EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004PC0495

Proposta għal regolament tal-Parlament ewropew u l-Kunsill fuq il-Fond ta’ l-Iżvilupp Reġjonali Ewropew

/* KUMM/2004/0495 finali - COD 2004/0167 */

52004PC0495

Proposta għal regolament tal-Parlament ewropew u l-Kunsill fuq il-Fond ta’ l-Iżvilupp Reġjonali Ewropew /* KUMM/2004/0495 finali - COD 2004/0167 */


Brussel 14.7.2004

KUMM(2004) 495 finali

2004/0167 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL

fuq il-Fond ta' l-Iżvilupp Reġjonali Ewropew

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

L-Artikolu 158 tat-Trattat tal-KE jistabbilixxi għan komunitarju biex jitmexxa 'l quddiem l-iżvilupp armonjuż, waqt li l-Artikolu 160 jipprovdi għall-Fond ta' l-Iżvilupp Reġjonali Ewropew (ERDF) biex jappoġġja l-korrezzjoni ta' żbilanċi reġjonali.

It-tkabbir l-aktar riċenti żied id-disparitajiet reġjonali fl-UE, b'żieda kbira sew fir-reġjuni li l-iżvilupp tagħhom għadu lura. Bi PGD per capita li jvarja minn 30% sa 75% tal-medja tal-Komunità, dawn qed jiffaċċjaw l-isfida biex jiksbu l-konverġenza. Min-naħa l-oħra, fir-reġjuni li huma aktar żviluppati l-isfida li qed tissokta hija li titwaqqaf u li tkun imsaħħa l-ġibda relattiva tagħhom billi tiżdied il-kompetittività tagħhom ħalli jgħinu fl-iżvilupp armonjuż tat-territorju tal-Komunità.

Fl-istess waqt, it-tkabbir żied ukoll in-numru ġenerali ta' territorji ta' l-UE. Dan jitlob biex ikun hemm kooperazzjoni territorjali akbar, ibbażata fuq proġetti konġunti għall-iżvilupp lokali taħt kooperazzjoni inter-territorjali, azzjonijiet li jwasslu għal żvilupp territorjali integrat taħt żvilupp transnazzjonali, u networks ta' żvilupp u bdil.

Id-differenzi fil-livell ta' żvilupp reġjonali fil-Komunità jeħtieġu għajnuna kemm f'termini ta' baġit kif ukoll f'termini tematiċi. L-azzjonijiet ta' l-ERDF ikunu ddivrenzjati skond ir-reġjun benefiċjarju, waqt li jibqgħu kkonċentrati fuq il-prijoritajiet ta' l-Unjoni, kif iddefinit fil-Kunsilli ta' Lisbona u Gothenburg.

Taħt l-għan tal-"Konverġenza", il-ERDF iżomm sensiela wiesgħa ta' interventi, li tirrifletti l-ħtiġiet importanti li dawn ir-reġjuni qed jiffaċċjaw. Din għandha tħalli lir-reġjuni biex jimmobilizzaw u jimmodernizzaw ir-riżorsi tagħhom u biex jibdew proċess ta' żvilupp reġjonali integrat u sostenibbli. Qed ikun hemm enfasi ġdid fuq ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-prevenzjoni tar-riskju, waqt li l-infrastrutturi jibqa' jkollhom sehem importanti.

L-għan tal-"Kompetittività reġjonali u x-xogħol" huwa msawwar madwar programm ta' tliet suġġetti: l-innovazzjoni u l-ekonomija ta' l-għerf, li tfittex li tgħolli l-kwalità ta' l-ekonomiji reġjonali, l-ambjent u l-prevenzjoni tar-riskju, biex tkun żgurata s-sostenibbiltà ta' dawn l-iżviluppi, u l-aċċessibbiltà għas-servizzi tat-trasport u t-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICTs), bl-għan li tnaqqas l-iżolament reġjonali minn xbieki ta' transport u oħrajn diġitali, li hija pre-kundizzjoni għall-ġibda tagħhom.

Qed ikun iddedikat għan speċifiku għall-kooperazzjoni territorjali; dan qed ikun organizzat fuq elementi inter-territorjali u transnazzjonali u qed ikun ibbażat fuq programm ta' azzjonijiet marbuta ma' l-aġendi ta' Lisbona u Gothenburg. Id-dimensjoni inter-reġjonali, min-naħa l-oħra, hija parti mit-tmexxija konġunta ta' programmi taħt iż-żewġ għanijiet ta' qabel. Din hija bbażata fuq avviċinament ta' tlugħ 'il fuq, li jiżgura l-involviment ta' l-imsieħba kollha u s-suċċess ta' l-azzjonijiet li jkunu saru. L-appoġġ għall-iżvilupp ta' networks ta' bdil, stħarriġ u studji bejn ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali se jkomplu jingħataw minn dan l-għan. Ir-regoli ta' l-ipprogrammar u t-tmexxija huma mħaffa u ċċarati.

Fl-aħħarnett, il-ERDF jagħti attenzjoni kbira lill-ispeċifiċitajiet territorjali, l-aktar skond l-Artikolu 299(2) tat-Trattatt tal-KE. F'dan ir-rigward, ir-regolament jippermetti, matul il-fażi tat-tfassil tal-programmi, biex il-programm ikun immodulat biex iqis s-sitwazzjoni partikulari ta' l-inħawi urbani u rurali, u dawk l-inħawi bi żvantaġġi naturali. Barra minn hekk, qed jitħalla wkoll l-iffinanzjar ta' l-ispejjeż addizzjonali li jkunu saru minħabba l-pożizzjoni periferali tar-reġjuni l-aktar imbiegħda.

2004/0167 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL

fuq il-Fond ta' l-Iżvilupp Reġjonali Ewropew

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-KOMUNITÀ EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u l-aktar l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 162 u t-tieni sotto-paragrafu ta' l-Artikolu 299(2) miġjuba fih,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[3],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat,

Billi,

L-Artikolu 160 tat-Trattat jipprovdi li l-Fond ta' l-Iżvilupp Reġjonali Ewropew (ERDF) huwa maħsub biex jgħin fil-korrezzjoni ta' l-iżbilanċi reġjonali ewlenin li hemm fil-Komunità. Għalhekk, il-ERDF jgħin biex inaqqas il-vojt bejn il-livelli ta' żvilupp tal-ħafna reġjuni u fejn ir-reġjuni u l-gżejjer li huma l-aktar żvantaġġati, inklużi l-inħawi rurali, ikunu għadhom lura sew fil-progress tagħhom.

