EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52004DC0723

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - L-Ekonomija ta’ l-UE: Analiżi ta’ l-2004 – Sommarju u konklużjonijiet ewlenin – {SEG(2004) 1368}

/* KUMM/2004/0723 finali */

52004DC0723

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - L-Ekonomija ta’ l-UE: Analiżi ta’ l-2004 – Sommarju u konklużjonijiet ewlenin – {SEG(2004) 1368} /* KUMM/2004/0723 finali */


Brussel 26.10.2004

KUMM(2004) 723 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI

L-Ekonomija ta’ l-UE: Analiżi ta’ l-2004– Sommarju u konklużjonijiet ewlenin –{SEG(2004) 1368}

[pic] |

1. INTRODUZZJONI |

It-tkabbir ta’ l-Unjoni fl-1 ta' Mejju 2004 jimmarka kisba storika. Filwaqt li l-proċess ta’ integrazzjoni ekonomika fl-Istati Membri l-ġodda beda matul il-fażi pre-adeżjonali, dan issaħħaħ permezz tad-dħul tagħhom fl-UE. Dan se jimplika sfidi, iżda fuq kollox opportunitajiet, kemm għall-UE-15 l-antika kif ukoll għall-UE-25. |

It-tkabbir u l-analiżi intermedjarja ta’ l-Istrateġija ta’ Lisbona tefgħu l-attenzjoni prinċipali fuq il-kwistjonijiet ekonomiċi ewlenin ta' l-Aġenda ta' Lisbona | Fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2004, grupp ta’ livell għoli ppresedut minn Wim Kok intalab iwettaq analiżi indipendenti biex jikkontribwixxi għall-analiżi intermedjarja ta’ l-Istrateġija ta’ Lisbona li se ssir dalwaqt. Din qabel xejn se sservi ta’ opportunità biex jittieħdu tagħlimiet mill-esperjenza miksuba sa issa, u biex issaħħaħ l-istrateġija politika u l-istrumenti biex tintlaħaq l-ambizzjoni strateġika għal dan id-deċennju kif miftiehma mill-Kunsill Ewropew f’Lisbona f’Marzu 2000. L-analiżi intermedjarja li jmiss kienet ukoll fattur determinanti wara l-ħsieb ta' l-edizzjoni ta' l-2004 ta' l-Analiżi Ekonomika ta' l-UE. L-Analiżi tibda b’kapitolu dwar l-iżviluppi makroekonomiċi u politiċi riċenti fiż-żona euro u mbagħad tkompli billi tanalizza erba’ suġġetti speċifiċi li ntgħażlu minħabba l-importanza ċentrali tagħhom għall-Aġenda ta’ Lisbona: il-konverġenza, l-impjiegi, il-produttività u l-ambjent. Il-kapitolu finali jiddiskuti kwistjonijiet topiċi fis-sorveljanza ekonomika. |

2. ŻVILUPPI EKONOMIċI: L-IRKUPRU MDEWWEM IQAJJEM MISTOQSIJIET DWAR IR-RIKUPERATTIVITÀ |

Wara tliet snin ta’ tkabbir baxx, l-ekonomija taż-żona euro issa qiegħda tirkupra | Fl-2004, il-prospetti ekonomiċi tjiebu fl-isfond ta’ ambjent ekonomiku internazzjonali favorevoli. It-tkabbir kien imbuttat prinċipalment b'esportazzjoni b'saħħitha, filwaqt li d-domanda domestika fiż-żona euro qabdet ritmu kajman iżda regolari. Madankollu, il-kontribut lejn it-tkabbir tal-konsum u l-investiment privat, li huma ż-żewġ komponenti ewlenin tad-domanda domestika, baqa’ instabbli wisq biex wieħed jitkellem fuq irkupru verament fiż-żgur. Ftit hemm evidenza biex issosstni l-argument li d-domanda baxxa fis-snin riċenti tista’ tiġi attribwita għal politiki makroekonomiċi. Il-kundizzjonijiet monetarji baqgħu akkomodattivi, b’rati ta’ interess storikament baxxi fuq terminu ta’ żmien qasir u twil, u l-politika fiskali kienet ikkaratterizzata bl-impatt li jtaffi ta’ l-istabbilizzaturi awtomatiċi. It-taħlita ta’ politiki b’hekk ipprovdiet ambjent makroekonomiku sod li kapaċi jwassal biex id-domanda domestika terġa’ tieħu r-ruħ. |

