EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52006DC0563

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Rapport dwar il-Fond Internazzjonali għall-Irlanda skond l-Artikolu 5 tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 177/2005 {SEG(2006) 1226}

/* KUMM/2006/0563 finali */

52006DC0563

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Rapport dwar il-Fond Internazzjonali għall-Irlanda skond l-Artikolu 5 tar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 177/2005 {SEG(2006) 1226} /* KUMM/2006/0563 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 12.10.2006

KUMM(2006) 563 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

Rapport dwar il-Fond Internazzjonali għall-Irlanda skond l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 177/2005

{SEG(2006) 1226}

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Stħarriġ dwar l-attivitajiet ta’ l-IFI 4

2.1. Deskrizzjoni Ġenerali ta’ l-IFI 4

2.1.1. Għanjiet u Prijoritajiet 4

2.1.2. Organizzazzjoni u funzjoni 4

2.1.3. Baġit 5

2.1.4. Attivitajiet 5

2.2. L-Involviment ta’ l-UE fl-IFI 5

3. Verifiki ta' l-Attivitajiet ta’ l-IFI 5

4. Attivitajiet ta’ l-IFI u Fondi Strutturali tal-KE 6

4.1. Għanijiet Ekwivalenti 6

4.2. L-Organizzazzjoni tal-Koordinazzjoni bejn l-IFI u l-Programmi tal-KE 7

4.3. “Sharing the Space” – strateġija għall-aħħar ħames snin ta’ l-IFI 8

5. Pubbliċità u informazzjoni 9

6. Konklużjoni u Proposti 9

1. INTRODUZZJONI

Dan ir-rapport dwar l-attivitajiet tal-Fond Internazzjonal għall-Irlanda (IFI) huwa meħtieg skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 177/2005 (ANNESS I "Ir-Regolament ta' l-IFI")[1]li pprovda għall-kontinwazzjoni ta’ l-iffinanzjar ta’ l-IFI għall-perjodu 2005-2006. L-għan ewlieni ta’ dan ir-rapport huwa li jeżamina l-attivitajiet ta’ l-IFI waqt dan il-perjodu. Ir-reviżjoni tinkludi deskrizzjoni ta’ l-IFI u l-attivitajiet tiegħu, is-sorsi tal-finanzi tiegħu, stimi mill-imgħoddi ta’ l-attivitajiet tiegħu, pubbliċita’ u kif l-IFI ikkumplimenta programmi oħra tal-KE. B’żieda ma dan, ir-rapport jantiċipa l-istrateġija l-ġdida ta’ l-IFI għal ħames snin sa l-għeluq tiegħu li huwa mistenni jseħħ fl-2010, il-ħamsa u għoxrin anniversarju mit-twaqqif tiegħu, u fil-qosor jipproponi l-involviment ta' l-UE tul l-aħħar fażi tal-ħidma ta' l-IFI.

Sa mill-1960, id-diviżjoni politika u l-vjolenza bejn il-komunitajiet iddominaw l-Irlanda ta’ Fuq u anke ħallew impatt fuq ir-Repubblika ta’ l-Irlanda.

Fl-1985, 13-il sena qabel il-Ftehim ta' Belfast/tal-Ġimgħa l-Kbira (April 1998), it-Trattat Anglo-Irlandiż ikkondizzjona liż-żewġ gvernijiet li “jikkoperaw fil-promozzjoni ta’ l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fiż-żoni fiż-żewġ naħat ta' l-Irlanda li l-aktar li soffrew mill-konsegwenzi ta' l-instabbilita' tas-snin riċenti" u "li jikkunsidraw il-possibilita' li jiżguraw appoġġ internazzjonali għal din il-ħidma".

Dan wassal biex fl-1986 twaqqaf il-Fond Internazzjonal għall-Irlanda, organizzazzjoni internazzjonali indipendenti li għandha korp governattiv għaliha.

Il-Komunita' Ewropea ilha tikkontribwixxi għall-IFI sa mill-1989. Fi tmiem l-2006, l-appoġġ ta’ l-Unjoni Ewropea ser jirrapreżenta madwar 57% mill-kontribuzzjoni annwali lill-Fond u 39% mill-kontribuzzjonijiet kumulattivi sa dik id-data.

