EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005DC0382

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-għotja ta' deroga skond l-Artikolu 19(1) tat-Trattat KE, imressaq taħt l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 94/80KE dwar id-dritt tal-vot u tal-kandidatura f’elezzjonijiet muniċipali

/* KUMM/2005/0382 finali */

52005DC0382

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-għotja ta' deroga skond l-Artikolu 19(1) tat-Trattat KE, imressaq taħt l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 94/80KE dwar id-dritt tal-vot u tal-kandidatura f’elezzjonijiet muniċipali /* KUMM/2005/0382 finali */


[pic] | IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussell, 22.08.2005

COM(2005) 382 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-għotja ta' deroga skond l-Artikolu 19(1) tat-Trattat KE, imressaq taħt l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 94/80KE dwar id-dritt tal-vot u tal-kandidatura f’elezzjonijiet muniċipali

1. L-GħAN TAR-RAPPORT

Id-Direttiva tal-Kunsill 94/80/KE[1] tistabbilixxi miżuri fid-dettall dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali għal dawk iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru fejn m’humiex ċittadini ta’ dak l-Istat. [2]

L-Artikolu 12(4) tad-Direttiva jipprovdi li, sal-31 ta’ Diċembru 1998 u kull sitt snin wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li fih għandha tikkonferma jekk l-għotja ta’ deroga lill-Istati Membri kkonċernati skond l-Artikolu 19(1) tat-Trattat li waqqaf il-Komunità Ewropea hija meħtieġa u b’hekk tressaq it-tibdiliet li għandhom isiru.

2. ID-DRITT TAL-VOT U TAL-KANDIDATURA F’ELEZZJONIJIET MUNIċIPALI

Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jivvota u li jippreżenta ruħu bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn hu jew hi għandha r-residenza taħt l-istess kondizzjonijiet taċ-ċittadini ta’ dak l-Istat. [3]

Dan hu wieħed mid-drittitijiet taċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni li ddaħħal permezz tat-Trattat ta’ Maastricht fl-1992, u li l-Unjoni tagħti liċ-ċittadini tagħha. Id-drittijiet speċifiċi li għandhom x’jaqsmu mas-sehem fil-ħajja politika fl-Istat Membru fejn wieħed għandu residenza, huma stabbiliti fl-Artiklu 19 tat-Trattat li waqqaf il-Komunità Ewropea (minn hawn ‘l quddiem “it-Trattat tal-KE”).

L-Artikolu 19(1) jipprovdi li kull ċittadin barrani ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jivvota u li jippreżenta ruħu bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn hu jew hi għandha r-residenza taħt l-istess kondizzjonijiet taċ-ċittadini ta’ dak l-Istat. Dan id-dritt għandu jiġi eżerċitat suġġett għal arranġamenti dettaljati adottati mill-Kunsill. L-arranġamenti jistgħu joħolqu derogi fejn ikunu meħtieġa minħabba problemi partikolari ta’ xi Stat Membru.

L-arranġamenti dettaljati għall-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u għall-kandidatura f’elezzjonijiet muniċipali ġew imwaqqfa fl-1994 permezz tad-Direttiva msemmija hawn fuq. L-Artikolu 3 jistipula li, kwalunkwe persuna il, fid-data ta’ referenza,

(a) hija ċittadina ta’ l-Unjoni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 17 tat-Trattat

(b) m’hijiex ċittadina ta’ l-Istat Membru ta’ residenza iżda tissodisfa l-istess kondizzjonijiet b’rispett tad-drittijiet tal-vot u tal-kandidatura bħalma hu impost mill-liġi ta’ l-Istat fuq iċ-ċittadini tiegħu stess,

għandha jkollha d-dritt tal-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru ta’ residenza skond id-Direttiva.

B’mod ġenerali, id-Direttiva ma tħallix l-Istat Membru ta’ residenza jitlob illi ċ-ċittadini barranin ta’ l-Unjoni għandhom ikollhom ir-residenza tagħhom għall-medda minima ta’ żmien fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru qabel ma jkollhom il-jedd li jivvotaw jew joħorġu bħala kandidati, jekk ma jkunx hemm l-istess kondizzjoni għaċ-ċittadini tal-pajjiż tagħhom stess. Barra minn hekk, iċ-ċittadini barranin ta’ l-Unjoni, f’każ bħal dan, huma meqjusa li ssodisfaw il-kondizzjoni tar-residenza tagħhom għal medda minima ta’ żmien fit-territorju ta’ l-Istat Membru ta’ residenza fejn huma għexu għal perjodu ekwivalenti fl-Istati Membri oħrajn, irreferi għall-Artikolu 4(1). L-Artikolu 4(1).

