EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R2213

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2213 tat-30 ta' Novembru 2017 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/271 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' ċerta fuljetta tal-aluminju ftit modifikata

C/2017/7687

OJ L 316, 1.12.2017, p. 17–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/2213/oj

1.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 316/17


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2213

tat-30 ta' Novembru 2017

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/271 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' ċerta fuljetta tal-aluminju ftit modifikata

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 925/2009 (2), il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq il-fojl tal-aluminju li joriġina mill-Armenja, mill-Brażil u miċ-Ċina. Fir-rigward tar-Regolament (UE) 2015/2384 (3), il-Kummissjoni estendiet il-miżuri fis-17 ta' Diċembru 2015 għal ħames snin oħra għall-esportazzjonijiet miċ-Ċina biss u temmet il-miżuri għall-Brażil.

(2)

Bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/271 (4) (ir-“Regolament”), id-dazju antidumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu fojl tal-aluminju li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ġie estiż għal importazzjonijiet ta' ċertu fojl tal-aluminju ftit modifikat.

(3)

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament jirreferi għar-Regolament (KE) Nru 925/2009 meta jestendi d-dazji antidumping applikabbli għal ċertu fojl tal-aluminju kemm kemm immodifikat. Madankollu, peress li l-miżuri mhumiex iżjed fis-seħħ għall-Armenja u l-Brażil, ir-referenza korretta kellha tkun il-bażi legali għall-miżuri fis-seħħ għaċ-Ċina biss, jiġifieri r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2384. Għalhekk, huwa xieraq li l-Artikolu 1(1) tar-Regolament jiġi emendat b'mod retroattiv b'referenza għar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2384 minflok ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009.

(4)

Sabiex jiġi limitat ir-riskju ta' ċirkomvenzjoni, l-Artikolu 1(3) tar-Regolament jgħid li l-applikazzjoni ta' eżenzjonijiet mogħtija lill-kumpaniji speċifikament imsemmija fil-paragrafu 2 tal-istess Artikolu għandha tkun kundizzjonali fuq il-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta' fattura kummerċjali valida. Din il-fattura kummerċjali trid tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta' dan ir-Regolament.

(5)

Sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament din il-fattura kummerċjali ġġenerat diffikultajiet mas-servizzi doganali nazzjonali peress li tista' tinħareġ biss mill-manifattur. Madankollu, l-investigazzjoni wriet li, normalment, dawk il-produtturi esportaturi elenkati fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament jesportaw permezz ta' negozjanti mhux relatati.Għalhekk, dawn ma jistgħux jissodisfaw dan ir-rekwiżit mingħajr tfixkil sinifikanti fil-prattiki tan-negozju tagħhom. Fil-fatt, jekk dawn l-operaturi ekonomiċi kienu meħtieġa li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 1(3) tar-Regolament, huma jkunu mġiegħla jibdlu l-kanali ta' bejgħ tagħhom u jibdew ibigħu l-prodotti tagħhom direttament lill-Unjoni, minħabba li ż-żamma tal-kanali tal-bejgħ attwali tagħhom, jiġifieri li jbigħu permezz ta' negozjanti mhux relatati tista' twassal biex dawn ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju antidumping imposta mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2384.

(6)

Il-produtturi esportaturi elenkati fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament huma produtturi ta' fojl konvertitur tal-aluminju. Il-fojl konvertitur tal-aluminju għandu karatteristiċi tekniċi, kanali ta' distribuzzjoni u użu aħħari differenti mill-prodott ikkonċernat mir-Regolament. Mhuwiex f'kompetizzjoni mal-prodott ikkonċernat, u lanqas ma kien intenzjonat li jkun parti mill-ambitu tal-prodott, iżda ma setax jiġi eskluż mid-definizzjoni tal-prodott għal raġunijiet spjegati fil-premessi (60) sa (72) fir-Regolament. Barra minn hekk, dawn il-produtturi esportaturikienu ġew ivverifikati fuq il-post kif spjegat fil-premessa (80) tar-Regolament, u kien stabbilit li huma ma kinux ipproduċu fl-imgħoddi l-prodott ikkonċernat mir-Regolament. Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li hemm riskju limitat li dawn il-produtturi esportaturi jippruvaw jevitaw il-miżuri fil-futur.

(7)

Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li jkun ta' piż bla bżonn li l-kumpaniji elenkati fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament jintalbu jbiddlu l-operazzjoni kummerċjali tagħhom tas-soltu u jibdew ibigħu direttament lill-Unjoni. F'dan l-isfond, huwa xieraq li jitneħħa dan ir-rekwiżit mir-Regolament. Għalhekk, il-produtturi esportaturi elenkati fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament mhux se jkunu obbligati li joħorġu din il-fattura kummerċjali.

(8)

F'kull każ, it-tneħħija ta' dan ir-rekwiżit m'għandux iwaqqaf lill-awtoritajiet doganali milli jwettqu verifiki addizzjonali dwar il-vjeġġ inkwistjoni, f'konformità mal-profil tar-riskju assoċjat mal-importazzjoni kkonċernata, sa meta jkunu jistgħu jissodisfaw lilhom infushom li l-manifattur iddikjarat fuq id-dokumenti huwa korretta.

