EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52005DC0330

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsillu lill-Parlament Ewropew - Azzjonijiet Komuni għat-Tkabbir u l-Impjiegi : Il-Programm Komunitarju ta' Liżbona [SEC(2005) 981]

/* KUMM/2005/0330 finali */

52005DC0330

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsillu lill-Parlament Ewropew - Azzjonijiet Komuni għat-Tkabbir u l-Impjiegi : Il-Programm Komunitarju ta' Liżbona [SEC(2005) 981] /* KUMM/2005/0330 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 20.7.2005

KUMM(2005) 330 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILLU LILL-PARLAMENT EWROPEW

Azzjonijiet Komuni għat-Tkabbir u l-Impjiegi:Il-Programm Komunitarju ta' Liżbona [SEC(2005) 981]

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILLU LILL-PARLAMENT EWROPEW

Azzjonijiet Komuni għat-Tkabbir u l-Impjiegi:Il-Programm Komunitarju ta' Liżbona

1. MESSAġġ TA' KUNFIDENZA U DETERMINAZZJONI

Il-messaġġ fil-qalba tal-partenarjat għat-tkabbir u l-impjiegi huwa wieħed ta' kunfidenza u determinazzjoni: l-isfidi li qed jiffaċċjaw is-soċjetà, l-ekonomija u l-ambjent ta' l-Ewropa jistgħu jingħelbu. Jekk indirizzati tajjeb jistgħu jitbiddlu f'opportunitajiet ġodda għall-Ewropa sabiex hija tikber u toħloq aktar impjiegi.

Fil-preżent, l-Ewropa tinsab f'salib it-toroq kruċjali fejn qed tiffaċja sfidi kemm interni kif ukoll esterni. Fuq naħa waħda, l-Ewropa jeħtiġilha tindirizza l-isfida tal-popolazzjonijiet li qed jixjieħu li, fit-tul, tirriżulta fi tnaqqis konsiderevoli tal-popolazzjoni fl-età ta-xogħol filwaqt li tiżdied il-proporzjon ta’ persuni rtirati. Sakemm it-tnaqqis fid-daqs tal-forza tax-xogħol ma jiġix ikkompensat b’żidiet fil-produttività tax-xogħol, it-tkabbir potenzjali jonqos drammatikament għal madwar 1% fl-2040, li huwa biss in-nofs tal-livell attwali. Tnaqqis bħal dan fir-rendiment ekonomiku flimkien ma’ żieda fl-infiq marbuta ma’ l-età iqiegħed lill-mudell soċjali Ewropew taħt stress konsiderevoli. Min-naħa l-oħra, il-pass miżjud tal-globalizzazzjoni espona lill-ekonomija ta’ l-UE għall-kompetizzjoni barranija li qed tiżdied. Il-firxa ta' attivitajiet ekonomiċi esposti għall-kompetizzjoni esterna twessgħet sabiex issa tinkludi kemm il-produzzjoni ta' oġġetti li jirrikjedu teknoloġija avvanzata kif ukoll dawk li jirrikjedu ħafna xogħol. L-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp staġna kwazi għalkollox. Jekk ix-xejriet attwali jibqgħu sejrin kif inhuma, l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp ikun ta’ 2.2% tal-PGD fl-2010, inqas sewwa mill-għan maqbul ta' 3%. Fuq dan l-isfond, jeħtieġ jittieħdu deċiżjonijiet importanti li jiddeterminaw il-ġejjieni ekonomiku u soċjali ta’ l-Ewropa.

Fit-2 ta' Frar 2005, il- Kummissjoni pproponiet bidu ġdid għall-Istrateġija ta' Liżbona li tiffoka l-isforzi ta' l-Unjoni Ewropea fuq żewġ ħidmiet ewlenin – li tipprovdi tkabbir iktar b’saħħtu u fit-tul u li toħloq iktar impjiegi aħjar[1]. Minn dak in-nhar l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea bdew idawru l-impuls il-ġdid lejn tnedija mill-ġdid ta’ azzjoni konkreta. Il- Kunsill Ewropew ta' Marzu , kif ukoll il-Parlament Ewropew u l-imsieħba soċjali Ewropej, appoġġaw bis-sħiħ lill-proposta tal-Kummissjoni għat-tnedija u l-iffokar mill-ġdid ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona.

L-għan tal-partenarjat ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi huwa li l-ekonomija tagħna tiġi mmodernizzata sabiex niksbu l-mudell soċjali uniku tagħna minkejja s-swieq dejjem aktar globali, il-bidla teknoloġika, il-pressjonijiet ambjentali, u popolazzjoni li qed tixjieħ. Wieħed għandu jħares lejn din l-istrateġija wkoll fil-kuntest usa’ tal-kundizzjoni ta’ l-iżvilupp sostenibbli li jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-preżent mingħajr ma tiġi kompromessa l-kapaċità ta’ ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom stess.

Aħna għandna r-riżorsi sabiex insostnu l-istandards ta’ għajxien għoljin li għandna, iżda jeħtiġilna nieħdu azzjoni ħalli nagħmluhom disponibbli. L-Ewropa jeħtiġilha tinvesti iktar fiż-żagħżagħ, l-edukazzjoni, r-riċerka u l-innovazzjoni tagħha, sabiex ikunu nistgħu nipprovdu s-soċjetà tagħna bl-istrumenti u l-perspettiva għall-ħolqien tar-rikezza u nipprovdu s-sigurtà lil kull ċittadin. Niftħu iktar is-swieq, inneħħħu burokrazija żeja u ninvestu f’infrastruttura moderna sabiex l-intrapriżi tagħna jkunu jistgħu jikbru, jirrinnovaw u joħolqu impjiegi ġodda. U aħna se nieħdu l-passi meħtieġa sabiex niżviluppaw forza tax-xogħol ikkwalifikatu u imprenditorjali sabiex l-Ewropej kollha jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji ta’ soċjetà b’rata ta’ impjiegi għolja, livell għoli ta’ ħarsien soċjali u ambjent b'saħħtu. Dawn il-passi kollha se jittieħdu fuq sfond ta’ politika makro-ekonomika soda.

