EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1563

Regolament (UE) 2017/1563 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-iskambju transfruntier bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi ta' kopji b'format aċċessibbli ta' ċerti xogħlijiet jew materjal ieħor protett bid-dritt tal-awtur u bi drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat

OJ L 242, 20.9.2017, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1563/oj

20.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/1


REGOLAMENT (UE) 2017/1563 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta' Settembru 2017

dwar l-iskambju transfruntier bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi ta' kopji b'format aċċessibbli ta' ċerti xogħlijiet jew materjal ieħor protett bid-dritt tal-awtur u bi drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

It-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (“it-Trattat ta' Marrakexx”) ġie ffirmat f'isem l-Unjoni fit-30 ta' April 2014 (3). Dan jeżiġi li l-partijiet kontraenti jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-produzzjoni u t-tixrid ta' kopji, b'formati aċċessibbli, ta' ċerti xogħlijiet u materjal protett ieħor, u għall-iskambju transfruntier ta' dawk il-kopji.

(2)

Il-benefiċjarji tat-Trattat ta' Marrakexx huma persuni għomja, persuni b'diżabbiltà fil-vista li ma tistax titjieb sal-punt li jingħataw funzjoni viżiva sostanzjalment ekwivalenti għal dik ta' persuna li ma jkollhiex din id-diffikultà, persuni li jkollhom diżabbiltà fil-perċezzjoni jew biex jaqraw, inkluża d-dislessija jew kwalunkwe diżabbiltà oħra relatata mat-tagħlim, li żżommhom milli jaqraw materjal stampat sa sostanzjalment l-istess grad bħal persuni mingħajr din id-diżabbiltà, u persuni li ma jkunux jistgħu, minħabba diżabbiltà fiżika, iżommu jew jużaw ktieb jew jiffokaw jew iċaqalqu għajnejhom kif normalment ikun meħtieġ għall-qari, safejn, bħala riżultat ta' tali nuqqasijiet jew diżabbiltajiet, dawk il-persuni ma jistgħux jaqraw xogħol stampat sal-istess grad bħal persuni mingħajr tali nuqqasijiet jew diżabbiltajiet.

(3)

Il-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat għadhom qed isibu bosta xkiel biex jiksbu aċċess għal kotba u materjal stampat ieħor li huma protetti bid-drittijiet tal-awtur u bi drittijiet relatati. Il-ħtieġa li jiżdied l-għadd ta' xogħlijiet u materjal protett ieħor b'formati aċċessibbli li jkunu disponibbli għal dawk il-persuni, u li jitjiebu b'mod sostanzjali ċ-ċirkolazzjoni u t-tixrid tagħhom ġiet rikonoxxuta fil-livell internazzjonali.

(4)

Skont l-Opinjoni 3/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (4), l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-produzzjoni u t-tixrid ta' kopji, b'formati aċċessibbli, ta' ċerti xogħlijiet u materjal ieħor, previsti fit-Trattat ta' Marrakexx, tkun trid tiġi implementata fil-qafas tal-qasam armonizzat mid-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). L-istess japplika għas-sistemi ta' esportazzjoni u ta' importazzjoni previsti minn dan it-trattat, sa fejn l-għan tagħhom, fl-aħħar mill-aħħar, huwa li tiġi awtorizzata l-komunikazzjoni lill-pubbliku jew id-distribuzzjoni, fit-territorju ta' parti, ta' kopji f'format aċċessibbli ppubblikati fit-territorju ta' parti oħra mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tad-detenturi ta' drittijiet.

(5)

Id-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) għandha l-għan li timplimenta l-obbligi li l-Unjoni trid timplimenta skont it-Trattat ta' Marrakexx b'mod armonizzat sabiex jitjiebu d-disponibbiltà ta' kopji b'format aċċessibbli għall-persuni benefiċjarji fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni u ċ-ċirkolazzjoni ta' tali kopji fi ħdan is-suq intern, u teżiġi li l-Istati Membri jdaħħlu eċċezzjoni obbligatorja għal ċerti drittijiet li huma armonizzati bid-dritt tal-Unjoni. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jimplimenta l-obbligi skont it-Trattat ta' Marrakexx fejn jidħlu l-arranġamenti ta' esportazzjoni u importazzjoni għal kopji b'format aċċessibbli għal skopijiet mhux kummerċjali għall-ġid tal-persuni benefiċjarji bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi li huma partijiet għat-Trattat ta' Marrakexx, u li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal din l-esportazzjoni u l-importazzjoni b'mod uniformi fil-qasam armonizzat mid-Direttivi 2001/29/KE u (UE) 2017/1564 sabiex jiġi żgurat li dawk il-miżuri jiġu applikati b'mod konsistenti fis-suq intern u ma jipperikolawx l-armonizzazzjoni tad-drittijiet esklużivi u l-eċċezzjonijiet li jinsabu f'dawk id-Direttivi.