Id-dispożizzjonijiet li huma komuni għall-Fondi Srtutturali u l-Fond tal-Koeżjoni huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru (...)[4] li jwaqqaf id-dispożizzjonijiet ġenerali għall-Fond ta' l-Iżvilupp Reġjonali Ewropew, il-Fond Soċjali Ewropew, u l-Fond tal-Koeżjoni. Jeħtieġ jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għamla ta' ħidmiet li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-ERDF taħt l-għanijiet iddefiniti f'dak ir-Regolament.

Il-ERDF għandu jagħti għajnuna fil-qafas ta' strateġija ġenerali għall-politika tal-koeżjoni li tiżgura konċentrazzjoni akbar ta' għajnuna fuq il-prijoritajiet tal-Komunità, l-aktar barra r-reġjuni li huma l-inqas żviluppati.

Ir-Regolament (KE) Nru (...) jipprovdi li l-eliġibbiltà tan-nefqa għandha titwaqqaf fuq livell nazzjonali, b'xi eċċezzjonijiet li għalihom ikun meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi. L-eċċezzjonijiet marbuta mal-ERDF għandhom, għalhekk, jiġu stabbiliti.

L-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva ta' l-azzjoni appoġġjata mill-ERDF tistrieħ biss fuq kontroll tajjeb u sħubija bejn l-imsieħba territorjali u soċjo-ekonomiċi rilevanti kollha, u l-aktar l-awtoritajiet reġjonali u lokali.

Waqt li tinbena fuq l-esperjenza u s-saħħiet ta' l-inizjattiva tal-Komunità Urbana prevista bl-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999, li jwaqqaf id-dispożizzjonijiet ġenerali fuq il-Fondi Strutturali[5], id-dimensjoni urbana għandha tissaħħaħ billi jkunu integrati b'mod sħiħ miżuri f'dak il-qasam fi programmi ta' l-operat li jkunu ko-finanzjati mill-ERDF.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali biex ikunu ggarantiti l-kumplementarjetà u l-konsistenza bejn l-appoġġ mogħti mill-ERDF u dak mogħti mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali skond ir-Regolament (KE) Nru (...)[6] u mill-Fond Ewropew għas-Sajd skond ir-Regolament (KE) Nru (...)[7]. Il-programmi li jkunu ko-finanzjati mill-ERDF għandhom, għalhekk, jappoġġjaw id-diversifikazzjoni ta' l-ekonomiji rurali u ta' dawk l-inħawi li jiddependu fuq is-sajd, lilhinn minn ħidmiet tradizzjonali.

Huwa meħtieġ li jkun żgurat li l-azzjoni appoġġjata mill-ERDF favur impriżi żgħar u medji tkun tqis u tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Karta Ewropea għall-Impriżi Żgħar u Medji, adottata mill-Kunsill ta' l-Ewropa f'Santa Maria de Feira.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni l-aktar imbiegħda, l-aktar billi jitwessa', fuq bażi eċċezzjonali, l-għan ta' l-ERDF għall-iffinanzjar ta' għajnuna ta' l-operat marbuta mal-kumpens ta' l-ispejjeż żejda li jkunu saru f'ċerti oqsma. Din id-deroga teħtieġ l-użu ta' l-Artikolu 299(2) tat-Trattat bħala bażi legali.

Il-ERDF għandu jindirizza l-problemi ta' l-aċċessibbiltà u d-distanza 'l bogħod minn swieq kbar li qed jiffaċċjaw dawk l-inħawi li għandhom densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, kif hemm imsemmi fil-Protokoll Nru 6 għall-Att tas-Sħubija ta' l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja. Il-ERDF għandu jindirizza wkoll id-diffikultajiet speċifiċi li jiltaqgħu magħhom ċerti gżejjer, inħawi bil-muntanji u oħrajn b'popolazzjoni baxxa li s-sitwazzjoni ġeorgrafika tagħhom ma tkunx tippermetti li dawn ikollhom żvilupp mgħaġġel.

Il-ERDF għandu jiżgura li jkun hemm sinerġija ma' l-għajnuna mill-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond tal-Koeżjoni. Dan għandu jiżgura wkoll il-kumplementarjetà u l-konsistenza ma' politika oħra tal-Komunità.

Huwa meħtieġ li jkunu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-ipprogrammar, it-tmexxija, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-programmi ta' l-operat taħt l-għan tal-"Kooperazzjoni territorjali Ewropea".

Huwa meħtieġ li tkun appoġġjata kooperazzjoni effettiva inter-territorjali u transnazzjonali ma' pajjiżi li jmissu mal-Komunità, fejn din tkun meħtieġa biex tiżgura li r-reġjuni ta' l-Istati Membri li jmissu ma' pajjiżi terzi jkunu jistgħu jiġu megħjuna b'mod effettiv fl-iżvilupp tagħhom. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi awtorizzat fuq bażi eċċezzjonali l-iffinanzjar ta' għajnuna mill-ERDF għal proġetti li jseħħu fit-territorju ta' pajjiżi terzi, fejn dawn ikunu ta' ġid għar-reġjuni tal-Komunità.

Ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-12 ta' Lulju 1999 fuq il-Fond ta' l-Iżvilupp Reġjonali Ewropew[8] għandu jitħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU IDISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Is-Suġġett

Dan ir-Regolament iwaqqaf il-ħidmiet tal-Fond ta' l-Iżvilupp Reġjonali Ewropew (ERDF), l-għan ta' l-għajnuna tiegħu dwar il-"Konverġenza", il-"Kompetittività reġjonali u x-xogħol", u l-"Kooperazzjoni territorjali Ewropea" kif iddefiniti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru (...) li jwaqqaf id-dispożizzjonijiet ġenerali għall-Fond ta' l-Iżvilupp Reġjonali Ewropew, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond tal-Koeżjoni, u l-għamliet ta' nefqa eliġibbli għall-għajnuna.

Dan iwaqqaf dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-trattament ta' nħawi urbani u rurali, ta' oħrajn li jiddependu fuq is-sajd, tar-reġjuni l-aktar imbiegħda, u ta' nħawi bi żvantaġġi naturali.

Dan jistabbilixxi wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għan tal-"kooperazzjoni territorjali Ewropea", l-aktar f'termini ta' pprogrammar, implimentazzjoni, tmexxija, monitoraġġ u kontroll.

