EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005DC0459

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - It-Tnaqqis ta' l-Impatt ta’ l-Avjazzjoni fuq il-Bidla fil-Klima {SEG(2005) 1184}

/* KUMM/2005/0459 finali */

52005DC0459




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 27.9.2005

KUMM(2005) 459 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-Tnaqqis ta' l-Impatt ta’ l-Avjazzjoni fuq il-Bidla fil-Klima

{SEG(2005) 1184}

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

It-Tnaqqis ta' l-Impatt ta’ l-Avjazzjoni fuq il-Bidla fil-Klima

1. Daħla

It-trasport bl-ajru sar parti integrali mis-soċjetà fis-seklu 21, billi qed jagħmilha possibbli kemm għall-passiġġieri kif ukoll għall-merkanzija li jivvjaġġaw distanzi kbar b'veloċitajiet li ma kenux possibbli fil-passat. Madankollu, l-avjazzjoni tikkontribwixxi wkoll lejn il-bidla fil-klima. Minkejjja li l-effiċjenza tal-fjuwil ta’ l-inġenji ta' l-ajru ttejbet b'aktar minn 70% tul dawn l-aħħar 40 sena, l-ammont totali ta' fjuwil maħruq xorta żdied minħabba ż-żieda saħansitra ikbar fit-traffiku bl-ajru.

B’riżultat ta’ dan, l-impatt ta’ l-avjazzjoni fuq il-klima qiegħed jikber: filwaqt li l-emissjonijiet totali ta' l-UE kkontrollati taħt il-Protokoll ta' Kjoto waqgħu b'5.5% (-287 MtCO2e) bejn l-1990 u l-2003[1], mill-avjazzjoni internazzjonali, l-emmissjonijiet tagħha tal-gassijiet li jikkawżaw l-effett tas-serra żdiedu b’73% (+47 MtCO2e), li jikkorrespondu għal żieda annwali ta’ 4.3%.

Minkejja li l-parti ta' l-avjazzjoni fl-emmissjonijiet kumplessivi ta' gassijiet li jikkawżaw l-effett ta' serra għadha żgħira (madwar 3%), it-tkabbir rapidu jnawwar il-progress li sar f’setturi oħrajn. Jekk it-tkabbir ikompli bl-istess ritmu kif kien s’issa, l-emmissjonijiet mit-titjiriet internazzjonali mill-ajruporti ta’ l-UE sa l-2012 ikunu żdiedu b’150% mill-1990. Dan it-tkabbir fl-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali ta' l-UE ixejjen aktar minn kwart tat-tnaqqis rikjest mill-mira tal-Komunità skond il-Protokoll ta' Kjoto . Fiż-żmien aktar fit-tul, l-emissjonijiet mill-avjazzjoni se jsiru kontributur ewlieni jekk jitkomplew it-tendenzi attwali.

2. Il-kuntest politiku attwali

Din il-Komunikazzjoni hija bażi għal diskussjoni ma’ istituzzjonijiet u partijiet interessati Ewropej oħrajn dwar l-internalizzazzjoni ta’ l-ispejjeż ambjentali ta’ l-emissjonijiet mill-avjazzjoni fl-Iskema ta' l-Iskambju tal-Kwoti ta' l-Emissjonijiet ta' l-UE. Filwaqt li s-settur ta’ l-avjazzjoni huwa kkonfrontat bl-ogħla prezzijiet taż-żejt u l-fjuwil fl-istorja, li qed jikkawżaw impatti ekonomiċi sinifikanti għal-linji ta' l-ajru, għadd ta' avvenimenti drammatiċi marbuta mat-temp fl-Ewropa u lil hinn minnha jfakkru dwar l-ispejjeż potenzjalment enormi li jistgħu jkunu konnessi ma’ żieda fil-frekwenza u l-qilla ta' avvenimenti bħal dawn li mistennija jiġu kkawżati mill-bidla fil-klima.

Minkejja li l-kuntest ekonomiku huwa diffiċli, il-problema tal-bidla fil-klima tibqa’ urġenti u għandhom jitnedew diskussjonijiet minn issa sabiex jiġu pprovduti kontributi f'waqthom għall-analiżi ppjanata ta' l-Iskema ta' l-Iskambju tal-Kwoti ta' l-Emissjonijiet ta' l-EU f'Ġunju 2006.

L-istrateġija murija f'din il-Komunikazzjoni għandha tinqara fil-kuntest ta' l-orjentamenti politiċi ġà eżistenti li ġejjjin.

Abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Nirbħu l-Battalja Kontra l-Bidla fil-Klima Globali” il-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew affermaw mill-ġdid il-mira ta’ l-UE li t-temperaturi ta' wiċċ id-dinja m'għandhomx jogħlew b'aktar minn 2°C meta mqabbla mal-livelli preindustrijali sabiex tiġi evitata bidla antropoġenika perikoluża u irriversibbli fil-klima. Il-Kunsill Ewropew stqarr ukoll li

- għandhom jiġu kkunsidrati toroq ta’ tnaqqis għall-grupp tal-pajjiżi żviluppati ta' madwar 15-30% sa l-2020, meta mqabbla mal-linja ta' bażi maħsuba fil-Protokoll ta' Kjoto;

- il-Kummissjoni għandha tkompli l-analiżi tagħha dwar l-ispejjeż vs il-benefiċċji ta’ l-istrateġiji tat-tnaqqis tal-CO2 u

- għandhom jitħeġġu mill-ġdid in-negozjati internazzjonali billi jiġu esplorati l-għażliet għal arranġament għal wara l-2012 fil-kuntest tal-proċess tan-NU dwar il-bidla fil-klima, li jiżguraw l-aktar kooperazzjoni wiesgħa possibbli mill-pajjiżi kollha u s-sehem ta' dawn f'ripsons internazzjonali effettiv u adatt.

Abbażi ta’ dawn il-linji ta' gwida, jeħtieġ li tittieħed azzjoni sabiex jiġi żgurat li l-avjazzjoni ma tipperikolax l-ilħiq ta' din il-mira globali, iżda tikkontribwixxi lejha.

Din il-komunikazzjoni tindika strateġija għall-ikkumplimentar ta’ l-azzjoni eżistenti permezz ta’ l-implimentazzjoni ta’ strument ġdid imsejjes fuq is-suq fil-livell ta' l-UE. Il-bażijiet tiegħu huma l-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u evalwazzjoni ta' l-impatt, li jkunu rrappurtati separatament.

