EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005DC0655

Rapport mill-Kummissjoni IL-PROGRESS LEJN IL-KISBA TAL-MIRA KOMUNITARJA TA’ KYOTO (meħtieġ skond id-Deċiżjoni 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ ta’ l-emissjonijiet Komunitarji tal-gassijiet li jwasslu għall-effett serra u sabiex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kyoto) {SEC(2005) 1642}

/* KUMM/2005/0655 finali */

52005DC0655

Rapport mill-Kummissjoni IL-PROGRESS LEJN IL-KISBA TAL-MIRA KOMUNITARJA TA’ KYOTO (meħtieġ skond id-Deċiżjoni 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ ta’ l-emissjonijiet Komunitarji tal-gassijiet li jwasslu għall-effett serra u sabiex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kyoto) {SEC(2005) 1642} /* KUMM/2005/0655 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell 15.12.2005

COM(2005) 655 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

IL-PROGRESS LEJN IL-KISBA TAL-MIRA KOMUNITARJA TA’ KYOTO

(meħtieġ skond id-Deċiżjoni 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ ta’ l-emissjonijiet Komunitarji tal-gassijiet li jwasslu għall-effett serra u sabiex jiġi implimentat il-Protokoll ta’ Kyoto) {SEC(2005) 1642}

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. Il-Kisba tal-Mira Komunitarja ta’ Kyoto 3

2.1. L-emissjonijiet attwali fl-2003 rigward l-UE-25 u l-UE-15 3

2.2. L-emissjonijiet projettati għall-2010 rigward l-UE-25 u l-UE-15 6

2.3. L-emissjonijiet settur settur 8

3. Konklużjonijiet 9

1. INTRODUZZJONI

Dan huwa s-sitt rapport annwali dwar il-progress għall-monitoraġġ ta' l-emissjonijiet Komunitarji tal-gassijiet li jwasslu għall-effett serra u t-tieni rapport skond id-Deċiżjoni 280/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ ta' l-emissjonijiet Komunitarji tal-gassijiet li jwasslu għall-effett serra u sabiex jiġi implimentat il-Protokoll ta' Kyoto (280/2004/KE). Dan ir-rapport jibbaża ruħu fuq ir-rapport dettaljat ta’ l-Aġenzija Ewropea dwar l-Ambjent (EEA) “ Greenhouse gas emission trends and projections in Europe ” (“Ix-xejriet u l-projetazzjonijiet fl-Ewropa rigward l-emissjonijiet tal-gassijiet li jwasslu għall-effett serra”) (EEA, 2005). Dan jevalwa l-progress attwali u dak projettat ta’ l-Istati Membri u tal-Komunità lejn il-kompletazzjoni ta’ l-impenji tagħhom rigward l-emissjonijiet tal-gassijiet li jwasslu għall-effett serra skond il-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC) u l-Protokoll ta’ Kyoto.

Minkejja li dan ir-rapport jevalwa l-progress ta’ l-UE-25, spiss jiġu enfasizzati l-iżviluppi fl-UE-15 minħabba l-mira kollettiva tagħhom u l-qbil dwar kif se jintrefa' l-piż bejniethom. Barra minn hekk, il-kwalità tad-dejta ta' l-2003, speċjalment rigward il-kompletezza u l-preċiżjoni tagħha, tvarja fost l-Istati l-Membri l-ġodda u ta' qabilhom. Ir-rapport[1] jinkludi wkoll xi dejta dwar l-emissjoni rigward iż-żewġ pajjiżi kandidati: il-Bulgarija u r-Rumanija u rigward il-Kroazja li hija pajjiż kandidat. Għad m'hemm l-ebda dejta disponibbli rigward it-Turkija, li hija wkoll pajjiż kandidat.