Artikolu 2

L-Għan

Il-ERDF għandu jgħin li jiffinanzja l-għajnuna lejn it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Dan billi jnaqqas id-disparitajiet reġjonali u jappoġġja l-iżvilupp strutturali u l-aġġustament ta' l-ekonomiji reġjonali, inkluż il-konverżjoni ta' reġjuni industrijali li sejrin lura.

Waqt li jkun qed jagħmel dan, il-ERDF għandu jagħti effett lill-prijoritajiet tal-Komunità, u l-aktar il-ħtieġa li jissaħħu l-kompetittività u l-innovazzjoni biex jinħolqu impjiegi sostenibbli u biex jitmexxa 'l quddiem tkabbir li jkun ambjentalment b'saħħtu.

Artikolu 3

L-Għan ta' l-għajnuna

Il-ERDF għandu jiffoka l-għajnuna tiegħu fuq numru limitat ta' prijoritajiet tematiċi. L-għamla u l-iskala ta' azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati f'kull prijorità għandhom jirriflettu n-natura differenti ta' l-għanijiet tal-"Konverġenza", il-"Kompetittività reġjonali u x-xogħol" u l-"Kooperazzjoni territorjali Ewropea" skond l-Artikoli 4, 5 u 6 ta' dan ir-Regolament.

Il-ERDF għandu jgħin biex jiffinanzja:

a) l-investiment produttiv;

b) l-infrastruttura;

ċ) inizjattivi oħrajn ta' żvilupp inklużi servizzi għall-impriżi, il-ħolqien u l-iżvilupp ta' strumenti ta' ffinanzjar bħalma huma kapital ta' riskju, self u fondi ta' garanzija u fondi ta' żvilupp lokali, sussidji fuq l-interess, servizzi ta' qrubija, u bdil ta' esperjenzi bejn ir-reġjuni, l-ibliet, kif ukoll bejn l-imsieħba soċjali, ekonomiċi u ambjentali li jkunu rilevanti;

d) għajnuna teknika kif hemm imsemmi fl-Artikoli 43 u 44 tar-Regolament (KE) Nru (...).

Artikolu 4

Il-Konverġenza

Taħt l-għan tal-"Konverġenza", il-ERDF għandu jiffoka l-għajnuna tiegħu billi jappoġġja żvilupp ekonomiku reġjonali u lokali integrat li jkun sostenibbli; dan billi tkun immobilizzata u msaħħa l-ħila endoġenika bi programmi maħsuba lejn il-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni ta' strutturi ekonomiċi reġjonali, l-aktar fl-oqsma li ġejjin:

1) Ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (R&TD), l-innovazzjoni u l-imprenditorjat, inkluż it-tisħiħ tar-riċerka reġjonali u tal-ħiliet ta' żvilupp teknoloġiku, għajnuna lir-R&TD f'impriżi żgħar u medji (SMEs) u lit-trasferiment ta' teknoloġija, it-titjib ta' rabtiet bejn l-SMEs u l-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka u żvilupp, l-iżvilupp ta' networks u gruppi kummerċjali, appoġġ lid-dispożizzjoni ta' servizzi kummerċjali u teknoloġiċi biex l-SMEs jinġabru fi gruppi, it-tkattir ta' l-imprenditorjat u l-iffinanzjar ta' l-innovazzjoni għall-SMEs bi strumenti finanzjarji ġodda;

2) Soċjetà ta' tagħrif, inkluż l-iżvilupp ta' kontenut lokali, servizzi u applikazzjonijiet, titjib fl-aċċess għal u l-iżvilupp ta' servizzi pubbliċi fuq l-internet, għajnuna u servizzi lill-SMEs biex dawn jadottaw u jużaw b'mod effettiv it-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICTs);

3) L-ambjent, inklużi investimenti marbuta ma' l-immaniġġjar ta' l-iskart, il-provvisti ta' ilma, it-trattament tad-drenaġġ urban u l-kwalità ta' l-arja, il-prevenzjoni integrata u l-kontroll tat-tniġġiż, ir-rijabilitazzjoni ta' postijiet u art imniġġża, it-tmexxija 'l quddiem tal-bijodiversità u l-ħarsien tan-natura, għajnuna lill-SMEs biex dawn imexxu 'l quddiem mudelli ta' produzzjoni sostenibbli bid-dħul ta' sistemi tat-tmexxija ambjentali li jkunu ta' nfiq effettiv, u l-adozzjoni u l-użu ta' tekonoloġiji ta' prevenzjoni mit-tniġġiż;

4) Il-prevenzjoni tar-riskji, inklużi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' pjani ta' prevenzjoni biex jevitaw u jkunu jistgħu jilqgħu għal riskji naturali u teknoloġiċi;

5) It-turiżmu, inkluż it-tmexxija 'l quddiem ta' assi naturali u kulturali bħala potenzjal għall-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli, il-ħarsien u t-tisħiħ tal-wirt kulturali biex ikun appoġġjat l-iżvilupp ekonomiku, l-għajnuna biex titjieb il-provvista tas-servizzi tat-turiżmu b'servizzi ta' valur miżjud ogħla;

6) Investiment fit-trasport, inklużi networks trans-Ewropej u strateġiji integrati għall-ibliet kollha biex ikun hemm trasport urban nadif; dawn jgħinu biex jitjiebu l-aċċess u l-kwalità tas-servizzi tal-passiġġieri u l-oġġetti, biex tintlaħaq qasma modali aktar ibbilanċjata ħalli jitmexxew 'il quddiem sistemi intermodali u jitnaqqsu l-impatti ambjentali;

7) L-enerġija, inklużi networks trans-Ewropej, li jgħinu biex titjieb is-sigurtà tal-provvista, biex ikun komplut is-suq intern, u biex jintegraw kunsiderazzjonijiet ambjentali, it-titjib ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija u l-iżvilupp ta' enerġiji li jiġġeddu;

8) Investimenti fl-edukazzjoni li jgħinu biex jiżdiedu l-ġibda u l-kwalità tal-ħajja fir-reġjuni;

9) Is-saħħa, inklużi investimenti biex tkun żviluppata u mtejba d-dispożizzjoni tas-saħħa li tgħin fl-iżvilupp reġjonali u fil-kwalità tal-ħajja fir-reġjuni;

10) Għajnuna diretta għall-investiment fl-SMEs li twassal għall-ħolqien u s-salvagwardja ta' l-impjiegi.