3. L-impatti tat-trasport bl-ajru fuq il-klima

L-inġenji ta’ l-ajru kummerċjali joperaw f’altitudnijiet ta’ 8 sa 13-il km li fihom jivvjaġġaw b’veloċità moderata, fejn jarmu gassijiet u partiċelli li jibdlu l-kompożizzjoni atmosferika u jikkontribwixxu lejn il-bidla fil-klima.

Id-dijossidu tal-karbonju (CO2) huwa l-aktar gass importanti li jikkawża l-effett ta' serra minħabba l-kwantitajiet kbar minnu li joħorġu u d-dewmien tiegħu fl-atmosfera. Il-konċentrazzjonijiet miżjuda għandhom effett dirett, li huwa magħruf sew u li jsaħħan wiċċ id-dinja.

L-ossidi tan-nitroġenu (NOx) iħallu żewġ effetti indiretti fuq il-klima. L-ossidi tan-nitroġenu jipproduċu l-ożonju taħt l-influwenza tad-dawl tax-xemx, iżda dawn inaqqsu wkoll il-konċentrazzjoni atmosferika ambjentali tal-metanu. Kemm l-ożonju kif ukoll il-metanu huma gassijiet b’saħħithom li jikkawżaw l-effett tas-serra. L-eżitu nett huwa li l-ożonju jiddomina l-effett tal-metanu, u għalhekk isaħħan id-dinja.

Il-fwar ta’ l-ilma mitluq mill-inġenji ta’ l-ajru għandu effett dirett bħala gass li jikkawża l-effett tas-serra, iżda billi dan malajr jitneħħa permezz tal-preċipitazzjoni, l-effett huwa żgħir. Madankollu, il-fwar ta’ l-ilma mitluq f’altitudni għolja spiss jibda l-proċess tal-formazzjoni ta’ faxex ta’ kondensazzjoni, li għandhom it-tendenza li jsaħħnu wiċċ id-dinja. Aktarminnhekk, dawn l-hekk imsejħa “contrails” jistgħu jiżviluppaw fi sħab tat-tip cirrus (sħab tal-kristalli tas-silġ). Dawn ukoll huma suspettati li jħallu effett ta’ tisħin sinifikanti, iżda dwar dan għadha tiddomina l-inċertezza.

Is-sulfat u l-partiċelli tad-dħaħen iħallu effett dirett ferm iżgħar meta mqabbla ma’ emissjonijiet oħra mill-inġenji ta’ l-ajru. Id-dħaħen jassorbu s-sħana u jħallu effett ta’ tisħin; il-partiċelli tas-sulfat jirriflettu r-radjazzjoni u jħallu effett żgħir ta' tibrid. Barraminnhekk, dawn jistgħu jinfluwenzaw il-formazzjoni u l-proprjetajiet tas-sħab.

Fl-1999, il-Bord Intergovernmentali fuq il-Bidla fil-Klima (IPCC -Intergovernmental Panel on Climate Change) stima li l-impatt totali ta’ l-avjazzjoni attwalment huwa ta' madwar 2 sa 4 darbiet ogħla mill-effett li jirriżulta mill-emissjonijiet tiegħu fl-imgħoddi tad-CO2 biss. Riżultati minn riċerka li saret dan l-aħħar mill-UE jindikaw li dan il-proporzjon jista’ jkun pjuttost iżgħar (ta’ madwar darbtejn). L-ebda waħda minn dawn l-estimi ma tqis l-effetti li huma ferm inċerti tas-sħab tat-tip cirrus .

4. Il-ħtieġa ta’ azzjoni politika fil-livelli kollha

4.1. L-emissjonijiet mit-trasport bl-ajru fil- UNFCCC u l-Protokoll ta’ Kjoto

It-trasport internazzjonali bl-ajru huwa ttrattat b’mod differenti mill-biċċa l-kbira ta' l-oqsma l-oħrajn f'dak li huwa l-mod kif jitqiesu l-emissjonijiet ta' gassijiet li jikkawżaw l-effett tas-serra taħt il-Konvenzjoni Kwadru dwar il-Bidla fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti ( UNFCCC - United Nations Framework Convention on Climate Change ). Minħabba nuqqas ta’ qbil dwar jekk u kif għandha tiġi allokata r-responsabbiltà għal dawn l-emissjonijiet, l-emissjonijiet domestiċi biss tad-CO2 huma inklużi fit-totali nazzjonali ta’ l-emissjonijiet tal-Partijiet. L-emissjonijiet mit-titjiriet internazzjonali huma sempliċiment ittrattati bħala "punt ta' memorandum". Konsegwentement, dawn m’humiex suġġettati għal-limiti ta’ emissjonijiet kwantifikati li kkommettew irwieħhom bihom il-pajjiżi żviluppati li rratifikaw il-Protokoll ta' Kjoto. Parti ewlenija tal-pressjoni politika li tħeġġeġ lill-Istati sabiex jimplimentaw miżuri mitiganti għal setturi oħra hija minħabba f'hekk nieqsa fil-każ tat-trasport internazzjonali bl-ajru.

Il-Kummissjoni argumentat, fil-komunikazzjoni tagħha ta’ Frar 2005[2], li l-avjazzjoni internazzjonali għandha tiġi inkluża f’kull sistema dwar il-bidla fil-klima mill-2012 'il hinn sabiex l-Istati jingħataw inċentivi akbar ħalli jieħdu azzjoni minn rajhom u f’kooperazzjoni ma’ oħrajn.

4.2. Il-politiki ta' l- ICAO sabiex jiġu kkontrollati l-emissjonijiet mill-avjazzjoni

Fin-nuqqas ta’ ftehim fuq il-kwistjoni ta’ l-allokazzjoni, il-Partijiet li nnegozjaw il-Protokoll ta’ Kjoto qablu li jinkludu obbligu espliċitu għall-pajjiżi żviluppati sabiex ifittxu li jkun hemm il-limitazzjoni jew it-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet mill-avjazzjoni, permezz ta’ ħidma fl-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Avjazzjoni Ċivili ( ICAO - International Civil Aviation Organization ).

