EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017H0084

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/84 tas-16 ta' Jannar 2017 dwar il-monitoraġġ ta' idrokarburi taż-żejt minerali fl-ikel u fil-materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/0066

OJ L 12, 17.1.2017, p. 95–96 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2017/84/oj

17.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 12/95


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/84

tas-16 ta' Jannar 2017

dwar il-monitoraġġ ta' idrokarburi taż-żejt minerali fl-ikel u fil-materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

L-idrokarburi taż-żejt minerali (MOH) huma komposti kimiċi li ġejjin prinċipalment miż-żejt mhux raffinat, iżda jiġu prodotti wkoll sintetikament mill-faħam, mill-gass naturali u mill-bijomassa. L-MOH jistgħu jkunu preżenti fl-ikel permezz ta' kontaminazzjoni ambjentali, fil-lubrikanti għal makkinarju użat fil-ħsad u fil-produzzjoni tal-ikel, fl-għajnuniet għall-iproċessar, fl-addittivi tal-ikel u f'materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel. Prodotti MOH tajbin għall-ikel jiġu trattati b'mod li l-kontenut ta' idrokarburi aromatiċi taż-żjut minerali (MOAH) jiġi minimizzat.

(2)

Fl-2012, il-Kumitat Xjentifiku dwar il-Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel (il-Kumitat CONTAM) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ikkonkluda (1) li l-impatt potenzjali fuq saħħet il-bniedem ta' gruppi ta' sustanzi fost l-MOH ivarja ħafna. L-MOAH jistgħu jaġixxu bħala karċinoġeni ġenotossiċi, filwaqt li ċerti idrokarburi saturati taż-żjut minerali (MOSH) jistgħu jinġemgħu fit-tessut tal-bniedem u jistgħu jwasslu għal effetti ħżiena fuq il-fwied. Peress li ċerti MOAH huma meqjusa bħala mutaġeniċi u karċinoġeniċi, huwa importanti li jkun organizzat monitoraġġ tal-MOH biex tkun mifhuma aħjar il-preżenza relattiva ta' MOSH u ta' MOAH f'oġġetti tal-ikel li huma kontributuri ewlenin għall-esponiment dijetiku.

(3)

Minħabba li l-migrazzjoni mill-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, bħall-karti u l-kartun, hija suspettata li tikkontribwixxi b'mod qawwi għall-esponiment totali, il-monitoraġġ għandu jinkludi ikel ippakkjat minn qabel, il-materjal użat fl-ippakkjar u l-preżenza ta' ostakli funzjonali, u t-tagħmir użat għall-ħażna u għall-ipproċessar. Ċerti parametri jistgħu jżidu l-migrazzjoni tal-MOH mill-ippakkjar għall-ikel, bħaż-żmien u l-kundizzjonijiet tal-ħażna. Peress li huwa aktar faċli li l-MOH jinstabu fi kwantitajiet kbar, l-istrateġija tal-kampjunar għandha tqis tali parametri meta l-migrazzjoni tagħhom tkun l-ogħla.

(4)

Biex tkun żgurata l-affidabbiltà tad-dejta analitika miksuba, qabel ma jiġġeneraw ir-riżultati analitiċi, l-Istati Membri jridu jiżguraw id-disponibbiltà ta' tagħmir analitiku xieraq u jiksbu biżżejjed esperjenza fl-analiżi tal-MOH kemm fl-ikel kif ukoll f'materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel.

(5)

Biex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi ta' din ir-rakkomandazzjoni, il-Laboratorju ta' Referenza tal-Unjoni Ewropea (EU-RL) għall-Materjali f'Kuntatt mal-Ikel għandu jagħti aktar gwida lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u partijiet interessati oħra, inkluż gwida dwar l-informazzjoni li tista' tinġabar waqt l-investigazzjonijiet kif ukoll dwar il-metodi ta' kampjunar u ta' analiżi.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.

L-Istati Membri għandhom, bl-involviment attiv tal-operaturi tan-negozji tal-ikel kif ukoll tal-manifatturi, il-proċessuri u d-distributuri ta' materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel u partijiet interessati oħra, jimmonitorjaw il-preżenza tal-MOH fl-ikel tul l-2017 u l-2018. Il-monitoraġġ għandu jkopri x-xaħam tal-annimali, il-ħobż u l-bziezen, il-prodotti moħmijin fini, iċ-ċereali li jittieklu għall-kolazzjon, il-ħelu (inkluża ċ-ċikkulata) u l-kawkaw, laħam il-ħut, il-prodotti tal-ħut (ħut tal-landa), il-qmuħ ikkunsmati mill-bniedem, il-graniti u d-deżerti, iż-żrieragħ taż-żejt, l-għaġin, il-prodotti li ġejjin miċ-ċereali, il-ħemes, iz-zalzett, il-ġewż tas-siġar, iż-żjut tal-ħaxix, kif ukoll materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel użati għal dawn il-prodotti.

2.

Biex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi ta' din ir-rakkomandazzjoni u biex jiġu ġenerati riżultati affidabbli u komparabbli tal-monitoraġġ, għandha tkun segwita gwida speċifika żviluppata mill-EU-RL fil-kuntest ta' din ir-Rakkomandazzjoni (“il-gwida”). Peress li s'issa għad ma hemmx gwida bħal din, l-Istati Membri għandhom jikkollaboraw mal-EU-RL biex flimkien jiżviluppaw dik il-gwida f'konformità mal-ħtiġijiet tagħhom biex jiżviluppaw ħiliet analitiċi.

