EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42011Y0601(01)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport għall-2011-2014

OJ C 162, 1.6.2011, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 162/1


Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-Isport għall-2011-2014

2011/C 162/01

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA U R-RAPPREŻENTANTI TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI,

1.   INTRODUZZJONI

IFAKKRU fil-kompetenza assenjata lill-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari mill-Artikolu 6 u l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li skont huma l-isport huwa qasam fejn l-azzjoni fil-livell tal-UE għandha tappoġġa, tikkoordina u tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri.

JIRRIKONOXXU li wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, hemm ħtieġa għal kooperazzjoni rinforzata fl-isport fil-livell tal-UE.

JILQGĦU l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar L-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport  (1) u l-oqsma prinċipali ta' azzjoni fi ħdan il-kapitoli tematiċi li jibnu l-White Paper dwar l-Isport (2). Il-Komunikazzjoni hija pass importanti lejn l-identifikazzjoni ta' oqsma għall-kooperazzjoni fil-livell tal-UE filwaqt li tiġi rispettata l-awtonomija tal-istrutturi governattivi tal-isport u l-prinċipju ta' sussidjarjetà.

JAGĦRFU li l-isport jista' jikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

IFAKKRU fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Novembru 2010 fejn il-Kunsill qabel li jsejjaħ, fuq bażi regolari, ġeneralment fil-marġni tal-laqgħa tal-Kunsill, laqgħa informali ta' rappreżentanti prinċipali tal-awtoritajiet pubbliċi tal-UE u l-moviment tal-isports bil-għan li jsir skambju ta' fehmiet dwar kwistjonijiet tal-isport fl-UE (3).

JAQBLU li jrawmu qafas ta' kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-isport billi jistabbilixxu Pjan ta' Ħidma tal-UE ta' tliet snin dwar l-Isport għall-azzjoni tal-Istati Membri u l-Kummissjoni, filwaqt li jirrikonoxxu u jieħdu kont tal-kisbiet tal-ħidma fl-istrutturi informali stabbiliti qabel it-Trattat ta' Lisbona.

2.   L-IŻVILUPP TAD-DIMENSJONI EWROPEA FL-ISPORT BL-ISTABBILIMENT TA' PJAN TA' ĦIDMA TAL-UE

IQISU li l-Pjan ta' Ħidma ta' tliet snin tal-UE dwar l-Isport għandu jkun irregolat mill-prinċipji ta' gwida li ġejjin:

il-promozzjoni ta' approċċ kooperattiv u miftiehem fost l-Istati Membri u l-Kummissjoni għall-kisba ta' valur miżjud fil-qasam tal-isport fil-livell tal-UE fuq perijodu aktar fit-tul;

l-allinjament tal-istrutturi informali eżistenti mal-prijoritajiet definiti f'dan il-Pjan ta' Ħidma;

l-għotja ta' impetu u prominenza kif adatt lill-azzjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam;

l-indirizzar ta' sfidi transnazzjonali bl-użu ta' approċċ ikkoordinat tal-UE;

il-promozzjoni tan-natura u l-kontribut speċifiċi tal-isport f'oqsma ta' politika oħra tal-UE;

il-ħidma għal politika dwar l-isport ibbażata fuq evidenza.

JISSOTTOLINJAW li dan il-Pjan ta' Ħidma tal-UE għandu jkun qafas flessibbli li jista' jirrispondi, meta jkun meħtieġ, għal żviluppi fil-qasam tal-isport.

JILQGĦU t-temi identifikati fil-Komunikazzjoni u l-White Paper li jservu bħala bażi ġenerali għal kooperazzjoni futura u li huma dawn li ġejjin:

(a)

ir-rwol tal-isport fis-soċjetà

il-ġlieda kontra d-doping;

l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-kwalifiki fl-isport;

il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza u l-intolleranza;

attività fiżika li ttejjeb is-saħħa;

l-inklużjoni soċjali fl-isport u permezz tal-isport;

l-attività volontarja fl-isport;

il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u ma' organizzazzjonijiet;

żvilupp sostenibbli fl-isport u permezz tal-isport.

