EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0272

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/272 tal-20 ta' Frar 2018 dwar it-twaqqif taċ-Ċentru Ewropew għar-Riżorsi Bijoloġiċi tal-Baħar — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (EMBRC-ERIC) (notifikata bid-dokument C(2018) 826) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2018/0826

OJ L 51, 23.2.2018, p. 17–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/272/oj

23.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 51/17


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/272

tal-20 ta' Frar 2018

dwar it-twaqqif taċ-Ċentru Ewropew għar-Riżorsi Bijoloġiċi tal-Baħar — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (EMBRC-ERIC)

(notifikata bid-dokument C(2018) 826)

(It-testi bil-Franċiż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bin-Netherlandiż, bil-Portugiż u bit-Taljan biss huma awtentiċi)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (ERIC) (1), u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Belġju, Franza, il-Greċja, l-Iżrael, l-Italja, in-Norveġja, il-Portugall, Spanja u r-Renju Unit talbu lill-Kummissjoni biex twaqqaf iċ-Ċentru Ewropew għar-Riżorsi Bijoloġiċi tal-Baħar — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka (EMBRC-ERIC). Huma qablu li Franza tkun l-Istat Membru ospitanti tal-EMBRC-ERIC.

(2)

Mid-29 ta' Marzu 2017, meta r-Renju Unit innotifika li beħsiebu joħroġ mill-Unjoni Ewropea, f'konformità mal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattati mhux se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit minn meta jidħol fis-seħħ il-ftehim dwar l-irtirar jew, jekk dan ma jsirx, wara sentejn min-notifika, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix li jestendi dak il-perjodu. B'konsegwenza ta' dan, wara d-data tal-irtirar, u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni tal-ftehim dwar l-irtirar, għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni r-Renju Unit se jitqies bħala pajjiż terz skont it-tifsira tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 723/2009 ġie inkorporat fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 (2).

(4)

Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(5)

Il-Kumitat għall-implimentazzjoni tar-Regolament dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka ma ħariġx opinjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu.

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Iċ-Ċentru Ewropew għar-Riżorsi Bijoloġiċi tal-Baħar — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka “EMBRC-ERIC” ġie mwaqqaf.

2.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti tal-EMBRC-ERIC huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika Ellenika, lill-Istat ta' Iżrael, lir-Repubblika tal-Italja, lir-Renju tan-Norveġja, lir-Repubblika Portugiża, lir-Renju ta' Spanja u lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Frar 2018.

Għall-Kummissjoni

Carlos MOEDAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 tal-20 ta' Marzu 2015 li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet [2016/755] (ĠU L 129, 19.5.2016, p. 85).


ANNESS

ELEMENTI ESSENZJALI TAL-ISTATUTI TAL-EMBRC-ERIC

L-Artikoli u l-paragrafi tal-Artikoli li ġejjin tal-Istatuti tal-EMBRC-ERIC jipprevedu l-elementi essenzjali skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009

1.   Kompiti u Attivitajiet

(l-Artikolu 4 tal-Istatuti tal-EMBRC-ERIC)

1.

Il-konsorzju EMBRC-ERIC għandu jopera fuq il-bażi ta' organizzazzjoni ċentrali bħala operazzjoni distribwita ta' Nodi individwali b'mod koordinat skont kif definit fi Ftehim dwar il-Livell ta' Servizz (FLS), taħt tmexxija ta' Direttur Eżekuttiv li jkun assistit mis-Segretarjat, mill-Kumitat tan-Nodi u mill-Uffiċjali ta' Kollegament. Ir-relazzjonijiet bejn il-Kwartieri Ġenerali u n-Nodi u jew/l-Operaturi, u r-riżorsi tagħhom, għandhom jiġu regolati permezz tal-Ftehimiet dwar il-Livell ta' Servizz għall-forniment ta' servizzi, prodotti u attivitajiet li jappoġġaw l-ambizzjonijiet ta' livell għoli ta' din l-infrastruttura ta' riċerka.

2.

Il-konsorzju EMBRC-ERIC għandu jipprovdi punt tad-dħul uniku għall-aċċess għal portafoll komprensiv ta' servizzi u ta' pjattaformi ta' riċerka, ekosistemi tal-baħar, riżorsi bijoloġiċi, infrastruttura elettronika u metadejta.

3.

