EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1944

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1944 tat-13 ta' Ġunju 2017 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' forom, formoli u proċeduri standard għall-proċess ta' konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti fir-rigward tan-notifika ta' akkwiżizzjoni proposta ta' parteċipazzjoni kwalifikanti f'ditta tal-investiment konformi mad-Direttivi 2004/39/KE u 2014/65/UE u tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/3897

OJ L 276, 26.10.2017, p. 12–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1944/oj

26.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 276/12


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1944

tat-13 ta' Ġunju 2017

li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward ta' forom, formoli u proċeduri standard għall-proċess ta' konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti fir-rigward tan-notifika ta' akkwiżizzjoni proposta ta' parteċipazzjoni kwalifikanti f'ditta tal-investiment konformi mad-Direttivi 2004/39/KE u 2014/65/UE u tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (1), u b'mod partikolari s-sitt subparagrafu tal-Artikolu 10a(8) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(9) tagħha,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti forom, formoli u proċeduri standard biex jiżguraw il-valutazzjoni preċiża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tan-notifiki ta' akkwiżizzjonijiet proposti jew taż-żidiet ta' parteċipazzjonijiet kwalifikanti f'ditta ta' investiment. F'dawn il-każijiet, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti jeħtieġ li jikkonsultaw ma' xulxin u jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni essenzjali jew rilevanti.

(2)

Sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejniethom u jiżguraw effiċjenza fl-iskambju ta' informazzjoni tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti nnominati skont l-Artikolu 48 tad-Direttiva 2004/39/KE jeħtieġ li jinnominaw persuni ta' kuntatt speċifikament għall-fini tal-proċess ta' konsultazzjoni previst fl-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2004/39/KE u jeħtieġ li tinżamm lista ċentralizzata ta' dawk il-persuni ta' kuntatt mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA).

(3)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri ta' konsultazzjoni li fihom restrizzjonijiet ta' ħin ċari sabiex jiżguraw kooperazzjoni fil-ħin u effiċjenti bejn l-awtoritajiet kompetenti. Proċedura ta' kooperazzjoni ċara jeħtieġ li tinkludi avviż preliminari li għandu jintbagħat mill-awtorità rikjedenti lill-awtorità li ssirilha t-talba, biex jinforma lill-awtorità li ssirilha t-talba dwar il-valutazzjoni li tkun tinsab għaddejja.

(4)

Jeħtieġ li l-proċeduri jimmiraw ukoll biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw u jaħdmu lejn it-titjib tal-proċess billi jippromwovu l-iskambju ta' feedback dwar il-kwalità u r-rilevanza tal-informazzjoni rċevuta.

(5)

Kull skambju jew trażmissjoni ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, u awtoritajiet, korpi jew persuni oħra jeħtieġ li jkun skont ir-regoli dwar id-dejta personali kif stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) japplika għall-ipproċessar ta' dejta personali mill-ESMA fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

(7)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi ta' implimentazzjoni abbozzati mressqa mill-ESMA lill-Kummissjoni.

(8)

L-ESMA ma kkonsultatx pubblikament jew analizzat l-ispejjeż potenzjali relatati u l-benefiċċji tal-introduzzjoni tal-forom, formoli u proċeduri standard għall-proċess ta' konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rilevanti, peress li dan kien ikkunsidrat sproporzjonat fir-rigward tal-ambitu u l-impatt tagħhom.

(9)

Id-Direttiva 2014/65/UE daħlet fis-seħħ fit-2 ta' Lulju 2014. L-Artikolu 12(9) tad-Direttiva 2014/65/UE jieħu post l-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2004/39/KE u jagħti setgħat lill-ESMA għall-iżvilupp ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni li huma identiċi għal dawk previsti skont l-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2004/39/KE. Barra minn hekk, il-kontenut tal-Artikoli 10b(4) u l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2004/39/KE huwa wkoll identiku għall-kontenut tal-Artikolu 13(4) u l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2014/65/UE. F'konformità mal-Artikolu 94(1) tad-Direttiva 2014/65/UE, id-Direttiva 2004/39/KE se titħassar b'effett mit-3 ta' Jannar 2017. L-adozzjoni ta' standards tekniċi mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2004/39/KE jeħtieġ ukoll titqies f'konformità mal-Artikolu 12(8) tad-Direttiva 2014/65/UE bil-konsegwenza li l-istandard tekniku se jkompli japplika wara t-3 ta' Jannar 2018, mingħajr il-bżonn ta' aktar emendi,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-forom, il-formoli u l-proċeduri standard għall-iskambju ta' informazzjoni waqt il-proċess ta' konsultazzjoni bejn l-awtorità kompetenti tal-entità fil-mira (l-“awtorità rikjedenti”), u l-awtorità kompetenti tal-akkwirent propost jew ta' entità awtorizzata li tkun jew sussidjarja tal-akkwirent propost jew inkella kontrollata minnu (l-“awtorità li ssirilha t-talba”)

