EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0186

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/186 tas-7 ta' Frar 2018 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

C/2018/0599

OJ L 34, 8.2.2018, p. 16–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/03/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2018/186/oj

8.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 34/16


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/186

tas-7 ta' Frar 2018

li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri Provviżorji

(1)

Fl-10 ta' Awwissu 2017, il-Kummissjoni Ewropea (minn hawn' il quddiem imsejħa “il-Kummissjoni”) imponiet dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni (“corrosion resistant steels - CRS”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ” jew “il-pajjiż konċernat”) permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1444 (2) (“ir-Regolament provviżorju”) skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2016/1036 (“ir-Regolament bażiku”).

(2)

L-investigazzjoni nbdiet fid-9 ta' Diċembru 2016 (3), wara lment ippreżentat fil-25 ta' Ottubru 2016 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar, (“l-Eurofer” jew “l-ilmentatur”) f'isem produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 53 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni.

(3)

Kif intqal fil-premessa (30) tar-Regolament provviżorju, l-investigazzjoni ta' dumping u ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta' Ottubru 2015 sat-30 ta' Settembru 2016 (“il-perjodu tal-investigazzjoni” jew il-“PI”). L-eżaminazzjoni tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2013 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni (“il-perjodu kunsidrat”).

1.2.   Reġistrazzjoni

(4)

Il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw u jintbagħtu mir-RPĊ soġġetti għal reġistrazzjoni permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1238 (4). Ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet waqfet mal-impożizzjoni ta' miżuri provviżorji fil-11 ta' Awwissu 2017.

1.3.   Proċedura sussegwenti

(5)

Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li abbażi tagħhom ġie impost dazju antidumping provviżorju (“id-divulgazzjoni provviżorja”), għadd ta' partijiet interessati ressqu preżentazzjonijiet bil-miktub biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar il-konstatazzjonijiet provviżorji. Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità.

(6)

Matul fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni saru seduti ta' smigħ mal-International Steel Trade Association (“ISTA”) fit-13 ta' Novembru 2017 u maċ-Chinese Iron and Steel Association (“CISA”) fis-17 ta' Novembru 2017.

(7)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha li kienet meħtieġa għall-konstatazzjonijiet definittivi tagħha. Sabiex ikollha għad-dispożizzjoni tagħha informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, il-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, l-Eurofer, u l-importaturi kollha magħrufa ntalbu jipprovdu dejta addizzjonali. Il-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, il-Eurofer, u sitt importaturi ppreżentaw tweġibiet għall-kwestjonarju.

(8)

Sabiex jiġu vverifikati r-risposti tal-kwestjonarji msemmija fil-premessa (7) hawn fuq, saru żjarat ta' verifika fil-post biex jivverifikaw id-dejta pprovduta minn:

Eurofer, Brussell, il-Belġju

Vergalle NV, Oudenaarde, il-Belġju

(9)

Kif tħabbar fil-premessa (22) tar-Regolament provviżorju, fi stadju definittiv twettqu żjarat ta' verifika fl-istabbilimenti tan-negozjanti/importaturi li ġejjin li huma relatati ma' produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fir-RPĊ:

Hebei Iron and Steel Group (“HBIS”):

Duferco Deutschland GmbH, Ratingen, il-Ġermanja

Duferco SA, Lugano, l-Iżvizzera

(10)

Il-Kummissjoni għarrfet lill-partijiet kollha bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali, li abbażi tagħhom kien biħsiebha timponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet fl-Unjoni ta' azzar reżistenti għall-korrużjoni li joriġina mir-RPĊ u tiġbor b'mod definittiv l-ammonti garantiti permezz ta' dazju provviżorju (“id-divulgazzjoni definittiva”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali. Wara d-divulgazzjoni definittiva, parti minnhom talbet u rċeviet spjegazzjonijiet addizzjonali speċifiċi għall-kumpanija. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment dwar dawn l-ispjegazzjonijiet addizzjonali.

(11)

Il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati tqiesu u fejn xieraq ittieħdu inkonsiderazzjoni.

1.4.   Trattament individwali

(12)

Fil-premessa (21) tar-Regolament provviżorju, il-Kummissjoni nnutat li tliet gruppi ta' produtturi esportaturi mir-RPĊ talbu trattament individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku. Il-premessa 22 tar-Regolament provviżorju tispjega r-raġunijiet għaliex l-eżaminazzjoni ta' tali talbiet ma kinitx possibbli fl-istadju provviżorju.

(13)

Wara l-impożizzjoni ta' miżuri antidumping provviżorji, il-grupp ta' kumpaniji msemmi fil-premessa (23) tar-Regolament provviżorju qal li t-talba tiegħu għal trattament individwali għandha tiġi eżaminata fl-istadju definittiv i) minħabba li huwa kien l-uniku produttur esportatur Ċiniż li jforni ċerti prodotti fis-suq tal-Unjoni, ii) minħabba l-karatteristiċi tal-prodotti tiegħu, ħaġa li kienet repetizzjoni, mingħajr elementi ġodda ta' sostenn, ta' talba preċedenti li ġiet indirizzata għal darb'oħra fil-premessa (23) tar-Regolament provviżorju u iii) għaliex il-liġi tal-WTO tistabbilixxi l-obbligu li jiġu determinati l-marġnijiet ta' dumping individwali għal kull produttur magħruf (ħlief jekk iseħħu għadd limitat ta' eċċezzjonijiet). Il-parti saħqet ukoll li b'mod ġenerali l-għadd ta' esportaturi ma setax jiġi kkunsidrat bħala “tant kbir” b'mod li jkunx prattiku li jiġi determinat il-marġini individwali.

(14)

Fir-rigward tal-ewwel żewġ affermazzjonijiet, qed jiġi konfermat li l-firxa tal-prodotti diġà koperta fil-kampjun titqies bħala waħda rappreżentattiva, peress li l-kampjun huwa meqjus bħala rappreżentattiv għax jammonta għal kważi nofs it-total tal-importazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni.

(15)

Fir-rigward tat-tielet affermazzjoni, il-Kummissjoni tikkonferma l-konklużjoni milħuqa fl-istadju provviżorju li l-għadd ta' talbiet għal trattament individwali (minn tliet gruppi ta' produtturi esportaturi fir-RPĊ, magħmul minn diversi impriżi individwali) kien tant kbir li l-eżaminazzjoni individwali kienet tkun ta' piż bla bżonn u żżomm lill-investigazzjoni milli titlesta fil-ħin. Fil-fatt, wara valutazzjoni tal-ammont ta' xogħol li huwa mistenni li jiġi ġġenerat mit-talbiet, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma seta' jingħata l-ebda trattament individwali fl-istadju definittiv peress li l-għadd ta' entitajiet li jkollhom jiġu investigati addizzjonalment u l-għadd ta' postijiet differenti li fihom trid issir żjara ta' verifika kienu jkunu ta' piż żejjed u kienu jżommu lill-investigazzjoni milli titlesta fil-ħin skont l-iskeda tal-investigazzjoni u r-riżorsi disponibbli għall-Kummissjoni. Il-Kummissjoni diġà investigat 22 entità f'seba' postijiet bħala parti mill-kampjun.

(16)

Barra minn hekk, kif innotat fil-premessa (9) aktar 'il fuq, verifiki importanti li normalment jitwettqu fl-istadju provviżorju ta' investigazzjoni, kienu diġà ġew posposti għall-istadju definittiv tal-investigazzjoni minħabba d-daqs tal-każ u l-għadd ta' partijiet interessati li se jkunu investigati f'dan il-każ, u b'hekk tpoġġa piż addizzjonali fuq l-investigazzjoni.

(17)

Wieħed ifakkar ukoll li l-kampjun tal-produtturi esportaturi jammonta għal kważi nofs il-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi kollha tal-prodott konċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Il-gruppi li talbu trattament individwali jkunu jgħoddu kollha flimkien għal inqas minn 5 % tal-importazzjonijiet totali.

(18)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirreferi wkoll għall-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni li jista' jinkiser jekk jiġi eżaminat individwalment grupp addizzjonali wieħed biss u mhux iż-żewġ kumpaniji/gruppi li ma kinux inklużi fil-kampjun li wkoll talbu eżaminazzjoni individwali.

(19)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, il-grupp ta' kumpaniji msemmi fil-premessa (13) hawn fuq tenna t-talba tiegħu għal eżaminazzjoni individwali minħabba li (i) huwa produttur mhux integrat tal-prodott ikkonċernat bi struttura tal-ispejjeż u kompożizzjoni tal-profitti differenti mill-produtturi esportaturi fil-kampjun; (ii) il-Kummissjoni, allegatament, ma kellhiex l-intenzjoni li tagħti deċiżjoni aktar kmieni dwar l-eżaminazzjoni individwali sabiex iċċaħħad lill-partijiet interessati mill-opportunità li jikkummentaw dwar il-kwistjoni; (iii) skont il-liġi tad-WTO, rifjut ta' talbiet għal eżaminazzjoni individwali għandu jkun eċċezzjoni; (iv) il-Kummissjoni kienet ivverifikat il-produtturi esportaturi kollha fil-kampjun qabel April 2017 u (v) il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni mhuwiex problema peress li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni kien missha vvalutat it-talbiet TES miż-żewġ kumpaniji/gruppi l-oħra li ma kinux fil-kampjun li wkoll talbu eżaminazzjoni individwali.

(20)

L-ebda waħda mir-raġunijiet ippreżentati hawn fuq ma' ddgħajjef il-konklużjoni kumplessiva li l-eżaminazzjoni ta' talbiet għal eżaminazzjoni individwali ma kinitx possibbli. L-ewwel nett, l-allegata differenza fl-istruttura tal-ispejjeż u fil-kompożizzjoni tal-profitti ma tistax, waħedha, tiġġustifika talba għal eżaminazzjoni individwali. Pjuttost, il-kumpaniji kollha li talbu eżaminazzjoni individwali jinsabu fl-istess sitwazzjoni fattwali u ġuridika. Barra minn hekk, il-kumpanija dejjem tista' titlob għal rimborż jew għal rieżami interim, jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet applikabbli. It-tieni nett, il-Kummissjoni qatt ma żammet lill-partijiet interessati milli jikkummentaw dwar il-kwistjoni. It-tielet nett, il-Kummissjoni tfakkar li l-liġi tal-WTO tgħid b'mod ċar, fl-Artikolu 6.10 tal-Ftehim Antidumping, li f'każijiet fejn l-għadd ta' [esportaturi] involuti jkun tant kbir li [eżaminazzjoni individwali] ma tkunx prattikabbli, l-awtoritajiet jistgħu jillimitaw l-eżaminazzjoni tagħhom għal għadd raġonevoli ta' partijiet interessati billi jużaw kampjuni. L-applikazzjoni ta' din ir-regola ma tiskoraġġixxix it-tweġibiet volontarji. Ir-raba', il-Kummissjoni lestiet il-verifika tal-gruppi fil-kampjun f'Ottubru 2017 biss. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li l-piż li twettaq l-analiżi tat-talbiet minn tliet kumpaniji/gruppi addizzjonali nħoloq ad abundum fir-Regolament provviżorju u fil-premessi (15) u (17) t'hawn fuq.

(21)

Fin-nuqqas ta' kummenti ulterjuri rigward eżaminazzjoni individwali, il-konstatazzjonijiet provviżorji stipulati fil-premessi (21) sa (24) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

1.5.   Trattament ta' ekonomija tas-suq (“TES”)

(22)

Il-premessa (25) tar-Regolament provviżorju nnutat li żewġ gruppi ta' produtturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw fir-RPĊ kienu ssottomettew il-formoli ta' talba għal TES fit-talba tagħhom għal trattament individwali. Peress li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tagħtix trattament individwali lil dawn il-gruppi, it-talbiet tagħhom għal TES ma ġewx ivvalutati.