Artikolu 5

Il-Kompetittività reġjonali u x-xogħol

Taħt l-għan tal-"Kompetittività reġjonali u x-xogħol", il-ERDF għandu jiffoka l-għajnuna tiegħu, fil-kuntest ta' strateġiji ta' żvilupp reġjonali sostenibbli, fuq dawn il-prijoritajiet li ġejjin:

1) l-innovazzjoni u l-ekonomija ta' l-għerf, b'appoġġ għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' innovazzjoni reġjonali li jwasslu għal sistemi effiċjenti ta' innovazzjoni reġjonali, u l-aktar:

a) it-tisħiħ tar-R&TD reġjonali u ħiliet ta' innovazzjoni li huma marbutin direttament ma' l-għanijiet ta' żvilupp ekonomiku reġjonali billi jkunu appoġġjati l-industrija jew ċentri ta' ħila tekonoloġika speċifika, billi jitmexxa 'l quddiem it-trasferiment tat-teknoloġija, u billi jkunu żviluppati tbassir teknoloġiku u livelli internazzjonali ta' politika biex titmexxa 'l quddiem l-innovazzjoni, u billi jkunu appoġġjati l-kollaborazzjoni ta' bejn l-impriżi u l-politika konġunta tar-R&TD u l-innovazzjoni;

b) li tkun stimulata l-innovazzjoni fl-SMEs billi jitmexxew 'il quddiem networks ta' kooperazzjoni bejn universitajiet u impriżi, billi jkunu appoġġjati networks ta' negozji u gruppi ta' SMEs u billi jkun imħaffef l-aċċess ta' l-SMEs għal servizzi ta' appoġġ avanzat tan-negozju, u billi tkun appoġġjata l-integrazzjoni ta' teknoloġiji aktar nodfa u ġodda fl-SMEs;

ċ) li jitmexxa 'l quddiem l-imprenditorjat billi titħaffef l-esplojtazzjoni ekonomika ta' ideat ġodda, u billi jitkattar il-ħolqien ta' ditti ġodda mill-universitajiet u d-ditti li hemm bħalissa;

d) il-ħolqien ta' strumenti finanzjarji ġodda u faċilitajiet ta' żvilupp li jwasslu għall-ħolqien jew l-espansjoni ta' impriżi b'għerf intensiv.

2) l-ambjent u l-prevenzjoni tar-riskju, u l-aktar:

a) li jkun stimulat l-investiment għar-riabilitazzjoni ta' siti u art imniġġża, u li jitmexxa 'l quddiem l-iżvilupp ta' infrastruttura li tkun marbuta mal-bijodiversità u Natura 2000 u li tkun tgħin fl-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u fid-diversifikazzjoni ta' inħawi rurali;

b) li jkunu stimulati l-effiċjenza ta' l-enerġija u l-produzzjoni ta' enerġija li tiġġedded;

ċ) li jitmexxa 'l quddiem trasport pubbliku urban li jkun nadif;

d) li jkunu żviluppati pjani u miżuri biex jevitaw u jilqgħu għal riskji naturali u teknoloġiċi.

3) l-aċċess, barra ċ-ċentri urbani ewlenin, għat-trasport u s-servizzi ta' telekomunikazzjoni ta' interess ekonomiku ġenerali, u l-aktar:

a) it-tisħiħ ta' networks sekondarji billi jitjiebu r-rabtiet man-networks tat-TEN-transport, ma' ċentri tal-ferroviji reġjonali, ajruporti u portijiet, jew ma' pjattaformi multimodali, billi jkunu pprovduti rabtiet radjali mal-linji tal-ferroviji ewlenin, u billi jitmexxew 'il quddiem il-passaġġi ta' l-ilma interni reġjonali u lokali;

b) li jitmexxa 'l quddiem l-aċċess għal u l-użu effiċjenti ta' l-ICT mill-SMEs billi jkunu appoġġjati l-aċċess għan-networks, it-twaqqif ta' punti ta' aċċess pubbliku għall-Internet, tagħmir, u l-iżvilupp ta' servizzi u applikazzjonijiet.

Artikolu 6

Il-Kooperazzjoni territorjali Ewropea

Taħt l-għan tal-"Kooperazzjoni territorjali Ewropea", il-ERDF se jikkonċentra l-għajnuna tiegħu fuq:

1) l-iżvilupp ta' ħidmiet ekonomiċi u soċjali inter-territorjali bi strateġiji konġunti għal żvilupp territorjali sostenibbli, u l-aktar:

a) billi jkun inkuraġġit l-imprenditorjat u, l-aktar, l-iżvilupp ta' l-SMEs, it-turiżmu, il-kultura, u l-kummerċ inter-territorjali;

b) billi jkunu inkuraġġiti l-ħarsien u t-tmexxija konġunta ta' l-ambjent;

ċ) billi jitnaqqas l-iżolament b'aċċess imtejjeb għat-trasport, għan-networks u servizzi ta' informazzjoni u komunikazzjoni, għall-ilma inter-territorjali, u għal sistemi ta' skart u enerġija; u

d) billi jkunu żviluppati kollaborazzjoni, ħila u użu konġunt ta' l-infrastrutturi l-aktar fl-oqsma tas-saħħa, il-kultura u l-edukazzjoni.

Barra minn hekk, il-ERDF jista' jgħin ukoll biex titmexxa 'l quddiem l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol inter-territorjali, inizjattivi lokali dwar ix-xogħol, opportunitajiet indaqs, it-taħriġ u l-inklużjoni soċjali, u l-qsim tar-riżorsi umani u tal-faċilitajiet għar-R&TD.