Artikolu 2

Persuni ta' kuntatt innominati

1.   L-awtoritajiet kompetenti nnominati skont l-Artikolu 48 tad-Direttiva 2004/39/KE għandhom jinnominaw persuni ta' kuntatt għall-komunikazzjoni għall-finijiet tar-Regolament u għandhom jinnotifikaw lill-ESMA dwar dawk il-persuni.

2.   L-ESMA għandha żżomm u taġġorna l-lista ta' persuni ta' kuntatt innominati għall-użu mill-awtoritajiet kompetenti kif imsemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 3

Avviż preliminari

1.   Awtorità rikjedenti għandha tibgħat avviż preliminari lill-awtorità li ssirilha t-talba fi żmien tlett ijiem tax-xogħol mir-riċevuta tan-notifika mill-akkwirent propost konformi mal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2004/39/KE.

2.   L-awtorità rikjedenti għandha tibgħat avviż preliminari billi timla l-formola stipulata fl-Anness I u għandha tinkludi l-informazzjoni kollha stipulata fiha.

Artikolu 4

Avviż ta' konsultazzjoni

1.   L-awtorità rikjedenti għandha tibgħat avviż ta' konsultazzjoni lill-awtorità li ssirilha t-talba mill-aktar fis possibbli wara li tasal in-notifika mill-akkwirent propost konformi mal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2004/39/KE u mhux aktar tard minn 20 jum tax-xogħol wara li tkun waslet tali notifika.

2.   L-awtorità rikjedenti għandha tibgħat l-avviż ta' konsultazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 bil-miktub bil-posta, bil-faks jew b'mezz elettroniku sigur, u tindirizzah lill-persuna ta' kuntatt innominata tal-awtorità rikjedenti sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mill-awtorità li ssirilha t-talba fit-tweġiba tagħha għall-avviż preliminari msemmi fl-Artikolu 3.

3.   L-awtorità rikjedenti għandha tibgħat l-avviż ta' konsultazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 billi timla l-formola stipulata fl-Anness II, filwaqt li tidentifika b'mod partikolari kwistjonijiet relatati ma' kunfidenzjalità tal-informazzjoni li jistgħu jinkisbu mill-awtorità rikjedenti u tispeċifika dettalji tal-informazzjoni rilevanti li l-awtorità rikjedenti titlob mill-awtorità li ssirilha t-talba.

Artikolu 5

Konferma tar-riċevuta tal-avviż ta' konsultazzjoni

L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tibgħat konferma tar-riċevuta tal-avviż ta' konsultazzjoni, fi żmien jumejn tax-xogħol minn meta tirċevih, li tinkludi kwalunkwe dettall tal-kuntatt addizzjonali tal-persuna ta' kuntatt nnominata u, fejn ikun possibbli, stima tad-data tat-tweġiba.

Artikolu 6

Tweġiba minn awtorità li ssirilha t-talba

1.   It-tweġiba għal avviż ta' konsultazzjoni għandha ssir bil-miktub bil-posta, bil-faks jew permezz ta' mezz elettroniku sigur. Għandha tiġi indirizzata lill-persuni ta' kuntatt innominati sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor mill-awtorità rikjedenti.