L-irkupru mdewwem u bil-mod ħafna jiġbed l-attenzjoni lejn ir-rikuperattività ekonomika taż-żona | Il-qawmien mill-ġdid ta’ l-ekonomija ta’ l-UE kien relattivament imdewwem u bil-mod ħafna meta imqabbel ma’ ekomomiji ewlenin oħrajn. Dan qajjem mistoqsijiet dwar ir-rikuperattività ekonomika taż-żona euro u b’mod aktar speċifiku dwar jekk iż-żona euro hix aktar sensittiva minn reġjuni oħrajn għal disturbi ekonomiċi negattivi, jew jekk l-istrutturi ekonomiċi tagħha humiex anqas favorevoli għall-qawmien ekonomiku mill-ġdid. L-analiżi turi li, għalkemm avvenimenti ekonomiċi negattivi kellhom impatt fuq l-indikaturi tal-konfidenza ekonomika, l-effett tagħhom fuq il-produzzjoni industrijali kienu temporanji u mhux partikolarment profondi. Iżda, donnu jidher li r-riġiditajiet strutturali kienu fattur aktar sinifikanti fl-aġġustament ċikliku mdewwem u bil-mod ħafna fiż-żona euro. Simulazzjonijiet jagħtu x’wieħed jifhem li r-riġiditajiet strutturali għandhom impatt prinċipalment fuq l-attività ta’ l-investiment. Għalhekk, il-veloċità tar-ritorn lejn produzzjoni potenzjali se jkun iddeterminat minn kemm dawn ir-riġiditajiet se jkomplu jgħafsu fuq l-investiment dment li l-impatt ċikliku ta’ nuqqas ta’ domanda fuq naħa waħda u l-limitazzjonijiet finanzjarji li żammu lura t-tkabbir ta’ l-investiment fuq in-naħa l-oħra jispiċċa. Ir-riġiditajiet tal-pagi u l-kompetizzjoni imperfetta, b’mod partikolari fl-ekonomija tas-servizzi, huma fost ir-raġunijiet ewlenin ta' prezzijiet diffiċli fiż-żona euro. Il-prezzijiet relattivi ma jaġġustawx malajr fiż-żona euro, b'implikazzjoni li hemm il-ħtieġa ta' aġġustamenti li aktar jiswew flus fl-għamla ta’ tnaqqis fil-produzzjoni u għalhekk fl-impjiegi. Jista’ jkun ukoll li n-nuqqas ta’ determinazzjoni fl-indirizzar tal-konsolidazzjoni baġitarja, fir-riformi strutturali u r-riformi tal-pensjonijiet żied l-inċertezza u b’hekk effettwa ħażin il-kunfidenza u l-infiq tal-konsumaturi. Ir-riżoluzzjoni bil-qawwa ta' dawn il-kwistjonijiet politiċi pendenti tista’ potenzjalment issostni l-konsum matul il-perjodu ta’ titjib. |

3. IS-SISIEN EKONOMIċI TA’ L-ISTRATEġIJA TA’ LISBONA |

Ħarsa aktar mill-qrib lejn l-ekonomiji ta’ konverġenza, il-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol, il-produttività, u l-ambjent | Fil-Kunsill Ewropew ta’ Lisbona f’Marzu 2000, il-Kapijiet ta’ l-Istati jew Gvernijiet stqarrew l-ambizzjoni tagħhom li jagħmlu l-Ewropa “l-aktar ekonomija kompetittiva u dinamika bbażata fuq it-tagħrif fid-dinja, kapaċi għal tkabbir ekonomiku sostenibbli b’aktar impjiegi u ta’ natura aħjar u koeżjoni soċjali akbar.” Bħala kontribut lejn il-preparazzjoni ta’ l-analiżi intermedjarja li jmiss ta' l-Istrateġija ta' Lisbona, l-analiżi Ekonomika ta' l-UE ta’ l-2004 tikkonċentra fuq is-sisien ekonomiċi ta’ l-Istrateġija f’erba’ oqsma. L-ewwel nett, fir-rigward tal-koeżjoni, issir analiżi tal-prospetti għat-tkabbir ta’ tlaħħiq ekonomiku u konverġenza fl-Istati Membri l-ġodda. It-tieni nett, l-ekonomiji tal-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol huma analizzati fid-dettal. L-evalwazzjoni fl-analiżi ta' l-iżviluppi tal-produttività tas-sena l-oħra hi estiża, b'referenza partikolari għar-rwol li għandhom it-Teknoloġiji ta' l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) u r-riforma fis-suq tal-prodotti. Ir-raba’ kapitolu jħares lejn ir-rabta bejn l-ambjent u t-tkabbir ekonomiku, u l-aħħar kapitolu jevalwa suġġetti magħżula fis-sorveljanza ekonomika. |