(23)

Fin-nuqqas ta' kummenti rigward it-TES, il-konstatazzjonijiet provviżorji stipulati fil-premessa (25) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

1.6.   Il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili

(24)

Il-premessa (31) tar-Regolament provviżorju stipulat id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Din id-definizzjoni hija kkonfermata b'mod definittiv. Kif imsemmi fil-premessa (34) tar-Regolament provviżorju, xi partijiet baqgħu jitolbu kjarifika dwar id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. Kjarifiki bħal dawn ingħataw fuq bażi ta' każ b'każ.

(25)

Huwa ċċarat li l-kodiċi TARIC 7225990035 li kien fil-premessa (31) u fl-Artikolu 1 tar-Regolament provviżorju għandu jitneħħa peress li dan iddaħħal bi żball peress li kien diġà allokat għal prodott ieħor suġġett għall-miżuri. Dan il-kodiċi ma ntużax mill-importaturi tal-prodott ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni.

(26)

Fin-nuqqas ta' kummenti dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-konklużjonijiet fil-premessi (31) sa (39) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

2.   DUMPING

2.1.   Valur normali

(27)

Id-dettalji għall-kalkolu tal-valur normali huma stabbiliti fil-premessi (40) sa (51) tar-Regolament provviżorju.

(28)

Wara l-impożizzjoni ta' miżuri provviżorji, is-CISA qalet li d-differenza bejn il-marġnijiet tal-ħsara u tad-dumping tqajjem dubji dwar il-preċiżjoni tal-konstatazzjonijiet u tal-kalkoli tal-Kummissjoni, jew tal-għażla tal-pajjiż analogu. Is-CISA stmat li l-valur normali fil-pajjiż analogu kien 21 % ogħla mill-prezz indikattiv tal-industrija tal-Unjoni u li l-prezz tal-bejgħ medju tal-produttur fil-pajjiż analogu kien ogħla mill-prezzijiet (diġà għolja) fil-Brażil. Skont is-CISA, il-fatt li l-valur normali nħadem għall-biċċa l-kbira tal-bejgħ tal-produtturi esportaturi fil-kampjun, ukoll jixħet dubji dwar l-għażla tal-pajjiż analogu jew tal-kwalità tad-dejta miksuba fil-Brażil. Fl-aħħar nett, is-CISA talbet lill-Kummissjoni biex tinvalida l-għażla tal-Brażil bħala pajjiż analogu.

(29)

L-aħħar affermazzjoni tidher li tikkontradixxi dak li qalet is-CISA fl-24 ta' Marzu 2017 li l-Brażil jidher “li jkun l-aħjar għażla fost diversi pajjiżi kandidati, jiġifieri l-Kanada, l-Awstralja u l-Brażil, speċjalment wara paragun bejn id-daqs ta' kull suq u saħħa fis-suq tal-produtturi li qed jikkooperaw”.

(30)

Fis-sustanza, il-Brażil huwa suq kompetittiv bi tliet produtturi domestiċi u importazzjonijiet sostanzjali, prinċipalment miċ-Ċina, li jirrappreżentaw sehem mis-suq domestiku Brażiljan ta' madwar 15 %. Il-Brażil ma għandux miżuri antidumping u kompensatorji fis-seħħ u l-kumpaniji tiegħu joperaw b'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-Brażil huwa għażla xierqa.

(31)

Fir-rigward tal-kwalità tad-dejta u tal-kalkoli, id-dejta tal-produttur mill-pajjiż analogu kienet ivverifikata għall-eżattezza u nstab li kienet affidabbli. Il-kalkoli jsiru f'konformità mar-regoli legali applikabbli tar-Regolament bażiku. Dawn huma fattwalment korretti.

(32)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, grupp ta' produtturi esportaturi fil-kampjun innota li l-valur normali kellu jinħadem għal iktar minn 75 % tal-volum tal-bejgħ tiegħu lejn l-Unjoni u indika li dan jitfa' dubju serju dwar il-komparabbiltà tat-tipi ta' prodott mibjugħa fis-suq domestiku tal-pajjiż analogu.

(33)

F'dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-ambitu tal-prodott jinkludi firxa wiesgħa ta' tipi ta' prodott li jippreżentaw karatteristiċi diversi. Il-fatt li ċerti tipi ta' prodotti Brażiljani ma nbigħux fi kwantitajiet suffiċjenti jew ma setgħux jiġu mqabbla ma' tipi ta' prodotti Ċiniżi esportati lejn l-Unjoni ma jfissirx li t-tipi ta' prodotti Brażiljani ma kinux komparabbli. Fil-fatt, it-tipi ta' prodotti prodotti mill-produttur Brażiljan jagħmlu parti mill-istess grupp ta' prodotti u jistgħu sa ċertu punt jiġu mqabbla ma' dawk esportati mill-produtturi esportaturi Ċiniżi fil-kampjun lejn l-Unjoni. Barra minn hekk, għal prodotti esportati li ma setgħux jitqabblu direttament mal-valuri normali Brażiljani, il-valur normali ġie aġġustat biex jitqiesu d-differenzi fiżiċi kollha (b'mod partikolari, f'dak li għandu x'jaqsam mal-wisa', il-kwalità tal-uċuħ u l-massa tal-kisi), fuq il-bażi ta' lista tal-prezzijiet tal-produttur mill-pajjiż analogu għax tabilħaqq dawn id-differenzi kienu previsti. Dan ifisser ukoll li t-tipi ta' prodotti li nħadem il-valur normali tagħhom kienu tabilħaqq parti mill-portafoll tal-prodotti tal-produttur mill-pajjiż analogu, bħalma kienu f'tal-partijiet Ċiniżi inklużi fil-kampjun. Wara d-divulgazzjoni finali, il-parti marret lil hinn minn dan u talbet il-valur eżatt ta' kull aġġustament għad-differenzi fiżiċi. Din it-talba hija indirizzata fil-premessa (35) hawn taħt.

(34)

L-istess parti sostniet ukoll li ma ġiet divulgata l-ebda dejta sinifikattiva dwar il-valur normali. Il-parti talbet għal aċċess għad-dejta kollha permezz tal-avukati tagħha fuq il-bażi li l-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li d-destinatarji ta' deċiżjonijiet li jaffettwaw b'mod sostanzjali l-interessi tagħhom, għandhom jitqiegħdu f'pożizzjoni li jkunu jistgħu effettivament jesponu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-evidenza li fuqha tkun ibbażata d-deċiżjoni kontestata.

(35)

Il-kalkolu tal-valur normali huwa bbażat fuq dejta marbuta mal-bejgħ u mal-ispejjeż tal-produttur mill-pajjiż analogu. Il-produttur mill-pajjiż analogu talab u ġġustifika trattament ta' kunfidenzjalità għad-dejta tal-bejgħ u tal-ispejjeż tiegħu għall-finijiet ta' din l-investigazzjoni, peress li divulgazzjoni bħal din tista' tagħmel ħsara lill-pożizzjoni kompetittiva tal-kumpanija. Barra minn hekk, id-divulgazzjoni tal-valur normali tista' tipprovdi l-possibbiltà lil xi kompetitur jaħdem b'lura l-prezzijiet u l-ispejjeż tal-produttur mill-pajjiż analogu. Għalhekk, il-kalkoli tal-valur normali huma mogħtija b'mod kunfidenzjali. Il-premessa (50) tar-Regolament provviżorju użat firxiet biex tiddivulga dejta dwar il-profitt u l-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“BĠA”) tal-produttur mill-pajjiż analogu fuq bażi ta' perċentwali. Barra minn hekk, il-produtturi esportaturi rċevew divulgazzjoni speċifika bil-valur normali għal kull tip ta' prodott f'firxiet. Fl-aħħar nett, għal dawn il-kwistjonijiet, il-parti interessata ġiet infurmata li għandha l-possibilità tirrikorri għand l-Uffiċjal tas-Seduta fi proċeduri kummerċjali skont l-Artikolu 15 tat-termini ta' referenza tagħha (5). Il-parti ma kkuntattjatx lill-Uffiċjal tas-Seduta dwar din il-kwistjoni.

(36)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, il-parti indikat li hija fehmet sew li d-dejta biex jiġi stabbilit il-valur normali kienet kunfidenzjali u li hija kienet tapprezza t-tħassib indirizzat mill-produttur mill-pajjiż analogu dwar id-divulgazzjoni mhux protetta tad-dejta tagħhom. Għalhekk, hija tennet it-talba tagħha li jkollha aċċess għall-kalkolu tal-valur normali permezz tal-avukat tagħha, “taħt miżuri protettivi” jew skont “kwalunkwe soluzzjoni kostruttiva oħra”. Il-Kummissjoni tinnota li ma hemm l-ebda dispożizzjoni fir-Regolament bażiku li tippermetti, matul l-investigazzjoni, aċċess għal informazzjoni li għaliha jkun intalab trattament kunfidenzjali mill-fornitur tagħha.

(37)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, il-parti sostniet li l-firxiet fid-divulgazzjoni speċifika b'valur normali għal kull tip ta' prodott ma kinux jagħmlu sens. Il-Kummissjoni tinnota li l-parti naqset milli tagħmel din it-talba fi żmien id-divulgazzjoni provviżorja filwaqt li l-firxiet inkwistjoni kienu eżattament l-istess fid-divulgazzjoni provviżorja u f'dik definittiva. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tqis li l-firxiet użati huma meħtieġa biex jinżamm trattament kunfidenzjali tad-dejta rilevanti mogħtija mill-produttur tal-pajjiż analogu, u jingħata biżżejjed fehim tal-informazzjoni ppreżentata b'mod kunfidenzjali.

(38)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn dwar id-determinazzjoni tal-valur normali, il-premessi (40) sa (51) tar-Regolament proviżorju huma konfermati.

2.2.   Prezz tal-esportazzjonti

(39)

Id-dettalji għall-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni huma ppreżentati fil-premessi (52) sa (53) tar-Regolament provviżorju.

(40)

Il-grupp Shagang sostna li l-Kummissjoni ma ddivulgatx il-bażi ġuridika għat-tnaqqis tal-ispejjeż BĠA u tal-profitti tan-negozjanti relatati tiegħu f'Ħong Kong u f'Singapor. Barra minn hekk, il-grupp Shagang sostna li huwa għandu jiġi kkunsidrat bħala entità ekonomika waħda flimkien mal-kumpaniji relatati tiegħu u, għalhekk, huwa kkontesta l-aġġustamenti msemmija hawn fuq. Il-parti allegat li n-negozjanti relatati tagħha f'Ħong Kong u f'Singapor kellhom funzjoni marġinali fil-proċess sħiħ tal-bejgħ u sempliċement eżegwew l-istruzzjonijiet ta' entità ġuridika oħra.

(41)

Il-Kummissjoni ċċarat li l-bażi ġuridika għal dan l-aġġustament kienet l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku minħabba li jirreferi għal differenza pożittiva li rċeviet kumpanija relatata li twettaq funzjonijiet li jixbhu lil dawk ta' aġent li jaħdem fuq bażi ta' kummissjoni.