Is-servizzi li joffri u l-attivitajiet li jwettaq l-EMBRC-ERIC għandhom jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:

(a)

Aċċess għal portafoll ta' pjattaformi ta' riċerka, riżorsi bijoloġiċi, servizzi analitiċi u dejta;

(b)

Attivitajiet konġunti ta' riċerka u żvilupp permezz ta' programm ta' żvilupp fit-tul koordinat bejn in-Nodi nazzjonali;

(c)

Appoġġ għall-aċċess għal materjal bijoloġiku tal-baħar, inkluż materjal ġenetiku, u parir u gwida dwar l-użu tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

(d)

Flussi tax-xogħol integrati ta' servizzi ta' kwalità għolja għal aċċess għal riżorsi bijoloġiċi, analitiċi u tad-dejta bl-użu ta' teknoloġiji u prattiki bażiċi komuni;

(e)

It-tisħiħ tal-konnessjoni bejn ix-xjenza u l-industrija permezz ta' servizz koordinat ta' trasferiment tal-għarfien u tat-teknoloġija;

(f)

Faċilitajiet ta' taħriġ u korsijiet għar-riċerkaturi u għall-persunal tekniku;

(g)

Kollaborazzjoni ma' infrastrutturi ta' riċerka f'oqsma relatati u/jew kumplimentari;

(h)

Involviment ma' partijiet ikkonċernati rilevanti fir-reġjuni marittimi Ewropej, biex jingħata appoġġ lill-politiki ambjentali u lill-bijoekonomija blu tagħhom.

4.

L-attivitajiet għandhom jiġu implimentati f'konformità mal-politiki previsti fl-Artikoli 21 sa 26 tal-Istatuti li se jkunu annessi mar-Regoli tal-Operat u li se jkunu magħmula disponibbli għall-utenti.

2.   Is-sede statutorja tal-EMBRC-ERIC

(l-Artikolu 2(2) tal-Istatuti tal-EMBRC-ERIC)

Il-konsorzju EMBRC-ERIC għandu jkollu s-sede statutorja tiegħu f'Pariġi, fi Franza.

3.   Isem

(l-Artikolu 2(1) tal-Istatuti tal-EMBRC-ERIC)

L-isem tal-infrastruttura ta' riċerka għandu jkun iċ-Ċentru Ewropew għar-Riżorsi Bijoloġiċi tal-Baħar — Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta' Riċerka, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “EMBRC-ERIC”.

4.   Durata

(l-Artikolu 27 tal-Istatuti tal-EMBRC-ERIC)

1.

Il-konsorzju EMBRC-ERIC għandu jiġi stabbilit għal perjodu iniżjali li jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2040.

2.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8 tal-Istatuti, l-EMBRC-ERIC għandu jkompli jeżisti għal perjodi suċċessivi ta' ħames snin wara li jiskadi l-perjodu inizjali, soġġett għal deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali skont l-Artikolu 15(9) tal-Istatuti.

5.   Stralċ

(l-Artikolu 28 tal-Istatuti tal-EMBRC-ERIC)

1.

L-istralċ tal-EMBRC-ERIC għandu jseħħ wara deċiżjoni f'dan ir-rigward mill-Assemblea Ġenerali, f'konformità mal-Artikolu 15(9) tal-Istatuti.

2.

Id-Direttur Eżekuttiv, fi żmien għaxart ijiem, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-miktub dwar:

(a)

id-deċiżjoni ta' stralċ meħuda mill-Assemblea Ġenerali; kif ukoll

(b)

l-għeluq tal-proċedura ta' stralċ.

3.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9 tal-Istatuti, l-assi u l-obbligazzjonijiet li għad jista' jkun fadal wara li jsir il-ħlas tal-assi jew tad-djun tal-EMBRC-ERIC għandhom jitqassmu fost il-Membri b'mod proporzjonat skont il-kontribut akkumulat tagħhom lejn l-EMBRC-ERIC fil-ħin tax-xoljiment.

4.

Il-konsorzju EMBRC-ERIC għandu jieqaf jeżisti fil-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-avviż korrispondenti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

6.   Responsabbiltà

(l-Artikolu 9 tal-Istatuti tal-EMBRC-ERIC)

1.

Il-konsorzju EMBRC-ERIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu.

2.

Ir-responsabbiltà tal-Membri individwali fir-rigward tad-djun u l-obbligazzjonijiet tal-EMBRC-ERIC, tkun xi tkun in-natura tagħha, għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet rispettivi li jkunu pprovdew lill-EMBRC-ERIC.

