EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0480

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/480 tal-20 ta' Marzu 2017 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

OJ L 75, 21.3.2017, p. 12–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/480/oj

21.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 75/12


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/480

tal-20 ta' Marzu 2017

li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta' Jannar 2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 32(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta' Jannar 2012 il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 36/2012.

(2)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fis-Sirja, jenħtieġ li jiżdiedu erba' persuni mal-lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi soġġetti għal miżuri restrittivi fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 36/2012.

(3)

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 36/2012 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa emendat kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Marzu 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

L. GRECH


(1)  ĠU L 16, 19.1.2012, p. 1.


ANNESS

Il-persuni li ġejjin jiżdiedu mal-lista li tinsab fit-taqsima A (Persuni) tal-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 36/2012:

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

“235.

Ahmad Ballul

(magħruf ukoll bħala Ahmad Muhammad Ballul; Ahmed Balol)

Image

Data tat-twelid: 10 ta' Ottubru 1954

Grad: Maġġur Ġeneral; Kmandant tal-Forza tal-Ajru Għarbija Sirjana u l-Forzi tad-Difiża tal-Ajru

Għandu l-grad ta' Maġġur Ġeneral, uffiċjal għoli u Kmandant tal-Forzi tal-Ajru u tad-Difiża tal-Ajru Għarab Sirjani, fil-kariga wara Mejju 2011.

Jopera fis-settur tal-proliferazzjoni ta' armi kimiċi u, bħala uffiċjal għoli tal-Forza tal-Ajru Għarbija Sirjana, hu responsabbli għar-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili, inkluż l-użu ta' attakki b'armi kimiċi mir-reġim Sirjan identifikat fir-rapport tal-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt.

21.3.2017

236.

Saji' Darwish

(magħruf ukoll bħala Saji Jamil Darwish; Sajee Darwish; Sjaa Darwis)

Image

Data tat-twelid: 11 ta' Jannar 1957

Grad: Maġġur Ġeneral, Forza tal-Ajru Għarbija Sirjana

Għandu l-grad ta' Maġġur Ġeneral, uffiċjal għoli u Kmandant tat-22 Diviżjoni tal-Forza tal-Ajru Għarbija Sirjana, fil-kariga wara Mejju 2011.

Jopera fis-settur tal-proliferazzjoni ta' armi kimiċi u huwa responsabbli għar-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili: bħala uffiċjali għoli tal-Forza tal-Ajru Għarbija Sirjana u Kmandant tat-22 Diviżjoni huwa responsabbli għall-użu ta' armi kimiċi mill-inġenji tal-ajru li joperaw mill-bażijiet tal-ajru taħt il-kontroll tat-22 Diviżjoni, inkluż l-attakk fuq Talemas li, skont ir-rapport tal-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt, twettaq minn ħelikopters tar-reġim ibbażati fl-ajruport ta' Hama.

21.3.2017

237.

Muhammed Ibrahim

Image

Data tat-twelid: 5 ta' Awwissu 1964

Grad: Brigadier Ġeneral; Viċi Kmandant tat-63 Brigata tal-Forza tal-Ajru Għarbija Sirjana fl-ajruport ta' Hamah

Għandu l-grad ta' Brigadier Ġeneral, uffiċjal għoli u Viċi Kmandant tat-63 Brigata tal-Forza tal-Ajru Għarbija Sirjana, fil-kariga wara Mejju 2011.

Jopera fis-settur tal-proliferazzjoni ta' armi kimiċi u, bħala uffiċjal għoli tal-Forza tal-Ajru Għarbija Sirjana matul il-perijodu investigat mill-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt u Viċi Kmandant tat-63 Brigata minn Marzu sa Diċembru 2015, huwa responsabbli għar-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili permezz tal-użu ta' armi kimiċi mit-63 Brigata f'Talmenes (21 ta' April 2014), Qmenas (16 ta' Marzu 2015) u Sarmin (16 ta' Marzu 2015).

21.3.2017

238.

Badi' Mu'alla

Image

Data tat-twelid: 1961

Post tat-twelid: Bistuwir, Jablah, is-Sirja

Grad: Brigadier Ġeneral; Kmandant tat-63 Brigata tal-Forza tal-Ajru Għarbija Sirjana

Għandu l-grad ta' Brigadier Ġeneral, uffiċjal għoli u Kmandant tat-63 Brigata tal-Forza tal-Ajru Għarbija Sirjana, fil-kariga wara Mejju 2011.

Jopera fis-settur tal-proliferazzjoni ta' armi kimiċi u, bħala Kmandant tat-63 Brigata matul il-perijodu investigat mill-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt, huwa responsabbli għar-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili permezz tal-użu ta' armi kimiċi mit-63 Brigata f'Talmenes (21 ta' April 2014), Qmenas (16 ta' Marzu 2015) u Sarmin (16 ta' Marzu 2015).

21.3.2017”


Top