(42)

Skont l-Artikolu 2(10)(i), il-Kummissjoni analizzat diversi fatturi u stabbilixxiet, fost l-oħrajn, li: (i) fid-dawl tal-kuntratti bil-miktub, kien hemm differenza pożittiva konsistenti debitata minn kumpanija relatata fir-RPĊ lin-negozjanti relatati barra l-pajjiż; (ii) dawk il-kuntratti bil-miktub issuġġerew li n-negozjanti assumew ir-riskju ta' inadempjenza tal-klijent; (iii) l-attività ewlenija tan-negozjanti relatati, li tammonta għal aktar minn 95 % tal-fatturat tagħhom, kienet tikkonsisti fil-kummerċ ta' prodotti li mhumiex il-prodott ikkonċernat inkluż attivitajiet kummerċjali ma' partijiet mhux relatati; (iv) in-negozjanti kienu qed iħallsu kumpens għal talbiet marbuta mal-kwalità li għamlu l-klijenti; (v) in-negozjanti kienu qed iħallsu l-ispiża tal-ġarr bil-baħar u l-ispejjeż tal-bank tal-bejgħ bl-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni; (vi) il-liċenzja kummerċjali ta' wieħed min-negozjanti relatati kienet tiddeskrivi l-attivitajiet prinċipali tiegħu bħala “bejgħ bl-ingrossa fuq il-bażi ta' kummissjoni jew ta' kuntratt, pereż. aġenti b'kummissjoni”, (vii) abbażi tar-rapport tal-introjtu vverifikat, il-profitt proprju tan-negozjanti relatati kopra l-infiq rilevanti tal-uffiċċju; (viii) in-negozjanti ma kinux jinsabu fil-bini jew qrib il-produtturi u żammew ir-rekords tal-kontabilità tagħhom fil-bini tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li n-negozjanti relatati wettqu funzjonijiet simili għal dawk ta' aġent li jaħdem fuq bażi ta' kummissjoni. Għaldaqstant, l-aġġustamenti skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku ġew miżmuma.

(43)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, il-parti kkontestat il-konstatazzjoni li ż-żewġ negozjanti relatati f'Hong Kong u f'Singapor u l-produttur esportatur ma kinux jikkostitwixxu entità ekonomika waħda. Huma kkontestaw l-elementi elenkati hawn fuq u ma sabuhomx rilevanti sabiex jiġi determinat li l-funzjonijiet taż-żewġ negozjanti relatati inkwistjoni huma simili għal dawk ta' aġenti b'bażi ta' kummissjoni.

(44)

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ebda argument invokat mill-parti ma seta' jwassal għal konklużjoni differenti minn dik li ntlaħqet fil-premessa (42) aktar 'il fuq. Pjuttost, il-parti kkonfermat fis-sottomissjoni tagħha l-fatti li ġejjin:

iż-żewġ negozjanti żammew differenza pożittiva meta xtraw mill-kumpanija relatata fir-RPĊ;

aktar minn 95 % tal-fatturat tan-negozjanti relatati kien jikkonsisti f'kummerċ ta' prodotti li mhumiex il-prodott ikkonċernat inkluż attivitajiet kummerċjali ma' partijiet mhux relatati;

iż-żewġ negozjanti kienu qed iħallsu kumpens għat-talbiet marbuta mal-kwalità magħmula mill-klijenti u assumew l-ispiża tal-ġarr bil-baħar u l-ispejjeż bankarji;

iż-żewġ negozjaturi kienu fiżikament 'il bogħod mill-produttur esportatur u żammew ir-rekords tal-kontabilità tagħhom stess;

il-liċenzja kummerċjali ta' wieħed min-negozjanti relatati kienet tiddeskrivi l-attivitajiet prinċipali tiegħu bħala “bejgħ bl-ingrossa fuq il-bażi ta' tariffa jew ta' kuntratt, pereż. aġenti b'kummissjoni”. B'mod partikolari, i-parti ma kkontestax in-natura tal-attività kummerċjali bħala tali u l-fatt li din id-deskrizzjoni tal-attività ma torbotx b'mod speċifiku mal-prodott ikkonċernat huwa fi kwalunkwe każ irrilevanti;

il-profitt tan-negozjanti relatati kopra l-infiq rilevanti tal-uffiċċju.

(45)

Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li Jiangsu Shagang International Trade Co. Ltd tbigħ direttament fis-swieq ta' pajjiżi terzi u fis-suq domestiku Ċiniż. Dan jikkonferma li Shagang Group għandu d-dipartiment tal-bejgħ tiegħu stess, inkluż għal bejgħ bl-esportazzjoni. Għar-raġunijiet ta' hawn fuq, in-negozjanti relatati f'Ħong Kong u f'Singapor jaġixxu bħala aġent li jaħdmu fuq bażi ta' kummissjoni.

(46)

Għaldaqstant, f'konformità mal-ġurisprudenza stabbilita (6), peress li ma ġiet applikata l-ebda tali kummissjoni jew differenza pożittiva fuq il-valur normali, l-aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni kien iġġustifikat skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku.

(47)

Fl-assenza ta' kwalunkwe kumment ieħor dwar il-prezz tal-esportazzjoni, il-premessi (52) sa (53) tar-Regolament provviżorju, qegħdin b'dan jiġu kkonfermati.

2.3.   Paragun

(48)

Il-premessi (54) sa (56) tar-Regolament provviżorju jispjegaw kif sar il-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.

(49)

Is-Shagang grupp ikkontesta l-metodoloġija tal-aġġustament tal-VAT deskritta fil-premessa (56) tar-Regolament provviżorju. Peress li l-valur normali huwa ogħla mill-prezz tal-esportazzjoni, il-parti qalet li l-Kummissjoni għandha taġġusta l-prezz tal-esportazzjoni bl-ammont mitluf tal-VAT irrapurtat.

(50)

F'konformità mal-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku, id-differenza fit-tassazzjoni indiretta, f'dan il-każ il-VAT li hija parzjalment rifonduta fir-rigward ta' bejgħ bl-esportazzjoni, il-Kummissjoni tista' taġġusta kif xieraq biss il-valur normali u mhux il-prezz tal-esportazzjoni. L-affermazzjoni ġiet għalhekk irrifjutata.

(51)

Il-premessa (56) tar-Regolament provviżorju hija ċċarata kif ġej. Il-Kummissjoni ħadet kemm il-valuri normali kif ukoll il-prezzijiet tal-esportazzjoni bil-VAT inkluża u aġġustat il-valur normali biex jaqbel mar-rata tal-VAT applikabbli fuq l-esportazzjoni wara r-rimborż, fejn applikabbli.

(52)

Wara d-divulgazzjoni definittiva, is-Shagang grupp reġa' kkontesta l-metodoloġija tal-aġġustament tal-VAT deskritta fil-premessa (56) tar-Regolamazzjonent provviżorju. Skont il-parti l-Artikolu 2(10)(b) tar-Regolament bażiku japplika għas-sitwazzjoni fejn titħallas il-VAT fuq il-prodott simili fis-suq domestiku, għall-kuntrarju ta' prodotti esportati lejn l-Unjoni. Il-parti rrepetiet l-affermazzjoni tagħha li mhux il-valur normali iżda l-prezz tal-esportazzjoni għandu jiġi aġġustat, u alternattivament, ipproponiet li jiġi aġġustat il-valur normali billi tiżdied miegħu l-VAT, fejn il-VAT tiġi kkalkulata skont l-ammont ta' tunnellaġġ għal kull tip ta' prodott. It-talba ma ntlaqgħetx. Il-Kummissjoni tqis li l-metodoloġija applikata fil-kalkoli tagħha hija konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament bażiku kif interpretat fil-ġurisprudenza.

(53)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra rigward il-paragun, il-premessi minn (54) sa (55) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati u l-premessa (56) hija kkjarifikata.

2.4.   Marġnijiet tad-dumping

(54)

Id-dettalji tal-kalkolu tad-dumping ġew ippreżentati fil-premessi (57) sa (61) tar-Regolament provviżorju.

(55)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, is-Shagang group sostna li l-kalkoli tal-marġni tad-dumping għandhom isiru fuq bażi ta' kull xahar minħabba ċaqliq sinifikanti fil-prezz tal-mineral tal-ħadid (61,9 % bejn Diċembru 2015 u Awwissu 2016 skont is-sors ikkwotat), li jaffettwa l-prezz tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat.

(56)

Il-Kummissjoni kkalkolat il-marġni tad-dumping permezz ta' paragun bejn il-valur normali ponderat u l-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat għall-perjodu kollu tal-investigazzjoni. F'dan il-każ, il-bejgħ bl-esportazzjoni ma jkunx esklużivament limitat għal perjodu qasir partikolari tal-perjodu tal-investigazzjoni. Kull impatt li jista' jkun hemm minħabba l-varjazzjoni tal-prezzijiet tal-mineral tal-ħadid jitqassam b'mod ugwali tul il-perjodu tal-investigazzjoni. Għalhekk, dan ma jiġġustifikax li l-kalkoli jsiru kull xahar. Barra minn hekk, minħabba l-istadju avvanzat li fih saret it-talba, il-livell differenti ta' integrazzjoni tal-produtturi esportaturi, li sorsi oħra jindikaw li hemm varjazzjoni differenti u li l-ebda parti oħra ma qajmet tħassib simili, it-talba ġiet miċħuda. Huwa nnutat ukoll li fl-eżempji speċifiċi mogħtija mill-parti, il-varjazzjoni tal-prezz tal-prodotti lesti kienet ferm aktar baxxa mill-varjazzjoni fil-prezzijiet tal-minerali tal-ħadid matul il-perjodu inkwistjoni.

(57)

Wara d-divulgazzjoni definittiva s-Shagang group tenna li l-kalkoli tal-marġini tad-dumping għandhom isiru fuq bażi ta' kull xahar. It-talba ma kinitx akkumpanjata minn elementi ġodda li setgħu jiġġustifikaw kalkoli ta' kull xahar, u b'hekk ma setgħetx tiġi aċċettata.

(58)

Wara ż-żjarat ta' verifika li saru f'Duferco Deutschland GmbH u f'Duferco SA, ċerta informazzjoni li tirrigwarda l-bejgħ u l-ispejjeż fl-Unjoni kellha tiġi riveduta.

(59)

Wara r-reviżjoni ta' hawn fuq u l-korrezzjoni ta' żball klerikali, il-marġnijiet ta' dumping definittivi, espressi bћala perċentwali tal-prezz CIF fuq il-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej:

Tabella 1

Marġnijiet tad-dumping, ir-RPĊ

Grupp u Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv (%)

HBIS:

Hesteel Co., Ltd Handan Branch

Handan Iron & Steel Group Han-Bao Co., Ltd

Hesteel Co., Ltd Tangshan Branch

Tangshan Iron & Steel Group High Strength Automotive Strip Co., Ltd

62,9

Is-Shougang group:

Beijing Shougang Cold Rolling Co., Ltd

Shougang Jingtang United Iron and Steel Co., Ltd

46,2

Is-Shagang group:

Zhangjiagang Shagang Dongshin Galvanized Steel Sheet Co., Ltd

Zhangjiagang Yangtze River Cold Rolled Sheet Co., Ltd

56,4

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

58,7

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

62,9

3.   ĦSARA

3.1.   Definizzjoni tal-Industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(60)

Fin-nuqqas ta' kummenti fir-rigward tad-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-produzzjoni tal-Unjoni l-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (62) sa (64) tar-Regolament provviżorju huma konfermati.

3.2.   Konsum fl-Unjoni

(61)

Iċ-ċifri tal-konsum tal-Unjoni ġew riveduti kemxejn 'l isfel b'konsegwenza tal-korrezzjoni fil-volumi tal-importazzjoni mill-pajjiż konċernat spjegata fil-premessi (64) sa (66) hawn taħt. Fuq din il-bażi, il-konsum fis-suq ħieles tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 2

Il-konsum fis-Suq Ħieles (tunnellati)

 

2013

2014

2015

IP

Konsum fis-suq ħieles

7 430 649

7 525 627

8 250 580

9 302 838

Indiċi (2013 = 100)

100

101

111

125

Sors: Tweġiba għall-kwestjonarju tal-Eurofer, u l-istatistika tal-Eurostat b'korrezzjoni ta' 15 %

(62)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-konsum fis-suq ħieles tal-Unjoni żdied b'madwar 25 %. Iż-żieda kienet prinċipalment dovuta għal żieda fid-domanda fl-industriji downstream il-kbar.