2.   L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdi lill-awtorità rikjedenti bl-informazzjoni li ġejja mill-aktar fis possibbli u mhux aktar minn 20 jum tax-xogħol mir-riċevuta tal-avviż ta' konsultazzjoni:

(a)

l-informazzjoni rilevanti mitluba fl-avviż ta' konsultazzjoni, inkluża kwalunkwe opinjoni jew riżerva fir-rigward tal-akkwiżizzjoni mill-akkwirent propost;

(b)

kwalunkwe informazzjoni essenzjali li tista' taffettwa l-valutazzjoni, fuq l-inizjattiva tagħha stess.

3.   Meta l-awtorità li ssirilha t-talba ma tkunx tista' tissodisfa l-limitu taż-żmien stabbilit fil-paragrafu 2, hija għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti dwar din iċ-ċirkostanza, filwaqt li tindika r-raġunijiet għal dan id-dewmien u stima tad-data tat-tweġiba. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdi feedback regolari dwar il-progress li sar biex tiġi pprovduta l-informazzjoni mitluba.

4.   Meta tipprovdi l-informazzjoni skont il-paragrafu 2, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tuża l-formola stabbilita fl-Anness III.

Artikolu 7

Proċeduri ta' konsultazzjoni

1.   L-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jikkomunikaw fir-rigward ta' avviż ta' konsultazzjoni u tat-tweġiba billi jużaw il-mezz l-aktar espedjenti minn fost dawk stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 6(1), filwaqt li jittieħed kont dovut tal-kunsiderazzjonijiet ta' kunfidenzjalità, tal-volum ta' materjal li għandu jiġi kkomunikat u tal-faċilità ta' aċċess għall-informazzjoni mill-awtorità rikjedenti. L-awtorità rikjedenti għandha twieġeb fil-pront għal kwalunkwe kjarifika mitluba mill-awtorità li ssirilha t-talba.

2.   Meta l-informazzjoni mitluba tkun jew tista' tkun miżmuma minn awtorità tal-istess Stat Membru li ma tkunx l-awtorità li ssirilha t-talba, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tiġbor l-informazzjoni minnufih u tittrażmettiha lill-awtorità rikjedenti skont l-Artikolu 6.

3.   L-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti għandhom jikkooperaw biex jirriżolvu kwalunkwe diffikultà li tista' toriġina fl-eżekuzzjoni ta' talba, inkluż li tiġi riżolta kwalunkwe kwistjoni ta' kostijiet jekk jiġi stmat li l-kostijiet għall-għoti tal-assistenza jkunu eċċessivi għall-awtorità li ssirilha t-talba.

4.   Meta jkun hemm informazzjoni ġdida jew il-ħtieġa għal aktar informazzjoni waqt il-perjodu ta' valutazzjoni, l-awtorità rikjedenti u l-awtorità li ssirilha t-talba għandhom jikkooperaw biex jiżguraw li l-informazzjoni addizzjonali rilevanti kollha tiġi skambjata f'konformità ma' dan ir-Regolament.

5.   Permezz ta' deroga mill-Artikolu 4(2) u mill-Artikolu 6(1), meta l-informazzjoni tkun qed tiġi skambjata fi żmien l-aħħar 15-il jum tax-xogħol qabel tmiem il-perjodu ta' valutazzjoni msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2004/39/KE, din tista' tiġi pprovduta verbalment. F'dawn il-każijiet, din l-informazzjoni għandha tiġi kkonfermata sussegwentement skont l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 6(1) ħlief jekk l-awtoritajiet kompetenti involuti jiddeċiedu mod ieħor.

6.   L-awtorità li ssirilha t-talba u l-awtorità rikjedenti għandhom jipprovdu feedback lil xulxin dwar l-eżitu tal-valutazzjoni li dwarha tkun saret il-konsultazzjoni u, fejn ikun adegwat, dwar l-utilità tal-informazzjoni jew għajnuna oħra rċevuta jew kwalunkwe problema li tinqala' fl-għoti ta' tali għajnuna jew informazzjoni.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ġunju 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(3)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data, (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


ANNESS I

Mudell ta' notifika preliminari

[L-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1944]

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

ANNESS II

Mudell ta' notifika ta' konsulta

[L-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1944]

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

ANNESS III

Mudell għat-tweġiba mill-awtorità li ssirilha t-talba

[L-Artikolu 6 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1944]

Image Test ta 'immaġni Image Test ta 'immaġni

Top