3.1. Tkabbir ta’ tlaħħiq ekonomiku u konverġenza fl-Istati Membri l-ġodda |

It-tkabbir ġab il-kwistjoni tal-koeżjoni fuq quddiem | Billi l-Istati Membri l-ġodda għandhom livelli ta’ dħul sinifikament aktar baxxi mill-medja ta’ l-UE, jidher pertinenti hawnhekk li jiġu identifikati s-sullevaturi politiċi ewlenin li jistimolaw proċess sostnut ta’ tlaħħiq ekonomiku. Madankollu, l-esperjenza ta’ l-imgħoddi ta’ l-UE tissuġerixxi li l-konverġenza tad-dħul tal-flus mhix neċessarjament proċess rapidu, kontinwu jew awtomatiku. Aktar minn hekk, fl-ewwel stadji ta’ tlaħħiq ekonomiku, it-tkabbir għandu t-tendenza li jissaħħaħ l-ewwel fiż-żoni urbani aktar milli f’dawk rurali, sabiex l-inugwaljanzi tad-dħul reġjonali jistgħu inizjalment jiżdiedu hekk kif ir-rata ta’ tkabbir nazzjonali żżid il-pass. |

It-tkabbir fl-Istati Membri l-ġodda mbuttat mit-tkabbir ta' l-investiment u l-produttività | L-Istati l-Membri l-ġodda bdew il-proċess twil ta’ tlaħħiq ekonomiku ferm qabel l-adeżjoni tagħhom, fil-fażi ta' transizzjoni tal-bidu tad-disgħinijiet – anke jekk b’pass moderat biss fil-biċċa l-kbira tal-każi. Dan il-proċess ta’ konverġenza ekonomika s'issa kien imbuttat interament mill-investiment u l-fattur ta’ produttività totali (TFP). L-isfida se tkun li dan il-proċess jitwessa’ billi jiddaħlu riżorsi tax-xogħol li mhumiex utilizzati biżżejjed, biex b’hekk jiżdiedu r-rati ta’ impjiegi kemmxejn baxxi f’bosta mill-Istati Membri l-ġodda, u billi kull ma jmur jiġi mmobbilizzat aktar tfaddil domestiku biex jikkomplimenta l-investiment dirett barrani, li sa issa kellu rwol ewlieni. |

Avviċinament politiku komprensiv huwa meħtieġ biex jistimola t-tlaħħiq ekonomiku | Mistoqsija importanti hija kif il-politika tista’ tgħin biex tistimola tkabbir aktar b’saħħtu u b’bażi aktar wiesgħa. Il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ diġà kkontribwiet b’mod sinifikattiv lejn it-tkabbir sa minn kmieni fid-disgħinijiet. Priorità ewlenija se tkun li titkompla titpoġġa fis-sod l-istabbilità makroekonomika, b’defiċits li għadhom għoljin wisq fil-biċċa l-kbira tal-każi u b’inflazzjoni li baqgħet pjuttost għolja u varjabbli f’xi Stati Membri. Ir-riforma istituzzjonali hija importanti wkoll fis-sostenn tal-konverġenza, u issa li l-prospett ta’ adeżjoni ma’ l-UE ma jistax jaġixxi aktar bħala ankra esterna, li tgħin biex tikkatalizza l-appoġġ politiku għall-bidla, l-isfida issa hija li jinżammu r-ritmu u l-appoġġ għal aktar riformi domestiċi. |