L-azzjoni li ttieħdet s’issa permezz ta’ l- ICAO ikkontribwiet l-aktar sabiex l-impatti ta’ l-avjazzjoni fuq il-klima globali jkunu mifhuma aħjar. Il-188 pajjiż membru fl- ICAO ma rnexxilhomx jaqblu fuq l-istandards regolatorji jew l-imposti fuq l-emissjonijiet applikabbli għal emissjonijiet tad-CO2, u t-tentattiv sabiex jiġu identifikati u jintlaħaq qbil dwar indikatur ta' l-effiċjenza adatt għall-inġenji ta' l-ajru falla. Madankollu, l- ICAO approvat li l-kunċett ta’ skambji internazzjonali miftuħa tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet jiġi implimentat permezz ta' skambju volontarju tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet jew bl-inkorporazzjoni ta’ l-avjazzjoni internazzjonali fl-iskemi eżistenti ta’ l-istati.

4.3. Il-każ favur l-azzjoni f'livell Komunitarju

L-UE tipparteċipa konsistentement u tappoġġja l-attivitajiet ta' l- UNFCCC u l- ICAO , biex b’hekk timmassimizza l-konsistenza u l-parteċipazzjoni fl-isforzi ta’ mitigazzjoni mad-dinja kollha. Madankollu, kif ġie rikonoxxut b’mod espliċitu fid-dikjarazzjonijiet politiċi maqbula mill-Istati Kontraenti tagħha kollha, mhux realistiku li wieħed jistenna li l- ICAO jieħu deċiżjonijiet globali dwar miżuri uniformi speċifiċi li għandhom jiġu implimentati min-nazzjonijiet kollha. It-tnikkir tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jikkommettu rwieħhom għal miżuri aktar esiġenti qabel ma jaraw eżempju ta’ tmexxija ċar mill-pajjiżi industrijalizzati, flimkien man-nuqqas ta' azzjoni ta' dan it-tip minn sħab industrijali importanti li mhumiex parti mill-Protokoll ta' Kjoto, aktarx li jżomm milli dan iseħħ.

L-UE hija protagonist ewlieni fl-avjazzjoni globali, responsabbli għal madwar nofs l-emissjonijiet tad-CO2 mill-avjazzjoni internazzjonali rrappurtati mill-pajjiżi żviluppati[3]. Fl-istess waqt, bħala organizzazzjoni ta' pajjiżi żviluppati u bħala Partijiet ratifikanti, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri ta' l-UE għandhom obbligi speċjali taħt l- UNFCCC u l-Protokoll ta' Kjoto.

B’rikonoxximent ta’ dan, fis- 6 Programm Komunitarju ta’ Azzjoni Ambjentali , il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew li jidentifikaw u jieħdu azzjonijiet speċifiċi sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet li jikkawżaw l-effett tas-serra mill-avjazzjoni jekk l-ebda azzjoni simili ma jkun intlaħaq qbil dwarha fi ħdan l- ICAO sa l-2002. Minn dakinhar, il-Kunsill darba wara l-oħra reġa' fakkar fil-ħtieġa għal azzjoni urġenti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet mit-trasport internazzjonali bl-ajru u sejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra azzjoni f'dan is-sens u toħroġ bi proposti.

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni qieset l-għażliet disponibbli. Ma hemm l-ebda soluzzjoni teknika faċli u ta’ malajr. Għaldaqstant, hemm il-ħtieġa ta' metodu komprensiv, li jsaħħaħ l-azzjoni eżistenti u jesplora miżuri ġodda.

5. L-utilizzar tal- potenzjal tal-miżuri eżistenti

Għadd ta’ miżuri eżistenti Komunitarji u ta’ l-Istati Membri għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu aktar għall-mitigazzjoni ta’ l-impatt ta’ l-avjazzjoni fuq il-klima, minkejja li dan ikun sa punt limitat jew biss għaż-żmien fit-tul. Minbarra li titqajjem il-kuxjenza pubblika u jiżdiedu l-prestazzjoni u l-kompetittività ta’ modi alternattivi ta' trasport, dawn notevolment jinkludu r-riċerka, il-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru u t-tassazzjoni ta' l-enerġija .

5.1. Aktar riċerka dwar trasport bl-ajru aktar ekoloġiku

L-UE għażlet l-ajrunawtika bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha ta’ riċerka u żvilupp bil-għan li timminimizza l-impatt ambjentali ta’ l-inġenji ta’ l-ajru. Mindu seħħet il-fażi sperimentali fl-1990-1991 taħt it-Tieni Programm ta' Qafas, ġew iffinanzjati aktar minn 350 proġett ta’ riċerka li b’kollox swew 4 biljun. Madwar 30% ta’ din il-ħidma ta’ riċerka ħadet is-sura ta’ attivitajiet immirati lejn it-tnaqqis ta’ l-impatt ambjentali tal-mezzi ta’ l-ajru, b’mod partikolari d-CO2 u l-NOx. Barraminnhekk, ir-riċerka biex jinftiehem aħjar l-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-klima ġiet investigata permezz tal-"Programm dwar l-Ekosistema u l-Bidla Globali" tas-Sitt Programm ta' Qafas. Orjentazzjoni b’aktar konvinzjoni lejn trasport bl-ajru li jsir aktar ekoloġiku u konċentrazzjoni akbar fuq l-impatt tiegħu fuq il-bidla fil-klima se jkunu prijorità fis-Seba' Programm ta' Qafas il-ġdid li ġie propost dan l-aħħar mill-Kummissjoni. Aktar riċerka dwar il-fjuwils alternattivi għandha mnejn tiskopri potenzjal addizzjonali għat-tnaqqis tal-gassijiet li jikkawżaw l-effett ta' serra mitluqa mill-mezzi ta' l-ajru.

5.2. It-titjib ta’ l-amministrazzjoni tat-traffiku ta’ l-ajru

Filwaqt li r-riċerka tista’ żżid l-opportunitajiet li għad ikunu disponibbli fil-ġejjieni, l-amministrazzjoni aktar effiċjenti tat-traffiku ta’ l-ajru għandha potenzjal importanti fil-medda ta' żmien aktar viċina. Il-konsum tal-fjuwil, ngħidu aħna, jista' jitnaqqas billi jiġi mminimizzat l-ikkjujar qabel jitilgħu l-ajruplani, permezz ta’ l-użu ta' passaġġi ta’ l-ajru aktar ottimali u billi jitnaqqas il-ħin li l-inġenji ta' l-ajru jkollhom jgħaddu fuq l-ajruporti fir-rotot ta' stennija (holding patterns), qabel ma jillandjaw f’ajruporti ffullati. L-inizjattivi ta’ l-Ajru Waħdieni Ewropew u s- SESAME [4] bdew ir-riformi meħtieġa sabiex jinkisbu dawn il-benefiċċji. Il-progress f’waqtu permezz ta’ l-implimentazzjoni issa għandu jsir prijorità.