Ir-Regolament ta’ l-IFI jipprovdi l-bażi legali attwali għall-kontribuzzjonijiet mill-Komunita' għall-2005 u l-2006. L-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament jgħid li l-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Awtorita’ Baġitarja tal-KE (il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea), fejn issir stima tal-ħtieġa ta’ appoġġ wara l-2006.

Dan ir-rapport u l-annessi tiegħu jibnu fuq ir-Rapport dwar il-Fond Internazzjonali għall-Irlanda[2]u jissodisfaw il-kondizzjonijiet għall-istima msemmija hawn fuq Id-devoluzzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq ġiet sospiża matul il-perjodu sa mill-aħħar rapport u, minħabba l-fraġilità tal-proċess ta’ paċi, ir-rapport jinkludi stima tal-ħtieġa li l-kontribuzzjonijiet jibqgħu anke wara l-2006.

2. STħARRIġ DWAR L-ATTIVITAJIET TA’ L-IFI

2.1. Deskrizzjoni Ġenerali ta’ l-IFI

2.1.1. Għanjiet u Prijoritajiet

L-IFI ġie stabbilit bi ftehim bejn il-gvernijiet tar-Renju Unit u l-Irlanda fl-1986 (ANNESS II) u ġie fis-seħħ f’Diċembru ta’ l-istess sena. Il-ftehim jistipola l-għanijiet prinċipali ta’ l-IFI li huma:

- li jippromwovi l-avvanz ekonomiku u soċjali, u

- li jinkoraġġixxi kuntatt, djalogu u rikonċiljazzjoni bejn in-nazzjonalisti u l-unjonisti fl-Irlanda kollha.

Madwar 75% tar-riżorsi ta’ l-IFI għandhom jitqassmu fl-Irlanda ta’ Fuq.

2.1.2. Organizzazzjoni u funzjoni

Il-gvern tar-Renju Unit u dak Irlandiż flimkien jaħtru l-President u Bord ta’ sitt membri li jissorveljaw id-direzzjoni u l-operazzjoni ta’ l-IFI. Il-Bord jirrappreżenta lill-komunitajiet fiż-żewġ naħat ta’ l-Irlanda u jiltaqa’ medja ta’ erba’ darbiet fis-sena. Rappreżentanti ta’ l-UE u ta’ pajjiżi donaturi[3] jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord bħala osservaturi. Annessi III – V jipprovdu aktar dettalji dwar l-organizzazzjoni ta’ l-IFI.

Sa mill-aħħar rapport dwar l-IFI, il-Fond alloka € 103 miljun oħra għal total ta’ 580 proġett. Lista ta’ dawn il-proġetti, li rċivew għajnuna wara li sar ir-rapport ta’ qablu ta’ l-2004, tinsab fl-ANNESS VI. L-IFI ikkommetta aktar minn € 830 miljun għal kważi 6 000 proġett li jaqgħu taħt bosta programmi ta’ appoġġ.

Il-Bord ta’ l-IFI ta’ sikwit jirrevedi l-attivitajiet tiegħu u anke jintroduċi inizjattivi ġodda biex jinkisbu l-ħtiġijiet identifikati kif u meta jkun adegwat. Attwalment, l-attivitajiet ta’ l-IFI qed iseħħu permezz ta’ numru ta’ programmi u skemi li jistgħu jinġabru taħt tliet intestaturi: ir-riġenerazzjoni ta’ żoni pprivati, il-bini tal-kapaċità tal-komunità u l-iżvilupp ekonomiku.

Matul is-snin, l-IFI baqa’ jadatta ruħu għal ambjent li qed dejjem jinbidel. Filwaqt li fis-snin bikrin tiegħu l-Fond appoġġja espressament investimenti kapitali maġġuri, l-IFI issa qed jalloka proporzjon akbar mir-riżorsi tiegħu (madwar 30%) fuq proġetti li jagħtu aktar importanza lill-poplu. Interventi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-edukazzjoni saru komuni u l-IFI qed jittama li tittella’ inizjattiva dwar l-integrazzjoni tas-settur ta’ l-iskejjel taż-żewġ tradizzjonijiet prinċipali tar-reġjun quddiem il-Bord għal deċiżjoni.