Il-politika ta’ koeżjoni ta’ l-UE jista' jkollha impatt sostanzjali jekk jiġu ssodisfati diversi kundizzjonijiet | Il-Fondi Strutturali wkoll għandhom rwol li jistimolaw il-konverġenza b’mod effettiv, iżda biex isir dan iridu jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet: konċentrazzjoni spażjali aktar b’saħħitha fuq ir-reġjuni u l-Istati Membri li l-aktar huma fil-bżonn, konċentrazzjoni tematika mtejba, u użu aktar effettiv tal-fondi fil-mira ta’ l-oġġettivi ta’ Lisbona. Il-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni ta’ l-UE lejn konverġenza reali se tiddependi prinċipalment mill-impenn ta' dawk li jfasslu l-politika lejn politiki nazzjonali u reġjonali koerenti, li jiżguraw li l-ambjent li fih il-Fondi Strutturali jiġu utilizzati jkun ikkaratterizzat minn stabbiltà makroekonomika, riformi strutturali kontinwi, u tmexxija tajba. |

3.2. Is-suq tax-xogħol fl-UE: analiżi ekonomika ta’ prestazzjoni u prospetti riċenti |

Il-mira ta’ Lisbona dwar l-impjiegi tidher li hi sfida u probabilment ma tistax tintlaħaq | Nofs triq tul l-ewwel deċennju ta' l-istrateġija ta' Lisbona, huwa diffiċli li wieħed jara kif il-miri ta' impjiegi għad jistgħu jintlaħqu sa l-2010, parzjalment minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, iżda ta’ importanza akbar minħabba li l-progress fuq ir-riformi strutturali kien kajman u insuffiċjenti. Mil-lat pożittiv, madankollu, hemm evidenza li ħafna mit-titjib fil-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol tul id-disgħinijiet kien strutturali, u li kompla jsir progress sinifikanti f’xi oqsma, bħal fit-titjib fl-impjegar tan-nisa. |

L-istrateġija hija ċara iżda għad baqa’ ħafna xi jsir | Aktar minn hekk, id-determinanti ewlenin tal-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol u t-tip ta’ miżuri li l-Istati Membri għandhom bżonn jieħdu sabiex isegwu l-għan ta’ Lisbona ta’ aktar impjiegi ta’ natura aħjar huma magħrufin sew, u huma riflessi b’mod sħiħ fil-metodu komprensiv ta’ l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi. Dawn jinkludu, per eżempju, riformi li jippermettu id-differenzjazzjoni tal-pagi skond l-iżviluppi tal-produttività u l-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali, ir-riformi tat-taxxa u tal-benefiċċji flimkien ma’ politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol immirati tajjeb, regolamenti tas-suq tax-xogħol li jwasslu għall-ħolqien ta' l-impjiegi u politiki li jtejbu l-edukazzjoni u t-taħriġ speċjalment għall-ħaddiema neqsin mis-sengħa u mdaħħlin fiż-żmien. Strateġiji dettaljati ta’ riforma għandhom ikunu speċifiċi għal kull pajjiż, filwaqt li jħarsu lejn it-taħlita ta’ istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol u protezzjoni soċjali. Madankollu, tqabbil ta’ prijoritajiet speċifiċi għal kull pajjiż kif identifikati fir-Rakkomandazzjonijiet dwar l-Impjiegi ta’ l-UE u l-Linji Gwida Wiesgħa dwar il-Politika Ekonomika mal-progress li sar f’dawn l-aħħar ftit snin jindika ż-żoni għal azzjoni urġenti fil-livell ta’ Stati Membri. |

Filwaqt li aktar impjiegi jistgħu jmewtu temporanjament it-tkabbir tal-produttività, dan l-effett hu kkalkolat li jkun żgħir | Kien hemm min semma’ dubji dwar jekk il-miri ta’ Lisbona li jiżdiedu l-impjiegi u l-produttività fl-istess waqt humiex kompatibbli. Madankollu, l-analiżi tagħti x'wieħed jifhem li parti żgħira biss mid-deċelerazzjoni osservata fit-tkabbir tal-produttività tax-xogħol min-nofs id-disgħinijiet ’l hawn tista’ tkun attribwita għal żieda fl-impjiegi. Tabilħaqq, ftit hemm raġunijiet li jħassbu li rata akbar ta' impjiegi għandha xi implikazzjonijiet negattivi fuq il-produttività ta' l-UE f’aktar tul taż-żmien, li hu l-aktar importanti għall-kompetittività u d-dinamiżmu ta' l-ekonomija ta’ l-UE. |

