EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0606

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/606 tad-19 ta' April 2018 li jagħti l-protezzjoni lill-isem “Dons” (DOP) skont l-Artikolu 99 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2018/2213

OJ L 101, 20.4.2018, p. 37–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/606/oj

20.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 101/37


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/606

tad-19 ta' April 2018

li jagħti l-protezzjoni lill-isem “Dons” (DOP) skont l-Artikolu 99 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 99 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 97(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni li bagħtet id-Danimarka biex l-isem “Dons” jiġi rreġistrat bħala denominazzjoni ta' oriġini protetta (DOP) u ppubblikatha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

(2)

Il-Ministeru Taljan għall-Agrikoltura, il-Konfederazzjoni nazzjonali tal-konsorzji volontarji għall-protezzjoni tad-denominazzjonijiet tal-inbejjed Taljani msejħa “Confederazione Nazionale dei Consorzi Volontari per la Tutela delle Denominazioni dei Vini Italiani” (FEDERDOC) u l-Alleanza tal-kooperattivi Taljani agroalimentari msejħa “L'Alleanza delle Cooperative Italiane-Agroalimentare” oġġezzjonaw għal din l-applikazzjoni, skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009 (3), permezz ta' ittri elettroniċi li bagħtu fl-4 ta' Frar 2016, fil-5 ta' Frar 2016 u fit-8 ta' Frar 2016 rispettivament. Il-Kummissjoni qieset li dawn it-tliet oġġezzjonijiet kollha kienu ammissibbli skont l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009.

(3)

Permezz ta' ittra tal-24 ta' Mejju 2016, il-Kummissjoni bagħtet dawn l-oġġezzjonijiet lill-awtoritajiet Daniżi u stednithom jibagħtu l-kummenti tagħhom dwarhom fi żmien xahrejn skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009. Id-Danimarka bagħtet il-kummenti tagħha dwarhom fiż-żmien meħtieġ, eżattament fl-4 ta' Lulju 2016.

(4)

Kif previst fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009, permezz ta' ittra tat-12 ta' Jannar 2017, il-Kummissjoni bagħtet il-kummenti tal-awtoritajiet Daniżi lit-tliet persuni li oġġezzjonaw u dawn ingħataw xahrejn biex jibagħtu l-kummenti li jista' jkollhom dwarhom. Bi tweġiba għal dan, fl-10 ta' Marzu 2017 il-Kummissjoni rċeviet ittra oħra mingħand il-Ministeru Taljan għall-Agrikoltura li fiha l-Ministeru tenna li huwa jopponi li tingħata din il-protezzjoni.

(5)

Skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar dan abbażi tal-evidenza li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha.

(6)

It-tliet persuni li oġġezzjonaw kollha qalu li jenħtieġ li ċerti varjetajiet tal-għeneb li jintużaw għall-produzzjoni tal-prodott imsejjaħ “Dons”, jiġifieri l-varjetajiet “Cabernet Cortis”, “Orion”, “Regent”, “Rondo” u “Solaris”, li huma jqisu li huma varjetajiet ibridi li nħolqu permezz tat-tlaqqim tal-ispeċi Vitis vinifera ma' speċijiet oħrajn tal-ġeneru Vitis, ma jintużawx għall-produzzjoni ta' denominazzjoni ta' oriġini protetta skont l-Artikolu 93(1)(a)(iv) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Huma qalu wkoll li varjetà li tkun inħolqot permezz tat-tlaqqim bejn l-ispeċijiet qatt ma tista' titqies bħala varjetà tal-ispeċi Vitis vinifera. Skont il-Ministeru Taljan għall-Agrikoltura u l-FEDERDOC, fi kwalunkwe pajjiż tal-Unjoni Ewropea, mill-analiżi tal-ġenoma wieħed ikun jista' jistabbilixxi jekk varjetà tkunx varjetà tal-ispeċi Vitis vinifera jew jekk din tkunx varjetà mħallta ma' speċi oħra tal-ġeneru Vitis.

(7)

Il-Ministeru Taljan għall-Agrikoltura jsostni wkoll li r-referenza għall-fatturi umani, ir-rabta kawżali bejn il-fatturi naturali u dawk umani u l-informazzjoni dwar il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott li jistgħu jiġu attribwiti għall-ambjent ġeografiku mhumiex iddettaljati biżżejjed. Barra minn hekk, il-Ministeru jsostni wkoll li m'hemm l-ebda bażi teknika u xjentifika għall-istqarrija li l-profil tal-aċidità tal-prodott ġej “mill-għażla ta' varjetajiet li jifilħu pjuttost tajjeb”, meta wieħed iqis li l-għażla tal-varjetajiet huwa proċess li jieħu fit-tul li ma jistax jirreferi għall-varjetajiet ibridi ta' bejn l-ispeċijiet.

(8)

Fl-aħħar nett, il-Ministeru Taljan għall-Agrikoltura jqis li m'hemmx bżonn jingħataw ir-rekwiżiti dwar it-tikkettar tal-varjetajiet tal-għeneb u tas-sena tal-produzzjoni tal-inbid, minħabba li t-tali rekwiżiti huma stabbiliti fl-Artikolu 61 u fl-Artikolu 62 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009.