2.1.3. Baġit

L-istatus legali ta’ l-IFI huwa simili għal dak ta’ fond fiduċjarju jew ta’ fondazzjoni.

Sa mit-twaqqif tiegħu, l-IFI irċieva madwar € 743 miljun (prezzijiet attwali). Tul il-ħidma ta’ l-IFI l-Istati Uniti kienu l-akbar kontributuri (59.9%) filwaqt li l-kontribuzzjoni ta’ l-UE hija ta’ madwar 39% ta’ l-ammont totali tar-riżorsi allokati, bil-bqija jingħata mill-Kanada, mill-Awstralja u minn New Zealand (ANNESS VII).

Għas-sena 2006 il-kontribuzzjoni ta’ l-Istati Uniti laħħqet it-42% (US $ 13.8-il miljun), il-kontribuzzjoni ta’ l-UE laħħqet is-57% (€ 15-il miljun), u l-kontribuzzjoni Kanadiża laħħqet iż-0.6% ($ KAN 0.5 miljuni). Għad m’hemmx ċertezza dwar il-kontribuzzjonijiet annwali minn New Zealand u mill-Awstralja għas-sena 2006.

Il-gvern tar-Renju Unit u dak Irlandiż jieħdu ħsieb ta’ l-infiq għall-amministrazzjoni ġenerali, l-infiq għall-organizzazzjoni u d-dispożizzjonijiet tas-Segretarjat.

2.1.4. Attivitajiet

Sa mill-aħħar rapport, l-IFI alloka € 103 miljun għal 580 proġett mifruxa taħt bosta programmi u skemi (ANNESS VIII) li jistgħu jinġabru taħt tliet intestaturi. ir-riġenerazzjoni ta’ żoni ipprivati, il-bini tal-kapaċità tal-komunità u l-iżvilupp ekonomiku. Minn dawn il-proġetti kien hemm 424 li seħħew fl-Irlanda ta’ Fuq b’nefqa ta’ € 70.8 miljun filwaqt li 156 seħħew fl-Irlanda, jew kienu proġetti konġunti b’kontribuzzjoni ta’ € 32.9 miljun.

2.2. L-Involviment ta’ l-UE fl-IFI

L-IFI huwa differenti mill-forom ta' assistenza konvenzjonali tal-Fondi Strutturali ta’ l-UE (bħall-programm PEACE) minħabba li huwa organizzazzjoni internazzjonali indipendenti. Il-Kummissjoni Ewropea (permezz tad-Direttur Ġenerali għall-Politika Reġjonali) għandha status ta’ osservatur fil-Bord ta’ l-IFI, l-istess bħal pajjiżi donaturi oħra.

Sa minn meta l-UE ddeċidiet li tagħti kontribuzzjoni lill-IFI, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħha kienu ta' € 15-il miljun fis-sena mill-1989 sa l-1994, € 17-il miljun fis-sena mis-sena 1995 sa l-1999 u € 15-il miljun fis-sena mill-2000 ’il quddiem. Qabel kull pagament issir analiżi tar-rapport annwali, tal-kontijiet u tal-ħtiġijiet finanzjarji. Aktar verifikazzjonijiet tal-pożizzjoni finanzjarja ta’ l-IFI isiru waqt il-preparazzjoni mill-osservatur tal-Kummissjoni tal-laqgħat tal-Bord.

3. VERIFIKI TA' L-ATTIVITAJIET TA’ L-IFI

Is-servizzi tal-Komunità Ewropea (il-Qorti ta' l-Awdituri u DĠ REGIO) wettqu verifiki u għamlu żjarat għall-għarrieda lill-IFI kif ġie rrapurtat fir-rapporti ta’ l-Awtorità Baġitarja tal-KE għal l-1999, l-2001 u l-2002.