3. ID-DEROGI TAħT L-ARTIKOLU 12 TAD-DIRETTIVA

Id-Direttiva tippermetti derogi mir-regoli ġenerali. Id-derogi għandhom ikunu ġġustifikati minħabba problemi partikolari ta’ Stat Membru. L’Artikolu 12(1) jipprovdi li fejn, fl-1 ta' Jannar 1996, fi Stat Membru partikolari, il-proporzjon ta' ċittadini ta' dan l-Istat, jaqbeż l-20% ta' l-għadd totali taċ-ċittadini ta' l-Unjoni li għandhom ir-residenza tagħhom hemmhekk u li kisbu l-età tal-vot, dak l-Istat Membru jista’, minħabba d-deroga mid-Direttiva:

(a) jrażżan il-jedd tal-vot għal votanti, fl-ambitu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva, li kellhom ir-residenza tagħhom f’dak l-Istat Membru għal perjodu minimu, li ma jistax ikun itwal mill-perjodu li għalih ġie elett il-kunsill rappreżentattiv tal-muniċipalità

(b) jrażżan il-jedd għall-kandidatura lil persuni intitolati li joħorġu bħala kandidati fl-ambitu ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva, għal dawk li kellhom ir-residenza tagħhom f’dak l-Istat Membru għal perjodu minimu, li ma jistax ikun itwal mill-perjodu li għalih ġie elett il-kunsill rappreżentattiv tal-muniċipalità; kif ukoll

(c) jittieħdu miżuri xierqa f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-kompożizzjoni tal-listi ta’ kandidati sabiex iħajru b’mod partikolari l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni, li huma ċittadini ta’ xi Stat Membru ieħor.

L-Artikolu 12(2) jipprovdi li r-Renju tal-Belġju jista’, permezz ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, jħaddem id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu12(1) għal għadd limitat ta’ taqsimiet tal-gvern lokali, fejn il-lista tiegħu għandha tiġi kkomunikata mill-inqas sena qabel l-elezzjonijiet tat-taqsimiet tal-gvern lokali, li għalihom bi ħsiebhom jitolbu d-deroga.

L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva jipprovdi li, fejn il-liġijiet ta’ Stat Membru jippreskrivu li ċ-ċittadini ta’ xi Stat Membru ieħor li għandhom ir-residenza hemmhekk għandhom id-dritt li jivvotaw għall-parlament nazzjonali ta’ dak l-Istat taħt l-istess kondizzjonijiet eżatt bħall-votanti nazzjonali, l-ewwel Stat Membru jista’ permezz ta’ deroga mid-Direttiva, jibqa’ lura milli japplika l-Artikolu 6 sa 11 fejn għandhom x’jaqsmu dawn iċ-ċittadini.

4. L-APPLIKAZZJONI TA’ DEROGA

Il-Lussemburgu huwa l-uniku Stat Membru li għamel użu minn deroga fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 12(1). Il-Lussemburgu jnaqqas il-jedd tal-vot għal dawk iċ-ċittadini barranin ta’ l-Unjoni li kellhom id-domiċilju legali tagħhom fit-territorju tal-Lussemburgu u li ilhom jgħixu fit-terrritorju tiegħu mill-inqas ħames snin qabel ir-reġistrazzjoni. [4] Għal dak li għandu x’jaqsam mad-dritt li wieħed joħroġ bħala kandidat, il-Lussemburgu jitlob ukoll illi ċ-ċittadini barranin ta’ l-Unjoni jkunu ilhom jgħixu hemmhekk mill-inqas ħames snin qabel ma jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom. [5]

Il-membri tal-kunsill muniċipali jiġu eletti għal perjodu ta’ sitt snin. [6] B’hekk il-perjodu minimu ta’ residenza meħtieġ sabiex wieħed ikun intitolat jivvota huwa iqsar mill-perjodu li għalih il-kunsill rappreżentattiv tal-muniċipalità jiġi elett, u jaqbel mad-Direttiva. L-istess igħodd għall-perjodu minimu ta’ residenza fejn għandu x’jaqsam id-dritt li wieħed joħroġ bħala kandidat: huwa iqsar “mill perjodu doppju li għalih jiġi elett il-kunsill rappreżentattiv tal-muniċipalità.”

Inkwantu għall-Artikolu 12(2), il-Beljġu qatt ma kkomunika ebda taqsima tal-gvern lokali fejn kien se japplika deroga.

5. VALUTAZZJONI TAċ-ċIRKOSTANZI FEJN TISTA’ TINGħATA DEROGA

Iċ-ċirkostanzi mfissra fl-Artikolu 12(1) bħala kondizzjoni fejn tista’ tingħata deroga huma li “l-proporzjon taċ-ċittadini ta’ l-Unjon li kisbu l-età tal-vot u li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru speċifiku iżda m’humiex ċittadini tiegħu jaqbeż l-20% ta’ l-għadd totali ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni li għandhom ir-residenza tagħhom hemmhekk u li kisbu l-età għall-vot.”