L-għan innifsu jiġbdek iżda l-passi li wieħed irid jagħmel biex jasal hemm jeħtieġu spjegazzjoni. L-isfidi li-soċjetà tagħna qed tiffaċċja llum iqajmu sens ta’ inċertezza u pessimiżmu f’xi wħud miċ-ċittadini tagħna. Il-progress soċjali u ekonomiku ħafna drabi jfisser bidliet sinifikanti fil-ħajja ta’ l-individwi, b’kemm riskji kif ukoll benefiċċji. It-tħassib leġittimu taċ-ċittadin jeħtieġ li jittieħed bis-serjetà; jeħtieġ li l-benefiċċji ta’ l-istrateġija l-ġdida tagħna għall-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini jiġu spjegati sewwa.

Iż-żieda fit-tkabbir u l-ħolqien ta’ l-impjiegi huma ċ-ċwievet li jiftħu l-bieb għar-riżorsi meħtieġa sabiex jintlaħqu l-ambizzjonijiet ekonomiċi u soċjali tagħna u huma importanti biex nilħqu l-għanijiet ambjentali tagħna. Id-dibattitu pubbliku riċenti wera li huma ta’ importanza kbira għaċ-ċittadini tagħna. It-tnedija mill-ġdid ta’ dan il-proġett ambizzjuz jimmira għall-assigurazzjoni tat-tnejn. Xi azzjonijiet ta’ politika jridu ż-żmien biex iħallu effetti viżibbli. Oħrajn jagħtu benefiċċji minn kmieni. Fil-każi kollha, għandhom ikunu indirizzati b’sens kbir ta’ urġenza u responsabbiltà kollettiva. M’hemmx ħin x’nitilfu.

2. MANDAT GħALL-AZZJONI

Element wieħed importanti tat-tnedija mill-ġdid ta’ l-Istrateġija ta' Liżbona huwa r-riforma ta’ l-istuttura ta’ tmexxija tagħha sabiex ikunu ddefiniti aħjar ir-responsabbiltajiet fil-livelli nazzjonali u Komunitarji sabiex il-ħidmiet u l-kompetenzi jitlaqqgħu b'mod aħjar. Il-Kummissjoni għandha tikkomplementa l-isforzi ta’ l-Istati Membri. Bħala konsegwenza, l-azzjonijiet ta’ politika fil-livelli tal-Komunità u l-Istati Membri tqassmu f’aġendi separati iżda li jikkomplimentaw lil xulxin.

Filwaqt li s-suċċess tal-partenarjat ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi jiddependi fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri u r-rieda tagħhom li jintroduċu r-riformi strutturali meħtieġa, id-dimensjoni Komunitarja ta' l-istrateġija tagħti valur miżjud essenzjali. Fil-fatt, jistgħu jintlaħqu sinerġiji u effiċjenza massima biss jekk il-miżuri ta’ riforma nazzjonali jiġu kkomplimentati b'azzjoni fuq livell Komunitarju. Il-miżuri ta' politika ppreżentati fil-Programm Komunitarju ta' Liżbona kollha joffru valur miżjud ċar minħabba li l-azzjoni tittieħed jew tiġi kkoordinata fil-livell Komunitarju. Dan il-valur miżjud huwa ovvju partikolarment għall-politika Komunitarja marbuta mas-suq intern, it-titjib ta’ l-infrastruttura jew il-ħolqien ta’ kundizzjonjonijiet ta’ qafas aħjar għan-negozju. Għandu jingħata iktar enfasi lill-politika li tippromwovi l-għarfien, l-edukazzjoni u s-snajja’ sabiex jissaħħu l-kompetittività u l-iżvilupp sostenibbli ta’ l-UE filwaqt li jkunu assigurati l-koeżjoni soċjali u territorjali.

Il-Kunsill Ewropew f’Ġunju approva l-Linji ta’ Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jikkostitwixxu bażi għall-programmi nazzjonali ta' l-Istati Membri għat-tkabbir u l-impjiegi. Il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Kummissjoni tippreżenta, bħala kontroparti għall-programmi nazzjonali, “Programm Komunitarju ta’ Liżbona” li jkopri l-azzjonijiet kollha f’livell Komunitarju. Dan il-programm se jsegwi l-istruttura tal-linji ta' gwida integrati għat-tkabbir u l-impjiegi. Il-miżuri ta’ politika proposti taħt dan il-programm jaqgħu taħt tliet oqsma ewlenin.

- Għarfien u innovazzjoni għat-tkabbir,

- Li l-Ewropa ssir post li tiġbed aktar investiment u xogħol,

- Ħolqien ta' aktar impjiegi u impjiegi aħjar

Il-progress kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak Komunitarju se jiġi rivedut f’Rapport Annwali ta’ Progress ta’ l-UE waħdieni. Sa fejn għandha x’taqsam il-Kummissjoni, ir-rapport se jkun ibbażat fuq sorveljanza regolari ta’ l-azzjonijiet elenkati f’dan il-Programm Komunitarju ta’ Liżbona. Ir-Rapport Annwali tal-Progress ta’ l-UE se jivvaluta wkoll l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali ta' l-Istati Membri. Fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni annwali, il-Kummissjoni tidentifika, jekk hu meħtieġ, azzjonijiet ulterjuri meħtieġa fil-livell Komunitarju u tirrevedi l-Programm Komunitarju ta’ Liżbona skond dan.