L-aktar verifika riċenti, li saret f'Novembru 2003, semmiet l-azzjonijiet meħuda mill-IFI biex jindirizza kwistjonijiet li nqalgħu waqt li kienu qed isiru verifiki preċedenti, bħall-istima ta' l-IFI ta' proċeduri f’livelli ta’ segretarjat u ta' aġent, u l-implimentazzjoni ta' sistema ta' informazzjoni kompjuterizzata li ser tieħu post ir-reġistri manwali.

Mandankollu, għad hemm kwistjonijiet oħra li jeħtieġu l-attenzjoni tal-Bord:

- In-nuqqas ta' linji ta’ gwida uniformi għall-immaniġġjar ta’ programmi ta’ l-IFI u ta’ manwal ta' struzzjonijiet għall-Fond.

- Biex jiġi evitat iffinanzjar doppju, l-IFI u l-korpi li jimmaniġġjaw il-Fondi Strutturali għandhom jimplimentaw skambju sistematiku ta’ informazzjoni.

- Eżerċizzji ta’ tħollija mill-impenn għandhom isiru aktar ta' spiss, b'mod partikolari permezz tal-kontijiet li jsiru fi tmiem is-sena. Il-proċeduri ta’ tħollija mill-impenn għandhom jissaħħu.

It-tweġiba ta’ l-IFI stqarret li mhux prattiku u lanqas effettiv f’termini ta’ nefqa li jinħolqu linji ta' gwidi uniformi għall-programmi kollha u li ma tikkunsidrax li jeżistu nuqqasijiet fil-proċeduri attwali ta' tħollija mill-impenn. Madankollu, l-IFI għaraf il-bżonn li jeżamina l-possibiltà li tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-IFI u fondaturi oħrajn.

Sa mill-aħħar rapport lill-Awtorità Baġitarja, il-Kummissjoni kompliet tissorvelja dawn il-kwistjonijiet, b’mod partikolari l-potenzjal ta' sitwazzjonijiet fejn kien hemm fondi li ma ntużawx u għalhekk jeħtieġ li ssirilhom tħollija mill-impenn. L-IFI issa qiegħed b’mod regolari jipproduċi rapporti għal-laqgħat tal-Bord tiegħu li jitrattaw il-possibiltà ta' tħollija mill-impenn u li jinkoraġġixxu lill-proġetti biex jindikaw jekk għandhomx il-ħsieb jieħdu l-ammont kollu li joffrilhom l-IFI.

B’żieda ma’ dan, l-IFI huwa vverifikat mill- accountants tiegħu (Price Waterhouse Coopers) u miż-żewġ gvernijiet. Ir-riżultati huma preżentati fir-rapport annwali tiegħu u dan jiġi approvat mill-Bord.

4. ATTIVITAJIET TA’ L-IFI U FONDI STRUTTURALI TAL-KE

4.1. Għanijiet Ekwivalenti

L-IFI u l-programm tal-KE PEACE għandhom prijoritajiet u għanijiet kumplimentari[4] L-għan strateġiku ta’ PEACE – li huwa li jsaħħaħ il-progress lejn soċjetà paċifika u stabbli u li jippromwovi r-rikonċiljazzjoni – huwa wkoll wieħed mill-għanjiet prinċipali ta’ l-IFI. Iż-żewġ inizjattivi jaqsmu wkoll numru ta’ oqsma kumplimentari li jiffukaw fuqhom.

Ir-Regolament ta' l-IFI jitlob li fl-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-KE tingħata prijorità lil proġetti trans-fruntiera u dawk trans-komunitarji biex b’hekk jikkumplimenta l-attivitajiet ta' jew il-fondi ġejjin minn PEACE II. Madankollu, filwaqt li l-proġetti kollha li jfittxu l-assistenza ta' PEACE iridu juru xi pjanijiet għandhom għall-iżvilupp tar-rikonċiljazzjoni u l-ftehim reċiproku bejn il-komunitajet, id-dimensjoni trans-komunitarja hija espliċitament meħtieġa fil-każ ta' xi programmi biss ta' l-IFI.