2) it-twaqqif u l-iżvilupp ta' kooperazzjoni transnazzjonali, inkluża kooperazzjoni bilaterali bejn reġjuni marittimi, b'iffinanzjar ta' networks u ta' azzjonijiet li jwasslu għal żvilupp territorjali integrat fuq il-prijoritajiet li ġejjin:

a) it-tmexxija ta' l-ilma, b'dimensjoni transnazzjonali ċara, inklużi l-ħarsien u t-tmexxija tal-baċini tax-xmajjar, żoni kostali, riżorsi tal-baħar, servizzi ta' l-ilma u artijiet mistagħdra;

b) li titjieb l-aċċessibbiltà, inklużi l-investimenti f'taqsimiet inter-territorjali tan-networks trans-Ewropej, l-aċċess lokali u reġjonali imtejjeb għal networks u pjattaformi nazzjonali u transnazzjonali, l-interoperabbiltà msaħħa tas-sistemi nazzjonali u reġjonali, u t-tmexxija 'l quddiem ta' tekonoloġiji avanzati ta' komunikazzjoni u informazzjoni;

ċ) il-prevenzjoni tar-riskju, inklużi t-tmexxija 'l quddiem tas-sigurtà marittima u l-ħarsien kontra l-għargħar, it-tniġġiż tal-baħar u l-ilmijiet ta' ġewwa, il-prevenzjoni ta' u l-ħarsien kontra l-erożjoni, terremoti u valangi. Il-programmi jistgħu jinkludu d-dispożizzjoni u l-iżvilupp ta' infrastruttura, li tfassal u timplimenta pjani ta' għajnuna transnazzjonali, sistemi ta' kif jiġu organizzati riskji komuni, u l-iżvilupp ta' strumenti komuni biex ikunu studjati, evitati, immonitorjati u kkontrollati riskji naturali u teknoloġiċi;

d) il-ħolqien ta' networks xjentifiċi u teknoloġiċi marbuta ma' punti li għandhom x'jaqsmu ma' l-iżvilupp ibbilanċjat ta' oqsma transnazzjonali, inklużi t-twaqqif ta' networks bejn universitajiet u rabtiet biex wieħed ikollu aċċess għall-għerf xjentifiku u għat-trasferiment teknoloġiku bejn faċilitajiet ta' R&TD u ċentri internazzjonali ta' eċċellenza ta' R&TD, l-iżvilupp ta' konsorzja transnazzjonali għall-qsim tar-riżorsi tar-R&TD, il-ġemellaġġ bejn l-istituzzjonijiet tat-trasferiment tekonoloġiku, u l-iżvilupp ta' strumenti ta' inġinerija finanzjarja konġunti maħsuba biex jappoġġjaw ir-R&TD fl-SMEs.

3) it-tisħiħ ta' l-effettività tal-politika reġjonali billi jitmexxew 'il quddiem networking u bdil ta' esperjenzi bejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali li jkunu qed jiffukaw fuq is-suġġetti msemmija taħt l-Artikolu 5(1) u (2) u l-Artikolu 8. Dan jinkludi programmi ta' networks ta' kooperazzjoni li jkopru l-Komunità kollha u azzjonijiet li jinvolvu studji, ġbir ta' data, u osservazzjoni u stħarriġ tax-xejriet ta' l-iżvilupp fil-Komunità.

Artikolu 7

Ir-Regoli ta' l-eliġibbiltà tan-nefqa

In-nefqa li ġejja mhix eliġibbli għall-għajnuna mill-ERDF:

a) il-VAT;

b) l-interess fuq id-dejn;

ċ) ix-xiri ta' art għal ammont li jkun aktar minn 10% tan-nefqa eliġibbli kollha għall-operat ikkoċernat;

d) l-akkomodazzjoni tad-djar;

e) it-tneħħija ta' ċentri ta' l-enerġija nukleari.

KAPITOLU IIDISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI FUQ IT-TRATTAMENT TA' KARATTERISITIĊI TERRITORJALI SPEĊJALI

Artikolu 8

Id-Dimensjoni urbana

Fil-każ ta' azzjoni li tkun tinvolvi r-riġenerazzjoni urbana kif hemm imsemmi fl-Artikolu 25(4) a) u 36(4) b) tar-Regolament (KE) Nru (...), il-ERDF għandu jappoġġja l-iżvilupp ta' strateġiji parteċipattivi u integrati biex tkun ittrattata l-konċentrazzjoni għolja ta' problemi ekonomiċi, ambjentali u soċjali li jkunu jolqtu l-agglomerazzjonijiet urbani.

Din tista' tgħaqqad ir-riabilitazzjoni ta' l-ambjent fiżiku, l-iżvilupp mill-ġdid ta' żoni urbani ftit li xejn użati, u l-preservazzjoni u l-iżvilupp tal-wirt storiku u kulturali ma' miżuri li jmexxu 'l quddiem l-imprenditorjat, ix-xogħol lokali u l-iżvilupp komunitarju, kif ukoll id-dispożizzjoni ta' servizzi għall-popolazzjoni waqt li jitqiesu l-istrutturi demografiċi li qed jinbidlu.

B'deroga mill-Artikolu 33(2) tar-Regolament (KE) Nru (...), l-iffinanzjar ta' l-ERDF għal miżuri taħt l-għan tal-"Kompetittività reġjonali u x-xogħol" li jaqgħu fl-għan tar-Regolament (KE) Nru (...) fuq il-Fond Soċjali Ewropew għandu jitla' għal 10% tal-prijorità kkonċernata.

Artikolu 9

Inħawi rurali u oħrajn li jiddependu fuq is-sajd

L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jiżguraw il-kumplementarjetà u l-konsistenza bejn il-miżuri ko-finanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) skond ir-Regolament (KE) Nru (...) u dawk ko-finanzjati mill-Fond Ewropew għas-Sajd (EFF) skond ir-Regolament (KE) Nru (...), min-naħa waħda, u l-programmi ko-finanzjati mill-ERDF, min-naħa l-oħra.

L-intervent ta' l-ERDF f'inħawi rurali u f'inħawi li jiddependu mis-sajd għandu jikkonċentra fuq id-diversifikazzjoni ekonomika ta' dawn l-oqsma, fosthom:

1) l-infrastruttura biex titjieb l-aċċessibbiltà;

2) it-tħaffif ta' l-iżvilupp ta' networks ta' telekomunikazzjoni u servizzi f'inħawi rurali;

3) l-iżvilupp ta' ħidmiet ekonomiċi ġodda barra l-oqsma ta' l-agrikoltura u s-sajd;

4) it-tisħiħ tar-rabtiet bejn inħawi urbani u rurali;

5) l-iżvilupp tat-turiżmu u tal-kumditajiet rurali.

L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jiżguraw il-kumplementarjetà u l-koerenza bejn l-azzjonijiet ko-finanzjati mill-EAFRD u dawk ko-finanzjati mill-EFF min-naħa waħda, u l-azzjonijiet ko-finanzjati mill-ERDF min-naħa l-oħra. Għal dan il-għan, għall-azzjonijiet taħt il-punti 1), 3) u 5) l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu meta se jħejju l-kriterji ta' demarkazzjoni ċara tal-programmi ta' l-operat għall-azzjonijiet li għandhom ikunu appoġġjati mill-ERDF bis-saħħa ta' dan l-Artikolu, min-naħa waħda, jew mill-EAFRD bis-saħħa ta' l-Artikolu 49(1), a), b) u i) tar-Regolament (KE) Nru (...) għall-inħawi rurali, jew mill-EFF bis-saħħa ta' l-Artikolu (...) tar-Regolament (KE) Nru (...) għall-inħawi li jiddependu fuq is-sajd.