(63)

Fin-nuqqas ta' kummenti ulterjuri fir-rigward tal-konsum tal-Unjoni, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi minn (65) sa (72) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

3.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

3.3.1.   Il-volum, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(64)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, fis-sottomissjoni tal-20 ta' Ottubru 2017 l-Eurofer ipprovdiet evidenza, fil-forma ta' stħarriġ ta' intelligence tas-suq li kopriet is-swieq ewlenin kollha tas-CRS, li fir-Regolament provviżorju l-importazzjonijiet mir-RPĊ għall-perjodu kkunsidrat kienu sopravalutati, sa bi 15 %. Eurofer staqsiet lill-membri tagħha, li jikkonsistu f'kumpaniji preżenti fis-swieq ewlenin kollha fl-Unjoni, dwar il-daqs tal-importazzjonijiet fis-suq tal-Unjoni ta' prodotti li mhumiex il-prodott ikkonċernat iżda li kienu ġew iddikjarati taħt l-istess kodiċi NM. L-ilmentaturi kollha qablu mal-metodoloġija użata u mal-konklużjonijiet li saru: skont l-aħjar stima, 15 % tal-importazzjonijiet Ċiniżi kellhom jitqiesu li mhumiex il-prodott ikkonċernat. Ma kien hemm l-ebda evidenza li dan kellu effett fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra. F'sottomissjoni, is-CISA qalet ukoll li l-istatistika dwar l-importazzjoni ta' CRS setgħet kienet sopravalutata.

(65)

Fl-istadju provviżorju, il-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed evidenza fil-fajl biex tikkonkludi li l-importazzjonijiet kienu sopravalutati, jew kemm kienu sopravalutati, kif diskuss fil-premessa (74) tar-Regolament provviżorju.

(66)

Fid-dawl tal-evidenza ġdida dwar il-fajl, il-Kummissjoni aċċettat din l-affermazzjoni bħala ġustifikata u applikat korrezzjoni ta' 15 % fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ. Il-Kummissjoni tqis li l-korrezzjoni ta' 15 % hija raġonevoli għax dan jirrappreżenta stima adegwata, abbażi ta' analiżi bir-reqqa tas-suq tal-importazzjoni. Il-Kummissjoni qieset ukoll dejta statistika kunfidenzjali li nġabret matul l-istadju definittiv tal-investigazzjoni li reġgħet ikkonfermat li mhux l-importazzjonijiet kollha taħt il-kodiċi NM imsemmija hawn fuq kienu l-prodott ikkonċernat. Il-partijiet ġew infurmati dwar il-korrezzjoni u ngħataw l-opportunità jesprimu l-fehmiet tagħhom. Ma wasal l-ebda kumment.

(67)

Għalhekk l-importazzjonijiet fl-Unjoni mir-RPĊ żviluppaw kif ġej:

Tabella 3

Il-volum tal-importazzjonijiet (tunnellati) u s-sehem mis-suq

 

2013

2014

2015

IP

Il-volum tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

755 238

907 320

1 176 071

1 857 490

Indiċi (2013 = 100)

100

120

156

246

Is-sehem mis-suq tar-RPĊ

10,2 %

12,1 %

14,3 %

20,0 %

Indiċi (2013 = 100)

100

119

140

196

Sors: L-istatistika tal-Eurostat, b'korrezzjoni ta' 15 %

(68)

It-tabella ta' hawn fuq turi li f'ċifri assoluti l-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu b'146 % matul il-perjodu kkunsidrat. Fl-istess waqt, is-sehem totali mis-suq tal-importazzjonijiet oġġett ta' dumping fl-Unjoni żdied b'madwar 9,8 punti perċentwali matul il-perjodu kkunsidrat.

(69)

L-istatistika tal-importazzjoni kkoreġuta baqgħet turi żieda kbira fl-importazzjonijiet kemm f'termini assoluti kif ukoll f'termini ta' sehem mis-suq. Fil-fatt, anki kieku ma sar l-ebda aġġustament fl-importazzjonijiet fl-2013-2015, simulazzjoni wriet li l-volumi tal-importazzjonijiet kienu jiżdiedu b'109 % u s-sehem mis-suq b'70 %.

(70)

Fir-rigward tat-twaqqigħ tal-prezz, il-valur tal-importazzjoni tas-CIF ta' tnejn mit-tliet produtturi esportaturi fil-kampjun kien ikkalkolat mill-ġdid wara ż-żjarat ta' verifika għand l-importaturi relatati. Saru wkoll reviżjonijiet f'dawn il-valuri tas-CIF wara l-kummenti li waslu mingħand produttur esportatur wara d-divulgazzjoni provviżorja (kif spjegat fit-taqsima 2.2 hawn fuq). Il-marġnijiet ta' twaqqigħ fil-prezz definittivi għaldaqstant ġew riveduti u jammontaw għal 8,1 % sa 15,1 % għar-RPĊ.

(71)

Fin-nuqqas ta' kummenti ulterjuri fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-bqija tal-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (73) sa (81) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

3.4.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

3.4.1.   Informazzjoni Ġenerali

(72)

Parti interessata minnhom affermat li d-drittijiet tad-difiża tagħhom kienu nkisru minħabba l-użu ta' ċifri indiċjati għall-indikaturi mikroekonomiċi. L-indiċjar intuża, kif spjegat fir-Regolament provviżorju, biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, li huma minn żewġ (2) gruppi. Il-parti interessata ġiet ipprovduta b'informazzjoni addizzjonali li tista' tiġi ddivulgata f'firxiet mingħajr ma jiġi pperikolat it-trattament kunfidenzjali. F'kull każ, l-indiċjar jitqies approċċ xieraq peress li jipproteġi l-kunfidenzjalità tad-dejta iżda wkoll jipprovdi informazzjoni utli għall-partijiet interessati. Barra minn hekk, dan l-approċċ intuża biss sa fejn ikun meħtieġ, jiġifieri biss għall-indikaturi mikroekonomiċi. Għalhekk, il-Kummissjoni tirrifjuta din l-affermazzjoni.

(73)

B'reazzjoni għad-divulgazzjoni definittiva, il-parti interessata konċernata (is-CISA) ikkontestat il-forma tad-dejta mikroekonomika divulgata. Is-CISA qalet li baqgħet ma tistax tifhem għaliex id-dejta mikroekonomika hija kunfidenzjali peress li din tikkonċerna l-erba' (4) produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Kif spjegat hawn fuq fil-premessa (72) din id-dejta, minkejja li hija konsolidazzjoni tal-erba' (4) produtturi fil-kampjun, fil-fatt tirrigwardja produtturi li jagħmlu parti minn żewġ (2) gruppi biss. Jekk din id-dejta tiġi ppubblikata allura kull grupp ikun jista' jikkalkula d-dejta tal-grupp l-ieħor. Għalhekk l-affermazzjoni li d-divulgazzjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tas-CISA mhijiex aċċettata.

3.4.2.   L-indikaturi makroekonomiċi u mikroekonomiċi

(74)

Is-sehem mis-suq ħieles tal-industrija tal-Unjoni żviluppa kif ġej b'riżultat tal-korrezzjoni fl-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat imsemmija hawn fuq.

Tabella 4

Konsum fis-suq ħieles

 

2013

2014

2015

IP

Sehem mis-suq

80,2 %

78,8 %

74,7 %

67,5 %

Indiċi (2013 = 100)

100

98

93

84

Sors: Tweġiba għall-kwestjonarju tal-Eurofer, u l-istatistika tal-Eurostat b'korrezzjoni ta' 15 %

(75)

Għandu jiġi nnutat li għalkemm is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni ġie vvalutat mill-ġdid għal livell kemmxejn ogħla fil-perjodu kkunsidrat wara l-korrezzjoni tal-volumi tal-importazzjoni mir-RPĊ, l-ishma mis-suq xorta waħda naqsu bi kważi 13-il punt perċentwali jew b'16 %.

(76)

Produttur esportatur wieħed sostna li l-industrija tal-Unjoni investiet f'kapaċità ġdida li huwa sinjal ta' saħħa aktar milli ta' ħsara. Dan il-punt kien diġà ġie indirizzat fil-premessa (117) tar-Regolament Provviżorju. Qed jiġi mfakkar li sabiex tkampa, l-industrija tal-Unjoni kellha żżomm l-effiċjenza u l-produttività tagħha fil-kuntest ta' kapaċità mnaqqsa. Qed jiġi ċċarat li l-maġġoranza tal-investiment fil-linji tal-produzzjoni kienet biex jinbidlu l-linji eżistenti. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni hija rrifjutata bħala waħda bla bażi.

(77)

Is-CISA qalet li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-Unjoni mir-RPĊ fil-perjodu ta' wara l-investigazzjoni żdiedu b'mod sinifikanti. Is-CISA qabblet il-perjodu Mejju-Ġunju 2017 mal-PI u sabet żieda ta' 35 %. Huma sostnew li dan l-iżvilupp ifisser li l-miżuri ma għadhomx meħtieġa iktar. Eurofer spjegaw li l-prezzijiet tal-materja prima (mineral tal-ħadid, ruttam u faħam tal-kokk) ukoll żdiedu b'bejn 10 u 100 % u dan immitiga kwalunkwe titjib fil-profittabilità tal-industrija tal-Unjoni. L-Eurofer osservat li l-industrija tal-Unjoni ilha ma tagħmel profitt mill-2008.

(78)

Kif speċifikat fil-premessa (30) tar-Regolament provviżorju u kkonfermat fil-premessa (3) hawn fuq, l-investigazzjoni tal-ħsara kopriet il-perjodu tal-investigazzjoni mill-1 ta' Ottubru 2015 sat-30 ta' Settembru 2016 u li l-eżaminazzjoni tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2013 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni. F'konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku l-informazzjoni relatata ma' perjodu sussegwenti għall-perjodu ta' investigazzjoni normalment ma titqisx. L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda ċirkostanza li tiġġustifika devjazzjoni minn dan l-approċċ. F'dan il-każ, l-evoluzzjoni tal-prezzijiet ma tqisitx bħala ġustifikazzjoni għal dan peress li ma hemmx indikazzjoni tal-effetti dejjiema tagħha, pereżempju. Għaldaqstant, anki din l-affermazzjoni ma tintlaqax. Fi kwalunkwe każ, ir-Regolament bażiku jipprevedi l-possibbiltà li jinbdew rieżamijiet interim jekk ikun iġġustifikat minn bidla fundamentali fiċ-ċirkostanzi.

3.4.3.   Konklużjoni dwar il-ħsara

(79)

Fid-dawl taċ-ċifri kkoreġuti tal-importazzjoni mill-pajjiż ikkonċernat u l-impatt tagħhom fuq il-konsum u s-sehem mis-suq, il-konklużjoni dwar il-ħsara ġiet ivvalutata mill-ġdid fl-istadju definittiv.

(80)

Ix-xejra fil-volumi tal-importazzjoni turi żieda ta' kważi 150 %. Is-sehem mis-suq ta' dawn l-importazzjonijiet żdied b'9,8 punti perċentwali jew bi kważi 100 % matul il-perjodu kunsidrat. Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni wkoll wera xejra dannuża ħafna.