L-IFI minn dejjem għamel enfasi partikolari fuq l-għoti ta’ l-għajnuna liż-żoni pprivati fl-Irlanda ta' Fuq u fil-Kontej tul il-Fruntiera fin-naħa t'Isfel ta' l-Irlanda. Dan jagħmlu permezz ta’ numru ta’ programmi li jaqgħu taħt it-titolu “Ir-Riġenerazzjoni ta’ Żoni Pprivati” u li jagħtu prijorità lil proġetti li jaqgħu taħt il-programmi prinċipali tal-Fond għall-appoġġ, kif ukoll lil inizjattivi speċjali. Sa mill-2003, aktar minn 85% ta' l-impenji tal-Fond marru fuq proġetti f’dawn iż-żoni. F’kuntrast ma’ dan, il-programm PEACE japplika indikaturi ta’ impatt ibbażati fuq “żoni pprivati"[5] fl-Irlanda ta’ Fuq u l-indiċi "Niġġieldu l-Faqar" għar-Reġjun tul il-Fruntiera.

Fir-rigward ta’ benefiċarji, l-IFI bażikament jassisti l-istess kategorija ta' nies li jassisti l-programm PEACE[6] Meta proġetti jistgħu jiġu ffinanzjati kemm minn programmi ta’ l-IFI kif ukoll minn programmi tal-KE, il-politika ta’ l-IFI hija li jaċċetta l-flus li jingħataw l-ewwel, anke jekk din tista' taħbat l-iżgħar kontribuzzjoni finanzjarja[7]. Meta mqabbel mal-programmi tal-KE, l-IFI jipproċessa l-applikazzjonijiet malajr billi juża proċeduri ta’ selezzjoni effiċjenti, u huwa aktar flessibbli fit-tweġiba tiegħu għall-ħtiġijiet u opportunitajiet li qegħdin ifeġġu, dan minħabba li l-baġit tiegħu jiġi deċiż kull sena.

4.2. L-Organizzazzjoni tal-Koordinazzjoni bejn l-IFI u l-Programmi tal-KE

Ir-Regolament ta' l-IFI jistipola li l-kontibuzzjoni tal-KE għandha tintuża b’tali mod “ li tikkumplimenta l-attivitajiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali, b’mod speċjali dawk tal-Programm Speċjali għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta’ Fuq u fil-Kontej tul il-Fruntiera ta’ l-Irlanda”. Il-koordinazzjoni bejn iż-żewġ inizjattivi hija importanti biex tiġi użata l-aħjar prattika miż-żewġ naħat u biex jiġi evitat li jinqabeż il-massimu ta' 75% ta' għajnuna mill-KE għal kwalunkwe proġett li jkun iffinanzjat kemm mill-IFI kif ukoll minn programm ta' l-UE[8].

Il-ftehim ta’ koordinazzjoni attwali jinkludi l-partiċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-laqgħat tal-Bord ta’ l-IFI, li jirċievu d-dokumenti tal-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv ta' l-IFI[9] u l-attendenza ta' rappreżentanti ta' l-IFI bħala osservaturi fil-Kumitati ta’ Sorveljanza għall-Qafas ta’ Appoġġ għall-Kommunità għall-Irlanda ta’ Fuq; Programm PEACE II; Programm Operattiv għall-Bini ta’ l-Iżvilupp Sostenibbli; u INTERREG III-A għall-Inizjattiva tal-Kommunità ta’ l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda.

L-SEUPB[10] intalab jinnomina persunal biex jipparteċipa fit-timijiet ta' programmi ta’ l-IFI biex b’hekk tiġi assigurata armonizzazzjoni akbar fl-għażla tal-proġetti u fl-iskambju ta’ l-informazzjoni.

Ħafna drabi, fil-livell operattiv, l-IFI u l-SEUPB jużaw l-istess aġenti. Fejn meħtieg, il-valutazzjonijiet ekonomiċi jinqasmu bejn iż-żewġ korpi. Ir-regola ta’ 75% hija applikata fi proġetti li huma ko-finanzjati.

B’żieda ma dan, l-IFI u l-SEUPB ħadmu fuq proġetti ta’ tfassil tar-rikonċiljazzjoni fi sforz biex jiġu stabbiliti n-nuqqasijiet fid-dispożizzjoni fis-settur ta' rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq u fis-sitt Kontej tul il-Fruntiera.