5.3. Lejn applikazzjoni aktar konsistenti tat-tassazzjoni ta’ l-enerġija

Filwaqt li din ġeneralment tiġi imposta mill-Istati Membri għal objettivi fiskali, l-applikazzjoni usa' tat-tassazzjoni ta' l-enerġija fuq il-fjuwil għall-avjazzjoni kummerċjali tista' tikkontribwixxi wkoll lejn l-internalizzar ta' l-ispejjeż ambjentali u t-tnaqqis ta' l-emissjonijiet tad-CO2. Il-Kummissjoni ddikjarat f'għadd ta' okkażjonijiet il-preferenza tagħha li t-trattament tal-fjuwil ta' l-avjazzjoni jiġi nnormalizzat mill-aktar fis possibbli fi ħdan il-qafas legali internazzjonali li jirregola l-avjazzjoni, billi argumentat li bħala prinċipju, il-fjuwil ta' l-inġenji ta' l-ajru għandu jiġi ssuġġettat għat-taxxi fuq l-enerġija bħall-fjuwils tal-muturi l-oħrajn.

Wara l-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, l-Istati Membri diġà jistgħu jdaħħlu tassazzjoni fuq il-fjuwil għat-titjiriet interni . Il-fjuwil għat-titjiriet interni diġà huwa ntaxxat f’pajjiżi li mhumiex fl-UE bħall-Istati Uniti, il-Ġappun u l-Indja, iżda fl-UE, s’issa l-Olanda biss iddeċidiet li tagħmel dan.

Suġġett għal ftehim reċiproku, it-tassazzjoni fuq il-fjuwil tista' tiddaħħal ukoll għal titjiriet bejn żewġ Stati Membri taħt il-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti. F’każi bħal dawn, din tkun tapplika għat-trasportaturi kollha ta’ l-UE. Madankollu, hija prattika komuni li l-fjuwil ta’ l-inġenji ta’ l-ajru għat-titjiriet internazzjonali jiġi eżentat minn kull taxxa - li kienet politika oriġinarjament stabbilita sabiex tippromwovi l-avjazzjoni ċivili meta din kienet bdiet tagħmel l-ewwel passi tagħha. L-eżenzjonijiet li jorbtu legalment jinsabu fil-ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi bl-ajru (ASAs)[5]. Li tiġi evitata d-diskriminazzjoni kontra t-trasportaturi ta’ l-UE jista’ b’hekk ikun diffiċli fuq rotot fejn it-trasportaturi li mhumiex ta' l-UE jkollhom id-drittijiet tat-traffiku u jkomplu jgawdu minn eżenzjonijiet fiskali skond l-ASAs relevanti[6].

F’dan il-kuntest, il-verdetti mogħtija nhar il-5 ta’ Novembru 2002 mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-każijiet "Open Skies"[7] huma sinifikanti. Dawn kebbsu proċess ta’ riforma komprensiva fir-relazzjonijiet esterni ta’ l-UE dwar l-avjazzjoni. Bħala parti minn dan il-proċess, diġà ġew emendati aktar minn 200 ASAs bejn l-Istati Membri ta’ l-UE u pajjiżi li mhumiex fl-UE sabiex infetħet il-possibbiltà li jiġi ntaxxat il-fjuwil fornut lit-trasportaturi ta' l-UE u mhumiex abbażi ta' l-istess kundizzjonijiet. Madankollu, filwaqt li dan il-proċess għandu u sejjer jitkompla, dan inevitabbilment se jieħu ż-żmien biex jitlesta. Fid-dawl ta’ din l-ispeċifità tas-settur ta’ l-avjazzjoni, wieħed ma jistax jiddependi fuq l-applikazzjoni usa’ tat-taxxi fuq l-enerġija għall-avjazzjoni bħala l-pilastru ewlieni ta’ strateġija biex jiġi miġġieled l-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-bidla fil-klima fil-medda ta' żmien li ġej u dak mhux daqstant imbiegħed. Għaldaqstant, dan ma tkompliex jiġi evalwat fil-kuntest preżenti.

6. Strumenti ekonomiċi bħala katalisti għall-bidla li jkunu vallapena għal prezzhom

L-effett kollu f'daqqa tal-miżuri eżistenti hawn fuq imsemmija waħdu mhux se jkun biżżejjed sabiex ipatti għaż-żieda fl-emissjonijiet mit-traffiku bl-ajru. Jinħtieġu metodi ġodda li jwasslu aktar u li jmorru lill-hinn mill-istandards tekniċi tradizzjonali u l-azzjoni volontarja. Kif diġà ġie aċċennat fl-Istrateġija tal-Kummissjoni dwar it-Trasport bl-Ajru u l-Ambjent ta’ l-1999, il-ħtieġa għal metodi li jkunu vallapena għal prezzhom tiffavorixxi strumenti ekonomiċi flessibbli. Miżuri bħal dawn japplikaw il-prinċipju ta’ “min iħammeġ iħallas” u jutilizzaw ukoll l-għadd kbir ta’ riduzzjonijiet potenzjali, li l-ispejjeż tagħhom huma l-aktar magħrufin mill-industrija, billi il-messaġġ issenjalat mill-prezzijiet jirrifletti l-objettivi ta' politika ambjentali.

Ġew ikkunsidrati għadd ta’ tipi ta’ strumenti msejsa fuq is-suq (ara l-evalwazzjoni ta' l-impatt). Madankollu, strumenti bħat- taxxi fuq it-tluq u l-biljetti ta’ l-ajru jkollhom effett biss billi jmewtu d-domanda u b’hekk ma joffrux inċentiva lill-operaturi sabiex itejbu l-prestazzjoni ambjentali. Filwaqt li dawn ikunu potenzjalment adatti sabiex jintlaħqu objettivi politiċi oħrajn[8], il-punt fokali tpoġġa għalhekk fuq l-iskambju tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet u l- imposti fuq l-emissjonijiet bħala metodi aktar promettenti sabiex jiġi indirizzat l-impatt ta’ l-avjazzjoni fuq il-klima.

