EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R0075

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/75 tas-17 ta' Jannar 2018 li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet għaċ-Ċelluloża Mikrokristallina (E460(i)) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2018/0095

OJ L 13, 18.1.2018, p. 24–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/75/oj

18.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 13/24


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/75

tas-17 ta' Jannar 2018

li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet għaċ-Ċelluloża Mikrokristallina (E460(i))

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (3) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(2)

Dawk l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jiġu aġġornati skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, jew b'inizjattiva tal-Kummissjoni jew inkella wara talba.

(3)

Fit-8 ta' Frar 2016, tressqet applikazzjoni għall-emenda tal-ispeċifikazzjonijiet li jikkonċernaw l-addittiv tal-ikel iċ-ċelluloża mikrokristallina (E460(i)). L-applikazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(4)

L-ispeċifikazzjoni attwali fir-rigward tas-solubbiltà tal-addittiv tal-ikel ċelluloża mikrokristallina (E 460 (i)) tiddikjara li huwa “Insolubbli fl-ilma, fl-etanol, fl-etere u fl-aċidi minerali dilwiti. Kemxejn solubbli f'soluzzjoni tal-idrossidu tas-sodju”.

(5)

L-applikant qed jitlob li l-ispeċifikazzjoni fir-rigward tas-solubilità ta' dan l-addittiv tal-ikel tiġi emendata għal “Insolubbli fl-ilma, fl-etanol, fl-etere u fl-aċidi minerali dilwiti. Prattikament insolubbli jew insolubbli f'soluzzjoni tal-idrossidu tas-sodju”.

(6)

Fl-opinjoni tagħha tal-24 ta' Jannar 2017 (4), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li l-emenda għall-ispeċifikazzjonijiet fir-rigward tas-solubbiltà taċ-ċelluloża mikrokristallina (E 460 (i)) proposta mill-applikant mhijiex ta' tħassib għas-sikurezza. Madankollu, l-Awtorità rrakkomandat li l-konċentrazzjoni tas-soluzzjoni tal-idrossidu tas-sodju li se tintuża għall-ittestjar tas-solubbiltà jeħtieġ li tiġi indikata skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-UE.

(7)

Konsegwentement, jixraq li tiġi emendata d-deskrizzjoni dwar is-solubbiltà tal-addittiv tal-ikel ċelluloża mikrokristallina (E 460 (i)) f'soluzzjoni tal-idrossidu tas-sodju (konċentrazzjoni: 50 g NaOH/L) għal “prattikament insolubbli jew insolubbli”.

(8)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 231/2012 jiġi emendat skont dan,

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Jannar 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).

(4)  EFSA ANS Panel (EFSA Panel on Food Additives and Nutrient Sources added to food), 2017. Safety of the proposed amendment of the specifications for microcrystalline cellulose (E 460(i)) as a food additive. EFSA Journal 2017;15(2):4699, 7 pp. doi:10.2903/j.efsa.2017.4699


ANNESS

Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012, l-entrata għall-addittiv tal-ikel ċelluloża mikrokristallina E 460(i) f'dak li jirrigwardja s-solubiltà tinbidel b'dan li ġej:

“Solubbiltà

Insolubbli fl-ilma, fl-etanol, fl-etere u fl-aċidi minerali dilwiti. Prattikament insolubbli jew insolubbli f'soluzzjoni tal-idrossidu tas-sodju (konċentrazzjoni: 50 g NaOH/L).”


Top