Il-Kummissjoni temmen li ż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom jaqsmu il-proċeduri ta’ l-għażla tal-proġetti u l-informazzjoni b'mod aktar komprensiv. Dan huwa essenzjali meta l-isponsors ta’ l-istess proġett japplikaw għal fondi kemm mill-IFI kif ukoll minn programm tal-KE. L-iskambju ta’ l-applikazzjonijiet ta’ data (eż. l-iskambju tal-pjanijiet tan-negozju u ta’ l-analiżi tal-benefiċċji ta' l-ispejjeż) iħaffef il-proċedura ta' l-għażla u jiżviluppa rispons koordinat biex b’hekk l-applikanti ma jiltaqgħux ma’ kriterji ta’ għażla u ħtiġijiet żejda.

Programmi attwali tal-KE żviluppaw sistemi ta’ sorveljanza u rappurtar fiżiċi u finanzjarji li bihom l-IFI ikun jista' jkollu aċċess regolari għad- data ta' sorveljanza dwar proġetti finanzjati. Dan jindirizza r-riskju li l-impatt tal-programmi jingħadd darbtejn b’riżultat li jitħarbat kull attentat biex l-istudji ta’ valutazzjoni jsiru b'mod preċiż u dettaljat.

4.3. “Sharing the Space” – strateġija għall-aħħar ħames snin ta’ l-IFI

Fl-2003, l-IFI nieda reviżjoni strateġika dettaljata tal-programmi tiegħu, bil-għan li jagħti pożizzjoni ġdida lilu nnifsu; pożizzjoni b’attivitajiet li huma aktar “iffukati fuq il-komunità”. Wara l-valutazzjoni, fil-bidu ta’ l-2006 tnediet l-istrateġija għal ħames snin bl-isem “Sharing the Space” li ser tippromwovi r-rikonċiljazzjoni fl-Irlanda tul l-aħħar fażi ta’ l-attivitajiet ta’ l-IFI. Il-programmi komunitarji eżistenti ta' l-IFI ġew estiżi bil-għan li tinbena infrastruttura sostennibli għar-rikonċiljazzjoni li tibqa' topera anke wara li jxolji l-IFI. Għaldaqstant, twaqqfu ħafna mill-attivitajiet ekonomiċi tradizzjonali ta’ l-IFI biex tingħata preferenza lill-iżvilupp komunitarju bażiku.

L-għanjiet ta' l-IFI tul l-aħħar ħames snin ta’ ħidma tiegħu ser jinkludu:

- Il-bini u t-twettiq ta’ viżjoni ta’ futur wieħed għall-Irlanda ta' Fuq u għaż-żewġ naħat tal-gżira;

- Il-promozzjoni ta’ għarfien bejn il-komunitajiet differenti ta’ l-Irlanda;

- Li titħaffef l-integrazzjoni bejn il-komunitajiet;

- Li jinbnew alleanzi ma’ aġenziji oħra, li jiġi assigurat li l-ħidma bi pjanijiet għat-tul ta' l-IFI titkompla wara l-2010 u li l-kompetenza titqassam ma’ ħaddiema għall-paċi f'reġjuni oħra.

Fil-futur, il-programmi li jappoġġjaw l-IFI ser jaqgħu taħt erba' temi: il-bini tal-pedamenti, ħidma biex jitnaqqsu d-differenzi, l-integrazzjoni u l-ħolqien ta' patrimonju. Dawn it-temi ta’ programmi jmorru id f’id ma’ l-għanjiet msemmija hawn fuq.

Billi l-IFI ser ixolji fl-2010, jew ftit taż-żmien wara, kwalunkwe regolament futur dwar il-kontribuzzjoni tal-KE jrid jara li jkunu saru l-arranġamenti meħtieġa għall-għeluq ta' l-IFI, fir-rigward tal-prinċipji dwar immaniġjar finanzjarju sod u effettiv. Kwalunkwe regolament għandu jkopri l-erba’ snin bejn l-2007 u l-2010 biex b’hekk jassigura ċertezza dwar l-iffinanzjar ta' l-IFI.