Dan ir-rapport janalizza d-dejta dwar l-emissjonijiet attwali mill-2003, flimkien mal-projetazzjonijiet ta’ l-emissjonijiet bil-preżunzjoni ta' xenarji 'bil-miżuri eżistenti' [2] u 'b'miżuri addizzjonali'. Dawn il-projetazzjonijiet huma projetazzjonijiet aggregati ta' l-Istati Membri li se jiġu analizzati fil-fond fil-futur billi mhux l-Istati Membri kollha pprovdew projetazzjonijiet aġġornati. Il-projetazzjonijet jinkludu l-użu ta’ mekkaniżmi flessibbli skond il-Protokoll ta’ Kyoto, jiġifieri, l-Implimentazzjoni Konġunta, il-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif u l-iskambju internazzjonali tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet.

Il-projetazzjonijiet juru li l-EU-15 se jilħqu l-mira tat-tnaqqis ta' -8% b'miżuri addizzjonali u bl-użu ta' mekkaniżmi flessibbli.

2. Il-Kisba tal-Mira Komunitarja ta’ Kyoto

2.1. L-emissjonijiet attwali fl-2003 rigward l-UE-25 u l-UE-15

Kemm l-emissjonijiet tal-gassijiet li jwasslu għall-effett serra mill-UE-25 kif ukoll dawk mill-UE-15 żdiedu bejn l-2002 u l-2003, għalkemm l-emissjonijiet kienu anqas mill-emissjonijiet fis-sena bażi: 8% u 1.7% rispettivament (Figura 1) flimkien mat-tkabbir ekonomiku ta’ 27% għall-UE-15. Id-distakk 'il fuq mill-passaġġ tal-mira lineari għall-UE-15 kien ta’ 1.9% fl-2003 (Figura 2), inkluż l-użu tal-Mekkaniżmi ta’ Kyoto, iżda mingħajr ma tinkludi l-waqgħat ( sinks ) domestiċi jew l-utilizzazzjoni ta’ l-Iskema Ewropea ta’ l-Iskambju tal-Kwoti ta’ l-Emissjonijiet li ġiet varata aktar tard.

L-iskema ta’ l-UE għall-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet varata fl-1 ta' Jannar 2005 hija l-akbar skema ta' skambju tal-kwoti fid-dinja rigward il-gassijiet li jwasslu għall-effett serra u hija maħsuba li tiffunzjona biswit l-implimentazzjoni effettiva ta’ politika u miżuri eżistenti u addizzjonali sabiex jinkisbu r-riduzzjonijiet ta’ l-emissjonijiet mitluba mill-Protokoll ta’ Kyoto.

Figura 1: L-emissjonijiet attwali u projettati għall-UE-25 u l-UE-15

[pic]

Nota: Id-dejta teskludi l-emissjonijiet u t-tneħħijiet mill-użu ta' l-art, il-bidla fl-użu ta' l-art u l-forestrija. Il-figura tirreferi għal sena-bażi teoretika għall-UE-25 bħala 100 li tippermetti analiżi konsistenti tax-xejriet fl-emissjonijiet u l-projetazzjonijiet tal-gassijiet li jwasslu għall-effett serra. Din hija l-1990 għall-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri fir-rigward tas-CO2, il-metanu (CH4) u l-ossidu nitruż (N2O), iżda l-1995 għall-gassijiet flworinati, b'dawn l-eċċezzjonijiet: Is-sena bażi rigward is-CO2, is-CH4 u l-N2O għall-Ungerija hija l-medja ta’ l-1985-1987, għas-Slovenja l-1986 u għall-Polonja l-1988; is-sena-bażi għall-gassijiet flworinati hija l-1990 għal Franza u l-Finlandja. Dan ifisser li l-valur għall-1990 mhuwiex eżattament 100. Ċipru u Malta mhumiex inklużi minħabba nuqqas ta’ dejta u billi dawn m’għandhomx miri skond il-Protokoll ta’ Kyoto. Il-passaġġ tal-mira lineari juri t-tnaqqis lineari teoretiku fl-emissjonijiet tal-gassijiet li jwasslu għall-effett serra sal-mira ta' Kyoto mil-livell tas-sena-bażi sa l-2010, is-sena li tinzerta f'nofs l-ewwel perjodu ta’ impenn.

