EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 42000A0922(08)

Ftehim dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni firmata f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990

OJ L 239, 22.9.2000, p. 97–105 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 19 Volume 002 P. 88 - 96
Special edition in Estonian: Chapter 19 Volume 002 P. 88 - 96
Special edition in Latvian: Chapter 19 Volume 002 P. 88 - 96
Special edition in Lithuanian: Chapter 19 Volume 002 P. 88 - 96
Special edition in Hungarian Chapter 19 Volume 002 P. 88 - 96
Special edition in Maltese: Chapter 19 Volume 002 P. 88 - 96
Special edition in Polish: Chapter 19 Volume 002 P. 88 - 96
Special edition in Slovak: Chapter 19 Volume 002 P. 88 - 96
Special edition in Slovene: Chapter 19 Volume 002 P. 88 - 96
Special edition in Bulgarian: Chapter 19 Volume 001 P. 262 - 270
Special edition in Romanian: Chapter 19 Volume 001 P. 262 - 270
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 009 P. 84 - 92

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2000/922(7)/oj

42000A0922(08)



Official Journal L 239 , 22/09/2000 P. 0097 - 0105


Ftehim dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka

għall-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni firmata f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990

IR-RENJU TAL-BELĠJU, IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA, r-REPUBBLIKA FRANĊIŻA, IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU W R-RENJU TA' L-OLANDA,Partijiet fil-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Istati ta' l-Unjoni Ekonomika ta' Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fuq iil-fruntieri komuni tagħhom iffirmat f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990, hawnhekk iżjed 'il quddiem magħruf bħala "l-Konvenzjoni ta' l-1990" kif ukoll ir-Repubblika Taljana, ir-Renju ta' Spanja u r-Repubblika tal-Portugall, ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika ta' l-Awstrija li ssieħbu mal-Konvenzjoni ta' l-1990 permezz tal-Ftehim iffirmati fis-27 ta' Novembru 1990, fil-25 ta' Ġunju 1991 u fis-6 ta' Novembru 1992 u fit-28 ta' April 1995 rispettivament,

min-naħa l-waħda,

u r-RENJU TAD-DANIMARKA, min-naħa l-oħra,

Wara li kkunsidraw il-firma magħmula fil-Lussemburgu fil-ġurnata tad-dsatax ta' Diċembru tas-sena elf disa' mija u sitta w disgħin tal-Protokoll dwar l-Adeżjoni tal-Gvern tar-Repubblika Portugiża fil-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-gvernijiet ta' l-Unjoni Ekonomika ta' Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom, hekk kif emendat bil-Protokolli dwar l-Adeżjoni tal-Gvernijiet tar-Repubblika Taljana, ir-Renju ta' Spanja u r-Repubblika tal-Portugall, ir-Repubblika Ellenika, u r-Repubblika ta' l-Awstrija iffirmati fis-27 ta' Novembru 1990, il-25 ta' Ġunju 1991, is-6 ta' Novembru 1992 u t-28 ta' April 1995 rispettivament,

Fuq il-bażi ta' l-Artikolu 140 tal-Konvenzjoni ta' l-1990,

IDDEĊIDEW DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Ir-Renju tad-Danimarka hawnhekk qiegħed jingħaqad fil-Konvenzjoni ta' l-1990.

Artikolu 2

1. Fid-data meta ffirmaw dan il-Ftehim, l-uffiċjali msemmija fl-Artikolu 40(4) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 rigward ir-Renju tad-Danimarka għandhom ikunu:

(a) Politijenestemaend hos lokale politimestre og hos Rigspolitichefen (uffiċjali tal-pulizija li jaħdmu għal Kuntistabbli Prinċipali lokali u għall-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija;

(b) L-uffiċjali tad-dwana, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-ftehim bilaterali addattati li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 40(6) tal-Konvenzjoni ta' l-1990, dwar il-poteri tagħhom rigward it-traffikar illeċtu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, traffikar fl-armi u l-esplosivi, u t-trasport illeċitu ta' l-iskart tossiku u perikoluż.

2. Fid-data meta ġie ffirmat dan il-Ftehim, l-awtorità li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 40(5) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 rigward ir-Renju tad-Danimarka għandha tkun ir-Rigspolitichefen (Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija).