5. PUBBLIċITÀ U INFORMAZZJONI

L-IFI jagħraf l-appoġġ tad-donaturi kollha tiegħu (hu x’inhu l-livell tal-kontribuzzjoni tagħhom u l-ammont tad-drabi li jsir pagament minn għandhom) permezz ta' referenzi standard fi stqarrijiet għall-istampa, litteratura ppubblikata (Rapport Annwali, kotba ta’ informazzjoni u rapporti ppubblikati) u permezz tal-websajt tiegħu. Isiru wkoll referenzi għad-donaturi waqt diskorsi li jsiru mill-President jew mill-membri tal-Bord u waqt aġġornamenti li jingħataw lill-viżitaturi tal-proġetti ta' l-IFI. L-uffiċċji rappreżentattivi tal-Kummissjoni f’Belfast u f’Dublin iżommu kuntatt regolari ma’ l-IFI u jiġu mistiedna kull darba li l-IFI iniedi proġett ġdid.

Madankollu, minħabba li l-IFI twieled fl-Istati Uniti f’nofs it-tmeninijat, għad jeżisti s-sens, kemm fin-naħa ta' fuq kif ukoll fin-naħa t'isfel, li l-Fond huwa organizzazzjoni appoġġjata mill-Istati Uniti, dan minkejja l-iffinanzjar sostanzjali mill-UE sa mill-1989 u minkejja li l-Fond jinsisti li kull proġett jagħraf u jirreklama l-kontribuzzjoni tal-Komunità. Il-Kummissjoni ser tkabbar b’mod sinifikanti l-profil dwar il-preżenza ta’ l-UE fl-attivitajiet ta' l-IFI, l-aktar fil-każ ta’ ffinanzjar konġunt mill-KE u l-IFI.

6. KONKLUżJONI U PROPOSTI

L-appoġġ ta' l-Unjoni Ewropea għall-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq imur lura żmien twil u ntwera bl-aqwa mod possibbli bl-impenn lejn l-IFI sa mill-1989 u bil-programm PEACE sa mill-1995. B’dan l-Unjoni Ewropea għarfet l-objettivi għat-tul tal-proċess ta' paċi, li tul is-snin sabu l-appoġġ sħiħ tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

Is-sitwazzjoni politika u soċjali tar-reġjun tibqa’ fraġli u l-livell ta’ vjolenza u firda jsejjaħ biex l-UE ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tippromwovi l-paċi u r-rikonċiljazzjoni f’din il-parti ta’ l-Unjoni Ewropea. Fil-laqgħa tiegħu fil-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew adotta l-konklużjoni tal-Presidenza b’referenza għall-Fond Internazzjonali għall-Irlanda, li hija mniżżla hawn taħt[11]

Il-Kunsill Ewropew semma l-importanza tal-ħidma tal-Fond Internazzjonali għall-Irlanda fil-promozzjoni tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni. Il-Kunsill sejjaħ lill-Kummissjoni biex tieħu l-passi kollha meħtieġa biex jitkompla l-appoġġ ta' l-UE għall-Fond hekk kif dan jidħol fl-aħħar fażi kruċjali tiegħu sa l-2010.

B’żieda ma’ dan, il-Perspettivi Finanzjarji[12] jiżguraw it-tkomplija tal-programm PEACE fl-Irlanda ta' Fuq u fil-Kontej fuq il-Fruntiera ta' l-Irlanda.

B’rikonoxximent għall-isforz speċjali li sar għall-proċess ta' paċi fl-Irlanda ta' Fuq, għall-perjodu 2007-2013 ser jiġi allokat l-ammont totali ta' € 200 miljun għall-programm PEACE. Dan il-programm ser jiġi implimentat b’konformità sħiħa ma’ żieda fl-intervenzjonijiet ta’ Fondi Strutturali.