Sors: EEA, 2005

Il-prestazzjoni ta’ l-Istati Membri tvarja. Bil-mekkaniżmi ta' Kyoto inklużi, tlettax-il Stat Membru jinsabu mexjin sew sabiex iwettqu l-impenji tagħhom għat-tnaqqis fl-emissjonijiet kif muri fil-Figura 2. Fost dawn, Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Iżvezja u r-Renju Unit huma l-Istati Membri fost l-UE-15 li jinsabu mexjin sew sabiex iwettqu l-impenji tagħhom skond il-ftehim dwar kif se jerfgħu l-piżijiet flimkien (Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE). Madankollu, għad hemm għaxar Stati Membri 'l fuq mill-passaġġi tal-miri tagħhom: Il-Finlandja u Spanja b'aktar minn 20%; l-Awstrija, id-Danimarka u l-Finlandja saħansitra wessgħu d-distakk meta mqabbel ma’ l-2002. Ċipru u Malta mhumiex Partijiet ta' l-Anness I għall-UNFCCC u għaldaqstant m’għandhomx mira skond il-Protokoll ta’ Kyoto

Figura 2: L-indikaturi tad-distakk mill-miri fl-2003 (f’punti indiċi = perċentwali) għall-UE-25, bil-mekkaniżmi ta' Kyoto inklużi

[pic]

Nota: Id-dejta teskludi l-emissjonijiet u t-tneħħijiet mill-użu ta' l-art, il-bidla fl-użu ta' l-art u l-forestrija. Id-distakk mill-mira fil-punti perċentwali mqabbel ma’ l-emissjonijiet tas-sena-bażi (il-linji) juri d-devjazzjonijiet bejn il-mira ipotetika (fl-2003) u dak li fil-fatt inkiseb (fl-2003), bil-preżunzjoni li r-riduzzjonijiet bħala perċentwal tal-livelli tas-sena-bażi jseħħu fuq bażi lineari. Dan jassumi li l-Istati Membri jilħqu l-mira tagħhom abbażi ta' miżuri domestiċi u wkoll bl-inklużjoni ta' l-utilizzar tal-mekkaniżmi ta' Kyoto. M'humiex inklużi l-waqgħat ( sinks ). Ċipru u Malta mhumiex Partijiet fl-Anness I għall-UNFCCC u għalhekk m’għandhomx mira skond il-Protokoll ta’ Kyoto.

Sors: EEA, 2005

2.2. L-emissjonijiet projettati għall-2010 rigward l-UE-25 u l-UE-15

Il-projetazzjonijiet aggragati għall-UE-25 ‘ b’politika u miżuri domestiċi eżistenti ’ juru li fl-2010 l-emissjonijiet totali tal-gassijiet li jwasslu għall-effett serra se jkunu 5% taħt il-livelli ta’ l-1990 (Figura 1). L-Istati Membri li ġejjin jistennew li jilħqu l-miri ta’ Kyoto tagħhom billi jutilizzaw biss miżuri u politika domesiki eżistenti (Figura 3): ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Polonja, is-Slovakkja, l-Iżvezja u r-Renju Unit. L-implimentazzjoni ta’ miżuri addizzjonali hija projettata li sa l-2010 tnaqqas l-emissjonijiet tal-UE-25 tal-gassijiet li jwasslu għall-effett serra għal 9% taħt il-livelli ta’ l-1990.

Il-projetazzjonijiet aggregati ta’ l-UE-15 jagħtu x’wieħed jifhem li l-emissjonijiet ta' l-2010 jistgħu jitnaqqsu b’9.3% taħt il-livelli tas-sena-bażi meta jitqiesu dak li jiġi ffrankat permezz ta' l-utilizzar tal-mekkaniżmi ta' Kyoto (tnaqqis ta' 2.5%) u l-politika u l-miżuri domestiċi addizzjonali (tnaqqis ta' 6.8%), li jkun biżżejjed sabiex tintlaħaq il-mira ta' Kyoto kollettiva għall-UE-15 (Figura 1).