Minkejja n-nuqqas ta’ ftehim dwar il- perspettivi finanzjarji għas-snin 2007-2013 , il-Kummissjoni tistenna ftehim fil-futur qarib, u tħeġġeġ lill-Istati Membri jiddeċiedu dwar finanzjament adegwat ta’ azzjonijiet rilevanti għall-kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi.

3. IL-PROGRAMM KOMUNITARJU TA’ LIżBONA – AġENDA GħAT-TKABBIR U L-IMPJIEGI

It-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politika makroekonomika, mikroekonomika u dik dwar l-impjiegi huma primarjament f’idejn l-Istati Membri u għandhom jiġu stipulati fi programmi nazzjonali ta' riforma din il-Ħarifa. Il-Linji ta’ Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi jipprovdu gwida għal oqsma ta' politika bħal dawn.

Il-Komunità tikkontribwixxi għall-aġenda politika kumplessiva ta' l-ekonomija u l-impjiegi permezz tat-tlestija tas-suq intern u permezz ta' l-implimentazzjoni ta' politika u attivitajit komuni li jsostnu u jikkomplimentaw il-politika nazzjonali. Partikolarment se tiffoka fuq numru ta' azzjonijiet ewlenin b’valur miżjud għoli:

- l-appoġġ ta' l-għarfien u l-innovazzjoni fl-Ewropa,

- ir-riforma tal-politika dwar l-għajnuna statali,

- it-titjib u s-simplifikazzjoni tal-qafas regolatorju li n-negozju jaħdem fih,

- it-tlestija tas-Suq Intern għas-servizzi,

- it-tlestija ta’ ftehim ambizzjuż fid-"Doha round",

- it-tneħħija ta’ xkiel għall-mobilità fiżika, tax-xogħol u dik akkademika,

- l-iżvilupp ta’ strateġija komuni għall-migrazzjoni ekonomika,

- l-appoġġ ta’ sforzi li jindirizzaw il-konsegwenzi soċjali tar-ristrutturar ekonomiku.

Il-lista sħiħa ta’ miżuri tal-Programm Komunitarju ta’ Liżbona hija annessa[2], u tistabbilixxi miżuri previsti fil-qasam regolatorju, strumenti finanzjarji u proposti għall-iżvilupp tal-politika Jeħtieġ li jsiru sforzi, fuq sfond ta’ politika makroekonomika soda, sabiex jgħollu l-potenzjal ta’ l-Unjoni għat-tkabbir. It-titijb, maqbul dan l-aħħar, fl-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir Ekonomiku se jgħin sabiex tinkiseb stabbiltà makroekonomika aħjar fl-UE - element essenzjali għall-ksib ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien ta’ l-impjiegi.

Il-Kummissjoni pproponiet li programmi appoġġati mill- Fondi Srutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni jimmiraw l-investimenti lejn l-għarfien, l-innovazzjoni u l-kapaċitajiet ta’ riċerka kif ukoll edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali mtejba, b’hekk il-ħaddiema jkunu mgħammra bil-ħiliet meħtieġa sabiex jegħlbu l-bidla u jibdew attivitajiet ġodda. Huma jikkontribwixxu lejn it-titjib tal-forza attraenti ta’ l-Istati Membri, r-reġjuni u l-ibliet permezz ta' appoġġ ta’ l-infrastruttura ekonomika. Investiment maġġuri fl-infrastruttura tat-trasport, l-ambjent u l-enerġija jinħtieġ fir-reġjuni li għadhom lura, speċjalment fl-Istati Membri ġodda, sabiex iħeġġu t-tkabbir u l-konverġenza fit-tul mal-bqija ta’ l-Unjoni. Bit-titjib ta' l-aċċessibbiltà, netwerk ta' infrastruttura effiċjenti huwa wieħed mill-prekondizzjonijiet għat-tkabbir tan-negozju u l-ħolqien ta’ l-impjiegi f’dawn iż-żoni.

Il- fond għall-iżvilupp rurali l-ġdid se jiffoka iktar speċifikament fuq il-ħolqien tat-tkabbir u l-impjiegi f’żoni rurali, filwaqt li jitħarsu u jittejbu r-riżorsi naturali. Ir-riżorsi se jkunu ffokati fuq investimenti fin-nies, l-innovazzjoni, l-għarfien u l-kapital fis-setturi agrikol u forestali, l-adozzjoni ta’ teknoloġija ta’ l-informazzjoni u l-komunikazzjoni u fuq il-ħolqien ta’ iktar impjiegi aħjar permezz tad-diversifikazzjoni rurali, partikolarment għan-nisa u ż-żagħżagħ.

Il-Kummissjoni għadha kif ippreżentat sett ta’ linji ta’ gwida Komunitarji strateġiċi għall-2007-2013[3] li jimmiraw il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ programmi ta’ politika ta’ koeżjoni iktar lejn it-tkabbir u l-impjiegi. Il-linji ta’ gwida għandhom l-għan li jallinjaw il-politika ta’ koeżjoni fil-qrib ma' l-aġenda ta’ Liżbona u dawn jistabbilixxu qafas sabiex jassigura li prijoritajiet ta’ l-UE – il-forza attraenti ta' l-Ewropa bħala post fejn tinvesti u taħdem, l-għarfien u l-innovazzjoni, u iktar impjiegi u iktar impjiegi aħjar għal kulħadd - jkunu riflessi fil-programmi operattivi fil-livelli nazzjonali u reġjonali.

