EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0396

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/396 tat-13 ta' Marzu 2018 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana

C/2018/1449

OJ L 71, 14.3.2018, p. 36–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/396/oj

14.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 71/36


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/396

tat-13 ta' Marzu 2018

li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(1)(e) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa nomenklatura tal-merkanzija (minn hawn 'il quddiem imsejħa n-“Nomenklatura Magħquda” jew in-“NM”), li hija stabbilita fl-Anness I tiegħu.

(2)

In-nota addizzjonali 10 tal-Kapitolu 22 tat-Tieni Parti tan-NM tistipula li, għall-għanijiet tas-subtitli 2206 00 31 u 2206 00 39, ix-xarbiet iffermentati, minbarra dawk fi fliexken b'tappijiet forma ta' faqqiegħ miżmumin f'posthom b'rabtiet u bi qfil, bi pressjoni żejda ta' mhux inqas minn 1,5 bar, imkejla f'temperatura ta' 20 °Ċ, huma meqjusin bħala “effervexxenti (sparkling)”.

(3)

In-nota 1 tas-subtitlu tal-Kapitolu 22 tat-Tieni Parti tan-NM tistipula li, “għall-għanijiet tas-subtitlu 2204 10, l-espressjoni “inbid ifexfex” tfisser inbid li, meta miżmum f'temperatura ta' 20 °Ċ f'kontenituri magħluqin, għandu pressjoni żejda ta' mhux inqas minn 3 bar”.

(4)

Fid-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE (2) hemm miktub li “xorb ieħor iffermentat bil-gass” li jidħol mhux biss fl-intestaturi 2204 u 2205, iżda wkoll fil-Kodiċi tan-NM 2206 00 91, li kien japplika meta d-Direttiva ġiet adottata (issa l-Kodiċijiet tan-NM 2206 00 31 u 2206 00 39), “għandhom pressa żejda ta' 3 bar jew iżjed”.

(5)

Ma jistax jiġi ġġustifikat, la mil-lat xjentifiku u lanqas minn ebda lat ieħor, li jkun hemm livelli limitu differenti f'dak li għandu x'jaqsam mal-pressjoni żejda għax-xarbiet iffermentati effervexxenti, tkun xi tkun il-klassifika tagħhom fil-kodiċijiet tan-NM 2204, 2205 jew 2206.

(6)

Għall-finijiet taċ-ċertezza tad-dritt, jeħtieġ li n-nota addizzjonali 10 tal-Kapitolu 22 tat-Tieni Parti tan-NM tiġi emendata billi l-livell limitu eżistenti ta' “mhux inqas minn 1,5 bar” jinbidel bil-frażi “3 bar jew iżjed”.

(7)

Biex tkun żgurata l-konsistenza u interpretazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda fl-Unjoni kollha rigward id-definizzjoni tax-xarbiet “effervexxenti”, jeħtieġ li tiġi emendata n-nota addizzjonali 10 tal-Kapitolu 22 tat-Tieni Parti tan-NM.

(8)

Għalhekk, ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma ħariġx opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fil-Kapitolu 22 tat-Tieni Parti tan-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, it-tieni inċiż tan-nota addizzjonali 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“—

xarbiet iffermentati ppreżentati mod ieħor, bi pressjoni żejda ta' 3 bar jew iżjed, imkejla f'temperatura ta' 20 °Ċ.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU L 316, 31.10.1992, p. 21).


Top