodifikazzjoni tal-Kummissjoni jinvolvi madwar 500[6] att fis-setturi kollha. 85 att kienu finalizzati mill-Kummissjoni: 52 kienu adottati u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali. 33 att huma pendenti quddiem il-Kunsill u l-Parlament. Dawn il-85 att jieħdu post it-300 att kurrenti. Il-500 att ta' kodifikazzjoni jieħdu post madwar 2 000 att fit-total.

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tiffinalizza l-programm fl-2008. It-traduzzjoni qiegħda tkun aċċellerata u 'waqfa' fuq emendi sostanzjali se tkun applikata fejn hu possibbli. Il-Kummissjoni tistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra biex jagħmlu sforz konġunt biex ilestu l-programm ta' kodifikazzjoni bl-adozzjoni ta' l-atti relevanti kemm jista' jkun malajr.

Għall-futur, biex tkun evitata rikorrenza ta' kodifikazzjoni b'lura, se jkun importanti li jkun żgurat b'mod aktar sistematika, permezz ta' riformulazzjoni[7], l-integrazzjoni ta' l-emendi fil-liġi eżistenti fl-istess waqt li dawn l-emendi jkunu adottati.

Att obsoleti li m'għadx għandhom effett reali iżda li formalment jibqgħu fis-seħħ għax ma tħassrux espressament għandhom jitwarrbu. Fl-2003 il-Kummissjoni varat proċess ta' valutazzjoni biex tidentifika dawn l-atti u tiffissa proċeduri simplifikati għat-tneħħija tagħhom. Din għandha tkompli u tista' tkun mgħaġġla jekk proċeduri dedidkati li jħaffu jkunu maqbula bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

2. Titjib fil-Preparazzjoni tal-Proposti

Valutazzjoni ta' l-Impatt

Parti importanti fit-tfassil ta' liġijiet aħjar hi li wieħed ikollu l-istampa kollha ta' l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħhom, inkluż il-kuntest internazzjonali. Barra li kienu kkonsultati l-imsieħba, il-Kummissjoni waqqfet sistema integrata għall-valutazzjoni ta' l-impatt, ħarġet linji ta' gwida u applikathom fi proposti ta’ politika ewlenin. Sa mill-2003 il-Kummissjoni lestiet aktar minn 160 valutazzjoni ta' l-impatt. Sa minn Settembru 2006, sinteżi tar-rapporti tal-valutazzjonijiet ta' l-impatt tal-Kummissjoni hi tradotta fil-lingwi uffiċjali kollha. Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jekk tipproċedix jew kif tipproċedi b'inizjattiva huma bbażati fuq analiżi profonda ta' l-għażliet. L-għażla li ma titteħidx azzjoni ta' l-UE flimkien ma' alternattivi għal leġiżlazzjoni li torbot legalment (awto- jew koregolamentazzjoni) hi eżaminata kontinwament. Bħala riżultat, xi miżuri ppjanati kienu aġġustati b'mod sinifikattiv: Il-valutazzjonijiet ta' l-impatt fuq il-bijomassa, l-ambjent urban, u d-drittijiet intellettwali fis-settur tal-mużika fuq l-internet wasslu għall-konklużjoni li m'hemmx bżonn ta' miżuri li jorbtu.