L-utilizzar projettat tal-mekkaniżmi ta’ Kyoto minn disgħa fost il-pajjiżi ta’ l-UE-15 (l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda u Spanja) jammonta għal ekwivalenzi ta’ 106.8 Mt CO2 fis-sena tul il-perjodu ta’ impenn jew 2.6% mqabbel mal-mira ta’ l-UE ta’ -8% (Figura 1). Disa’ pajjiżi allokaw riżorsi finanzjarji sabiex jutilizzaw il-mekkaniżmi ta' Kyoto (l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda, Spanja u l-Iżvezja) b’total li jammonta għal madwar EUR 2,730 miljun matul il-perjodu ta' impenn kollu ta' 5 snin.

Meta wieħed iqis li t-tnaqqis bejn l-1990 u l-2010 permezz ta’ miżuri eżistenti (tnaqqis ta’ ~1.6%) u permezz ta’ l-utilizzar tal-mekkaniżmi ta’ Kyoto (tnaqqis ta’ 2.5%) se jkun ta’ madwar 4.1%, il-politika u l-miżuri domestiċi addizzjonali li se jimplimentaw l-Istati Membri se jkollhom, matul is-6 snin li jmiss, ikopru d-distakk li jibqa' ta' 3.9% sabiex l-UE-15 jilħqu l-mira ta' Kyoto tagħhom ta' -8%. Dawk l-Istati Membri li jinsabu 'l fuq mill-miri tagħhom għandhom jieħdu miżuri u jattwaw politika addizzjonali u jutilizzaw il-mekkaniżmi ta' Kyoto ħalli jilħqu l-miri tagħhom.

Figura 3: Id-distakk mill-miri fl-2010 (f’punti perċentwali) għall-UE-25, bil-mekkaniżmi ta' Kyoto inklużi

[pic]

Noti: Id-dejta teskludi l-emissjonijiet u t-tneħħijiet mill-użu ta' l-art, il-bidla fl-użu ta' l-art u l-forestrija. L-Istati Membri ta’ l-UE-15 kollha pprovdew projetazzjonijiet li jassumu l-politika u l-miżuri domestiċi eżistenti. Għadd ta’ pajjiżi pprovdew projetazzjonijiet b’politika u miżuri domestiċi addizzjonali. Għall-Istati Membri li ġejjin ġew inklużi l-effetti addizzjonali ta' l-utilizzar tal-mekkaniżmi ta' Kyoto: l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda u Spanja),. Għall-UE-15, l-effett ta' l-utilizzar tal-mekkaniżmi ta' Kyoto nħadem abbażi ta' l-informazzjoni minn dawn id-disa' pajjiżi. Il-projetazzjonijiet għall-Polonja jkopru biss is-CO2 u l-N2O. Il-projetazzjonijiet għal Spanja jkopru biss is-CO2. Il-projetazzjonijiet għal Ċipru u Malta m’humiex disponibbli.

Sors: EEA, 2005

Il-miżuri leġiżlattivi li attwalment jinsabu fis-seħħ jew li diġà ġew proposti mill-Kummissjoni – skond l-estimi ta’ l-ECCP – mistennija jirriżultaw f’riduzzjonijiet potenzjali ta’ emissjonijiet ekwivalenti għal madwar 420-490 miljun tunnellata ta’ CO2 fl-2010 (10%-12% ta’ l-emissjonijiet tas-sena-bażi) fir-rigward ta' l-UE-15. Dawn l-estimi jassumu li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri mill-Istati Membri u ma jinkludux elementi komuni bejn politika u oħra. Ir-riduzzjonijiet fl-emissjonijiet b’riżultat ta’ din il-politika għandhom jibdew jidhru permezz ta’ l-inventarju tad-dejta għall-2006, li se jiġi ppubblikat fl-2008. L-implimentazzjoni f’waqtha u effettiva min-naħa ta’ l-Istati Membri tal-politika eżistenti u l-politika fl-istadju ta’ ppjanar se jirriżultaw f’impatt ferm sinifikanti fuq l-emissjonijiet mill-Unjoni tal-gassijiet li jwasslu għall-effett serra.