(9)

Sabiex tingħata ċertezza legali lill-operaturi ekonomiċi, huwa wkoll xieraq li dawn l-emendi japplikaw b'effett retroattiv mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Dan huwa f'konformità mal-każistika eżistenti tal-Qrati Ewropej, minħabba li din l-emenda ġiet ippreżentata f'perjodu ta' żmien raġonevoli, b'mod li ma nħolqot l-ebda aspettattiva leġittima għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati. Fi kwalunkwe każ, l-operaturi ekonomiċi li jesportaw lejn l-Unjoni mhux se jkollhom in-negozji tagħhom affettwati b'mod mhux xieraq, peress li t-tneħħija ta' dan ir-rekwiżit toħloq ċertezza legali għall-finijiet ta' importazzjoni fl-Unjoni kemm għall-produtturi esportaturi miċ-Ċina kif ukoll għall-importaturi fl-Unjoni (5).

(10)

Fis-7 ta' Awwissu 2017, il-Kummissjoni żvelat lill-partijiet interessati kollha l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom l-emenda preżenti hija kkunsidrat bħala meħtieġa, u stednithom biex jikkummentaw.

(11)

L-applikant li ppreżenta t-talba għall-estensjoni tad-dazji oġġezzjona għall-proposta tal-Kummissjoni li tneħħi r-rekwiżit li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali maħruġa mill-manifattur. Dan sostna, b'mod partikolari, li billi tneħħi dan ir-rekwiżit, il-Kummissjoni se toħloq riskju addizzjonali ta' evażjoni u, għaldaqstant, inċertezzi addizzjonali għall-industrija tal-Unjoni tal-fojl tal-aluminju.

(12)

Kif spjegat fil-premessa (8), it-tneħħija ta' dan ir-rekwiżit ma żżommx lill-awtoritajiet doganali milli jwettqu verifiki addizzjonali sabiex jivverifikaw jekk il-manifattur iddikjarat fuq id-dokumenti huwiex korrett. Jekk xejn, dan iħeġġeġ lill-awtoritajiet doganali biex iwettqu kontrolli addizzjonali f'każ ta' dubji li l-kunsinni inkwistjoni verament ġejjin minn kumpaniji eżentati. Barra minn hekk, dawn il-produtturi esportaturi eżentati ma kinux involuti fi prattiki ta' ċirkomvenzjoni fl-imgħoddi, huma ma jimmanifatturawx il-prodott ikkonċernat, u l-klijenti tal-fojl konvertitur tal-aluminju huma differenti minn dawk tal-prodott ikkonċernat. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li t-tneħħija tar-rekwiżit għal tali fattura kummerċjali ma ħolqotx riskju addizzjonali ta' ċirkomvenzjoni u rrifjutat tad-dikjarazzjoni.

(13)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku (UE) 2016/1036.

(14)

Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq u skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2016/1036, l-Artikolu 1 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/271 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2017/271 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1(1) jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 1

1.   Id-dazju antidumping definittiv applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” impost mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2384 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina minn issa huwa estiż għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta'

fuljetta tal-aluminju ta' ħxuna mhux anqas minn 0,007 mm u anqas minn 0,008 mm, indipendentement mill-wisa' tar-rombli, sew jekk ittemprata jew le, li bħalissa taqa' taħt il-kodiċi NM ex 7607 11 19 (il-kodiċi TARIC 7607111930) jew

fuljetta tal-aluminju ta' ħxuna mhux anqas minn 0,008 mm u anqas minn 0,018 mm, f'rombli b'wisa' li jaqbeż is-650 mm, sew jekk ittemprata jew le, li bħalissa taqa' fil-kodiċi NM ex 7607 11 19 (il-kodiċi TARIC 7607111940) jew

fuljetta tal-aluminju ta' ħxuna mhux anqas minn 0,018 mm u anqas minn 0,021 mm, indipendentement mill-wisa' tar-rombli, sew jekk ittemprata jew le, li bħalissa taqa' fil-kodiċi NM ex 7607 11 19 (il-kodiċi TARIC 7607111950) jew

fuljetta tal-aluminju ta' ħxuna mhux anqas minn 0,021 mm u mhux aktar minn 0,045 mm, meta ppreżentata b'tal-anqas żewġ saffi, indipendentement mill-wisa' tar-rombli, sew jekk ittemprata jew le, li bħalissa taqa' fil-kodiċi NM ex 7607 11 90 (il-kodiċi TARIC 7607119045 u 7607119080).”

(2)

L-Artikolu 1(3) jitħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ b'effett retroattiv mit-18 ta' Frar 2017.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (KE) 925/2009 tal-24 ta' Settembru 2009 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti fojls tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja, mill-Brażil u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 262, 6.10.2009, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2384 tas-17 ta' Diċembru 2015 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti fojls tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jtemm il-proċediment għall-importazzjonijiet ta' ċerti fojls tal-aluminju li joriġinaw fil-Brażil wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 332, 18.12.2015, p. 63).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/271 tas-16 ta' Frar 2017 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009 fuq l-importazzjonijiet ta' ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta' ċerta fuljetta tal-aluminju ftit modifikata (ĠU L 40, 17.2.2017, p. 51).

(5)  Kawżi Magħquda C-7/56 u C-3/57 sa C-7/57, Algera u Oħrajn vs Assemblée communeECLI:EU:C:1957:7, paġna 39.


Top