3.3. Il-produttività, l-impatt ta’ teknoloġiji ġodda u r-riformi tas-suq tal-prodotti |

It-tkabbir tal-produttività huwa fundamentali biex jintlaħaq l-għan strateġiku ta’ Lisbona | L-ekonomija ta’ l-UE m’għandhiex tikseb biss input ogħla ta' xogħol, iżda ssaħħaħ ukoll it-tkabbir tal-produttività. Analiżi makro kif ukoll speċifika għal kull settur tissuġerixxi li parti kbira tat-tnaqqis fir-ritmu tal-produttività mill-1995 ’l hawn huwa strutturali, li jirrifletti l-effett flimkien tat-tkabbir baxx fil-produttività f'proporzjon kbir ta' industriji mid-tech ta' l-UE, id-daqs relattivament żgħir ta’ l-industrija tal-produzzjoni ta’ l-ICT fl-UE u problemi ta’ tkabbir tat-TFP f’setturi li jużaw l-ICT. Ma' dan, il-qligħ akbar li jista’ jinkiseb minn barra l-Ewropa permezz tal-globalizzazzjoni u ż-żieda fil-mobilità internazzjonali tal-kapital jista’ jagħmel pressjoni fuq il-produttività tal-kapital. Dawn l-iżviluppi jistgħu jkunu parti mill-ispjega dwar għaliex is-sostituzzjoni kapital-xogħol u b'hekk it-tkabbir fil-produttività tax-xogħol naqsu. |

Il-produzzjoni u l-assorbiment tat-tagħrif huma elementi ta’ appoġġ reċiproċi għal kull strateġija ta’ suċċess għall-produttività fit-tul taż-żmien | It-TFP huwa ddeterminat prinċipalment mill-effiċjenza li biha l-avvanzi fil-kompetenzi tal-ħaddiema huma utilizzati għall-organizzazzjoni u l-livell teknoloġiku tat-tagħmir kapitali. L-ekonomija bbażata fuq it-tagħrif għadha ma ġietx stabbilita b’mod sħiħ fl-UE. Teżisti differenza konsiderevoli bejn l-UE u l-Istati Uniti kemm f'dak li hu ammont ta' riżorsi allokati għar-riċerka kif ukoll fl-effiċjenza tar-riċerka. Is-sistema ta’ innovazzjoni superjuri ta’ l-Istati Uniti mexxiet b’mod sostanzjali l-ekonomija Amerikana lejn industriji ta’ tkabbir ġodda ta’ produttività għolja, b'mod l-aktar notevoli fis-setturi tal-manifattura ta' prodotti ICT u tas-servizzi li jużaw l-ICT. B’riżultat ta’ dan, hi tinsab f’pożizzjoni ferm aktar b’saħħitha wara li aċċelleraw il-pressjonijiet kompetittivi u teknoloġiċi li ġabet magħha l-globalizzazzjoni min-nofs it-tmeninijiet ’l hawn. Hemm bżonn b’mod partikolari ta' riformi li jkunu jippermettu li jiġu stabbiliti u li jikbru azjendi ġodda innovattivi. Dan jissottolinea l-importanza ta’ investimenti miżjuda fil-kapital uman sabiex dan jassisti aktar fit-titjib tal-produzzjoni u fid-diffużjoni tat-tagħrif. L-investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja huma essenzjali għall-kompetittività internazzjonali ta' l-Unjoni f’setturi innovattivi li huma intensivi fit-tagħrif, u għal tkabbir u impjiegi sostenibbli. Huwa daqstant importanti li jittejjeb il-“sullevar” ta’ investimenti ta’ R&D addizzjonali fit-tkabbir tal-produttività u li tiġi segwita b'determinazzjoni l-mira li jiżdied l-infiq fuq l-R&D bi 3% tal-GDP. Dan se jfisser it-twettiq sew tal-kundizzjonijiet ta' qafas u t-tkomplija tat-titjib fit-tlaqqigħ bejn ir-riċerka u l-industrija. |