(6)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżgura li l-kopji b'format aċċessibbli tal-kotba, inklużi kotba elettroniċi, rivisti, gazzetti, megezins u tip ta' kitba oħra, notazzjoni, inkluż folji tal-mużika, u materjal stampat ieħor, inkluż fil-format awdjo, kemm jekk diġitali jew analoġiku, li jsiru f'xi Stat Membru b'konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva (UE) 2017/1564 jistgħu jitqassmu, jiġu kkomunikati, jew isiru disponibbli għal persuna benefiċjarja jew entità awtorizzata, kif imsemmi fit-Trattat ta' Marrakexx fil-pajjiżi terzi li huma partijiet għat-Trattat ta' Marrakexx. Pereżempju, fost il-formati aċċessibbli hemm il-kitbiet bil-Braille, il-kitbiet b'tipa kbira, il-kotba diġitali adattati, il-kotba awdjo u x-xandiriet tar-radju. Meta wieħed iqis l-“għan mhux kummerċjali tat-Trattat ta' Marrakexx” (7), it-tqassim, il-komunikazzjoni lill-pubbliku jew id-disponibbiltà għall-pubbliku ta' kopji b'format aċċessibbli għall-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat jew għall-entitajiet awtorizzati fil-pajjiż terz jenħtieġ li jitwettqu minn entitajiet awtorizzati stabbiliti fi Stat Membru u mingħajr profitt.

(7)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jippermetti wkoll l-importazzjoni ta', u l-aċċess għal, kopji b'format aċċessibbli li jsiru skont l-implimentazzjoni tat-Trattat ta' Marrakexx, minn pajjiż terz, minn persuni benefiċjarji fl-Unjoni u entitajiet awtorizzati stabbiliti fi Stat Membru, għal skopijiet mhux kummerċjali għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat. Jenħtieġ li dan ikun possibbli biex dawk il-kopji b'format aċċessibbli jiċċirkolaw fis-suq intern taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-kopji b'format aċċessibbli li jsiru fl-Unjoni skont id-Direttiva (UE) 2017/1564.

(8)

Sabiex tiżdied id-disponibbiltà ta' kopji b'format aċċessibbli u biex ikun evitat it-tixrid mhux awtorizzat ta' xogħlijiet jew materjal ieħor, l-entitajiet awtorizzati li jwettqu t-tqassim, il-komunikazzjoni lill-pubbliku jew id-disponibbiltà għall-pubbliku ta' kopji b'format aċċessibbli jenħtieġ li jkunu konformi ma' ċerti obbligi. Jenħtieġ li jiġu mħeġġa inizjattivi mill-Istati Membri biex jiġu promossi l-objettivi tat-Trattat ta' Marrakexx u l-iskambju ta' kopji b'format aċċessibbli ma' pajjiżi terzi li huma partijiet għal dak it-trattat, u biex jiġu appoġġati entitajiet awtorizzati biex jagħmlu skambju u jagħmlu l-informazzjoni disponibbli. Tali inizjattivi jistgħu jinkludu l-iżvilupp ta' linji gwida jew l-aħjar prattiki dwar il-produzzjoni u t-tixrid ta' kopji b'format aċċessibbli f'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-entitajiet awtorizzati, il-persuni benefiċjarji u d-detenturi tad-drittijiet.

(9)

Huwa essenzjali li kwalunkwe pproċessar tad-data personali skont dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata u l-ħajja tal-familja u d-dritt tal-protezzjoni tad-data personali skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”), u huwa imperattiv li kwalunkwe tali pproċessar, ikun ukoll konformi mad-Direttivi 95/46/KE (8) u 2002/58/KE (9) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali, li jistgħu jagħmlu l-entitajiet awtorizzati fil-qafas ta' dan ir-Regolament u bis-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, b'mod partikolari l-awtoritajiet indipendenti pubbliċi maħturin mill-Istati Membri.

(10)

Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà (“il-UNCPRD”), li l-Unjoni hi parti kontraenti għaliha, tiżgura li l-persuni b'diżabbiltà jkollhom dritt għall-aċċess għall-informazzjoni u l-edukazzjoni u d-dritt li jieħdu sehem fil-ħajja kulturali, ekonomika u soċjali bħal ħaddieħor. Il-UNCPRD teżiġi li l-partijiet għaliha għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha, skont iid-dritt internazzjonali, biex jiżguraw li l-liġijiet li jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jkunux jikkostitwixxu ostaklu diskriminatorju jew mhux raġonevoli għall-aċċess tal-persuni b'diżabbiltà għall-materjali kulturali.