(81)

Ċerti partijiet interessati argumentaw li l-analiżi tal-ħsara kienet żbaljata minħabba li ħafna indikaturi juru żvilupp pożittiv u ntqal li l-Kummissjoni serrħet fuq żewġ (2) indikaturi biss biex waslet għall-konklużjoni tagħha.

(82)

Din l-affermazzjoni jkollha tiġi miċħuda peress li l-konklużjoni li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet ħsara materjali kienet ibbażata fuq valutazzjoni tal-indikaturi kollha u ebda wieħed minn dawn l-indikaturi, neċessarjamant, ma kien ta' gwida deċisiva. Filwaqt li ċerti indikaturi mikro u makroekonomiċi fil-fatt juru żvilupp pożittiv, kien sostnut b'mod adegwat kif intlaħqet il-konstatazzjoni li kien hemm ħsara materjali.

(83)

Din il-parti affermat ukoll li ċerti indikaturi tal-volum juru xejra pożittiva (bħall-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità u l-volum tal-bejgħ) u li ma ngħatax biżżejjed piż lil dawn ix-xejriet fid-determinazzjoni tal-ħsara. Madankollu, dawn ix-xejriet tqiesu bis-sħiħ fir-Regolament provviżorju (fil-premessa 121) flimkien mal-indikaturi kollha ta' ħsara u kienu analizzati fil-kuntest korrett tagħhom. Għal dan il-għan, qed jiġi nnutat li dawn il-volumi nbiegħu fil-kuntest ta' prezzijiet dejjem tonqos u li jagħmlu telf, ħaġa li wasslet biex jonqos is-sehem mis-suq. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni hija rrifjutata bħala waħda bla bażi.

(84)

Meta jitqiesu dawn il-fatti flimkien mal-indikaturi tal-ħsara li ma nbidlux u li huma spjegati fir-Regolament provviżorju, ġie kkonfermat b'mod definittiv li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet ħsara materjali matul il-perjodu tal-investigazzjoni.

(85)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq u fin-nuqqas ta' kummenti ulterjuri dwar din il-kwistjoni, il-konklużjoni dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni kif deskritta fil-premessi (82) sa (122) tar-Regolament proviżorju hija kkonfermata.

4.   KAWŻALITÀ

4.1.   L-effett tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping

(86)

L-effett tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta' dumping huwa deskritt fir-Regolament provviżorju fit-Taqsima 5.1. Bosta partijiet interessati allegaw li l-ħsara ma tistax tiġi attribwita għall-importazzjonijiet oġġetti ta' dumping mill-pajjiż ikkonċernat u li kien hemm fatturi oħrajn li qegħdin jiksru r-rabta ta' kawżalità. Xi wħud mill-affermazzjonijiet kienu sempliċiment repetizzjoni tal-affermazzjonijiet li diġà ġew diskussi fir-Regolament provviżorju, mingħajr elementi ġodda. Il-kummenti li ma tqajmux qabel huma analizzati hawn taħt flimkien ma' valutazzjoni ta' dejta addizzjonali miġbura wara d-divulgazzjoni provviżorja, fejn xieraq.

(87)

Bħala riżultat tal-korrezzjoni fl-importazzjonijiet mir-RPĊ deskritta fil-premessi (64) sa (66) hawn fuq, ġew riveduti l-ishma mis-suq tal-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet mir-RPĊ. Is-sehem mis-suq Ċiniż evolva minn 10,2 għal 20,0 % (minflok minn 11,7 % għal 22,7 % kif indikat fil-premessa (125) tar-Regolament provviżorju) filwaqt li s-sehem mis-suq ħieles tal-industrija tal-Unjoni naqas minn 80,2 għal 67,5 % (minflok minn 78,8 % għal 65,2 % fl-istess premessa). Għalhekk, il-premessa (125) tar-Regolament provviżorju hija meqjusa emenda skont dan. Dawn il-bidliet kienu relattivament żgħar kif spjegat hawn fuq u kellhom saħansitra inqas impatt f'termini tal-analiżi tax-xejriet. Dan huwa minħabba li x-xejra tal-volum tal-importazzjoni mir-RPĊ baqgħet l-istess u x-xejra tas-sehem tagħha mis-suq għadha turi żieda ta' aktar minn 90 %. Tibdil bħal dan ma kellux impatt materjali fuq l-analiżi tal-kawżalità deskritta fil-premessi (124) sa (128) tar-Regolament provviżorju.

4.2.   Effett ta' fatturi oħra

4.2.1.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

Tabella 5

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra

 

2013

2014

2015

IP

L-importazzjonijiet kollha minn pajjiżi terzi (%)

9,6

9,1

11,0

12,5

Ir-Repubblika tal-Korea (%)

4,6

5,4

6,4

6,2

L-Indja (%)

1,1

0,6

0,7

1,7

Pajjiżi terzi oħrajn (%)

3,9

3,1

3,9

4,6

Sors: L-istatistika tal-Eurostat b'korrezzjoni ta' 15 % (għar-RPĊ biss)

(88)

Il-volumi tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ma nbidlux f'termini assoluti iżda s-sehem tagħhom mis-suq jinbidel xi ftit b'riżultat tal-korrezzjoni fl-importazzjonijiet mir-RPĊ kif deskritt fil-premessi (64) sa (66) hawn fuq. Dawn il-bidliet kienu żgħar u kellhom saħansitra inqas impatt f'termini tal-analiżi tax-xejriet. Dan huwa minħabba li s-sehem mis-suq tal-pajjiżi terzi wara l-korrezzjoni żdied minn 9,6 % għal 12,5 % minflok minn 9,5 % għal 12,1 % fil-premessa (129) tar-Regolament provviżorju. Tibdil bħal dan ma kellux impatt materjali fuq l-analiżi tal-kawżalità deskritta fil-premessi (129) sa (134) tar-Regolament provviżorju.

(89)

Produttur esportatur Ċiniż wieħed saħaq li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi ma ġewx ivvalutati b'mod korrett fir-Regolament provviżorju. Din il-parti tikkontesta l-valutazzjoni provviżorja tal-prezzzijet Koreani (abbażi tal-prezzijiet medji tal-Eurostat) minħabba li t-tip eżatt ta' prodotti li jkunu qed jiġu importati ma jissemmiex. L-analiżi tal-investigazzjoni hija fil-fatt ibbażata fuq il-medja tal-prezzijiet għax fl-istatistika tal-Eurostat kienet disponibbli informazzjoni f'dan il-livell.

(90)

Fi kwalunkwe każ, il-produttur esportatur ma pprovdiex informazzjoni dwar it-tipi ta' prodotti jew it-taħlita tal-prodott importati mill-Korea u ma spjegax għaliex l-approċċ bil-prezz medju kien żbaljat. L-affermazzjoni hija rifjutata minħabba li hija bla bazi.

4.2.2.   Prezzijiet tal-Materja Prima

(91)

Is-CISA affermat li l-Kummissjoni ma vvalutatx tajjeb l-impatt tat-tnaqqis fil-kostijiet tal-materja prima fl-analiżi tal-kawżalità. Kif spjegat fir-Regolament provviżorju fil-premessi 103 sa 105, il-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas b'20 % matul il-perjodu kunsidrat. It-tnaqqis fil-prezzijiet tal-materja prima kien l-aktar fattur importanti f'dan l-iżvilupp. Is-CISA affermat li t-tnaqqis fil-kostijiet tal-materja prima wassal għall-waqgħa ta' 18 % fil-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu għandu jintqal li l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi waqgħu bi 22 % kif spjegat fil-premessa 77 tar-Regolament provviżorju. Ta' min ifakkar ukoll li l-premessi 111 u 71 jikkjarifikaw il-kuntest tal-iżviluppi ta' hawn fuq, jiġifieri li l-industrija tal-Unjoni għamlet telf tul il-perjodu kkunsidrat kollu u li l-konsum fis-suq ħieles fis-suq tal-Unjoni żdied b'27 %.

(92)

Huwa ċar li l-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu tal-analiżi kienet qed tistinka biex iżżid il-prezzijiet tagħha sabiex terġa' lura lejn sitwazzjoni ta' profittabbiltà. Hija ma rrnexxilhiex tikseb dan, anki jekk il-konsum żdied b'27 %. Dan huwa minħabba l-impatt tal-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta' dumping, li żiedu l-volum tagħhom bi kważi 150 % u s-sehem mis-suq b'96 % kif spjegat fil-premessa (67) hawn fuq. F'termini ta' prezzijiet dawn l-importazzjonijiet naqsu bi 22 % lil hinn mit-tnaqqis fil-kostijiet.

(93)

Peress li t-tnaqqis fil-kostijiet tal-materja prima nqabeż mit-tnaqqis fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi, huwa ċar li l-kawża predominanti tal-ħsara kienet il-pressjoni tal-prezz eżerċitata mill-importazzjonijiet Ċiniżi. Għalkemm it-tnaqqis fil-kostijiet tal-materja prima kellu jgħin lill-industrija tal-Unjoni biex tirkupra, l-industrija tal-Unjoni sabet ruħha f'sitwazzjoni ta' telf matul il-perjodu kkunsidrat kollu. It-telf matul il-PI ma kienx kbir daqs fl-2013-2015, iżda b'mod ċar, minħabba t-telf matul il-PI, is-sitwazzjoni kienet qed tiggrava u mhux titjieb. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet irrifjutata.

4.2.3.   Il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni fi tmiem il-perjodu kkunsidrat

(94)

Ix-xejra tal-profittabbiltà matul il-perjodu meqjus murija fil-premessa (111) tar-Regolament proviżorju turi li t-telf kien inqas lejn tmiem il-perjodu kkunsidrat meta l-volumi tal-importazzjoni Ċiniżi kienu l-ogħla. Is-CISA qalet li dan l-iżvilupp jikser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping u l-ħsara. Madankollu, it-telf seħħ matul il-perjodu kkunsidrat kollu u t-titjib żgħir matul dak il-perjodu ma setax itaffi l-ħsara mġarrba. Barra minn hekk, huwa ċar mill-analiżi tal-Kummissjoni li s-suq tal-Unjoni kien imrażżan matul il-perjodu kkunsidrat (kif jingħad fil-premessa (113) tar-Regolament provviżorju. Din l-affermazzjoni għalhekk ma għandhiex tiġi milqugħha.

4.3.   Konklużjoni dwar il-Kawżalità

(95)

Il-korrezzjoni tal-volumi tal-importazzjoni mill-PRC kienet tfisser li konklużjoni dwar il-kawżalità kellha tiġi vvalutata mill-ġdid fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni. Il-volumi riveduti tal-importazzjoni u l-ishma mis-suq tal-Unjoni deskritti hawn fuq kienu relattivament żgħar u kellhom saħansitra inqas impatt meta ġew eżaminati f'analiżi tax-xejriet.

(96)

Barra minn hekk, l-ebda kumment li għamlu l-partijiet interessati ma biddel il-valutazzjoni tal-fatturi li saret fl-istadju provviżorju.

(97)

Abbażi ta' dan ta' hawn fuq u fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konklużjonijiet stabbiliti fil-premessi (138) sa (140) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

5.   L-INTERESS TAL-UNJONI

5.1.   L-interessi tal-industrija tal-Unjoni

(98)

Fin-nuqqas ta' kummenti rigward l-interess tal-industrija tal-Unjoni, il-premessi (142) sa (147) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

5.2.   L-interess tal-importaturi u tal-utenti mhux relatati

(99)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, l-importaturi u l-utenti taw aktar tagħrif. Il-livell ta' kooperazzjoni mill-importaturi u mill-utenti xorta waħda għadu meqjus baxx.