3.

Il-konsorzju EMBRC-ERIC għandu jkollu assigurazzjoni xierqa li tkopri r-riskji speċifiċi għall-bini u l-operat tal-EMBRC-ERIC.

7.   Politika ta' Aċċess, Politika tad-Dejta u Disseminazzjoni

(l-Artikolu 22 tal-Istatuti tal-EMBRC-ERIC)

1.

Il-politiki tal-EMBRC-ERIC għall-aċċess, dejta u disseminazzjoni dwar kif l-EMBRC-ERIC jipprovdi aċċess għall-portafoll ta' servizzi u ta' pjattaformi ta' riċerka, ekosistemi tal-baħar, riżorsi bijoloġiċi u infrastruttura elettronika għandhom jiġu ppreżentati għall-approvazzjoni lill-Assemblea Ġenerali mid-Direttur Eżekuttiv.

2.

L-aċċess għall-EMBRC-ERIC għandu jkun miftuħ għat-tipi kollha ta' utenti, inkluż għal utenti mill-pajjiżi Ewropej u mill-pajjiżi mhux Ewropej kollha, iżda mhux neċessarjament mingħajr ħlas. It-talbiet jgħaddu minn proċess semplifikat li jinvolvi kontrolli dwar l-eliġibbiltà u l-fattibbiltà. Id-deskrizzjoni teknika u xjentifika tal-EMBRC-ERIC tipprovdi aktar dettalji dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess mill-utenti.

3.

L-aċċess se jiġi mmonitorjat, u l-livell ta' sodisfazzjon tal-utenti se jitkejjel permezz ta' mekkaniżmu ta' rispons bħala parti minn sistema ta' garanzija tal-kwalità, sabiex l-aċċess u s-servizzi jibqgħu jitjiebu b'mod kontinwu.

4.

Il-konsorzju EMBRC-ERIC se jippromwovi l-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni tal-infrastruttura elettronika sabiex jittratta volumi kbar ta' tipi differenti ta' dejta ġġenerata, u se jiżviluppa jew jadotta protokolli, għarfien espert u għodod approvati mill-komunità għall-ġestjoni tad-dejta.

5.

Il-konsorzju EMBRC-ERIC se jippromwovi l-prinċipji ta' sors miftuħ u ta' aċċess miftuħ għad-dejta u se jrawwem it-trasferiment tal-għarfien u d-disseminazzjoni tad-dejta u tal-informazzjoni billi jikkollabora ma' inizjattivi Ewropej eżistenti ta' rilevanza għal dejta ambjentali, dejta bijoloġika u għall-bijoinformatika, bħal ELIXIR u Lifewatch ERIC, kif ukoll ma' repożitorji tad-dejta rikonoxxuti bħal EurOBIS, Emodnet, PANGAEA, GEOSS u COPERNICUS.

6.

Il-Politika ta' Aċċess, il-Politika tad-Dejta u l-Politika tad-Disseminazzjoni tal-EMBRC-ERIC għandhom jiġu adottati mill-Assemblea Ġenerali f'konformità mal-Artikolu 15(10) tal-Istatuti, u għandhom jiġu annessi mar-Regoli tal-Operat.

8.   Politika ta' Evalwazzjoni Xjentifika

(l-Artikolu 23 tal-Istatuti tal-EMBRC-ERIC)

1.

Kull tliet snin għandu jsir rieżami xjentifiku tal-attivitajiet, tas-servizzi u tal-pjattaformi tal-EMBRC-ERIC. Dan għandu jiġi kkoordinat mid-Direttur Eżekuttiv, u għandu jiġi ppreżentat lill-Assemblea Ġenerali.

2.

Il-Politika ta' Evalwazzjoni Xjentifika tal-EMBRC-ERIC għandha tiġi adottata mill-Assemblea Ġenerali f'konformità mal-Artikolu 15(10) tal-Istatuti, u għandha tiġi annessa mar-Regoli tal-Operat.

9.   Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali

(l-Artikolu 21 tal-Istatuti tal-EMBRC-ERIC)

1.

Wara li jikkonsulta l-Bord Konsultattiv dwar ix-Xjenza u l-Innovazzjoni, id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji l-Politika dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali tal-EMBRC-ERIC li tittratta l-identifikazzjoni, l-allokazzjoni, il-protezzjoni, il-ġestjoni u l-manutenzjoni tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali u tal-attivitajiet ta' trasferiment tat-teknoloġija li jirriżultaw minn dawn id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, u għandu jippreżentaha lill-Assemblea Ġenerali għall-approvazzjoni.