6.1. L-evalwar ta’ l-alternattivi

L-iskambju tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet jiffunzjona billi qabelxejn jiġi ffissat limitu fuq l-emissjonijiet totali minn grupp ta' entitajiet, u mbagħad is-suq jitħalla jiddetermina l-ispiża tal-ħruġ ta' kull tunnellata ta' emissjonijiet. B’kuntrast għal dan, l-imposti jiffissaw l-ispiża għall-ħruġ ta’ tunnellata ta’ emissjonijiet, iżda mbagħad iħallu lill-entitajiet ikkonċernati jiddeterminaw il-punt sa fejn l-emissjonijiet jitnaqqsu b’rispons għal dan.

Fil-kuntest attwali, iż-żewġ strumenti huma differenti wkoll f’dawk li huma effettività ambjentali, effiċjenza ekonomika u l-potenzjal għal applikazzjoni usa' .

6.2. L-effettività ambjentali u l-effiċjenza ekonomika

Jekk l-iskambju tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet jew l-imposti fuq l-emissjonijiet jiġu applikati fis-settur ta' l-avjazzjoni waħdu, iż-żewġ strumenti, fil-prinċipju, jkunu ekwivalenti f'dawk li huma effettività ambjentali u effiċjenza ekonomika. Madankollu, l-iskambju tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet ma għandux għalfejn jiġi applikat fis-settur ta’ l-avjazzjoni waħdu. L-iskambju tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet diġà qed jintuża bħala mezz kif tiġi ffaċċjata l-bidla fil-klima: il-Partijiet marbuta b’limitazzjonijiet ta’ emissjonijiet skond il-Protokoll ta’ Kjoto jistgħu jinnegozjaw bejniethom. Barraminnhekk, bosta minn dawn il-Partijiet jew qegħdin jiddelegaw, inkella qed jikkunsidraw li jiddelegaw, parti mil-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet tagħhom fil-livell ta' kumpaniji permezz ta' xi skema domestika jew reġjunali ta' skambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet.

Permezz tad-Direttiva 2003/87/KE, l-UE stabbilixxiet l-akbar skema ta’ skambju tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet multi-nazzjonali u multi-settorjali li qatt dehret sallum. L-iskema ta’ l-iskambju tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet Ewropea (EU ETS), li tkopri l-emissjonijiet tal-gassijiet li jikkawżaw l-effett tas-serra minn madwar 12,000 stallazzjoni ta’ enerġija intensiva, bdiet titħaddem fl-1 ta’ Jannar 2005. B’mod ġenerali, aktar ma skema ta' l-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet tkun tkopri, anqas ikunu l-ispejjeż għall-ilħiq ta' l-istess livell speċifiku ta' tnaqqis ta' emissjonijiet. Għaldaqstant, jekk l-avjazzjoni tilħaq l-istess mira ambjentali taħt l-iskambju tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet u l-imposti fuq l-emissjonijiet, l-ispejjeż ekonomiċi għas-settur u għall-UE kollha kemm hi jkunu anqas jekk dan jitwettaq taħt l-EU ETS minflok taħt sistema ta' imposti għall-avjazzjoni biss.

6.3. Il-potenzjal għal applikazzjoni usa’

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, kemm l-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet u l-imposti fuq l-emissjonijiet huma kompatibbli mal-qafas legali internazzjonali attwali għall-avjazzjoni. Madankollu, il-kunċett ta’ l-imposti fuq l-emissjonijiet kien wieħed kuntenzjuż fil-livell internazzjonali u l-punt safejn dawn l-imposti jistgħu jiġu applikati mill-Istati fuq it-trasportaturi barranin kien il-kwistjoni waħdanija li l-aktar kien hemm tilwimiet dwarha fil-35 Assemblea ta’ l- ICAO f’Ottubbru ta’ l-2004. B’kuntrast għal dan, il-kunċett ta’ l-iskambju volontarju tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet kif ukoll l-inkorporazzjoni ta’ l-emissjonijiet ta’ l-avjazzjoni internazzjonali fl-iskemi Statali eżistenti ta' l-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet ġie approvat espliċitament mill- ICAO . L-istrateġija l-aħħar imsemmija hawn fuq tiffittja sew il-politika ta’ l-UE dwar il-klima billi l-iskambju integrat tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet huwa wkoll fattur ta’ tifsil fundamentali tal-Protokoll ta’ Kjoto u huwa komponent ewlieni ta’ l-istrateġija futura ta’ l-UE dwar il-bidla fil-klima.

7. Kwistjonijiet speċifiċi ta’ tfassil ta’ skambju tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet

Meta wieħed iqis dawn id-differenzi, li l-avjazzjoni tiġi inkluża fl-EU ETS jidher li huwa l-aktar mod promettenti biex l-affarijiet jitmexxew 'il quddiem. Madankollu, għadd ta’ elementi tekniċi ta’ tifsil huma kruċjali sabiex il-politika tagħti l-potenzjal sħiħ tagħha għall-effiċjenza ambjentali u ekonomika, u dawn se jkollhom ikomplu jiġu eżaminati minn Grupp ta' Ħidma li għandu jitwaqqaf u se jiġu żviluppati wkoll fl-Evalwazzjoni ta' l-Impatt. Abbażi ta’ l-istudju tagħha dwar il-vijabbiltà[9], il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-erba' kwistjonijiet li ġejjin huma fiċ-ċentru tat-tkomplija tad-dibattitu: it-tip ta' l-entità li tiġi nkarigata bħala responsabbli mill-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-klima, il-punt sa fejn l-impatt sħiħ ikun indirizzat , it- tipi ta' titjiriet koperti , u l-istrateġija adottata għall-ikkalkular u t-tqassim tal- limitazzjoni ta' l-emissjonijiet globali tas-settur. Barraminnhekk, l-impatt fuq il-prezzijiet u l-allokazzjonijiet tad-drittijiet ta’ l-emissjonijiet jeħtieġu li jiġu eżaminati aktar.

Huwa fundamentali li l-entità li tingħata r-responsabbiltà tkun dik bl-aktar kontroll dirett fuq it-tipi ta’ l-inġenji ta’ l-ajru użati u l-mod kif dawn jittajru. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-operaturi ta’ l-inġenji ta’ l-ajru għandhom ikunu l-entitajiet responsabbli fi ħdan l-EU ETS.