Artikolu 3

Fid-data meta ġie ffirmat dan il-Ftehim, l-uffiċjali li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 41(7) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 rigward ir-Renju tad-Danimarka għandhom ikunu:

1. Politijenestemaend hos lokale politimestre og hos Rigspolitichefen (uffiċjali tal-pulizija li jaħdmu għal Kuntistabbli Prinċipali lokali u għall-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija;

2. L-uffiċjali tad-dwana, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-ftehim bilaterali adattati li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 41(10) tal-Konvenzjoni ta' l-1990, rigward il-poteri tagħhom dwar it-traffikar illeċtu ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi, traffikar fl-armi u l-esplossivi, u t-trasport illeċtu ta' l-iskart tossiku u ta' periklu.

Artikolu 4

Fid-data meta ġie ffirmat dan il-Ftehim, il-Ministeru kompetenti li għalih hemm riferenza fl-Artikolu 65(2) għandu jkun il-Justitsministeriet (Ministeru tal-Ġustizzja).

Artikolu 5

1. Id-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ma għandhomx japplikaw għall-Gżejjer Faeroe jew għal Groenlandja.

2. Meta jiġi konsidrat il-fatt illi l-Gżejjer Faeroe u l-Groenlandja japplikaw id-disposizzjonijiet fuq il-moviment ta' persuni stabbiliti ġewwa l-qafas ta' l-Unjoni Nordika dwar Passaporti, persuni illi jivvjaġġaw bejn il-Gżejjer Faeroe jew il-Groenlandja fuq naħa waħda, u l-Istati parteċipanti fil-Konvenzjoni ta' l-1990 u l-Ftehim ta' Koperazzjoni mar-Repubblika ta' l-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja, fuq in-naħa l-oħra, ma għandhomx ikunu suġġetti għal kontrolli fuq il-fruntiera.

Artikolu 6

Id-disposizzjonjijiet ta' dan il-Ftehim ma għandhomx jippreġudikaw il-koperazzjoni ġewwa l-qafas ta' l-Unjoni Nordika dwar Passaporti, sakemm tali koperazzjoni ma tkunx kontra jew ma tostakolax l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 7

1. Dan il-Ftehim għandu jkun suġġett għat-twettiq għar-ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew approvazzjoni. L-istrumenti tar-ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni għandhom jiġu depożitati mal-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għandu jinnotifika lill-Partijiet Miftiehma kollha tagħhom.

2. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tat-tieni xahar wara d-depożitu ta' l-istrumenti tar-ratifika, aċċettazzjoni u approvazzjoni mill-Istati li għalihom il-Konvenzjoni ta' l-1990 daħlet fis-seħħ u mir-Renju tad-Danimarka.

Rigward l-Istati l-oħrajn, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tat-tieni xahar wara d-depożitu ta' l-istrumenti tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni tagħhom, basta dan il-Ftehim ikun daħal fis-seħħ skond id-disposizzjonijiet tas-subparagrafu preċedenti.

3. Il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jinnotifika lil kull wieħed mill-Partijiet Kontraenti bid-data tad-dħul fis-seħħ.

Artikolu 8

1. Il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jittrasmetti lill-Gvern tar-Renju tad-Danimarka kopja ċertifikata tal-Konvenzjoni ta' l-1990 fil-lingwa Olandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Taljana, Portugiża u Spanjola.

2. It-test tal-Konvenzjoni ta' l-1990 magħmul fil-lingwa Daniża huwa anness ma' dan il-Ftehim, u għandu jkun awtentiku taħt l-istess kondizzjonijiet bħat-test tal-Konvenzjoni ta' l-1990 magħmula fil-lingwa Olandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Taljana, Portugiża w Spanjola.

Bħala xhieda ta' dan, 'l hawn taħt iffirmati, debitament awtorizzati għal dan l-iskop, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fil-Lussemburgu illum id-dsatax ta' Diċembru tas-sena elf disa' mija u sitta u disgħin f'kopja waħda oriġinali fil-lingwa Daniża, Olandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Taljana, Portugiża u Spanjola, it-tmien testi jkunu ugwalment awtentiċi, u t-tali oriġinal tibqa' depożitata fl-Arkivji tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għandu jibgħat kopja ċertifikata lil kull wieħed mill-Partijiet Kontraenti.