Il-kontribut orizzontali tal- Bank Ewropew għall-Investiment (EIB) u l-Fond Ewropew għall-Investiment (EIF) f’termini ta’ finanzjament – partikolarment permezz ta’ l-Inizjattiva għall-Innovazzjoni 2010 ta’ l-EIB – għandu jiġi enfasizzat.

3.1. Għarfien u innovazzjoni – magni ta’ l-iżvilupp sostenibbli

L-għarfien huwa fattur kritiku li bih l-Ewropa tista’ tħares il-vantaġġ kompetittiv internazzjonali tagħha. L-UE tista’ tikkontribwixxi bl-aħjar mod lejn it-titjib tal-potenzjal ta’ riċerka ta’ l-Ewropa permezz tat-tagħqid tar-riżorsi u l-assigurazzjoni ta’ ambjent kompetittiv għar-riċerka bbażata fuq l-eċċellenza. Hu meħtieġ investiment ikbar u iktar effiċjenti fl-għarfien u fl-innovazzjoni sabiex tintlaħaq il-mira globali ta’ l-UE għall-investiment fir-riċerka ta’ 3% tal-PGD u sabiex ikunu żviluppati l-kapaċitajiet u l-għodod meħtieġa biex jagħmlu l-Ewropa iktar kompetittiva, joħolqu l-impjiegi u jassiguraw tkabbir sostenibbli. Filwaqt li r-responsabbiltà ewlenija għat-tħeġġiġ ta’ investiment ikbar u aħjar hija ta’ l-Istati Membri, il-Komunità se tikkomplimenta dan l-isforz mill-baġit Komunitarju sabiex tistimola, torganizza u tisfrutta l-forom kollha tal-kooperazzjoni fil-livell ta’ l-UE fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni. Taħlita ta’ regolazzjoni Komunitarja u finanzjament Komunitarju se jservi sabiex jippromwovi l-innovazzjoni teknika u sabiex jiġbed lin-nies u l-kapital fir-riċerka Ewropea u f’intrapriżi innovattivi ta’ negozju.

Fil-qasam regolatorju, il-Kummissjoni ħabbret riforma komprensiva tal-politika dwar l-għajnuna statali għall-promozzjoni tat-tkabbir, l-impjiegi u l-koeżjoni[4]. Huma previsti għadd ta’ reviżjonijiet sabiex jiffaċilitaw l-immirar ta’ l-għajnuna Statali lejn l-appoġġ ta’ l-għarfien u l-innovazzjoni. Il-Qafas għall-Għajnuna Statali għar-Riċerka u l-Iżvilupp se jiġi rivedut partikolarment sabiex tiżdied il-kollaborazzjoni bejn l-istituti ta’ riċerka pubbliċi u l-industrija u jista’ jiġi estiż sabiex ikopri dispożizzjonijiet ġodda li jappoġġaw l-innovazzjoni, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs). Barra minn hekk, huwa previst li jiġi ffaċilitat l-appoġġ mill-istat lill-kumpaniji żgħar u innovattivi, mhux biss permezz ta’ appoġġ finanzjarju dirett, iżda wkoll billi jkun iffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament kapitali ta’ riskju. Miżuri favur ambjent li jappoġġa l-innovazzjoni, inkluż għajnuna lit-taħriġ, il-mobilità u l- clustering jistgħu jibbenefikaw ukoll minn dispożizzjonijiet iktar flessibbli. Kollox ma’ kollox, ir-riforma se ttejjeb il-kundizzjonijiet ġenerali għall-innovazzjoni f’qafas amministrattiv iktar sempliċi għall-Istati Membri. Minħabba li s-swieq kompetittivi għadhom l-aħjar strument għat-trawwim ta’ l-innovazzjoni u l-għarfien, ir-regoli l-ġodda se jassiguraw li l-għajnuna statali tingħata biss fejn l-effetti għas-soċjetà jkunu sinifikanti u fejn il-kundizzjonijiet kompetittivi ma jitgħawġux.

Fir-rigward tal-finanzjament Komunitarju, il-Kummissjoni pproponiet żewġ programmi maġġuri ta’ nfiq għall-perjodu 2007-2010, jiġifieri s- Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka, l-Iżvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta' Dimostrazzjoni (RTD)[5] u l- Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni[6] .

Il-proposta għas-Seba’ Programm ta’ Qafas RTD tindirizza l-promozzjoni ta’ l-eċċellenza u l-frammentazzjoni ta’ l-isforzi Ewropej ta’ riċerka, iċ-ċaqliq ħieles ta’ l-għarfien u r-riċerkaturi, id-dgħufija ta’ l-Ewropa fl-isfruttar tar-riżultati tar-riċerka, u l-promozzjoni tar-raggruppamenti reġjonali bbażati fuq ir-Riċerka u l-Iżvilupp. L-attivitajiet proposti huma rilevanti ħafna għall-ħtiġijiet ta’ l-industrija, u jibbenefikaw mill-aġendi strateġiċi ta’ riċerka żviluppati mill-Pjattaformi Teknoloġiċi mmexxija mill-industrija. Dawn jinkludu iżjed riċerka u innovazzjoni fit- Teknoloġiji ta’ l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICTs) . Barra minn hekk, l-inizjattiva "i2010 – soċjetà Ewropea ta’ l-informazzjoni għat-tkabbir u l-impjiegi” għandha l-għan li tappoġġa l-produzzjoni u l-użu ta’ dawn it-teknoloġiji bħala l-mutur ewlieni għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku.