Sabiex jiġu mminimizzati korrelazzjonijiet potenzjalment negattivi bejn l-impatti differenti u tiġi ssalvagwardjata l-integrità ambjentali ta' l-iskema kollha kemm hi, għandhom jiġu indirizzati safejn ikun possibbli kemm l-impatti ta’ l-avjazzjoni marbuta mad-CO2 kif ukoll dawk li mhumiex marbuta mad-CO2 . Meta jsir dan, l-inċertezzi madwar ċerti impatti għandhom jiġu bbilanċjati kontra r-riskji li bihom jheddu lill-klima. Sakemm isir progress xjentifiku fl-iżvilupp ta’ metriċi aktar adatti għat-tqabbil ta’ l-impatti differenti, ikun meħtieġ metodu pragmatiku. Fil-medda l-qasira ta’ żmien, dan jista’ jissejjes sew fuq:

- rekwiżit għall-avjazzjoni li ċċedi għadd ta’ privileġġi li jikkorrespondu għall-emissjonijiet tagħha tad-CO2 immultiplikati b’fattur medju prekawzjonali li jirrifletti l-impatti l-oħrajn; jew

- metodu fejn inizjalment id-CO2 biss jiġi inkluż, iżda fl-istess waqt jiġu implimentati strumenti anċillari bħad-differenzjazzjoni ta’ l-imposti mill-ajruporti skond l-emmissjonijiet tan-NOx.

Il-Kummissjoni temmen li l-għan għandu jkun li jiġi pprovdut mudell vijabbli Ewropew għall-avjazzjoni fi ħdan l-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijet, li jkun jista' jiġi estiż jew replikat madwar id-dinja. L-ambitu preċiż se jiġi evalwat fil-grupp ta' ħidma li għandu jitwaqqaf kif deskritt fl-Anness. F'termini ambjentali, l-għażla preferuta tkun li jiġu koperti t-titjiriet kollha li jħallu l-ajruporti ta' l-UE, billi, jekk l-ambitu jiġi limitat għal titjiriet "intra-UE”, li kemm jitilqu kif ukoll jillandjaw fl-UE, ikunu qed jiġu indirizzati anqas minn 40%[10] ta' l-emissjonijiet mit-titjiriet kollha li jħallu l-UE. F'dik li hija l-kompetittività ta' l-industrija tal-linji ta' l-ajru, l-impatt, partikolarment fl-ishma relattivi tas-swieq, fuq it-trasportaturi ta' l-UE u dawk mhux ta' l-UE se jiġi studjat aktar.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-kalkolu u t-tqassim tal-limitazzjoni gobali ta' l-emissjonijiet mill-inġenji ta' l-ajru, ir-regoli li diġà hemm għall-parteċipanti fl-iskema m’humiex bilfors adatti għall-avjazzjoni. Il-Protokoll ta’ Kjoto jqis biss l-emissjonijiet tad-CO2 mit-titjiriet interni, u għalhekk se jkunu meħtieġa arranġamenti speċjali sabiex jiġi żgurat li dan ma jaffettwax ħażin is-sistema tal-kontabbiltà[11] li tgħaqqad l-EU ETS mal-Protokoll ta’ Kjoto. Barra minn hekk, meta wieħed iqis il-livell ta’ integrazzjoni fis-suq tat-trasport bl-ajru Komunitarju, għandu jintlaħaq qbil fuq metodoloġija ta' allokazzjoni armonizzata .

8. L-impatti ta' l-inkorporazzjoni ta' l-avjazzjoni fl-EU ETS

Fix-xenarji kollha kkunsidrati fl-evalwazzjoni ta' l-impatt mehmuża ma' din il-komunikazzjoni u fl-istudju tal-vijabbiltà mwettaq mill-Kummissjoni, kemm t-trasportaturi ta’ l-UE kif ukoll dawk mhux ta’ l-UE jiġu ttrattati b’eżattament l-istess mod fuq ir-rotot koperti mill-iskema. Konsegwentement, l-inklużjoni ta’ l-impatt ta’ l-avjazzjoni fuq il-klima fl- EU ETS probabbilment ma jaffettwax ħażin b’mod sinifikanti l-pożizzjoni kompetittiva tal-linji ta' l-ajru ta' l-UE meta mqabbla ma' linji ta' l-ajru mhux ta' l-UE. Skond l-istudju tal-Kummissjoni, effetti sekondarji bħall intersussidjarjetà mit-trasportaturi li jużaw il-profitti ġġenerati fuq rotot ’il barra mill-ambitu tal-miżuri għal rotot koperti mill-miżura jistgħu jseħħu, imma jkunu żgħar. Minkejja dan, il-kwistjoni tal-kompetittività se tkompli tiġi eżaminata fis-segwiment għal din il-Komunikazzjoni.

Konsegwenza addizzjonali hija li ż-żidiet fl-ispejjeż li jkunu ġejjin mill-inklużjoni tas-settur fl- EU ETS għandhom imnejn jingħaddu lil dawk li jużaw it-trasport bl-ajru. Madankollu, l-immudellar ta’ xi xenarji illustrattivi jagħti x'wieħed jifhem li ż-żidiet tal-prezzijiet tal-biljetti jkun wieħed modest, li jvarja skond il-parametri speċifiċi tat-tifsila magħżula (ara l-evalwazzjoni ta’ l-impatt). Id-domanda għat-trasport bl-ajru ma taqax, imma sempliċiment tikber b'rata kemmxejn aktar kajmana (tnaqqis relattiv ta' bejn 0.2 u 2.1% matul perjodu ta' ħames snin (2008-2012) meta mqabbel mat-tkabbir tas-soltu ta' aktar minn 4% fis-sena ).

Meta wieħed iqis dawn l-estimi baxxi rigward iż-żidiet fil-prezzijiet tal-biljetti, kwalunkwe effett fuq it-turiżmu jew ir-reġjuni periferali li jiddependu fuq l-avjazzjoni bħala mezz ewlieni ta' trasport jidher li jkun limitat u għandu jkompli jiġi esplorat, b’kunsiderazzjoni wkoll tal-qafas eżistenti għall-obbligi tas-servizz pubbliku.

9. Konklużjonijiet u l-passi li jmiss

Sallum, il-miżuri istitwiti fil-livell internazzjonali, reġjunali u nazzjonali sabiex jimmitigaw il-bidla fil-klima ma rrekjedew l-ebda kontribut sostanzjali min-naħa tas-settur ta’ l-avjazzjoni. Bil-ħsieb tat-tkabbir li aktarx ikun hemm fil-futur f'dak li huwa traffiku ta' l-ajru, tinħtieġ aktar azzjoni politika sabiex jiġi evitat li dan iwassal għal aktar tkabbir fl-impatt tiegħu fuq il-klima.