Għall-Gvern tar-Renju tal-Belġju

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Renju tad-Danimarka

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Ellenika

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Renju ta' Spanja

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Franċiża

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika ta' l-Italja

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Renju ta' l-Olanda

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika ta' l-Awstrija

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika tal-Portugall

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ATT FINALI

I. Fiż-żmien meta ġie ffirmat dan il-Ftehim dwar l-Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka fil-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-pajjiżi ta' l-Unjoni Ekonomika ta' Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom, iffirmat f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990, li fih ir-Repubblika ta' l-Italja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika tal-Portugall u r-Repubblika Ellenika issieħbu permezz tal-Ftehim iffirmati fis-27 ta' Novembru 1990, fil-25 ta' Ġunju 1991, fis-6 ta' Novembru 1992 u fit-28 ta' Ġunju 1995 rispettivament, il-Gvern tar-Renju tad-Danimarka iffirma l-Att Finali, il-Minuti u d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Ministri u Segretarji ta' l-Istat li ġew iffirmati fl-istess żmien meta ġiet iffirmata l-Konvenzjoni ta' l-1990.

Il-Gvern tar-Renju tad-Danimarka ffirma d-Dikjarazzjonijiet Konġunti u nnota d-Dikjarazzjonijiet unilaterali li jinsabu fih.

Il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jittrasmetti lill-Gvern tar-Renju tad-Danimarka kopja ċertifikata ta' l-Att Finali, il-Minuti u d-Dikjarazzjoni konġunta tal-Ministri u Segretarji ta' l-Istat, li ġew iffirmati fiż- żmien meta ġiet iffirmata l-Konvenzjoni ta' l-1990, fil-lingwa Daniża, Olandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Taljana, Portugiża u Spanjola.

II. Fiż-żmien meta ġie ffirmat il-Ftehim dwar l-Adezjoni tar-Renju tad-Danimarka fil-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-pajjiżi ta' l-Unjoni Ekonomika ta' Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom, iffirmat f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990 li fih ir-Repubblika Taljana, ir-Renju ta' Spanja u r-Repubblika tal-Portugall, u r-Repubblika Ellenika ingħaqdu permezz tal-Ftehim iffirmat f'Pariġi fis-27 ta' Novembru 1990, 25 ta' Ġunju 1991, 6 ta' Novembru 1992 u 28 ta' April 1995 rispettivament, il-Partijiet Kontraenti adottaw id-Dikjarazzjonijiet li ġejjin:

1. Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 6 tal-Ftehim ta' l-Adeżjoni

Il-Partijiet Kontraenti għandhom, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' l-Adeżjoni, jinfurmaw lil xulxin dwar iċ-ċirkostanzi kollha li jistgħu jkollhom impatt sinifikanti fuq l-oqsma koperti mill-Konvenzjoni ta' l-1990 u li jġibu fis-seħħ il-Ftehim ta' Adeżjoni.

Dan il-Ftehim ta' Adeżjoni għandu jidħol fis-seħħ bejn l-Istati li għalihom il-Konvenzjoni ta' l-1990 daħlet fis-seħħ u r-Renju tad-Danimarka meta l-prekondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' l-1990 ikunu ġew imwettqa f'dawn l-Istati kollha u l-kontrolli fuq il-fruntieri esterni ikunu hemmhekk effettivi, u ġaladarba l-Kumitat Eżekuttiv ikun stabbilixxa illi r-regoli li jidhirlu huma neċessarji għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-kontroll u sorveljanza effettivi fuq il-fruntieri esterni tal-Gżejjer Faroe u Groenlandja u l-miżuri ta' kumpens neċessarji, inkluża l-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) ikunu ġew applikati u huma effettivi.

Rigward kull wieħed mill-Istati l-oħrajn, dan il-Ftehim ta' Adezjoni għandu jiddaħħal fis-seħħ meta l-prekondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' l-1990 ikunu ġew imwettqa f'dak l-Istat u l-kontrolli fuq il-fruntieri esterni ikunu hemmhekk effettivi.

2. Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' l-1990

Il-Partijiet Kontraenti jispeċifikaw li fil-waqt li ġie ffirmat il-Ftehim dwar l-Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka fil-Konvenzjoni ta' l-1990, l-arranġamenti komuni tal-visa li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta' l-1990 għandhom jittieħdu li jfissru l-arranġamenti komuni applikati mill-Partijiet Firmatarji ta' din il-Konvenzjoni sa' mid-19 ta' Ġunju 1990.

3. Id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Konvenzjoni magħmula fuq il-bażi ta' l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li tirrigwarda l-estradizzjoni.