Il-Programm ta’ Qafas RTD jintroduċi strateġija ġdida u iktar ambizzjuża għal sħubiji pubbliċi-privati fuq skala kbira f’oqsma ta’ interess kbir għall-kompetittività Ewropea. Dawn se jkunu identifikati permezz ta’ djalogu ma' l-industrija – partikolarment permezz ta’ l-Inizjattivi Konġunti fit-Teknoloġija, li bħalissa huma previsti fl-oqsma tal-mediċina innovattiva, n-nanoelettronika, s-sistemi integrati, l-aeronawtika u t-trasport bl-ajru, iċ-ċelluli ta’ l-idroġenu u ċelluli tal-fjuwil, u s-sorveljanza globali għall-ambjent u s-sigurtà[7]. Jintroduċi wkoll mekkaniżmu ġdid għall-qsim tar-riskji sabiex itejjeb l-aċċess għall-aċċess għas-self mill-EIB.

Il-Programm ta’ Qafas RTD se jagħti attenzjoni partikolari lill- opportunitajiet ta’ tkabbir għall-SMEs , jgħinhom iwettqu jew iqabbdu lil min iwettqilhom ir-riċerka, jiżviluppaw prodotti imsejsa fuq it-teknoloġija, jespandu n-netwerks, jisfruttaw ir-riżultati tar-riċerka, jakkwistaw għarfien teknoloġiku u jħarrġu lill-impjegati tagħhom sabiex jakkwistaw ħiliet tal-bidla - u b’hekk joħolqu iktar impjiegi.

Il- Programm ta' Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni se jkun immirat primarjament lejn l-SMEs u l-imprendituri. Permezz tat-titjib ta' l-aċċess għas-swieq u għas-servizzi finanzjarji u ta' appoġġ, se jappoġġa negozji innovattivi, jippromwovi l-użu ta' l-ICTs u teknoloġiji ambjentali, u jiffaċilità l-finanzjament tagħhom permezz ta' kapital ta' riskju.

Il-linji tal-baġit marbuta man-netwerks Trans-Ewropej jappoġġaw l-applikazzjoni prattika ta' għarfien RTD u programmi ta' innovazzjoni, permezz ta' proġetti industrijali li għandhom jgħinu fit-tnaqqis tal-konġestjoni u ż-żieda tal-produttività. Dawk l-aktar importanti huma Galileo (navigazzjoni bir-radju bbażata fuq l-użu satellitari għall-mezzi kollha tat-trasport), ERTMS (linji ferrovjarji) u SESAME (kontroll tat-traffiku ta' l-ajru u applikazzjoni oħra ta' Sistemi tat-Trasport Intelliġenti.

Jeżisti potenzjal ekonomiku, ambjentali u ta' impjiegi sinifikanti fit- teknoloġiji effiċjenti fir-rigward ta' l-enerġija u ta' enerġija rinnovabbli. Il-Kummissjoni għalhekk se żżid l-isforzi tagħha fil-promozzjoni ta' l-iżvilupp u l-applikazzjoni tat-teknoloġiji ambjentali u l-użu ġdid ta' l-eko-innovazzjonijiet, partikolarment permezz tal-Pjan ta' Azzjoni għat-Teknoloġiji Ambjentali (ETAP)[8]. Teknoloġiji bħal dawn se jkunu appoġġati permezz ta' aktar sforzi ta' riċerka u tixrid ta' l-informazzjoni fuq naħa, u permezz ta' investimenti pubbliċi u privati min-naħa tal-Fondi Strutturali u l-Bank Ewropew għall-Investiment, partikolarment għall-promozzjoni ta' teknoloġiji ta' livelli baxxi tal-karbonju.

Ftehim dwar il- Brevett Komunitarju jibqa' element vitali ta' l-impenn ta' l-Unjoni biex tippromwovi ekonomija innovattiva msejsa fuq l-għarfien Il-Komunità se tappoġġja sforzi sabiex iżżomm kapaċità industrijali b'saħħitha billi tindirrizza b'mod konġunt sfidi ta' riċerka, ta' regolazzjoni u ta' finanzjament fuq livell Ewropew fejn, għal raġunijiet ta' skala u ambitu, Stati Membri individwali ma jistgħux jindirizzaw b'suċċess nuqqasijiet marbuta mas-swieq u mal-politika pubblika waħedhom.

3.2. Li l-Ewropa ssir post li tiġbed aktar investiment u xogħol

Sabiex jiġi attirat aktar investiment, tiġġenera l-impjiegi u taċċellera t-tkabbir, huwa importanti li jitħaffef id-dħul fis-suq fis-setturi u bejn l-Istati Membri. Il-Komunità għalhekk se tagħti l-ogħla prijorità għat-tlestija tas-suq intern u għat-titjib ta' l-ambjent regolatorju bħala l-aktar żewġ mekkaniżmi importanti għall-ħolqien ta' l-impjiegi u t-titjib tar-rendiment ta' tkabbir ekonomiku Ewropew.

Regolazzjoni aħjar għandha impatt pożittiv sinifikanti fuq il-kundizzjonijiet ta' qafas għat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-produttività. Permezz tat-titjib tal-kwalità tal-leġiżlazzjoni, toħloq l-inċentivi li meħtieġa għan-negozju, it-tnaqqis ta' spejjeż mhux meħtieġa u t-tneħħija ta' l-ostakli għall-adattament u l-innovazzjoni. Jeħtieġ li l-miżuri previsti fl-inizjattivi għal "regolazzjoni aħjar" mill-Kummissjoni u l-Presidenzi tal-Kunsill jiġi implimentati malajr.