Element importanti ġdid biex jittejjeb it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni hu l-ħolqien ta' Bord tal-Valutazzjoni ta' l-Impatt (IAB) li se joffri pariri u appoġġ fl-iżviluppa ta' kultura ta' valutazzjoni ta' l-impatt ġewwa l-Kummissjoni. Se jipprovdi pariri u kontroll ta' kwalità wiesgħa filwaqt li jiżgura li r-responsabbiltà għall-preparazzjoni ta' l-eżamijiet u l-proposti relevanti tibqa' tad-dipartiment relevanti u l-Kummissarji. L-IAB, magħmul minn uffiċjali ta' livell għoli, jagixxi b'mod indipendenti mid-dipartimenti li jfasslu l-politika u jirrapurta direttament lill-President. Se joħroġ opinjonijiet dwar il-kwalità tal-Valutazzjonijiet ta' l-Impatt. L-IAB jikkontribwixxi biex jiżgura li l-valutazzjonijiet ta' l-impatt huma ta' kwalità għolja, li jeżaminaw għażliet politiċi differenti u li jkunu jistgħu jintużaw matul il-proċess leġiżlattiv kollu. Biex jassistih fix-xogħol, l-IAB jista' jagħmel użu minn għarfien espert estern. Il-Kummissjoni tistenna li l-IAB jiżviluppa f'ċentru ta' eċċellenza.

Azzjonijiet oħrajn importanti li għaddejjin jinkludu valutazzjoni esterna tas-sistema tal-valutazzjoni ta' l-impatt tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tadotta pjan ta' azzjoni[8] biex ittejjeb l-użu tal-valutazzjoni ex-post fil-proċess ta' l-iżvilupp tal-politika.

L-istituzzjonijiet l-oħra għandhom jeżaminaw b'mod sistematiku l-impatti ta' l-emendi ewlenin tagħhom fil-proposti tal-Kummissjoni, billi, sakemm hu possibbli, isegwu l-istess metodoloġija bħall-Kummissjoni. Fil-qasam tat-Titolu VI tat-TEU (il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-ġudikatura fi kwistjonijiet kriminali), il-proposti li jsiru mill-Kunsill/l-Istati Membri għandhom ikunu akkumpanjati minn valutazzjoni ta' l-impatt.

Eżaminar u rtirar tal-proposti pendenti

F'xi Stati Membri l-programmi leġiżlattivi tal-gvern u l-parlament awtomatikament jispiċċaw fl-aħħar tal-leġiżlatura. It-Trattati ta' l-UE ma jipprovdux għal dan it-tip ta' diskontinwità leġiżlattiva. Magħrufin l-isfidi speċifiċi ta' l-integrazzjoni Ewropea u l-karattru tal-qafas istituzzjonali Ewropew, l-applikazzjoni ġeneralizzata ta' din il-prattika tista' tbiddel b'mod sinifikattiv il-bilanċ preżenti bejn l-istituzzjonijiet ewlenin u twassal għal interruzzjonijiet eċċessivament twal fil-mixja tax-xogħol.

Minkejja dan, valutazzjonijiet regolari tal-leġiżlazzjoni pendenti mill-Kummissjoni matul iċ-ċiklu politiku mill-bidu sa l-aħħar tista' tikkontribwixxi biex tirrinforza r-responsabbiltà politika u l-koerenza ġenerali ta' l-aġenda politika strateġika ta' l-UE.

Għal din ir-raġuni, meta bdiet il-mandat tagħha fi tmiem l-2004, din il-Kummissjoni ddeċidiet li teżamina l-proposti adottati mill-Kummissjoni preċedenti, li huma pendenti quddiem il-Kunsill u l-Parlament Ewropew biex tara jekk jistgħux jinġiebu f'konformità mal-prijorità tat-Tkabbir u l-Impjiegi u jissodisfaw aħjar l-istandards ta' regolamentazzjoni. 68 proposta pendenti kienu rtirati kmieni fl-2006. 10 proposti oħrajn se jkunu rtirati fl-2007 u l-Kummissjoni se tkompli ssegwi b'mod regolari l-leġiżlazzjoni pendenti biex tiżgura li hi relevanti u aġġornata.

Mingħajr preġudizzju għall-prerograttiva tagħha li tirtira l-proposti pendenti fi kwalunkwe mument, il-Kummissjoni preżenti qiegħda twettaq screening tal-proposti pendenti fil-kuntest tat-tħejjija tal-programmi ta’ ħidma biex tivverifika li l-abbozzi ta’ leġiżlazzjoni fuq il-mejda tal-leġiżlatur huma konformi mal-prijoritajiet politiċi tagħha u biex tneħħi dawk li mhumiex, jew li huma obsoleti. Il-Kummissjoni temmen li kull Kummissjoni tal-futur għandha twettaq eżerċizzju simili fl-ewwel sitt xhur tal-mandat tagħha.