Ir-riformi fis-suq tal-prodotti għandhom rwol ċentrali fl-istrateġija ta’ Lisbona billi dawn itejbu l-kundizzjonijiet ta’ qafas li fihom jopera n-negozju | Dimensjoni oħra fl-isforz biex jiżdied it-tkabbir tal-produttività huma r-riformi fis-swieq tal-prodotti. Il-mod li bih huma rregolati is-swieq tal-prodotti għandu impatt sinifikanti fuq il-grad ta’ kompetizzjoni fis-suq u l-iskop u d-daqs tas-suq, u għalhekk fuq id-daqs u l-istruttura ta' l-attività ekonomika. L-effetti diretti fuq il-produttività tat-tnaqqis fl-ispejjeż tat-twettiq tan-negozju u t-tneħħija tal-barrieri għal swieq ġodda għandhom tendenza li jkunu żgħar. Studji empiriċi jissuġerixxu li parti kbira ta’ l-impatt fuq il-produttività huwa permezz ta’ effetti indiretti, jiġifieri tnaqqis fl-awmenti u rilokazzjoni ta’ riżorsi skarsi (effiċjenza allokattiva); titjib fl-utilizzar tal-fatturi ta’ produzzjoni mill-azjendi (effiċjenza produttiva); u inċentiv għall-azjendi biex ikunu innovattivi u jimxu lejn il-fruntiera teknoloġika moderna (effiċjenza dinamika). B'mod partikolari, riformi tas-suq tal-prodotti li jiffaċilitaw d-dħul, inaqqsu r-rati tariffali, inaqqsu l-barrieri regolatorji għall-kummerċ, ineħħu l-kontrolli tal-prezzijiet u jnaqqsu l-involviment pubbliku fil-produzzjoni jnaqqsu l-livell medju ta' fissuri ekonomiku fl-ekonomija. F’setturi ta’ teknoloġija għolja fejn il-kisbiet ta’ produttività huma l-aktar importanti, huma l-azjendi l-ġodda li jagħtu l-aktar kontribut sinifikanti lejn it-tkabbir tal-produttività. Il-kompetizzjoni tidher li twassal l-effetti sħaħ tagħha fuq effiċjenza dinamika b’intervalli twal u l-letteratura tissottolinea l-fatt li l-innovazzjoni għandha effetti differenzjali fuq it-tkabbir tal-produttività skond id-distanza sal-fruntiera teknoloġika. |

Aktar riformi għandhom jimmiraw prinċipalment lejn il-promozzjoni tad-dħul ta’ kumpaniji ġodda u t-tfittxija ta’ integrazzjoni interna | L-UE hija diġà involuta f’riformi mill-qiegħ, b'mod partikolari bil-ħolqien tas-Suq Intern. L-UE hija miftuħa għall-kompetizzjoni internazzjonali u l-industriji tan-networks tagħha huma liberalizzati sa punt ugwali għal dak ta’ l-Istati Uniti, jekk ma jeċċeduhx ukoll. Madankollu, tidher li qiegħda lura meta wieħed jiġi għal miżuri li jippromwovu d-dħul u l-ħruġ ta’ azjendi. Għad baqa’ skop li jiżdied il-grad ta’ integrazzjoni kummerċjali interna fl-UE. L-ispejjeż tal-konformità ma' dan ir-regolament jidhru wkoll li jisbqu lil dawk ta’ l-Istati Uniti, li jagħtu x'wieħed jifhem li għad baqa’ ħafna xi jsir fl-UE f’dan ir-rigward. |

3.4. Protezzjoni ambjentali: tnikkir fit-tkabbir jew aġġustament strutturali li jsaħħaħ it-tkabbir? |

Ċertu tnaqqis fl-intensità tat-tniġġiż tat-tkabbir fl-Ewropa nkiseb tul l-aħħar deċennji mingħajr żgumbrar ta’ industriji | Filwaqt li s-sostenibilità ambjentali hija parti integrali mill-istrateġija ta’ Lisbona, il-protezzjoni ta’ l-ambjent u t-tkabbir ekonomiku spiss jidhru bħala miri li jikkompetu ma’ xulxin. Il-kontroversja hija kkonċentrata fuq it-tniġġiż ta’ l-ilma, il-ħamrija u l-arja u l-materji komuni globali bħall-klima u s-saff ta’ l-ożonu. Filwaqt li dawn huma lkoll riżorsi naturali ftit jew wisq rinnovabbli, l-iskarsità (jew użu żejjed) tagħhom kibret b’mod drammatiku matul l-aħħar deċennji. L-assenza ta’ drittijiet ta’ propjetà li jistgħu jiġu infurzati m’għenetx biex tiġi missielta din it-tendenza. Il-politika ambjentali timmira li tpoġġi dawn ir-riżorsi taħt reġim ta’ propjetà komuni b’regoli li jistgħu jiġi inforzati. L-istrumenti politiċi ewlenin huma forom varji ta’ restrizzjoni fuq attività, li hija perikoluża jew ta' dannu għall-ambjent. |