2.3. L-emissjonijiet settur settur

F’dawk li huma emissjonijiet konnessi mas-setturi ekonomiċi ewlenin, il-Figura 4 turi l-bidliet mill-1990 'il hawn fir-rigward ta' l-UE-15. Il-biċċa l-kbira ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet li jwasslu għall-effett serra fl-Unjoni Ewropea ġejjin mill-produzzjoni u l-użu ta’ l-enerġija, inkluż it-trasport. L-emissjonijiet marbuta ma’ l-Enerġija fl-UE-15 żdiedu bejn l-1990 u l-2003, l-aktar minħabba d-domanda dejjem tikber għat-trasport u l-elettriku. Madankollu, kemm għall-UE-15 kif ukoll għall-UE-25, iż-żieda fl-emissjoninijiet tal-gassijiet li jwasslu għall-effett serra fil-provista u l-użu ta' l-enerġija bl-esklużjoni tat-trasport qed tiġi ddiżakkoppjata mid-domanda għall-enerġija, bl-emissjonijiet ibattu minkejja ż-żidiet fid-domanda. Dan qed iseħħ ukoll, iżda sa punt anqas estensiv, fis-settur tat-trasport fl-UE-15. Meta wieħed jifli l-istatistika pajjiż pajjiż, l-aktar riżultat li jolqtok huwa li bil-maqlub tax-xejra ġenerali l-emissjonijiet mit-trasport fi Franza u l-Ġermanja qegħdin ibattu – saħansitra għar-raba' sena konsekuttiva fil-Ġermanja. Dan jista' jkun mera ta' l-effetti flimkien ta' effiċjenza akbar tal-fjuwils, prezzijiet ogħla tal-fjuwils u politika dwar it-trasport aktar estensiva.

Figura 4: Il-bidla fl-UE-15 f'dawk li huma emissjonijiet tal-gassijiet li jwasslu għall-effett serra settur settur mill-1990 sa l-2003, projetazzjonijiet settorjali b’miżuri eżistenti u addizzjonali, mill-1990 sa l-2010, u sehem is-settturi fl-2003

[pic]

Nota : Għadd ta’ Stati Membri ma rraportawx projetazzjonijiet għas-setturi/xenarji kollha. Għaldaqstant, l-informazzjoni dwar il-projetazzjonijiet għandha tiġi interpretata b’ċerta attenzjoni. Għall-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri, is-sena-bażi għall-gassijiet-F hija l-1995, u mhux l-1990. Din taf tbiddel kemmxejn id-dejta għall-proċessi industrijali, iżda d-dejta għall-1990 mhix disponibbli fir-rigward ta' l-Istati Membri kollha

Sors: EEA, 2005

It-tkabbir fl-emissjonijiet marbuta ma’ l-enerġija pattew għalih ir-riduzzjonijiet fl-emissjonijiet minn għejun li mhumiex konnessi ma' l-enerġija, bħall-iskart, il-proċessi industrijali u l-agrikoltura. L-emissjonijiet mill-iskart battew hekk kif il-politika dwar l-iskart wasslet għal anqas rimi ta’ skart solidu fuq l-art. L-introduzzjoni ta’ tekniki ta' taffija, b’mod partikolari għall-N2O, għenet biex jonqsu l-emissjonijiet mill-proċessi industrijali u l-emissjonijiet mill-agrikoltura tbaxxew hekk kif naqset il-popolazzjoni tal-bhejjem bovini.