(b)

id-dimensjoni ekonomika tal-isport

it-tfassil ta' linji ta' politika bbażat fuq l-evidenza fil-qasam tal-isport;

il-finanzjament sostenibbli tal-isport;

l-applikazzjoni għall-isport tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat;

l-iżvilupp reġjonali u l-impjegabbiltà.

(c)

l-organizzazzjoni tal-isport

governanza tajba fl-isport;

in-natura speċifika tal-isport;

il-moviment liberu u n-nazzjonalità tal-isportivi;

ir-regoli għat-trasferimenti u l-attivitajiet tal-aġenti sportivi;

l-integrità ta' kompetizzjonijiet sportivi, inklużi t-tbagħbis tal-logħob, il-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u forom oħra ta' kriminalità finanzjarja;

id-djalogu soċjali Ewropew fis-settur sportiv;

il-ħarsien tal-minorenni;

sistema ta' għoti ta' liċenzji għall-klabbs;

id-drittijiet tal-mezzi tax-xandir u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

JAQBLU abbażi tal-lista ġenerali msemmija hawn fuq, li t-temi li ġejjin għandhom jingħataw prijorità mill-Istati Membri u l-Kummissjoni għall-perijodu kopert mill-pjan ta' ħidma preżenti (sa nofs l-2014). Dawn it-temi ta' prijorità jistgħu jiżdiedu minn kull Presidenza fid-dawl ta' kwalunkwe żvilupp ġdid li jista' jkun hemm:

L-integrità tal-isport, b'mod partikolari l-ġlieda kontra d-doping, it-tbagħbis tal-logħob u l-promozzjoni ta' governanza tajba;

Il-valuri soċjali tal-isport, b'mod partikolari s-saħħa, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-volontarjat;

L-aspetti ekonomiċi tal-isport, b'mod partikolari l-finanzjament sostenibbli tal-isport fil-livell lokali u t-tfassil ta' linji tal-politika bbażat fuq l-evidenza.

JAQBLU dwar lista ta' azzjonijiet speċifiċi konformi ma' dawn it-temi ta' prijorità u skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni tagħhom, kif hemm fl-Anness I.

3.   STRUTTURI U METODI TA' ĦIDMA

 

JAGĦRFU li:

Jeħtieġ li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, abbażi tal-prinċipji ta' gwida elenkati fit-Taqsima 2 ta' dan il-Pjan ta' Ħidma;

Hemm ukoll ħtieġa li l-UE taħdem mill-qrib mal-moviment tal-isport u l-organizzazzjonijiet kompetenti rilevanti fil-livelli nazzjonali, Ewropej u internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari permezz ta' djalogu strutturat;

 

JAQBLU li

L-attivitajiet fil-livell tal-UE fil-qasam tal-isport għandhom jiffokaw fuq it-temi ta' prijorità, l-azzjonijiet u l-metodi ta' ħidma ta' prijorità, li huma elenkati f'dan il-Pjan ta' Ħidma;

L-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan ta' Ħidma ser tiġi appoġġata minn għadd ta' gruppi informali ta' esperti li ser jibnu fuq il-ħidma ta' sitt gruppi eżistenti ta' esperti (4) stabbiliti sa mill-2005.

Il-gruppi ta' esperti ser jintalbu jiffokaw il-ħidma tagħhom fuq it-temi ta' prijorità indikati fit-Taqsima 2 u fuq azzjonijiet u dati ta' mira elenkati fl-Anness I. L-azzjonijiet fl-Anness I ser jiġu riveduti mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill fid-dawl ta' riżultati miksuba u żviluppi ta' politika fil-livell tal-UE.

Il-prinċipji marbuta mas-sħubija u l-funzjonament tal-gruppi ta' esperti jinsabu fl-Anness II.

Minbarra dawn il-gruppi ta' esperti, metodi ta' ħidma oħra jistgħu jinkludu eż. konferenzi tal-Presidenza, laqgħat informali ta' Diretturi u Ministri tal-Isport, studji u konferenzi tal-Kummissjoni.

Fl-ewwel nofs tal-2014, l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma preżenti ser tiġi evalwata mill-Kunsill abbażi ta' rapport imħejji mill-Kummissjoni sa tmiem l-2013.