Il-politiki ambjentali għandhom jirrendu għal prezzhom, ikunu gradwali u prevedibbli fid-disinn tagħhom jekk inhuma mistennija li jistimulaw aġġustamenti strutturali li jtejbu l-benesseri | Id-domanda għall-protezzjoni ambjentali kibret pari passu mat-tkabbir ekonomiku, u l-azzjoni pubblika u l-forzi tas-suq taw bidu għal tnaqqis fl-intensità tat-tniġġiż ta’ l-attività ekonomika fl-UE. Dan kien mgħejjun ukoll mit-tkabbir dinamiku u l-parti dejjem tikber tas-settur tas-servizzi. M’hemm l-ebda evidenza li ssostni asserzjonijiet li dan l-iżganċament tal-livelli ta' tniġġiż mil-livelli ta' attività ekonomika nkiseb billi t-tniġġis ġie esportat permezz ta' dilokalizzazzjoni tal-massa, għalkemm iż-żieda fl-infiq fuq il-protezzjoni ambjentali f’xi każi għamlet il-produzzjoni ta’ industriji regolarizzati akt għalja. Min-naħa l-oħra, it-tisħiħ għal tul taż-żmien ta’ standards u ambizzjonijiet ambjentali kredibbli qed jikkontribwixxi lejn it-twaqqif ta’ swieq ġodda għat-teknoloġiji ambjentali u l-emerġenza ta’ industriji speċjalizzati u l-potenzjal ta' impjiegi. |

Sabiex jiġi stimulat aġġustament ta’ l-istrutturi ekonomiċi li jtejbu l-benesseri l-politiki ambjentali għandhom ikunu jirrendu għal prezzhom fid-disinn tagħhom | Il-politiki ambjentali jwasslu għal aġġustament ta’ l-istrutturi ekonomiċi, prinċipalment billi jadattaw ir-reġimi ta’ drittijiet ta’ propjetà għal riżorsi naturali b’kunsiderazzjoni taż-żieda fl-iskarsezza tagħhom u intuwiti xjentifiċi ġodda. B’dan il-mod, il-prezz ta’ l-użu ta’ riżorsi ambjentali u l-esponiment tal-pubbliku għal riskji ta’ saħħa għandu jitqarreb aktar skond l-ispejjeż soċjali. Dan iwassal għal funzjonament aħjar tas-suq, u b'hekk għal allokazzjoni aktar effiċjenti tar-riżorsi u l-kisbiet ta' benesseri assoċjati. Għalhekk, politiki ambjentali li jtejbu l-benesseri għandhom jirrendu għal prezzhom, u għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-frizzjonijiet involuti fl-aġġustament, il-karattru dinamiku tal-bżonnijiet ta’ aġġustament, u l-inċertezzi ta’ l-istimi ta’ spejjeż u benefiċċji fl-assenza ta’ swieq li jiffunzjonaw sew. |

3.5. Kwistjonijiet li għadhom għaddejin fis-sorveljanza ekonomika |

Is-sorveljanza ekonomika tirrikjedi l-identifikazzjoni tas-suġġetti li se jsiru importanti fil-futur | Fost il-kwistjonijiet li attwalment qegħdin jersqu ’l quddiem, l-Analiżi ta’ din is-sena tindirizza l-Abbozz tat-Trattat li Jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, li jsaħħaħ it-tmexxija ekonomika fl-UE f’għadd ta’ aspetti. Kwistjoni oħra hija l-edukazzjoni, li mistennija jkollha impatt li se jinbidel iżda li hu sinifikanti fuq it-tkabbir ekonomiku fid-deċennji li ġejjin, hekk kif jevolvi l-profil edukattiv tal-forza tax-xogħol. Finalment, l-indikaturi u l-istatistiċi strutturali fl-UE huma kritiċi għall-effettività u t-trasparenza tas-sorveljanza ekonomika. |

Top