3. Applikazzjoni tal-liġi ta' l-UE

Sforzi li saru mill-Kummissjoni biex jissimplifikaw u jtejbu l-ambjent regolatorju ma jġibux ir-riżultati mixtieqa sakemm il-liġijiet Ewropej ma jkunux applikati korrettement u effettivement fl-Istati Membri. Barra minn hekk, jekk jinqalgħu l-problemi, in-negozji, il-konsumaturi u ċ-ċittadini għandhom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom malajr u b'mod effettiv. Il-Kumissjoni ser tkompli tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-liġijiet Ewropej. Madankollu, huwa essenzjali li l-Istati Membri jassumu r-responsabbiltà tagħhom f'dan ir-rigward. Ħafna mil-liġi Ewropea tieħu l-forma ta' direttivi li jiffissaw regoli ġenerali u objettivi iżda jħallu lill-Istati Membri ċerta għażla kif se jipproduċu r-riżultati meħtieġa f'konformità mat-Trattat tal-KE u l-prinċipju ta' sussidjarjetà. L-Istati Membri huma rikjesti li jittrasponu d-direttivi f'liġi nazzjonali u huma responsabbli għall-applikazzjoni tal-liġi. Nuqqas fl-obbligi jista' jirriżulta f'azzjoni legali, inkluż quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. In-numru ta' każijiet ta' ksur kontra l-Istat Membri juri li ta' sikwit l-objettiv ta' applikazzjoni korretta tal-liġijiet Ewropej ma jintlaħaqx. Barra minn hekk, il-proċedura ta' ksur mhix dejjem l-aktar mod effettiv biex jissewwew il-problemi taċ-ċittadini u n-negozji. Hemm bżonn ta' titjib.

Il-Kummissjoni se tieħu azzjoni preventiva, issegwi l-Istati Membri fi stadju bikri sabiex tħeffef it-traspożizzjoni korretta tad-direttivi ewlenin. Se tistenna impenn mill-Istati Membri li jipproduċu tabelli ta' korrelazzjoni, li jgħaqqdu dispożizzjonijiet fid-direttivi u r-regoli nazzjonali biex iħaffu l-eżami tat-traspożizzjoni, it-trasparenza u r-reviżjoni ġudizzjarja. Barra minn hekk, il-piż amministrattiv ta' l-applikazzjoni tad-direttivi ta' l-UE jista' jvarja konsiderevolment bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni se taħdem ma' l-Istati Membri biex tidentifika u tifrex prattiċi tajbin f'dan il-qasam.

Fejn tonqos il-prevenzjoni, il-Kummissjoni tfittex korrezzjoni malajr. Fejn hu xieraq, u filwaqt li jitqies is-sehem tagħha bħala gwardjan tat-Trattat, il-Kummissjoni se tiffoka fuq il-kategoriji ewlenin tal-każijiet bħalma huma n-nonkomunikazzjoni tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu direttivi, il-ksur tal-liġi Ewropea li jkollu impatt negattiv partikolarment vast fuq iċ-ċittadini u n-negozji, in-nuqqas ta' osservanza tas-sentenzi tal-Qorti. Fl-istess waqt, ser iżżid il-ħidma ma’ l-Istati Membri biex tiżviluppa mekkaniżmi kumplimentari ta’ soluzzjoni tal-problemi, billi tibni fuq l-aħjar prattiċi fl-Istati Membri u mekkaniżmi ta’ suċċess bħal SOLVIT[9], biex b’hekk twieġeb għall-mistoqsijiet u l-problemi taċ-ċittadini u n-negozji b’mod rapidu, effiċjenti u li jitkejjel. Dan jipprovdi informazzjoni sistematika dwar l-applikazzjoni[10] tal-liġi Ewropea. Dawn l-inizjattivi se jkunu komunikati fil-komunikazzjoni mistennija dwar l-applikazzjoni tal-liġi Ewropea u se jifformaw komponent importanti fir-Revizjoni tas-Suq Uniku mistennija.