Artikolu 10

Inħawi bi żvantaġġi naturali

Il-programmi reġjonali ko-finanzjati mill-ERDF li jkopru nħawi bi żvantaġġi naturali kif hemm imsemmi fl-Artikolu 52(1) b) tar-Regolament (KE) Nru (...) għandhom jagħtu attenzjoni speċjali biex ikunu indirizzati d-diffikultajiet speċifiċi ta' dawk l-inħawi.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 3 u 4, il-ERDF għandu jgħin b'mod partikulari fl-iffinanzjar ta' investimenti maħsuba biex itejbu l-aċċessibbiltà, imexxu 'l quddiem u jiżviluppaw ħidmiet ekonomiċi marbuta mal-wirt kulturali, imexxu 'l quddiem l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, u li jistimulaw il-qasam tat-turiżmu.

Artikolu 11

Ir-Reġjuni l-aktar imbiegħda

Skond l-allokazzjoni addizzjonali msemmija fl-Artikolu 16(1) d) tar-Regolament (KE) Nru (...) u b'deroga mill-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament, il-ERDF għandu jiffinanzja l-għajnuna ta' l-operat fl-iktar reġjuni mbiegħda biex jittaffew l-ispejjeż żejda li jkunu saru fl-oqsma koperti bl-Artikolu 4 u fl-oqsma addizzjonali li ġejjin, ħlief għall-prodotti li jaqgħu fl-Anness I għat-Trattat:

a) appoġġ għas-servizzi ta' ġarr ta' oġġetti u għajnuna tal-bidu għal servizzi tat-trasport;

b) appoġġ marbut ma' restrizzjonijiet ta' ħażna, il-qies eċċessiv u ż-żamma ta' l-għodod tal-produzzjoni, u n-nuqqas tal-kapital uman fuq is-suq tax-xogħol lokali.

KAPITOLU IIIDISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR L-GĦAN TAL-"KOOPERAZZJONI TERRITORJALI EWROPEA"

TAQSIMA 1IL-PROGRAMMI TA' L-OPERAT

Artikolu 12

Il-Kontenut

Kull programm ta' l-operat taħt l-għan tal-"Kooperazzjoni territorjali Ewropea" għandu jkun fih dan it-tagħrif li ġej:

1) stħarriġ fuq is-sitwazzjoni tal-qasam ta' kooperazzjoni f'termini tas-saħħiet u d-dgħufijiet tiegħu, u l-istrateġija adottata biex dan ikun ittrattat;

2) ġustifikazzjoni tal-prijoritajiet magħżula fid-dawl tal-linjigwidi strateġiċi tal-Komunità u l-prijoritajiet li jirriżultaw għall-programm ta' l-operat, kif ukoll l-impatt mistenni mill-mod kif joħroġ mill-valutazzjoni ex ante msemmija fl-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru (...);

3) it-tagħrif fuq il-prijoritajiet ma' l-għanijiet speċifiċi tagħhom. Dawk l-għanijiet għandhom ikunu kkwantifikati bl-użu ta' numru limitat ta' indikaturi għall-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-impatt. L-indikaturi għandhom jagħmluha possibbli biex ikunu jistgħu jitkejlu l-progress u l-effettività ta' l-għanijiet li jimplimentaw il-prijoritajiet;

4) tqassim ta' l-isferi ta' għajnuna skond il-kategorija, skond ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru (...);

5) pjan finanzjarju wieħed, bla ebda tqassim skond l-Istat Membru, li jkun fih żewġ tabelli:

a) tabella li taqsam għal kull sena, skond l-Artikoli 50 sa 53 tar-Regolament (KE) Nru (...), l-ammont ta' l-allokazzjoni finanzjarja sħiħa mill-ERDF. Il-kontribuzzjoni sħiħa ta' l-ERDF mogħtija għal kull sena għandha tkun kumpatibbli mal-perspettiva finanzjarja rilevanti;

b) tabella li tispeċifika, għall-perjodu kollu ta' pprogrammar u għal kull prijorità, l-ammont ta' l-allokazzjoni finanzjarja sħiħa mill-Komunità u ta' l-iffinanzjar pubbliku nazzjonali li jaqbel, u r-rata ta' l-għajnuna ta' l-ERDF;

6) id-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni għall-programm ta' l-operat:

a) il-ħatra mill-Istat Membru ta' l-entitajiet kollha stipulati fl-Artikolu 14;

b) deskrizzjoni tas-sistemi tal-monitoraġġ u valutazzjoni kif ukoll il-kompożizzjoni tal-kumitat tal-monitoraġġ;

ċ) definizzjoni tal-proċeduri għall-mobilizzazzjoni u ċ-ċirkulazzjoni ta' l-andamenti finanzjarji biex tkun żgurata t-trasparenza tagħhom;

d) id-dispożizzjonijiet stabbiliti biex tkun żgurata l-pubbliċità tal-programm ta' l-operat;

e) deskrizzjoni tal-proċeduri miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru għall-bdil ta' data kompjuterizzata biex jintlaħqu l-kriterji tal-ħlas, tal-monitoraġġ u l-valutazzjoni stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru (...);

7) lista indikattiva ta' proġetti maġġuri fit-tifsira ta' l-Artikolu 38 tar-Regolament (KE) Nru (...) ippjanata li tintbagħat matul il-perjodu ta' pprogrammar.

TAQSIMA 2L-ELIġIBBILTÀ

Artikolu 13

Ir-Regoli fuq l-eliġibbiltà tan-nefqa

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru (...), il-Kummissjoni tista' tipproponi li jkun hemm regoli fuq l-eliġibbiltà għal ċerti kategoriji ta' nefqa li jibdlu lil dawk nazzjonali wara li tkun saret talba mill-Istati Membri. Dawn ir-regoli tal-Komunità fuq l-eliġibbiltà tan-nefqa huma adottati f'regolament tal-Kummissjoni skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 104(3) tar-Regolament (KE) Nru (...).