(11)

Skont il-Karta, kull forma ta' diskriminazzjoni, inkluża dik ibbażata fuq id-diżabbiltà, hija pprojbita, u d-dritt tal-persuni b'diżabbiltà li jgawdu minn miżuri mfassla biex tkun żgurata l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità huwa rikonoxxut u rrispettati mill-Unjoni.

(12)

Peress li l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-implimentazzjoni b'mod uniformi tal-obbligi taħt it-Trattat ta' Marrakexx rigward l-esportazzjoni u l-importazzjoni bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi li huma partijiet għat-Trattat ta' Marrakexx ta' kopji b'format aċċessibbli ta' ċerti xogħlijiet u materjal ieħor għal għanijiet mhux kummerċjali għall-ġid tal-persuni benefiċjarji, u li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal tali esportazzjoni u importazzjoni, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista' pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(13)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta u l-UNCRPD. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun interpretat u applikat skont dawk id-drittijiet u l-prinċipji,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli uniformi dwar l-iskambju transfruntier ta' kopji b'format aċċessibbli ta' ċerti xogħlijiet u materjal ieħor bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi li huma partijiet għat-Trattat ta' Marrakexx mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat, fi ħdan il-kamp armonizzat mid-Direttivi 2001/29/KE u (UE) 2017/1564, sabiex ma tiġix ipperikolata l-armonizzazzjoni tad-drittijiet esklużivi u l-eċċezzjonijiet fis-suq intern.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“xogħol jew materjal ieħor” tfisser xogħol fil-forma ta' ktieb, rivista, gazzetta, megezin jew tip ta' kitba oħra, notazzjoni, inkluż folji tal-mużika, u illustrazzjonijiet relatati, bi kwalunkwe mezz, inkluż b'forma awdjo, bħall-kotba awdjo u b'format diġitali, li jkun protett bid-dritt tal-awtur jew bi drittijiet relatati u li jkun ippubblikat jew magħmul disponibbli għall-pubbliku b'xi mod ieħor legali;

(2)

“persuna benefiċjarja” tfisser, irrispettivament minn kwalunkwe diżabbiltà oħra, persuna:

(a)

għamja;

(b)

b'diżabbiltà fil-vista li ma tistax titjieb sal-punt li l-persuna tingħata funzjoni viżiva sostanzjalment ekwivalenti għal dik ta' persuna li ma jkollhiex din id-diffikultà, u li, b'riżultat ta' dan, ma tistax taqra xogħlijiet stampati sal-istess grad sostanzjalment bħal persuna mingħajr din id-diffikultà;

(c)

b'diżabbiltà fil-perċezzjoni jew biex taqra u li, minħabba f'hekk, ma tistax taqra xogħlijiet stampati sal-istess grad sostanzjalment bħal persuna mingħajr tali diżabbiltà; jew

(d)

li b'xi mod ieħor, minħabba diżabbiltà fiżika, ma tkunx tista' żżomm jew tuża ktieb jew tiffoka jew iċċaqlaq għajnejha kif normalment ikun meħtieġ għall-qari.

(3)

“kopja b'format aċċessibbli” tfisser kopja ta' xogħol jew materjal ieħor f'mod jew b'forma alternattivi li lill-persuna benefiċjarja tagħtiha aċċess għax-xogħol jew għall-materjal l-ieħor, inkluż li tali persuna tkun tista' jkollha aċċess b'mod fattibbli u komdu daqs persuna mingħajr ebda mid-diffikultajiet jew diżabbilitajiet imsemmija fil-punt 2;

(4)

“entità awtorizzata stabbilita fi Stat Membru” tfisser entità li hija awtorizzata jew rikonoxxuta minn Stat Membru biex tipprovdi edukazzjoni, taħriġ ta' struzzjoni, qari adattiv jew aċċess għall-informazzjoni lill-persuni benefiċjarji mingħajr skop ta' profitt. Hija tinkludi wkoll istituzzjoni pubblika jew organizzazzjoni mingħajr skop ta' profitt li tipprovdi l-istess servizzi lill-persuni benefiċjarji bħala waħda mill-attivitajiet primarji tagħha, mill-obbligi istituzzjonali jew bħala parti mill-missjonijiet ta' interess pubbliku tagħha.

Artikolu 3

Esportazzjoni ta' kopji b'format aċċessibbli lejn pajjiżi terzi

Entità awtorizzata stabbilita fi Stat Membru tista' tqassam, tikkomunika jew tagħmel disponibbli lill-persuni benefiċjarji jew lill-entità awtorizzata stabbilita f'pajjiż terz li jkun parti għat-Trattat ta' Marrakexx kopja b'format aċċessibbli ta' xogħol jew materjal ieħor li ssir b'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali adottata skont id-Direttiva (UE) 2017/1564.