2.

Il-Politika dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali tal-EMBRC-ERIC għandha tirregola d-drittijiet tas-sjieda u tal-użu fi ħdan l-EMBRC-ERIC, u fir-rigward ta' partijiet terzi u sħab kuntrattwali, sabiex ikun żgurat użu ġust u konformi permezz ta' mudelli għal kumpens ġust għall-kontribut intellettwali u għas-sjieda ta' kull parteċipant fl-EMBRC-ERIC.

3.

L-ebda dispożizzjoni f'dawn l-Istatuti ma għandha tinftiehem bħala li għandha effett fuq id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali u fuq il-politiki dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali tal-Operaturi kif stipulati fil-liġijiet u r-regolamenti rilevanti tal-Membri u fil-ftehimiet internazzjonali li għalihom il-Membri huma parti.

4.

Id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali li jfeġġu, li jinħolqu, li jinkisbu jew li jiġu żviluppati mill-Persunal tal-EMBRC-ERIC għandhom jiġu kkonferiti lill-EMBRC-ERIC u għandhom ikunu proprjetà tiegħu.

5.

Il-Politika dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali tal-EMBRC-ERIC għandha tiġi adottata mill-Assemblea Ġenerali f'konformità mal-Artikolu 15(10) tal-Istatuti, u għandha tiġi annessa mar-Regoli tal-Operat.

10.   Politika tal-Impjiegi

(l-Artikolu 24 tal-Istatuti tal-EMBRC-ERIC)

1.

Il-konsorzju EMBRC-ERIC għandu jkun impjegatur li jħaddan politika ta' opportunitajiet indaqs. Il-proċeduri tal-għażla tal-applikanti għall-pożizzjonijiet bħala persunal tal-EMBRC-ERIC għandhom ikunu trasparenti u nondiskriminatorji, filwaqt li għandhom jirrispettaw l-opportunitajiet indaqs.

2.

Il-kuntratti tal-impjieg għandhom ikunu konformi mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali applikabbli tal-pajjiż li fih il-persunal iwettaq l-attivitajiet tiegħu.

3.

Il-konsorzju EMBRC-ERIC għandu jirreklama l-pożizzjonijiet vakanti kollha u għandu jiffissa perjodu ta' żmien xieraq biex jirċievi l-applikazzjonijiet.

4.

Il-konsorzju EMBRC-ERIC ma għandu joffri l-ebda pożizzjoni lil ebda applikant qabel jiskadi l-perjodu ta' żmien imsemmi hawn fuq.

5.

Il-Politika tal-Impjiegi għandha tiġi adottata mill-Assemblea Ġenerali, u wara għandha tiġi annessa mar-Regoli tal-Operat u tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-EMBRC-ERIC.

6.

Il-Politika tal-Impjiegi hija rregolata mil-liġijiet tal-Membru Ospitanti.

11.   Politika tal-Akkwist

(l-Artikolu 25 tal-Istatuti tal-EMBRC-ERIC)

1.

Id-Direttur Eżekuttiv għandu jħejji regoli dettaljati dwar il-proċeduri u l-kriterji tal-akkwist, li jridu jiġu approvati mill-Assemblea Ġenerali f'konformità mal-Artikolu 15(10) tal-Istatuti.

2.

Il-politika tal-akkwist tal-EMBRC-ERIC għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, tal-proporzjonalità, tar-rikonoxximent reċiproku, tat-trattament ugwali, tal-kompetizzjoni u tan-nondiskriminazzjoni.

3.

Skont il-politika tal-akkwist tal-EMBRC-ERIC, l-EMBRC-ERIC għandu jagħmel il-proċeduri tiegħu ta' sottomissjoni ta' offerti għal prodotti u servizzi, u l-proċeduri tiegħu għall-akkwist u għall-pubblikazzjoni ta' sejħiet għall-offerti, disponibbli fuq is-sit web tal-EMBRC-ERIC.

4.

Il-Politika tal-Akkwist tal-EMBRC-ERIC għandha tiġi adottata f'konformità mal-Artikolu 15(10) tal-Istatuti, u għandha tiġi annessa mar-Regoli tal-Operat.


Top