Il-Kummissjoni se tkompli xogħolha prinċipalment fi tliet oqsma:

- Inizjattivi ġodda ta' politika fil-Programm Komunitarju ta' Leġiżlazzjoni u Xogħol, bħal white papers, proposti leġiżlattivi u programmi ta' nfiq, kollha se jkunu soġġetti ta' evalwazzjoni ta' impatt samma.

- Skrining rigoruż ta' proposti pendenti quddiem il-Kunsill/Parlament potenzjalment se jwasslu għall-modifika, bdil jew irtirar ta' proposti bħal dawn.

- Simplifikazzjoni ta' leġiżlazzjoni ewlenija eżistenti se tissegwa u fażi ġdida tal-programm ta' simplifikazzjoni se titnieda abbażi ta' pjanijiet ta' azzjoni settorjali.

Regolazzjoni ineffiċjenti, aċċess diffiċli għas-swieq u nuqqas ta' pressjoni kompetittiva jistgħu iżommu lura l-innovazzjoni f'setturi b'potenzjali għoli ta' tkabbir u jnaqqsu l-benefiċċji lill-konsumaturi. Il-Kummissjoni għalhekk nediet serje ta' evalwazzjonijiet settorjali sabiex tidentifika l-ostaklu li jżommu lura t-tkabbir u l-innovazzjoni f'setturi ewlenin, b'konċentrazzjoni partikolari fuq l-SMEs. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tindika strateġija ġdida sabiex il- punti ta' tħassib ta' l-SMEs jitqiesu fil-proċess ta' proponiment ta' leġiżlazzjoni u politika Komunitarja.

Is-suq intern għas-servizzi irid isir kompletament operazzjonali, filwaqt li jiġi ppriżervat il-mudell soċjali Ewropew. Il- qasam tas-servizzi kien responsabbli għal kważi l-impjiegi ġodda kollha maħluqa fl-UE fiż-żmien 1997-2002. Is-servizzi issa jgħoddu għal 70% tal-valur miżjud ta' l-UE. Madankollu, s-servizzi jgħoddu biss għal madwar 20% tal-kummerċ fi ħdan l-UE. It-tlestija ta' suq intern fis-servizzi għandu jwassal għal żieda fil-livell ta' GDP ta' 0.6% u tal-livell ta' impjiegi ta' 0.3% (sa 600.000 impjieg) fit-terminu medju. Il-Kummissjoni se taħdem b'mod kostruttiv mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u partijiet interessati oħra fi ħdan il-proċess leġiżlattiv sabiex tiżgura konsensus wiesa' fuq id-Direttiva tas-Servizzi emendata.

Il-provvista ta' Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali (SGEI) effettivi u ta' kwalità għolja huwa fattur ewlieni tal-"welfare state" Ewropew, hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali u territorjali, u tikkontribwixxi għall-kompetittività. Hi u tibni fuq il-White Paper ta' l-2004 dwar l-SGEI, il-Kummissjoni se tieħu inizjattivi sabiex tipprovdi aktar assistenza fuq dan il-prinċipju.

L-integrazzjoni sħiħa ta' swieq finanzjarji se tikkontribwixxi wkoll lejn iż-żieda fil-produzzjoni u l-impjiegi billi tippermetti allokazzjoni aktar effiċjenti tal-kapital u billi toħloq kundizzjonijiet aħjar għall-finanzjament ta' l-impriżi. Minħabba li l-biċċa l-kbira tal-leġiżlazzjoni diġà ġiet adottata, l-attenzjoni issa trid iddur fuq l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli. Fl-istess ħin huwa importanti li jiġu indirizzati kwalunkwe ostakli li għad fadal għad-dħul fis-suq.

Biex is-Suq Uniku jaħdem b'mod effettiv, il-fluss ħieles ta' l-oġġettiv, is-servizzi u l-persuni jeħtieġ infrastruttura adegwata u sostenibbli, li min-naħa tagħha hija fattur importanti ta' lokazzjoni għall-investiment tan-negozju. Il-fondi u r-regolazzjoni Komunitarji se jikkomplementaw l-isforzi nazzjonali sabiex jiġu promossi l-interkonnettività, l-interoperabbiltà u l-aċċessibiltà tan-netwerks nazzjonali. L-Unjoni għandha żżid l-isforzi tagħha sabiex tikkonċentra l-appoġġ disponibbli mil-linja tal-baġit tat-TEN trasport u strumenti ta' baġit u finanzjarji Komunitarju fuq it-tletin ass u proġett ta' prijorità ewlenija tat-trasport magħżula mid-Deċiżjoni dwar il-Linji ta' Gwida Komunitarji[9]. L-Istati Membri iridu jagħtu l-frott fir-rigward ta' l-impenji tagħhom li jibdew jaħdum fuq il-45 proġett tranżfruntiera "quickstart" għat-trasport, l-enerġija u n-netwerks "broadband", ir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-innovazzjoni. Koordinazzjoni Ewropea abbażi ta' proġett bi proġett trid tiġi appoġġjata minn impenn ċar min-naħa ta' l-Istati Membri kkonċernati sabiex iniedu proċess ta' ppjanar u finanzjament.

Sabiex jingħelbu l-ostakli li jiltaqgħu magħhom l-impriżi li joperaw f'diversi Stati Membri minħabba l-eżistenza ta' regoli differenti li jistipulaw kif jiġu ntaxxati l-kumpaniji f'kull wieħed mill-25 Stat Membru, il-Kummissjoni qed tipprova tilħaq ftehim dwar bażi ta' taxxa korporata komuni u kkonsolidata u l-implimentazzjoni tagħha.