 

FID-DAWL TA' DAN TA' HAWN FUQ

Il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, jistiednu lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex jistabbilixxu gruppi ta' esperti dwar is-suġġetti li ġejjin għat-tul tal-Pjan ta' Ħidma attwali:

il-ġlieda kontra d-doping,

il-governanza tajba fl-isport,

l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-isport,

l-isport, is-saħħa u l-parteċipazzjoni,

l-istatistika dwar l-isport,

il-finanzjament sostenibbli tal-isport.

4.   AZZJONIJIET

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI SABIEX:

jaħdmu flimkien bl-appoġġ tal-Kummissjoni filwaqt li jużaw metodi ta' ħidma speċifikati minn din ir-Riżoluzzjoni;

filwaqt li jirrispettaw il-prinċipju ta' sussidjarjetà u l-awtonomija tal-istrutturi governattivi tal-isport, jieħdu kont debitu ta' dan il-Pjan ta' Ħidma meta jkunu qed jiżviluppaw linji ta' politika fil-livell nazzjonali;

jinformaw regolarment il-partijiet interessati fl-isport dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma tal-UE, sabiex jiġu żgurati r-rilevanza u l-viżibbiltà tal-attivitajiet.

JISTIEDNU LILL-PRESIDENZI TAL-KUNSILL SABIEX:

jieħdu kont, fil-kuntest tal-grupp ta' tliet Presidenzi, tat-temi ta' prijorità tal-Pjan ta' Ħidma tal-UE meta jiżviluppaw il-programm tagħhom, jirrapportaw dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma u jibnu fuq ir-riżultati miksuba;

fi tmiem it-3 snin koperti minn din ir-Riżoluzzjoni, u abbażi ta' rapport imħejji mill-Kummissjoni, jipproponu Pjan ta' Ħidma ġdid għall-perijodu li jmiss;

JISTIEDNU LILL-KUMMISSJONI SABIEX:

tinforma lill-Istati Membri dwar inizjattivi li għaddejjin jew ippjanati f'oqsma ta' politika oħrajn tal-UE li jagħmlu impatt fuq l-isport u żviluppi rispettivi fil-Kummissjoni u fil-konfigurazzjonijiet l-oħra tal-Kunsill.

taħdem mal-Istati Membri u tappoġġahom biex jikkooperaw fil-qafas stabbilit f'din ir-Riżoluzzjoni;

teżamina mezzi biex tiffaċilita l-parteċipazzjoni l-aktar wiesgħa possibbli tal-Istati Membri fil-laqgħat tal-gruppi ta' esperti;

torganizza Forum tal-Isport tal-UE, li darba fis-sena jlaqqa' l-partijiet interessati ewlenin kollha fil-livelli differenti tal-isport, b'attenzjoni partikolari għall-organizzazjonijiet sportivi fil-livell lokali u r-rappreżentanti tagħhom;

twettaq valutazzjoni tal-impatt ibbażata, fost l-oħrajn, fuq l-evalwazzjoni ta' Azzjonijiet Preparatorji fl-isport sa issa biex tiddetermina l-valur miżjud ta' programm ta' finanzjament speċifiku biex ikopri azzjonijiet fil-qasam tal-isport;

qabel tmiem l-2013, u fuq il-bażi ta' kontributi volontarji mill-Istati Membri, tadotta rapport finali dwar l-implimentazzjoni u r-rilevanza tal-Pjan ta' Ħidma. Dan ir-rapport ser ikun il-bażi għat-tħejjija tal-Pjan ta' Ħidma li jmiss tal-Kunsill matul l-ewwel nofs tal-2014.

JISTIEDNU LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FIL-LIMITI TAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHOM, B'RISPETT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJU TA' SUSSIDJARJETÀ, SABIEX:

(1)

ikomplu jikkooperaw mill-qrib f'livell ta' esperti f'konformità mal-Annessi I u II ta' din ir-Riżoluzzjoni;

(2)

jieħdu kont tal-isport meta jifformulaw, jimplimentaw u jevalwaw linji ta' politika u azzjonijiet f'oqsma oħrajn ta' politika, b'attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata inklużjoni bikrija u effettiva fil-proċess ta' żvilupp tal-linji ta' politika;

(3)

jippromwovu rikonoxximent aħjar għall-kontribut tal-isport għall-għanijiet ġenerali tal-Istrateġija Ewropa 2020 meta jitqies il-potenzjal kbir tas-settur li jikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u impjiegi ġodda, u meta jitqiesu l-effetti pożittivi tiegħu fuq l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll is-saħħa pubblika u t-tixjiħ attiv.