III. PROGRESS B'REGOLAMENTAZZJONI AĦJAR FL-ISTATI MEMBRI

It-titjib fl-ambjent regolatorju fl-Ewropa jiddependi mill-kontribuzzjoni ta' l-Istati Membri. Dan jaffettwa t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-liġi ta' l-UE kif ukoll il-kwalità tar-regolamentazzjoni nazzjonali u reġjonali. Kien hemm żieda sostanzjali fl-isforzi ta’ regolamentazzjoni aħjar mill-adozzjoni tal-Linji ta’ Gwida Integrati dwar it-Tkabbir u l-Impjiegi[11] f’Marzu 2005[12] sal-lum, kif rifless fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali u r-Rapport ta’ Progress.

Ħafna għandhom strateġija għal Regolamentazzjoni Aħjar u struttura istituzzjonali f'postha li jappoġġaha. Qed isir ħafna progress fir-rigward tal-kejl ta' l-ispejjeż amministrattivi u t-tnaqqis tal-piżijiet fejn maġġoranza ta' l-Istati Membri għażlu l-istess mudell biex ikejlu l-ispejjeż amministrattivi u numru diġà adottaw persentaġġ tal-miri tat-tnaqqis. Ħafna Stati Membri issa jwettqu l-Valutazzjonijiet ta' l-Impatt u xi wħud żviluppaw linji ta' gwida. Madankollu, numru relattivament żgħir ta' pajjiżi sistematikament iwettqu valutazzjonijiet ta' impatt integrati għall-proposti leġiżlattivi l-ġodda u r-riżultati huma ta' sikwit disponibbli għall-iskrutinju estern.

Filwaqt li nofs l-Istati Membri żviluppaw programm ta' simplikazzjoni komprensiv, qed ikunu varati ħafna inizjattivi ad hoc (eżempju, e-government , ħwienet ta' waqfa waħda u uffiċċji ċentrali ta' reġistrazzjoni). Qiegħda tiżdied il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati f'ħafna Stati Membri iżda għad hemm lok sinifikattiv għal titjib.

Huwa ċar li t-titjib fil-proċess tar-regolamentazzjoni jeħtieġ iż-żmien, ir-riżorsi finanzjarji u umani, kif ukoll aġġustament ta' l-istrutturi istituzzjonali kurrenti. Dan ma jistax jintlaħaq mingħajr appoġġ politiku b'saħħtu u sostnut.

IV . IL-PASSI LI JMISS

Ir-reviżjoni turi li l-UE qiegħda twettaq l-impenji tagħha biex tirregola sew. Madankollu, jista' jsir aktar mill-Kummissjoni, il-Parlament, il-Kunsill u l-Istati Membri, meta jaġixxu flimkien:

Simplifikazjzoni tal-leġiżlazzjoni

- Is-simplifikazzjoni titqiegħed fil-qalba tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni permezz ta' l-integrazzjoni tal-programm ta' simplifikazzjoni kontinwu fil- Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma tal-Kummissjoni .

- It-tisħiħ tal- programm ta' simplifikazzjoni kontinwu flimkien ma' aktar minn 40 inizjattiva ta' simplifikazzjoni addizzjonali li se jitwettqu fis-snin li ġejjin, tul spektrum wiesa' ta' oqsma politiċi.

- Adozzjoni aktar malajr mill- koleġiżlatur tal-proposti ta' simplifikazzjoni pendenti u rinfurzar tal-kooperazzjoni interistituzzjonali.

Tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi

- Il-Kummissjoni se tipproponi Pjan ta' Azzjoni dwar il-Kejl ta' l-Ispejjeż Amministrattivi u t-Tnaqqis tal-Piżijiet Amministrattivi u se tvara studju kbir dwar il-kejl u t-tnaqqis tal-piżijiet .

- Fuq din il-bażi, il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007 se jintalab li japprova mira konġunta ta' tnaqqis ta' 25% u oqsma prijoritarji għall-azzjoni kemm fuq il-livell ta' l-UE kif ukoll fuq il-livell nazzjonali inkluż l-ewwel sett ta' azzjonijiet konkreti fejn progress sinifikattiv jista' jinkiseb malajr u l-eżerċizzju ta' kejl u l-metodoloġija li trid tintuża.

Eżami ta' l-impatt

- Bord dwar il-Valutazzjoni ta' l-impatt (IAB) ġdid se jibda jirrevedi sistematikament l-eżamijiet ta' impatt tal-Kummissjoni.

- Ir-riżultati tal- valutazzjoni esterna tas-sistema tal-valutazzjoni ta' l-impatt kurrenti se jkunu implimentati, kif inhu xieraq.

- Skond ir-reviżjoni ta' l-2008 ta' l-"Approċċ Komuni tal-Valutazzjoni ta' l-Impatt", il-Kummissjoni tistenna li l-istituzzjonijiet jaqblu li jwettqu valutazzjonijiet ta' l-impatt dwar l- inizjattivi ta' l-Istati Membri fil-qasam tat-Titlu VI tat-TEU ( il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-ġudikatura fi kwistjonijiet kriminali ).

Eżaminar u rtirar tal-proposti pendenti

- Din il-Kummissjoni tikkunsidra li kull Kummissjoni tal-futur għandha twettaq eżami tal-proposti pendenti, fil-prinċipju fl-ewwel sitt xhur tal-mandat tagħha, sabiex tivverifika li l-abbozz ta' leġiżlazzjoni fuq il-mejda tal-leġiżlatur hi konformi mal-prijoritajiet politiċi.

- Il-Kummissjoni preżenti ser tkompli teżamina l-proposti pendenti regolarment fil-kuntest tal-preparazzjoni tal-programm ta' ħidma annwali u fejn xieraq tneħħi l-proposti.

Traspożizzjoni u applikazzjoni tal-Liġi ta' l-UE

- Matul l-2007, il- Kummissjoni se tipproponi inizjattiva ġdida biex issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tantiċipa u tevita problemi ta' traspożizzjoni, permezz ta' koopereazzjoni msaħħa ma' l-Istati Membri, taċċellera l-progress dwar kategoriji ewlenin u żżid l-informazzjoni dwar l-infurzar.

- L- Istati Membri għandhom bżonn iżidu l-progress dwar it-traspożizzjoni tad-direttivi, l-għoti aħjar ta' informazzjoni u soluzzjoni tal-problemi għaċ-ċittadini u n-negozji u komunikazzjoni aktar wiesgħa tat-tabelli ta' koorelazzjoni.

Kodifikazzjoni u tneħħija

- Il-Kummissjoni se tippreżenta madwar 350 inizjattiva ta' kodifikazzjoni qabel it-tmiem ta' l-2008 filwaqt li tirrakkomanda l-adozzjoni mill-Kunsill u l-Parlament sa l-2009.

- Applikazzjoni ta' modi mtejba tal-leġiżlazzjoni ta' kodifikazzjoni .

- Tkompli l-identifikazzjoni ta' l- atti obsoleti li jridu jitneħħew . Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew biex jiżviluppaw proċeduri li jħaffu għat-tneħħija tal-leġiżlazzjoni obsoleta.