Il-Komunità hija impenjata fir-rigward tat-tlestija tal-ftehim ambizzjuż fid-" Doha round ", ikkomplementat minn ftehimiet ta' kummerċ bilaterali u reġjonali. Il-Kummissjoni se tkompli ssegwi d- djalogu regolatorju u amministrattiv fuq il-livell internazzjonali, inkluż fir-rigward ta' ftehimiet ta' servizz bilaterali ta' l-avjazzjoni u tbaħħir, peress li dan huwa mezz sabiex jiġi żgurat li l-istandards tagħha jinżammu u jiġu applikati f'imkejjen oħra. Barra minn dan, il-Kummissjoni se tagħti spinta lill-Istrateġija għall-Infurzar ta' Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali f'Pajjiżi Terzi, bi sforz sabiex twaqqaf iż-żieda fil-piraterija u l-iffalsifikar. Inizjattiva ġdida se titnieda wkoll sabiex issir pressjoni għal aċċess aħjar għas-swieq tal-kuntratti pubbliċi ta' pajjiżi terzi.

3.3. Ħolqien ta' aktar impjiegi u impjiegi aħjar

Jekk l-Ewropa għandha tilħaq il-livell massimu ta' l-impjiegi, iżżid il-kwalità u l-produttività fuq ix-xogħol u s-saħħaħ il-koeżjoni soċjali u territorjali, jeħtiġilha tiġbed u żżomm aktar nies fl-impjiegi, iżżid il-provvista tax-xogħol, iġġedded is-sistemi ta' ħarsien soċjali, ittejjeb l-adattabilità tal-ħaddiema u ta' l-impriżi u żżid l-investiment fil-kapital uman permezz ta' edukazzjoni u ħiliet aħjar.

Dawn l-għanijiet u prijoritajiet huma wkoll fiċ-ċentru ta' l- Aġenda Soċjali [10] li tnediet dan l-aħħar, u huma riflessi fil-linji ta' gwida integrati għat-tkabbir u l-impjiegi. Filwaqt li r-responsabbiltà ewlenija ta' l-oqsma ta' politika dwar l-impjiegi, il-ħarsien soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ taqa' fuq l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, il-Komunità se tikkomplementa l-isforzi tagħhom. L-imsieħba soċjali Ewropej se jiġu mistiedna jieħdu rwol importanti.

Il-Komunità hija impenjata lejn it- titjib ta' l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tar-ristrutturar ekonomiku. Ir-ristrutturar u ċ-ċaqliq tal-postijiet ta' stabbiliment huma konsegwenzi inevitabbli tal-progress ekonomiku u l-integrazzjoni tas-swieq. Meta jseħħu, madankollu, jistgħu ikollhom konsegwenzi li nuqqas ta' stabbiltà fuq iċ-ċittadini u l-komunitajiet affetwati. F'każijiet bħal dawn, l-istrumenti kollha disponibbli għandhom jiġu mmobiliżżati b'għajnuna għal dawk affetwati sabiex jegħlbu l-bidliet u jdawruhom f'opportunitajiet ġodda filwaqt li jiġu pprovduti mekkaniżmi adegwati ta' sigurtà u sikurezza. F' dan ir-rigward, il-Komunità se ssegwi l-Komunikazzjoni dwar ir-ristrutturar u l-impjiegi[11] fuq bażi settorjali u reġjonali. Il-Kummissjoni temmen ukoll li huwa importanti li tistabbilixxi fond sabiex tgħin l-aktar nies u reġjuni affetwati ħażin mill-proċess ta' ristrutturar ekonomiku, u riżerva għal konsegwenzi mhux previsti tal-bidla strutturali.

Sabiex tiffaċilita l-mobilità tax-xogħol u dik ġeografika u tiftaħ l-opportunitajiet ta' impjiegi li jirriżultaw minn suq ta' xogħol pan-Ewropew, il-Komunità se tneħħi l-ostakli għall-mobilità tax-xogħol. Il-Komunità se taġixxi b'segwitu għall-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-għarfien tal-kwalifiki professjonali u se tipproponi Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, li jappoġġja l-għarfien tal-kwalifiki u l-kompetenzi permezz tal-ħolqien tal-kundizzjonijiet għat-trasparenza u l-fidi reċiproka, biex b'hekk ikunu ffaċilitati l-mobilità akkademika u professjonali f'kuntest usa' minn dak tal-professjonijiet irregolati.

Sabiex jibda jiġi sfruttat il-kapital uman dinji u sabiex jinħasad il-ġid ta' l-għarfien tiegħu, il-Kummissjoni se taħdem għal qafas komuni għall-ġestjoni tal-migrazzjoni ekonomika fuq il-livell ta' l-UE u tipproponi proċeduri aktar mgħaġġla ta' dħul għal soġġorni itwal ta' riċerkaturi minn pajjiżi terzi u l-iffiċalitar ta' visas għal soġġorni qosra.

Sabiex iżżid l-impjiegi u l-produttività u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali, il-Komunità tappoġġja u tissupplementa l-isforzi ta' l-Istati Membri fl-oqsma tal- kapital uman , edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, bl-inklużjoni ta' konċentrazzjoni partikolari fuq l-integrazzjoni ta' żgħażagħ kif inhu stabbilit fil- Patt Ewropew dwar iż-Żgħażagħ[12]. Sabiex jinġibdu u jinżammu aktar nies fl-impjiegi, l-Kummissjoni se tgħin lill-Istati Membri fl-iżvilupp ta' strateġiji ta' tixjiħ attiv, inklużi miżuri sabiex jiżdiedu s-snin ta' ħajja f'qagħda tajba ta' saħħa. Sabiex jiġu kkomplementati l-attivitajiet tal-Fond Soċjali Ewropew, il-Kummissjoni pproponiet Programm ta' Tagħlim matul il-Ħajja b'appoġġ għall-attivitajiet u netwerking ma' l-UE kollha f'dan il-qasam.