Wara li analizzat għadd ta’ alternattivi, il-Kummissjoni tqis li l-aħjar mod kif l-affarijiet jitmexxew 'il quddiem, mil-lat ekonomiku u ambjentali, huwa billi l-impatt tas-settur ta' l-avjazzjoni fuq il-klima jiġi inkluż fl-iskema ta' l-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet ta' l-UE . L-iskambju tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet aktarx li jibqa’ parti ewlenija minn kull strateġija futura fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, u l- EU ETS se jgħin biex irawwem l-iżvilupp ta' suq tal-karbon verament internazzjonali li jkun kapaċi jutilizza l-potenzjal għat-tnaqqis fl-emissjonijiet madwar id-dinja. Sabiex tħejji għad-deċiżjonijiet neċessarji li jridu jittieħdu, il-Kummissjoni:

- se twaqqaf Grupp ta’ Ħidma dwar l-Avjazzjoni taħt il-Programm Ewropew dwar il-Bidla fil-Klima[12]. Dan il-grupp se jingħatalu l-inkarigu li jikkunsidra modi ta' kif tiġi inkluża l-avjazzjoni fl- EU ETS skond it-termini ta' referenza mehmużin ma' din il-komunikazzjoni. Ir-riżultati jiddaħħlu fl-analiżi li għaddejja tal-qafas eżistenti għall- EU ETS [13] li jmissha tirrapporta sat-30 ta’ Ġunju 2006. Il-Kummissjoni se timmira li tressaq proposta leġiżlattiva sa tmiem l-2006 ;

- tistieden lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew jikkunsidraw il-politika u jfasslu r-rakkomandazzjonijiet f’din il-komunikazzjoni, inklużi kwistjonijiet dwar l-ittajmjar, bi tħejjija għal deċiżjoni leġiżlattiva futura.

Fl-istess waqt, għadd ta’ miżuri u azzjonijiet eżistenti għandhom jitkomplew u jissaħħu bħala elementi minn metodu komprensiv u konsistenti:

- Filwaqt li għandha tkompli r-riċerka mmirata lejn it-tnaqqis ta’ l-inċertezza li għad fadal u sabiex jinftiehmu dejjem aħjar l-effetti ta' l-avjazzjoni fuq il-klima, għandha tingħata prijorità akbar lir- riċerka ajrunawtika ta’ l-UE mmirata lejn it-tnaqqis attwali ta’ l-impatti negattivi tat-trasport bl-ajru fuq il-bidla fil-klima, b’din l-enfażi addizzjonali tkun riflessa fis-Seba’ Programm ta' Qafas[14].

- Għandu jkun hemm progress f’waqtu fil-proċessi ġà mibdija bl- Ajru Waħdieni Ewropew sabiex tittejjeb il-prestazzjoni tas-sistema Ewropea tal-ġestjoni tat-traffiku ta' l-ajru.

- F’dik li hija l-applikazzjoni tat-tassazzjoni fuq l-enerġija rigward il-fjuwil ta’ l-avjazzjoni, il-proċess biex jitneħħew ix-xkilijiet legali kollha mill-ftehimiet bilaterali dwar is-servizz bl-ajru jibqa' essenzjali u se jitkompla.

- Il-Kummissjoni se tieħu l-azzjoni neċessarja , kemm fuq il-livell Ewropew kif ukoll fuq dak internazzjonali, sabiex tkompli żżomm miftuħin l-alternattivi għall-istrumenti ekonomiċi kollha fil-każ li jkun hemm bżonn ta' miżuri komplimentari biswit l-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet sabiex jiġi indirizzat bis-sħiħ l-impatt kollu ta' l-avjazzjoni fuq il-klima.

- Il-Kummissjoni se taħdem ma’ l-Istati Membri ta' l-UE fi ħdan l- ICAO għal titjib kontinwu fl-istandards tekniċi eżistenti tad-disinn, u fejn jixraq, għall-iżvilupp ta' standards ġodda, immirati lejn il-limitazzjoni minn ras il-għajn ta' l-emissjonijiet ta' l-inġenji ta' l-ajru.

Anness: It-Termini ta’ Referenza għall-Grupp ta' Ħidma dwar l-Avjazzjoni mwaqqaf taħt il-Programm Ewropew dwar il-Bidla fil-Klima

L-għan tal-grupp ta' ħidma huwa li jagħti pariri lis-servizzi tal-Kummissjoni, u se jkun jikkonsisti f'esperti mill-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati ewlenin, inklużi organizzazzjonijiet ta’ l-industrija, il-konsumaturi u dawk ambjentali.

Dan il-grupp ta’ ħidma għandu jevalwa l-modi neċessarji, kif elenkati hawn taħt, ta’ l-inkorporazzjoni ta’ l-impatt ta’ l-avjazzjoni fuq il-klima fl-iskema Ewropea ta’ l-iskambju tal-kwoti ta’ l-emissjonijiet (EU ETS)[15], b’kunsiderazzjoni sħiħa tal-prinċipju prekawzjonarju.

Il-kopertura ta’ l-impatt ta’ l-avjazzjoni fuq il-klima

Il-grupp għandu:

- Jevalwa kif il-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ l-impatt ta’ l-avjazzjoni fuq il-klima jista’ jiġi indirizzat biż-żieda ta’ aktar annessi għad-Deċiżjoni 2004/156/KE, billi jqis il-metodoloġiji eżistenti użati hemmhekk bħala norma ta' referenza u jinnota l-potenzjal għall-ilħiq ta’ aktar preċiżjoni aktar ma jgħaddi ż-żmien;

- Jesplora jekk il-flessibbiltà offruta mis-sistema fuq pilastri differenti (tier system) fid-Deċiżjoni 2004/156/KE tkunx adatta għas-settur ta’ l-avjazzjoni jew jekk tkunx meħtieġa aktar armonizzazzjoni;

- Janalizza l-possibbiltà li kopertura mhux kompluta ta’ l-impatt ta’ l-avjazzjoni fuq il-klima tista’ tipprovdi inċentiva għat-tnaqqis ta’ impatt wieħed fi ħdan l-iskema bi ħsara għal ieħor barra mill-iskema;

- Jikkunsidra l-użu komplimentari ta’ imposti jew miżuri laterali oħra sabiex tiġi stabbilita kopertura sħiħa ta’ l-impatt ta' l-avjazzjoni fuq il-klima sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi potenzjali identifikati minn kopertura mhux kompluta.