V. KONKLUŻJONI

Inkiseb ħafna bl-iżvilupp tar-Regolamentazzjoni Aħjar fl-UE iżda l-aġenda issa għandha bżonn li timxi 'l quddiem b’mod determinat biex jinkisbu l-benefiċċji kollha. Il-Kummissjoni hija kommessa bis-sħiħ li tagħti s-sehem tagħha u qiegħda tieħu inizjattivi ġodda ewlenin biex tissaħħaħ is-sistema ta' Valutazzjoni ta' l-Impatt u l-Programm ta' Simplifikazzjoni tagħha – biex tikkomunika l-isforzi tagħha għal regolamentazzjoni aħjar. Qiegħda tipproni wkoll li tvara kampanja mingħajr preċedenti biex taqta' l-piżijiet amministrattivi. Iżda l-Kummissjoni ma tistax tirnexxi waħedha. Għalhekk titlob lill-Kunsill Ewropew, il-koleġiżlatur ta' l-UE, u l-Istati Membri, li japprovaw il-prijoritajiet imfassla f'din il-Komunikazzjoni bħala aġenda komuni għal Regolamentazzjoni Aħjar fl-Unjoni Ewropea.

[1] Programm Leġiżlattiv u ta' Ħidma tal-Kummisjsoni 2007 - KUMM(2006) 629 ta' l-24.10.2006.

[2] Il-Kummissjoni se tirraporta dwar ir-riżultat tal-konsultazjzoni pubblika li tikkonċerna l-istandards minimi tagħha għall-konsultazzjoni pubblika f'komunkazzjoni mistennija dwar l-Inizjattiva Ewropea dwar it-Trasparenza.

[3] KUMM(2005) 535 tal-25.10.2005.

[4] L-ewwel rapport ta' progress dwar l-istrateġija għas-simplifikazjzoni ta' l-ambjent regolatorju - KUMM(2006) 690.

[5] Ara "Kejl ta' l-ispiża amministrattiva u tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fl-Unjoni Ewropea" - KUMM(2006) 691.

[6] Mid-940 att oriġinarjament kodifikabbli fl-2001, 198 tħassru, 16 skadew, 8 huma emendati ta' spiss wisq biex jippermettu kodifikazzjoni u 152 huma obsoleti jew ma jixirqilhomx kodifikazzjoni minħabba n-natura minima ta' l-emenda li saritilhom.

[7] Riformulazzjoni huwa l-proċess li bih att ġdid li legalment jorbot u li jħassar l-atti li jissostitwixxi, jgħaqqad kemm l-emenda tas-sustanza tal-leġiżlazzjoni u l-kodifikazzjoni tal-bqija li hi intiża li tibqa' hemm mingħajr tibdil.

[8] Kommunikazzjoni mistennija lill-Kummissjoni mis-Sinjura Grybauskaitė bi qbil mal-President "Inwieġbu għall-Bżonnijiet Strateġiċi: Rinfuzar ta' l-użu ta' valutazzjoni".

[9] SOLVIT hu mekkaniżmu alternattiv ta' riżoluzzjoni ta' tilwim imwaqqaf mill-Kummissjoni biex tgħin liċ-ċittadini u n-negozji li ċċaħħdu mill-possibilità li jeżerċitaw d-drittijiet tagħhom tas-Suq Intern Ewropew minħabba li l amministrazzjoni pubblika fi Stat Membru ieħor applikat ħażin il-leġiżlazzjoni tas-Suq Intern, http://europa.eu.int/solvit/site/index.htm.

[10] Il-Kummissjoni diġà ppreżentat rapport annwali dwar il-monitoraġġ ta' l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja, ara KUMM(2006) 416.

[11] KUMM(2005) 141 tat-12.4.2005.

[12] Ħarsa dettaljata lejn l-esperjenzi ta’ l-Istati Membri bid-dħul tal-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar hija mogħtija fir-Rapport dwar il-Kompetittività 2006 (mistenni) u n- Nota għall-Kumitat tal-Politika Ekonomika – Nippromwovu Regolamentazzjoni Aħjar, Brussell, 18 ta’ Ottubru 2006.

Top