(4)

irawmu kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, u l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tal-isport inkluż il-Kunsill tal-Ewropa.


(1)  COM(2011) 12.

(2)  COM(2007) 391.

(3)  ĠU C 322, 27.11.2010, p. 1.

(4)  Dawk li qabel kienu jissejħu “Gruppi ta' Ħidma tal-UE” dwar il-Ġlieda kontra d-Doping, l-Edukazzjoni u t-Taħriġ fl-Isport, l-Isport u s-Saħħa, l-Inklużjoni Soċjali u Opportunitajiet Indaqs fl-Isport, l-Isport u l-Ekonomija, u l-Organizzazzjonijiet Sportivi mingħajr Skop ta' Qligħ.


ANNESS I

Azzjonijiet ibbażati fuq temi ta' prijorità

Azzjoni

Grupp ta' Esperti

Riżultat u data ta' mira

L-integrità tal-isport, b'mod partikolari l-ġlieda kontra d-doping u t-tbagħbis tal-logħob u l-promozzjoni ta' governanza tajba

Tħejjija ta' abbozz ta' kummenti tal-UE għar-reviżjoni tal-Kodiċi tal-WADA.

Grupp ta' Esperti “il-Ġlieda kontra d-Doping”

Abbozz preliminarju ta' kummenti tal-UE sal-bidu tal-2012 u segwitu relatat

Żvilupp ta' dimensjoni Ewropea tal-integrità tal-isport bl-attenzjoni inizjali ffokata fuq il-ġlieda kontra t-tbagħbis tal-logħob.

Grupp ta' esperti “Governanza Tajba fl-Isport”

Rakkomandazzjonijiet għal konsiderazzjoni futura sa nofs l-2012

Żvilupp ta' prinċipji ta' trasparenza li jirrigwardaw governanza tajba.

Grupp ta' Esperti “Governanza Tajba fl-Isport”

Sett inizjali ta' rakkomandazzjonijiet għal konsiderazzjoni sa tmiem l-2012

Indirizzar tal-kwistjonijiet identifikati relatati mal-aċċess għal u s-superviżjoni tal-professjoni tal-aġenti tal-isport u mat-trasferimenti fi sports b'timijiet, inkluż, b'mod partikolari, il-kwistjoni tar-regoli ta' trasferiment għall-sportivi żgħażagħ

Grupp ta' Esperti “Governanza Tajba fl-Isport”

Segwitu tal-konferenza tal-Kummissjoni dwar l-aġenti tal-isport u studju futur dwar it-trasferimenti fi sports b'timijiet sa nofs l-2013/tmiem 2013 rispettivament

Il-valuri soċjali tal-isport, b'mod partikolari s-saħħa, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-volontarjat

Tħejjija ta' proposta għal linji gwida Ewropej għal karrieri doppji.

Grupp ta' Esperti “Edukazzjoni u Taħriġ fl-Isport”

Proposta għal linji gwida Ewropej sa tmiem l-2012

Segwitu għall-inklużjoni ta' kwalifiki relatati mal-isport fil-QNK b'referenza għall-QEK.

Grupp ta' Esperti “Edukazzjoni u Taħriġ fl-Isport”

Sommarju dwar is-segwitu sa nofs l-2013

L-esplorazzjoni ta' modi ta' promozzjoni ta' attività fiżika li ttejjeb is-saħħa u parteċipazzjoni fi sport fil-livell lokali.

Grupp ta' Esperti “L-Isport, is-Saħħa u l-Parteċipazzjoni”

Identifikazzjoni ta' miżuri sa nofs l-2013

Aspetti ekonomiċi tal-isport, b'mod partikolari l-finanzjament sostenibbli ta' sport fil-livell lokali u t-tfassil ta' linji ta' politika abbażi ta' evidenza

Ir-rakkomandazzjoni ta' modi ta' promozzjoni ta' ġbir tad-data biex jitkejlu l-benefiċċji ekonomiċi tas-settur tal-isport tal-UE b'mod konformi mad-Definizzjoni ta' Vilnjus u l-evalwazzjoni tar-riżultati.

