EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R2011

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2011 tad-9 ta' Novembru 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 951/2007 li jistabbilixxi r-regoli tal-implimentazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali ffinanzjati fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2017/7373

OJ L 292, 10.11.2017, p. 55–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/2011/oj

10.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 292/55


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2011

tad-9 ta' Novembru 2017

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 951/2007 li jistabbilixxi r-regoli tal-implimentazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali ffinanzjati fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 951/2007 (2) li jistabbilixxi r-regoli tal-implimentazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali ffinanzjati fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(2)

Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 435/2011 (4), minħabba d-dewmien biex jinbdew il-programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija, il-fażi ta' implimentazzjoni tal-proġetti stipulati fil-punt (b) tal-Artikolu 43(2) tar-Regolament (KE) Nru 951/2007 ġiet estiża mill-31 ta' Diċembru 2014 sal-31 ta' Diċembru 2015. Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1343/2014 (5), il-fażi tal-għeluq u d-dispożizzjonijiet rilevanti stabbiliti fil-paragrafu (1), il-punt (c) tal-paragrafu (2) u l-paragrafu (3) tal-Artikolu 43 tar-Regolament (KE) Nru 951/2007 ġew adattati kif meħtieġ u ġew estiżi sal-31 ta' Diċembru 2017.

(3)

Sabiex tingħata ċertezza legali għall-pajjiżi parteċipanti, huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-arranġamenti u l-proċeduri speċifiċi għall-għeluq u għar-rinunzji mill-Awtoritajiet Konġunti ta' Amministrazzjoni, li jirrispettaw il-prinċipji tat-trattament ugwali, tat-trasparenza, tal-ġestjoni finanzjarja tajba u tal-proporzjonalità.

(4)

L-Awtorità Konġunta ta' Amministrazzjoni tista', f'każijiet speċifiċi li jridu jiġu identifikati fi struzzjonijiet xierqa mill-Kummissjoni u f'konformità mal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba u tal-proporzjonalità, tirrinunzja għal ordni ta' rkupru mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni.

(5)

L-iskadenza tal-31 ta' Diċembru 2017 kif stipulata fir-Regolament (KE) Nru 951/2007, kif emendat, ma tistax tintlaħaq minħabba l-akkumulazzjoni tad-dewmien u l-kumplessità tal-proċess tal-għeluq. Dik l-iskadenza jenħtieġ għalhekk li tiġi estiża sa 36 xahar mis-sottomissjoni tar-rapport finali.

(6)

Jenħtieġ li jiġi rikonoxxut li l-Kummissjoni tista' tiġi mwaqqfa milli tirrispetta l-iskadenza għall-għeluq ta' programmi operattivi konġunti f'każ ta' investigazzjonijiet ġudizzjarji u oħrajn u ta' forza maġġuri.

(7)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(8)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 232/2014.

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 951/2007 għaldaqstant jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 951/2007 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 27, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“5.   L-Awtorità Konġunta ta' Amministrazzjoni għandha teżerċita diliġenza xierqa sabiex tiżgura r-rimborż fi żmien sena wara l-ħruġ tal-ordni ta' rkupru. B'mod partikolari, hija għandha tiżgura li t-talba tkun ċerta, ta' ammont fiss u dovuta. Meta l-Awtorità Konġunta ta' Amministrazzjoni tkun qed tippjana li tirrinunzja għall-irkupru ta' dejn stabbilit, hija għandha tiżgura li r-rinunzja tkun kif suppost u tkun konformi mal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba u tal-proporzjonalità. Id-deċiżjoni ta' rinunzja trid tiġi ssostanzjata u trid tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Konġunt ta' Monitoraġġ għall-approvazzjoni minn qabel. Abbażi ta' struzzjonijiet xierqa tal-Kummissjoni, l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni tista' ma tkunx meħtieġa”;

(2)

L-Artikolu 43 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-perjodu ta' eżekuzzjoni ta' kull programm operazzjonali konġunt għandu jibda l-aktar kmieni fid-data tal-adozzjoni tal-programm operazzjonali konġunt mill-Kummissjoni u jintemm mhux aktar tard minn 36 xahar wara l-preżentazzjoni tar-rapport finali.”;

(b)

il-punt (c) tal-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(c)

fażi ta' għeluq finanzjarju tal-programm operazzjonali konġunt li tinkludi l-għeluq finanzjarju tal-kuntratti kollha konklużi bħala parti mill-programm, l-evalwazzjoni ex post tal-programm, is-sottomissjoni tar-rapport finali u l-ħlas finali jew l-irkupru finali mill-Kummissjoni. Din il-fażi għandha tintemm mhux aktar tard minn 36 xahar wara l-preżentazzjoni tar-rapport finali.”;

(3)

fl-Artikolu 46, huwa miżjud il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   Meta l-Awtorità Konġunta ta' Amministrazzjoni ma tkunx setgħet tiddikjara lill-Kummissjoni l-ammonti finali minħabba:

(a)

proġetti li jkunu ġew sospiżi minn proċediment legali jew minn appell amministrattiv li jkollhom effett sospensiv; jew

(b)

raġunijiet ta' forza maġġuri li jaffettwaw b'mod serju l-implimentazzjoni tal-programm kollu jew ta' parti minnu;

id-data ta' tmiem il-perjodu ta' eżekuzzjoni kif stabbilita fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 43 ma għandhiex tapplika għall-parti tal-programm ikkonċernata mill-punti (a) jew (b) ta' dan il-paragrafu.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Novembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2007 tad-9 ta' Awwissu 2007 li jistabbilixxi r-regoli ta' l-implimentazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali ffinanzjati fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ĠU L 210, 10.8.2007, p. 10).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta' Strument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija (ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 435/2011 tal-5 ta' Mejju 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 951/2007 li jistabbilixxi r-regoli ta' implimentazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali ffinanzjati fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 118, 6.5.2011, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1343/2014 tas-17 ta' Diċembru 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 951/2007 li jistabbilixxi r-regoli ta' implimentazzjoni tal-programmi ta' kooperazzjoni transkonfinali ffinanzjati fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 363, 18.12.2014, p. 75).


Top