TAQSIMA 3IT-TMEXXIJA, IL-MONITORAġġ U L-KONTROLL

Artikolu 14

Il-Ħatra ta' l-awtoritajiet

L-Istati Membri li jieħdu sehem fi programm ta' l-operat għandhom jaħtru awtorità tat-tmexxija waħda, awtorità taċ-ċertifikazzjoni waħda u awtorità ta' l-awditjar waħda. Dawn iridu jkunu jinsabu fl-Istat Membru ta' l-awtorità tat-tmexxija. L-awtorità taċ-ċertifikazzjoni għandha tirċievi l-ħlas magħmul mill-Kummissjoni u, bħala regola ġenerali, għandha tagħmel il-pagamenti lill-benefiċjarju ewlieni.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu segretarjat tekniku konġunt, li għandu jkollu postu fl-awtorità tat-tmexxija. Dan għandu jgħin lill-awtorità tat-tmexxija u lill-kumitat tal-monitoraġġ biex dan iwettaq l-obbligi rispettivi tiegħu.

L-awtorità ta' l-awditjar tal-programm ta' l-operat għandha tkun megħjuna minn grupp ta' awdituri biex din tkun tista' twettaq l-obbligi tagħha li hemm fl-Artikolu 61 tar-Regolament (KE) Nru (...). Dan il-grupp għandu jkun stabbilit mill-Istati Membri li jieħdu sehem fi programm ta' l-operat. Dan għandu jkun jinkludi fih rappreżentant ta' entità ta' l-awditjar maħtura minn kull Stat Membru li jkun qed jieħu sehem fil-programm ta' l-operat. Kull grupp ta' awdituri għandu jkun stabbilit sa mhux iktar minn tliet xhur minn mindu tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tapprova l-programm ta' l-operat. Dan għandu jfassal ir-regoli tal-proċedura tiegħu. Dan għandu jitmexxa mill-awtorità ta' l-awditjar tal-programm ta' l-operat.

Ir-rapport ta' l-aħħar ta' l-awtorità ta' l-awditjar għall-programm ta' l-operat msemmi fl-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru (...) għandu jiġi approvat mill-grupp ta' l-awdituri.

Kull Stat Membru li jkun qed jieħu sehem fil-programm ta' l-operat għandu jaħtar rappreżentanti biex ipoġġu fuq il-kumitat tal-monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 64 tar-Regolament (KE) Nru (...).

Artikolu 15

Il-Funzjoni ta' l-awtorità tat-tmexxija

L-awtorità tat-tmexxija għandha twettaq l-obbligi pprovduti fl-Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru (...), ħlief għal dawk li jikkonċernaw ir-regolarità ta' l-operati u n-nefqa f'rabta mar-regoli nazzjonali u tal-Komunità. F'din ir-rabta, ir-responsabbiltajiet tagħha għandhom ikunu limitati biex ikun ivverifikat jekk in-nefqa ta' kull benefiċjarju li jkun qed jieħu sehem f'operat tkunx ġiet validata mill-awditur approvat.

Artikolu 16

Is-Sistema tal-kontroll

Biex tkun validata n-nefqa pprovduta fl-Artikolu 21, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema ta' awditjar fejn jagħmilha possibbli li ssir verifika fuq it-twassil tal-prodotti u s-servizzi ko-finanzjati, il-korrettezza tan-nefqa ddikjarata għall-operati jew partijiet mill-operati li jkunu ġew implimentati fit-territorju tiegħu, u l-konformità ta' din in-nefqa u ta' operati relatati, jew ta' partijiet ta' dawk l-operati, mar-regoli tal-Komunità u dawk nazzjonali. Fejn il-verifika fuq it-twassil ta' prodotti u servizzi ko-finanzjati għandha ssir biss fejn ikollu x'jaqsam operat sħiħ, din il-verifika għandha ssir mill-awditur tal-benefiċjarju ewlieni jew mill-awtorità tat-tmexxija.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li nefqa tkun tista' tiġi validata mill-awdituri approvati fi żmien xahrejn.

Artikolu 17

It-Tmexxija finanzjarja

L-għajnuna ta' l-ERDF għandha titħallas f'kont wieħed mingħajr ma jkun hemm sotto-kontijiet nazzjonali.

Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta' l-Istati Membri biex dawn ifittxu u jsewwu irregolaritajiet u biex iroddu lura dawk l-ammonti ta' flus li ma jkunux tħallsu kif xieraq, l-awtorità taċ-ċertifikazzjoni għandha tirkupra mingħand il-benefiċjarju ewlieni kull ammont imħallas bħala riżultat ta' irregolarità. Il-benefiċjarji għandhom iħallsu lura lill-benefiċjarju ewlieni l-ammonti mħallsa bi żball, skond il-ftehim li jkun jeżisti bejniethom.

Jekk il-benefiċjarju ewlieni ma jirnexxilux jikseb lura dawk l-ammonti mill-benefiċjarji, l-Istati Membri li fihom ikun jinsab il-benefiċjarju rilevanti għandhom iħallsu lura lill-awtorità taċ-ċertifikazzjoni l-ammont ta' flus li jkun tħallas bi żball lil dak il-benefiċjarju.

Artikolu 18

L-Organizzazzjoni Ewropea tal-kooperazzjoni inter-territorjali

L-Istati Membri li jkunu qed jieħdu sehem fi programm ta' l-operat taħt l-għan tal-"Kooperazzjoni territorjali Ewropea" jistgħu jagħmlu użu mill-istrument legali fuq il-kooperazzjoni, stabbilit bir-Regolament (KE) Nru (...), bil-ħsieb li kull Stat Membru jkun jista' jsir responsabbli mit-tmexxija tal-programm ta' l-operat billi dan jingħata r-responsabbiltajiet ta' l-awtorità tat-tmexxija u tas-segretarjat tekniku konġunt. F'dan il-kuntest, kull Stat Membru għandu jkompli jassumi r-responsabbiltà finanzjarja.

TAQSIMA 4L-OPERAT

Artikolu 19

L-Għażla ta' l-operat

L-azzjonijiet magħżula għall-programmi ta' l-operat biex jiżviluppaw ħidmiet ekonomiċi u soċjali inter-territorjali kif hemm imsemmi fl-Artikolu 6(1), u għall-programmi ta' l-operat maħsuba biex iwaqqfu u jiżviluppaw kooperazzjoni transnazzjonali kif hemm imsemmi fl-Artikolu 6(2), għandhom jinkludu benefiċjarji minn mill-inqas żewġ pajjiżi, li għandhom jikkooperaw f'mill-inqas tnejn mill-modi li ġejjin għal kull operat: l-iżvilupp konġunt, l-implimentazzjoni konġunta, il- forniment ta' staff konġunt, u l-iffinanzjar konġunt.