B’hekk, għandu jkun stabbilit jekk il-proporzjon ta’ ċittadini barranin ta’ l-Unjoni li kisbu l-età tal-vot u li għandhom ir-residenza tagħhom fil-Lussumburgu jaqbeż l-20% ta’ l-għadd totali ta’ ċittadini ta' l-Unjoni li kisbu l-età għall-vot u li għandhom ir-residenza tagħhom fil-Lussumburgu.

It-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 12(4) tipprovdi li l-Istat Membri li jitolbu derogi taħt il-paragrafu 1 għandhom jagħtu lill-Kummissjoni t-tagħrif ta’ sfond kollu meħtieġ. Il-Kummissjoni talbet[7] lill-awtoritajiet tal-Lussumburgu sabiex iressqu t-tagħrif l-aktar riċenti li għandu x’jaqsam ma’:

- l-għadd ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni li kisbu l-età tal-vot u li għandhom ir-residenza fil-Lussumburgu iżda li m’humiex ċittadini ta’ dan l-Istat, u

- l-għadd totali ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni li kisbu l-età tal-vot u li għandhom ir-residenza fil-Lussumburgu.

Skond id-data li ġiet ipprovduta mill-awtoritajiet tal-Lussumburgu, l-għadd ta’ ċittadini barranin ta’ l-Unjoni li għandhom ir-residenza fil-Lussumburgu kien ta’ 133 831. L-għadd totali ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni li kisbu l-età tal-vot u li għandhom ir-residenza fil-Lussumburgu kien ta’ 356 274.

Jirriżulta li l-proporzjon ta’ ċittadini barranin ta’ l-Unjoni li kisbu l-età tal-vot u li għandhom ir-residenza fil-Lussumburgu kien 37.6% ta’ l-għadd totali ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni li kisbu l-età tal-vot u li jgħixu hemmhekk. B’mod ċar, il-proporzjon huwa ogħla mill-limitu li ġie stabbilit fid-Direttiva, jiġifieri, ta' 20%.

Għal dak li għandu x’jaqsam mad-deroga skond l-Artikolu 19(1) tat-Trattat u skond l-Artiklolu 12(2) tad-Direttiva, is-sitwazzjoni fil-Belġju-għalkemm qatt ma talab id-deroga s’issa-kellha x’taqsam ma’ karatteristiċi u bilanċi speċifiċi li huma marbutin mal-fatt illi l-Kostituzzjoni tiegħu fiha provvediment għal tliet lingwi uffiċjali u diviżjoni territorjali f’reġjuni u komunitajiet, ma nbidlitx.

6. KONKLUżJONIJIET

Il-Kummissjoni tikkonkludi li ċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw l-għotja ta’ deroga lill-Lussumburgu skond l-Artikolu 19(1) tat-Trattat u l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva għadhom japplikaw peress illi r-raġuni għall-ġustifikazzjoni tad-deroga għadhom validi.

Il-Kummissjoni tikkonkludi li ċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw l-għotja ta’ deroga lill-Belġju skond l-Artikolu 19(1) tat-Trattat u l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva għadhom japplikaw peress illi r-raġuni għall-ġustifikazzjoni tad-deroga għadhom validi.

B’hekk, il-Kummissjoni ma tqisx illi hemm bżonn li tipproponi xi tibdiliet.

[1] Id-Direttiva tal-Kunsill 94/80/KE tad-19 ta’ Diċembru 1994 tistabbilixxi miżuri fid-dettall dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tal-kandidatura fl-elezzjonijiet muniċipali għal dawk iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru fejn m’humiex ċittadini ta’ dak l-Istat (OJ L 368, 31.12.1994, p. 38) kif ġiet emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 96/30/KE tat-13 ta’ Mejju 1996 (OJ L 122, 22.5.1996, p.14) u kif ġie addattat mill-Att ta’ Adeżjoni tas-16 ta’ April 2003 (OJ L 236, 23.9.2003, p. 334) minn hawn ‘il quddiem imsejħa “id-Direttiva”.

[2] Minn hawn ‘il quddiem imsejħa “ċittadini barranin ta’ l’Unjoni”.

[3] L-Artikolu 40 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea (OJ C 364, 18.12.2000, p.1).

[4] L-Artikolu 2, Liġi elettorali tat-18 ta’ Frar 2003.

[5] L-Artikolu 192, Liġi elettorali tat-18 ta’ Frar 2003.

[6] L-Artikolu 186, Liġi elettorali tat-18 ta’ Frar 2003.

[7] Ittra tat-30 ta’ Awissu 2004.

Top