(9)

Il-Kummissjoni vvalutat l-argumenti u l-provi li bagħtu dawk li oġġezzjonaw u li bagħat l-applikant u kkonkludiet li jenħtieġ li l-isem “Dons” jiġi rreġistrat bħala denominazzjoni ta' oriġini protetta għar-raġunijiet li ġejjin.

(10)

Diversi elementi jridu jitqiesu b'rabta mal-allegazzjonijiet li l-prodott mhux ġej minn varjetajiet tal-għeneb li huma varjetajiet tal-ispeċi Vitis vinifera. L-ewwel nett, fil-livell tal-UE ma hemm l-ebda klassifikazzjoni armonizzata ta' varjetà tal-għeneb li tkun varjetà tal-ispeċi Vitis vinifera. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda lista ta' referenza jew dokument xjentifiku disponibbli mingħand korp kompetenti uffiċjali, bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (l-OIV), li dal-ħin jippermetti li wieħed jikklassifika speċi bħala varjetà tal-ispeċi Vitis vinifera jew bħala taħlita tal-ispeċi Vitis vinifera ma' speċijiet oħrajn tal-ġeneru Vitis, jew li wieħed jiddistingwi bejniethom mingħajr ebda dubju. F'dan il-kuntest, jenħtieġ li l-kwistjoni tad-definizzjoni xjentifika tiġi ttrattata b'mod ewlieni fil-valutazzjoni nazzjonali preliminari li l-Istati Membri jwettqu skont l-Artikolu 96 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Id-Danimarka tiddependi fuq il-klassifikazzjoni Ġermaniża, li fiha l-ħames varjetajiet tal-għeneb tal-inbid ikkonċernati kollha huma kklassifikati bħala varjetajiet tal-ispeċi Vitis vinifera. It-tieni nett, skont l-Artikolu 16(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009 dwar l-iskrutinju ta' oġġezzjoni, il-Kummissjoni trid tiddeċiedi li tirrifjuta jew li tirreġistra d-denominazzjoni tal-oriġini abbażi tal-evidenza li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha. F'dan il-każ, dawk li oġġezzjonaw ma pprovdewx dejta jew evidenza xjentifika soda li turi li l-prodott mhux ġej minn varjetajiet tal-għeneb li huma varjetajiet tal-ispeċi Vitis vinifera. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li diversi Stati Membri oħrajn jużaw il-varjetajiet tal-għeneb tal-inbid ikkonċernati fil-produzzjoni tal-inbejjed tagħhom li għandhom denominazzjoni ta' oriġini protetta.

(11)

Minħabba r-raġunijiet mogħtija hawn fuq, wieħed ma jistax jikkonkludi li l-prodott imsejjaħ “Dons” ġej minn varjetajiet tal-għeneb li mhumiex varjetajiet tal-ispeċi Vitis vinifera. Għalhekk l-oġġezzjonijiet li saru abbażi ta' dan iridu jiġu rrifjutati.

(12)

F'dak li għandu x'jaqsam mal-allegazzjonijiet li m'hemmx biżżejjed informazzjoni dwar ir-rabta, il-Kummissjoni tinnota li ngħatat deskrizzjoni tal-fatturi naturali rilevanti tal-ambjent ġeografiku, kif ukoll tar-rabta tagħhom mal-kwalità tal-prodott u mal-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, b'mod partikulari l-ammont ogħla ta' aċidu lattiku fil-prodott meta mqabbel ma' nbejjed frizzanti klassiċi, li jiddistingwih minnhom. Għalhekk wieħed irid jikkonkludi li l-elementi meħtieġa marbutin mar-rabta ġew inklużi fl-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009. F'dak li għandu x'jaqsam mal-fatturi umani, il-profil tal-aċidità tal-prodott jitqies li ġej mill-għażla ta' varjetajiet li jifilħu pjuttost tajjeb, f'konformità mal-Artikolu 93(1)(a)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

(13)

F'dak li għandu x'jaqsam mal-allegazzjonijiet li m'hemmx bżonn jingħataw ir-rekwiżiti li huma preskritti mir-Regolament (KE) Nru 607/2009, minħabba li partijiet mir-rekwiżiti jmorru lil hinn mil-liġijiet tal-Unjoni, jidher li huwa xieraq li dawn jiġu inklużi fl-applikazzjoni għal raġunijiet taċ-ċarezza u biex il-produtturi potenzjalment eliġibbli jifhmuhom sewwa.

(14)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq u skont l-Artikolu 99 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-Kummissjoni tqis li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak ir-Regolament u li jenħtieġ li l-isem “Dons” jiġi protett u jiddaħħal fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 104 ta' dak ir-Regolament.

(15)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-isem “Dons” (DOP) b'dan huwa protett.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' April 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  ĠU C 407, 8.12.2015, p. 4.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 607/2009 tal-14 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tad-denominazzjonijiet tal-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, termini tradizzjonali, it-tikkettar u l-preżentazzjoni ta' ċerti prodotti fis-settur tal-inbid (ĠU L 193, 24.7.2009, p. 60).


Top