(100)

B'mod aktar speċifiku, sitt (6) importaturi wieġbu l-kwestjonarju dwar ir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet. Il-verifika twettqet f'ċentru tas-servizzi tal-azzar. Saret seduta mal-ISTA fit-13 ta' Novembru 2017 fejn huma taw l-opinjonijiet tagħhom u utent wieħed kbir fis-settur tal-oġġetti tad-dar ressaq il-fehmiet tiegħu bil-miktub ukoll.

(101)

Iċ-ċentri tas-servizzi tal-azzar normalment ibigħu CRS b'mod xi ftit differenti minn dak importat (jiġifieri billi jaqgħu r-rombli u l-folji fil-forom meħtieġa minn konsumaturi iżgħar). Madankollu, ġie ċċarat li dan is-segment tal-utenti huwa kapaċi jibdel is-sorsi ta' forniment tiegħu u jgħaddi l-ispejjeż addizzjonali fuq il-konsumaturi tiegħu. Għalhekk, il-fatturat, il-profittabbiltà u l-impjiegi tagħhom mhumiex sostanzjalment mhedda mill-miżuri.

(102)

Waqt is-seduta fis-17 ta' Novembru 2017 is-CISA nnutat li żviluppi, wara l-perjodu tal-investigazzjoni, fl-istruttura tal-industrija tal-Unjoni kienu qed jiġu investigati mill-Kummissjoni. L-affermazzjoni indikat il-Memorandum ta' Qbil bejn ThyssenKrupp u Tata Steel u fużjoni bejn Ilva u ArcelorMittal bħala evidenza li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li jiġu imposti dazji fuq l-importazzjonijiet Ċiniżi. Għalkemm jista' jkun mistenni li bħala konsegwenza ta' din il-konċentrazzjoni, is-setgħa ta' negozjar tal-ikbar produtturi tal-Unjoni se tiżdied, l-ebda deċiżjoni ta' approvazzjoni fir-rigward ta' dawn l-arranġamenti, li tippermetti lill-Kummissjoni tevalwa r-rilevanza ta' dan għal dan il-każ, ma kienet għadha ġiet adottata fil-mument tal-adozzjoni ta' dan ir-regolament. Fi kwalunkwe każ, ir-Regolament bażiku jipprevedi l-possibbiltà li jiġu indirizzati bidliet f'ċirkustanzi fejn ikun ġustifikat u għalhekk li jinbdew rieżamijiet interim.

(103)

Fir-reazzjoni tagħha għad-divulgazzjoni definittiva s-CISA tenniet l-opinjoni tagħha dwar il-bidliet fil-kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni. Madankollu, il-Kummissjoni tibqa' tal-opinjoni li r-Regolament bażiku jipprovdi l-possibbiltà li jiġu indirizzati l-bidliet f'ċirkustanzi fejn ġustifikat, iżda li f'dan il-każ speċifiku hija ma rċeviet l-ebda evidenza li kien meħtieġ li jinfetaħ rieżami.

(104)

Is-CISA qalet ukoll li, peress li s-sitwazzjoni fis-suq inbidlet minn meta kien iddeterminat il-perjodu tal-investigazzjoni, issa teżisti sitwazzjoni li tiġġustifika s-sospensjoni tal-miżuri skont l-Artikolu 14(4) tar-Regolament bażiku. Ir-raġunijiet mogħtija mis-CISA huma ż-żidiet fil-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat, nuqqas allegat ta' provvista u investigazzjoni li qed tagħmel il-Kummissjoni dwar fużjoni. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma għandhiex evidenza li ż-żieda fil-prezzijiet għamlet differenza sostanzjali fis-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. It-tieni nett, l-affermazzjoni ta' nuqqas ta' provvista mhijiex konvinċenti, kif spjegat fil-premessa (111). It-tielet nett, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda prova li l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq tal-Unjoni nbidlu, u jekk huwa hekk, kemm inbidlu. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda evidenza li turi li ma jkunx probabbli li terġa' tibda ssir ħsara b'riżultat tas-sospensjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li s-sospensjoni tal-miżuri ma tkunx ġustifikata.

(105)

Is-CISA kkummentat ukoll li l-miżuri antidumping definittivi għandhom jiġu imposti f'forma ta' prezz minimu aktar milli b'dazji ad valorem kif impost mir-Regolament provviżorju minħabba l-allegat impatti negattivi sinifikanti fuq l-importaturi u l-utenti. Inġibdet l-attenzjoni għall-fatt li żewġ każijiet reċenti kienu kkonkludew li dan kien ġustifikat. Il-bidla fil-forma tal-miżuri ġiet proposta wkoll mill-ISTA, li tirrappreżenta lill-importaturi tal-Unjoni. F'dan il-każ partikolari l-Eurofer oġġezzjonat għall-introduzzjoni ta' prezzijiet minimi minħabba l-potenzjal għal arranġamenti kumpensatorji f'dan is-settur tas-suq.

(106)

Ta' min jinnota li l-forma tal-miżuri hija determinata fuq bażi ta' każ b'każ. F'dan il-każ, il-Kummissjoni ma qablitx mal-argument tas-CISA li l-impożizzjoni ta' dazji ad valorem ikollha impatti negattivi sinifikanti fuq l-importaturi u l-utenti. Fil-fatt intwera fil-premessi 148 sa 156 tar-Regolament provviżorju li l-importaturi kienu kapaċi jgħaddu d-dazji antidumping fuq il-konsumaturi tagħhom u li kellhom sorsi oħra ta' provvista. Ukoll għall-utenti industrijali ewlenin l-introduzzjoni ta' prezz minimu mhux se tnaqqas l-ispejjeż tagħhom minħabba li l-effett li jirriżulta kemm minn prezz minimu u kif ukoll minn dazji ad valorem ikun l-istess.

(107)

Fir-reazzjoni tagħha għad-divulgazzjoni definittiva, is-CISA tenniet il-punt tagħha dwar il-forma tal-miżuri billi qalet li ċerti sistemi ta' prezz minimu jew dazju fiss għandhom jiġu imposti fl-interess tal-utenti u l-importaturi tal-Unjoni. L-utenti tal-Unjoni ġew deskritti mis-CISA bħala “f'sitwazzjoni dgħajfa”, minħabba l-allegata konċentrazzjoni ta' setgħa ta' negozjar fil-livell tal-industrija tal-Unjoni.

(108)

Madankollu, kif spjegat hawn fuq fil-premessa (100) u fit-Taqsima 6.2 tar-Regolament provviżorju l-kooperazzjoni tal-utenti u tal-importaturi f'din l-investigazzjoni hija baxxa. Fil-fatt utent u/jew importatur wieħed biss mill-Unjoni pprovda d-dejta mitluba li tkopri l-perjodu tal-investigazzjoni. Il-Kummissjoni għalhekk ma setgħatx tistabbilixxi b'mod preċiż is-sitwazzjoni ta' dawn is-setturi iżda l-informazzjoni disponibbli ċertament ma tikkorrispondix mas-sitwazzjoni dgħajfa msemmija mis-CISA. Barra minn hekk, is-CISA ma pprovdietx prova għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni finanzjarja tal-utenti/importaturi u tal-impatt tal-allegata konċentrazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi li kien hemm evidenza biex tibdel il-forma tal-miżuri fl-interess tal-utenti u tal-importaturi. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet irrifjutata.

(109)

Għalhekk ġie konkluż li ma kienx hemm evidenza konvinċenti li tappoġġja li tinbidel il-forma tal-miżuri.

(110)

L-ISTA, li tirrappreżenta l-importaturi tal-Unjoni, affermat li kienu jinħolqu problemi ta' provvista fis-suq mill-impożizzjoni ta' miżuri għax il-produtturi tal-Unjoni ma jkunux jistgħu jżidu l-produzzjoni. Huma jgħidu wkoll li miżuri jrendu l-importazzjonijiet Ċiniżi mhux kompetittivi. Meta wieħed iżomm f'moħħu li l-industrija tal-Unjoni kienet qed tuża biss il-kapaċita tagħha b'rata ta' 79 % matul il-perjodu tal-investigazzjoni u li jeżistu ħafna sorsi ta' importazzjoni, l-utenti għandhom diversi sorsi disponibbli għalihom u ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li ma jistgħux jibdlu l-fornitur. Għalkemm problemi temporanji fil-provvista ma jistgħux jiġi esklużi, huwa improbabbli li l-miżuri jiġġeneraw nuqqas ġenerali minħabba li l-industrija tal-Unjoni mhijiex tuża l-kapaċità sħiħa tagħha u tista' żżid il-produzzjoni jekk l-ordnijiet jiżdiedu.

(111)

L-ISTA u l-Electrolux qalu li l-ispejjeż tal-utenti jiżdiedu jekk jiġu imposti miżuri. Madankollu, l-industriji ewlenin tal-utenti ma kkooperawx mal-investigazzjoni. Fil-fatt l-ebda kumpanija ma pprovdiet dejta li turi li d-dazji imposti fuq il-prodott ikkonċernat iżidu b'mod sostanzjali l-kost tal-prodott aħħari tagħhom jew jikkawżaw tnaqqis serju fil-profitti. Għaldaqstant, l-affermazzjoni hija rrifjutata bħala waħda bla bażi.

(112)

L-Electrolux qalet ukoll li kwalunkwe żieda fil-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat/il-prodott simili li tirriżulta minn din l-investigazzjoni tagħmilhom inqas kompetittivi meta mqabbla ma' produtturi oħra ta' oġġetti tad-dar f'pajjiżi terzi. Madankollu, iż-żidiet fil-prezzijiet bdew matul il-perjodu tal-investigazzjoni u qed iseħħu madwar id-dinja kollha u għalhekk mhumiex marbuta biss ma' din l-investigazzjoni. Minkejja dan, ma jistax jiġi eskluż li jista' jirriżulta xi telf ta' kompetittività mill-impożizzjoni ta' dazji. Madankollu, kif spjegat hawn fuq, la l-Electrolux u l-ebda manifattur ieħor ta' oġġetti tad-dar ma wieġbu għall-kwestjonarju jew kwalunkwe informazzjoni dwar l-importanza tas-CRS fil-kost finali tal-prodotti tagħhom. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda għax ma kinitx sostanzjata. Fi kwalunkwe każ, kif imsemmi hawn fuq, hemm diversi sorsi ta' provvista tal-prodott ikkonċernat.

(113)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, u fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn, il-konklużjoni li ma hemmx raġuni konvinċenti li turi li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li jiġu imposti l-miżuri fil-premessi (157) sa (160) tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata.

6.   KONSIDERAZZJONI TA' IMPOŻIZZJONI RETROATTIVA TAL-MIŻURI

(114)

Kif imsemmi fil-premessa (4) hawn fuq, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat kienu soġġetti għal reġistrazzjoni mit-8 ta' Lulju 2017 sad-data tal-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji fil-11 ta' Awwissu 2017 bil-ħsieb li jkun possibbli li jiġu imposti miżuri b'mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati.

(115)

Matul fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni, id-dejta miġbura fil-kuntest ta' din ir-reġistrazzjoni ġiet ivvalutata u ġie analizzat jekk humiex issodisfati l-kriterji taħt l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku għal impożizzjoni retroattiva ta' miżuri.

(116)

Fi żmien ir-Reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, id-dejta disponibbli, fuq il-livell tal-kodiċi NM, kienet turi li seħħet żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet. Madankollu, sussegwentement saret disponibbli għall-Kummissjoni dejta fuq il-livell TARIC li wriet li ma kien hemm l-ebda żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet wara l-livell tal-importazzjonijiet matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Għalhekk, din il-kundizzjoni fl-Artikolu 10(4)(d) mhijiex issodisfata.