Madankollu, l-azzjonijiet magħżula għall-programmi ta' l-operat maħsuba biex iwaqqfu u jiżviluppaw kooperazzjoni transnazzjonali jistgħu jiġu implimentati fi Stat Membru wieħed, sakemm dawn ikunu ġew ippreżentati minn entitajiet li jkunu jappartjenu għal mill-inqas żewġ Stati Membri.

L-azzjonijiet magħżula għall-programmi ta' l-operat li jinvolvu networks ta' kooperazzjoni u bdil ta' esperjenza, kif hemm imsemmi fl-Artikolu 6(3), għandhom jinkludu mill-inqas tliet benefiċjarji minn mill-inqas tliet reġjuni ta' mill-inqas żewġ Stati Membri, li għandhom jikkooperaw flimkien fil-modi li ġejjin għal kull operat: l-iżvilupp konġunt, l-implimentazzjoni konġunta, il-forniment ta' staff konġunt u l-iffinanzjar konġunt.

F'żieda mal-ħidmiet msemmija fl-Artikolu 64 tar-Regolament (KE) Nru (...), il-kumitat tal-monitoraġġ għandu jkun responsabbli mill-għażla ta' l-operat.

Artikolu 20

Ir-Responsabbiltà tal-benefiċjarju ewlieni

Għal kull operat għandu jinħatar benefiċjarju ewlieni. Dan għandu jassumi r-responsabbiltajiet li ġejjin:

a) dan għandu jistabbilixxi l-arranġamenti dwar ir-relazzjonijiet tiegħu mal-benefiċjarji li jkunu qed jieħdu sehem fl-operat fi ftehim li jkun jinkludi, inter alia, dispożizzjonijiet li jiggrantixxu t-tmexxija finanzjarja tajba tal-fondi allokali lill-operat, inklużi l-arranġamenti għall-irkupru ta' ammonti ta' flus li ma jkunux tħallsu kif xieraq.

b) dan għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta' l-operat kollu;

ċ) dan għandu jiżgura li n-nefqa ppreżentata mill-benefiċjarji li jkunu qed jieħdu sehem fl-operat ikunu tħallsu biex jimplimentaw l-operat u li din tkun tikkorrispondi mal-ħidmiet miftiehma bejn il-benefiċjarji li jkunu qed jieħdu sehem fl-operat;

d) dan għandu jivverifika li n-nefqa ppreżentata mill-benefiċjarji li jkunu qed jieħdu sehem fl-operat tkun ġiet validata mill-awdituri msemmija fl-Artikolu 14(2);

e) dan għandu jkun responsabbli biex jittrasferixxi l-għajnuna ta' l-ERDF lill-benefiċjarji li jkunu qed jieħdu sehem fl-operat.

L-awtorità tat-tmexxija għandha tistabbilixxi l-arranġamenti ta' implimentazzjoni għal kull operat, bi ftehim mal-benefiċjarju ewlieni.

Artikolu 21

Iċ-Ċertifikazzjoni tan-nefqa

Il-legalità u r-regolarità tan-nefqa ddikjarata minn kull benefiċjarju li jkun qed jieħu sehem fl-operat għandhom jiġu validati mill-awdituri approvati msemmija fl-Artikolu 14(2). Kull benefiċjarju li jkun qed jieħu sehem fl-operat għandu jassumi r-responsabbiltà fil-każ ta' kull irregolarità fin-nefqa li dan ikun iddikjara.

Artikolu 22

Kundizzjonijiet speċjali li jikkontrollaw il-post ta' l-operat

Fil-kuntest tal-kooperazzjoni inter-territorjali, f'każijiet li jkunu ġġustifikati, l-iffinanzjar sa 20% tal-baġit għall-programm ta' l-operat ikkonċernat jista' jingħata għal operati li jseħħu f'inħawi li huma tal-livell NUTS III li jkunu biswit dawk msemmija fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru (...).

Fil-kuntest tal-kooperazzjoni transnazzjonali, f'każijiet li jkunu ġġustifikati, l-iffinanzjar sa 20% tal-baġit għall-programm ta' l-operat rilevanti jista' jingħata għal operati li jinkludu msieħba barra ż-żona.

Fil-kuntest tal-kooperazzjoni inter-territorjali u transnazzjonali, il-ERDF jista' jiffinanzja n-nefqa li tkun saret biex jiġi implimentat operat jew partijiet minn operat fit-territorju tal-pajjiżi barra l-Komunità Ewropea. Dan l-iffinanzjar għandu jlaħħaq sa 10% ta' l-ammont ta' l-għajnuna tiegħu għall-programm ta' l-operat, fejn dan ikun ta' ġid għar-reġjuni tal-Komunità.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-legalità u r-regolarità ta' dan l-infiq.

KAPITOLU IVDISPOŻIZZJONIJIET TA' L-AĦĦAR

Artikolu 23

Dispożizzjonijiet transitorji

Dan ir-Regolament għandu jaffettwa la l-implimentazzjoni ssuktata u lanqas il-modifikazzjoni, inkluż il-kanċellazzjoni sħiħa jew parzjali, ta' miżuri li ġew approvati mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1783/99, li kienu jgħoddu qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

L-applikazzjonijiet li jkunu saru taħt ir-Regolament (KEE) Nru 1783/99 għandhom jibqgħu validi.

Artikolu 24

It-Tħassir

Ir-Regolament (KE) Nru 1783/99 qed jitħassar b'effett mill-(...).

Ir-referenzi għar-Regolament (KE) Nru 1783/99 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 25

Il-Klawsola tar-reviżjoni

Fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrevedu dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2013.

Artikolu 26

Id-Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan għandu jkun jgħodd mill-1 ta' Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jgħodd direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, [...].

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

[...][...]

[1] ĠU C [...], [...], p. [...].

[2] ĠU C [...], [...], p. [...].

[3] ĠU C [...], [...], p. [...].

[4] ĠU L [...], [...], p. [...].

[5] ĠU L 161, 26.6.1999, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att tas-Sħubija ta' l-2003.

[6] ĠU L [...], [...], p. [...].

[7] ĠU L [...], [...], p. [...].

[8] ĠU L 213, it-13.8.1999, p. 1.

Top