L-Istati li huma partijiet fil-Konvenzjoni ta' l-1990 hawnhekk jikkonfermaw illi l-Artikolu 5(4) tal-Konvenzjoni mfassal fuq il-bażi ta' l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jirrigwarda l-Estradizzjoni bejn l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea, iffirmat f'Dublin fis-27 ta' Settembru 1996, u d-Dikjarazzjonijiet rispettivi tagħhom annessi ma' l-imsemmija Konvenzjoni, għandhom japplikaw fil-qafas tal-Konvenzjoni ta' l-1990.

III. Il-Partijiet Kontraenti ħadu nota tad-Dikjarazzjonijiet mir-Renju tad-Danimarka dwar il-Ftehim fuq l-Adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Italja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika tal-Portugall, ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika ta' l-Awstrija.

Il-Gvern tar-Renju tad-Danimarka jinnota l-kontenut tal-Ftehim dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Italja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika tal-Portugall, ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika ta' l-Awstrija fil-Konvenzjoni ta' l-1990, iffirmata fis-27 ta' Novembru 1990, il-25 ta' Ġunju 1991, is-6 ta' Novembru 1992 u t-28 ta' April 1995 rispettivament u tal-kontenut ta' l-Atti Finali u d-Dikjarazzjonijiet annessi ma' l-imsemmija Ftehim.

Il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jibgħat kopja ċertifikata ta' l-istrumenti hawn fuq imsemmija lill-Gvern tar-Renju tad-Danimarka.

Id-dikjarazzjoni mir-Renju tad-Danimarka rigward il-Ftehim dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Finlandja u r-renju ta' l-Isvezja fil-Konvenzjoni ta' l-1990

Fiż-żmien meta ġie ffirmat dan il-Ftehim, ir-Renju tad-Danimarka jieħu nota tal-kontenut tal-Ftehim dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Isvezja fil-Konvenzjoni ta' l-1990 u tal-kontenut ta' l-Atti Finali u Dikjarazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu.

Magħmul fil-Lussemburgu illum id-dsatax ta' Diċembru tas-sena elf disa' mija u sitta u disgħin f'kopja oriġinali waħda fil-lingwa Daniża, Olandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Taljana, Portugiża u Spanjola, it-tmien testi jkunu ugwalment awtentiċi, tali kopja oriġinali tibqa' depożitata fl-Arkivji tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, li għandu jibgħat kopja ċċertifikata lil kull wieħed mill-Partijiet Kontraenti.

Għall-Gvern tar-Renju tal-Belġju

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Renju tad-Danimarka

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Ellenika

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Renju ta' Spanja

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika Franċiża

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika ta' l-Italja

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Renju ta' l-Olanda

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika ta' l-Awstrija

+++++ TIFF +++++

Għall-Gvern tar-Repubblika tal-Portugall

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

DIKJARAZZJONI TAL-MINISTRI U SEGRETARJI TA' L-ISTAT

Fid-dsatax ta' Diċembru tas-sena elf disa' mija u tnejn u disgħin, ir-rappreżentanti tal-Gvernijiet tar-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta' l-Olanda u r-Repubblika Portugiża iffirmaw fil-Lussemburgu il-Ftehim dwar id-Dħul tar-Repubblika Portugiża fil-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta' l-Unjoni Ekonomika ta' Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fuq il-fruntieri komuni ffirmat f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990, li fih ir-Repubblika Taljana, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika tal-Portugall, ir-Repubblika Ellenika u r-Renju ta' l-Awstrija ssieħbu permezz tal-Ftehim iffirmati fis-27 ta' Novembru 1990, fil-25 ta' Ġunju 1991, fis-6 ta' Novembru 1992 u fit-28 ta' April 1995 rispettivament.

Innutaw li r-rappreżentant tar-Renju tad-Danimarka ddikjara li qiegħed jappoġġja d-Dikjarazzjoni magħmula f'Schengen fid-19 ta' Ġunju 1990 mill-Ministri u s-Segretarji ta' l-Istat li jirrappreżentaw il-Gvernijiet ta' l-Unjoni Ekonomika ta' Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża,, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u r-Renju ta' l-Olanda liema Dikjarazzjoni u deċiżjoni kienu kkonfermati fl-istess jum wara li ġiet iffirmata l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen, liema Dikjarazzjoni u deċiżjoni l-Gvernijiet tar-Repubblika Taljana, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika Ellenika u r-Renju ta' l-Awstrija ukoll appoġġjaw.

--------------------------------------------------

Top