(117)

Barra minn hekk, eżaminazzjoni tal-fatturi tal-ħsara tal-industrija tal-Unjoni ma wriet l-ebda evidenza li l-effett ta' rimedju ta' dawn il-miżuri kien qed jiddgħajjef fil-perjodu ta' wara l-PI. Għalhekk ġie konkluż li dan il-kriterju ma kienx ġie ssodisfat.

(118)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-impożizzjoni retroattiva tal-miżuri mhijiex ġustifikata f'dan il-każ.

7.   MIŻURI ANTIDUMPING DEFINITTIVI

7.1.   Livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara

(119)

Wara d-divulgazzjoni provviżorja, ċerti partijiet oġġezzjonaw għall-mira ta' profitt ta' 7,4 % użata għall-kalkolu tal-marġni tal-ħsara fl-istadju proviżorju. Dan kien il-profitt attwalment miksub mill-industrija tal-Unjoni fl-2008, kif spjegat fil-premessa (164) tar-Regolament provviżorju.

(120)

L-Eurofer qieset li l-profitt fil-mira kien baxx wisq minħabba li fl-aħħar tliet xhur tal-2008 kienet bdiet il-kriżi finanzjarja. Il-produtturi esportaturi Ċiniżi argumentaw li 7,4 % kien għoli wisq u li kellha tintuża informazzjoni minn sorsi oħra, bħal minn każijiet antidumping preċedenti jew mill-bażi tad-dejta BACH.

(121)

Jitqies li kwalunkwe deterjarazzjoni fil-profittabbiltà fl-aħħar kwart tal-2008 kienet se tinħass l-aktar fl-2009. Barra minn hekk peress li ċ-ċifra hija bbażata fuq dejta reali dwar il-profittabbiltà tal-prodott ikkonċernat, din hija l-aħjar informazzjoni disponibbli għal dan l-għan. Ma kienet disponibbli l-ebda informazzjoni oħra li setgħet toħloq dubju dwar l-analiżi u l-konklużjoni fil-premessa (164) tar-Regolament provviżorju. Barra minn hekk, konsultazzjoni tal-bażi tad-dejta BACH (jew ta' xi sors estern ieħor) ma kinitx meħtieġa billi dejta speċifika vverifikata għall-industrija tal-Unjoni kienet disponibbli fil-qafas tal-investigazzjoni. Għalhekk il-profitabbiltà ta' 7,4 % miksuba fl-2008 tibqa' rappreżentattiva għall-iskop ta' din l-investigazzjoni u l-premessi (162) sa (165) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

(122)

Produttur esportatur ikkummenta dwar il-profitt fil-mira b'reazzjoni għad-divulgazzjoni definittiva. Huwa qal li l-2008 ma kinitx sena rappreżentattiva għad-determinazzjoni tal-profitt fil-mira għaliex dik is-sena kienet segwita minn diversi snin li matulhom l-industrija tal-Unjoni sofriet minħabba diversi fatturi ta' kawżalità. Billi s-sitwazzjoni tal-2008 ma rrepetietx ruħha wara, l-għażla ta' profitt fil-mira bbażat fuq 2008 hija meqjusa bħala mhux rappreżentattiva u bl-użu tagħha jinħoloq is-suspett li l-Kummissjoni attribwiet il-ħsara kkawżata minn fatturi oħrajn lill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping.

(123)

Minħabba li l-2008 kienet l-ewwel sena qabel il-kriżi ekonomika, il-Kummissjoni kkunsidrata li hija rappreżentattiva, li l-profitt fiha jista' jiġi kkunsidrat bħala wieħed li ġie stabbilit fin-nuqqas ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping u mingħajr fatturi oħra bħalma hija l-kriżi ekonomika. Għall-kuntrarju, l-użu ta' dan il-profitt fil-mira għalhekk ma jattribwixxix ħsara kkawżata mill-kriżi lill-importazzjonijiet oġġett ta' dumping. Għaldaqstant, din l-affermezzjoni ġiet irrifjutata.

(124)

L-Eurofer ipprovdiet aktar dejta biex tappoġġja l-affermazzjoni tagħha li l-2008 ma kinitx sena rappreżentattiva għaliex il-profittabbiltà fl-aħħar kwart kienet influwenzata mill-kriżi finanzjarja. Din kienet relatata ma' dejta makroekonomika fil-bidu tal-kriżi finanzjarja u d-dejta prodotta mill-German Steel Federation u artiklu tal-istampa minn produttur Grieg. Madankollu, il-Kummissjoni użat l-2008 bħala sena rappreżentattiva f'każijiet antidumping preċedenti, inklużi Prodotti tal-Azzar Irrumblati Ċatti fil-Kiesaħ li huma l-prodott upstream tas-CRS (7). Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni kienet li l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq il-profittabbiltà kien se jinħass l-aktar fl-2009. Minkejja li xi ftit mill-impatt fuq il-profittabbiltà seta' nħass fi tmiem l-2008, il-Kummissjoni kienet issodisfata li l-2008 kienet sena rappreżentattiva meta meqjusa kollha kemm hi.

(125)

Bosta produtturi esportaturi kkuntestaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku għall-kalkoli tal-ħsara, u qalu li din id-dispożizzjoni tinsab taħt it-taqsima tad-dumping tar-Regolament bażiku u ma tistax tintuża b'analoġija biex tiġi kkalkulata l-ħsara. Huma argumentaw li l-prezz rilevanti li għandu jintuża għandu jkun ibbażat fuq il-prezz realment debitat mill-importaturi relatati fl-Unjoni lill-ewwel konsumaturi indipendenti fl-Unjoni.

(126)

Kif spjegat fil-premessa (166) tar-Regolament provviżorju, il-kalkolu tal-marġni tal-ħsara huwa bbażat fuq il-prezz tal-importazzjoni fil-livell tal-fruntiera tal-Unjoni li jinġieb għal livell komparabbli mal-prezz mill-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni. Jekk il-bejgħ ikun sar permezz ta' importaturi relatati, il-prezz tal-importazzjoni jrid jinħadem fuq il-bażi tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel konsumatur indipendenti, aġġustat kif xieraq, b'tali mod li kwalunkwe kost ta' importazzjoni u għall-BĠA u l-profitt tal-importaturi relatati jkunu esklużi kif xieraq u l-prezz ikun affidabbli. Din hija fil-fatt ir-raġuni għalfejn jinħadem il-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Ma hemmx raġuni għaliex l-istess raġunament biex jinħadem il-prezz tal-esportazzjoni fil-każ ta' bejgħ permezz ta' importaturi relatati ma jkunx validu għall-prezz tal-importazzjoni fil-każ ta' bejgħ relatat għall-finijiet tal-kalkoli tal-ħsara. Wara kollox, il-marġni tad-dumping u tal-ħsara jitqabblu biex tiġi applikata r-regola tal-inqas dazju skont l-Artikoli 7(2) u 9(4) tar-Regolament bażiku.

(127)

Barra minn hekk, jekk il-prezz tal-importazzjoni f'każ ta' bejgħ relatat għall-finijiet tal-kalkoli tal-ħsara jkun ibbażat fuq il-prezz realment debitat mill-importaturi relatati fl-Unjoni lill-ewwel konsumaturi indipendenti fl-Unjoni, kif issuġġerit mill-parti, dan il-prezz ikun jinkludi l-BĠA u l-profitt fuq il-bejgħ mill-ġdid fl-Unjoni wara l-ikklerjar doganali, filwaqt li jekk il-produttur esportatur ibigħ direttament lil importaturi indipendenti l-prezz ma jkunx jinkludi dawn l-ispejjeż. Dan iwassal għal trattament mhux ugwali bejn il-produtturi esportaturi li jbigħu permezz ta' importaturi relatati u dawk li jbigħu direttament lil importaturi indipendenti, u dan mhuwiex iġġustifikat. Għaldaqstant, l-affermazzjoni hija rrifjutata bħala waħda bla bażi.

(128)

Produttur esportatur ikkummenta li s-sors tal-ispejjeż ta' wara l-importazzjoni ma kienx divulgat u kkontesta ċ-ċifra użata ta' EUR 7 it-tunnellata. Din iċ-ċifra kienet ibbażata fuq investigazzjoni oħra (8) minħabba x-xebħ tal-prodotti li jappartjenu lill-istess industrija u n-nuqqas ta' dejta oħra disponibbli. Wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji u l-kooperazzjoni li tjiebet xi ftit mill-importaturi, iċ-ċifra kienet ivverifikata għand importatur mhux relatat u nstab li kienet raġonevoli abbażi tad-dejta tal-importatur. Iċ-ċifra eżatta tal-ispejjeż ta' wara l-importazzjoni tal-importatur mhijiex ikkwotata hawn għal raġunijiet ta' kunfidenzjalità. Din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(129)

Il-produttur esportatur ikkonċernat afferma li kien għadu ma fehemx in-natura tal-ispejjeż ta' wara l-importazzjoni u talab disaggregazzjoni. L-ispejjeż ta' wara l-importazzjoni huma provvediment mogħti favur il-produtturi esportaturi sabiex jiġi stabbilit tqabbil ġust bejn il-prezzijiet tal-esportazzjoni tagħhom u l-prezzijiet mill-fabbrika tal-industrija tal-Unjoni. Huma relatati mal-maniġġ normali, il-ħażna u l-imposti tad-dokumenti fil-port, mad-dħul fis-suq tal-Unjoni (eskluż trasport ulterjuri). Dawn l-ispejjeż jeżistu għall-importazzjonijiet kollha u huma simili għat-tipi kollha tal-importazzjonijiet tal-azzar. Iċ-ċifra ta' EUR 7 it-tunnellata ġiet issuġġerita minn produttur esportatur Ċiniż fil-każ imsemmi hawn fuq. Il-Kummissjoni hija għalhekk issodisfata li ċ-ċifra kkwotata hawn fuq hija raġonevoli, speċjalment meta wieħed iżomm f'moħħu l-kontroverifika msemmija hawn fuq ma' importatur tal-prodott ikkonċernat fl-investigazzjoni attwali. Fl-aħħar nett għandu jintqal li EUR 7 it-tunnellata jikkorrispondu għal madwar 1 % tal-prezz tal-importazzjoni CIF tal-prodott ikkonċernat. Il-Kummissjoni għandha l-kooperazzjoni ta' importatur mhux relatat tradizzjonali wieħed biss f'din l-investigazzjoni u mhijiex f'pożizzjoni li tagħti disaggregazzjoni dettaljata tal-ispejjeż mitluba mill-produttur esportatur minħabba raġunijiet ta' kunfidenzjalità. Għalhekk l-affermazzjoni li l-approċċ tal-Kummissjoni kiser id-drittijiet tad-difiża tal-parti mhijiex aċċettata.

(130)

Saru ċerti korrezzjonijiet fil-prezzijiet CIF ta' ċerti produtturi esportaturi. Il-prezzijiet CIF riveduti ġew divulgati lill-produtturi esportaturi konċernati fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni.

(131)

Fin-nuqqas ta' kummenti ulterjuri dwar il-livell tal-eliminazzjoni tal-ħsara, il-premessi (162) sa (166) tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

Miżuri definittivi

(132)

Jenħtieġ li jkunu imposti miżuri antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat, f'konformità mar-regola tal-inqas dazju prevista fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni pparagunat il-marġnijiet tal-ħsara u l-marġnijiet tad-dumping. L-ammont tad-dazji jenħtieġ li jkun stabbilit fil-livell tal-marġnijiet tad-dumping u tal-ħsara l-aktar baxxi.

(133)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-marġnijiet definittivi tal-ħsara u tad-dumping espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, u bir-rati definittivi tad-dazju li jirriżultaw mir-regola tal-inqas dazju huma kif ġej.