Rapporti tal-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxew unanimament il-kontribuzzjoni ferm pożittiva ta' l-attivitajiet ta' l-IFI għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni fl-Irlanda ta' Fuq u fir-Reġjun tul il-Fruntiera ta' l-Irlanda. B’hekk huwa laħaq l-għanijiet tiegħu li huma li jippromwovi l-avvanz ekonomiku u soċjali, u li jinkoraġġixxi l-kuntatt, id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni bejn in-nazzjonalisti u l-unjonisti fl-Irlanda kollha.

Il-Programmi ta' Fondi Strutturali attwali tal-KE (b'mod partikolari l-programm PEACE II) huma strumenti ta’ importanza kbira għall-promozzjoni tal-progress ekonomiku u soċjali fir-reġjun u joffru opportunitajiet ġodda għall-IFI. Il-prijoritajiet stabbiliti kemm mill-IFI kif ukoll mill-programmi tal-KE jikkumplimentaw lil xulxin u hu meħtieġ li dan il-potenzjal qawwi għal sinerġiji jissaħħaħ. Il-kontinwazzjoni tal-programm PEACE u ta’ l-istrateġija l-ġdida ta' l-IFI – “Sharing the Space” - jippermettu li dawn is-sinerġiji jibqgħu jitwettqu.

Il-Kummissjoni tilqa' l-istrateġija “Sharing the Space”. Din hija strateġija realistika li ser tassigura li jsir progress lejn futur wieħed, tassigura li ssir il-promozzjoni ta’ l-integrazzjoni u t-tolleranza u tassigura ukoll li x-xogħol ta’ l-IFI jitkompla fit-tul wara it-tmiem tal-Fond.

***

Meta tqis li t-tisħiħ tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri u bejn il-popli tagħhom huwa wieħed mill-għanijiet fundamentali ta’ l-UE, huwa importanti li l-UE, flimkien ma’ donaturi oħra, tibqa' impenjata fir-rigward ta' dawn l-għanijiet u ġġedded il-kontribuzzjoni tagħha għall-IFI.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni temmen li wara l-2006 l-iffinanzjar jibqa' jingħata fuq il-bażi ta' l-osservazzjonijiet imniżżla f'dan ir-rapport, li jistgħu jiġu riflessi f'Regolament tal-Kunsill dwar il-Kontribuzzjoni tal-KE għall-IFI jew permezz ta’ mezzi oħra adegwati ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-IFI.

[1] ĠU L30 tat-3.2.2005, p. 1.

[2] Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Rapport dwar il-Fond Internazzjonali għall-Irlanda skond l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 214/2000 – KOM(2001) 548 u SEC(2001) 1579 ta’ l-1 ta' Ottubru 2001.

[3] L-Istati Uniti, il-Kanada, New Zealand u l-Awstralja.

[4] Il-programm PEACE II huwa klassifikat bħala Programm Operazzjonali Oġġettiv 1 għall-perjodu bejn l-2000 u l-2006, għal ammont totali ta’ € 609 miljun. Għall-perjodu ta’ programmar 2007/2013 ser ikun hemm programm PEACE ġdid b’kontribuzzjoni ta’ € 200 miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Dan il-programm se jaqa taħt l-oġġettiv ta’ koperazzjoni territorjali tal-qafas regolatorju ġdid.

[5] Mfissra bħala taħlita ta’ żoni komuni għaż-żewġ naħat, żoni affettwati mill-vjolenza u żoni ipprivati.

[6] Il-programm PEACE II jimmira espliċitament lejn dawk li ġejjin minn żoni, setturi, gruppi jew komunitajiet li "l-aktar li ntlaqtu minn dan il-kunflitt", u li mhux neċessarjament jikkorrispondu ma dawk li huma l-aktar ipprivati ekonomikament u soċjalment.

[7] Ara r-rati massimi ta’ intervenzjoni fl-ANNESS VIII.

[8] Artikolu 29 tar-Regolament (KE) 1260/1999.

[9] Skambju ta’ ittri bejn l-IFI u l-Kummissjoni: Ittra lil C. Trojan, 28 ta’ Ġunju 1994.

[10] Korp speċjali għall-programmi ta' l-UE – l-awtorità amministrattiva tal-programm PEACE II.

[11] Dokument 15914/05

[12] Dokument 15915/05

Top