Artikolu 4

Importazzjoni ta' kopji b'format aċċessibbli minn pajjiżi terzi

Persuna benefiċjarja jew entità awtorizzata stabbiliti fi Stat Membru jistgħu jimportaw jew inkella jistgħu jiksbu jew jaċċessaw sabiex jużaw, b'konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali adottata skont id-Direttiva (UE) 2017/1564, kopja b'format aċċessibbli ta' xogħol jew materjal ieħor li tkun tqassmet, ġiet ikkomunikata jew saret disponibbli għall-persuni benefiċjarji jew għall-entitajiet awtorizzati, minn entità awtorizzata f'pajjiż terz li jkun parti għat-Trattat ta' Marrakexx.

Artikolu 5

Obbligi tal-entitajiet awtorizzati

1.   Entità awtorizzata stabbilita fi Stat Membru li twettaq l-atti msemmija fl-Artikoli 3 u 4 għandha tistabbilixxi u ssegwi l-prattiki tagħha stess biex tiżgura li:

(a)

tqassam, tikkomunika u tagħmel disponibbli kopji b'format aċċessibbli biss lill-persuni benefiċjarji jew lil entitajiet awtorizzati oħra;

(b)

tieħu l-passi xierqa biex tiskoraġġixxi r-riproduzzjoni, it-tqassim, il-komunikazzjoni lill-pubbliku u d-disponibbiltà għall-pubbliku b'mod mhux awtorizzat ta' kopji b'format aċċessibbli;

(c)

toqgħod attenta u żżomm reġistri dwar l-immaniġġar tagħha tax-xogħlijiet jew tal-materjal l-ieħor u tal-kopji b'format aċċessibbli tagħhom; u

(d)

tippubblika u taġġorna, fuq is-sit web tagħha jekk ikun meħtieġ, jew permezz ta' mezzi online jew offline oħra, tagħrif dwar il-mod kif qed tikkonforma mal-obbligi stabbiliti fil-punti (a) sa (c) ta' dan il-paragrafu.

Entità awtorizzata stabbilita fi Stat Membru għandha tistabbilixxi u ssegwi l-prattiki msemmija fl-ewwel subparagrafu b'rispett sħiħ tar-regoli applikabbli għall-ipproċessar ta' data personali ta' persuni benefiċjarji msemmija fl-Artikolu 6.

2.   Meta tintalab, entità awtorizzata stabbilita fi Stat Membru li twettaq l-atti msemmija fl-Artikoli 3 u 4 għandha tipprovdi din l-informazzjoni b'mod aċċessibbli, lil persuni benefiċjarji, entitajiet awtorizzati oħra jew detenturi tad-drittijiet:

(a)

il-lista tax-xogħlijiet jew il-materjal l-ieħor li għalihom għandha kopji b'format aċċessibbli u l-formati disponibbli; u

(b)

l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-entitajiet awtorizzati li involviet fl-iskambju tal-kopji b'format aċċessibbli skont l-Artikoli 3 u 4.

Artikolu 6

Protezzjoni ta' data personali

L-ipproċessar tad-data personali li jsir fil-qafas ta' dan ir-Regolament għandu jitwettaq f'konformità mad-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE.

Artikolu 7

Rieżami

Sal-11 ta' Ottubru 2023, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni ta' dan ir-Regolament u tippreżenta s-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, flimkien ma', meta jkun xieraq, proposti għall-emendar ta' dan ir-Regolament.

Għat-tħejjija tar-rapport ta' evalwazzjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-12 ta' Ottubru 2018.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta' Settembru 2017.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

M. MAASIKAS


(1)  Opinjoni tal-5 ta' Lulju 2017 (għadha mhijex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2017 (għadha mhijex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2017.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/221/UE tal-14 ta' April 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (ĠU L 115, 17.4.2014, p. 1).

(4)  Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Frar 2017, 3/15, ECLI:EU:C:2017:114, paragrafu 112.

(5)  Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(6)  Id-Direttiva (UE) 2017/1564 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ċerti użi permessi ta' ċerti xogħlijiet u materjal ieħor protett bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-ġid tal-persuni għomja, b'diżabbiltà fil-vista jew li b'xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u li temenda d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ara l-paġna 6 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(7)  Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Frar 2017, 3/15, ECLI:EU:C:2017:114, paragrafu 90.

(8)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31). Dik id-Direttiva se tiġi rrevokata u sostitwita, b'effett mill-25 ta' Mejju 2018, mir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(9)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).


Top