L-ambitu ta’ l-emissjonijiet koperti

Il-grupp għandu jikkunsidra t-titjiriet u l-emissjonijiet koperti, b'kunsiderazzjoni tal-ħtieġa li: jiġu limitati d-differenzi fit-trattament tas-servizzi ta' titjiriet fit-tul u titjiriet qosra, li jiġu eżaminati d-differenzi fl-aċċessibbiltà tar-reġjuni periferiċi, li jiġi mixtarr kif il-mudell ta’ l-UE jkun jista’ jiġi estiż għal pajjiżi oħra hekk kif l-EU ETS inniffsu jespandi, u jinqabdu kwantità sinifikanti ta’ emissjonijiet f'konformità ma’ l-objettiv ambjentali tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima.

Il-metodu użat għall-kalkolu u t-tqassim tal-limitu kumplessiv ta’ emissjonijiet għas-settur ta’ l-avjazzjoni

Il-grupp għandu jikkunsidra:

- Il-mudelli differenti użati fi ħdan l-UE u internazzjonalment sabiex jikkalkula l-projezzjonijiet ta’ tkabbir u emissjonijiet kemm għas-settur ta' l-avjazzjoni kif ukoll għal-setturi oħra ta’ l-ekonomija, u d-diversi preżunzjonijiet użati fihom;

- Il-firxa tal-limiti kumplessivi ta’ l-emissjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati għas-settur ta’ l-avjazzjoni, b'kunsiderazzjoni tar-riżultati differenti mill-mudelli;

- B’liema elementi ta’ ffissar u tqassim jistgħu jiġu armonizzati madwar l-UE il-limiti kumplessivi ta’ l-emissjonijiet;

- L-impatt fuq il-kompetittività ta’ l-industrija Komunitarja, l-impatt fuq il-prezz tal-biljetti (b'kunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, ta' l-eżistenza ta' mezzi alternattivi tat-trasport) u l-allokazzjonijiet ta' l-emissjonijiet u d-distribuzzjoni proporzjonata ta' l-ispejjeż bejn l-industrija u l-konsumaturi aħħarin tat-trasport;

- Kif jiġi żgurat li s-sistema tal-kontabbiltà stabbilita fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2216/2004, li tiżgura l-konsistenza bejn l-iskambju taħt l-EU ETS u l-iskambju taħt il-Protokoll ta' Kjoto, ma tiġix affettwata negattivament minħabba l-inklużjoni ta' l-avjazzjoni. Kwalunkwe soluzzjoni ta' tifsil jinħtiġilha li ssib l-ekwilibriju bejn l-introduzzjoni ta’ regoli speċifiċi għall-avjazzjoni u l-objettiv globali ta' l-inklużjoni tagħha fl-EU ETS, jiġifieri li tikkontribwixxi lejn it-trattament tal-bidla fil-klima bl-aktar mod sempliċi u li jkun vallapena fi prezzu possibbli.

Il-konformità

Il-grupp għandu jikkunsidra kif il-miżuri ta’ konformità eżistenti li attwalment huma applikati għall-industrija ta’ l-avjazzjoni jkunu jistgħu jintużaw flimkien ma’ dawk diġà istitwiti taħt l-EU ETS sabiex tiġi żgurata l-konformità ma' l-obbligi imposti mill-iskema.

Amministrazzjoni

Il-grupp għandu jikkunsidra l-aħjar mod kif l-inklużjoni ta’ l-avjazzjoni fl-EU ETS tista’ tiġi amministrata, b’kunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet milħuqa dwar il-limiti ta’ l-emissjonijiet, is-sistema tar-reġistri u l-konformità.

Dan il-grupp ta' ħidma sejjer jissottometti l-konklużjonijiet tiegħu fis-sura ta' rapport sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2006.

[1] L-inventarju annwali tal-gassijiet li jikkawżaw l-effett ta' serra tal-Komunità Ewropea ta’ l-1990-2003 u r-rapport dwar l-inventarju ta’ l-2005.

[2] COM(2005) 35, tad-9.2.2005

[3] 103,411 ta’ 202,779 MtCO2e - 2002 data kif irrapportata mill-Anness I Partijiet għall- UNFCCC .

[4] Il-leġiżlazzjoni ta’ l-Ajru Waħdieni Ewropew ġiet adottata fl-2004. Din tipprovdi s-sisien istituzzjonali u regolatorji għal Kontroll tat-Traffiku ta’ l-Ajru Ewropew interoperabbli u mingħajr frammentazzjoni. Is- SESAME jkopri l-implimentazzjoni teknika ta’ l-Ajru Waħdieni Ewropew.

[5] Kuntrarjament għall-perċezzjoni komuni, il-Konvenzjoni ta' Chicago ta' l-1944 tipprekludi biss it-tassazzjoni tal-fjuwil tal-mezzi ta' l-ajru fi tranżitu, li hija dispożizzjoni li tista' titqies sempliċiment bħala salvagwardja kontra t-tassazzjoni doppja.

[6] Dawn jirregolaw id-drittijiet tat-traffiku u kwistjonijiet oħra marbuta mas-servizzi ta' l-ajru internazzjonali.

[7] F’dawn, il-Kummissjni ressqet azzjoni kontra tmien Stati Membri dwar l- ASAs bilaterali ffirmati ma' l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

[8] Pereżempju, il-possibbiltà li jinġabru l-fondi għall-assistenza għall-iżvilupp permezz tal-biljetti ta' l-ajru ġiet diskussa dan l-aħħar fil-Kunsill ECOFIN .

[9] Li ta l-ġwienaħ lill-iskambju tal-kwoti ta' l-emissjonijiet, CE Delft, Lulju 2005

[10] L-estimi ta’ l-emissjonijiet tal-CO2 mill- EUROCONTROL . L-estimi ta’ l-2004 jindikaw li t-titjiriet intra-UE tefgħu madwar 52 MtCO2 filwaqt li t-titjiriet kollha li telqu mill-UE kkawżaw 130 MtCO2.

[11] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2216/2004.

[12] L- ECCP huwa proċess konsultattiv magħmul minn bosta partijiet interessati, li fih il-Kummissjoni, l-esperti nazzjonali, l-industrija u l-komunità ta’ l- NGOs jaħdmu flimkien.

[13] Ara l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2003/87/KE.

[14] COM(2005) 119.

[15] Id-Direttiva 2003/87/KE.

Top