Tabella 6

Marġnijiet u Rati tad-Dazju Definittivi

Grupp u Kumpanija

Marġni tad-dumping definittiv (%)

Marġni tal-ħsara definittiv (%)

Rata tad-dazju definittiva (%)

HBIS:

Hesteel Co., Ltd Handan Branch

Handan Iron & Steel Group Han-Bao Co., Ltd

Hesteel Co., Ltd Tangshan Branch

Tangshan Iron & Steel Group High Strength Automotive Strip Co., Ltd

62,9

27,8

27,8

Is-Shougang group:

Beijing Shougang Cold Rolling Co., Ltd

Shougang Jingtang United Iron and Steel Co., Ltd

46,2

17,2

17,2

Is-Shagang group:

Zhangjiagang Shagang Dongshin Galvanized Steel Sheet Co., Ltd

Zhangjiagang Yangtze River Cold Rolled Sheet Co., Ltd

56,4

27,9

27,9

Kumpaniji oħrajn li kkooperaw

58,7

26,1

26,1

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

62,9

27,9

27,9

(134)

Ir-rati tad-dazju antidumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-konstattazzjonijiet ta' din l-investigazzjoni. Gћaldaqstant, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati tad-dazju (kuntrarju għad-dazju għall-pajjiż kollu applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”) huma għaldaqstant esklussivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat u huwa mmanifatturat mill-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet ġuridiċi speċifiċi msemmija. Il-prodotti importati magħmulin minn kumpanija oħra li isimha mhuwiex speċifikament imsemmi fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma' dawk imsemmija b'mod speċifiku, jinħtieġ li ma jibbenefikawx minn dawn ir-rati u jinħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

(135)

Kull talba għall-applikazzjoni ta' dawn ir-rati tad-dazju antidumping ta' kumpanija individwali (pereżempju wara bidla fl-isem tal-entità jew wara l-istabbiliment ta' entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew tal-bejgħ) jinħtieġ li tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (9) bl-informazzjoni rilevanti kollha, b'mod partikolari kull bidla fl-attivitajiet tal-kumpanija marbutin mal-produzzjoni, mal-bejgħ domestiku u mal-bejgħ b'esportazzjoni assoċjat, pereżempju, ma' dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni jew tal-bejgħ. Jekk ikun xieraq, dan ir-Regolament se jiġi emendat skont dan billi tiġi aġġornata l-lista ta' kumpaniji li jibbenifikaw minn rati tad-dazju individwali.

(136)

Sabiex jitnaqqsu r-riskji ta' ċirkumvenzjoni, qed jitqies li jinħtieġu miżuri speċjali f'dan il-każ sabiex jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-miżuri antidumping. Dawn il-miżuri speċjali jinkludu dan li ġej. il-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta' fattura kummerċjali valida li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta' dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn fattura bħal din għandhom ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.

(137)

Fid-dawl tal-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (10), huwa xieraq li tiġi prevista r-rata tal-imgħax ta' inadempjenza li jrid jitħallas f'każ ta' rimborż tad-dazji definittivi, għax id-dispożizzjonijiet rilevanti fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali ma jipprevedux din ir-rata tal-imgħax, u l-applikazzjoni tar-regoli nazzjonali twassal għal distorsjonijiet mhux dovuti bejn l-operaturi ekonomiċi skont liema Stat Membru jintgħażel għall-ikklerjar doganali.

7.2.   Ġbir definittiv tad-dazji provviżorji

(138)

Fid-dawl tal-marġnijiet tad-dumping li nstabu u minħabba l-livell ta' ħsara kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, l-ammonti garantiti permezz tad-dazju antidumping provviżorju impost bir-Regolament provviżorju għandhom jinġabru b'mod definittiv.

7.3.   Infurzabbiltà tal-miżuri

(139)

Dan ir-Regolament huwa skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Huwa impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' prodotti rrumblati ċatti tal-ħadid jew tal-azzar illigat jew mhux illigat; deossidati bl-aluminju; miksija jew mgħottija b'galvanizzazzjoni b'immersjoni taħraq biż-żingu u/jew bl-aluminju, u b'ebda metall ieħor; b'passivazzjoni kimika; li skont il-piż, fihom: 0,015 % jew aktar iżda mhux aktar minn 0,170 % ta' karbonju, 0,015 % jew aktar iżda mhux aktar minn 0,100 % ta' aluminju, mhux aktar minn 0,045 % ta' nijobju, mhux aktar minn 0,010 % ta' titanju u mhux aktar minn 0,010 % ta' vanadju; ippreżentati f'kojls, f'folji maqtugħa skont id-daqs u fi strixxi dojoq.

Il-prodotti li ġejjin huma esklużi:

tal-azzar inossidabbli, tal-azzar tas-siliċju manjetiku, u tal-azzar b'veloċità għolja;

mhux maħdumin aktar ħlief illaminati bis-sħana jew illaminati kesħin (cold-reduced).

Il-prodott ikkonċernat attwalment jaqa' taħt il-kodiċijiet NM ex 7210 41 00, ex 7210 49 00, ex 7210 61 00, ex 7210 69 00, ex 7212 30 00, ex 7212 50 61, ex 7212 50 69, ex 7225 92 00, ex 7225 99 00, ex 7226 99 30 u ex 7226 99 70 (kodiċijiet TARIC: 7210410020, 7210490020, 7210610020, 7210690020, 7212300020, 7212506120, 7212506920, 7225920020, 7225990022, 7225990092, 7226993010, 7226997094) u li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju tal-antidumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u manifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun din li ġejja:

Kumpanija

Rata tad-dazju definittiva (%)

Kodiċi TARIC Addizzjonali

Hesteel Co., Ltd Handan Branch

27,8

C227

Handan Iron & Steel Group Han-Bao Co., Ltd

27,8

C158

Hesteel Co., Ltd Tangshan Branch

27,8

C159

Tangshan Iron & Steel Group High Strength Automotive Strip Co., Ltd

27,8

C228

Beijing Shougang Cold Rolling Co., Ltd

17,2

C229

Shougang Jingtang United Iron and Steel Co., Ltd

17,2

C164

Zhangjiagang Shagang Dongshin Galvanized Steel Sheet Co., Ltd

27,9

C230

Zhangjiagang Yangtze River Cold Rolled Sheet Co., Ltd

27,9

C112

Kumpaniji kooperanti oħra elenkati fl-Anness

26,1

C231

Il-kumpaniji l-oħrajn kollha

27,9

C999

3.   L-applikazzjoni tar-rati individwali tad-dazju antidumping speċifikati gћall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 isseћћ bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fiha tidher dikjarazzjoni ddatata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ din il-fattura, identifikat minn ismu/isimha u l-funzjoni, abbozzata kif ġej: “Jien, is-sottoskritt(a), niċċertifika li l-volum ta' prodotti tal-azzar reżistenti għall-korrużjoni mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura kien manifatturat minn (isem u indirizz l-kumpanija)(kodiċi TARIC addizzjonali) fi (il-pajjiż ikkonċernat). Niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f'din il-fattura hija sħiħa u korretta.” Jekk ma tiġix ippreżentata din il-fattura, għandha tapplika r-rata ta' dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha”.

4.   Meta xi produttur esportatur ġdid fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li: (a) ma esportax lejn l-Unjoni l-prodott deskritt fil-paragrafu 1 fil-perjodu bejn l-1 ta' Ottubru 2015 u t-30 ta' Settembru 2016 (il-perjodu tal-investigazzjoni), (b) ma huwiex relatat ma xi esportatur jew produttur fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li huwa soġġett għall-miżuri antidumping imposti minn dan ir-Regolament, (c) huwa filfatt esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni jew daħal f'obbligu kuntrattwali irrevokabbli li jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni tista' temenda l-Anness billi żżid lill-produttur esportatur il-ġdid mal-kumpaniji li kkooperaw li mhumiex inklużi fil-kampjun u li għaldaqstant huma soġġetti għad-dazju medju ponderat li ma jaqbiżx is-26,1 %.

5.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali L-imgħax ta' inadempjenza li għandu jitħallas f'każ ta' rimborż li jwassal għal dritt ta' ħlas ta' imgħax ta' inadempjenza għandu jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali għall-operazzjonijiet ta' rifinazjament prinċipali tiegħu, kif ippubblikat fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih jiskadi, b'żieda ta' punt perċentwali wieħed.

Artikolu 2

L-ammonti garantiti bħala dazji antidumping provviżorji skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1444 għandhom jinġabru b'mod definittiv. L-ammonti garantiti f'eċċess tar-rati definittivi ta' dazju antidumping għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1444 tad-9 ta' Awwissu 2017 li jimponi dazju antidumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (C/2017/5512) (ĠU L 207, 10.8.2017, p. 1).

(3)  Notifika ta' tnedija ta' proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2016/C 459/11) (ĠU C 459, 9.12.2016, p. 17).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1238 tas-7 ta' Lulju 2017 li jagħmel l-importazzjonijiet ta' ċertu azzar reżistenti għall-korrużjoni li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġett għar-reġistrazzjoni (C/2017/4629); (ĠU L 177, 8.7.2017, p. 39).

(5)  ĠU L 107, 19.4.2012, p. 5.

(6)  T-26/12, PT Musim Mas tal-25 ta' Ġunju 2015, kif ikkonfermata mill-kawża C-468/15 P tas-26 ta' Ottubru 2016, il-paragrafi 79–84.

(7)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1328 tad-29 ta' Lulju 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Federazzjoni Russa (ĠU L 210/1, 4.8.2016, p. 20).

(8)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1328 tad-29 ta' Lulju 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar irrumblati ċatti fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Federazzjoni Russa (ĠU L 210/1, 4.8.2016, p. 1).

(9)  European Commission, Directorate-General for Trade, Directorate H, 1049 Brussels, Belgium.

(10)  Is-Sentenza Wortmann, C-365/15, EU:C:2017:19, il-paragrafi minn 35 sa 39.


ANNESS

PRODUTTURI ESPORTATURI LI KKOOPERAW IŻDA MHUMIEX INKLUŻI FIL-KAMPJUN

Maanshan Iron & Steel Co., Ltd.

Maanshan, Anhui

C312

Angang Steel Company Limited

Anshan, Liaoning

C313

TKAS Auto Steel Company Ltd.

Dalian, Liaoning

C314

JiangYin ZongCheng Steel CO., Ltd.

Jiangyin, Jiangsu

C315

Bengang Steel Plates Co., Ltd.

Benxi, Liaoning

C316

BX STEEL POSCO Cold Rolled Sheet Co., Ltd.

Benxi, Liaoning

C317

Wuhan Iron & Steel Co., Ltd.

Wuhan, Hubei

C318

Shandong Kerui Steel Plate Co., Ltd.

Binzhou, Shandong

C319

Inner Mongolia Baotou Steel Union Co. Ltd.

Baotou, Inner Mongolia

C320

Hunan Valin Liangang Steel Sheet Co., Ltd.

Loudi, Hunan

C321

Shandong Huifu Color Steel Co., Ltd.

Linyi, Shadong

C322

Fujian Kaijing Greentech Material Co., Ltd.

Longhai, Fujian

C323

Baoshan Iron & Steel Co., Ltd.

Shanghai

C324

Baosteel Zhanjiang Iron & Steel Co., Ltd.

Zhanjiang, Guandong

C325

Yieh Phui (China) Technomaterial Co.

Changshu, Jiangsu

C326

Rizhao Baohua New Materials Co., Ltd.

Rizhao, Shandong

C327

Jiangsu Gangzheng Steel Sheet Science and Technology Co., Ltd.

Nantong, Jiangsu

C328


Top