Fl-UE-25, l-emissjonijiet tal-gassijiet li jwaslu għall-effett serra battew kważi fis-setturi kollha. Il-waqgħa fl-emissjonijiet fl-għaxar Stati Membri l-ġodda seħħet l-aktar minħabba r-ristrutturar ekonomiku. It-trasport, li ra l-emissjonijiet jiżdiedu mill-1990 'il hawn, kien eċċezzjoni.

3. KONKLUżJONIJIET

Sa l-2003, l-emissjonijiet mill-UE-15 tal-gassijiet li jwasslu għall-effett serra kienu niżlu b'1.7% mil-livell tas-sena bażi u laħqu l-ekwivalenti ta’ 4,180 miljun tunnellata ta’ CO2. Dan it-tnaqqis huwa xi ftit aktar mill-mira ta’ Kyoto tal-KE ta’ wieħed minn kull ħamsa. Mingħajr il-mekkaniżmi ta’ Kyoto, id-distakk mill-mira rdoppja mill-2002, sa 3.5 punti indiċi. Meta wieħed jinkludi l-mekkaniżmi ta’ Kyoto, l-emissjonijiet totali tal-gassijiet li jwasslu għall-effett serra kienu għadhom 1.9 punti indiċi 'l fuq mill-passaġġ tal-mira lineari fl-2003. Il-projetazzjonijiet juru li l-UE-15 se jissodisfaw l-impenn tagħhom ta’ -8% rigward it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet skond il-Protokoll ta' Kyoto meta jiġu implimentati miżuri addizzjonali flimkien ma' l-użu ta’ mekkaniżmi flessibbli. Dawk l-Istati Membri li jinsabu ’l fuq mill-miri tagħhom jeħtiġilhom urġentement li jieħdu miżuri addizzjonali u jutilizzaw il-mekkaniżmi flessibbli ta’ Kyoto sabiex jiżguraw li jissodisfaw il-mira ta’ Kyoto rispettiva tagħhom.

L-UE tinsab ukoll determinata li tieħu aktar azzjoni. It-tieni fażi tal-Programm Ewropew dwar il-Bidla fil-Klima (ECCP) inbdiet fl-2005. Il-Kummissjoni beħsiebha tanalizza l-progress u tixtarr azzjonijiet ġodda sabiex tisfrutta l-alternattivi ta’ tnaqqis ta’ l-emissjonijiet li jkunu finanzjarjament vijabbli. L-ECCP II se jinkludi l-ġabra u l-ħażna tal-karbonju, l-emissjonijiet mill-vetturi stradali, l-avjazzjoni u l-istrateġiji sabiex ikun hemm adattament għall-effetti tal-bidla fil-klima. Ir-rwol ta’ l-UE fit-tnaqqis tal-vulnerabbiltà u l-promozzjoni ta’ l-adattament se jiġi mixtarr ukoll. Barra minn hekk, huma previsti inizjattivi ta’ politika ulterjuri fil-qasam ta’ l-effiċjenza ta’ l-enerġija u l-enerġija rinovabbli.

[1] Barra minn hekk, l-Anness 1 jelenka d-data ta' l-isfond u l-Anness 4 fih lista komprensiva tas-CCPMs [SEC(2005) 1642]

[2] Politiki u miżuri eżistenti huma dawk li għalihom japplikaw waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:(a) hemm leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ; (b) ġie/ġew stabbilit/i ftehim volontarju wieħed jew aktar;(c) ġew allokati riżorsi finanzjarji; (d) ġew mobilizzati r-riżorsi umani;(e) ittieħdet deċiżjoni uffiċjali tal-gvern u hemm impenn ċar li titkompla l-implimentazzjoni. Politiki addizzjonali (ippjanati) u miżuri huma għażliet li qed jiġu diskussi, bil-possibbilità realistika li jiġu adottati u implimentati fil-ġejjieni.

Top