Il-Kummissjoni biħsiebha tappoġġja l-universitajiet u entitajiet ta' l-edukazzjoni terzjarja fl-isforzi tagħhom sabiex jikkontribwixxu aktar bis-sħiħ lejn il-kisba ta' l-għanijiet ta' Liżbona, per eżempju permezz tal-mobilizzazzjoni s-sorsi kollha tal-finanzjament ta' l-UE għall-modernizzazzjoni tagħhom, u billi jsaħħu l-kooperazzjoni taħt il-programm ta' Edukazzjoni u Taħriġ 2010 b'appoġġ għall-proċess ta' Barċellona. Il-Kummissjoni se teżamina wkoll l-istabbiliment ta' Istitut Ewropew tat-Teknoloġija sabiex tiġbed l-aħjar imħuħ u ideat min mad-dinja kollha.

4. KONKLUŻJONI

Sabiex tiġi żgurata l-kredibbiltà tal-partenarjat ta' Liżbona mġedded għat-tkabbir u l-impjiegi u sabiex jiġi żgurat l-appoġġ kontinwu taċ-ċittadini Ewropej, trid tittieħed azzjoni immedjata sabiex jinkisbu riżultati li jidhru. B'mod partikolari, miżuri fuq livell Komunitarju għandhom jikkonċentraw fuq azzjonijiet ewlenin, bħalma huma l-appoġġ għall-għarfien u l-innovazzjoni fl-Ewropa, ir-riforma tal-politika dwar l-għajnuna statali, regolazzjoni aħjar, is-Suq Intern għas-servizzi, it-tlestija tad-"Doha round", it-tneħħija tax-xkiel għall-mobilità, il-migrazzjoni ekonomika u l-konsegwenzi soċjali tar-ristrutturar ekonomiku. Se jkun essenzjali wkoll l-allinjament tal-politika ta' koeżjoni u dik ta' l-iżvilupp rurali mal-partenarjat għat-tkabbir u l-impjiegi. Il-Kummissjoni titlob lill-istituzzjonijiet l-oħra ta' l-Unjoni Ewropea sabiex isir sforz unit sabiex jitwasslu riżultati malajr f'dawn l-oqsma ta' l-politika.

Is-sinerġiji u l-punti komplementari bejn il-Programm Komunitarju u l-programmi ta' riforma ta' l-Istati Membri huma ċentrali għas-suċċess ta' l-Istrateġija ta' Liżbona mġedda. Fl-ispirtu tal-partenarjat għat-tkabbir u l-impjiegi u sabiex dan il-Programm jiġi implimentat b'suċċess, il-Kummissjoni Ewropea se taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill tal-Ministri u se tuża l-għarfien espert ta' istituzzjonijiet oħra ta' l-UE bħalma huma l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u, fil-qasam finanzjarju, il-Bank Ewropew għall-Investiment.

Il-partenarjat ta' Liżbona jeħtieġ strateġija ta' komunikazzjoni fuq perjodu twil li mhux biss iżomm liċ-ċittadini tagħna infurmati, iżda li tinkludihom fil-proċess. L-impetu ewlieni ta' l-isforzi tal-komunikazzjoni tagħna jridu jkunu fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Dan huwa għalfejn irid ikun hemm koordinazzjoni mill-qrib u kontinwa mal-gvernijiet nazzjonali, il-parlamenti, ir-reġjuni, l-ibliet u s-soċjetà ċivili. Dan jipprovdi l-leġittimizzazzjoni demokratika ta' l-istrateġija nnifisha u l-bażi sabiex tirnexxi.

Dħalna fi stadju kruċjali, kemm fis-sens politiku kif ukoll f'dak ekonomiku. Nistennew li l-Istati Membri joħorġu bi pjanijiet ta' azzjoni kredibbli u ambizzjużi sabiex l-istrateġija ta' Liżbona taħdem. L-Ewropa trid twitti t-triq. L-Ewropa trid twitti t-triq. Trid tissustanzja l-għażliet tagħha. L-għażliet iridu jkunu ambizzjużi imma realistiċi. Billi turi l-kapaċità tagħha għat-tmexxija, il-Kummissjoni tista' tistimula u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jagħmlu l-istess bħalha. Huwa biss bil-forzi magħquda tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri li l-Ewropea tista' tilħaq l-għanijiet ambizzjużi ta' l-aġenda mġedda ta' Liżbona. Issa huwa l-waqt li nagħtu l-frott.

[1] COM (2005) 24 tat-2.2.2005

[2] SEC (2005) 981 ta' l-20.7.2005

[3] COM (2005) 299 tal-5.7.2005 u COM (2005) 304 tal-5.7.2005

[4] COM (2005) 107 tas-7.6.2005

[5] COM (2005) 119 tas-6.4.2005

[6] COM (2005) 121 tas-6.4.2005

[7] SEC (2005) 800 ta' l-10.6.2005

[8] COM (2004) 38 tat-28.1.2004 u COM (2005) 16 tas-27.1.2005

[9] Id-Deċiżjoni tad-29.4.2004 li temenda d-Deċiżjoni 1692/96/KE.

[10] COM (2005) 33 tad-9.02.2005

[11] COM (2005) 120 tal-31.3.2005

[12] COM (2005) 206 tat-30.05.2005

Top