Grupp ta' Esperti “Statistika dwar l-Isport”

Rakkomandazzjonijiet għal konsiderazzjoni sa nofs l-2012, u evalwazzjoni tar-riżultati sa tmiem l-2013

Ir-rakkomandazzjoni ta' modi biex jissaħħu l-mekkaniżmi ta' solidarjetà finanzjarja fl-isport.

Grupp ta' Esperti “Finanzjament Sostenibbli tal-Isport”

Rakkomandazzjonijiet għal konsiderazzjoni sa tmiem l-2012


ANNESS II

Prinċipji relatati mas-sħubija u l-funzjonament ta' gruppi ta' esperti stabbiliti mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-qafas tal-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport 2011-2014

Sħubija

Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-ħidma tal-gruppi hija volontarja u l-Istati Membri jistgħu jissieħbu fihom fi x'ħin iridu.

L-Istati Membri interessati li jipparteċipaw fil-ħidma tal-gruppi ser jinnominaw esperti bħala membri tal-gruppi rispettivi. L-Istati Membri ser jiżguraw li l-esperti nnominati jkollhom esperjenza rilevanti fil-qasam rilevanti fil-livell nazzjonali u jiżguraw komunikazzjoni effettiva mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-Kummissjoni ser tikkoordina l-eżerċizzju tan-nominazzjoni.

Kull grupp ta' esperti jista' jiddeċiedi li jistieden parteċipanti oħrajn: esperti indipendenti, rappreżentanti tal-moviment tal-isport u partijiet interessati oħrajn, kif ukoll rappreżentanti ta' pajjiżi terzi Ewropej.

Proċeduri ta' ħidma

Il-gruppi ta' esperti ser jikkonċentraw fuq il-kisba ta' riżultati konkreti u utli dwar is-suġġett mitlub.

Biex jiġi implimentat dan il-Pjan ta' Ħidma, kull grupp ta' esperti ser ikun responsabbli li jaħtar il-president jew il-ko-presidenti tiegħu fl-ewwel laqgħa tal-grupp ta' esperti wara l-adozzjoni tal-Pjan ta' Ħidma. Kull grupp ta' esperti ser iħejji skeda ta' ħidma skont dan il-Pjan ta' Ħidma.

L-Istati Membri ser jingħataw opportunità biex jiggwidaw lill-gruppi ta' esperti sabiex jiggarantixxu l-eżitu u l-iskeda ta' żmien mixtieqa, kif ukoll il-koordinazzjoni tal-ħidma tal-gruppi.

Il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqggħin fi ħdan il-Kunsill, ser jiddeċiedu jekk huwiex adatt li jiġu proposti azzjonijiet ġodda għall-gruppi ta' esperti.

Il-Kummissjoni ser tipprovdi opinjoni esperta, kif ukoll appoġġ loġistiku u segretarjali għall-ħidma tal-gruppi. Kemm jista' jkun, hija ser tappoġġa lill-gruppi b'mezzi oħra adatti (li jinkludu studji rilevanti għall-qasam ta' ħidma tagħhom).

Il-gruppi ta' esperti ser jiltaqgħu fi Brussell bħala regola ewlenija, iżda jistgħu jorganizzaw laqgħat barra Brussell meta mistiedna minn Stat Membru.

Il-gruppi ta' esperti ser jiltaqgħu darbtejn f'sena bħala regola ewlenija, iżda jistgħu jadottaw skeda ta' żmien differenti jekk ikun meħtieġ.

Rappurtaġġ u informazzjoni

Il-presidenti tal-gruppi ta' esperti ser jirrappurtaw lill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Isport dwar il-progress tal-ħidma fil-gruppi ta' esperti rispettivi u jippreżentaw rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet futuri possibbli lill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Isport.

L-aġendi tal-laqgħat u r-rapporti tal-laqgħat tal-gruppi kollha ser ikunu disponibbli għall-Istati Membri kollha, irrispettivament minn kemm jipparteċipaw f'qasam partikolari. Ir-rapporti tal-gruppi ser jiġu ppubblikati.

Ir-rapporti mill-gruppi ta' esperti ser jintużaw fir-rapport mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma.


Top