3.

L-Istati Membri għandhom iwettqu kampjunar tal-ikel f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 (2). Il-kampjunar għandu jinkludi għadd proporzjonat ta' ikel ippakkjat minn qabel. Il-kampjunar ta' materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel għandu jitwettaq f'konformità mal-aħjar prattiki xierqa għal materjali jew oġġetti speċifiċi, kif rifless fil-gwida. Sorsi oħra possibbli ta' MOH relatati mal-użu ta' materjali oħra li jiġu f'kuntatt mal-ikel fil-katina tal-provvista, bħal waqt il-ħażna jew l-ipproċessar, għandhom ikunu investigati fejn hemm indikazzjoni ċara li dawn qed jikkontribwixxu għall-preżenza ta' MOH. Il-kampjunar ta' ikel ippakkjat minn qabel għandu jiffoka fuq oġġetti li huma eqreb tad-data minima ta' durabbiltà, u fejn il-ħażna jew l-ipproċessar iseħħu f'kundizzjonijiet relattivament sħan

4.

Il-kampjuni għandhom jiġu analizzati skont kif jiġu kummerċjalizzati. Għall-ikel ippakkjat minn qabel, il-livell ta' idrokarburi taż-żejt mineali għandhom jiġu determinati kemm fl-ikel kif ukoll fil-materjal li jiġi f'kuntatt mal-ikel jekk dak ikun is-sors suspett tal-MOH misjub. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lid-differenzi bejn il-MOSH u l-MOAH u għall-interpretazzjoni tar-riżultati analitiċi sabiex ikun żgurat li d-dejta ġenerata tkun affidabbli u komparabbli. L-Istati Membri li beħsiebhom janalizzaw il-preżenza tal-MOSH u tal-MOAH fl-ikel u f'materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel jistgħu jitolbu l-għajnuna teknika tal-EU-RL għall-Materjali li jiġu f'Kuntatt mal-Ikel

5.

Fejn jinstab MOH fl-ikel, l-Istati Membri għandhom iwettqu aktar investigazzjonijiet fl-istabbilimenti tan-negozju tal-ikel sabiex jiġi ddeterminat is-sors jew is-sorsi possibbli. L-investigazzjonijiet għandhom, kull fejn huwa possibbli, ikopru s-sistemi mħaddma mill-operatur tan-negozju tal-ikel li jistgħu jaffettwaw jew jikkontrollaw il-kontaminazzjoni (pereżempju il-metodi ta' produzzjoni u proċessar, l-Analiżi tal-Perikli u Punti Kritiċi ta' Kontroll (HACCP) jew sistemi simili jew miżuri implimentati biex tkun evitata tali preżenza).

6.

Fejn MOH jew jinstab fl-ikel inkella joriġina minn materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, l-Istati Membri għandhom jiġbru dejta dwar il-materjal li jiġi f'kuntatt mal-ikel (pereżempju it-tip u l-kompożizzjoni tal-materjal tal-ippakkjar, il-preżenza ta' ostaklu funzjonali, iż-żmien tal-ħażna tal-ikel ippakkjat) u jwettqu aktar investigazzjonijiet fl-istabbilimenti tal-manifatturi, il-proċessuri u d-distributuri tal-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel biex jiġu stabbiliti s-sistemi mħaddma min-negozji inkwistjoni (pereżempju l-metodi ta' produzzjoni u proċessar tal-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel, u d-dokumentazzjoni meħtieġa skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2023/2006 (3) dwar prassi tajba ta' manifattura) kif indikat fil-gwida.

7.

L-Istati Membri, l-operaturi tan-negozji tal-ikel, il-manifatturi, il-proċessuri u d-distributuri ta' materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel u partijiet interessati oħra għandhom jagħtu lill-EFSA d-dejta ta' monitoraġġ espressa fuq bażi ta' massa sħiħa bl-informazzjoni u fil-format ta' rappurtar elettroniku kif stabbilit mill-EFSA għall-ġbir f'bażi tad-dejta unika. Preferibbilment, għandhom jagħtu d-dejta ta' monitoraġġ sal-1 ta' Ottubru 2017 u mbagħad sal-1 ta' Ottubru 2018. L-aħħar riżultati għandhom jingħataw sat-28 ta' Frar 2019. Dejta ta' okkorrenza potenzjalment disponibbli mill-2016 li għadha ma ngħatatx għandha tiġi trażmessa f'konformità mal-istess modalitajiet mal-ewwel opportunità.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Jannar 2017.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Il-Bord tal-EFSA dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari (CONTAM); Scientific Opinion on Mineral Oil Hydrocarbons in Food. EFSA Journal 2012;10(6):2704. p. 185 pp., doi:10.2903/j.efsa.2012.2704.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 333/2007 tat-28 ta' Marzu 2007 li jistabbilixxi l-metodi ta' teħid ta' kampjuni u analiżi għall-kontroll uffiċjali ta' livelli ta' ċomb, kadmju, merkurju, landa inorganika, 3-MCPD u benzo(a)pyrene fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 88, 29.3.2007, p. 29).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2023/2006 tat-22 ta' Diċembru 2006 dwar prassi tajba ta' manifattura għal materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt mal-ikel (OJ L 384, 29.12.2006, p. 75).


Top